EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR2974

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bliet intelliġenti: sfidi ġodda għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika — kif għandna nimplimentaw l-SDGs fil-ħajja reali?

OJ C 39, 5.2.2020, p. 78–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/78


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bliet intelliġenti: sfidi ġodda għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika — kif għandna nimplimentaw l-SDGs fil-ħajja reali?

(2020/C 39/17)

Relatur Ġenerali:

:

Andries GRYFFROY (BE/AE), Membru tal-Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza

:

Ittra ta’ konsultazzjoni mill-Presidenza Finlandiża

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jirrikonoxxi li belt intelliġenti hija post fejn netwerks u servizzi tradizzjonali jsiru aktar effiċjenti bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali u ta’ telekomunikazzjoni għall-benefiċċju tal-abitanti u n-negozji tagħhom. Lil hinn mill-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) għal użu aħjar tar-riżorsi u inqas emissjonijiet, belt intelliġenti tinvolvi amministrazzjoni tal-belt aktar interattiva u risponsiva li tagħti servizzi aħjar lill-popolazzjoni tagħha permezz ta’ netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti, provvista tal-ilma u faċilitajiet tar-rimi tal-iskart imtejbin, u modi aktar effiċjenti għad-dawl u t-tisħin tal-bini b’mod li ma jitħalla ħadd jibqa’ lura; belt intelliġenti trid tkun post fejn titpoġġa enfsasi fuq il-ħolqien ta’ strutturi inklużivi u aċċessibbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet u t-talenti taċ-ċittadini u tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-komunità tagħhom. Għal din ir-raġuni, jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fl-enfasi fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b’mod partikolari peress li dawn jenfasizzaw il-fatt li s-sostenibbiltà tirrikjedi viżjoni olistika tal-aspetti kollha koperti minnhom;

2.

kif diġà ġie ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni transsettorjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku (relatur: is-Sinjura Kata Tüttő (HU/PSE)) (1), jenfasizza wkoll l-importanza li tittieħed kunsiderazzjoni tal-faqar enerġetiku meta jiġu ddefiniti politiki differenti, u jqis li wieħed mill-aktar żviluppi tal-politika importanti f’dawn l-aħħar snin huwa r-rikonoximent ċar tal-fatt li jrid jitqies ukoll l-impatt soċjali fit-tfassil tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima attwali u futuri;

3.

kif diġà ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Bliet u Komunitajiet Intelliġenti – Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni” tar-relatur is-Sur Ilmar Reepalu (SE/PSE), jafferma mill-ġdid l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-varjetà kbira eżistenti ta’ żoni urbani, sew jekk jitqiesu bħala bliet u sew jekk le, u l-importanza tar-relazzjoni u l-komplementarjetà tagħhom mat-territorji rurali tal-madwar; kif diġà ddikjarat fl-Opinjoni dwar “Ir-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali permezz tal-Irħula Intelliġenti” tar-relatur is-Sur Enda Stenson (IE/EA), jafferma mill-ġdid ukoll li bi qbil mal-mudell ta’ Belt Intelliġenti, inizjattiva ta’ Żoni Rurali Intelliġenti għandu jkollha approċċ wiesa’ għall-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex tinkludi s-sitt dimensjonijiet li ġejjin:

ekonomija intelliġenti, innovattiva, intraprenditorjali u produttiva;

mobbiltà mtejba, b’netwerks tat-trasport aċċessibbli, moderni u sostenibbli;

viżjoni ta’ enerġija ambjentali u sostenibbli;

ċittadini kwalifikati u involuti;

kwalità tal-ħajja f’termini ta’ kultura, saħħa, sigurtà u edukazzjoni;

amministrazzjoni effiċjenti, trasparenti u ambizzjuża;”

jenfasizza, madankollu, li element addizzjonali essenzjali għall-promozzjoni ta’ “intelliġenza” jrid ikun li jiġu involuti ċ-ċittadini u li jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet biex dawn jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, permezz ta’ edukazzjoni u appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali. Dan jirrikjedi wkoll regolamentazzjoni effettiva, trasparenti u affidabbli tal-protezzjoni tad-data u l-użu tad-data;

4.

jenfasizza d-differenza eżistenti bejn reġjuni, bliet kbar, irħula u komunitajiet żgħar f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji, ħiliet u diġitalizzazzjoni. F’dan ir-rigward ifakkar li l-istrateġiji ta’ żvilupp intelliġenti għandhom jiġu aġġustati skont l-iskala tal-komunità, u l-approċċ għandu jiġi adattat għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull waħda minnhom, u b’hekk jiffaċilitaw l-infrastruttura u l-appoġġ meħtieġ sabiex il-gruppi kollha jkollhom aċċess sħiħ għas-servizzi tal-informazzjoni u dawk diġitali;

5.

jirrimarka li l-Kummissjoni Ewropea fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, maħruġa wara li vvalutat il-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECP) għall-perjodu 2021-2030 li ppreżentaw l-Istati Membri tal-UE, appellat għal ambizzjoni akbar sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-klima tal-2030 stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050 permezz ta’ użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, kif ukoll permezz tal-modernizzazzjoni tal-ekonomija;

6.

jagħraf li l-iskala tal-isfida, u n-natura trasversali tat-tibdil fil-klima, jirrikjedu soluzzjonijiet integrati u bbażati fuq problemi li jindirizzaw dinamiċi u għanijiet li jinteraġixxu u jinterferixxu ma’ xulxin;

7.

jenfasizza l-importanza ta’ interkonnessjoni b’saħħitha bejn l-SDGs u l-objettivi tal-politika fil-Politika ta’ Koeżjoni 2021-2027, b’mod partikolari l-objettiv tal-politika 2 dwar “Ewropa aktar ekoloġika, b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, li tippromovi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, l-investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju”, li jista’ jiffaċilita l-kisba tal-SDGs permezz tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-proposti għal Regolament;

8.

jirrikonoxxi li t-tranżizzjoni lejn futur b’impatt newtrali fuq il-klima, lil hinn mill-adattament meħtieġ għall-effetti tat-tibdil fil-klima ud-dekarbonizzazjoni tas-setturi tal-enerġija, tal-bini u tal-mobbiltà, tinvolvi wkoll tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, it-trasformazzjoni sostenibbli tas-sistemi tal-agrikoltura u tal-ikel, u l-protezzjoni ta’ ekosistemi u tal-bijodiversità. Għal dan il-għan, il-Kumitat jappoġġja l-possibbiltà li jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew tan-Newtralità Klimatika;

9.

jagħraf l-isforzi tal-Patt tas-Sindki u l-Inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE għall-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali, in-negozji lokali, l-akkademja u l-istituzzjonijiet edukattivi lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-komunità lokali, fl-iżvilupp ta’ strateġiji għad-dekarbonizzazzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jiffirmaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw azzjonijiet skont il-Patt tas-Sindki u l-Inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE;

10.

jistieden lill-Istati Membri jinkludu s-suġġett tal-komunitajiet intelliġenti fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom, billi jagħrfu l-potenzjal kbir tiegħu f’termini ta’ kosteffiċjenza, effiċjenza fl-enerġija u tnaqqis tal-emissjonijiet;

Dwar il-governanza intelliġenti ta’ komunitajiet intelliġenti

11.

jenfasizza li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jipprovdu opportunità eċċellenti għall-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ governanza intelliġenti u b’dan il-mod itejbu l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali li jieħdu deċiżjonijiet f’ambjent dejjem aktar kumpless;

12.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn mudell ta’ governanza intelliġenti fil-livell lokali u reġjonali bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ servizzi elettroniċi, li jippermettu liċ-ċittadini jaċċessaw firxa usa’ ta’ servizzi elettroniċi tal-gvern minn kont wieħed;

13.

jitlob li s-Semestru Ewropew jitqies bħala għodda għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-UE u bħala qafas li fih issir il-ħidma biex jissaħħu l-SDGs u li jservi għall-ippjanar, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom madwar l-UE;

14.

jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-governanza fuq diversi livelli biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali jistgħu jindirizzaw it-tibdil fil-klima b’mod effettiv u jimplimentaw l-SDGs u jikkunsidra l-bliet intelliġenti bħala fattur abilitanti f’dan il-kuntest;

15.

jirrikonoxxi l-użu tat-tassazzjoni u l-akkwist pubbliku bħala għodda biex tiġi aċċellerata l-introduzzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji innovattivi u sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom tkun immexxija mid-domanda u tippermetti l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet lokali u deċentralizzati għall-isfidi;

16.

iqis li data miftuħa f’formati standard bħala għodda ewlenija għall-appoġġ tal-ħolqien u l-iżvilupp ta’ bliet intelliġenti u jenfasizza li, flimkien ma’ dawn, il-provvista ta’ “komponenti miftuħa” (jiġifieri interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API) miftuħa) se tiffunzjona bħala komponent sinifikanti għall-ġenerazzjoni u l-multiplikazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ bliet intelliġenti b’veloċità ogħla u b’flessibbiltà akbar;

17.

jirrikonoxxi l-potenzjal tad-data ġġenerata minn interfaċċi tal-utent fid-dinja reali, bħal apparati mobbli jew arloġġi intelliġenti taċ-ċittadini, u jappella għall-iżvilupp ta’ oqfsa komprensivi li jintegraw u jużaw data ġġenerata mill-utenti għall-finijiet ta’ governanza intelliġenti u, fl-istess ħin, jiggarantixxu l-protezzjoni meħtieġa għas-sidien tad-data;

18.

ifakkar fl-importanza li jiġu appoġġjati l-objettivi klimatiċi fil-livell reġjonali jew tal-belt, kemm meta jiġu imposti b’mod dirett kif ukoll meta jiġu derivati minn objettivi klimatiċi f’livell ogħla, b’rotot ta’ tranżizzjoni lokali tekniċi u xjentifiċi sodi lejn l-objettivi stabbiliti;

19.

jenfasizza li governanza urbana sostenibbli u intelliġenti tinvolvi bidla minn politiki mhux olistiċi fuq terminu qasir, għal approċċi sistemiċi u bbażati fuq it-tagħlim fit-tul. Din il-bidla tirrikjedi ġestjoni tat-tibdil strateġika u kontinwa, applikata għal dawk l-istrutturi tal-governanza urbana eżistenti li jistgħu jwasslu għal teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qosor u iżolati;

20.

jenfasizza li flimkien mal-importanza li jiġu imposti objettivi, hemm ukoll il-bżonn li jiġu elaborati l-miżuri konkreti meħtieġa, u l-monitoraġġ li jakkumpanja ta’ dawn il-miżuri, sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti kif meħtieġ. L-istabbiliment ta’ netwerks ta’ tagħlim ma’ oħrajn u ma’ ċentri tal-għarfien se jtejjeb dan il-“proċess ta’ tagħlim” ta’ objettivi kontra miżuri;

Bliet u rħula intelliġenti u l-implimentazzjoni tal-SDGs

21.

ifakkar li l-KtR ilu jaħdem b’mod intensiv fuq il-qafas tal-SDGs għal dawn l-aħħar snin u li l-Opinjonijiet reċenti dwar “L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030” tar-relatur is-Sur Arnoldas Abramavičius (LT/PPE) (2) u dwar “Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima” tar-relatur is-Sinjura Sirpa Hertell (FI/PPE) (3) jiġbru fil-qosor il-pożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni;

22.

jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa kruċjali għal stadji importanti tanġibbli miftiehma b’mod konġunt, indikaturi, u kejl fil-ħin reali tad-data relatata mat-tibdil fil-klima u mal-SDGs tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni lokali biex jinkisbu l-miri ta’ sostenibbiltà ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali” kif iddikjarat fl-Opinjoni dwar “Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima” tar-relatur is-Sinjura Sirpa Hertell (FI/PPE) (4). F’dan ir-rigward jenfasizza li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jistgħu jkunu pijunieri permezz tat-teknoloġiji intelliġenti u l-proċessi tal-ġbir tad-data li qed jimplimentaw;

23.

jafferma mill-ġdid “il-ħtieġa għal data robusta dwar il-klima sottonazzjonali u l-importanza tal-użu ta’ teknoloġija ġdida bħall-intelliġenza artifiċjali biex jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet klimatiċi mill-komunitajiet lokali”. F’dan ir-rigward ifakkar fl-importanza li jsir l-aħjar użu mill-bażi tad-data tal-Patt tas-Sindki u mill-opportunità li jinħoloq pont bejn id-data lokali u l-Kontributi Stabbiliti fil-livell Nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ Kontributi Stabbiliti fil-livell Lokali” (5). F’dan il-kuntest ifakkar għal darba oħra fl-importanza kruċjali li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti jiġu pprovduti b’għodod bl-għan li jtejbu l-kapaċità tagħhom li tinġabar u tiġi analizzata data u li tintuża biex ittejjeb il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

24.

iqis approċċ intelliġenti bħala għodda ewlenija għall-kisba tal-miri relatati mal-Għan 11 dwar Bliet u Komunitajiet Sostenibbli u mal-Għan 13 dwar Azzjoni Klimatika;

25.

jirrikonoxxi li bliet intelliġenti jridu jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv biex ifasslu l-kuntest lokali tagħhom; l-inizjattiva tal-bniedem, appoġġjata u ssupplimentata mill-ICT, u servizzi lokali adattati għaċ-ċittadini, jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet intelliġenti u ideat kollettivi li jtejbu l-bliet u jkabbru s-sostenibbiltà tagħhom, biex b’hekk jinbnew il-kapital soċjali u komunitajiet reżiljenti filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-Faqar Enerġetiku; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li jitnaqqas id-distakk diġitali u li jkun hemm titjib tal-ħiliet taċ-ċittadini biex jiġu żgurati komunitajiet intelliġenti li ma jissegregawx ċittadini vulnerabbli u sabiex tiġi evitata kull tip ta’ esklużjoni soċjali; jemmen ukoll li huwa importanti li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika u teknoloġiji innovattivi f’akkomodazzjoni soċjali sabiex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku;

Bliet u rħula intelliġenti u t-tranżizzjoni lejn Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’impatt newtrali fuq il-klima u bijodiversa

26.

sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni intelliġenti, iqis li huwa strateġikament importanti li jiġu żviluppati programmi speċifiċi biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni, li jkopru gruppi ta’ etajiet u kundizzjonijiet professjonali varji, li jibnu fuq l-esperjenzi u l-aħjar prattiki li huma komparabbli ma’ proġetti ta’ bliet intelliġenti;

27.

jilqa’ l-esperjenza pijuniera ta’ xi komunitajiet intelliġenti li diġà qed jimxu lejn soluzzjonijiet ta’ ekonomija ċirkolari għall-bini, il-mobbiltà, prodotti, immaniġġjar tal-iskart u fl-ippjanar u l-immaniġġjar tat-territorji tagħhom, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi aktar dan l-aspett għall-komunitajiet intelliġenti kollha. Dawn il-kontributi se jkollhom rwol sinifikanti fl-ilħuq tal-SDGs;

28.

jinnota li teknoloġiji intelliġenti għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa u l-implimentazzjoni b’suċċess tat-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa. F’dan is-sens jindika l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti bħala għodda b’saħħitha biex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji intelliġenti jiġu implimentati b’mod konsistenti u armonizzat, biex is-sinerġiji potenzjali eżistenti jiġu sfruttati bl-aħjar mod;

29.

jikkunsidra lill-komunitajiet tal-enerġija lokali bħala riżorsa b’saħħitha sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn enerġija nadifa u jippromovi l-involviment taċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet intelliġenti, u jfakkar, f’dan il-kuntest, fis-suġġerimenti li għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett (6);

30.

ifakkar li n-natura għandha rwol importanti fl-SDGs relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, il-benessri u bliet sostenibbli. Jenfasizza l-fatt li l-bliet u l-komunitajiet intelliġenti għandhom jikkunsidraw soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u infrastruttura ekoloġika bħala politiki komplementari essenzjali sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni ta’ servizzi tal-ekosistema u l-bijodiversità, jiġi promoss l-użu sostenibbli tagħhom u jiġi limitat it-teħid tal-art;

31.

ifakkar li s-strateġija fit-tul tal-Ewropa għal newtralità klimatika sal-2050 tirrikonoxxi r-rwol ċentrali ta’ teknoloġiji u bliet intelliġenti fil-kisba tan-newtralità klimatika;

32.

ifakkar, minbarra ż-żieda fl-integrazzjoni tal-klima baġitarja, l-appelli għal miżuri effettivi biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-karburanti fossili sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex tiġi appoġġjata tranżizzjoni ġusta;

33.

jinnota li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika toħloq impjiegi ta’ kwalità fl-ekonomija ċirkolari, fis-setturi tal-enerġija nadifa, tal-ikel u tal-agrikoltura, u jistieden lill-UE żżid il-koerenza tal-objettivi klimatiċi permezz tal-politika ta’ koeżjoni, tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) u InvestEU;

34.

jinnota li soluzzjonijiet ta’ “ilma intelliġenti” qed jikbru fl-importanza bħala komponent ta’ politika kompleta dwar il-bliet intelliġenti mmirata lejn soluzzjonijiet sostenibbli għall-klima;

35.

ifakkar fir-rilevanza tal-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi intelliġenti u jikkunsidra l-bliet u komunitajiet intelliġenti bħala pijunieri naturali f’dan il-qasam;

36.

ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini hija kwistjoni ewlenija bil-għan li jkun hemm tranżizzjoni b’suċċess lejn impatt newtrali fuq il-klima u li soluzzjonijiet intelliġenti huma intiżi li jkollhom rwol deċiżiv; ifakkar, f’dan is-sens, li dawn is-soluzzjonijiet intelliġenti x’aktarx li jkunu effettivi biss jekk ikunu utilizzati fil-kuntest ta’ bliet u komunitajiet intelliġenti u jekk ma jkunux implimentati bħala soluzzjoni iżolata; ifakkar ukoll f’dan il-kuntest fir-rwol importanti tal-“Inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti” biex jiġu pprovduti mekkaniżmi ta’ finanzjament għal dan l-għan;

37.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ politika tad-djar sostenibbli u jagħtu kontribut sinifikanti biex l-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jitwettqu fil-prattika;

38.

jappella għall-għoti ta’ inċentivi orjentati lejn l-effiċjenza massima tal-enerġija f’binjiet ġodda u modifiki retroattivi skont l-istandards f’konformità mal-Istandard ta’ Dar Passiva, flimkien, fejn xieraq, mal-użu ta’ teknoloġija intelliġenti fil-bini;

39.

ifakkar fl-appoġġ tal-KtR għal Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli bbażati fuq il-multimodalità u l-użu kkoordinat ta’ trasport reġjonali urban b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet u l-loġistika, b’enfasi fuq ir-rwol prinċipali tal-ferroviji u ta’ trasport fuq l-ilma biex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

40.

ifakkar li s-settur tat-trasport urban bħalissa qed isawwar u jesperjenza bidla fundamentali, bi tranżizzjonijiet li jikkoinċidu fil-qasam tal-użu tal-enerġija (elettrifikazzjoni, karburanti alternattivi), tat-teknoloġiji (Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti) u tal-bidla fl-imġiba (ekonomija kollaborattiva, enfasi fuq l-ivvjaġġar attiv). Dawn il-bidliet jaffettwaw lill-passiġġieri kif ukoll it-trasport tal-merkanzija, in-negozju kif ukoll l-ivvjaġġar għad-divertiment. Din il-bidla fundamentali tista’ tiġi diretta lejn il-kisba ta’ objettivi ta’ Bliet Intelliġenti bħalma huma l-istimolu tas-suq tal-innovazzjoni lokali, l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji disponibbli u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien.

41.

jikkunsidra wkoll li teknoloġiji ta’ mobbiltà intelliġenti jistgħu jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet ta’ mobbiltà sostenibbli f’territorji b’densità baxxa, żoni rurali u reġjuni periferali, kif ukoll jippromovu xejra ta’ mobbiltà attiva li tista’ ttejjeb is-saħħa taċ-ċittadini;

Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għal komunitajiet intelliġenti biex jiġu ffinanzjati u aċċellerati soluzzjonijiet innovattivi

42.

ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni insulari oħrajn huma postijiet ideali biex jiġu ttestjati teknoloġiji, enerġija u proċeduri alternattivi, u li huma kklassifikati wkoll bħala “laboratorji ħajjin”. L-iżolament, id-distanza miċ-ċentru tal-Ewropa, il-bijodiversità għolja, il-viċinanza u l-aċċessibbiltà għall-baħar, il-fenomeni ambjentali estremi (atmosferiċi u ġeoloġiċi) u d-disponibbiltà tal-enerġija ġeotermali tagħhom, fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-SDGs, pjuttost milli limitazzjonijiet, huma vantaġġi ġeografiċi li jipprovdu l-opportunità għall-ittestjar ta’ prototipi taħt kundizzjonijiet ikkontrollati iżda bl-ogħla livell ta’ diffikultà.

43.

jenfasizza l-potenzjal ta’ żoni lokali fejn għodod regolatorji flessibbli u innovattivi, jew alternattivi għar-regolamentazzjoni, jistgħu jiġu ttestjati f’dinja reali f’kuntest urban, li jistgħu jippermettu l-esplorazzjoni, u l-implimentazzjoni sussegwenti possibbli, ta’ innovazzjonijiet sostenibbli (eż. fil-qasam tal-abitazzjoni); il-belt bħala “magna tat-tagħlim” tiffaċilita t-tagħlim soċjali u tippermetti kooperazzjoni li tista’ tnaqqas ir-riskji soċjali;

44.

jenfasizza l-importanza ta’ deċentralizzazzjoni fil-qasam fiskali, sabiex tiġi ffaċilitata l-inkorporazzjoni mtejba ta’ miżuri fiskali reġjonali u urbani (kbar) orjentati lejn il-klima fil-kuntest lokali;

45.

jenfasizza l-importanza li l-komunitajiet lokali jiġu pprovduti bl-għodod u l-attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità biex jippermettu t-tranżizzjoni lejn komunitajiet intelliġenti, biex b’hekk jitnaqqas id-distakk diġitali u jiġi żgurat li l-ebda ċittadin u l-ebda territorju ma jibqa’ lura;

46.

ifakkar fir-rwol kruċjali ta’ Sħubiji Pubbliċi-Privati (PPP) fl-implimentazzjoni ta’ bliet u komunitajiet intelliġenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar sforzi biex toħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu lil awtoritajiet lokali kbar u żgħar japplikaw dan l-istrument;

47.

itenni mill-ġdid ir-rwol tal-komunitajiet intelliġenti bħala l-ixprunaturi ta’ tranżizzjoni tal-enerġija intelliġenti u inklussiva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja aktar il-bliet u l-komunitajiet intelliġenti fl-azzjoni tagħhom permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament dedikati u aċċessibbli;

48.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tidentifika Missjoni dwar bliet b’impatt newtrali fuq il-klima u intelliġenti fil-qafas tal-Orizzont Ewropa l-ġdid;

49.

jitlob li l-politika tal-klima tal-UE tkun olistika u bbażata fuq approċċ sistemiku u integrat, filwaqt li jinnota li s’issa l-politiki tal-UE u nazzjonali ħafna drabi jkunu frammentati bejn setturi u kategoriji differenti u bejn żoni urbani u rurali.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  COR-2018-05877-00-01-AC-TRA (MT) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 53).

(2)  COR-2019-00239-00-00-AC-TRA (MT) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 16).

(3)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT) (ara paġna 27 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT).

(5)  COR-2019-00965-00-01-PAC-TRA (MT).

(6)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 36.


Top