EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0253

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll

COM/2018/253 final - 2018/0118 (NLE)

Brussell, 30.4.2018

COM(2018) 253 final

2018/0118(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 1 tipprovdi għal proċedura ta' tliet passi li tista' twassal sabiex sustanza psikoattiva ġdida tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni.

Fid-19 ta’ Diċembru 2017, ġew ippubblikati żewġ rapporti konġunti taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA, European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction) u tal-Europol, imħejjija f'konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Fid-29 ta’ Jannar 2018, wara t-talba li saret mill-Kummissjoni u tmien Stati Membri u skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kunsill talab li ssir valutazzjoni tar-riskji kkawżati mill-użu, il-manifattura u t-traffikar tas-sustanzi psikoattivi ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil), l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta’ kontroll introdotti dwar din is-sustanza.

Ir-riskji taċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil ġew ivvalutati mill-Kumitat Xjentifiku tal-EMCDDA, li jaġixxi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju kienu ppreżentati lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-23 ta’ Marzu 2018. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni tar-riskju huma dawn li ġejjin:

Ċiklopropilfentanil

·Iċ-ċiklopropilfentanil huwa opjojde sintetiku u huwa strutturalment relatat mal-fentanil, sustanza kkontrollata fuq livell internazzjonali. Iċ-ċiklopropilfentanil huwa strutturalment relatat wkoll mal-butirfentanil, sustanza oħra kkontrollata fuq livell internazzjonali.

·Iċ-ċiklopropilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn Ġunju 2017 u nstab f'sitt Stati Membri. Ġew irrappurtati 77 mewt minn żewġ Stati Membri bejn Ġunju u Diċembru 2017 fejn ġie kkonfermat l-esponiment għaċ-ċiklopropilfentanil. F’mill-inqas 74 mewta, iċ-ċiklopropilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt.

Metossiaċetilfentanil

·Il-metossiaċetilfentanil huwa opjojde sintetiku u huwa strutturalment relatat mal-fentanil, sustanza kkontrollata fuq livell internazzjonali. Il-metossiaċetilfentanil huwa wkoll strutturalment relatat mal-ocfentanil u l-aċetilfentanil, li t-tnejn huma sustanzi kkontrollati fuq livell internazzjonali.

·Il-metossiaċetilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni Ewropea mill-inqas minn Novembru 2016 u nstab fi 11-il Stat Membru bejn Ġunju u Diċembru 2017. Ġew irrapportati 13-il mewta minn erba’ Stati Membri wieħed fejn kien ikkonfermat l-esponiment għall-metossiaċetilfentanil. F’mill-inqas seba' mewtiet, il-metossiaċetilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt.

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha tirċievi r-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskji, il-Kummissjoni għandha tippreżenta jew inizjattiva lill-Kunsill biex is-sustanzi psikoattivi l-ġodda jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni, jew rapport li jispjega l-opinjonijiet tagħha dwar għaliex inizjattiva bħal din ma titqiesx meħtieġa. Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Konġunti C-317/13 u C-679/13, il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat qabel ma att ibbażat fuq l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI jiġi adottat.

Abbażi tas-sejbiet tar-rapporti tal-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni tqis li hemm raġunijiet biex dawn is-sustanzi jiġu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha. Skont ir-rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskji, it-tossiċità akuta taċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil hija tali li tista' tikkawża ħsara kbira għas-saħħa tal-individwi.

2.    OBJETTIV TAL-PROPOSTA

L-objettiv ta' din il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill huwa li l-Istati Membri jintalbu jissoġġettaw iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif stipulat bil-leġiżlazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi kif emendata bil-Protokoll tal-1972.

2018/0118 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tissottoponi s-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għal miżuri ta’ kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 3 ,

Billi:

(1)Tfasslu rapporti dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanzi psikoattivi ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement intbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fit-23 ta’ Marzu 2018.

(2)Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil huma opjojdi sintetiċi u huma strutturalment marbuta mal-fentanil, sustanza kkontrollata użata ħafna fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Iċ-ċiklopropilfentanil huwa strutturalment relatat ukoll mal-butirfentanil, sustanza oħra kkontrollata fuq livell internazzjonali. Il-metossiaċetilfentanil huwa wkoll strutturalment relatat mal-ocfentanil 4 u l-aċetilfentanil, li t-tnejn huma sustanzi kkontrollati fuq livell internazzjonali.

(3)Iċ-ċiklopropilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni sa mill-inqas Ġunju 2017 u nstab f’sitt Stati Membri li rraportaw total ta’ 140 qabda bejn Ġunju 2017 u Jannar 2018. Is-sejbiet inġenerali x’aktarx li mhumiex rapportati biżżejjed billi s-sustanza ma tiġix skrinjata bħala kwistjoni ta’ rutina. F’ħafna każijiet, is-sustanza ġiet maqbuda bħala trab, iżda kienet ukoll issekwestrata, sa ċertu punt, f’forma likwida u bħala pilloli. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar. Madankollu, jenħtieġ li dawn jitqiesu fil-kuntest tal-potenza għolja li hija tipika għall-fentanils.

(4)Ġew irrapportati 77 mewta minn żewġ Stati Membri fejn kien ikkonfermat l-esponiment għaċ-ċiklopropilfentanil. Il-mewtiet seħħew fi żmien qasir, jiġifieri bejn Ġunju u Diċembru 2017. F’ħafna mill-każijiet, instabu wkoll drogi oħra flimkien maċ-ċiklopropilfentanil. F’mill-inqas 74 mewta, iċ-ċiklopropilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Ma ġew irrappurtati l-ebda intossikazzjonijiet akuti flimkien ma’ esponiment ikkonfermat maċ-ċiklopropilfentanil. Huwa probabbli li n-nalaxonum iservi bħala rimedju kontra l-ivvelenar ikkawżat miċ-ċiklopropilfentanil. Kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali kif ukoll l-imwiet x’aktarx li ma jinstabux biżżejjed u mhumiex irrappurtati biżżejjed peress li ma jiġux skrinjati bħala kwistjoni ta’ rutina. L-esponiment aċċidentali għaċ-ċiklopropilfentanil jista’ joħloq riskju għall-familjari u l-ħbieb tal-utent, għall-infurzar tal-liġi, għall-persunal ta’ emerġenza, għall-persunal mediku u tal-laboratorji forensiċi, kif ukoll għal dawk li qegħdin taħt xi forma ta’ libertà ristretta u tas-servizzi postali.

(5)Ma hemm ebda provi speċifiċi dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment taċ-ċiklopropilfentanil fl-Unjoni. Madankollu, minħabba l-fatt li din ġiet individwata f’kampjun tal-eroina u f’mediċini ffalsifikati, l-involviment ta’ kriminalità organizzata ma jistax jiġi eskluż. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li ċ-ċiklopropilfentanil huwa prodott minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina, imma l-kapaċità għall-manifattura tal-fentanils jista’ jkun teżisti wkoll fl-Unjoni.

(6)Iċ-ċiklopropilfentanil jidher li jinbiegħ onlajn f’ammonti żgħar u permezz ta’ bejgħ bl-ingrossa, bl-iskuża ta’ “kimika għar-riċerka” jew bħala sostitut “legali” għal opjojdi illeċiti, tipikament bħala trab jew bħala soluzzjoni fi sprejs nasali lesti għall-użu. Barra minn hekk, l-informazzjoni mis-sekwestri turi li ċ-ċiklopropilfentanil ġie użat ukoll fil-manifattura ta’ pirmli foloz ta’ mediċini analġeżiċi popolari u bil-benżodiażepina. L-informazzjoni mis-sekwestri tindika li ċ-ċiklopropilfentanil jista’ jkun inbiegħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi bl-isem ta’ metossiaċetilfentanil, bħala eroina u f’taħlitiet ma’ opjojdi oħra bħall-eroina. Minħabba dan, l-utenti jistgħu ma jkunux konxji li qegħdin jużaw il-fentanil.

(7)Il-metossiaċetilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni sa mill-inqas Novembru 2016 u nastab fi 11-il Stat Membru li rraportaw total ta’ 44 qabda bejn Ġunju 2017 u Diċembru 2017. Is-sejbiet inġenerali x’aktarx li mhumiex rapportati biżżejjed billi s-sustanza ma tiġix skrinjata bħala kwistjoni ta’ rutina. F’ħafna każijiet, is-sustanza ġiet issekwestrata bħala trab jew likwidu, iżda kienet ukoll issekwestrata, sa ċertu punt, bħala pilloli. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar. Madankollu, dawn għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-potenza għolja li hija tipika għall-fentanils.

(8)Ġew irrapportati 13-il mewta minn erba’ Stati Membri fejn kien ikkonfermat l-esponiment għall-metossiaċetilfentanil. Fil-każijiet kollha, instabu wkoll drogi oħra flimkien mal-metossiaċetilfentanil. F’mill-inqas seba' mewtiet, il-metossiaċetilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x’aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Ġew irrappurtati żewġ intossikazzjonijiet akuti flimkien ma’ esponiment ikkonfermat mal-metossiaċetilfentanil. Huwa probabbli li n-nalaxonum iservi bħala rimedju kontra l-ivvelenar ikkawżat mill-metossiaċetilfentanil. Kemm l-intossikazzjonijiet mhux fatali kif ukoll l-imwiet x’aktarx li ma jinstabux biżżejjed u mhumiex irrappurtati biżżejjed peress li ma jiġux skrinjati bħala kwistjoni ta’ rutina. L-esponiment aċċidentali għall-metossiaċetilfentanil jista’ joħloq riskju għall-familjari u l-ħbieb tal-utent, għall-infurzar tal-liġi, għall-persunal ta’ emerġenza, għall-persunal mediku u tal-laboratorji forensiċi, kif ukoll għal dawk li qegħdin taħt xi forma ta’ libertà ristretta u s-servizzi postali.

(9)Ma hemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment tal-metossiaċetilfentanil fl-Unjoni. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li l-metossiaċetilfentanil huwa prodott minn kumpaniji kimiċi fiċ-Ċina, imma l-kapaċità għall-manifattura tal-fentanils jista’ jkun teżisti wkoll fl-Unjoni.

(10)Il-metossiaċetilfentanil jidher li tinbiegħ onlajn f’ammonti żgħar u permezz ta’ bejgħ bl-ingrossa, bl-iskuża ta’ “kimika għar-riċerka” jew bħala sostitut “legali” għal opjojdi illeċiti, tipikament bħala trab jew bħala soluzzjoni fi sprej nasali lesti għall-użu. L-informazzjoni mis-sekwestri tissuġġerixxi li l-metossiaċetilfentanil jaf kien mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi, fejn jinbiegħ jew jintuża biex jiġu prodotti analġeżiċi u benżodiażepina foloz. Minħabba dan, l-utenti jistgħu ma jkunux konxji li qegħdin jużaw il-fentanil.

(11)Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil ma għandhom l-ebda użu mediku għall-bniedem jew l-annimal li huwa rikonoxxut fl-Unjoni u lanqas, mid-dehra, barra mill-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-sustanzi jistgħu jintużaw għal xi skop ieħor minbarra standard analitiku ta’ referenza u fir-riċerka xjentifika.

(12)Ir-rapporti ta’ valutazzjoni tar-riskju juru li bosta mistoqsijiet relatati maċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil li wieħed isaqsi minħabba n-nuqqas ta’ dejta dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jistgħu jitwieġbu permezz ta’ iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji tas-saħħa u dawk soċjali li joħolqu dawn is-sustanzi, anki minħabba s-similaritajiet mal-fentanil, jipprovdu bażi suffiċjenti biex iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil jiġu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha.

(13)Iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil mhumiex elenkati għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanzi bħalissa mhumiex qed jiġu vvalutati mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(14)Billi tmien Stati Membri jikkontrollaw iċ-ċiklopropilfentanil u disa’ Stati Membri jikkontrollaw il-metossiaċetilfentanil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u ħames Stati Membri jikkontrollaw iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil, rispettivament, taħt leġiżlazzjoni oħra, li dawn is-sustanzi jkunu sottoposti għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista’ jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħhom jistgħu joħolqu.

(15)Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfeġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi dawn is-sustanzi jkunu soġġetti għal miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex iċ-ċiklopropilfentanil u l-metossiaċetilfentanil jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni kollha.

(16)Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(17)L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(18)Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi psikoattivi l-ġodda N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-il]ċiklopropankarbossammid (ċiklopropilfentanil) u 2-metossi-N-fenil-N-[1-(2- feniletil)piperidin-4-il]aċetammid (metossiaċetilfentanil) għandhom jiġu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

Sa mhux aktar tard minn [sena mid-data li fiha tiġi ppubblikata din id-Deċiżjoni] l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanzi psikoattivi l-ġodda msemmija fl-Artikolu 1 jkunu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll u għal pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi kif emendata mill-Protokoll tal-1972.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(2)    ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(3)    ĠU C …, xx.xx.2018, p. xx.
(4)    L-ocfentanil ġie skedat fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Drogi Narkotiċi tal-1961 kif emendata mill-Protokoll tal-1972 (il- “Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”) waqt il-61 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu 2018.
Top