EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0677

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM/2017/0677 final - 2017/0305 (NLE)

Brussell,22.11.2017

COM(2017) 677 final

2017/0305(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill. Dan jistipula li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida għall-impjiegi (l-Artikolu 148), filwaqt li jispeċifika li dawn għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika (l-Artikolu 121).

Filwaqt li linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika jibqgħu jgħoddu għal kull żmien, il- linji gwida għall-impjiegi jeħtiġilhom jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba fl-2010 ("il-pakkett integrat") u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida integrati baqgħu stabbli sal-2014. Fl-2015 ġew adottati l-linji gwida integrati riveduti. Minbarra li jixhdu l-ambitu u d-direzzjoni għal koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri, il-linji gwida jipprovdu wkoll il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fl-oqsma rispettivi.

Il-ġabra ta' "linji gwida integrati" li hemm bħalissa jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020 fil-kuntest tal-metodu l-ġdid biex titfassal politika ekonomika mibnija fuq l-investiment, ir-riforma strutturali u r-responsabbiltà fiskali. Fi ħdan dan il-qafas, il-linji gwida integrati jridu jgħinu biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jintlaħqu l-miri tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri huma ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri – il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati. Il-linji gwida riveduti għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri ġew emendati sabiex it-test jiġi allinjat mal-prinċipji ta’ dan il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, bil-ħsieb li tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa u jagħmluha post aħjar biex isir l-investiment, jinħolqu l-impjiegi u titrawwem il-koeżjoni soċjali.

Il-“Linji Gwida għall-Impjiegi” huma dawn li ġejjin:

Il-Linja gwida 5:    Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Il-Linja gwida 6:    Insaħħu l-provvista tal-ħaddiema: aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi

Il-Linja gwida 7:    Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Il-Linja gwida 8:    Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

2017/0305 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli u swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u l-progress soċjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Wara li jqisu l-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill.

(2)L-Unjoni qiegħda biex tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u biex tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni, kif ukoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(3)F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni ta' politika għall-politiki fiskali, makroekonomiċi u strutturali. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, dawn il-Linji Gwida għall-Politiċi dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184, jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati li Jimplimentaw l-Istrateġija Ewropa 2020. Qegħdin hemm biex jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, u jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta' politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxu taħlita ta’ politika ekonomika u soċjali ġenerali adegwata li għandha tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(4)Il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea u diversi inizjattivi tal-UE, inkluża rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 1 , ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol 2 , u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 3 u l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 4 .

(5)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien l-istrumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata ta' politiki ekonomiċi, baġitarji, dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali u għandu l-għan li jikseb il-miri tal-Ewropa 2020, inklużi dawk li jirrigwardaw l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE 5 . Mill-2015, is-Semestru Ewropew ġie rinforzat u ssimplifikat kontinwament, b’mod partikolari biex jissaħħaħ il-fokus tiegħu fuq l-impjieg u dak soċjali u biex jiffaċilita aktar id-djalogu mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(6)L-irkupru tal-Unjoni Ewropea mill-kriżi ekonomika qed jappoġġa tendenzi pożittivi fis-suq tax-xogħol, iżda għad hemm sfidi u spareġġi importanti fil-prestazzjoni ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom. Il-kriżi enfasizzat l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tax-xogħol. L-isfida ewlenija li qed niffaċċjaw illum hija li niżguraw li l-Unjoni timxi lejn stat ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u ħolqien ta' impjiegi. Dan jirrikjedi politika koordinata u ambizzjuża kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Billi tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, din l-azzjoni ta' politika jeħtieġ li tagħti spinta lill-investiment, iġġedded l-impenn għal riformi strutturali b’sekwenza b’mod xieraq li jtejbu l-produttività, il-prestazzjoni tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u r-reżiljenza ekonomika ffaċċati b’xokkijiet u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali, filwaqt li tieħu kont tal-impatt tagħhom fuq l-impjiegi u fuq is-soċjetà.

(7)Riformi fis-suq tax-xogħol, fosthom il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jeħtieġ isegwu prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u jippermettu l-opportunità meħtieġa biex jiġu kkunsidrati b'mod ġenerali l-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inklużi titjib fil-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi, politiki dwar it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ kif ukoll dwar id-dħul reali.

(8)L-Istati Membri u l-Unjoni jeħtieġu jindirizzaw ukoll il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u jimmiraw li jibnu soċjetà inklużiva li fiha n-nies jingħataw is-setgħa li jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, kif deskritt ukoll fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva ta’ nies esklużi mis-suq tax-xogħol 6 . L-inugwaljanza jenħtieġ tiġi ttrattata, l-aċċess u opportunitajiet għal kulħadd jeħtieġu jiġu żgurati filwaqt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali (inklużi dawk tat-tfal) jenħtieġ li jitnaqqsu, b'mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jitneħħew l-ostakoli għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Hekk kif iseħħu mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-UE, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. L-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li r-relazzjonijiet ġodda ta’ impjieg iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(9)Wara konsultazzjoni pubblika estensiva u wiesgħa, il-Parlament Ewropew, fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 7 . Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt sabiex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Dawn huma strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri, biex jixpruna riformi fil-livell nazzjonali u biex ikun ta' direzzjoni għall-proċess rinnovat tal-konverġenza fl-Ewropa kollha. Minħabba r-rilevanza ta’ dawn il-prinċipji għall-koordinazzjoni tal-politiki strutturali, il-linji gwida għall-impjiegi huma allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(10)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni li ser tissorvelja l-implimentazzjoni u l-progress tal-Pilastru billi jiġu segwiti x-xejriet u r-rendimenti fost il-pajjiżi kollha tal-UE u tivvaluta l-progress lejn aktar konverġenza soċjoekonomika. Din l-analiżi se tikkontribwixxi wkoll għas-semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

(11)Dawn il-Linji Gwida Integrati jeħtieġ li jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri, L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħra tal-Unjoni biex irawmu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni, u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika. Filwaqt li dawn il-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, huma jeħtieġu jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, filwaqt li l-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib.

(12)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jissorveljaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawn il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stipulati fl-Anness, huma b'dan adottati. Dawn il-linji gwida għandhom jifformaw parti mil-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-linji gwida stipulati fl-Anness fil-politiki dwar l-impjiegi u l-programmi ta' riforma tagħhom, u għandu jsir rapport dwar dan f'konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1. 
(2)    ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(3)    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(4)    COM/2017/0563 finali - 2017/0244 (NLE).
(5)    ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.
(6)    COM/2008/0639 finali
(7)    xxx
Top

Brussell,22.11.2017

COM(2017) 677 final

ANNESS

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri


ANNESS

Linja gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

L-Istati Membri jeħtieġ li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, inkluż billi jitnaqqsu l-ostakoli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, billi tiġi promossa l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti u, b’mod partikolari, billi jiġu sostnuti l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi mikro u żgħar. L-Istati Membri jeħtieġ li jippromwovu b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.

L-Istati Membri jeħtieġ li jinkoraġġixxu forom innovattivi ta’ xogħol, li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd b’mod responsabbli.

Il-piż tat-taxxa jeħtieġ li jiġi mbiegħed mix-xogħol għal sorsi oħra ta’ tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir u jitqies l-effett ridistributtiv tas-sistema tat-taxxa, filwaqt li jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

F’konformità ma’ prattiki nazzjonali u b’rispett lejn l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri jeħtieġ li jinkoraġġixxu mekkaniżmi trasparenti u prevedibbli li jiffissaw il-pagi u jippermettu li l-pagi jirrispondu għall-iżviluppi fil-produttività filwaqt li jiżguraw pagi ġusti li jipprovdu għal livell ta’ għajxien deċenti. Dawn il-mekkaniżmi jeħtieġ li jieħdu kont tad-differenzi fil-livelli tal-ħiliet u tad-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpaniji. F’rispett tal-prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali jeħtieġ li jiżguraw livelli ta’ pagi minimi filwaqt li jieħdu kont tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista tax-xogħol: aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi

Fil-kuntest ta’ żviluppi teknoloġiċi, tibdil ambjentali u demografiku, l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jeħtieġ li jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta’ provvista adegwata ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti matul il-ħajja kollha tax-xogħol tan-nies biex iwieġbu għall-ħtiġijiet kurrenti u futuri tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu l-investimenti meħtieġa fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kemm f’dawk inizjali kif ukoll f’dawk kontinwi. Jeħtieġ li jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet ikkonċernati oħra biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, biex jipprovdu edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi. Jeħtieġ li jiżguraw it-trasferiment tal-intitolamenti tat-taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali. Dan se jippermetti lil kulħadd li jantiċipa u jadatta aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li jiġġestixxi t-tranżizzjonijiet b’suċċess, u b’hekk tissaħħaħ ir-reżiljenza globali tal-ekonomija għax-xokkijiet.

L-Istati Membri jeħtieġ li jrawmu opportunitajiet ugwali fl-edukazzjoni u jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, b’mod partikolari għal dawk l-inqas kwalifikati. Jeħtieġ li dawn jiżguraw riżultati ta’ tagħlim ta’ kwalità, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, lill-gradi terzjarji jtejbulhom ir-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet u jżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwi. L-Istati Membri jeħtieġ i jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali tagħhom, inkluż permezz ta’ apprendistati effettivi u ta’ kwalità, billi jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u paragunabbli u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksubin barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Jeħtieġ li jtejbu u jżidu l-provvista u l-użu tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu flessibbli. L-Istati Membri jeħtieġ li jappoġġaw ukoll lill-adulti b’ħiliet baxxi biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà tagħhom fuq medda twila ta’ żmien billi tingħata spinta lill-aċċess u t-teħid ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità, permezz tal-istabbiliment tal-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet, inkluż valutazzjoni tal-ħiliet, l-offerta tat-tlaqqigħ għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

Ir-rati għoljin tal-qgħad u l-inattività jeħtieġ li jiġu indirizzati, fosthom permezz ta’ assistenza f’waqtha u mfassla apposta bbażata fuq l-appoġġ għat-tfittix ta’ impjieg, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid. Wara 18-il xahar ta’ qgħad, l-aktar tard, jeħtieġ jiġu segwiti strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fid-dettall bl-għan li jitnaqqas b’mod sinifikanti l-qgħad strutturali u biex jiġi evitat. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rati għolja ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs), jeħtieġ li jiġu indirizzati permezz ta' titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 1 .

Riformi fit-tassazzjoni biex it-taxxi jiġu mbiegħda mix-xogħol jeħtieġ li jkollhom l-għan li jitnaqqsu l-ostakoli u d-diżinċentivi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b’diżabilità, inkluż azzjonijiet ta’ appoġġ finanzjarju mmirati u servizzi finanzjarji li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

L-ostakoli għall-parteċipazzjoni u l-progress fil-karriera jeħtieġ li jiġu eliminati biex tiġi żgurata ugwaljanza bejn is-sessi u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ paga ndaqs għall-istess xogħol. Jeħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, b’mod partikolari permezz tal-aċċess għall-kura fit-tul u b’edukazzjoni u kura ta’ kwalità li huma ta’ prezz raġonevoli fit-tfulija bikrija. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħrajn b’responsabbiltajiet ta’ kura jkollhom aċċess għal liv xieraq tal-familja u arranġamenti flessibbli ta’ xogħol sabiex jintlaħaq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bbilanċjat ta’ dawn id-drittijiet bejn in-nisa u l-irġiel.

Linja gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Biex jibbenefikaw minn ekonomija dinamika u forza tax-xogħol produttiva u xejriet ġodda tax-xogħol u mudelli ta’ negozju, jeħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ flessibilità u sigurtà. Huma jeħtieġ li jnaqqsu u jipprevenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat u jrawmu it-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg bi żmien indeterminat. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet ilkoll jeħtieġ jipprovdu ambjent adatt għar-reklutaġġ. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa għall-impjegaturi biex jadattaw malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku filwaqt li jinżammu standards xierqa ta’ sigurtà u ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati għall-ħaddiema. Jeħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta' abbuż ta' kuntratti atipiċi. F’każ ta’ tkeċċija inġusta, jeħtieġ li jiġi żgurat aċċess effettiv u imparzjali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u d-dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat.

Il-politiki jeħtieġ li jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw l-adattament u t-transizzjonijiet għas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri jeħtieġ li jattivaw b’mod effettiv u jippermettu dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, aktar mifruxin, jilħqu aktar ’il bogħod u billi jorbtuhom aħjar mal-appoġġ għad-dħul, ibbażati fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet għad-diżokkupati li qed ifittxu impjieg b’mod attiv. Jeħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi billi jiżguraw assistenza f’waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg. Dawn is-servizzi jeħtieġ li jappoġġaw id-domanda tas-suq tax-xogħol u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibilità nazzjonali. Jeħtieġ li dawn il-benefiċċji ma jikkostitwixxux diżinċentiv għal ritorn lura ta' malajr għax-xogħol.

Il-mobbiltà tal-istudenti u l-ħaddiema jeħtieġ li tiġi promossa bl-għan li jittejbu l-ħiliet tal-impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki. L-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux fattur ta’ imblukkar jew ta’ kumplikazzjoni għall-ħaddiema minn Stati Membri oħra f’impjieg attiv. L-Istati Membri jeħtieġ ukoll li jipprevjenu l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw l-‘eżodu potenzjali ta’ mħuħ’ minn ċerti reġjuni.

F’konformità ma’ prattiki nazzjonali, u sabiex jinkiseb djalogu soċjali aktar effikaċi u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi ekonomiċi u soċjali u fil-qasam tal-impjiegi u l-politiki, inkluż billi jingħata appoġġ lil kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Is-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li jirrispettaw b’mod sħiħ l-awtonomija u d-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva.

Linja gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

Jeħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi sabiex jippromwovu opportunitajiet indaqs għal gruppi li ma jkunux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. Huma jeħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali rigward l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mis-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

L-Istati Membri jeħtieġ li jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali effettiva, effiċjenti u adegwata fl-istadji kollha tal-ħajja tal-individwu, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobilità soċjali 'l fuq, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tas-sistemi fiskali u ta’ benefiċċji tagħhom. Jeħtieġ li l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali twassal għal aċċessibbiltà, sostenibbiltà, adegwatezza u kwalità aħjar.

L-Istati Membri jeħtieġ li jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji preventivi u integrati permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tliet faxex ta’ inklużjoni attiva: appoġġ ta’ dħul adegwat, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jeħtieġ li jiżguraw id-dritt għal benefiċċji adegwati tal-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jinkoraġġixxu lin-nies biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Servizzi bħal dawk tal-indukrar tat-tfal, l-indukrar barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, id-djar, is-servizzi tas-saħħa u ta’ kura fit-tul, li jkunu ta’ kwalità, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli, huma essenzjali biex jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs, inkluż għat-tfal u ż-żgħażagħ. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali filwaqt li jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu. L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi essenzjali, inklużi l-ilma, is-sanitazzjoni, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali. Għal dawk fil-bżonn u l-persuni vulnerabbli, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw aċċess għal assistenza ta’ akkomodazzjoni soċjali adegwata kif ukoll id-dritt għal assistenza u protezzjoni xierqa kontra t-tkeċċija sfurzata. Jeħtieġ li l-problema ta’ persuni mingħajr dar tiġi indirizzata b’mod speċifiku. Jeħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b’diżabilità.

L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw id-dritt ta’ aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa u kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità tajba, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien.

F’kuntest ta’ żieda fil-lonġevità u tibdil demografiku, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet għan-nisa u l-irġiel, jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, taż-żewġ sessi, biex jakkwistaw id-drittijiet għal pensjoni, inkluż permezz ta’ skemi supplimentari biex tiġi żgurata ħajja dinjituża. Ir-riformi tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġu appoġġati minn miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol u jgħollu l-età effettiva tal-irtirar billi, pereżempju, jiġi limitat il-ħruġ bikri mis-suq tax-xogħol u tiżdied l-età statutorja tal-irtirar biex tirrifletti ż-żieda fl-istennija tal-għomor. Jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jippermettu introduzzjoni gradwali adatta tar-riformi.

(1)    ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1–6
Top