Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0761

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2578 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

COM/2023/761 final

Brussell, 28.11.2023

COM(2023) 761 final

2023/0443(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2578 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Sa mill-invażjoni estensiva tar-Russja mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna, il-provvisti tal-gass tal-UE mir-Russja ġew interrotti bħala tentattiv intenzjonat biex l-enerġija tintuża bħala arma politika. Ir-Russja ilha ħafna snin il-fornitur ewlieni tal-gass tal-UE. Storikament, l-UE kienet tiddependi fuq ir-Russja għal iktar minn 40 % tal-provvisti tal-gass tagħha. Il-provvista tal-gass naqset kontinwament minn Frar 2022. Il-flussi tal-gass mill-pipelines mir-Russja kienu inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE fl-ewwel nofs tal-2023.

Ix-xokk fil-provvista kkawżat mir-Russja kellu impatti sinifikanti fuq il-livell tal-prezzijiet tal-gass fl-UE. Meta, matul id-deċennju preċedenti l-prezzijiet kienu jiċċaqalqu f’faxxa ta’ minn EUR 5MWh sa EUR 35MWh u kellhom medja ta’ madwar EUR 20/MWh, f’Awwissu 2022 fl-eqqel tal-kriżi l-prezzijiet tal-gass żdiedu għal aktar minn EUR 300/MWh u laħqu livelli li kienu 1 000 % ogħla mill-prezzijiet medji li dehru qabel fl-Unjoni. L-ogħla livelli ta’ prezzijiet intlaħqu f’ġimgħa waħda — f’5 ijiem konsekuttivi ta’ negozjar — mit-22 sas-26 ta’ Awwissu 2022, meta l-prezzijiet kienu konsistentement ogħla minn EUR 250/MWh u varjaw mill-prezz ta’ referenza tal-LNG b’aktar minn EUR 50/MWh. Mill-eqqel tal-kriżi, il-prezzijiet naqsu b’mod sinifikanti u varjaw bejn EUR 40/MWh u EUR 50/MWh fil-bidu tal-ħarifa tal-2023. Madankollu, dawn għadhom aktar mid-doppju ta’ qabel il-kriżi.

Żidiet estremi fil-prezzijiet huma ta’ ħsara kbira għall-ekonomija Ewropea. Il-gass jintuża ħafna minn bosta setturi fl-ekonomija tal-UE mill-SMEs sal-industrija fuq skala kbira, b’mod partikolari l-industriji intensivi fl-użu tal-gass bħaċ-ċeramika, il-ħġieġ, il-fertilizzanti, il-polpa u l-karta, u s-sustanzi kimiċi. Minbarra dan, il-prezzijiet għoljin għandhom effetti ta’ kontaġju fuq il-prezzijiet tal-elettriku u jikkontribwixxu biex tiżdied l-inflazzjoni kumplessiva.

F’dan il-kuntest, fid-19 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ emerġenza tal-Kunsill (UE) 2022/2578 biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq tal-gass (“MCM”) biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-ekonomija minn prezzijiet eċċessivament għoljin.

Dan ir-Regolament jieqaf japplika fil-31 ta’ Jannar 2024. Din il-proposta tfittex li testendi b’sena l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2578 fid-dawl tar-riskji persistenti għall-provvisti tal-enerġija, u għalhekk għall-prezzijiet, fl-Unjoni.

1.1.1.L-elementi ewlenin tar-Regolament (UE) 2022/2578

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 tat-22 ta’ Diċembru 2022 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq (“MCM”) temporanju għall-ordnijiet magħmula għan-negozjar ta’ derivattivi marbuta mal-punti ta’ negozjar virtwali (“VTPs”) tal-UE b’maturitajiet bejn xahar bil-quddiem u sena bil-quddiem.

Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jiġi attivat meta jseħħ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, jiġifieri, meta l-prezz tas-saldu tad-derivattivi tat-TTF front-month jaqbeż EUR 180/MWh u jkun EUR 35 ogħla mill-prezz ta’ referenza (li jirrifletti x-xejriet globali tal-prezzijiet tal-LNG) għal 3 ijiem tax-xogħol. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma ġiex attivat dment li l-prezzijiet tat-TTF baqgħu taħt il-livelli limitu tal-iskattar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578. 

Mal-okkorrenza ta’ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, ir-Regolament MCM jistabbilixxi limitu dinamiku tal-offerti, li skontu l-operaturi tas-suq jenħtieġ li ma jaċċettawx u l-parteċipanti fis-suq jenħtieġ li ma jissottomettux ordnijiet għal derivattivi bi prezzijiet ta’ EUR 35/MWh ogħla mill-prezz ta’ referenza ppubblikat mill-ACER fil-jum ta’ qabel. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jiġi diżattivat awtomatikament wara 20 jum tax-xogħol jekk il-limitu dinamiku tal-offerti jkun ta’ EUR 180/MWh għal 3 ijiem konsekuttivi.

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, il-limitu dinamiku tal-offerti jista’ jiġi sospiż immedjatament u fi kwalunkwe ħin jekk iwassal għal disturbi serji fis-suq, li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista u l-flussi tal-gass fl-Unjoni jew il-funzjonament xieraq tas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija.

1.1.2.Is-sitwazzjoni attwali: għadhom jippersistu diffikultajiet u riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE

Ir-rispons tal-Unjoni fl-ambitu tar-REPowerEU u l-inizjattivi li ġejjin, inkluż il-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2578, ħejja lill-UE għal sitwazzjoni degradata tas-sigurtà tal-provvisti tal-gass. Jekk ma jiġix estiż, ir-Regolament ma jibqax japplika fil-31 ta’ Jannar 2024.

Madankollu, mid-data tal-adozzjoni ta’ din il-proposta, għad hemm diffikultajiet serji fil-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni.

Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines Russi matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni hija mnaqqsa konsiderevolment meta mqabbla ma’ qabel il-kriżi. Bil-livelli attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni hija mistennija li tirċievi madwar 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi fl-2023, jekk dawn l-importazzjonijiet mhux affidabbli ma jiġux interrotti għalkollox. Dan ikun bejn wieħed u ieħor 110 bcm inqas mill-2021.

Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna u huma mistennija li jibqgħu hekk għal xi żmien. Kif innotat l-AIE, 1 il-provvista globali tal-LNG kibret biss modestament fl-2022 (4 %) u fl-2023 (3 %) minħabba “żidiet limitati fil-kapaċità ta’ likwefazzjoni, qtugħ fil-faċilitajiet ewlenin tal-esportazzjoni u tnaqqis fil-provvista tal-gass ta’ alimentazzjoni fl-impjanti tal-LNG alimentati minn żoni li qed jiqdiemu”. Kapaċità ġdida sinifikanti ta’ likwefazzjoni tal-LNG globalment (speċjalment fl-Istati Uniti u fil-Qatar) hija mistennija li ssir online mill-2025 biss iżda “l-bilanċi tas-suq jibqgħu prekarji fil-futur immedjat”. 2

Din is-sitwazzjoni għadu jkollha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, minkejja li huma ferm aktar baxxi mill-ogħla livell esperjenzat fis-sajf tal-2022, għadhom ogħla minn qabel il-kriżi b’riperkussjonijiet inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tan-negozji Ewropej.

Il-volatilità kbira tas-suq hija wkoll konsegwenza tal-issikkar tas-suq u tirrappreżenta riskju addizzjonali għall-ekonomija tal-UE. Fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 seħħew għadd ta’ episodji ta’ volatilità sinifikanti meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat. Dan juri li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u jista’ jkollhom reazzjonijiet sostanzjali għal kwalunkwe xokk mhux mistenni u għal għarrieda għall-provvista u d-domanda, kif kien il-każ wara l-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u l-interruzzjoni fil-Balticconnector.

Bosta riskji, jekk jimmaterjalizzaw, jistgħu jixprunaw il-biża’ tal-iskarsezza li, minħabba l-fraġilità tas-suq dovuta għall-issikkar tiegħu, jista’ jiskatta reazzjonijiet sostanzjali b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet. Dawn ir-riskji jinkludu rikorrenza fid-domanda għall-gass naturali likwifikat (LNG) Asjatiku li jkun inaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, 3 kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari 4 li jkunu jeħtieġu rikors akbar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, u aktar interruzzjonijiet possibbli fil-provvista tal-gass, inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja jew interruzzjoni tal-infrastruttura kritika eżistenti tal-gass.

Il-kunflitti armati ta’ intensità għolja issa qed jolqtu diversi reġjuni ewlenin tal-provvista tal-UE, flimkien mal-Ukrajna (l-Ażerbajġan, il-Lvant Nofsani) u minħabba f’hekk ix-xenarju tat-theddid qed jiddeterjora.

Eżempji reċenti juru l-probabbiltà u r-rilevanza tar-riskji relatati mal-interruzzjoni tal-infrastruttura kritika tal-gass. F’Settembru 2022, il-pipeline NordStream 1 saritlu ħsara minn atti ta’ sabotaġġ sa tali punt li attwalment ma jistax jittrasporta gass u mhux se jkun jista’ jagħmel dan fil-futur prevedibbli. F’Ottubru 2023, il-Balticconnector, pipeline importanti li jikkollega l-Finlandja mal-Estonja, ġie interrott. Bħala riżultat tal-interruzzjoni fil-Balticconnector, il-Finlandja issa ma għadhiex kapaċi tissodisfa l-kriterju N-1 bħala parti mill-istandard tal-infrastruttura definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2017/1938. Il-kriterju N-1 jiżgura li l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex f’każ ta’ interruzzjoni tal-akbar infrastruttura unika tal-gass, xorta waħda jkollhom il-kapaċità teknika biex jissodisfaw id-domanda totali tagħhom matul jum bl-ogħla domanda. Bħala riżultat tal-interruzzjoni fil-Balticconnector, fis-27 ta’ Ottubru 2023 il-Finlandja għolliet il-livell ta’ kriżi tagħha skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/1938 minn “twissija bikrija” għal “allert”, li huwa l-aħħar livell ta’ kriżi qabel emerġenza. Dan l-inċident infrastrutturali ġdid juri l-probabbiltà u r-rilevanza tar-riskji relatati ma’ interruzzjonijiet ġodda tal-infrastruttura kritika tal-gass.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-gass naturali (-18 % bejn Awwissu 2022 u Awwissu 2023) qed jikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-bilanċ tal-gass fl-UE. Dan it-tnaqqis huwa r-riżultat ta’ fatturi ekonomiċi (eż. prezzijiet għoljin) u ta’ miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri skont ir-Regolament 2022/1369 u l-estensjoni tiegħu r-Regolament (UE) 2023/706 dwar tnaqqis ikkoordinat fid-domanda għall-gass. Żieda possibbli fid-domanda, minħabba rikorrenza fl-użu tal-gass fis-setturi residenzjali, kummerċjali u industrijali5 jew f’każ li l-miżuri amministrattivi mmirati lejn it-tnaqqis tad-domanda ma ġewx estiżi aktar, tirrappreżenta riskju addizzjonali li, minħabba l-kundizzjonijiet ristretti tas-suq bħalissa, jista’ jimmina s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE.

F’għadd ta’ rapporti sussegwenti ta’ Diċembru 2022, u ta’ Frar, Lulju u Ottubru 2023, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) konsistentement kienet qed tenfasizza r-riskji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u twissi kontra l-kompjaċenza fid-dawl tat-titjib tas-sitwazzjoni meta mqabbla mal-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022. Skont ir-rapport ta’ Ottubru 2023, “il-provvista globali tal-gass hija mistennija li tibqa’ ssikkata fl-2023” u “iż-żidiet fil-kapaċità tal-likwefazzjoni tal-LNG b’medja [b]axxa ħafna huma mistennija li jtawlu l-kundizzjonijiet issikkati tal-provvista sal-2024”. Fir-rapport tagħha ta’ Frar, l-AIE nnotat li “l-bilanċ globali huwa soġġett għal firxa wiesgħa mhux tas-soltu ta’ inċertezzi u fatturi ta’ riskju eżoġeni. Dan jinkludi l-possibbiltà ta’ waqfien sħiħ tal-konsenji tal-gass mill-pipelines Russi lejn l-Unjoni Ewropea, kif ukoll irkupru tal-importazzjonijiet tal-LNG taċ-Ċina f’konformità mal-kuntratti tal-LNG fit-tul tal-pajjiż u disponibbiltà potenzjali aktar baxxa tal-provvista tal-LNG”. L-AIE żviluppat xenarji ta’ stress b’waqfien tal-provvisti tal-gass Russi, bi provvisti tal-LNG li jibqgħu ristretti u b’żidiet fid-domanda relatati mat-temp, li jistgħu jirriżultaw f’distakk potenzjali bejn il-provvista u d-domanda ta’ 40 bcm fl-UE. Fir-rapport tagħha ta’ Lulju 2023, l-AIE enfasizzat li “r-riskji u l-inċertezzi jippersistu qabel ix-xitwa tal-Emisfera tat-Tramuntana tal-2023/24” u li “siti tal-ħżin mimlijin mhumiex garanzija kontra l-volatilità tax-xitwa u r-riskju ta’ tensjonijiet mill-ġdid tas-suq”. 5

Barra minn hekk, in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG) ippubblika l-Prospettiva tal-Provvista tax-Xitwa annwali tiegħu b’analiżi ġenerali għas-sajf li jmiss, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. L-ENTSOG ikkonkluda li għalkemm is-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali f’każ ta’ interruzzjoni sħiħa fil-provvista Russa. Barra minn hekk, hija meħtieġa ġestjoni bir-reqqa tal-ħażniet matul ix-xitwa tal-2023-2024, peress li x’aktarx ikun meħtieġ livell ta’ mili ta’ 46 % fil-bidu tal-istaġun tal-injezzjoni biex tintlaħaq il-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita bir-Regolament (UE) 2022/1032.3

Ir-rispons tal-Unjoni fl-ambitu tar-REPowerEU u l-inizjattivi sussegwenti, inkluża l-miżura stabbilita fir-Regolament (UE) 2022/2578, ikkontribwew biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Jekk il-miżuri rilevanti tal-Unjoni ma jibqgħux japplikaw, dan jirriskja li jbiddel is-sitwazzjoni stabbilizzata iżda fraġli li l-Unjoni kisbet u jista’ jiddeterjora r-reżiljenza tal-UE għal avvenimenti mhux favorevoli.

Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet u r-riskji serji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-prezzijiet tal-gass tal-UE, u biex ma jiġix affettwat il-bilanċ fraġli attwali, hija kwistjoni neċessarja u urġenti li r-Regolament (UE) 2022/2578 jiġi estiż. Għalhekk, din il-Proposta tfittex li testendi b’sena l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2578.

1.1.3.Ir-raġunijiet għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament fis-sitwazzjoni attwali

Id-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament (UE) 2022/2578, li l-proposta attwali tfittex li testendi, huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u r-riskji serji msemmija hawn fuq għas-sigurtà tal-provvista tal-gass u l-prezzijiet tal-gass tal-UE.

F’Marzu 2023, l-ACER u l-ESMA wettqu valutazzjoni tal-impatt tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq mid-dħul fis-seħħ tiegħu u kkonkludew li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma ġiex attivat u li ma kien hemm l-ebda effett negattiv fuq is-swieq tal-enerġija (u fuq dawk relatati mal-finanzi) sa dak iż-żmien. Il-Kummissjoni estendiet l-analiżi biex tivvaluta l-iżviluppi tas-suq f’dawn l-aħħar xhur, u sabet li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq qatt ma ġie attivat u ma identifikat l-ebda effett negattiv minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament MCM.

Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jipprevjeni li l-prezzijiet jilħqu livelli eċċessivament għoljin, meta mqabbla mal-prezzijiet internazzjonali, fis-swieq tad-derivattivi tal-gass, u għalhekk jillimita l-impatt negattiv tal-prezzijiet għoljin fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tan-negozji Ewropej.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Fit-23 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni bit-titolu “Sigurtà tal-provvista u prezzijiet affordabbli tal-enerġija: Għażliet għal miżuri immedjati u tħejjija għax-xitwa li jmiss” (COM(2022) 138 final), li fiha ddeskriviet l-objettiv li tiġi żgurata l-provvista tal-gass b’kost raġonevoli għax-xitwa li jmiss u lil hinn minnha. Il-Komunikazzjoni rreferiet għal-limitazzjoni jew għall-modulazzjoni tal-prezz tal-gass permezz ta’ mezzi regolatorji bħala għażla li tista’ titqies għall-mitigazzjoni ta’ żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. F’Ottubru 2022, fl-isfond ta’ kriżi li kienet qed teskala, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni li tafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-prezzijiet għoljin tal-enerġija jiġu indirizzati b’miżuri mmirati u kkoordinati. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi mekkaniżmu li jillimita l-prezzijiet permezz tal-borża ewlenija tal-gass Ewropew, it-TTF, li għandu jiġi skattat meta jkun meħtieġ. Ir-Regolament (UE) 2022/2578 jimplimenta l-proposta stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjonijiet tagħha.

Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq u din il-proposta ta’ estensjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet ma jqiegħdux fil-periklu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Ir-Regolament (UE) 2022/2578 jiżgura li, f’każ ta’ emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma jirrestrinġix bla bżonn il-fluss tal-gass fis-suq intern li jipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Unjoni.

Ir-Regolament (UE) 2022/2578, u din il-proposta, jiffurmaw parti minn grupp ta’ miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali tal-enerġija li l-Kunsill adotta matul dawn l-aħħar xhur. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2022/2578 huwa marbut mill-qrib mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u huwa konsistenti mal-objettivi tiegħu. Jiżgura b’mod partikolari li l-Kummissjoni tkun tista’ tissospendi l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jekk dan jaffettwa b’mod negattiv il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-mira tal-iffrankar tal-gass skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369, jew jekk dan iwassal għal żieda kumplessiva fil-konsum tal-gass, abbażi tad-data dwar il-konsum tal-gass u t-tnaqqis fid-domanda riċevuta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369.

Monitoraġġ u rapportar regolari u effettivi huma essenzjali għall-valutazzjoni tal-progress li jkun sar mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri volontarji u obbligatorji għat-tnaqqis fid-domanda. Sabiex jagħmlu dan, u flimkien mal-miżuri ta’ monitoraġġ u rapportar previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369, mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, l-Istati Membri jeħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni liema miżuri ħadu biex inaqqsu l-konsum tal-gass u tal-elettriku b’reazzjoni għall-avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni ta’ sospensjoni. It-tnaqqis fid-domanda fl-Unjoni hu espressjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà minqux fit-Trattat.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/2578 jikkomplementa l-objettivi tal-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-volatilità fl-istess jum biex tiġi indirizzata l-volatilità tas-suq fuq terminu qasir kif stabbilit fil-Kapitolu III — it-Taqsima 1 tar-Regolament 2022/2576. Il-mekkaniżmu ta’ volatilità fl-istess jum huwa strument li jillimita l-bidliet estremi fi żmien jum u mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-problemi ta’ prezzijiet eċċessivament għoljin bħal dawk li kien hemm fis-sajf tal-2022.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/2578 u l-proposta attwali huma konsistenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari mal-iżgurar ta’ provvista tal-enerġija tal-UE sigura u affordabbli billi jipprovdu mekkaniżmu li se jtaffi l-effetti tal-prezzijiet tal-gass estremament għoljin fuq il-konsumaturi tal-UE u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li, fl-istess ħin huma imfassla b’tali mod li ma jbaxxux il-prezzijiet b’mod strutturali, billi jekk dawn jingħaddew għal fuq il-konsumaturi finali, jistgħu jwasslu għal aktar konsum tal-gass.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Regolament 2022/2578 u din il-proposta għal estensjoni huma kompatibbli ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari r-regoli dwar il-politika tas-suq intern, inkluż fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni. Ir-Regolament (UE) 2022/2578 ma jinterferixxix bla bżonn mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq huwa mfassal b’mod li jillimita l-intervent għal sitwazzjonijiet ta’ prezzijiet eċċessivi, fejn l-indiċi TTF ma jibqax jipprovdi indikatur adegwat għall-prezzijiet li jirriflettu b’mod akkurat id-dinamika tas-suq fl-Ewropa.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jeħtieġu li l-miżura tkun “xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika”, li huwa b’mod partikolari l-każ jekk jeżistu “diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti”. Il-miżuri jridu jittieħdu wkoll fi “spirtu ta’ solidarjetà”, u, skont il-ġurisprudenza, iridu jkunu temporanji u proporzjonati.

In-nuqqas persistenti attwali ta’ provvisti tal-gass, flimkien mal-volatilità tal-prezzijiet ikkawżata mill-bilanċ fraġli fis-swieq globali tal-gass, jikkostitwixxu diffikultà serja fil-provvista ta’ prodott tal-enerġija skont l-Artikolu 122 tat-TFUE. Kif enfasizzat hawn fuq fil-paragrafu 1 (“Raġunijiet u objettivi tal-proposta”), għad hemm diffikultajiet u riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE.

Jekk il-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2578 ma jibqgħux japplikaw, l-Istati Membri ma jibqax ikollhom għodda biex jindirizzaw direttament episodji ta’ prezzijiet eċċessivament għoljin ikkawżati minn tali diffikultajiet u riskji.

Kif spjegat fil-paragrafu 1 (“Raġunijiet u objettivi tal-proposta”), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma meħtieġa u proporzjonati biex jindirizzaw id-diffikultajiet serji u r-riskji potenzjali għall-prezzijiet li jistgħu jinqalgħu minħabba l-bilanċ fraġli attwali fis-sistema tal-gass tal-UE.

Sabiex tiġi evitata azzjoni frammentata, li tista’ taqsam is-suq integrat tal-gass tal-UE, hija meħtieġa azzjoni komuni fi spirtu ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq isaħħaħ is-solidarjetà tal-Unjoni billi jiġu evitati prezzijiet tal-gass eċċessivament għoljin, li mhumiex sostenibbli anke għal perjodi qosra ta’ żmien għal ħafna Stati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jista’ jgħin biex jiġi żgurat li l-intrapriżi tal-provvista tal-gass mill-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jixtru l-gass bi prezzijiet raġonevoli fi spirtu ta’ solidarjetà.

Barra minn hekk, salvagwardji komuni, li jistgħu jkunu aktar meħtieġa fl-Istati Membri li ma għandhomx alternattivi ta’ provvista milli fl-Istati Membri b’aktar alternattivi, jiżguraw approċċ ikkoordinat bħala espressjoni ta’ solidarjetà tal-enerġija.

Għalhekk hu ġġustifikat li l-istrument propost jiġi bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u l-estensjoni proposta huma kompletament konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Minħabba n-natura integrata tas-swieq tal-gass u ta’ dawk finanzjarji, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija l-aktar mod effettiv biex tiġi indirizzata l-problema tal-ogħla żidiet fil-prezzijiet fl-Unjoni kollha.

Proporzjonalità

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament u l-estensjoni proposta tagħhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-miżura hija proporzjonali għad-dimensjoni u n-natura tal-problemi definiti u għall-ksib tal-objettivi stabbiliti.

Il-limiti tal-offerti huma karatteristika komuni fis-swieq negozjati biex tiġi indirizzata l-problema bil-mekkaniżmi tal-formazzjoni tal-prezzijiet li potenzjalment iwasslu għal effetti dannużi għall-konsumaturi. Mekkaniżmu bħal dan jeżisti, pereżempju, fis-swieq tal-elettriku tal-UE (ara pereżempju l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/943), u jista’ jinstab ukoll fi swieq barra mill-Unjoni, bħal fl-Istati Uniti.

Barra minn hekk, il-mekkaniżmu mhuwiex maħsub biex jintervjeni fl-interazzjoni normali tad-domanda u l-provvista jew biex “jillimita” l-iffissar tal-prezzijiet ordinarji. Jista’ jiġi skattat biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħafna meta ż-żidiet fil-prezzijiet fit-TTF ma jkunux relatati mal-evoluzzjoni ta’ prezzijiet internazzjonali, u b’hekk titqiegħed temporanjament f’dubju l-adegwatezza tiegħu bħala prezz ta’ referenza. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq se jiġi skattat biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali għal żmien strettament limitat.

Il-limitu tal-offerti se jiġi diżattivat immedjatament meta dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ma jibqgħux jippersistu. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq huwa akkumpanjat minn sett komprensiv ta’ salvagwardji, li jippermettu s-sospensjoni tal-mekkaniżmu, jekk iseħħu disturbi mhux intenzjonati fis-suq, li jaffettwaw b’mod negattiv is-sigurtà tal-provvista u l-flussi intra-UE, kif ukoll il-funzjonament kif suppost tas-swieq tad-derivattivi.

Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ politika segwit u huwa proporzjonat ma’ li jintlaħaq l-objettiv li jittaffa l-impatt tal-prezzijiet tal-gass għoljin b’mod anormali. L-estensjoni b’sena hija meħtieġa minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji għall-provvista tal-enerġija u r-riskji li jirriżultaw għall-prezzijiet u s-sigurtà tal-provvista li huma mistennija li jkomplu mill-inqas matul l-2024 kollha, peress li bidliet aktar strutturali tal-kundizzjonijiet tas-suq huma mistennija biss matul l-2025. 

Għażla tal-istrument

Filwaqt li wieħed iqis id-dimensjoni tal-kriżi tal-enerġija u l-iskala tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha, id-dispożizzjonijiet li l-proposta attwali tfittex li testendi huma integrati f’Regolament li għandu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huwa applikabbli direttament u minnufih. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet issir ukoll permezz tal-adozzjoni ta’ Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta għall-estensjoni tar-Regolament sabiex dan ikun jista’ jiġi adottat fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni vvalutaw jekk kienx hemm xi effetti negattivi mid-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq.

F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2578, fir-rapporti tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-effetti, (“Effects Assessment”) ippubblikati fl-1 ta’ Marzu 2023, l-ACER ( 6 ) u l-ESMA ( 7 ) analizzaw għadd ta’ indikaturi biex jivvalutaw l-impatt tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Dawn l-indikaturi jkopru diversi oqsma mis-sigurtà tal-provvista u l-fluss intra-UE għas-swieq finanzjarji u l-istabbiltà. L-ACER u l-ESMA kkonkludew li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma kienx ġie attivat u ma kien hemm l-ebda effett negattiv qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tagħhom.

Filwaqt li bniet fuq l-indikaturi stabbiliti mill-ACER u mill-ESMA fir-rapporti tagħhom ta’ Marzu, il-Kummissjoni estendiet l-analiżi biex tivvaluta l-iżviluppi tas-suq f’dawn l-aħħar xhur. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq qatt ma ġie attivat u ma ġie identifikat l-ebda effett negattiv minn meta daħal fis-seħħ il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq.

L-eżitu tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni ġie ppreżentat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Enerġija fil-5 ta’ Ottubru 2023.

Drittijiet fundamentali

Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq huwa temporanju u jiġi attivat biss meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet min-naħa tagħhom jirriflettu sitwazzjoni li tkun ta’ ħsara għall-ekonomija tal-Unjoni u għas-sigurtà tal-enerġija tagħha u li għalhekk jenħtieġ li tiġi indirizzata. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq fih salvagwardji sodi li jipprevjenu li tinqala’ kwalunkwe kwistjoni relatata mad-drittijiet fundamentali. Jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ diżattivazzjoni li jtemmha jekk l-operat tiegħu ma jibqax iġġustifikat mis-sitwazzjoni tal-gass naturali fis-suq. Anki jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jibqgħu jeżistu, ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-mekkaniżmu jiġi sospiż meta jseħħu disturbi mhux intenzjonati fis-suq. Il-Kummissjoni hija obbligata tadotta dawn id-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni f’każ li jseħħu disturbi mhux intenzjonati fis-suq. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq huwa proporzjonat u debitament ġustifikat, fis-sens li ma jkollux impatt akbar milli meħtieġ fuq id-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta’ intrapriża fid-dawl tal-effett li n-nuqqas ta’ azzjoni jkollu fuq l-ekonomija tal-Unjoni u s-sigurtà tal-enerġija tagħha.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-impatt baġitarju fuq il-baġit tal-UE assoċjat ma’ din il-proposta jikkonċerna r-riżorsi umani tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni Ewropea għall-Enerġija. Dan il-mekkaniżmu bla preċedent jinvolvi kompiti, fosthom il-monitoraġġ tal-funzjonament tas-swieq tal-komoditajiet u l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà tal-provvista, li normalment mhumiex parti mir-rwol tal-Kummissjoni. Minħabba l-livell ta’ responsabbiltà marbut ma’ tali kompitu, huwa tal-ogħla importanza li jiġi żgurat akkumpanjament adegwat mis-servizzi tal-Kummissjoni, billi jiġi allokat rwol imsaħħaħ lid-DĠ Enerġija, jiġifieri rigward il-monitoraġġ u l-valutazzjoni finanzjarji u tas-suq (6 FTE). L-appoġġ mill-ACER fil-monitoraġġ, fl-attivazzjoni u fis-sospensjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq se jkun kruċjali għall-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu. Għalhekk l-impatt baġitarju fuq il-baġit tal-UE assoċjat ma’ din il-proposta jikkonċerna wkoll ir-riżorsi umani u nefqiet amministrattivi oħra tal-ACER (6 FTE).

Din il-proposta ma teħtieġx riżorsi baġitarji addizzjonali għal dawk diġà allokati fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2578 (u stabbiliti fid-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja r-Regolament (UE) 2022/2578).

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-bidliet proposti huma mmirati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni biex jestendu b’sena l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2578.

Fl-Artikolu 12, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament huwa propost li jinbidel u jiġi estiż sal-31 ta’ Jannar 2025.

2023/0443 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2578 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 8 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq (“MCM”) temporanju għall-ordnijiet magħmula għan-negozjar ta’ derivattivi marbuta mal-punti ta’ negozjar virtwali (“VTPs”) tal-Unjoni b’maturitajiet bejn xahar bil-quddiem u sena bil-quddiem. Għalhekk il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq japplika għal kwalunkwe derivattiv ta’ komodità, innegozjat f’suq regolat, li l-bażi tiegħu tkun tranżazzjoni fil-gass fi kwalunkwe VTP fl-Unjoni.

(2)Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq għandu jiġi attivat meta jseħħ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, jiġifieri, meta l-prezz tas-saldu tad-derivattivi tat-Title Transfer Facility (“TTF”) front-month, kif ippubblikat minn ICE Endex B.V., jaqbeż EUR 180/MWh u jkun EUR 35 ogħla mill-prezz ta’ referenza għal 3 ijiem tax-xogħol. Malli jseħħ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, ir-Regolament (UE) 2022/2578 jistabbilixxi limitu dinamiku tal-offerti, li skontu l-operaturi tas-suq jenħtieġ li ma jaċċettawx u l-parteċipanti fis-suq jenħtieġ li ma jissottomettux ordnijiet għal derivattivi bi prezzijiet ta’ EUR 35/MWh ogħla mill-prezz ta’ referenza ppubblikat mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) 9 fil-jum ta’ qabel. 

(3)Fir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-effetti tagħhom ippubblikati fl-1 ta’ Marzu 2023 f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2578, l-ACER u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) 10 analizzaw għadd ta’ indikaturi biex jivvalutaw l-impatt tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq mid-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament. L-ACER u l-ESMA kkonkludew li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq ma kienx ġie attivat u li ma kien irriżulta l-ebda effett negattiv fuq is-sigurtà tal-provvista u l-fluss intra-Unjoni lejn is-swieq finanzjarji u l-istabbiltà sakemm ġie ppubblikat ir-rapport rispettiv tagħhom.

(4)Filwaqt li tibni fuq l-indikaturi analizzati mill-ACER u mill-ESMA fir-rapporti tagħhom tal-1 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni estendiet l-analiżi biex tivvaluta l-iżviluppi tas-suq f’dawn l-aħħar xhur. Ma ġie identifikat l-ebda effett negattiv minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2022/2578 u l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq qatt ma ġie attivat. 

(5)Madankollu, għad hemm diffikultajiet serji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha ssikkata ħafna. Il-prezzijiet tal-gass għadhom konsiderevolment ogħla minn qabel il-kriżi b’konsegwenzi inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni.

(6)Il-volatilità tas-suq hija wkoll konsegwenza tal-issikkar tas-suq li jirriżulta minn riskji ġeopolitiċi, u tirrappreżenta riskju addizzjonali għall-ekonomija tal-Unjoni. L-episodji ta’ volatilità qawwija tal-prezzijiet osservati fis-sajf u fil-bidu tal-ħarifa tal-2023, meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat, juru li s-swieq għadhom fraġli u għadhom vulnerabbli saħansitra għal xokkijiet relattivament żgħar fuq id-domanda u l-provvista, kif muri mill-movimenti fil-prezzijiet wara avvenimenti reċenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-gass naturali likwifikat (LNG), jew l-interruzzjoni tal-Balticconnector. Il-kriżi li għaddejja fil-Lvant Nofsani tikkostitwixxi riskju ġeopolitiku sinifikanti addizzjonali b’impatt potenzjali fuq il-prezzijiet u l-provvista tal-gass.

(7)Is-swieq globali tal-gass bħalissa huma ssikkati ħafna u huma mistennija li jibqgħu ssikkati għal ċertu żmien. Il-provvista globali tal-LNG kibret biss b’mod modest f’dawn l-aħħar sentejn minħabba żidiet limitati fil-kapaċità tal-likwefazzjoni, qtugħ fil-faċilitajiet ewlenin tal-esportazzjoni u tnaqqis fil-provvista tal-gass ta’ alimentazzjoni fl-impjanti tal-LNG. Kapaċità ġdida sinifikanti ta’ likwefazzjoni tal-LNG hija mistennija li ssir online biss matul l-2025. Għalhekk, il-bilanċi tas-suq jibqgħu prekarji fil-futur immedjat.

(8)Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines Russi matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni hija mnaqqsa b’mod konsiderevoli meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-kriżi. Bil-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass, l-Unjoni hija mistennija li tirċievi madwar 20 bcm ta’ gass mill-pipelines Russi fl-2023, madwar 110 bcm inqas mill-2021. Għalhekk, għad hemm riskju serju li jkun hemm skarsezzi tal-gass fl-Unjoni fuq terminu qasir. Minħabba l-kundizzjonijiet issikkati tas-suq bħalissa, il-prezzijiet jistgħu jerġgħu jogħlew minħabba avvenimenti imprevedibbli u xokkijiet għal għarrieda bħal rikorrenza fid-domanda Asjatika għal-LNG li tista’ tnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass; kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari li jkunu jeħtieġu rikors akbar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, u aktar interruzzjonijiet possibbli fil-provvista tal-gass, inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja, u aktar interruzzjonijiet fl-infrastrutturi kritiċi, wara l-atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipeline NordStream 1 f’Settembru 2022 u l-interruzzjoni tal-pipeline Balticconnector f’Ottubru 2023.

(9)Diffikultajiet serji persistenti jesponu lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza ta’ enerġija u ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-livell tal-prezzijiet tal-gass jista’ jkollu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-Unjoni, il-kompetittività industrijali u l-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini.

(10)F’dawn il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ diversi riskji ġeopolitiċi b’impatt potenzjali fuq il-prezzijiet tal-gass, il-biża’ ta’ skarsezza tista’ twassal għal reazzjonijiet kbar li jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet. Minħabba l-bilanċ issikkat bejn il-provvista u d-domanda attwalment, anke interruzzjoni moderata fil-provvista tal-gass jista’ jkollha impatt drammatiku fuq il-prezzijiet tal-gass u tista’ tikkawża ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija u liċ-ċittadini tal-Unjoni.

(11)Fl-eqqel tal-kriżi, l-Unjoni adottat rispons b’saħħtu u kkoordinat biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u lill-ekonomija tagħha kontra prezzijiet eċċessivi u biex tiżgura li l-gass jgħaddi lill-konsumaturi kollha fil-bżonn b’mod transfruntier, anke f’sitwazzjonijiet ta’ skarsezza tal-gass. Ir-rispons tal-Unjoni skont il-Pjan REPowerEU 11 u l-inizjattivi sussegwenti, inklużi l-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2578, ikkontribwew biex tittejjeb is-sitwazzjoni. Jekk dawk il-miżuri ma jibqgħux japplikaw, dan jirriskja li jbiddel is-sitwazzjoni stabbilizzata iżda fraġli li l-Unjoni kisbet u li jiddeterjora r-reżiljenza għal avvenimenti futuri possibbli u xokkijiet għal għarrieda, bħal dawk imsemmija hawn fuq.

(12)Peress li l-Unjoni hija suq uniku u t-TTF normalment titqies bħala l-indikatur tal-ipprezzar “standard” fis-swieq tal-gass tal-Unjoni, il-prezzijiet għoljin tal-gass għad-derivattivi marbuta mat-TTF ikollhom konsegwenzi serji fl-Istati Membri kollha, għalkemm possibbilment fi gradi differenti skont l-Istat Membru. Id-derivattivi marbuta mal-VTPs l-oħra kollha fl-Unjoni jenħtieġ li jibqgħu inklużi wkoll fl-estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/2578 sabiex jiġu evitati bidliet possibbli tan-negozjar għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq tal-enerġija jew dawk finanzjarji tal-Unjoni. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq isaħħaħ is-solidarjetà tal-Unjoni billi jevita prezzijiet tal-gass eċċessivament għoljin, li mhumiex sostenibbli anke għal perjodi qosra ta’ żmien għal ħafna Stati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq jista’ jgħin biex jiġi żgurat li l-intrapriżi tal-provvista tal-gass mill-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jixtru l-gass bi prezzijiet raġonevoli fi spirtu ta’ solidarjetà.

(13)L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2578 tikkostitwixxi miżura ta’ emerġenza b’rispons għal diffikultajiet serji persistenti fil-provvista tal-enerġija li jinvolvu riskju ta’ kriżi imminenti u li jirrikjedu li l-miżura stabbilita f’dak ir-Regolament, li tikkontribwixxi biex il-prezzijiet jinżammu taħt kontroll, tkompli tapplika

(14)Meta jitqies il-fatt li r-Regolament (UE) 2022/2578 se jieqaf japplika fil-31 ta’ Jannar 2024, l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu tikkostitwixxi miżura ta’ emerġenza fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li għandha l-għan li twieġeb għal diffikultajiet serji persistenti fil-provvista tal-enerġija. Diffikultajiet bħal dawn jinvolvu wkoll riskju ta’ kriżi imminenti u prezzijiet eċċessivament għoljin speċjalment kieku jimmaterjalizzaw avvenimenti bħal dawk deskritti hawn fuq.

(15)Estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2578 hija konsistenti wkoll mal-Pjan REPowerEU, li għandu l-għan li jipproteġi liċ-ċittadini u lill-ekonomija tal-Unjoni kontra prezzijiet eċċessivi u nuqqasijiet fil-provvista tal-enerġija.

(16)Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024 sabiex tiġi żgurata protezzjoni kontinwa kontra prezzijiet eċċessivament għoljin matul l-istaġun tax-xitwa 2023/2024.

(17)Id-dispożizzjonijiet estiżi jenħtieġ li jkunu temporanji u jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Jannar 2025. L-estensjoni b’sena hija meħtieġa u proporzjonata minħabba n-natura persistenti tad-diffikultajiet serji u r-riskji addizzjonali deskritti hawn fuq, u l-inċertezza tas-sitwazzjoni attwali.

(18)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(19)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2578 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (UE) 2022/2578

 

   

 

Fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2022/2578, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta’ Jannar 2025.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-AIE: Medium-Term Gas Report 2023
(2)    L-AIE: World Energy Outlook, 2023
(3)    L-AIE nnotat li d-domanda globali għall-gass hija mistennija li terġa’ lura għal tkabbir moderat fl-2024, primarjament xprunat mill-Asja u mill-Paċifiku u mil-Lvant Nofsani u li d-domanda tal-Asja u tal-Paċifiku hija mistennija li tespandi b’20 % sal-2026 meta mqabbla mal-2022, ara l-“Medium-Term Gas Report 2023”.
(4)    In-nuqqasijiet domestiċi fl-enerġija idroelettrika u nukleari, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u fatturi oħra ta’ disponibbiltà, aggravaw l-istress fuq is-suq tal-gass li kompla jgħolli l-prezzijiet fis-sajf tal-2022. Id-distakk fil-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika u nukleari fl-2022 kien ta’ madwar 60 TWh u 120 TWh, rispettivament, meta mqabbel mal-2021.
(5)    L-AIE, “Global Security Review 2023”. Fil-bidu ta’ Novembru 2023, l-inventarji tal-gass tal-UE laħqu livell rekord ta’ kapaċità ogħla minn 99 %.
(6)    https://acer.europa.eu/Publications/ACER_FinalReport_MCM.pdf
(7)     https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/ESMA70-446-794_MCM_Effects_Assessement_Report.pdf
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2578/oj).
(9)    https://acer.europa.eu/Publications/ACER_FinalReport_MCM.pdf
(10)     https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/ESMA70-446-794_MCM_Effects_Assessement_Report.pdf
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, il-Pjan REPowerEU, COM(2022) 230 final, 18.5.2022.
Top