EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61996CJ0085

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1998.
María Martínez Sala vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerisches Landessozialgericht - il-Ġermanja.
Kawża C-85/96.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:1998:217

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

12 ta' Mejju 1998 (*)

“Ħaddiema – Persuni mingħajr impjieg li huma dipendenti fuq l-assistenza soċjali – Benefiċċji tal-familja – Erziehungsgeld”

Fil-kawża C-85/96,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, mill-Bayerisches Landessozialgericht (Il-Ġermanja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża mressqa quddiem din il-Qorti bejn

María Martínez Sala

vs

Freistaat Bayern

talba għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ Artikoli 1, 2, 3(1) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-skemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunita, kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89 tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), kif ukoll ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, H. Regnemalm u M. Wathelet, Presidenti ta’ Awla, G.F. Mancini, J.C. Moitinho de Almeida, P.J.G. Kapteyn, J.L. Murray, D.A.O. Edward (Relatur), J.-P. Puissochet, G. Hirsch, P. Jann u L Sevón, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. La Pergola,

Reġistratur: H.A. Rühl, Amministratur Prinċipali

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati-:

–        għal María Martínez Sala, minn Antonio Pérez Garrido, “Leiter der Rechtsstelle” fl-Ambaxxata Spanjola f’Bonn,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn Ernst Röder, Ministerialrat fil-Ministeru Federali ta’ l-Ekonomija, u Bernd Kloke, Oberregierungsrat fl-istess Ministeru, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn Luis Pérez de Ayala Becerril, abogado del Estado, fis-servizz legali ta’ l-Istat, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn Peter Hillenkamp, konsulet legali, u Klaus-Dieter Borchardt, membru tas-servizz legali, bħala aġenti,

–        wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet tas-Sinjura Martínez Sala, irrappreżentata minn Antonio Pérez Garrido; tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn Ernst Röder; tal-Gvern Spanjol irrappreżentat minn D. Luis Pérez de Ayala Becerril; tal-Gvern Franċiż irrappreżentat minn Claude Chavance, secrétaire des affaires étrangères à la direction des affaires juridiċues du ministère des Affaires étrangères, bħala aġent; tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn Stephen Richards, barrister; u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn Klaus-Dieter Borchardt, fis-seduta tal-15 ta’ April 1997,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta’ Lulju 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tat-2 ta’ Frar 1996, li wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu segwenti, il- Bayerisches Landessozialgericht ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ Artikoli 1, 2, 3(1) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89 tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2)

2        Dawn l-erba’ domandi ġew imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sinjura Martínez Sala u l-Freistaat Bayern regward ir-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jagħtiha allowance ta’ l-edukazzjoni għat-tifel tagħha.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi illi ħaddiem li għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandu jgawdi, fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

4        Skond Artikolu 1(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, it-terminu “ħaddiem” ifisser, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kull persuna “li għandha polza ta' l-assigurazzjoni, bil-fors jew b'għażla fuq bażi kontinwa, għall-waħda jew iktar mill-kontinġenzi koperti mill-friegħi ta' skema tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom”. L-Artikolu 2 jipprovdi li r-Regolament japplika “għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar”.

5        Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat”.

6        Skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, dan ir-Regolament għandu japplika “għal-leġiżlazzjoni kollha rigawrd ... benefiċċji familjari/tal-familja”. Skond Artikolu 1(u)(i) tiegħu, “benefiċċji familjari/tal-familja” jfisser “il-benefiċċji kollha materjali jew fi flus bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjez tal-familja skond il-leġislazzjoni provduta fl-Artikolu 4(1) (g), minbarra s-sussidji speċjali tat-twelid imsemmija fl-Anness I”.

7        Skond il-punt I ta’ l-Anness I - “Persuni mpjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom [Artikolu 1(a)(ii) u (iii) tar-Regolament], C (“Il-Ġermanja”) -, tar- Regolament Nru 1408/71,

“Jekk l-istituzzjoni kompetenti biex tagħti benefiċċji tal-familja skond il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament hija istituzzjoni Ġermaniża, allura fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament:

:

(a) "persuna impjegata" tfisser assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg [l-qgħad] jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta' tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji komparabbli;

(b) "persuna li taħdem għal rasha" tfisser kwalunkwe persuna li taħdem għal rasha li hija marbuta:

- li tingħaqad, jew tħallas kontribuzzjonijiet fejn tidħol, assigurazzjoni tax-xjuħija fi skema għall-persuni li jaħdmu għal rashom,

jew

- li tingħaqad fi skema fl-ambitu ta' assigurazzjoni bil-fors tal-pensjoni.

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika

8        Fil-Ġermanja, l-allowance ta’ l-edukazzjoni hija benefiċċju mhux kontributorju li jifforma’ parti minn ġabra ta’ miżuri fil-qasam tal-politika tal-familja u li jingħata skond il-Bundeserziehungsgeldgesetz tas-6 ta’ Diċembru 1985 (Liġi dwar l-għoti ta' l-allowance għall-edukazzjoni u tal-leave ta’ ġenitur, BGBl. I, p. 2154, iktar ’il quddiem il-“BerzGG”)

9        Fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Lulju 1989 (BGBl. I, p. 1550), kif emendata permezz tal-Liġi tas-17 ta’ Diċembru 1990 (BGBl. I, p. 2823), il-BerzGG tipprovdi fl-Artikolu 1(1) tagħha li tista’ titlob l-allowance għall-edukazzjoni kull persuna li (1) hija residenti jew li hija ordinarjament residenti fuq it-territorju li għalih tapplika din il-liġi, (2) għandha responsabbiltà għal tifel li jgħix fid-dar tagħha, (3) tieħu ħsieb u trabbi dak it-tifel, u (4) ma teżerċitax attività jew attività professjonali full time.

10      Taħt l-Artikolu 1(1)(a), il-BErzGG tgħid illi “kull persuna barranija li tixtieq tibbenefika minn allowance għandu jkollha pussess ta’ awtorizzazzjoni għal residenza (Aufenthaltsberechtigung) jew permess ta’ residenza (Aufenthaltserlaubnis)”. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Bundessozialgericht , hija biss il-persuna li tipproduċi dokument mill-Uffiċċju dwar Persuni Barranin li jikkonferma tajjeb u fil-forma meħtieġa d-dritt ta’ residenza tagħha sa mill-bidu tal-perijodu tal-benefiċċju hija “fil-pussess” ta’ awtorizzazzjoni għal residenza; is-sempliċi attestazzjoni li talba għal permess ta’ residenza kienet ġiet imressqa u li b’hekk ir-residenza hija awtorizzata mhijiex biżżejjed sabiex il-persuna kkonċernata tiġi kkunsidrata bħala li hija fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni għal residenza skond id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.

11      Skond l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Medika u Soċjali adottata mill-Kunsill ta’ l-Ewropa fil-11 ta’ Diċembru 1953 u fis-seħħ mill-1956 fil-Ġermanja u mill-1983 fi Spanja, ”kull waħda mill-Partijiet Kontraenti timpenja ruħha li ċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti l-oħra jibbenefikaw, li jirrisjedu regolarment fuq kull parti tat-territorju tagħha li għalih tapplika din il-Konvenzjoni u li ma għandhomx riżorsi biżżejjed, għall-assistenza soċjali u medika prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-parti tat-territorju kkunsidrat daqs kemm ikollhom dritt it-ċittadini tagħha stess u bl-istess kundizzjonijiet.

12      Skond l-Artikolu 6(a) ta’ din il-Konvenzjoni, “Parti Kontraenti ma tistax tibgħat lura ċittadin ta’ Parti Kontraenti oħra, li jirrisjedi regolarment fuq it-territorju tagħha, għar-raġuni biss li l-persuna interessata għandha bżonn ta’ assistenza.

Il-kawża prinċipali

13      Is-Sinjura Martínez Sala, imwielda fit-8 ta’ Frar 1956, hija ċittadina Spanjola li, sa mill-1968, tirrisjedi fil-Ġermanja. Hemmhekk hija eżerċitat diversi impjiegi matul il-perijodu bejn l-1976 sa l-1986 li jinkludu wkoll interruzzjonijiet u, sussegwentement, mit-12 ta’ Settembru 1989 sa l-24 ta’ Ottubru 1989. Minn dak iż-żmien l’hawn, hija bbenefikat minn għajnuna soċjali mħallsa mill-belt ta’ Nürnberg u l-Landratsamt Nürnberger Land taħt il-Bundessozialhilfegesetz (Liġi Federali fuq l-Għajnuna Soċjali).

14      Sad-19 ta’ Mejju 1984, is-Sinjura Martínez Sala kisbet mingħand l-awtoritajiet kompetenti diversi permessi ta’ residenza li kienu ngħataw prattikament mingħajr waqfien. Sussegwentement , hija kisbet biss dokumenti li jaffermaw li t-tiġdid tal-permess ta’ residenza tagħha kien ġie mitlub. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Bayerisches Landessozialgericht tirrileva li madankollu l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika tal-11 ta’ Diċembru 1953 tipprojbixxi li l-parti interessata tiġi espulsa mill-pajjiż. Fid-19 ta’ April 1994, hija ngħatat permess ta’ residenza li kien jiskadi fit-18 ta’ April 1995, li kien ġie estiż għal sena oħra fl-20 ta’ April segwenti.

15      F’Jannar 1993, jiġifieri matul il-perijodu li fih hi ma kellhiex permess ta’ residenza, is-Sinjura Martínez Sala applikat għand il-Freistaat Bayern għal benefiċċji għall-edukazzjoni, għat-tifel tagħha li twieled matul dan l-istess xahar.

16      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 1993, il-Freistaat Bayern ċaħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li l-persuna interessata hija la kellha nazzjonalità Ġermaniża, la awtorizzazzjoni ta’ residenza u lanqas permess ta’ residenza.

17      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 1994, is-Sozialgericht Nürnberg ċaħdet ir-rikors imressaq mis-Sinjura Martínez Sala fit-13 ta’ Lulju 1993 kontra din id-deċiżjoni għar-raġuni illi ma kinitx fil-pussess ta’ karta ta’ residenza.

18      Fit-8 ta’ Ġunju 1994, Mrs Martínez Sala appellat kontra din is-sentenza quddiem il-Bayerisches Landessozialgericht.

19      Peress li ma kienx ġie eskluż li hija tista’ tibbaża ruħha fuq ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 1612/68 sabiex tikseb dritt għal allowance għall-edukazzjoni, il-Bayerisches Landessozialgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari :

`(1) Ċittadina Spanjola, li tirrisjedi fil-Ġermanja illi, b’xi interruzzjonijiet, kienet impjegata sal-1986 u li, ħlief għal perijodu qasir ta’ impjieg fl-1989, ibbenefikat sussegwentement minn għajnuna soċjali taħt il-Bundessozialhilfegesetz (Liġi Federali fuq l-Għajnuna Soċjali, kien għad kellha, fl-1993, il-karatteristika ta’ persuna mpjegata skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 jew skond l-Artikolu 2 li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71?

(2) Allowance għall-edukazzjoni mogħti skond il-liġi dwar l-għoti ta’ allowance għall-edukazzjoni u għal leave ta’ ġenitur (“il-BErzGG”) huwa benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) ta’ Regolament (KEE) Nru 1408/71, li permezz tiegħu ċ-ċittadini Spanjoli residenti fil-Ġermanja għandhom id-dritt, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71?

(3) Benefiċċji għall-edukazzjoni mogħti skond il-liġi dwar l-għoti ta’ allowance u ta’ leave ta’ ġenitur (BErzGG) huwa vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68?

(4) Il-liġi dwar l-għoti ta’ l-allowance u tal-leave ta’ ġenitur (BerzGG) hija konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea meta, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat Membru, hija tirriżerva l-għoti ta’ l-allowance għall-edukazzjoni lil dawk li għandhom fil-pussess tagħhom karta ta’ residenza korretta u skond il-forma meħtieġa anki jekk dawn huma awtorizzati li jirrisjedu fil-Ġermanja ?”

20      Hemm lok li l-ewwel jiġu risposti t-tieni u t-tielet domandi, wara, l-ewwel domanda u fl-aħħar nett, ir-raba’ domanda.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

21      Permezz tat-tieni u tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk benefiċċju bħal dak ta’ allowance għall-edukazzjoni previst mill-f’BErzGG, li jingħata’ awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr kwalunkwe evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li hija ntiża sabiex tikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, taqax fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju bħala benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 jew bħala vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

22      Fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996 Hoever u Zachow(C-245/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li benefiċċju bħal dak ta’ allowance għall-edukazzjoni previst mill-BErzGG, li jingħata’ awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr kwalunwke evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huwa ntiż li jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, għandu jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71.

23      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra mill-ġdid din l-interpretazzjoni u tirreferi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħa, għall-osservazzjonijiet li huwa kien ippreżenta fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq u, matul is-seduta, għal dawk li huwa kien ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mille-Wilsmann, irreġistrata taħt in-Numru C-16/96. Peress li l-Bundessozialgericht kienet annullat id-digriet tar-rinviju tagħha wara li ngħatat is-sentenza Hoever u Zachow, iċċitata aktar ’il fuq, din il-kawża ġiet imħassra mir-Reġistru permezz ta’ digriet ta’ l-14 ta’ April 1997.

24      Peress li l-Gvern Ġermaniż ma kompliex jippreċiża l-aspetti tas-sentenza Hoever u Zachow, iċċitati aktar ’il fuq li, fil-fehma tiegħu, għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid, u lanqas ma ta raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali reviżjoni, hemm lok li jiġi affermat mill-ġdid li benefiċċju bħal allowance għall-edukazzjoni previst mill-BerzGG, li jingħata awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr kwalunkwe evalwazzjoni individwali jew diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huwa intiż li jikkumpensa għall-ispejjeż tal-familja, jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71.

25      Fir-rigward tal-kunċett ta’ ”vantaġġ soċjali” li jirreferi għalih l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dan ikopri, skond ġurisprudenza kostanti, il-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment rikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali għar-raġuni, prinċipalment, tal-karatteristika oġġettiva tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza ordinarja tagħhom fuq it-territorju nazzjonali, u fejn l-estensjoni għall ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra għaldaqstant tidher bħala ta’ natura li tiffaċilita mobilità tagħhom ġewwa l-Komunita (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punt 20)

26      L-allowance għall-edukazzjoni in kwistjoni huwa vantaġġ li huwa rikonoxxut, fost l-oħrajn, lill-ħaddiema li jaħdmu part-time. B’hekk huwa jikkostitwixxi vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) ta’ Regolament Nru 1612/68.

27      Għandu jingħad ukoll illi, peress li r-Regolament Nru 1612/68 għandu portata ġenerali għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 7(2) tiegħu jista’ jiġi applikat għal vantaġġi soċjali li fl-istess ħin jaqgħu speċifikatament fil-qasam ta’ applikazzjoni speċifika tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni v Il-Lussemburgu C-111/91, Ġabra p. I-817, punt 21)

28      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni u r-raba’ domandi għandha tkun li benefiċċju bħal allowance għall-edukazzjoni previst mill-BErzGG, li jingħata awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr kwalunkwe evalwazzjoni individwali jew b’diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huwa ntiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, jaqa’ fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju bħala benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 u bħala vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinjviju essenzjalment tistaqsi jekk ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fejn huwa impjegat u fejn sussegwentement ikun ibbenefika minn għajnuna soċjali għandux il-karatteristika ta’ ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1612/68 jew ir-Regolament Nru 1408/71.

30      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond il-BErzGG, l-għoti ta’ allowance għall-edukazzjoni huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-persuna interessata ma teżerċitax attività professjonali jew li ma teżerċitax attività professjonali full time. Din il-kundizzjoni hija ta’ natura li tirrestrinġi n-numru ta’ persuni li jistgħu jibbenefikaw kemm mill-allowance għall-edukazzjoni u li huma kkunsidrati bħala ħaddiema skond id-dritt Komunitarju.

31      Hemm lok sussegwentement li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt Komunitarju mhuwiex inekwivoku, iżda li jvarja skond il-qasam ta’ applikazzjoni maħsuba. B’hekk, il-kunċett ta’ ħaddiem użat fil-kuntest ta’ Artikolu 48 tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1612/68 ma jikkoinċidix neċessarjament ma’ dak li jinsab fil-qasam ta’ l-Artikolu 51 tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 1408/71.

 Il-karatteristika ta’ ħaddiem skond l- Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68

32      Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68, għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem, persuna li, għal ċertu perijodu, twettaq għal xi ħadd u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li għalihom hija tirċievi rinumerazzjoni. Meta r-relazzjoni ta’ impjieg tispiċċa, il-persuna interessata, bħala prinċipju titlef il-karatteristika ta’ ħaddiem, għalkemm madankollu, minn naħa, din il-karatteristika tista’ tipproduċi ċerti effetti wara l-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol u li, min-naħa l-oħra, persuna li verament tkun qed tfittex imjieg għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punt 17 ; tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punti 31 sa 36, u tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punti 12 u 13).

33      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, meta ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru jkun okkupa impjieg fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jirrisjedi fih wara li jkun kiseb pensjoni ta’ irtirar, id-dixxendenti tiegħu ma jżommux id-dritt għal trattament ta’ ugwaljanza li jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, għal dak li jikkonċerna benefiċċju soċjali previst mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti meta dawn jilħqu l-età ta’ 21 sena, li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li m’għandhomx il-karatteristika ta’ ħaddiem (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1987, Lebon, 316/85, Ġabra p. 2811).

34      Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju ma pprovdietx biżżejjed elementi li jistgħu jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti prinċipali hija kkunsidrata bħala ħaddiem skond l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68, per eżempju, minħabba ċ-ċirkustanza li hija qed tfittex impjieg. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-kompetenza li tipproċedi għan dan l-eżami.

Fuq il-karatteristika ta’ ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1408/71

35      Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, din il-karatteristika tapplika għal persuni impjegati u dawk il-persuni li jaħdmu għal rashom li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri.

36      Għaldaqstant, persuna għandha l-karatteristika ta’ ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1408/71 meta hija tkun assigurata, anki fir-rigward ta’ riskju wieħed, fuq polza ta’ assigurazzjoni ta’ bilfors jew b’għażla, skond skema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik II, 182/78, Ġabra p. 1977, punti 4 u 7, u tad-9 ta’ Lulju 1987, Laborero u Sabato, 82/86 u 103/86, Ġabra p. 3401, punt 17).

37      Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaddiema skond ir-Regolament Nru 1408/71 sempliċiment minħabba l-fatt illi hija bbenefikat minn assigurazzjoni għall-irtirar obbligatorja fil-Ġermanja jew li entità ta’ għajnuna soċjali affiljat lilha u lit-tfal tagħha ma’ assigurazzjoni tal-mard u ħadet ir-responsabbiltà għal kontribuzzjonijiet korrispondenti.

38      Bl-istess mod, matul is-seduta, il-Gvern Franċiż sostna li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem skond id-dritt Komunitarju dwar is-sigurtà soċjali minħabba li kienet – u forsi hija għadha – affiljata, b’xi mod jew ieħor, ma’ skema ta’ rtirar Ġermaniża.

39      Madankollu, il-Gvern Ġermaniż osserva li skond il-punt I C ta’ l-Anness I, (“Ġermanja”) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-qasam tal- benefiċċji tal-familja li taħtu taqa’ l-allowance in kwistjoni, hija biss il-persuna li hija assigurata bilfors kontra r-riskju tad-disimpjieg [il-qgħad] jew li tirċievi, fil-kuntest ta’ din l-iskema ta’ assigurazzjoni, benefiċċji fi flus kontanti ta’ l-assigurazzjoni tal-mard jew benefiċċji analogi li tista’ tikkwalifika bħala ħaddiem.

40      Matul is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, fis-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira (C-4/95 u C-95, Ġabra p. I-511), l-argument li l-assigurazzjoni kontra riskju wieħed previst mir-Regolament Nru 1408/71 huwa biżżejjed biex jagħti karatteristika ta’ ħaddiem skond dan ir-Regolament kien ġie kkontestat.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 36 tas-sentenza Stöber u Piosa Pereira, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li xejn ma jimpedixxi lill-Istati Membri li jillimitaw il-benefiċċju tal-familja lil persuni li jappartjeni f’komunità in solidum ikkostitwita minn skema ta’ assigurazzjoni partikolari, f’dan il-każ is-skema ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija għal persuni li jaħdmu għal rashom.

42      B’hekk, skond il-punt I C ta’ l-Anness I (“Ġermanja”), li jirreferi għall-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, huma biss il-persuni assigurati bilfors kontra r-riskju tad-disimpjieg [il-qgħad] jew il-persuni li jiksbu, b’konsegwenza ta’ din l-assigurazzjoni, benefiċċji fi flus kontanti ta’ l-assigurazzjoni tal-mard jew benefiċċji analogi li jistgħu jiġu kkunsidrati, għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja skond il-Kapitolu 7 tat-Titlu III tar-Regolament Nru 1408/71, bħala persuni impjegati skond l-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan l-istess Regolament (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1997, Merino García, C-266/95, Ġabra p. I-3279).

43       Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss fil-każ ta’ għoti ta’ benefiċċji tal-familja skond il-Kapitolu 7 tat-Titlu III tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Punt 1 C ta’ l-Anness I ppreċiża jew limita l-kunċett ta’ persuna impjegata skond l-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan l-istess Regolament.

44      Peress li s-sitwazzjoni ta’ persuna bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mhijiex intiża fi kwalunkwe dispożizzjoni tal-Kapitolu 7 tat-Titlu III, ir-restrizzjoni prevista mill-Punt I C ta’ l-Anness I ma tistax tiġi applikata lilha b’mod li l-karatteristika tagħha bħala ħaddiem skond ir-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi ddeterminata fir-rigward ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) biss ta’ dan l-istess Regolament. B’hekk din il-persuna tkun tista’ tibbenefika minn drittijiet marbuta ma’ tali karatteristika peress li jiġi stabbilit li hija assigurata, anki sempliċement kontra riskju wieħed biss, skond assigurazzjoni bilfors [obbligatorja] jew b’għażla skond skema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

45      Peress li d-digriet għal rinviju ma pprovdiex biżżejjed elementi li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li huma possibbilment rilevanti fil-kawża prinċipali, hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk persuna bħar-rikorrenti prinċipali taqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68 jew tar-Regolament Nru 1408/71.

  Fuq ir-raba’ domanda

46      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk id-dritt Komunitarju jipprekludi li Stat Membru jeżiġi miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra li jipproduċu karta tar-residenza korretta u skond il-forma meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn allowance għall-edukazzjoni.

47      Din id-domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li r-rikorrenti prinċipali hija awtorizzata tirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat.

48      Skond il-BErzGG, sabiex ikollha dritt għal benefiċċju għall-edukazzjoni in kwistjoni, il-persuna interessata għandu jkollha, jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali l-oħra ta’ għoti, ir-residenza jew il-post ta’ residenza ordinarja fuq it-territorju Ġermaniż.

49      Iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li huwa awtorizzat li jirrisjedi fuq it-territorju Ġermaniż u li jgħix fih jissodisfa din il-kundizzjoni. F’dan ir-rigward huwa jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi fuq it-territorju Ġermaniż.

50      Madankollu, il-BErzGG jgħid li, bid-differenza taċ-ċittadini Ġermaniżi, “kull barrani”, li jinkludi ċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, sabiex jibbenefika mill-benefiċċju in kwistjoni, ikollu fil-pussess tiegħu ċertu tip ta’ permess ta’ residenza. Huwa paċifiku li s-sempliċi attestazzjoni li talba għal permess ta’ residenza kienet saret mhuwiex biżżejjed, anki jekk tali attestazzjoni tiċċertifika li r-residenza hija leġittima.

51      Minbarra l-qorti tar-rinviju tirrileva li “d-dewmien li l-għoti [ta’ tali permess ta’ residenza] minħabba raġunijiet purament amministrattivi jippreġudika s-sustanza tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

52      Filwaqt li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li Stat Membru jimponi fuq ċittadini ta’ Stati Membru oħra li jirrisjedu legalment fuq it-territorju tiegħu li jkunu dejjem fil-pussess ta’ dokument li huwa attestazzjoni tad-dritt ta’ residenza tagħhom, f’każ fejn obbligu identiku huwa impost fuq ċittadini nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-karta ta’ l-identità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ April 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 321/87, Ġabra p. 997, punt 12, u tat-30 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-24/97, Ġabra p. I-2133, punt 13), dan ma jkunx bilfors il-każ meta Stat Membru jeżiġi miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra li, sabiex jibbenefikaw minn allowance għall-edukazzjoni, huma jkunu bilfors fil-pussess ta’ permess ta’ residenza li l-kunsinna tiegħu hija l-obbligu ta’ l-amministrazzjoni.

53      Fil-fatt, għall-finijiet ta’ l-għarfien tad-dritt ta’ residenza, il-karta ta’ residenza jista’ jkollha biss valur deklaratorju u probanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 50). Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-proċess li, għall-finijiet ta’ l-għoti tal-benefiċċju in kwistjoni, il-karta ta’ residenza tikseb valur kostituttiv.

54      Isegwi li l-fatt, għal Stat Membru, li jeżiġi mingħand ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jixtieq jibbenefika minn benefiċċju bħall-allowance in kwistjoni li huwa jipproduċi dokument li għandu valur kostituttiv, mogħti mill-amministrazzjoni tiegħu stess, filwaqt li ebda dokument ta’ dan it-tip ma huwa mitlub lil ċittadin nazzjonali, iwassal għal trattament mhux ugwali.

55      Fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat u fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni, tali trattament mhux ugwali jikkostitwixxi diskriminazzjoni projbita mill-Artikolu 6 tat-Trattat KE.

56      Matul is-seduta, il-Gven Ġermaniż, filwaqt li ammetta li l-kundizzjoni imposta mill-BErzGG kienet tikkostitwixxi trattament mhux ugwali skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, sostna li l-fatti tal-kawża prinċipali ma jaqgħux la taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae u lanqas taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione personae tat-Trattat, b’mod li r-rikorrenti prinċipali ma tistax tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni.

57      Għal dak li jikkonċerna l-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae, għandha ssir referenza għar-risposti magħmula għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi li minnhom jirriżuta li l-allowance għall-edukazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ inkontestabbilment taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju.

58      Fir-rigward tal-qasam ta’ applikazzjoni ratione personae, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra, fid-dawl tal-kriterji mogħtija fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, li r-rikorrenti prinċipali għandha l-karatteristika ta’ ħaddiem skond l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68 jew skond ir-Regolament Nru 1408/71, it-trattament mhux ugwali ma jkunx kompatibbli ma’ l-Artikoli 48 u 51 tat-Trattat.

59      Fl-ipoteżi fejn dan ma jkun il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, sa mill-1 ta’ Novembru 1993, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ir-rikorrenti prinċipali bbenefikat mid-dritt ta’ residenza ta’ l-Artikolu 8 A tat-Trattat KE, li skond it-termini tiegħu, “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett.” Skond l-Artikolu 8(1) tat-Trattat KE, kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea.

60      Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-persuna interessata hija fil-pożizzjoni li tirreferi għall-Artikolu 8A tat-Trattat biex jiġi rikonoxxut lilha dritt ta’ residenza ġdid fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat, peress li huwa paċifiku li hija kienet diġà awtorizzata tirrisjedi fih, għalkemm l-għoti tal-karta ta’ residenza kienet ġiet rifjutata lilha.

61      Bħala ċittadina ta’ Stat Membru li tirrisjedi legalment fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ir-rikorrenti prinċipali taqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jitrattaw iċ-ċittadinanza Ewropea.

62      Madankollu, l-Artikolu 8(2) tat-Trattat jorbot ma’ l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dmirijiet u d-drittijiet previsti mit-Trattat fosthom dak previst fl-Artikolu 6 tat-Trattat, li ma tissubixxix diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat.

63      Minn dan jirriżulta li ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li, bħar-rikorrenti prinċipali, jirrisjedi legalment fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 tat-Trattat fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju, li jinkludi s-sitwazzjoni li fiha dan l-Istat Membru idewwem jew jirrifjuta li jagħti benefiċċju li huwa mogħti lil kull persuna li tirrisjedi legalment fuq it-territorju ta’ dan l-Istat, minħabba li ma jkollux dokument li mhuwiex mitlub liċ-ċittadini ta’ dan l-istess Stat u fejn il-kunsinna tista’ tiġi mdewma jew miċħuda mill-amministrazzjoni tiegħu.

64      B’hekk it-trattament mhux ugwali in kwistjoni li jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat. Fil-fatt, din hija diskriminazzjoni eżerċitata direttament minħabba ċ-ċittadinanza tar-rikorrenti u, barra minn hekk, ebda element li jiġġustifika tali trattament mhux ugali ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

65      B’hekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju jipprekludi li Stat Membru jeżiġi miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra awtorizzati li jirrisjedu fuq it-territorju tiegħu li jipproduċu karta ta’ residenza tajba u skond il-forma meħtieġa, mogħtija mill-amministrazzjoni nazzjonali, sabiex jibbenefikaw minn allowance għall-edukazzjoni, filwaqt li ċ-ċittadini tiegħu għandhom biss l-obbligu li jkollhom ir-residenza tagħhom jew il-post ta’ residenza ordinarja tagħhom f’dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

66      L-ispejjeż esposti mill-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Franċiż u tar-Renju Unit kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Filwaqt li tagħtu deċiżjoni fuq id-domandi li tressqu quddiema mill-Bayerisches Landessozialgericht b’digriet tat-2 ta’ Frar 1996, taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Benefiċċju bħal dak ta’ allowance għall-edukazzjoni previst mill- Bundeserziehungsgeldgesetz, li jingħata awtomatikament lill-persuni li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi, mingħajr kwalunkwe evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huwa ntiż li jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, jaqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarja bħala benefiċċju tal-familja skond l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fil-Komunita, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89 tat-30 ta’ Ottubru 1989 u bħala vantaġġ soċjali skond it-tifsira ta’ Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (EEC) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-liberta ta’ moviment għall-ħaddiema fil-Komunità.

2)      Hija kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk persuna bħar-rikorrenti prinċipali taqax taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68 jew tar-Regolament Nru 1408/71.

3)      Id-dritt Komunitarju jipprelukdi li Stat Membru jeżiġi miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri oħra awtorizzati li jirrisjedu fuq it-territorju tiegħu li jipproduċu karta ta’ residenza tajba u skond il-forma meħtieġa, mogħtija mill-amministrazzjoni nazzjonali, sabiex jibbenefikaw minn allowance għall-edukazzjoni, filwaqt li ċ-ċittadini tiegħu għandhom biss l-obbligu li jkollhom ir-residenza tagħhom jew il-post ta’ residenza ordinarja tagħhom f’dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top