EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019SC0011

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

SWD/2019/11 final

Brussell, 4.2.2019

SWD(2019) 11 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

{COM(2019) 38 final} - {SEC(2019) 20 final} - {SWD(2019) 10 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

A. Il-ħtieġa għall-azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mit-trasport marittimu (“MRV tal-UE”), il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-MRV tal-UE biex titqies kif xieraq is-Sistema tal-Ġbir tad-Data għall-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti stabbilita mill-OMI.

X’inhu mistenni tikseb din l-inizjattiva?

L-għan hu li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni armonizzata taż-żewġ sistemi tal-MRV filwaqt li jinżammu l-għanijiet tal-MRV tal-UE, jiġifieri li tinżamm ġabra ta’ data affidabbli u vverifikata dwar l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell tal-bastimenti individwali biex tistimula l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija u biex tinforma d-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?

Billi jinżamm sett wieħed ta’ rekwiżiti tal-MRV fil-livell tal-Unjoni, l-azzjoni proposta tiżgura li d-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti tibqa’ komparabbli u affidabbli.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-alternattivi ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li tqiesu? Hemm alternattiva ppreferuta? Għalfejn?

Filwaqt li l-alternattiva ta’ allinjament tat-“tmexxija” u tar-“rappurtar tas-CO2” twarrbet minn qabel biex jiġu ppreservati l-għanijiet tal-MRV tal-UE, ġew ivvalutati tliet alternattivi ta’ politika. L-alternattiva 1 kienet tirrifletti x’jiġri jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni. L-alternattiva 2 ivvalutat diversi xenarji ta’ razzjonalizzazzjoni biex jonqos il-piż amministrattiv u jkunu salvagwardati l-għanijiet tal-MRV tal-UE. L-alternattiva 3 kienet tirrifletti l-armonizzazzjoni teknika sħiħa taż-żewġ sistemi.

Bi qbil mal-alternattiva 2, l-alternattiva ppreferuta hija li ż-żewġ sistemi jiġu razzjonalizzati rigward id-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ, il-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, iżda li ma jinbidlux ir-rekwiżiti tat-tmexxija, tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-verifika, tat-trasparenza u tar-rappurtar tas-CO2, biex jiġu ppreservati l-għanijiet tal-MRV tal-UE.

Liema azzjoni u min jappoġġaha?

L-alternattiva 2 taqbel mal-prijoritajiet li semmew il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika online u li enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu allinjati l-aspetti tekniċi. Fl-istess ħin, jekk jinżamm l-approċċ tal-UE għall-verifika u t-trasparenza, dan ikun jaqbel mal-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili, tad-dinja akkademika, taċ-ċittadini u tal-Istati Membri.

C. L-impatti tal-alternattiva ppreferuta

X’inhuma l-vantaġġi tal-alternattiva ppreferuta (jekk jeżistu, jekk le, x’inhuma l-vantaġġi ewlenin)?

L-alternattiva ppreferuta żżomm il-vantaġġi tal-MRV tal-UE rigward l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji.

X’inhuma l-iżvantaġġi tal-alternattiva ppreferuta (jekk jeżistu, jekk le, x’inhuma l-iżvantaġġi ewlenin)?

L-alternattiva ppreferuta tissimplifika ċerti aspetti taż-żewġ sistemi tal-MRV, u għalhekk tnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati għall-bastimenti li jridu jirrappurtaw għaż-żewġ sistemi tal-MRV.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Filwaqt li n-negozji soġġetti għaż-żewġ sistemi se jibbenefikaw għax jonqsilhom il-piż amministrattiv, madwar 99 % tal-SMEs tat-trasport marittimu mhumiex affettwati għax il-bastimenti b’tunnellaġġ gross inqas minn 5000 GT mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MRV tal-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Mhux se jkun hemm impatt sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali għax is-sistema tal-MRV tal-UE diġà qiegħda fis-seħħ. Madankollu din jaf iżżid l-obbligi tar-rappurtar tal-Istati tal-bandiera.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħrajn?

Ma ġewx identifikati impatti oħrajn.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Hu previst li jsir monitoraġġ regolari permezz ta’ informazzjoni dwar firxa ta’ indikaturi li se jingħataw mill-Istati Membri kull sentejn.

Top