Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0029

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari

COM/2018/029 final

Strasburgu, 16.1.2018

COM(2018) 29 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari

{SWD(2018) 17 final}


1.Introduzzjoni

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hi opportunità tad-deheb biex l-ekonomija tagħna tinbidel u ssir aktar sostenibbli, tikkontribwixxi għall-miri klimatiċi u l-priżervazzjoni tar-riżorsi dinjin, toħloq impjiegi lokali u vantaġġi kompetittivi għall-Ewropa f’dinja li qed iġġarrab tibdil mill-qiegħ. L-importanza tal-ekonomija ċirkolari għall-industrija Ewropea ġiet enfasizzata dan l-aħħar fl-istrateġija mġedda tal-politika industrijali tal-UE 1 . It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari se tgħin ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 2 .

Fil-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari 3 , ekonomija ċirkolari hi spjegata bħala ekonomija “fejn il-valur tal-prodotti, il-materjali u r-riżorsi jinżamm fl-ekonomija kemm jista’ jkun possibbli, u tiġi minimizzata l-ġenerazzjoni tal-iskart”.

Fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari, il-monitoraġġ tat-tendenzi u x-xejriet ewlenin hu essenzjali biex nifhmu kif l-elementi varji tal-ekonomija ċirkolari qed jiżviluppaw tul iż-żmien, ħalli nkunu nistgħu nidentifikaw il-fatturi tas-suċċess fl-Istati Membri u nivvalutaw jekk itteħditx azzjoni biżżejjed. Ir-riżultati tal-monitoraġġ jenħtieġ jifirxu l-bażi biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda lejn l-għan fit-tul ta’ ekonomija ċirkolari. Dawn mhumiex biss rilevanti għal dawk li jfasslu l-politika, iżda jenħtieġ inebbħu lil kulħadd u jixprunaw azzjonijiet ġodda.

Din hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni, fil-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari, impenjat ruħha li tippreżenta qafas ta’ monitoraġġ sempliċi u effettiv. Dan tennieh il-Kunsill tal-UE, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari 4 , meta saħaq fuq “il-ħtieġa għal qafas ta’ monitoraġġ biex jissaħħaħ u jiġi valutat il-progress lejn ekonomija ċirkolari filwaqt li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv”. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi ħalli jiġi segwit il-progress lejn l-ekonomija ċirkolari 5 .

Din il-Komunikazzjoni twettaq dan l-impenn billi tippreżenta qafas ta’ monitoraġġ magħmul minn sett ta’ indikaturi sinifikattivi li jaħfnu l-elementi ewlenin tal-ekonomija ċirkolari.

Il-qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari jikkumplimenta u jistrieħ fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi 6 u t-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Materja Prima 7 eżistenti li żviluppat il-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin. Il-qafas huwa ppreżentat fuq is-sit web 8 u kull indikatur hu disponibbli u se jinżamm aġġornat.

2.Insegwu l-progress lejn ekonomija ċirkolari

Li nsegwu l-progress lejn ekonomija ċirkolari hu sfida. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari mhix limitata għal ċerti materjali jew setturi. Din hija bidla sistemika li taffettwa l-ekonomija kollha u tinvolvi l-prodotti u s-servizzi kollha. Idealment, l-indikaturi qabelxejn għandhom jagħrfu t-tendenzi fil-priżervazzjoni tal-valur ekonomiku tal-prodotti, il-materjali u r-riżorsi, u t-tendenzi tal-ġenerazzjoni tal-iskart.

Ma jeżisti l-ebda indikatur waħdieni taċ-“ċirkolarità” li hu rikonoxxut universalment, u indikaturi standardizzati robusti li jiddeskrivu l-aktar xejriet rilevanti huma limitati. Mhux possibbli li miżura waħda, jew punteġġ, jirnexxilhom jirriflettu sew il-kumplessità u l-bosta dimensjonijiet tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Għaldaqstant, dan il-qafas ta’ monitoraġġ se juża sett ta’ indikaturi rilevanti.

Mod kif wieħed jista’ jqis l-ekonomija ċirkolari hu li jara kif jidħlu l-materjali, il-fluss fi ħdanha u (eventwalment) il-ħruġ mill-ekonomija. Din il-ħarsa ġenerali tista’ tiġi rrappreżentata bi grafika tal-flussi tal-materjali li turi l-materja prima kollha – aggregata u miġbura fi gruppi skont il-kategoriji tal-materjali – matul il-proċess tal-ekonomija, mill-estrazzjoni tagħha sakemm issir skart.

Il-grafika 1: Il-flussi tal-materjali fl-ekonomija (UE-28, 2014) 9 , 10

Il-grafika 1 tagħti ħarsa ġenerali tal-flussi tal-materjali fl-UE fl-2014. In-naħa tal-input fuq ix-xellug turi li kull sena fl-UE jiġu pproċessati 8 miljun tunnellata ta’ materjali f’enerġija jew fi prodotti. Mir-riċiklaġġ joriġinaw biss 0,6 biljun tunnellata. In-naħa tal-output turi li minn 2,2 biljun tunnellata ta’ skart li jiġu ġġenerati, 0,6 biljun tunnellata biss jergħu jidħlu fis-sistema bħala materjali riċiklati. Il-bqija tal-materjali, ekwivalenti għal 1,5 biljun tunnellata, huma skart. Dawn l-aspetti juru li hemm potenzjal ġmielu għal titjib, l-aktar billi jiżdied il-proporzjon ta’ materjali riċiklati bħala materja prima sekondarja u tonqos il-produzzjoni tal-iskart.

Il-qafas ta’ monitoraġġ għandu l-għan li jkejjel il-progress lejn l-ekonomija ċirkolari b’mod li jinkludi d-diversi dimensjonijiet tagħha fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tar-riżorsi, tal-prodotti u tas-servizzi. Għalhekk, il-qafas ta’ monitoraġġ għandu sett ta’ għaxar indikaturi (ara t-Tabella 1) miġburin f’erba’ stadji u aspetti tal-ekonomija ċirkolari: (1) il-produzzjoni u l-konsum, (2) l-immaniġġjar tal-iskart, (3) il-materja prima sekondarja u (4) il-kompetittività u l-innovazzjoni. Fil-biċċa l-kbira, dan isegwi l-loġika u l-istruttura tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari.



Nru

Isem

Ir-rilevanza

Il-lievi tal-UE (eżempji)

Il-produzzjoni u l-konsum

1

L-awtosuffiċjenza tal-UE għall-materja prima

L-ekonomija ċirkolari għandha tgħin biex jiġu indirizzati r-riskji tal-provvista għall-materja prima, l-aktar il-materja prima kritika.

L-Inizjattiva dwar il-Materja Prima Il-Pjan ta' Direzzjoni għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

2

L-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku*

L-akkwist pubbliku hu proporzjon kbir tal-konsum u jista’ jixpruna l-ekonomija ċirkolari.

L-Istrateġija dwar l-Akkwist Pubbliku; skemi ta’ appoġġ tal-UE u kriterji volontarji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku

3a-c

Il-ġenerazzjoni tal-iskart

F’ekonomija ċirkolari, il-ġenerazzjoni tal-iskart tonqos kemm jista’ jkun.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; Direttivi dwar flussi speċifiċi tal-iskart; l-Istrateġija dwar il-Plastik

4

Il-ħela tal-ikel*

Ir-rimi tal-ikel iħalli impatti negattivi fuq l-ambjent, il-klima u l-ekonomija.

Ir-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel; id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; diversi inizjattivi (eż. il-Pjattaforma dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel)

L-immaniġġjar tal-iskart

5a-b

Ir-rati ġenerali tar-riċiklaġġ

Iż-żieda fir-riċiklaġġ hi parti mit-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart

6a-f

Ir-rati tar-riċiklaġġ għal flussi speċifiċi tal-iskart

Dan jixhed il-progress fir-riċiklaġġ tal-flussi ewlenin tal-iskart.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; id-Direttiva dwar il-Miżbliet Direttivi dwar flussi speċifiċi tal-iskart

Il-materja prima sekondarja

7a-b

Il-kontribut tal-materjali riċiklati għad-domanda tal-materja prima

F’ekonomija ċirkolari, il-materja prima sekondarja tintuża l-aktar biex isiru prodotti ġodda.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart; id-Direttiva dwar l-Ekodisinn; l-Ekotikketta tal-UE; ir-REACH; inizjattiva dwar l-interfaċċa bejn il-politiki tas-sustanzi kimiċi, tal-prodotti u tal-iskart; l-Istrateġija dwar il-Plastik; standards tal-kwalità għall-materja prima sekondarja

8

Il-kummerċ tal-materja prima riċiklabbli

Il-kummerċ tal-materjali riċiklabbli juri l-importanza tas-suq intern u l-parteċipazzjoni globali fl-ekonomija ċirkolari.

Il-Politika dwar is-Suq Intern; ir-Regolament dwar il-Vjeġġi tal-Iskart; il-politika kummerċjali

Il-kompetittività u l-innovazzjoni

9a-c

L-investimenti privati, l-impjiegi u l-valur miżjud gross

Dan jixhed il-kontribut tal-ekonomija ċirkolari għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment; l-InnovFin; il-Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari; l-Istrateġija tal-Finanzi Sostenibbli; l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi; l-Aġenda l-Ġdida għal Ħiliet għall-Ewropa; il-Politika dwar is-Suq Intern

10

Il-privattivi

It-teknoloġiji innovattivi relatati mal-ekonomija ċirkolari jżidu l-kompetittività dinjija tal-UE.

Orizzont 2020

* L-indikaturi li qed jiġu żviluppati

It-tabella 1: Indikaturi dwar l-ekonomija ċirkolari, inkluż fil-qafas ta’ monitoraġġ

Dawn l-indikaturi ntgħażlu biex ikopru l-elementi ewlenin ta’ ekonomija ċirkolari. Meta ntgħażlu tqieset id-disponibbiltà tad-dejta, abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar l-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi u tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Materja Prima. L-indikaturi jistrieħu kemm jista’ jkun fuq dejta eżistenti ħalli jiġi limitat il-piż amministrattiv. Fost xi kriterji oħrajn li magħhom jiġu vvalutati l-indikaturi hemm ir-rilevanza, l-aċċettazzjoni, il-kredibbiltà, il-faċilità tal-użu u s-sodezza.

Meta ntgħażlu l-indikaturi tqiesu wkoll ir-reazzjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan direzzjonali 11 u diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-esperti tal-partijiet konċernati 12 .

Il-Kummissjoni se ttejjeb il-bażi tal-għarfien u d-disponibbiltà tad-dejta biex jitkejjel il-progress fl-ekonomija ċirkolari:

-Bħalissa għaddejja ħidma biex jinħolqu metodoloġiji ġabriet tad-dejta li jistgħu jintużaw għall-indikaturi tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-ħela tal-ikel, ħalli fis-snin li ġejjin tiġi ppubblikata d-dejta. Sadanittant, il-Eurostat qed jipproduċi xi stimi provviżorji dwar il-ħela tal-ikel.

-Bħala parti mill-pakkett tal-2015 dwar l-ekonomija ċirkolari u l-isforzi usa’ tal-Kummissjoni biex titjieb il-kwalità tal-istatistika tal-UE dwar l-iskart, il-Kummissjoni pproponiet li tarmonizza l-metodoloġiji għall-kalkolu tar-rati tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali 13 u għall-iskart mill-imballaġġ 14 . Ladarba l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw dawn il-proposti, dawn se jwasslu għal aktar statistika affidabbli u komparabbli.

-Permezz tal-programm Orizzont 2020, il-Kummissjoni qed tiffinanzja diversi proġetti ta’ riċerka li se tipprovdi dejta aħjar li tikkumplimenta l-istatistika uffiċjali, b’mod partikolari permezz tas-sistema tal-informazzjoni tal-UE għall-materja prima 15 .

3.L-ewwel sejbiet

L-għaxar indikaturi tal-qafas ta’ monitoraġġ jagħtu stampa wiesgħa tal-lievi ewlenin li jżidu ċ-ċirkolarità tal-ekonomija tal-UE. Filwaqt li jrid jgħaddi daqsxejn ta’ żmien qabel ma r-riżultati tal-azzjonijiet dwar l-ekonomija ċirkolari jibdew jidhru fl-istatistika, hu importanti li qabelxejn jiġu stabbiliti l-linji bażi. Dan se jgħin fil-monitoraġġ tal-iżviluppi futuri u jkun sors ta’ informazzjoni għall-proċessi tat-tfassil tal-politika.

Hemm bżonn kbir daqskemm potenzjal sinifikanti li titjieb il-prestazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Ir-rwol tal-UE hu akbar f’ċerti oqsma (bħall-kummerċ tal-materja prima riċiklabbli) milli hu f’oħrajn (bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku).

Il-produzzjoni u l-konsum

Jidher ċertu progress fejn jidħlu x-xejriet aktar ċirkolari fil-produzzjoni u fil-konsum, eżempju mil-lat ta’ ġenerazzjoni tal-iskart. Iżda baqa’ lok ġmielu biex jonqsu d-differenzi fil-prestazzjonijiet tal-Istati Membri u bejn il-materjali.

L-indikatur dwar l-awtosuffiċjenza fil-provvista tal-materja prima juri li l-UE hi fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għal ħafna mill-minerali mhux metalliċi bħalma huma l-materjali tal-kostruzzjoni u l-minerali industrijali. Madankollu, l-indikatur jikkonferma wkoll li għall-materja prima kritika 16 tal-UE, l-UE tiddependi sa ċertu punt fuq l-importazzjonijiet, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess sigur u għal diversifikazzjoni tal-provvista. Ħafna minn dawn il-materjali hemm bżonnhom biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta’ ekonomija sostenibbli, b’livell baxx tal-karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva 17 .

L-Akkwist Pubbliku jirrappreżenta sehem kbir tal-PDG, u b’hekk l-akkwist pubbliku ekoloġiku – jiġifieri meta l-awtoritajiet pubbliċi jużaw il-poter tal-akkwist tagħhom biex jagħżlu prodotti, servizzi u xogħlijiet favur l-ambjent – jista’ jagħti spinta lill-ekonomija ċirkolari u l-innovazzjoni. 18 . Għal dan l-indikatur, id-dejta għadha qed tiġi żviluppata.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali 19 fl-UE għal kull ras naqset bi 8 % bejn l-2006 u l-2016, għal medja ta’ 480 kg għal kull ras fis-sena. Dan hu eżempju ċar ta’ qasam fejn iċ-ċittadini kollha jistgħu jagħtu sehemhom. Iżda bejn l-Istati Membri hemm differenzi kbar (bejn 250 kg u 750 kg għal kull ras fis-sena)  20 ; u f’bosta Stati Membri, il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali għadha qed tiżdied. Il-kwantità tal-iskart iġġenerat xorta għad għandha rabta sa ċertu punt mal-PDG għal kull ras. Mhux ta’ b’xejn li d-dejta dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart kollu (inkluż l-iskart industrijali u kummerċjali għajr l-iskart minerali ewlieni) għal kull unità ta’ PDG turi tnaqqis ta’ 11 % mill-2006.

It-tnaqqis fil-ħela tal-ikel 21 għandu potenzjal enormi li jiffranka r-riżorsi li jintużaw għall-produzzjoni tal-ikel. L-ikel jinħela tul il-katina tal-valur kollha: matul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, fil-ħwienet, fir-ristoranti, fil-faċilitajiet tal-catering u fid-dar. Dan jagħmilha partikolarment diffiċli biex jiġi kwantifikat. Skont l-istimi preliminari tal-Eurostat, il-ħela tal-ikel fl-UE naqset minn 81 għal 76 miljun tunnellata (jiġifieri b’madwar 7 %) bejn l-2012 u l-2014, ekwivalenti għal tnaqqis minn 161 kg għal 149 kg għal kull ras.

L-immaniġġjar tal-iskart

B’mod ġenerali, l-immaniġġjar tal-iskart qed juri ċertu żvilupp iżda hemm lok sinifikanti għal titjib, u fost l-Istati Membri u bejn flussi tal-iskart hemm diversi differenzi.

Bejn l-2008 u l-2016 żdiedu r-rati tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali fl-UE minn 37 % għal 46 %. Ħames Stati Membri jirriċiklaw aktar minn nofs l-iskart muniċipali tagħhom, filwaqt li xi pajjiżi qed joqorbu lejn il-mira tar-riċiklaġġ tal-2030 ta’ 65 % li tipproponi l-Kummissjoni 22 ; iżda ħames Stati Membri għadhom taħt il-25 % 23 . 

Is-sors: il-Eurostat

Bejn l-2008 u l-2015 żdiedu r-rati tar-riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ fl-UE minn 62 % għal 66 %; dawn żdiedu fi kważi l-Istati Membri kollha, u fl-2015 kważi kull Stat Membru laħaq il-mira tal-2008 ta’ 55 % (il-Kummissjoni pproponiet mira ta’ 65 % sal-2025 u ta’ 75 % sal-2030 24 ). Għall-imballaġġ tal-plastik, ir-rata medja tar-riċiklaġġ fl-UE hi 40 %, jiġifieri ferm aktar baxxa, iżda fl-aħħar snin sar xi titjib.

Fl-2016, ir-riċiklaġġ tal-bijoskart muniċipali fl-UE kien 79 kg għal kull ras, jiġifieri żdied bi 23 % meta mqabbel mal-2007.

Għar-riċiklaġġ tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), id-dejta turi li l-livell tal-ġbir u tar-riċiklaġġ ivarja b’mod konsiderevoli madwar l-Istati Membri tal-UE u turi potenzjal kbir biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jonqsu l-ġbir, it-trattament u l-ġarr illegali. Fl-2015, erba’ Stati Membri biss irriċiklaw 25 aktar minn nofs it-tagħmir elettriku u elettroniku li kien tqiegħed fis-suq.

Fl-aħħar nett, għall-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ, 20 Stat Membru rrappurtaw li diġà laħqu l-mira tal-irkupru ta’ 70 % 26 stabbilita għall-2020. Dan hu sinjal tajjeb għax skont il-piż, dan hu l-akbar fluss tal-iskart fl-UE. Iżda tajjeb ninnutaw li l-mira tinkludi wkoll l-irdim 27 , prattika li xxejjen il-valur tal-materjali fl-ekonomija u għalhekk ma taffavorix l-ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, fost l-Istati Membri jeżistu differenzi kbar fejn jidħol ir-rappurtar tad-dejta.

Is-sors: il-Eurostat

Il-materja prima sekondarja

Il-kontribut tal-materjali riċiklati għad-domanda ġenerali tal-materjali hu relattivament baxx. Il-kummerċ tal-materja prima sekondarja qed jiżdied fl-UE u anki mal-pajjiżi terzi.

F’ekonomija ċirkolari, il-materjali inkorporati fil-prodotti u fil-komponenti jiġu riċiklati meta jaslu fi tmiem iċ-ċiklu tal-użu tagħhom u mbagħad jerġgħu jiddaħħlu lura fl-ekonomija bħala materja prima sekondarja. Dan inaqqas l-impronta ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum u jżid is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima. Fl-UE, il-livell tad-domanda għall-materja prima jisboq dak li jista’ jiġi pprovdut anke jekk l-iskart kollu jinbidel f’materja prima sekondarja. Għalhekk, il-provvista tal-materja prima primarja se tibqa’ meħtieġa.

Bħala medja, il-materjali riċiklati jissodisfaw biss madwar 10 % tad-domanda tal-materjali tal-UE, għalkemm mill-2004 kien hemm xi titjib. Għal uħud mill-materjali tal-massa, il-materja prima sekondarja tissodisfa aktar minn 30 % tad-domanda kollha tal-materjali (eż. ir-ram u n-nikil). Madankollu, għal għadd kbir ta’ materjali, inkluż kważi l-materja prima kritika kollha, il-kontribut tal-materjali riċiklati biex jissodisfa d-domanda għall-materja prima għadu żgħir jew negliġibbli. Dan jista’ jkun għax ir-riċiklaġġ ta’ dawn il-materjali ma jħallix qligħ, ma jeżistux it-teknoloġiji li jirriċiklawhom, jew il-materjali integrati fil-prodotti ntużaw għal żmien twil (eż. elementi terrestri rari użati fit-turbini tar-riħ).

Minbarra dan, l-indikatur dwar il-kummerċ tal-iskart riċiklabbli juri li l-UE hi esportatur nett ta’ diversi flussi tal-iskart riċiklabbli, bħalma huma l-plastik, il-karta u l-kartun, il-ħadid u l-azzar, ir-ram, l-aluminju u n-nikil. Fl-UE, il-kummerċ tal-iskart tal-plastik, il-karta u l-kartun, ir-ram, l-aluminju u n-nikil u ta’ metalli prezzjużi żdied ġmielu bejn l-2004 u l-2016, u għaldaqstant l-operaturi ekonomiċi setgħu jgawdu mill-benefiċċji tas-suq intern tal-UE għall-materja prima sekondarja.

Il-kompetittività u l-innovazzjoni

It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari żżid l-investimenti, il-valur miżjud u l-impjiegi, u tistimula l-innovazzjoni.

Is-sors: il-Eurostat

Fl-2014, l-investimenti privati f’sottogrupp ta’ setturi ekonomiċi rilevanti għall-ekonomija ċirkolari 28 huma stmati li kienu madwar EUR 15-il biljun fl-UE (jiġifieri 0,1 % tal-PDG). Matul l-istess sena kien hemm aktar minn 3,9 miljun impjieg f’dawn is-setturi, jiġifieri żieda ta’ 2,3 % meta mqabbel mal-2012. Minkejja l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji, dawn is-setturi tal-ekonomija ċirkolari ġġeneraw madwar EUR 141 biljun fil-valur miżjud fl-2014, u dan ifisser żieda ta’ 6,1 % meta mqabbel mal-2012. Hemm bosta programmi ta’ finanzjament tal-UE li jwieżnu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, fosthom il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-programm Orizzont 2020 u l-programm LIFE. Barra minn hekk, f’Jannar 2017 tnediet il-Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari.

Fejn jidħlu l-privattivi tar-riċiklaġġ u tal-materja prima sekondarja, id-dejta turi żieda ta’ 35 % bejn l-2000 u l-2013. Il-privattivi tal-UE għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ jirrappreżentaw 44 % tat-total dinji ta’ dawn il-privattivi, filwaqt li s-sehem tal-UE hu 18 % għall-plastik u 23 % għall-karta.

4.Konklużjonijiet

Dan il-qafas ta’ monitoraġġ iħaddem sett ta’ indikaturi konċiżi biex jiġbor l-elementi ewlenin tal-ekonomija ċirkolari, fosthom iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tal-materjali, l-oqsma u s-setturi ta’ prijorità, u l-impatti fuq il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi. B’hekk se jkun għodda li ssegwi x-xejriet ewlenin fit-tranżizzjoni ħalli tgħarbel jekk il-miżuri fis-seħħ u l-involviment tal-atturi kollha kinux effettivi biżżejjed, u tgħin biex jiġu identifikati l-aqwa prattiki tal-Istati Membri li jistgħu jixterdu.

L-indikaturi se jibqgħu jiġu aġġornati fuq is-sit web apposta tal-qafas ta’ monitoraġġ 29 . Fuq dan is-sit web hemm ukoll għodod li jsegwu l-progress u jiddokumentaw il-metodoloġiji għall-indikaturi, is-sorsi tad-dejta, id-definizzjonijiet u l-istandards tal-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni se tibqa’ torqom l-indikaturi li jkunu jeħtieġu aktar titjib, b’mod partikolari fejn jidħlu l-ħela tal-ikel u l-akkwist pubbliku ekoloġiku.

Il-qafas se jkompli jitjieb bi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati. B’mod partikolari, il-qafas jiddependi ħafna fuq l-istatistika ta’ kwalità kbira li l-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll l-involviment tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

(1)

COM(2017) 479.

(2)

  https://ec.europa.eu/info/strategy/international-strategies/global-topics/sustainable-development-goals/eu-approach-sustainable-development_mt

(3)

COM(2015) 614.

(4)

  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/06/20/envi-conclusions-circular-economy/pdf .

(5)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari ( 2014/2208(INI) ).

(6)

  http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/targets_indicators/scoreboard/index_en.htm .

(7)

  https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/1ee65e21-9ac4-11e6-868c-01aa75ed71a1 .

(8)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy .

(9)

 Is-sors: Andreas Mayer, Willi Haas, Dominik Wiedenhofer, Fridolin Krausmann, Philip Nuss, Gian Andrea Blengini (dalwaqt): Monitoring the circular economy in the EU28 – A mass-balanced assessment of economy wide material flows, waste and emissions from official statistics. (Insegwu l-ekonomija ċirkolati fl-UE28 – Valutazzjoni b’bilanċ tal-materja tal-flussi tal-materjali, tal-iskart u tal-emissjonijiet mifruxin mal-ekonomija abbażi ta’ statistika uffiċjali); fil-Journal of Industrial Ecology.

(10)

L-użu enerġetiku jkopri l-materja prima użata għall-kombustjoni jew għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf.

(11)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2017-1830357_mt .

(12)

Il-produtturi tal-istatistika uffiċjali dwar il-kontijiet ambjentali u l-esperti fl-effiċjenza tar-riżorsi/politika integrata dwar il-prodotti u dwar il-politika tal-materja prima: http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2673&Lang=MT , http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=470&Lang=MT , http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2812&Lang=MT , http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=1353&Lang=MT .

(13)

COM(2015) 595 final.

(14)

  COM(2015) 596 final .

(15)

  http://rmis.jrc.ec.europa.eu/

(16)

COM(2017) 490.

(17)

Ngħidu aħna, il-kobalt fil-batteriji tal-karozzi elettriċi u s-silikon fil-pannelli solari.

(18)

  http://ec.europa.eu/environment/gpp/index_en.htm  

(19)

L-iskart mid-djar u mill-ispazji pubbliċi u skart simili minn sorsi oħrajn.

(20)

Id-differenzi fil-modi kif l-Istati Membri jkejlu l-ġenerazzjoni tal-iskart jistgħu jispjegaw uħud mid-differenzi.

(21)

  https://ec.europa.eu/food/safety/food_waste/eu_actions_en  

(22)

COM(2015) 595 final.

(23)

L-Istati Membri qed jużaw metodi differenti biex jikkalkulaw ir-rati tar-riċiklaġġ, u dan jista’ jispjega parti mid-differenzi. Fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-iskart, il-Kummissjoni pproponiet metodu komuni.

(24)

  COM(2015) 596 final .

(25)

Jew ħejjew għall-użu mill-ġdid.

(26)

Il-mira ma tkoprix biss ir-riċiklaġġ iżda anki l-użu mill-ġdid u l-irkupru ta’ materjal ieħor, fosthom l-irdim tal-iskart mhux perikoluż tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ, għajr il-materjal li jokkorri naturalment.

(27)

Operazzjoni ta’ rkupru fejn l-iskart xieraq jintuża għall-finijiet ta’ riklamazzjoni fiż-żoni skavati jew għall-finijiet ta’ inġinerija fil-pjanifikazzjoni tal-art.

(28)

Jiġifieri l-attivitajiet tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ. Anki l-attivitajiet tat-twellija u l-kiri jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari, iżda għalissa għadhomx mhumiex inklużi għax l-istatistika tal-lum ma tagħmilx distinzjoni bi granularità biżżejjed bejn dawk l-attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod ċar għall-ekonomija ċirkolari u dawk li ma jikkontribwux. Għal aktar tagħrif, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(29)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy

Top