EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0048

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

COM/2019/48 final

Brussell, 23.1.2019

COM(2019) 48 final

2019/0009(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, jekk ma jiġix irratifikat il-Ftehim dwar il-Ħruġ, mit-30 ta’ Marzu 2019 il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-Unjoni tieqaf tapplika għar-Renju Unit (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” tat-13 ta’ Novembru 2018 stipulat il-miżuri ta’ kontinġenza li qed tippjana li tieħu jekk sad-data tal-ħruġ ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta’ ħrug. F’dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni elenkat l-azzjonijiet li tqies li huma meħtieġa, filwaqt li fakkret li jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet addizzjonali fi stadju aktar tard. Il-Komunikazzjoni ppreżentat ukoll is-sitt prinċipji ġenerali li magħhom jeħtieġ li jkunu konformi l-miżuri ta’ kontinġenza fil-livelli kollha. Dawn jinkludu l-prinċipji li jenħtieġ li l-miżuri la jirreplikaw il-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni, u lanqas ma jirreplikaw it-termini ta’ ebda perjodu ta’ tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; dawn iridu jkunu ta’ natura temporanja u fil-prinċipju ma għandhomx imorru lil hinn minn tmiem l-2019; u jridu jkunu azzjonijiet unilaterali tal-Unjoni Ewropea fl-insegwiment tal-interessi tagħha, u għaldaqstant, fil-prinċipju, l-Unjoni tista’ tirrevokahom fi kwalunkwe ħin.

Fit-13 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tenna l-appell tiegħu biex tkompli tiġi intensifikata l-ħidma dwar it-tħejjija, fil-livelli kollha, għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqiesu l-eżiti kollha possibbli. Il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri fid-19 ta’ Diċembru 2018 bi tweġiba għal dik is-sejħa. Fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd iffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019. Abbażi ta’ dan, u b’kont meħud tal-kuntatti kontinwi mal-Istati Membri dwar l-impatt negattiv sinifikanti tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq is-settur tas-sajd mingħajr ftehim ta’ ħruġ, u l-fatt li l-partijiet ikkonċernati ma jistgħux huma stess jimmitigaw dawn il-konsegwenzi negattivi, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm żewġ miżuri ta’ kontinġenza li huma meħtieġa għas-settur tas-sajd. Flimkien ma’ din il-miżura biex jiġi emendat il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Kummissjoni qed tipproponi miżura dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 1 (ir-Regolament Bażiku tal-PKS) il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u r-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Mid-data tal-ħruġ, dawn l-obbligi ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit. L-ilmijiet tar-Renju Unit (12-il mil nawtiku ta’ baħar territorjali, u żona ekonomika esklussiva biswit iż-żona territorjali) imbagħad ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni għall-kuntrarju, l-aċċess għall-ilmijiet ta’ xulxin ma jibqax awtomatiku. Ix-xenarju awtomatiku fin-nuqqas ta’ arranġamenti oħra huwa li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma jibqgħux awtorizzati li jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit u viċi versa.

Is-settur tas-sajd huwa komponent ewlieni tal-ħajja ekonomika ta’ ħafna reġjuni kostali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-inċertezzi konsiderevoli, fin-nuqqas ta’ ftehim mar-Renju Unit, il-bastimenti tal-Unjoni qegħdin f’riskju li jitilfu l-aċċess għal dawn l-ilmijiet u l-opportunitajiet tas-sajd li fihom. Dan ikollu impatti sinifikanti immedjati f’termini tal-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-UE, l-impjiegi u r-redditi ekonomiċi.

Fl-2016, il-valur miżjud gross tas-sajd fl-UE kien ta’ EUR 4,5 biljun. Hemm madwar 150,000 impjieg li jiddependu fuq is-sajd, l-aktar fiż-żoni kostali fejn l-opportunitajiet ta’ impjieg huma limitati. L-attivitajiet tas-sajd jiġġeneraw l-impjiegi f’setturi anċillari oħra wkoll: għal kull sajjied jinħoloq bejn impjieg wieħed ekwivalenti għal part time jew full time (0,5 u 1) f’attivitajiet anċillari. L-Istati Membri jwettqu attivitajiet tas-sajd b’valur ta’ EUR 585 miljun fl-ilmijiet tar-Renju Unit. Id-dipendenza globali ta’ 8 Stati Membri 2 fuq l-ilmijiet tar-Renju Unit hija medja ta’ 14 % tal-ħatt globali tagħhom, li jvarja minn 50 % għall-flotta Belġjana għal madwar 1 % għal Spanja. Fil-livell tal-komunità lokali, l-impatt soċjoekonomiku jista’ jkun sinifikanti, f’postijiet fejn il-bastimenti tas-sajd huma partikolarment dipendenti fuq l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit. Is-settur tas-sajd jingħaqad ukoll mal-attivitajiet anċillari ’l fuq u ’l isfel fil-katina.

Għalhekk, l-impatt tal-għeluq ħesrem tal-ilmijiet tar-Renju Unit fuq il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkun sostanzjali għal segmenti speċifiċi tal-flotta, b’impatt ekonomiku negattiv qawwi f’ċerti reġjuni u komunitajiet kostali. Peress li se jkunu affettwati r-reġjuni mal-kosta tal-Atlantiku u tal-Baħar tat-Tramuntana f’diversi Stati Membri, tali sitwazzjoni ta’ emerġenza teħtieġ soluzzjonijiet ikkoordinati fil-livell tal-UE.

Il-possibbiltajiet li jiġu mitigati l-impatti f’din is-sitwazzjoni jkunu limitati. Il-qabdiet attwali tar-Renju Unit fl-ilmijiet tal-Unjoni jistgħu jiġu rkuprati minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, iżda jista’ jkun li ma jkunux jikkorispondu b’mod sħiħ mal-ispeċijiet ikkonċernati. Il-bastimenti u s-setturi tal-flotta l-aktar milquta minn għeluq tal-ilmijiet tar-Renju Unit jistgħu ma jkunux l-istess bħal dawk li jistadu għall-ispeċijiet li jsiru disponibbli fl-ilmijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm limitu safejn l-isforzi tas-sajd jistgħu jiġu ridirezzjonati mill-ilmijiet tar-Renju Unit għall-ilmijiet tal-Unjoni minħabba raġunijiet marbutin mal-kosteffettività u mal-kwalità tal-qabdiet. Ir-rekwiżit li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli wkoll jista’ jillimita ir-ridirezzjonar u l-konċentrazzjoni tal-isforz tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni. Għalhekk dawn l-għażliet ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb biss parzjalment għat-telf ekonomiku li se jġarrbu l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jirriżulta minn telf tal-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit. L-impatti ekonomiċi għas-segmenti tal-flotta tal-UE affettwati jibqgħu sinifikanti ħafna.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 huwa l-fond għall-politiki marittimi u tas-sajd tal-UE għall-2014 sal-2020. Dan huwa wieħed minn ħames Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej (ESI) li jikkomplementaw lil xulxin u jfittxu li jippromwovu rkupru bbażat fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa. Il-Fond jgħin lis-sajjieda fit-tranżizzjoni għal sajd sostenibbli; jappoġġja l-komunitajiet kostali fid-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u jiffinanzja proġetti li joħolqu impjiegi ġodda u jtejbu l-kwalità tal-ħajja mal-kosta Ewropea.

Diġà hemm miżuri disponibbli fil-qafas tar-Regolament tal-FEMS biex jiġu mitigati l-effetti ekonomiċi negattivi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tul il-katina kollha tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni. B’ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jistgħu jiddeċiedu li jidderieġu mill-ġdid l-approprjazzjonijiet disponibbli għal kwalunkwe miżura neċessarja li ttaffi l-konsegwenzi tiegħu. Madankollu, din id-diskrezzjoni bħalissa hija limitata għal ċerti prijoritajiet. Dan jillimita l-possibbiltà li l-Istati Membri jimmanuvraw biex itaffu l-impatti tal-għeluq tal-ilmijiet tar-Renju Unit fuq il-flotot tagħhom u jillimitaw l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri.

Ir-Regolament tal-FEMS jipprovdi regoli dettaljati u arranġamenti għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju lis-sajjieda u lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd f’każijiet ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Madankollu, il-kriterji stabbiliti biex jagħmlu tajjeb għal waqfien temporanju ma jippermettux li jinkiseb kumpens dovut għall-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni Ewropea u għat-telf sussegwenti tal-aċċess għall-ilmijiet ta’ dak l-Istat u tal-opportunitajiet tas-sajd marbuta miegħu.

Minbarra l-miżuri diġà disponibbli fil-qafas tar-Regolament tal-FEMS, din il-proposta tintroduċi l-possibbiltà li jingħata appoġġ pubbliku għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għas-sajjieda u l-operaturi li jiddependu b’mod sinifikanti fuq l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit u li huma affettwati mill-għeluq tal-ilmijiet tar-Renju Unit. Jenħtieġ li din il-miżura tapplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma mfassla skont l-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 42 flimkien mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà

L-Att propost jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Unjoni, bil-għan li jingħataw miżuri ta’ mitigazzjoni finanzjarja għall-bastimenti tal-Unjoni milquta minn għeluq possibbli tal-ilmijiet tar-Renju Unit minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk jirriżulta li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli billi dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta huma implimentati fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża skont ir-Regolament (UE) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Ir-Regolament propost huwa meqjus bħala proporzjonat għaliex għandu l-għan li jiżgura li jiġu mitigati l-impatti ekonomiċi severi dovuti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Dan l-att huwa emenda ta’ Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dan mhuwiex applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li jqajjem il-ħtieġa ta’ din il-proposta.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-isfidi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati fis-sajd u minn rappreżentanti tal-Istati Membri. L-operaturi, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri kkonċernati kollha enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat kumpens adegwat fil-każ li l-opportunitajiet tas-sajd ma jibqgħux disponibbli minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hi meħtieġa l-ebda evalwazzjoni tal-impatt, minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet limitati tal-perjodu li matulu l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit se tiġi implimentata. Ma hi disponibbli l-ebda alternattiva ta’ politika materjalment u legalment differenti minbarra dik proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

L-emenda proposta ma timplika l-ebda bidla fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal impenji u l-pagamenti skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013 5 . Il-proposta tikkonsisti mill-antiċipazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament u hija newtrali għall-finijiet tal-baġit għall-perjodu tal-ipprogrammar.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Mhux applikabbli.

2019/0009 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ ċerti regoli relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, 6

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, 7

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)Il-Ftehim ta’ ħruġ fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit kif ukoll fih wara d-data li fihom it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) se tapplika għar-Renju Unit kif ukoll fih matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, b’konformità ma’ dak il-ftehim u se tieqaf tapplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)Meta l-Politika Komuni tas-Sajd ma tibqax tapplika għar-Renju Unit, l-ilmijiet tar-Renju Unit (il-baħar territorjali u ż-Żona Ekonomika Esklussiva) mhux se jibqgħu jkunu parti mill-ilmijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, f’każ ta’ ħruġ diżordinat, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ir-riskju li jitilfu l-aċċess għal dawn l-ilmijiet u l-opportunitajiet tas-sajd hemmhekk mit-30 ta’ Marzu 2019. Dan ikollu impatt sinifikanti f’termini tal-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-Unjoni u r-redditi ekonomiċi.

(4)Diġà hemm miżuri disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 li jistgħu jintużaw biex jiġu mitigati l-effetti ekonomiċi negattivi dovuti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni tul il-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni kollha.

(5)Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jistabbilixxi r-regoli u l-arranġamenti għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju lis-sajjieda u lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd f’każijiet ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Il-kriterji għall-awtorizzazzjoni ta’ waqfien temporanju ma jippermettux li jinkiseb kumpens dovut għall-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni u għat-telf sussegwenti tal-aċċess u tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ dak l-Istat.

(6)Minbarra l-miżuri diġà disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, l-effetti ekonomiċi negattivi kkawżati mill-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni, jenħtieġ li jkun disponibbli sostenn pubbliku għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għas-sajjieda u għall-operaturi li jkunu jiddependu b’mod sinifikanti fuq l-aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

(7)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat skont dan.

(8)L-approprjazzjonijiet li jifdal huma disponibbli biex jiġu ddedikati għal kwalunkwe miżura li ttaffi l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(9)Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati huma mistiedna jikkunsidraw li jikkombinaw l-emendi għall-programm operazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 .

(10)B’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill 10 , il-waqfien tal-applikazzjoni tal-atti ffissat f’data partikolari jseħħ meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-ġurnata li taqa’ f’dik id-data. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih.

(11)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza u jenħtieġ li ma jibdiex japplika qabel il-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, u fir-Renju Unit, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ xi ftehim ta’ ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data jew sakemm ma jkunx ġie estiż il-perjodu ta’ sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu 9 li ġej.

“9. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jaqbżu l-ammont stabbilit fil-paragrafu 2 u li ma jaqbżux l-ammonti stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 6 biex jappoġġaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament jekk ir-Renju Unit ma jestendix id-drittijiet ta’ aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiddipendu b’mod sinifikanti fuq l-aċċess għal dawk l-ilmijiet għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-każ li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”;

(2)fl-Artikolu 25, jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEMS għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 33 ta’ dan ir-Regolament, li huma appoġġati biex jindirizzaw il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li r-Renju Unit ma jestendix id-drittijiet ta’ aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq l-aċċess għal dawk l-ilmijiet għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-każ li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma għandhomx jitqiesu meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk inqabżux il-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3.”;

(3)    L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt (d) li ġej:

“(d) biex jindirizza l-konsegwenzi tal-fatt li r-Renju Unit ma jestendix id-drittijiet ta’ aċċess għall-ilmijiet tar-Renju Unit għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li għandhom dipendenza sinifikanti fuq l-aċċess għal dawk l-ilmijiet għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom fil-każ li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2. L-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 jista’ jingħata għal tul ta’ żmien massimu ta’ sitt xhur għal kull bastiment matul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 u l-appoġġ imsemmi fil-punt (d) ta’ dak il-paragrafu jista’ jingħata għal tul ta’ żmien massimu ta’ disa’ xhur għal kull bastiment matul il-perjodu mill-2014 sal-2020. In-nefqa relatata mal-punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) [...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.

* Ir-Regolament (UE) [2019/...] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [data] li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (ĠU L, …, p.).” [in-numru u r-referenza ta’ dan ir-Regolament emendatorju jridu jiddaħħlu mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet].

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit kif ukoll fih, skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sad-data msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu jkun daħal fis-seħħ ftehim ta’ ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22–61

(2)    Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, l-Iżvezja, in-Netherlands
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(4)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320)
(8)    Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
Top