EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0020

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali

COM/2021/20 final

Brussell, 20.1.2021

COM(2021) 20 final

2021/0008(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-Direttiva (UE) 2016/680 1 (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data - LED) daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 u l-Istati Membru kellhom sas-6 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Hija ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 2 , iżda hija strument ferm aktar komprensiv u ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, hija tapplika għall-ipproċessar domestiku kif ukoll għall-ipproċessar transfruntier tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika (l-Artikolu 1(1)).

L-Artikolu 62(6) tal-LED jirrikjedi li sas-6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni tirrieżamina atti legali tal-UE oħra li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom mal-LED u tagħmel, fejn adatt, proposti biex temendahom biex tiżgura konsistenza fil-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-LED.

Il-Kummissjoni stabbiliet ir-riżultati tar-rieżami tagħha f’Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data (24 ta’ Ġunju 2020) 3 , li tispeċifika għaxar atti legali li jenħtieġ li jiġu allinjati mal-LED u skeda ta’ żmien biex isir dan. Il-lista tinkludi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti 4 . Il-Kummissjoni indikat li kienet se tressaq emendi mmirati għal dik id-Deċiżjoni fl-aħħar kwart tal-2020; li huwa l-għan ta’ din il-proposta.

Din l-inizjattiva mhijiex parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta għandha l-għan li tallinja r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fid-Deċiżjoni 2002/465/JHA mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti fl-LED, sabiex tipprovdi qafas b’saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

mhux applikabbli

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-att oriġinali kien ibbażat fuq l-ex Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat preċedenti dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għall-Artikolu 82(1) tat-TFUE. Madankollu, kemm l-objettiv kif ukoll is-sustanza tal-emenda proposta huma limitati b’mod ċar għall-protezzjoni tad-data personali.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) tat-TFUE huwa l-aktar bażi ġuridika xierqa. Dan jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet skont id-dritt tal-Unjoni u r-regoli dwar il-moviment liberu tad-data personali.

Skont l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, id-Danimarka mhix marbuta bir-regoli stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16 tat-TFUE li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu IV tal-Tielet Parti tat-TFUE. L-istess japplika għall-Irlanda skont l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Unjoni biss tista’ tadotta att leġiżlattiv li jemenda d-Deċiżjoni 2002/465/JHA.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex id-Deċiżjoni 2002/465/JHA tiġi allinjata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (inkluża l-LED) mingħajr ma jinbidlu l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li jwaqqfu skwadra ta’ investigazzjoni konġunta. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Għażla tal-istrument

Biex tiġi emendata d-Deċiżjoni 2002/465/JHA, l-istrument l-aktar xieraq huwa direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta ssegwi r-riżultati tar-rieżami tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(6) tal-LED, kif ippreżentati fil-Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Din il-Komunikazzjoni telenka l-punti li dwarhom huwa meħtieġ l-allinjament. B’mod partikolari, hija tidentifika l-ħtieġa li jiġi ċċarat li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni 2002/465/JHA huwa soġġett jew għal-LED inkella għar-Regolament (UE) 2016/679 5 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – GDPR), skont jekk dan isirx fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali jew mhux kriminali. Jenħtieġ li l-allinjament jiċċara li d-data miksuba skont id-Deċiżjoni tista’ tiġi pproċessata għal finijiet għajr dawk li għalihom tinġabar, biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-LED (l-Artikoli 4(2) jew 9(1)) jew il-GDPR (l-Artikolu 6(4)).

Billi tipproponi l-emenda tal-Artikolu 1(10) tad-Deċiżjoni 2002/465/JHA, din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-punti ta’ hawn fuq.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni qieset studju mwettaq bħala parti mill-proġett pilota dwar “rieżami tad-drittijiet fundamentali tal-istrumenti u l-programmi tal-UE għall-ġbir tad-data 6 . L-istudju mmappja l-atti tal-Unjoni koperti mill-Artikolu 62(6) tal-LED u identifika dispożizzjonijiet li potenzjalment jeħtieġu allinjament dwar il-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data.

Valutazzjoni tal-impatt

L-impatt ta’ din il-proposta huwa limitat għall-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2002/465/JHA. L-impatt tal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mil-LED ġie vvalutat fil-kuntest tal-ħidma preparatorja għal-LED. Valutazzjoni tal-impatt speċifika għal din il-proposta hi għalhekk mhux meħtieġa.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 16 tat-TFUE. Il-protezzjoni tad-data hi marbuta mill-qrib mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta.

Din il-proposta tiżgura li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont id-Deċiżjoni 2002/465/JHA huwa soġġett għall-prinċipji u r-regoli “orizzontali” tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’hekk jiġi implimentat aktar l-Artikolu 8 tal-Karta. Din il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u tiċċara li l-prinċipji u r-regoli tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data li japplikaw bis-sħiħ għall-ipproċessar tad-data skont id-Deċiżjoni jkollhom impatt pożittiv fir-rigward tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

mhux applikabbli

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Din il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni, peress li tinvolvi emenda mmirata ta’ artikolu wieħed tad-Deċiżjoni 2002/465/JHA.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-LED tistabbilixxi l-qafas legali għall-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Fl-Artikolu 4(2) u 9(1), hija tirregola l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet oħra għajr dawk li għalihom tinġabar.

B’mod speċifiku, l-Artikolu 1(10) tad-Deċiżjoni 2002/465/JHA jipprevedi li ċerta data personali tista’ tiġi pproċessata, b’ċerti kundizzjonijiet, għall-finijiet oħra għajr dawk li għalihom tkun inġabret oriġinarjament. Dan imur lil hinn mill-kundizzjonijiet tal-LED u għalhekk jeħtieġ li jiġi allinjat magħha. L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva jemenda l-Artikolu 1(10) tad-Deċiżjoni billi:

jallinja l-każijiet ta’ użu tad-data personali miġbura minn skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (l-Artikolu 1(10)(b)) mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, kif regolat skont l-LED; kif ukoll

iħassar l-Artikolu 1(10)(c)-(d).

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4 jipprovdi li din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

2021/0008 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 62(6) tad-Direttiva (UE) 2016/680 7 , il-Kummissjoni għandha tirrieżamina atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinja dawk l-atti ma’ dik id-Direttiva u tagħmel, fejn adatt, il-proposti meħtieġa sabiex temendahom biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rieżami wassal għall-identifikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA 8 bħala waħda minn dawk l-atti l-oħra li għandhom jiġu emendati.

(2)Fl-interess tal-konsistenza u l-protezzjoni effettiva tad-data personali, jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali mwettaq skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA jirrispetta r-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680.

(3)F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA tiġi emendata skont dan.

(6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 9 u ta l-opinjoni tiegħu fil-XX XXXX 10 ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/465/JHA hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1(10), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) għall-finijiet oħra skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680.”;

(2)fl-Artikolu 1(10), il-punti (c) u (d) huma mħassra.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sena wara l-adozzjoni]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(2)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).
(3)    COM(2020) 262 final.
(4)    ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(6)

   Il-proġett pilota ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, ġestit mill-Kummissjoni u mwettaq minn kuntrattur (grupp ta’ esperti indipendenti). Il-Kummissjoni għażlet il-kuntrattur abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-Parlament. Ir-riżultati tanġibbli tal-proġett jirriflettu l-fehmiet u l-opinjonijiet tal-kuntrattur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fih. Ir-riżultati huma ppubblikati fuq  http://www.fondazionebrodolini.it/en/projects/pilot-project-fundamental-rights-review-eu-data-collectioninstruments-and-programmes  

(7)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(8)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunti (ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1). 
(9)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
Top