EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0281

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) ta' l-1 ta' Marzu 2005.
Andrew Owusu vs N. B. Jackson, li jopera fin-negozju taħt l-isem kummerċjali "Villa Holidays Bal-Inn Villas", et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England and Wales), Civil Division - ir-Renju Unit.
Konvenzjoni ta' Brussell - Kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-Konvenzjoni ta' Brussell - Artikolu 2 - Kompetenza - Inċident li seħħ fi Stat terz - Dannu fuq il-persuna - Azzjoni mressqa fi Stat kontraenti kontra persuna ddomiċiljata f'dan l-Istat u kontra konvenuti oħra ddomiċiljati fi Stat terz - Eċċezzjoni ta' forum non conveniens - Inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta' Brussell.
Kawża C-281/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:120

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Marzu 2005 (*)

"Konvenzjoni ta’ Brussell – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – Artikolu 2 – Kompetenza – Inċident li seħħ fi Stat terz – Dannu fuq il-persuna – Azzjoni mressqa fi Stat kontraenti kontra persuna ddomiċiljata f’dan l-Istat u kontra konvenuti oħra ddomiċiljati fi Stat terz – Eċċezzjoni ta’ forum non conveniens – Inkompatibbiltà mal-Konvenzjoni ta’ Brussell"

Fil-kawża C-281/02,

li għanda bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Court of Appeal (England and Wales) Civil Division (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2002, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2002, fil-proċedura

Andrew Owusu

vs

N. B. Jackson, li jopera fin-negozju taħt l-isem kummerċjali "Villa Holidays Bal-Inn Villas",

Mammee Bay Resorts Ltd,

Mammee Bay Club Ltd,

The Enchanted Garden Resorts & Spa Ltd,

Consulting Services Ltd,

Town & Country Resorts Ltd, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Ewwel Awla, aġent President, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet u R. Schintgen (Relatur) N. Colneric, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Mejju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

· għal A. Owusu, minn R. Plender, QC, u P. Mead, barrister,

· għal N. B. Jackson, minn B. Doherty u C. Thomann, solicitors,

· għal Mammee Bay Club Ltd, The Enchanted Garden Resorts & Spa Ltd u Town & Country Resorts Ltd, minn P. Sherrington, S. Armstrong u L. Lamb, solicitors,

· għall-Gvern ta’ Renju Unit, minn M. K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. D. Lloyd-Jones, QC,

· għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,

· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u − test emendat − p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Greċja (ĠU L 388, p. 1) u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Brussell").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Owusu kontra N. B. Jackson, li jopera fin-negozju taħt l-isem kummerċjali "Villa Holidays Bal-Inn Villas", u bosta kumpanniji rregolati mid-dritt Ġamajkan wara inċident fuq il-persuna ta’ A. Owusu fil-Ġamajka.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3       Jirriżulta mill-preambolu tiegħu li l-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha bħala għan li tiffaċilita l-għarfien reċiproku u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, skond l-Artikolu 293 KE, kif ukoll li ssaħħaħ fil-Komunità l-protezzjoni ġuridika tal-persuni li huma stabbiliti hemm. Il-preambolu jindika li huwa importanti wkoll għal dan il-għan li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ l-Istati kontraenti fl-ordinament internazzjonali.

4       Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni jidhru fit-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Skond il-kliem ta’ l-Artikolu 2 ta’ din il-Konvenzjoni:

"Salv għad-dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-Konvenzjoni, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat kontraenti għandhom jiġu mħarrka, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat.

Il-persuni li m'għandhomx nazzjonalità ta’ l-Istat li fih huma ddomiċiljati huma suġġetti għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għaċ-ċittadini." [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

5       L-Artikolu 5(1) u (3) ta’ l-imsemmija konvenzjoni madankollu jipprovdi li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek fi Stat kontraenti, fil-qasam kuntrattwali, quddiem il-qrati tal-post fejn irid iseħħ l-obbligu li huwa l-bażi tad-domanda, u, f’oqsma relatati ma’ delitt jew kważi delitt, quddiem il-qorti tal-post fejn il-fatt, li kkawża d-dannu, seħħ.

6       Min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha l-għan li tipprevjeni deċiżjonijiet konfliġġenti. B’hekk, skond il-kliem ta’ l-Artikolu 21, dwar il-lis pendens:

"Meta jitressqu talbiet li għandhom l-istess għan u l-istess kawżali bejn l-istess partijiet quddiem il-qrati ta’ l-Istati kontraenti differenti, il-qorti li tkun qed tittratta l-kawża fit-tieni lok għandha tissospendi ex officio li taqta' l-kawża sakemm tiġi stabbilita l-kompetenza ta’ l-ewwel qorti li tkun qed tisma’ l-kawża.

Meta l-kompetenza ta’ l-ewwel qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tiġi stabbilita, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża fit-tieni istanza għandha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni favur il-qorti l-oħra."

7       L-Artikolu 22 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

"Meta talbiet relatati jitressqu quddiem qrati ta’ Stati kontraenti differenti u jkunu pendenti fl-ewwel istanza, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża fit-tieni istanza tista’ tissospendi li taqta’ l-kawża.

Dik il-qorti tista’ wkoll tiddikjara l-inkompetenza tagħha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jekk il-liġi li tirregolaha tippermetti li jingħaqdu l-kawżi, u li l-ewwel qorti mitluba tkun kompetenti li tieħu konjizzjoni taż-żewġ talbiet.

Huma relatati, fis-sens ta’ l-Artikolu preżenti, id-domandi marbuta bejniethom b’mod tant strett li hemm interess li jiġu ttrattati u deċiżi f’daqqa sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu inkonċiljabbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi separatament."

 Id-dritt nazzjonali

8       B'applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens, kif magħrufa taħt id-dritt Ingliż, qorti nazzjonali tista’ tiddikjara l-inkompetenza tagħha għar-raġuni li qorti li wkoll għandha ġurisdizzjoni, li tinsab fi Stat ieħor, tkun oġġettivament forum aktar xieraq sabiex tinstema l-kawża, jiġifieri li quddiemha l-kawża tista’ tinstema b’mod aktar adegwat fir-rigward ta’ l-interessi tal-partijiet kollha u tal-finijiet tal-ġustizzja (sentenza ta’ l-1986 tal-House of Lords, Spiliada Maritime Corporation vs Cansulex Ltd, 1987, AC 460, b'mod partikolari p. 476).

9       Qorti Ingliża li tiddeċiedi li tiddikjara l-inkompetenza tagħha b'applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens għandha tissospendi l-qtugħ tal-kawża b’tali mod li l-proċedura, b’dan il-mod provviżorjament sospiża, tkun tista' titkompla fil-każ fejn, b’mod partikolari, il-forum barrani ma jkollux il-kompetenza li jieħu konjizzjoni tal-kawża jew ir-rikorrent ma jkollux aċċess għal ġustizzja effettiva quddiem dak il-forum.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Fl-10 ta’ Ottubru 1997, A. Owusu, ċittadin Britanniku ddomiċiljat fir-Renju Unit, kien vittma ta’ inċident gravi ħafna waqt vakanza fil-Ġamajka. Meta qabeż għal rasu fil-baħar f’punt fejn l-ilma kien jasal sa’ l-għoli ta’ qaddu, huwa ħabat ma’ sikka tar-ramel mgħaddsa u sofra l-ksur tal-ħames vertibra ċervikali li rrendietu tetrapleġiku.

11     Wara dan l-inċident, A. Owusu ressaq, fir-Renju Unit, azzjoni għal responsabbiltà kuntrattwali kontra N. B. Jackson, ukoll iddomiċiljat f’dak l-Istat. Dan l-aħħar imsemmi kien kera lill-parti interessata villa għall-vaganzi f’Mammee Bay (il-Ġamajka). Skond A. Owusu, il-kuntratt, li kien jistipola li kellu aċċess għal bajja privata, kien jipprovdi b’mod impliċitu li din kienet ser tkun raġonevolment sigura jew ħielsa minn perikli moħbija.

12     A. Owusu ressaq ukoll fir-Renju Unit kawża għal responsabbiltà kważi delittwali kontra bosta kumpanniji Ġamajkani, jiġifieri Mammee Bay Club Ltd (iktar ’il quddiem it-"tielet konvenuta fil-kawża prinċipali"), is-sid li jopera l-bajja ta’ Mammee Bay, li kien ta lill-attur fil-kawża prinċipali aċċess b'xejn għal din il-bajja, The Enchanted Garden Resorts & Spa Ltd (iktar ’il quddiem ir-"raba’ konvenuta fil-kawża prinċipali"), li topera ċentru ta’ vaganzi viċin ta’ Mammee Bay u li għaliha l-klienti kellhom ukoll l-awtorizzazzjoni li jaċċedu għall-imsemmija bajja, kif ukoll Town & Country Resorts Ltd (iktar ’il quddiem is-"sitt konvenuta fil-kawża prinċipali"), li topera lukanda kbira maġenb dik il-bajja u hija sid ta’ liċenzja ta’ aċċess għaliha bil-kundizzjoni li tassigura l-ġestjoni, il-manutenzjoni u s-sorveljanza.

13     Jirriżulta mill-atti li persuna ta’ nazzjonalità Ingliża li kienet fuq vakanza kien kellha, sentejn qabel, inċident simili li kien irrendiha wkoll tetrapleġika. Anki l-azzjoni għal responsabbiltà kważi delittwali mressqa kontra l-konvenuti Ġamajkani tirrigwarda mhux biss il-fatt li huma ma kinux avżaw lill-għawwiema dwar il-perikli marbuta mal-preżenza tas-sikka tar-ramel mgħaddsa, iżda wkoll dwar il-fatt li huma ma kinux ħadu serjament in kunsiderazzjoni l-inċident li kien seħħ qabel.

14     Il-proċedura infetħet permezz ta’ ċitazzjoni maħruġa, fis-6 ta’ Ottubru 2000, mix-Sheffield District Registry tal-High Court (England & Wales) Civil Division (ir-Renju Unit). Din iċ-ċitazzjoni ġiet innotifikata lill-N. B. Jackson fir-Renju Unit u l-attur fil-kawża prinċipali, fit-12 ta’ Diċembru 2000, irċieva l-awtorizzazzjoni li jikkunsinnaha lill-konvenuti l-oħra fil-Ġamajka. Iċ-ċitazzjoni ngħatat lit-tielet, lir-raba’ u lis-sitt konvenuta fil-kawża prinċipali, iżda mhux lill-Mammee Bay Resorts Ltd u lanqas lill-Consulting Services Ltd.

15     Kemm N. B. Jackson kif ukoll it-tielet, ir-raba’ u s-sitt konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem l-imsemmija qorti dikjarazzjoni li m'għandhiex kompetenza teżerċità ġurisdizzjoni għal dak li jikkonċerna l-azzjoni mressqa kontrihom. In sostenn tat-talbiet tagħhom, huma sostnew li l-kawża kellha rabtiet aktar mill-qrib mal-Ġamajka u li l-qorti ta’ dak l-Istat kien jikkostitwixxi l-forum kompetenti li quddiemha l-kawża setgħet tinqata' b’mod aktar adegwat għall-partijiet kollha u għall-finijiet ta’ ġustizzja aħjar.

16     Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Ottubru 2001, l-imħallef li kien qed jisma’ l-kawża bħala Deputy High Court Judge f’Sheffield (ir-Renju Unit) qies li jirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C-412/98, Ġabra p. I‑5925, punti 59 sa 61), li l-applikabbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-kawża, bħala prinċipju, tiddependi fuq jekk il-konvenut kellhux is-sede tiegħu jew id-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat kontraenti u li l-konvenzjoni tapplika għall-kawżi kollha kontra konvenut iddomiċiljat fi Stat kontraenti u konvenut li huwa ddomiċiljat fi Stat terz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-Court of Appeal (ir-Renju Unit) ta’ l-1992, In re Harrods (Buenos Aires) Ltd (1992 Ch 72), u li permezz tagħha ġiet ammessa l-possibbiltà għal-qrati Ingliżi, skond l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens, li jirrinunzjaw milli jeżerċitaw il-kompetenza li tirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tkun żbaljata.

17     Peress li qies li huwa ma kellux is-setgħa li jsaqsi domanda preliminari huwa stess lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika dan il-punt, skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971, l-imħallef li kien qed jisma’ l-kawża bħala Deputy High Court Judge qies, fid-dawl tal-prinċipji msemmija fis-sentenza Group Josi, iċċitata iktar ’il fuq, li huwa ma setgħax jissospendi l-kawża fir-rigward ta’ N. B. Jackson, peress li dan l-aħħar imsemmi huwa ddomiċiljat fi Stat kontraenti.

18     Minkejja l-fatturi ta’ konnessjoni li l-azzjoni mressqa kontra l-konvenuti l-oħra setgħet ikollha mal-Ġamajka, l-istess imħallef qies li huwa ma setax jissospendi l-kawża kontrihom, sa fejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprojbixxi li jissospendi l-kawża fil-kuntest ta’ l-azzjoni mressqa kontra N. B. Jackson. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, ikun hemm ir-riskju li qrati differenti ta' żewġt istati jkunu msejħa jiddeċiedu l-istess fatti fuq il-bażi ta' provi identiċi jew simili u jaslu għal konklużjonijiet kontradittorji. L-imħallef ta’ l-ewwel istanza għalhekk ikkonkluda li r-Renju Unit u mhux il-Ġamajka kien l-Istat jew il-forum xieraq sabiex jitratta l-kawża u rrifjuta li jiddikjara lilu nnifsu inkompetenti.

19     N. B. Jackson, kif ukoll it-tielet, ir-raba’ u l-ħames konvenuti appellaw kontra dan id-digriet. Il-Court of Appeal (England & Wales) Civil Division tosserva li, f’dan il-każ partikolari, il-qrati li għandhom il-possibbiltà li jisimgħu l-kawża huma dawk ta’ l-Istat kontraenti u ta’ Stat terz. Jekk l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kien neċessarju wkoll f’dan il-kuntest, N. B. Jackson kellu jiġi mħarrek fir-Renju Unit quddiem il-qrati tad-domiċilju tiegħu u ma jkunx possibbli, għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jfittxu, skond l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-Ġamajka, fejn seħħ id-dannu, sa fejn dak l-Istat mhux Stat ieħor kontraenti. Fin-nuqqas ta’ deroga espressa fis-sens ta’ l-imsemmija konvenzjoni, ma jkunx għalhekk possibbli li tiġi prevista eċċezzjoni għar-regola msemmija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Skond il-qorti tat-rinviju, il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens favur qrati ta’ Stat terz, meta wieħed mill-konvenuti huwa ddomiċiljat fi Stat kontraenti, qatt ma kien is-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20     F’dan ir-rigward, skond ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa tassattivament applikabbli, b’mod li l-qorti Ingliża ma tistax tissospendi l-kawża fir-Renju Unit kontra konvenut iddomiċiljat f’dak l-Istat Membru, meta l-imsemmija qorti tqis li forum ieħor, fi Stat terż, huwa aktar xieraq.

21     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk dik il-pożizzjoni kellha tirriżulta korretta, hija jista’ jkollha konsegwenzi kunsiderevoli f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet oħra dwar każijiet ta’ kompetenza esklużiva jew ta’ lis pendens. Hija żżid li s-sentenza mogħtija fl-Ingilterra li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u li l-eżekuzzjoni tagħha tkun prevista fil-Ġamajka, b’mod partikolari fir-rigward tal-konvenuti Ġamajkani, tkun suġġetta għal diffikultajiet b’ċerti regoli fis-seħħ f’dan il-pajjiż fil-qasam ta’ l-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin.

22     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) Civil Division iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Il-Konvenzjoni ta’ Brussell […] tipprekludi, meta l-konvenut jallega li l-kompetenza hija bbażata fuq l-Artikolu 2, li qorti ta’ Stat kontraenti tiddikjara lilha nnifisha inkompetenti, skond id-dritt nazzjonali li jirregola l- proċedimenti mressqa kontra persuna f’dan l-Istat, favur qrati ta’ Stat terz:

a)      jekk il-kwistjoni ta' kompetenza ta’ Stat kontraenti ieħor tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tqumx;

b)      jekk il-kawża ma għandha l-ebda rabta oħra ma’ Stat kontraenti ieħor?

2)      Jekk ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda 1(a) jew 1(b) hija fl-affermattiv, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprekludi li tiġi ddikjarata inkompetenza fiċ-ċirkustanzi kollha jew biss f’ċerti ċirkustanzi u, f’dan il-każ partikulari, liema?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23     Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta l-konvenut u wieħed mill-konvenuti jkollhom id-domiċilju tagħhom fit-territorju ta’ l-Istess Stat kontraenti u li l-kawża li hemm bejniethom quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat ikollu ċerti fatturi ta’ konnessjoni ma’ Stat terz, iżda mhux ma’ Stat ieħor kontraenti. Huwa biss fl-affermattiv li tqum, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk il-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprekludix l-applikazzjoni minn qorti ta’ Stat kontraenti ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens, fil-każ li l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija konvenzjoni jippermetti lil din il-qorti tibbaża l-kompetenza taghħa fuq id-domiċilju tal-konvenut fit-territorju nazzjonali.

 Fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

24     Xejn fil-kliem ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jindika li l-applikazzjoni tar-regola ġenerali tal-kompetenza, li dan l-Artikolu jipprovdi abbażi biss tad-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat kontraenti, ma huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ l-eżistenza ta’ rapport ġuridiku li jinvolvi bosta Stati kontraenti.

25     Ċertament, l-applikazzjoni stess tar-regoli tal-kompetenza tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif jirriżulta mir-rapport dwar l-imsemmija konvenzjoni, ippreżentata minn M. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, 8), teħtieġ l-eżistenza ta’ element ta’ pajjiż barrani.

26     Madankollu, in-natura internazzjonali tar-relazzjoni ġuridika in kwistjoni ma tridx neċessarjament toħroġ, għal ħtiġijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, mill-involviment, minħabba l-bażi tal-kawża jew tad- domiċilju rispettiv tal-partijiet għall-kawża, ta’ bosta Stati kontraenti. L-involviment ta’ Stat kontraenti u ta’ Stat terz, minħabba, per eżempju, id-domiċilju tar-rikorrent u tal-konvenut, fl-ewwel Stat, u tal-lokalizzazzjoni tal-fatti kontenzjużi fit-tieni, jista' wkoll jagħti natura internazzjonali lir-relazzjoni ġuridika in kwistjoni. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni hija tali li tqajjem, fl-Istat kontraenti, bħal fil-kawża prinċipali, kwistjonijiet relattivi għad-determinazzjoni tal-kompetenza fl-ordinament internazzjonali, li hija preċiżament waħda mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll kif jirriżulta mit-tielet premessa tal-preambolu tagħha.

27     Huwa b'dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat ir-regoli tal-komptenza stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-każ fejn ir-rikorrent kellu d-domiċilju tiegħu jew is-sede tiegħu fi Stat terz, filwaqt li l-konvenut kien iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Rich, C-190/89, Ġabra p. I‑3855; tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, Ġabra p. I‑5439, Group Josi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

28     Min-naħa l-oħra, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-kompetenza esklużiva jew tal-proroga espressa tal-kompetenza jistgħu wkoll ikunu applikabbli għal rapporti ġuridiċi li jikkonċernaw biss Stat kontraenti u wieħed jew aktar Stati terzi. Huwa hekk il-każ ukoll, fir-rigward ta’ l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-każ ta’ kawża fil-qasam tad-drittijiet reali fuq immobbli jew ta’ lokazzjoni ta’ immobbli kontra persuni ddomiċiljati fi Stat mhux kontraenti u li jikkonċerna fond li jinsab fi Stat kontraenti, jew, fir-rigward ta’ l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, f'sitwazzjoni fejn klawżola attributiva tal-kompetenza li torbot almenu parti ddomiċiljata fi Stat mhux kontraenti tagħżel qorti fit-territorju ta’ Stat kontraenti.

29     Bl-istess mod, jekk hu minnu, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 142 sa 152 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-qasam tal-lis pendens u tal-konnesjoni jew ta’ l-għarfien ta’ l-eżekuzzjoni huma applikabbli, kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, fir-rigward bejn Stati kontraenti differenti, sakemm huma jikkonċernaw kemm proċeduri pendenti quddiem il-qrati ta’ Stati kontraenti differenti, kif ukoll deċiżjonijiet mogħtija minn qrati ta’ Stat kontraenti fid-dawl ta’ l-għarfien tagħhom u ta’ l-eżekuzzjoni fi Stat kontraenti ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li l-kawżi previsti mill-proċeduri jew id-deċiżjonijiet in kwistjoni jistgħu jkollhom natura internazzjonali li tikkonċerna Stat kontraenti u Stat terz u jkunu wasslu, għal din ir-raġuni, għar-rikors għar-regola ġenerali tal-kompetenza prevista fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

30     In sostenn ta' din is-sitwazzjoni ta’ applikabbiltà ta’ dan l-Artikolu 2 għal sitwazzjoni ġuridika li tikkonċerna Stat kontraenti biss u wieħed jew aktar Stati kontraenti, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-gvern tar-Renju Unit jopponu l-prinċipju ta’ l-effett relattiv għat-trattati, peress li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tista' timponi ebda obbligu fuq l-Istati li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom sabiex jintrabtu bih.

31     F’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-fatt li tiġi ddikjarata kompetenti l-qorti ta’ Stat kontraenti, minħabba d-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ dak l-Istat, anki fil-każ ta’ kawża relatata, għall-inqas in parti, minħabba s-suġġett tagħha jew tad-domiċilju tar-rikorrent, għal Stat terz mhux tali li joħloq obbligu fuq dan l-Istat.

32     N. B. Jackson u l-gvern tar-Renju Unit ukoll sostnew, sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-kawżi marbuta biss ma numru ta’ Stati kontraenti, li l-għan fundamentali mħaddan minn din il-konvenzjoni huwa li jiġi ggarantit moviment ħieles tas-sentenzi bejn l-Istati kontraenti.

33     F’dan ir-rigward, huwa veru li r-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 220 tat-Trattat KE (li sar ir-raba’ inċiż ta' l-Artikolu 293KE), li fuq il-bażi tiegħu l-Istati Membri kkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Brussell, għandu bħala għan li jiffaċilita t-tħaddim tas-suq komuni bl-adozzjoni ta' regoli ta' kompetenza għall-kawżi li jirreferu għaliha u l-eliminazzjoni, kemm huwa possibbli, tad-diffikultajiet dwar l-għarfien u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fit-territorju ta’ l-Istati kontraenti (sentenza ta’ l-10 ta’ Frar 1994, Mund & Fester, C-398/92, Ġabra p. I‑467, punt 11). Fil-fatt, huwa kostanti li l-Konvenzjoni ta’ Brussell tikkontribwixxi għal ħidma tajba tas-suq intern.

34     Madankollu, ir-regoli uniformi tal-kompetenza li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell mhumiex intiżi li jkunu applikabbli biss għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta effettiva u suffiċjenti ma’ l-operat tas-suq intern, li jimplika, b'hekk, bosta Stati membri. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-unifikazzjoni stess tar-regoli tal-kunflitti ta’ qrati u tal-qasam ta’ għarfien u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, imwettqa mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, għall-kawżi li jinkludu element internazzjonali, bla dubju għandu bħala għan li jelimina x-xkiel għal operat tas-suq intern li jista’ jirriżulta minn differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-materja (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-direttivi ta’ armonizzazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 95 KE, intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijet tat-twaqqif u tat-tħaddim tas-suq intern, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I‑4989, punti 41 u 42).

35     Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tkopri r-relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ Stat wieħed kontraenti u dawk ta’ Stat mhux kontraenti u mhux ir-relazzjonijiet bejn il-qrati ta’ bosta Stati kontraenti.

36     Għalhekk teħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal din, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprekludix li qorti ta’ Stat kontraenti tirrinunzja għall-kompetenza li tirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija konvenzjoni skond l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens.

 Fuq il-kompatibbiltà ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens mal-Konvenzjoni ta’ Brussell

37     Jeħtieġ li mill-bidu jiġi osservat li l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha natura tassattiva u li, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, tista’ jsir deroga mir-regola tal-prinċipju li huwa jipprovdi fil-każijiet speċifikament previsti fl-imsemmija konvenzjoni (ara, fuq in-natura tassattiva tas-sistema ta' kompetenza implementata mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, C-116/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 72, u tas-27 ta’ April 2004, Turner, C-159/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 24). Issa, huwa kostanti li eċċezzjoni bbażata fuq it-teorija tal-forum non conveniens ma kinitx prevista mill-awturi tal-konvenzjoni, għalkemm ġiet diskussa l-kwistjoni waqt l-abbozzar tal-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit, kif jirriżulta mir-rapport dwar l-imsemmija konvenzjoni, ippreżentata mill-Professur Schlosser (ĠU 1979, C 59, p. 71, punti 77 u 78).

38     L-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, C-440/97, Ġabra p. I‑6307, punt 23, u tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C-256/00, Ġabra p. I‑1699, punt 24), ma jiġix iggarantit kompletament jiġi permess lill-qorti kompetenti abbażi ta’ l-imsemmija konvenzjoni tapplika l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens.

39     Fil-fatt, skond il-kliem tal-preambolu tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Brussell hija intiża ssaħħaħ fil-Komunità l-protezzjoni legali tal-persuni li huma stabbiliti fiha, billi tipprovdi regoli komuni ta’ kompetenza tat-tip li jiggarantixxu ċertezza fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali differenti li jistgħu jieħdu konjizzjoni ta' kawża partikolari (sentenza Besix, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

40     Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-prinċipju tas-sigurtà teżiġi b’mod partikolari li r-regoli tal-kompetenza li jidderogaw ir-regola ġenerali li toħroġ mill-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jiġu interpretati b’mod li jippermettu lill-konvenut normalment avżat li jipprovdi raġonevolment quddiem liema qorti, minbarra dik ta’ l-Istat tad-domiċilju tiegħu, huwa jista’ jiġi mħarrek (sentenzi ċċitati GIE Groupe Concorde et, punt 24, u Besix, punt 26).

41     Issa, l-applikazzjoni tat-teorija tal-forum non conveniens, li tħalli diskrezzjoni wiesa’ ta’ evalwazzjoni lill-imħallef li qed jittratta l-kawża fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk forum barrani jkunx aktar xieraq sabiex tinstema' l-kawża, hija ta’ natura li taffettwa l-prevedibbiltà tar-regoli tal-kompetenza pprovduti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod partikolari dawk ta’ l-Artikolu 2 tagħha, u, konsegwentement, il-prinċipju taċ-ċertezza legali bħala l-bażi ta’ dik il-konvenzjoni.

42     Il-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fil-Komunità xorta tiġi affettwata. Fil-fatt, minn naħa, il-konvenut, li ġeneralment ikun aħjar għalih li jiddefendi ruħu quddiem il-qrati tad-domiċilju tiegħu, ma jkunx f’pożizzjoni, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jipprevedi raġonevolment quddiem liema qorti jista’ jiġi mħarrek. Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjoni fejn ġiet imqajma eċċezzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ forum barrani aktar xieraq sabiex tinstema’ l-kawża, huwa r-rikorrent li jrid jistabbilixxi li ma jistax jikseb ġustizzja quddiem il-qorti barrani in kwistjoni jew, jekk il-qorti li tkun qed tittratta l-każ tiddeċiedi li tilqa' l-eċċezzjoni, li din il-qorti finalment ma tkunx kompetenti li tisma’ l-kawża jew li r-rikorrent fir-realtà ma jkollux aċċess għal ġustizzja effettiva quddiem l-imsemmi qorti, indipendentement mill-ispiża għall-preżentata ta’ rikors ġdid quddiem il-qorti ta’ Stat ieħor u l-fatt li t-termini tal-proċedura jiġu mtawla.

43     Barra minn hekk, l-ammissibbiltà ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tipperikola li taffettwa l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta' kompetenza li jinsabu fiha sa fejn dik l-eċċezzjoni ma tkunx irrikonoxxuta f’numru limitat ta’ Stati kontraenti, filwaqt li l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Brussell hija preċiżament li tipprovdi regoli komuni għall-esklużjoni ta' regoli nazzjonali eżorbitanti.

44     Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinsistu dwar il-konsegwenzi prattiċi negattivi li jirriżultaw mill-obbligu li jkollhom, f’dan il-każ partikolari, il-qrati Ingliżi fuq il-mertu tal-kawża, b’mod parikolari fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-proċedura, il-possibbiltà tal-ħlas lura ta’ l-ispejjeż fl-Ingilterra fil-każ ta’ rifjut ta’ l-azzjoni tar-rikorrent, id-diffikultajiet loġistiċi marbuta mad-distanza ġeografika, in-neċessità li jiġi evalwat il-mertu tal-kawża skond kriterji Ġamajkani, il-possibbiltà li tinkiseb fil-Ġamajka l-eżekuzzjoni ta’ sentenza deċiża fuq il-bażi tal-kontumaċja, u l-impossibbiltà li tiġi prevista domanda rikonvenzjonali fir-rigward ta’ konvenuti oħra.

45     F’dan ir-rigward, tkun xi tkun ir-realtà ta’ dawn id-diffikultajiet, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li osservazzjonijiet bħal dawn, li setgħu speċifikament ikunu meħuda in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens, mhumiex ta’ tip li jerġu jpoġġu fid-dubju n-natura tassattiva tar-regola fundamentali tal-kompetenza, li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq.

46     Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprekludi li qorti ta’ Stat kontraenti tirrinunzja għall-kompetenza li hija għandha skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija konvenzjoni għar-raġuni li qorti ta’ Stat mhux kontraenti tkun forum aktar xierqa sabiex tisma’ l-kawża in kwistjoni, anki jekk il-kwistjoni tal-kompetenza ta’ qorti ta’ Stat kontraenti ieħor mhux qed tiġi ddubitata jew din il-kontroversja m'għandha l-ebda rabta ma’ Stat kontraenti ieħor.

 Fuq it-tieni domanda

47     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk, fil-każ fejn il-Qorti tqis li l-Konvenzjoni ta’ Brussell tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni tal-forum non conveniens, evalwazzjoni bħal din tkunx neċessarja fiċ-ċirkustanzi kollha jew biss f’ċerti ċirkustanzi.

48     Jirriżulta, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u tal-gvern tar-Renju Unit, li din it-tieni domanda saret għall-każ li fiha teżisti sitwazzjoni ta’ lis pendens jew ta' konnessjoni ma’ proċedura pendenti quddiem qorti ta’ Stat mhux kontraenti, konvenzjoni li tagħti kompetenza favur qorti bħal din, jew ukoll rabta ma’ dak l-Istat ta’ l-istess tip bħal dak previst fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

49     Il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-ewwel waħda tagħti lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt komunitarju li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawżi li jitressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I‑4003, punt 18; tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 17, u tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C-318/00, Ġabra p. I‑905, punt 41).

50     Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju preliminari mhijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq id-domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ kontentroversja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Djabali, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, C-480/00 sa C-482/00, C-484/00, C-489/00 sa C-491/00 u C-497/00 sa C-499/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

51     Issa, f’dan il-każ partikolari, huwa kostanti li s-sitwazzjonijiet fattwali previsti fil-punt 48 tas-sentenza preżenti mhumiex dawk tal-kawża prinċipali.

52     Konsegwentement, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Greċja u mill-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża tipprekludi li qorti ta’ Stat kontraenti tirrinunzja għall-kompetenza li hija jkollha skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija konvenzjoni għar-raġuni li qorti ta’ Stat mhux kontraenti tkun forum aktar xieraq sabiex tinstema’ l-kawża in kwistjoni, anki jekk il-kwistjoni tal-kompetenza ta’ qorti ta’ Stat kontraenti ieħor ma tkunx qed tiġi ddubitata jew din il-kontroversja ma jkollha l-ebda rabta ma’ Stat kontraenti ieħor.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top