EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0435

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2021/435 final

Brussell, 30.7.2021

COM(2021) 435 final

2021/0249(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT” 1 ), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn ’il quddiem il-Ġermanja) talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT, biex teskludi mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT imposta fuq merkanzija u servizzi li jintużaw għal iktar minn 90 % mill-persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-impjegati tagħha, jew b’mod ġenerali għal finijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi. It-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 2 kif emendata mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2060 tal-20 ta’ Diċembru 2018 3 .

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri bid-data tas-17 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ġermanja. Permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq l-akkwisti li tagħmel u s-servizzi li tirċievi għall-fini tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 168a(1) tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-VAT fuq l-infiq relatat ma’ proprjetà immobbli li tifforma parti mill-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli u li tintuża kemm għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, għandha tkun deduċibbli biss sal-proporzjon tal-użu tal-proprjetà għall-finijiet kummerċjali tal-persuna taxxabbli. Skont l-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din ir-regola għall-infiq relatat ma’ oġġetti oħrajn li jifformaw parti mill-assi kummerċjali, skont dak li jispeċifikaw. L-Artikolu 168a ddaħħal fid-Direttiva tal-VAT permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 4 , sabiex it-tnaqqis jiġi limitat għall-proporzjon tal-użu kummerċjali effettiv u b’hekk jiġi applikat b’mod aktar effettiv il-prinċipju li permezz tiegħu t-tnaqqis japplika biss sa fejn il-merkanzija u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-finijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

Il-Ġermanja talbet sabiex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT li tippermettilha teskludi kompletament mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi li jintużaw minn persuna taxxabbli, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew mhux kummerċjali, inklużi l-attivitajiet mhux ekonomiċi.

Din il-miżura ta’ deroga għall-Ġermanja inizjalment kienet ingħatat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta’ Frar 2000 5 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru  2002 u reġgħet ingħatat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 6 għal perjodu sat-30 ta’ Ġunju 2004, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tat-19 ta’ Novembru 2004 7 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2009 u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2012. Din tal-aħħar ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015 u permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE tat-13 ta’ Novembru 2012 8 , sal-31 ta’ Diċembru 2018 permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 tal-10 ta’ Diċembru 2015 9 u sal-31 ta’ Diċembru 2021 permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2060 tal-20 ta’ Diċembru 2018 10 .

Fit-talba attwali tagħha, il-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-miżura ta’ deroga wriet li kienet effettiva ħafna u tikkostitwixxi simplifikazzjoni ewlenija għall-ġbir tal-VAT. Tgħin ukoll fil-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

L-użu minimu mitlub tal-merkanzija ta’ mill-inqas 10 % għal finijiet kummerċjali sabiex jingħata lok għat-tnaqqis tal-VAT tal-input huwa relattivament baxx. Skont il-Ġermanja, l-estensjoni ta’ din il-miżura għalhekk se jkollha biss impatt żgħir fuq l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT miġbur fl-aħħar stadju tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax ir-riżorsi proprji tal-VAT tal-Unjoni b’mod negattiv.

Skont il-Ġermanja, il-miżura tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-kontribwenti u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, minħabba li l-proporzjon tal-użu ta’ tali merkanzija għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali ma għandux bżonn jiġi mmonitorjat u lanqas adattat u għalhekk ma hemm bżonn li tinżamm l-ebda dokumentazzjoni dwar dawn il-bidliet. Il-limitu ta’ 10 % jikkorrispondi wkoll għal dak li huwa previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tipprevedi li hija biss il-merkanzija użata mill-inqas f’10 % tal-każijiet għal finijiet kummerċjali li tista’ titqies bħala assi tan-negozju.

B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu limitat taż-żmien biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex adattata u effettiva. F’dan ir-rigward, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, il-Kummissjoni tifhem li t-tqassim ta’ 10 %/90 % bejn l-użu kummerċjali u mhux kummerċjali għadu jirrappreżenta bażi soda għas-separazzjoni tat-tranżazzjonijiet li għalihom l-użu kummerċjali jista’ jitqies bħala negliġibbli.

Minħabba f’hekk, il-miżura speċjali inkwistjoni tipprovdi faċilitazzjoni kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u kif ukoll għan-negozji billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-merkanzija u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis fil-mument tal-akkwist tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni possibbli tal-użu privat skont l-Artikolu 16 jew 26 tad-Direttiva tal-VAT jew tal-aġġustamenti għat-tnaqqis kif meħtieġ skont l-Artikoli 184 sa 192 ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, huwa xieraq li l-miżura ta’ deroga tiġi estiża.

Madankollu, kwalunkwe estensjoni għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet li fuqhom hija msejsa d-deroga jkunux għadhom validi. Għaldaqstant, qiegħed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża sa tmiem l-2024 u li, flimkien mat-talba għall-estensjoni, il-Ġermanja tintalab tippreżenta rapport sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024 li jkun jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata bejn l-użu kummerċjali u mhux kummerċjali li fuqha tissejjes l-esklużjoni mit-tnaqqis, fl-eventwalità li tkun prevista estensjoni oħra għal wara l-2024.

Ġaladarba d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 ġiet adottata qabel l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009, li daħħlet l-Artikolu 168a fid-Direttiva tal-VAT, it-titolu tagħha ma jirreferix għall-Artikolu 168a. Biex tiġi eliminata l-inkonsistenza bejn it-titolu u l-kontenut tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE, it-titolu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE għandu għalhekk jiġi emendat billi tiddaħħal referenza għall-Artikolu 168a tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Derogi simili fir-rigward tal-esklużjoni tal-VAT dovuta fuq merkanzija u servizzi mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fil-każijiet li fihom il-merkanzija u s-servizzi inkwistjoni jintużaw f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati ta’ persuna taxxabbli jew għall-finijiet tal-impjegati ta’ dik il-persuna, jew b’mod ġenerali, għal finijiet mhux kummerċjali jew attivitajiet mhux ekonomiċi, ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Awstrija 11 , in-Netherlands 12 ).

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ waqfien totali (“stand still” provisions) li jillimitaw id-dritt ta’ tnaqqis għall-persuni taxxabbli.

Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji ta’ nfiq jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis 13 , deroga bħal din hija xierqa sakemm jiġu armonizzati dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mill-Ġermanja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija mfassla sabiex tissimplifika l-proċedura ta’ ġbir tal-VAT billi tippermetti lill-Ġermanja tkompli tapplika miżura ta’ deroga li tippermettilha teskludi kompletament mid-dritt ta’ tnaqqis, il-VAT imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi li jintużaw minn persuna taxxabbli, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew mhux kummerċjali, inklużi l-attivitajiet mhux ekonomiċi. Din il-miżura wriet li hija għodda adattata u effiċjenti.

Skont il-Ġermanja, l-estensjoni ta’ din il-miżura mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT miġbur fl-aħħar stadju tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax ir-riżorsi proprji tal-VAT tal-Unjoni b’mod negattiv.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2024.

2021/0249 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 14 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi fornuti lilhom għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-Ġermanja kienet awtorizzata li tintroduċi miżura ta’ deroga maħsuba biex teskludi mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT miżmuma fuq il-merkanzija u s-servizzi meta l-persuna taxxabbli tuża dik l-merkanzija u dawk is-servizzi, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew għall-finijiet tal-impjegati tagħha, jew b’mod ġenerali għal finijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

(2)Inizjalment, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE 15 awtorizzat lill-Ġermanja tintroduċi u tapplika miżuri li jidderogaw mill-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE 16 sal-31 ta’ Diċembru 2002. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE 17 awtorizzat lill-Ġermanja tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE sat-30 ta’ Ġunju 2004. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE 18 estendiet dik l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009.

(3)Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE 19 , il-Ġermanja kienet awtorizzata tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. Wara estensjonijiet suċċessivi, dik l-awtorizzazzjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(4)Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE 20 tat-22 ta’ Diċembru 2009 daħħlet l-Artikolu 168a fid-Direttiva 2006/112/KE sabiex it-tnaqqis jiġi limitat għall-proporzjon tal-użu kummerċjali effettiv u b’hekk jiġi applikat b’mod aktar effettiv il-prinċipju li permezz tiegħu t-tnaqqis japplika biss sa fejn il-merkanzija u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-finijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli. Għaldaqstant it-titolu tad-Deċiżjoni 2009/791/KE jeħtieġ li jirreferi wkoll għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5)Permezz tal-ittra tad-19 ta’ Frar 2021, il-Ġermanja ppreżentat talba lill-Kummissjoni biex l-awtorizzazzjoni li tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE biex teskludi kompletament mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT imposta fuq merkanzija u servizzi li jintużaw minn persuna taxxabbli, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew mhux kummerċjali, inklużi l-attivitajiet mhux ekonomiċi, tiġi estiża (“it-talba”). It-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura ta’ deroga, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE.

(6)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra bid-data tas-17 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ġermanja. Permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7)Skont il-Ġermanja, il-miżura wriet li kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-miżura tnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-merkanzija u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis fil-mument tal-akkwist tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ġermanja tkun awtorizzata tkompli tapplika din il-miżura speċjali għal perjodu limitat ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(8)F’każ li l-Ġermanja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni lil hinn mill-2024, jenħtieġ li tippreżenta talba lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024, flimkien ma’ rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura li jenħtieġ jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata.

(9)Il-miżura ta’ deroga mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni provenjenti mill-VAT.

(10)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/791/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/791/KE hija emendata kif ġej:

(1) It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”;

(2) L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

Kull talba għall-estensjoni tal-miżura ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.

Flimkien mat-tali talba għandu jintbagħat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 283, 30.10.2009, p.55.
(3)    ĠU L 329, 7.12.2018, p. 20.
(4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 10, 15.1.2010, p. 14–18.
(5)    ĠU L 59, 4.3.2000, p.12.
(6)    ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47.
(7)    ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33.
(8)    ĠU L 319, 16.11.2012, p. 8.
(9)    ĠU L 334, 22.12.2015, p. 12.
(10)    ĠU L 329, 7.12.2018, p. 20.
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1487 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 251, 5.10.2018, p. 33–34.
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2189 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 434, 23.12.2020, p. 1–2.
(13)    KUMM (2004) 728 finali - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p.10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153 21. 05. 2014, p. 3)
(14)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta’ Frar 2000 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 6 u 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 59, 4.3.2000, p. 12).
(16)    Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(17)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 li tawtorizza lill-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47).
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tad-19 ta’ Novembru 2004 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura derogatorja mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33).
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 55).
(20)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 10, 15.1.2010, p. 14–18.
Top