IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.11.2022
COM(2022) 636 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Nagħmlu ż-Żona Schengen aktar b’saħħitha bis-sehem sħiħ tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja fl-ispazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni
I.Introduzzjoni
Iż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni (iż-“żona Schengen”) hija fost l-aktar kisbiet emblematiċi tal-integrazzjoni Ewropea u waħda mill-aktar manifestazzjonijiet tanġibbli tal-istil ta’ ħajja Ewropew, li tixpruna l-ekonomija u tgħaqqad lill-Ewropej minn fruntiera interna għall-oħra.
Dak li beda bħala proġett intergovernattiv bejn ħames Stati Membri fl-1985 — Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu — gradwalment espanda fuq seba’ stadji ta’ tkabbir biex illum sar l-akbar spazju ta’ moviment liberu fid-dinja. Il-benefiċċji tal-abolizzjoni tal-fruntieri interni għadhom jikkonvinċu llum daqs kemm kienu fl-1985. Iż-żona Schengen hija realtà għal miljuni ta’ persuni: kuljum, madwar 3,5 miljun ruħ jaqsmu l-fruntieri interni biex jaħdmu, jistudjaw jew iżuru lill-qraba u l-ħbieb. Iż-żona Schengen tejbet is-sigurtà kollettiva tagħna, u ppermettiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib bejniethom. Lil hinn minn dan, iż-żona Schengen hija mfassla biex tkun il-pedament tal-Unjoni Ewropea u tas-suq uniku tagħha kollu kemm hu. Fil-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku diffiċli attwali, żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ u kkompletata hija strumentali għall-istabbiltà, ir-reżiljenza u l-irkupru.
Illum, iż-żona Schengen tinkludi 26 pajjiż u tkopri aktar minn 4 miljun kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ kważi 420 miljun ruħ. Hemm 22 Stat Membru tal-UE li jipparteċipaw fiż-żona Schengen. Mill-Istati Membri li jifdal, kollha għajr Stat Membru wieħed, huma meħtieġa u għandhom għalhekk jitħallew jissieħbu fiż-żona Schengen ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet. Erbgħa mill-ħames Stati Membri li fadal, jiġifieri l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija diġà huma marbuta parzjalment bl-acquis ta’ Schengen iżda l-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ dawn l-Istati Membri għadhom ma tneħħewx. Bħalissa, l-Irlanda tipparteċipa f’xi partijiet importanti tal-qafas ta’ Schengen bl-eċċezzjoni tal-acquis relatat mal-fruntieri esterni u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Hemm erba’ Stati Membri li mhumiex fl-UE: L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera, li kull wieħed minnhom iffirma ftehimiet mal-Unjoni dwar assoċjazzjoni mal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u għalhekk jiffurmaw ukoll parti miż-żona Schengen. Bl-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, iż-żona Schengen se tikber għal 4,5 miljun kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ 450 miljun ruħ.
L-acquis ta’ Schengen huwa parti integrali mill-qafas legali tal-UE, b’obbligi u responsabbiltajiet sinifikanti, li kull Stat Membru ġdid irid jaċċetta bis-sħiħ bħala kandidat għall-ammissjoni. B’mod partikolari, kull Stat Membru ġdid jeħtieġlu li jkun ippreparat u jkollu l-kapaċità li jimmaniġġja b’mod effettiv il-fruntieri esterni f’isem l-Istati l-oħra kollha ta’ Schengen, u joħroġ viżi uniformi ta’ Schengen. Jeħtieġlu wkoll ikun jista’ jikkoopera b’mod effiċjenti mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fi Stati oħra u jkun jista’ jikkollega ruħu mas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti u jużahom, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, sabiex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà ladarba ma jkun hemm l-ebda kontroll fil-fruntieri interni. Fl-aħħar nett, irid jiżgura li d-drittijiet fundamentali u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data jiġu rispettati f’dawn l-attivitajiet.
Apparti l-issodisfar ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen tiddependi minn approvazzjoni unanima mill-Istati Membri l-oħra kollha li japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. F’dan ir-rigward, sar progress sinifikanti u reċentement ittieħdu passi politiċi importanti biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja. Dan huwa rrakkomandat bil-qawwa mill-Parlament Ewropew u huwa prijorità ewlenija għall-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, għal Ċipru jinsab għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen biex jiġi vvalutat jekk huwiex lest li jissieħeb fiż-żona Schengen. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’Ċipru se tibda titħaddem dalwaqt u dan il-proċess se jiġi vverifikat permezz ta’ evalwazzjoni apposta ta’ Schengen fl-2023.
Din il-Komunikazzjoni tqis ir-rekord b’saħħtu tal-kisbiet tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja li ħadu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen, kif stabbilit fl-Atti tal-Adeżjoni rispettivi tagħhom tal-2005 u l-2011. Titlob lill-Kunsill tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa mingħajr aktar dewmien, biex dawn it-tliet pajjiżi, li għadhom mhumiex kompletament parti miż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, ikunu jistgħu jissieħbu.
Ma hemm l-ebda dubju li l-Unjoni hija lesta għal deċiżjoni storika bħal din. L-isforzi konġunti li saru f’dawn l-aħħar snin għamlu liż-żona Schengen aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. Iċ-ċiklu ta’ governanza ta’ Schengen li ġie stabbilit dan l-aħħar jipprovdi l-għodod kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat regolarment l-istat ta’ Schengen, u jestendi minn qafas amministrattiv għal responsabbiltà u governanza politika komuni. Il-Kunsill ta’ Schengen u l-Forum Schengen jiffaċilitaw djalogu trasparenti u kostruttiv bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ġdid u rinfurzat ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen, li l-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja jkunu soġġetti għalih immedjatament wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen, se jiżgura l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ kwalunkwe nuqqas u miżura korrettiva possibbli.
Minnu nnifsu, dan it-tmien tkabbir taż-żona Schengen jikkonferma u jqawwi l-fiduċja reċiproka u l-unità bejn l-Istati Membri li fuqhom hija mibnija ż-żona Schengen kif ukoll jikkontribwixxi biex dan il-proġett fundamentali jiġi adattat il-ħin kollu u jitmexxa ’l quddiem.
II.Rekord b’saħħtu ta’ kisbiet mill-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja
Il-Kummissjoni ilha, mill-2011, konsistentement tal-fehma li l-Bulgarija u r-Rumanija huma lesti li jsiru parti miż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. L-istess japplika għall-Kroazja mill-2019. Il-Kummissjoni ħeġġet b’mod attiv lill-Kunsill biex jieħu d-Deċiżjonijiet biex il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja jkunu jistgħu jissieħbu fiż-żona mingħajr kontrolli interni. L-istess wegħda saret mill-Parlament Ewropew f’diversi okkażjonijiet
.
Għal snin sħaħ, dawn l-Istati Membri kkontribwew b’mod sinifikanti għall-funzjonament kif suppost taż-żona Schengen, inkluż matul il-kriżijiet tal-migrazzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-pandemija u dan l-aħħar, meta ffaċċjaw il-konsegwenzi bla preċedent tal-gwerra fl-Ukrajna. Wara li tlestew b’suċċess l-evalwazzjonijiet kollha ta’ Schengen, hemm aspettattiva leġittima li l-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja jissieħbu bis-sħiħ fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Il-missjoni volontarja reċenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni fil-Bulgarija u r-Rumanija kif ukoll l-aħħar żjara mill-ġdid fil-Kroazja u l-kisbiet tagħha rigward il-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri esterni jikkonfermaw b’mod deċiżiv li dawn il-pajjiżi għadhom effettivament jissodisfaw l-istandards rigorużi ta’ Schengen u wrew li għandhom rekord xempju ta’ implimentazzjoni. Filwaqt li dawn l-Istati Membri jimplimentaw b’mod attiv il-biċċa l-kbira tal-acquis ta’ Schengen, ma jgawdux il-benefiċċji sħaħ li jġib miegħu l-fatt li wieħed ikun parti miż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.
Billi jinsabu f’pożizzjoni ġeografika strateġika, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-fruntiera esterna komuni tagħna u jikkontribwixxu b’mod effettiv għal livell għoli ta’ sigurtà u prosperità, kif intwera, mill-kriżijiet reċenti. Hemm fis-seħħ l-għodod, l-istrutturi u l-proċeduri kollha meħtieġa sabiex il-qsim tal-fruntieri esterni kif ukoll it-theddid possibbli għas-sigurtà f’dawk il-fruntieri jiġu ġestiti b’mod effiċjenti, u b’hekk jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera. Dawn il-pajjiżi wrew ukoll livell għoli ta’ impenn biex jiżguraw rispons effettiv għall-pressjoni migratorja u l-isfidi relatati, filwaqt li żviluppaw kooperazzjoni b’saħħitha mal-ġirien qrib tagħhom. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament il-ġdid dwar l-Evalwazzjoni ta’ Schengen, l-Istati Membri li għalihom ġiet adottata deċiżjoni tal-Kunsill li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen għandhom japplikaw bis-sħiħ, għandhom jiġu evalwati mhux aktar tard minn sena wara d-data tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen f’dawk l-Istati Membri
. Dan japplika għall-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja wara l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet rispettivi.
Skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005
, il-Bulgarija u r-Rumanija wettqu b’suċċess il-proċessi ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen rispettivi tagħhom fl-2011. Il-proċess beda fl-2009 u l-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ġew ivvalutati bir-reqqa f’konformità mal-proċeduri applikabbli. Il-Kunsill irrikonoxxa t-tlestija tal-proċess ta’ evalwazzjoni f’żewġ Konklużjonijiet tal-Kunsill separati tad-9 ta’ Ġunju 2011
. L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija rċieva opinjoni pożittiva mill-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju 2011
. Minkejja l-eżitu pożittiv u t-tlestija tal-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, għal aktar minn 11-il sena ma ttieħdet l-ebda Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fil-Bulgarija u r-Rumanija u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom.
Minħabba li l-proċessi ta’ evalwazzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija tlestew fl-2011, u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen ma jippermettix li titnieda mill-ġdid evalwazzjoni formali tal-Bulgarija u r-Rumanija, it-tnejn li huma, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’rikonoxximent tal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen sadanittant, ħarġu Dikjarazzjoni Konġunta fit-2 ta’ Marzu 2022 li tistieden, fuq bażi volontarja, tim ta’ esperti taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni, “biex jiżguraw l-applikazzjoni fost l-oħrajn tal-aħħar żviluppi tal-acquis ta’ Schengen sa mill-evalwazzjoni, b’enfasi fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni tal-pulizija”.
Bi qbil mal-Bulgarija u r-Rumanija, li t-tnejn li huma wrew flessibbiltà u impenn, u wara talbiet mill-Istati Membri, l-ambitu tal-missjoni twessa’ b’mod sinifikanti biex ikopri l-elementi rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen, inklużi l-aħħar żviluppi mill-2011 ’l hawn, b’enfasi fuq il-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Ġew eżaminati wkoll ir-Ritorn, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, kif ukoll l-iżviluppi tal-politika dwar il-viżi. Il-missjoni qieset ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, u l-funzjonament tal-awtoritajiet li japplikaw il-partijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen. Iż-żjarat saru fir-Rumanija (mid-9 sal-11 ta’ Ottubru) u fil-Bulgarija (mit-12 sal-14 ta’ Ottubru 2022). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkontribwew għall-missjoni u t-tim kien magħmul minn 17-il espert mill-Istati Membri. Minbarra l-ħames esperti tal-Kummissjoni, osservaturi mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”), l-Europol u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali pparteċipaw fil-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni.
Il-missjoni volontarja ta’ ġbir ta’ informazzjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tal-proċessi ta’ evalwazzjoni li tlestew fl-2011, u tiżvela li l-Bulgarija u r-Rumanija mhux biss komplew jimplimentaw l-acquis u l-għodod il-ġodda, iżda rrinfurzaw ukoll b’mod sostanzjali l-applikazzjoni kumplessiva tal-acquis ta’ Schengen fid-dimensjonijiet kollha tiegħu b’mod komprensiv.
Il-Bulgarija, li hija ġara tat-Turkija, għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u fiż-żamma ta’ livell għoli ta’ sigurtà interna. Għal dan l-għan, il-Bulgarija stabbiliet ġestjoni b’saħħitha tal-fruntieri li tiżgura sorveljanza tal-fruntieri ta’ kwalità u kontrolli sistematiċi fil-fruntieri. Kif rifless fir-rapport ta’ ġbir ta’ informazzjoni, il-Bulgarija hija mħeġġa tkompli ttejjeb l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali billi timplimenta bis-sħiħ il-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju. Minkejja l-isfidi esterni eżistenti, il-Bulgarija tadotta approċċ koerenti vis-à-vis ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt ta’ soġġorn u l-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji mhux awtorizzati. Il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera tingħata prijorità permezz ta’ għodod attivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija fis-seħħ, inkluż permezz tal-Europol u magħha kif ukoll permezz ta’ ftehimiet operazzjonali li l-Bulgarija kkonkludiet ma’ pajjiżi ġirien li jippermettu sorveljanza transfruntiera u l-insegwiment transfruntiera. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen hija stabbilita fis-sod. Fir-rigward tal-funzjonament tal-awtoritajiet, l-istrateġija nazzjonali tal-Bulgarija għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni qiegħda tiġi implimentata fil-livelli kollha u msaħħa permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u proċeduri dixxiplinari robusti. Il-Bulgarija wriet ukoll li għandha l-istrutturi meħtieġa fis-seħħ biex tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali, tiggarantixxi l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, tosserva l-prinċipju ta’ non-refoulement kif ukoll ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data għall-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u l-kooperazzjoni tal-pulizija.
Ir-Rumanija, li tmiss mas-Serbja, l-Ukrajna u l-Moldova, għandha rwol importanti ħafna fil-kontribut għall-funzjonament kif suppost taż-żona Schengen. Hemm ġestjoni tal-fruntieri ta’ kwalità għolja u b’saħħitha, inkluż sorveljanza tal-fruntieri u kontrolli sistematiċi fil-fruntieri, u l-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien qiegħda tiffunzjona kif suppost, l-istess bħall-kooperazzjoni ferm attiva mal-Frontex. Approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-migrazzjoni huwa żgurat permezz ta’ azzjonijiet implimentati f’pajjiżi terzi wkoll. Ir-ritorn huwa implimentat bħala azzjoni ta’ prijorità sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari u l-movimenti sekondarji mhux awtorizzati, li jwassal għal approċċ koerenti fir-rigward tar-ritorn u r-riammissjoni. Ir-Rumanija għandha pjan nazzjonali ta’ kontinġenza u operazzjonali għal sitwazzjonijiet straordinarji, li r-Rumanija attivat b’suċċess b’reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Barra minn hekk, ir-Rumanija tinvolvi ruħha f’kooperazzjoni internazzjonali effettiva u attiva tal-pulizija, b’mod partikolari mal-Europol. Il-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin huma żewġ prijoritajiet li fir-rigward tagħhom ir-Rumanija hija partikolarment attiva. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ġiet stabbilita sew u issa huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi żgurata l-awtomatizzazzjoni meħtieġa tal-fluss tax-xogħol ta’ SIRENE. Ir-Rumanija għandha Strateġija nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u ġew introdotti miżuri kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha fl-infurzar tal-liġi Rumena. Fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali, ir-Rumanija għandha strutturi effettivi biex tiggarantixxi l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali u biex tiżgura li jiġi osservat il-prinċipju ta’ non-refoulement kif ukoll l-istrutturi meħtieġa biex jiġu rispettati r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data għall-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u l-kooperazzjoni tal-pulizija.
It-tim ta’ esperti fuq il-post ippreżenta r-rapport tal-missjoni
fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Materji Relatati ma’ Schengen tas-26 ta’ Ottubru 2022 u kkonkluda li ma kien identifika l-ebda kwistjoni fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Bulgarija u r-Rumanija tal-aħħar żviluppi tal-acquis ta’ Schengen u li ż-żewġ Stati Membri baqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex japplikaw il-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Kemm il-Bulgarija kif ukoll ir-Rumanija huma lesti li jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi dwar il-Viżi u joħorġu viża ta’ Schengen mill-mument tal-adeżjoni. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija li jittrasferixxu l-persunal meħtieġ mis-settur tal-pulizija tal-fruntieri fil-fruntieri interni għall-fruntieri esterni ladarba jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni, sabiex tiġi miġġielda ż-żieda potenzjali fil-migrazzjoni irregolari.
Il-Kroazja, li tmiss mas-Serbja, mal-Bożnija-Ħerzegovina kif ukoll mal-Montenegro, għandha rwol ugwalment essenzjali fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u fl-iżgurar tal-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen. Wara d- “Dikjarazzjoni ta’ Prontezza” tal-Kroazja biex tibda l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen bil-ħsieb ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen, il-proċess ta’ evalwazzjoni seħħ fil-perjodu 2016–2020.
Fit-22 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li kkonkludiet li l-Kroazja kienet ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen jiġu ssodisfati u li tikkonferma li l-Kroazja tkompli tissodisfa l-impenji marbuta mal-acquis ta’ Schengen kif meħuda fin-negozjati tal-adeżjoni tagħha
. Saret ukoll referenza għall-ħtieġa li l-Kroazja tkompli taħdem b’mod konsistenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha li jinsabu għaddejjin, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet jibqgħu jiġu ssodisfati.
Sabiex twettaq monitoraġġ u verifika tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, il-Kummissjoni organizzat żjara ta’ verifika mmirata fil-Kroazja mit-23 sas-27 ta’ Novembru 2020. Iż-żjara kkonkludiet li l-Kroazja kienet implimentat il-maġġoranza tal-azzjonijiet. Abbażi tal-eżitu taż-żjara u l-aħħar rapport ta’ progress tal-Kroazja dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-fruntieri esterni, il-Kummissjoni għalqet il-pjan ta’ azzjoni fit-2 ta’ Frar 2021.
Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta’ Diċembru 2021 ikkonferma l-konklużjoni tal-Kummissjoni kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2019 li l-Kroazja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen
. Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-Kroazja tkompli taħdem b’mod konsistenti fuq l-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif ukoll l-impenji marbuta miegħu. Fid-29 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja. L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill irċieva opinjoni pożittiva mill-Parlament Ewropew fl-10 ta’ Novembru 2022.
Il-Kroazja għamlet sforzi konsiderevoli biex tiżgura li l-kontrolli tal-fruntieri esterni jikkonformaw mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u impenjat ruħha għal “tolleranza żero” fir-rigward tal-vjolenza ta’ kwalunkwe tip. Il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li l-Kroazja hija l-ewwel Stat Membru li stabbilixxa, f’Ġunju 2021, Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Indipendenti, kif propost fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Dan huwa forum uniku biex jiġu osservati b’mod indipendenti l-prattiki tal-gwardji tal-fruntiera u tal-pulizija, u biex tiġi indirizzata kwalunkwe allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fil-fruntiera, tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni, inkluż permezz tat-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-pulizija, fir-rigward tal-liġijiet applikabbli u s-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali u jiġi żgurat titjib tal-proċeduri interni. Il-Mekkaniżmu jinvolvi direttament lill-partijiet ikkonċernati Kroati rilevanti u huwa mmexxi minn Bord Konsultattiv indipendenti li jikkonsisti minn, fost l-oħrajn, żewġ Ombudspersons, inkluż wieħed għat-tfal, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u organizzazzjonijiet intergovernattivi.
Wara sena ta’ operazzjoni tal-Mekkaniżmu, ir-rapport finali tal-Bord ta’ Koordinazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Indipendenti ġie adottat f’Lulju 2022. Abbażi ta’ dan, fis-27 ta’ Ottubru 2022, il-Bord Konsultattiv faħħar l-attivitajiet tal-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Indipendenti, b’mod partikolari t-twaqqif ta’ djalogu espert u produttiv mal-awtoritajiet Kroati li ta segwitu għall-konklużjonijiet tal-Mekkaniżmu, u t-twettiq ta’ għoxrin missjoni ta’ osservazzjoni fuq il-post. Il-Bord Konsultattiv adotta wkoll rakkomandazzjonijiet għal titjib ulterjuri possibbli fir-rigward ta’ mandat usa’ inklużi osservazzjonijiet għal għarrieda b’mod partikolari fil-fruntiera ħadra, aċċess għall-informazzjoni mill-Ministeru għall-Intern u l-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni kontinwa tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti.
Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-gvern Kroat li jżomm u jkompli jimplimenta l-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Indipendenti u tinnota b’mod pożittiv li r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv huma riflessi bis-sħiħ fil-Ftehim il-ġdid li jestendi l-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ Indipendenti, li ġie ffirmat fl-4 ta’ Novembru 2022. B’mod partikolari, il-Ftehim il-ġdid jistipula li l-Mekkaniżmu jiġi stabbilit għal perjodi ta’ 18-il xahar li jiġġeddu awtomatikament u b’hekk jiżgura li l-għanijiet previsti tiegħu jintlaħqu b’mod durabbli u sostenibbli, u jipprevedi l-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet għal għarrieda fi kwalunkwe ħin u post, inkluż fil-fruntiera ħadra. Dan il-Ftehim jipprevedi wkoll li l-Mekkaniżmu se jkun jista’ jirrikjedi t-tnedija ta’ investigazzjonijiet uffiċjali mill-korpi statali rilevanti wara l-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet u ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-Ftehim jinkludi mekkaniżmi speċifiċi biex jiġu żgurati aktar effiċjenza u trasparenza, inkluż biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni mal-pubbliku interessat. Fl-aħħar nett, il-Ftehim jagħmel enfasi aktar qawwija fuq monitoraġġ kontinwu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali billi jiċċara li l-Mekkaniżmu jwettaq monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fiċ-ċirkostanzi kollha, b’attenzjoni partikolari għad-dritt għal aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, ir-rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement, il-projbizzjoni tat-tkeċċija kollettiva kif ukoll il-projbizzjoni tat-tortura jew forom oħra ta’ trattament ħażin.
III.Rekord b’saħħtu ta’ kisbiet għar-rinfurzar u t-tisħiħ ta’ Schengen
Ir-rekord b’saħħtu ta’ kisbiet mill-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja jikkorrispondi għal rekord qawwi ta’ kisbiet milħuqa progressivament fiż-żona Schengen kollha kemm hi. Iż-żona Schengen qiegħda kontinwament tiżviluppa u taġġusta għal sfidi u prijoritajiet ġodda. Iż-żona Schengen tagħna llum hija robusta u lesta għal dan it-tkabbir il-ġdid li min-naħa tiegħu se jikkontribwixxi biex tiżdied aktar ir-reżiljenza tagħha, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sfidi ġeopolitiċi ġodda. Matul is-37 sena li għaddew, gradwalment ġew żviluppati qafas legali komprensiv u għodod operazzjonali komuni biex iż-żona mingħajr kontrolli tiġi protetta aħjar fil-fruntieri interni.
Is-sistema ta’ governanza ta’ Schengen stabbilita reċentement tiggarantixxi rendikontabbiltà aktar b’saħħitha u responsabbiltà komuni bi promozzjoni għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. Iċ-Ċiklu ta’ Schengen kif propost mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-istrutturi għal approċċ koordinat għall-isfidi komuni u għal aktar djalogu politiku.
Il-qafas ta’ Schengen kien u għadu qiegħed jiġi aġġornat kontinwament. Il-qafas legali kien u għadu qiegħed jissaħħaħ il-ħin kollu u llum diġà joffri bażi b’saħħitha għall-ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni filwaqt li jiggarantixxi li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżuri tal-aħħar istanza. Ir-reviżjoni li jmiss tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen
se tkompli tirrinforza r-regoli, filwaqt li tiggarantixxi aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u koordinazzjoni sħiħa fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm sensibilizzazzjoni u determinazzjoni dejjem akbar mill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata b’mod sostenibbli l-kwistjoni ta’ kontrolli fit-tul fil-fruntieri interni.
F’dawn l-aħħar snin, l-UE ilha taħdem b’mod intensiv biex tistabbilixxi waħda mill-aktar sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri teknoloġikament avvanzati fid-dinja, li l-benefiċċji tagħha diġà huma viżibbli fil-prattika llum. Il-bidu tat-tħaddim kmieni fl-2023 tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen aġġornata, u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ f’Mejju 2023 se jwasslu għal sigurtà addizzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħna u għaż-żona Schengen. Il-qafas sħiħ ġdid tal-IT, inkluża s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) huwa mistenni li jkun fis-seħħ sa tmiem l-2023, u l-interoperabbiltà sussegwenti se tikkollega s-sistemi Ewropej għall-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Ladarba jkun fis-seħħ, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u kompetenti kollha se jkollhom l-informazzjoni kompluta, affidabbli u preċiża meħtieġa, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.
Il-Kodiċi dwar il-Viżi, li daħal fis-seħħ fl-2010–2011, ġie rivedut fl-2020, u pprovda proċeduri aktar rapidi u aktar ċari għall-vjaġġaturi, filwaqt li fl-istess ħin żied l-għodod disponibbli biex jirrispondu għall-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni irregolari. Il-possibbiltà l-ġdida li tintuża l-influwenza tal-viża fir-rigward ta’ pajjiżi terzi li magħhom il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mhijiex biżżejjed diġà tat il-frott tagħha. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, riformata reċentement biex tinkludi funzjonalitajiet ġodda (pereż. l-integrazzjoni ta’ viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza), kienet qiegħda u għadha tappoġġa b’mod effettiv lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tippermetti kontrolli aħjar tal-applikanti għal viża sabiex jiġu identifikati dawk li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà jew jissograw jabbużaw mir-regoli tal-immigrazzjoni. Apparti minn hekk, l-Unjoni kompliet taħdem biex tagħmel Schengen aktar attraenti, billi żiedet pajjiżi terzi ġodda mal-lista ta’ pajjiżi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE u kkonkludiet Ftehimiet ta’ faċilitazzjoni tal-viża ma’ pajjiżi terzi. Id-diġitalizzazzjoni li jmiss tal-proċeduri tal-viża
se tikkonverti l-proċedura attwali ta’ applikazzjoni għal viża bbażata fuq il-karti f’waħda diġitali li tagħmilha aktar rapida u aktar sigura. Il-pjattaforma online unika se tagħti xbieha tal-UE lill-proċess tal-viża u se toħloq punt ta’ dħul uniku għall-applikanti għal viża madwar id-dinja, u b’hekk iżżid l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni tal-ivvjaġġar.
Ġestjoni robusta tal-fruntieri esterni hija kruċjali biex tagħmel tajjeb għall-eliminazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, filwaqt li tiġi żgurata fiduċja reċiproka. L-Unjoni u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu b’mod attiv sabiex tinkiseb ġestjoni Ewropea tal-fruntieri kompletament effettiva u integrata fil-prattika, inklużi azzjonijiet sabiex ir-ritorni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr dritt ta’ soġġorn isiru aktar effettivi. Barra minn hekk, it-twaqqif tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-mandat rinforzat tagħha, kienu fost id-deċiżjonijiet storiċi li ħadet l-Unjoni biex tissodisfa bis-sħiħ l-obbligi ta’ Schengen. Is-sigurtà u l-funzjonament taż-żona Schengen huma appoġġati wkoll minn implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Din il-kooperazzjoni tiggarantixxi li l-kontroll tal-merkanzija jkun integrat sew fl-istess proċessi ta’ sigurtà.
Żona Schengen aktar b’saħħitha tikkontribwixxi wkoll biex l-isfidi tas-sigurtà interna jiġu indirizzati aħjar. It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri ppermettiet lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-pulizija biex jiġġieldu l-kriminalità u t-terroriżmu intern b’mod aktar immirat. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri
jistgħu jiskambjaw informazzjoni b’mod aktar effiċjenti bis-saħħa ta’ użu akbar tal-għodod u l-istrumenti tal-UE. Dan wassal għal koordinazzjoni aħjar tal-azzjonijiet investigattivi. Abbażi ta’ proposti leġiżlattivi li l-Kummissjoni ressqet f’Diċembru 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qegħdin jagħmlu progress fil-ħidma leġiżlattiva biex itejbu ulterjorment l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim mill-aktar fis dwar il-proposta għal Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri.
Barra minn hekk, sa tmiem is-sena, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API, advance passenger information) biex jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu, inkluż fuq titjiriet magħżula intra-UE.
Peress li l-azzjoni fil-livell nazzjonali biss mhijiex biżżejjed biex tindirizza l-isfidi transnazzjonali tas-sigurtà, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri saru dejjem aktar jużaw l-appoġġ u l-għarfien espert li l-Europol, l-aġenzija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, toffri għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. Id-dħul fis-seħħ reċenti tal-mandat rinforzat tal-Europol ikompli jsaħħaħ il-mezzi disponibbli għall-Aġenzija biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-kriminalità serja u t-terroriżmu transfruntiera, pereżempju bl-ipproċessar tal-big data, il-kooperazzjoni ma’ partijiet privati jew il-ħidma fuq l-innovazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali biex jiġi appoġġat l-infurzar tal-liġi.
L-Europol żiedet ukoll l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. L-Istati Membri jinvolvu ruħhom ukoll b’mod attiv fil-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT, European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats) bħala l-qafas kumplessiv għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u serja li taffettwa lill-UE, b’aktar appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.
L-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni operazzjonali tagħhom billi jagħtu effett lir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi, bl-użu ta’ insegwimenti u sorveljanza transfruntiera, operazzjonijiet konġunti jew pattulji konġunti biex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera.
Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri biex imexxu ’l quddiem l-azzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni, inkluż b’finanzjament fl-ambitu tal-Fond għas-Sigurtà Interna. L-Istati Membri jikkooperaw ukoll permezz ta’ kontrolli konġunti tal-pulizija li jwettqu fiż-żoni tal-fruntiera, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen.
Fl-aħħar nett, żona Schengen b’saħħitha u li tiffunzjona tajjeb teħtieġ mhux biss implimentazzjoni kif suppost tal-acquis ta’ Schengen iżda wkoll kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri dwar miżuri komplementari oħra, inkluż fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil. Saret u se tkompli ssir ħafna ħidma biex tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-isfidi tal-migrazzjoni. Bħala segwitu għad-dikjarazzjoni dwar Mekkaniżmu Volontarju ta’ Solidarjetà li dwaru kien hemm qbil f’Ġunju, il-Kummissjoni qiegħda tiffaċilita l-ħidma tal-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet komuni għall-kwistjoni ta’ movimenti sekondarji mhux awtorizzati. B’mod partikolari, wara t-taħditiet fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt dwar ir-Regolament Dublin III, li saret fl-24 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (“EUAA”, European Union Agency for Asylum) qablu li jaħdmu fuq pjan direzzjonali biex itejbu u jiżguraw l-implimentazzjoni tat-trasferimenti skont dak ir-Regolament fl-Istati Membri kollha. Il-ħidma flimkien, abbażi ta’ azzjonijiet identifikati kollettivament f’dan il-pjan direzzjonali, se tgħin biex ikun hemm titjib tanġibbli fis-sistema ta’ Dublin, kruċjali biex tkompli tinbena l-fiduċja.
Fl-istess waqt, il-progress deċiżiv fl-adozzjoni tal-Patt huwa kruċjali meta jitqies li dan jinkludi soluzzjonijiet meħtieġa biex jingħata kontribut għal ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni, kooperazzjoni aktar mill-qrib u kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u b’riżultat ta’ dan tiġi appoġġata żona Schengen b’saħħitha.
IV.L-ilħuq tal-potenzjal sħiħ ta’ Schengen
L-adeżjoni tal-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja ma’ Schengen tonora kemm il-wegħda Ewropea kif ukoll l-aspettattiva leġittima li ssegwi s-sħubija meta l-kundizzjonijiet kollha, li jkun hemm qbil dwarhom, jiġu vverifikati u ssodisfati. Iż-żona Schengen tgawdi minn sostenn enormi min-naħa tal-popolazzjoni Ewropea u kwalunkwe dewmien kontinwu li ma jħallix liċ-ċittadini Bulgari, Rumeni u Kroati jgawdu d-drittijiet tagħhom, għandu jiġi evitat. Il-Parlament Ewropew, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea wrew impenn sod għal din il-mewġa ġdida ta’ adeżjoni ma’ żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, u taw l-appoġġ politiku u tekniku sħiħ u kontinwu għal dan il-proċess.
Il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja huma lesti li jimplimentaw għalkollox l-acquis ta’ Schengen u jissieħbu fiż-żona Schengen. L-adeżjoni tagħhom hija kruċjali għal fiduċja reċiproka kontinwa u rinforzata fiż-żona Schengen. Barra minn hekk, l-adeżjoni tagħhom se tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakli fis-suq uniku, b’mod partikolari f’termini ta’ faċilitazzjoni tal-flussi tat-trasport, kif ukoll għat-trawwim tal-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tal-UE. Iż-żieda tal-persunal iddedikat u mħarreġ ħafna tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tal-Kroazja, l-infrastruttura u l-għarfien espert tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tagħhom mas-sett ta’ għodod kollettiv għall-ġestjoni taż-żona Schengen se tagħti spinta lis-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-UE kollha kemm hi. Min-naħa tagħhom, dawn il-membri l-ġodda taż-żona Schengen imbagħad ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox l-għodod kollha disponibbli, bħal dawk marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u mal-interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira. Dan se jwassal ukoll għal ġestjoni aktar b’saħħitha u aktar dixxiplinata tal-migrazzjoni, b’pajjiżi terzi b’mod partikolari fil-viċinat Ewropew, fil-fruntieri esterni tagħna u bejn l-Istati Membri.
Żona Schengen imkabbra se tagħmel lill-UE aktar b’saħħitha bħala Unjoni, internament u fix-xena dinjija. Din se tagħmel l-Unjoni aktar b’saħħitha — permezz ta’ protezzjoni rinforzata tal-fruntieri esterni komuni tagħna u kooperazzjoni effettiva tal-pulizija — aktar prosperuża — billi telimina l-ħin mitluf fil-fruntieri u tiffaċilita l-kuntatti bejn in-nies u n-negozji — aktar attraenti — billi tespandi b’mod sinifikanti l-akbar żona komuni tad-dinja mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.
Il-Kunsill ta’ Schengen issa għandu l-opportunità li f’Diċembru jieħu deċiżjoni storika. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri kollha biex jappoġġaw bis-sħiħ lill-Presidenza Ċeka fl-aħħar passi biex dan iseħħ, f’konformità mal-Atti tal-Adeżjoni tal-2005 u l-2011 tal-Bulgarija u r-Rumanija rispettivament, u l-Kroazja.