EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IR1529
Opinion of the European Committee of the Regions — Towards a European Agenda for Housing
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni
OJ C 164, 8.5.2018, p. 57–61
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 164/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni
(2018/C 164/10)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
ifakkar li l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-abitazzjoni sabiex tiżgura eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, dritt li huwa stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li d-dritt għall-abitazzjoni huwa wkoll obbligu internazzjonali min-naħa tal-Istati Membri lejn il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti. B’hekk, l-awtoritajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li għandhom il-kompetenza fil-qasam tal-politika tal-abitazzjoni għandhom jiżguraw li jiġi rispettat id-dritt għall-abitazzjoni deċenti u affordabbli; |
2. |
jenfasizza li l-UE ma għandhiex il-kompetenza espliċita fil-politika tad-djar u li l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi garantit fil-qafas tal-interazzjoni bejn il-politiki tad-djar immexxija fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u l-politiki Ewropej; jinnota fl-istess ħin li l-implimentazzjoni ta’ bosta objettivi tal-Unjoni (l-istabbiltà ekonomika, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-inklużjoni soċjali…) u bosta politiki tal-Unjoni (politika reġjonali, l-aġenda urbana, il-kompetizzjoni, l-enerġija, il-politika soċjali…) jinfluwenzaw il-politiki tad-djar fil-livelli differenti u jiddependu minnhom. Għalhekk, koordinazzjoni aħjar tal-politiki f’dan il-qasam hija meħtieġa. |
3. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif proklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni waqt is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jinkludi d-dritt għall-aċċess għall-abitazzjoni soċjali, għajnuna għal akkomodazzjoni ta’ kwalità u aċċess għal għajnuna u protezzjoni kontra r-riskju ta’ tkeċċija; |
4. |
ifakkar f’dan ir-rigward ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u tal-bliet Ewropej fl-implimentazzjoni tal-politiki tad-djar tal-Istati Membri fid-dawl tad-diskrepanza dejjem tikber fil-ħtiġijiet tas-swieq lokali tal-abitazzjoni, kemm mill-perspettiva ta’ migrazzjoni interna fl-Istati Membri miż-żoni mingħajr tensjoni ta’ abitazzjoni lejn iż-żoni ta’ tensjoni kif ukoll migrazzjoni esterna reċenti lejn iż-żoni ta’ tensjoni; |
5. |
jafferma mill-ġdid l-importanza ta’ sħubija b’saħħitha ma’ tipi varji ta’ organizzazzjonijiet fis-settur mhux kummerċjabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-abitazzjoni u l-kooperattivi, il-kerrejja u l-organizzazzjonjiet tal-viċinat li jipprovdu akkomodazzjoni direttament, u/jew jiffaċilitaw l-aċċess għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, iżda wkoll ma’ investituri privati affidabbli li jipprovdu abitazzjoni affordabbli; |
6. |
jenfasizza d-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi ta’ abitazzjoni fl-Istati Membri kif ukoll l-importanza ta’ approċċ newtrali fir-rigward tat-tipi ta’ okkupanza tad-djar fl-implimentazzjoni tal-politiki eżistenti; |
7. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ politika tad-djar sostenibbli, u li jagħtu kontribut sinifkanti biex l-għanijiet ta’ politika tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jitwettqu fil-prattika; |
8. |
jafferma n-natura strutturali tal-kriżi tal-abitazzjoni fiż-żoni urbani Ewropej u l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu provvista ta’ djar affordabbli li l-forzi tas-suq waħedhom ma jistgħux jipprovdu b’mod spontanju, minħabba d-diskrepanza f’diversi Stati Membri u reġjuni tal-UE bejn il-provvista tal-art affordabbli b’mod partikolari f’ambjent urban u l-importanza tad-domanda għad-djar. Din id-diskrepanza tirriżulta, b’mod partikolari mill-iskala tal-fluss migratorju intern u estern u d-domanda li qed tiżdied għal unitajiet ta’ abitazzjoni adattati għall-iżviluppi demografiċi marbutin mat-tixjiħ tal-biċċa l-kbira tas-soċjetajiet tal-Istati Membri; |
9. |
jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi fid-domanda għal unitajiet ta’ abitazzjoni fl-UE u fl-Istati Membri individwali u fir-reġjuni; għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm flessibbiltà fl-appoġġ lis-settur tal-bini; |
10. |
jisħaq fuq l-impatt dejjem jikber tal-politiki u r-regolamenti tal-UE fuq il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki tad-djar tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kemm fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna tal-Istat applikabbli, tal-iskema tal-VAT, tad-definizzjoni tal-alloġġ soċjali bħala Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali, tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ provvista pubblika u l-kooperazzjoni pubblika-pubblika kif ukoll fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew b’mod partikolari dwar ir-restrizzjonijiet fil-kera u s-sussidji għall-kera; |
11. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni gradwali tal-investimenti fuq perjodu twil ta’ żmien fil-qasam tal-abitazzjoni fil-politiki tal-UE, b’mod partikolari billi dawn isiru eliġibbli għall-FEŻR fir-rigward tar-rinnovazzjoni termika, tal-aċċess għall-abitazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati u tar-riġenerazzjoni urbana, billi dawn jiġu integrati fil-Pjan Juncker filwaqt li jitqies l-effett multiplikatur tagħhom fuq l-impjieg lokali u l-finanzjament dejjem jikber tagħhom permezz tas-self tal-BEI b’mod partikolari għal investiment fit-tul fl-alloġġ soċjali u intermedjarju; |
12. |
jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Patt ta’ Amsterdam li jiġi stabbilit programm urban għall-UE u li tiġi stabbilita sħubija ta’ “abitazzjoni” ffukata fuq l-iżvilupp ta’ koerenza tar-regolamentazzjoni Ewropea aħjar li tapplika għall-abitazzjoni u fuq identifikazzjoni tal-aħjar prattiki tal-bliet Ewropej fil-promozzjoni ta’ provvista ta’ djar affordabbli u tal-finanzjament tagħha; |
13. |
jitlob, fil-kontinwità tas-sħubija ta’ “abitazzjoni” tal-Aġenda Urbana tal-UE, li jiġi implimentat programm Ewropew għall-abitazzjoni li jista’ jiggarantixxi rabta akbar bejn il-politiki tal-UE u l-politiki tal-Istati Membri, tar-reġjuni u tal-komunitajiet lokali tagħhom, jiġu kkoordinati aħjar il-politiki u l-istrumenti ta’ intervent tal-UE, bħala appoġġ għal dawn il-politiki tad-djar, u li jitqabblu l-prattiki tal-bliet Ewropej fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ provvista ta’ djar affordabbli; |
Il-bżonn ta’ rabta akbar bejn il-politiki tal-UE u l-politiki tad-djar tal-Istati Membri
14. |
ifakkar il-ħtieġa ta’ Unjoni aktar effettiva fil-politiki u l-interventi tagħha u fuq kollox aktar ċara għaċ-ċittadini tagħha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum; |
15. |
jenfasizza r-rabta diretta bejn l-ispejjeż tal-abitazzjoni u l-kapaċità tal-individwi u tal-familji biex jinvestu fil-konsum privat u fl-infiq għall-edukazzjoni, is-saħħa u l-irtirar, ilkoll fatturi tal-benessri ekonomiku u soċjali; |
16. |
jisħaq dwar l-importanza tas-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku fir-rigward tas-settur tal-abitazzjoni, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti nazzjonali, reġjonali u lokali f’inizjattivi ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, bħalma huma l-Jum Dinji tal-Abitat, l-Jum Dinji tal-Arkitettura, u oħrajn; |
17. |
jenfasizza li huwa meħtieġ li tiġi solvuta l-problema tan-nuqqas ta’ abitazzjoni fiż-żoni urbani, fiż-żoni industrijali u f’dawk tas-servizzi żviluppati għall-intrapriżi, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess għall-infrastrutturi meħtieġa għall-benesseri, b’mod partikolari għall-persuni li, għal raġunijiet naturali jew oħrajn (mard, invalidità, eċċ.), ġew ikklassifikati fil-kategoriji ta’ persuni li jaqbżu l-età tal-ħajja tax-xogħol jew ta’ persuni li ma jistgħux jaħdmu. Huwa importanti li jiġu analizzati l-opportunitajiet offruti mill-migrazzjoni – it-tnaqqis tal-pressjoni fuq il-bliet il-kbar u ċ-ċaqliq tan-nies lejn iż-żoni milquta mid-depopolazzjoni – abbazi tad-data dwar l-abitazzjoni disponibbli u l-għoli tal-ħajja f’bosta reġjuni tal-UE; |
18. |
ifakkar li l-piż fuq is-sistemi finanzjarji ta’ diversi Stati Membri minħabba li ma jitħallasx is-self ipotekarju u t-telf ta’ valur ta’ akkomodazzjonijiet kellhom rwol ċentrali fil-kriżi reċenti li ġarrbet l-Ewropa, u jappella li fost l-għanijiet tal-Aġenda Ewropea futura għall-Abitazzjoni jkun hemm il-ksib ta’ bilanċ bejn l-aċċess għall-finanzjament meħtieġ għax-xiri ta’ akkomodazzjoni, u s-solvenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji; |
19. |
iqis ukoll li l-abitazzjoni bi prezz affordabbli hija waħda mill-prerekwiżiti għall-koeżjoni soċjali u għad-diversità soċjali u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ komunitajiet reżiljenti għas-segregazzjoni soċjali, ekonomika u ġeografika; jinnota li l-aċċess għal akkomodazzjonijiet appoġġjati mill-istat jista’ jkun ukoll ostaklu għall-impjieg, jekk it-teħid ta’ impjieg iwassal għal telf ta’ intitolament li wieħed jibqa’ f’akkomodazzjoni appoġġjata mill-istat; |
20. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinħoloq rabta bejn il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u s-Semestru Ewropew, li fil-qasam tal-politika tad-djar, skont il-Kummissjoni, se twassal għal monitoraġġ aktar mill-qrib tar-riforma tal-akkomodazzjoni soċjali, l-aċċessibilità u l-affordabilità tal-akkomodazzjoni, kif ukoll l-effikaċja tal-benefiċċji għall-akkomodazzjoni. Jistenna għalhekk emenda ta’ ċerti suppożizzjonijiet difettużi dwar l-akkomodazzjoni fis-Semestru Ewropew s’issa fis-sens li i) il-kompetenza tal-UE ta’ xi analiżijiet tal-pajjiż u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-akkomodazzjoni kienet diskutibbli f’termini ta’ sussidjarjetà (pereżempju l-interrogazzjoni dwar kontrolli tal-kera) u ii) ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-akkomodazzjoni saru biss mill-perspettiva ta’ żbilanċi makroekonomiċi possibbli bbażati fuq ċifri nazzjonali u għalhekk ġew proposti politiki ta’ daqs wieħed għal kulħadd li ma qisux l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali; |
21. |
jitlob li l-Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni futura tagħti wkoll l-attenzjoni meħtieġa lill-ħtiġijiet u d-domandi taż-żoni rurali fir-rigward tal-akkomodazzjoni; |
22. |
jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm involviment demokratiku xieraq mill-Parlament Ewropew u li ssiru konsultazzjoni mhux biss mal-KtR, li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda wkoll mal-imsieħba soċjali, qabel l-adozzjoni tar-rakkomondazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż tas-Semestru Ewropew dwar il-politika tad-djar u biex tingħata attenzjoni partikolari għar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’dan il-qasam; |
23. |
jenfasizza li l-investiment pubbliku fid-djar jeħtieġ aktar flessibilità fir-rigward tal-baġit u r-regoli finanzjarji sabiex jitħeġġeġ l-investiment privat, jiġu stimulati l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fil-livell lokali u b’hekk jinkisbu benefiċċji fit-tul għas-soċjetà kollha kemm hi; jitlob għalhekk biex ikun hemm aktar libertà għal investimenti f’infrastruttura soċjali fil-livelli lokali u reġjonali fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; |
24. |
minħabba r-riżultati ta’ riċerka riċenti li jissuġġerixxu li hemm differenzi reġjonali sinifikanti fl-iżviluppi tal-prezzijiet tad-djar, jissuġġerixxi li l-valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi tuża data reġjonali u mhux biss dik nazzjonali dwar il-bidliet fuq sena wara sena fil-prezzijiet tad-djar bħala punt ta’ attivazzjoni li jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tistaqsi jekk jistax ikun possibbli li titħeġġeġ politika makroprudenzjali differenzjata fil-livell reġjonali b’limiti differenti tal-proporzjon bejn is-self u l-valur jew il-proporzjon dejn-introjtu għall-ipoteki b’mod partikolari f’żoni metropolitani u fil-kumplament tat-territorji; |
25. |
iqis li l-investimenti pubbliċi fl-abitazzjoni huma investimenti fit-tul, li għandhom jiġu rikonoxxuti fil-qafas regolatorju u skont l-istandards SEC 2010. Barra minn hekk, jaqbel li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar għall-investimenti mhux volatili u mhux spekulattivi għall-investituri tas-settur privat (pereżempju, l-assigurazzjonijiet) li għandhom interessi simili fit-tul; |
26. |
jenfasizza li t-tilħiq tal-għanijiet ta’ Pariġi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima joħloq sfida partikolari għas-settur tal-abitazzjoni u potenzjal enormi ta’ ffrankar tal-enerġija sal-punt li s-settur residenzjali jipproduċi 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fejn madwar 75 % tal-bini Ewropew huwa ineffettiv fl-użu tal-enerġija u fejn 0,4 sa 1,2 % biss tal-istokk tal-bini jiġi rinnovat kull sena; |
27. |
jenfasizza, b’referenza għat-tema tal-aġġornament u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini, li l-politiki li għandhom jiġu implimentati ma jistgħux joriġinaw biss f’termini ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll mil-lat tas-sikurezza; il-miżuri fuq kollox finanzjarji li għandhom jiġu implimentati, għaldaqstant, iridu jimmiraw lejn il-promozzjoni ta’ azzjonijiet ta’ adattament sismiku li jirrappreżentaw għażla ta’ prevenzjoni u fit-tul fir-rigward tas-sikurezza, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-iffrankar tal-ispejjeż għaċ-ċittadini u t-tnaqqis tal-emissjonijiet atmosferiċi li jniġġsu; |
28. |
jitlob li bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja tad-direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għall-forniment ta’ abitazzjoni fir-rigward tal-politika soċjali kif ukoll għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tad-djar u l-adattament ta’ bini fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ titjib u rinnovazzjoni urbana; |
29. |
Jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE (1) jirrifletti t-talba tiegħu (2) favur reviżjoni tad-Deċiżjoni 2012/21/UE fis-sens ta’ estensjoni tal-aċċess għall-abitazzjoni soċjali lil hinn mill-“persuni l-aktar fil-bżonn jew gruppi soċjalment inqas vantaġġati”. Din l-estensjoni hija konformi mas-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fil-forniment, it-twettiq, l-iffinanzjar u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ akkomodazzjoni soċjali u tikkonferma l-awtonomija tagħhom li jiddeċiedu kif jużaw il-politika tad-djar bħala għodda biex jintroduċu taħlita soċjali, tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni u jsir ħolqien ta’ komunitajiet sostenibbli. Din il-miżura ser tippermetti li d-dritt għal abitazzjoni deċenti u affordabbli jkun ta’ prijorità akbar minħabba li n-nuqqas ta’ possibbiltà li s-suq tad-djar jissodisfa l-bżonnijiet f’ċerti reġjuni ma jaffettwax biss lill-individwi li ma jkollhomx aċċess għall-abitazzjoni, iżda wkoll dawk li jgħixu f’abitazzjoni li mhix tajba għas-saħħa, mhix adegwata jew b’wisq nies jgħixu fiha, u dawk li qed jonfqu l-parti l-kbira tad-dħul tagħhom fuq kera jew ħlas lura ta’ self b’ipoteka; Għaldaqstant, jemmen li jrid jiġi stabbilit valur miżjud fil-livell Ewropew tal-kriterji għall-karatterizzazzjoni ta’ abitazzjoni deċenti u affordabbli; |
30. |
jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex irażżnu t-tendenza li qed tikber ta’ persuni mingħajr dar bil-ħsieb tal-eliminazzjoni gradwali tagħha; |
Politika ġdida ta’ koeżjoni li tikkunsidra bis-sħiħ il-kwistjoni tal-abitazzjoni
31. |
jitlob li l-investimenti fl-abitazzjoni jkunu eliġibbli għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 sabiex tiġi ssodisfata aħjar id-diversità tal-ħtiġijiet lokali (l-enerġija, l-urbaniżmu, il-migranti, l-esklużjoni…) fil-kontinwità tal-miżuri eżistenti marbutin mar-rinnovazzjoni termika, l-aċċess għall-abitazzjoni tal-komunitajiet marġinalizzati u r-riġenerazzjoni urbana, fil-qafas ta’ approċċ orizzontali tal-investimenti fl-abitazzjoni kkofinanzjati taħt il-politika ta’ koeżjoni. L-azzjoni soċjali f’dawk iż-żoni urbani u f’akkomodazzjonijiet fejn hija meħtieġa għandha tkun strument orizzontali tal-politiki pubbliċi dwar l-akkomodazzjoni; |
32. |
iqis li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista’ jikkontribwixxi biex jimla l-lakuna tal-falliment tas-suq fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali fil-każ ta’ proġetti ta’ profil ta’ riskju għoli li kieku ma kienx ikollhom l-opportunità li jiksbu finanzjament bis-self tradizzjonali tal-BEI. Madankollu, fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali l-istrumenti finanzjarji ġodda bħall-FEIS għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi fuq medda twila ta’ żmien f’termini ta’ akkomodazzjoni affordabbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-użu ta’ 4 % tal-baġit ġenerali tal-FEIS għall-infrastruttura soċjali sa Ġunju 2017 turi d-diffikultà li tista’ tiġi aggravata minn użu insuffiċjenti tal-klawsola dwar l-investiment previst fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u permezz tal-għażla ta’ inserzjoni ta’ investimenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-kategorija ta’ kontabbiltà tal-ESA 2010 tal-amministrazzjoni pubblika meta jiġi kkalkulat id-defiċit pubbliku. Jappella, għaldaqstant, għal evalwazzjoni tal-Pjan Juncker u tas-self tal-BEI fir-rigward tal-investimenti ġġenerati fil-qasam tad-djar u jistenna li t-Taskforce ta’ Livell Għoli dwar l-Infrastruttura Soċjali jkollha rwol sinifikanti x’taqdi f’dan ir-rigward; |
33. |
jistenna li l-politika dwar l-abitazzjoni tkun koordinata aħjar bil-prijoritajiet tal-UE fir-rigward tal-bidla demografika. Jinħtieġu għodod u data adegwata fil-livell reġjonali biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, b’mod partikolari dik dwar l-unitajiet ta’ abitazzjoni eżistenti u mhux użata madwar l-UE kollha, li tippermetti li tiġi indirizzata tal-anqas parzjalment il-kwistjoni tal-iżbilanċi territorjali offerti u d-domanda ta’ abitazzjoni; |
34. |
jappella biex isir użu mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi għal investiment fis-settur tad-djar, u biex jiġu kombinati fondi pubbliċi u privati fi sforz biex jinkiseb effett multiplikatur; |
Aġenda Ewropea għall-abitazzjoni bħala segwitu għall-Patt ta’ Amsterdam
35. |
jappoġġja l-ħidma tas-sħubija ta’ “abitazzjoni” bħala parti mill-Aġenda Urbana relatata mar-regolamenti Ewropej u mal-identifikazzjoni tal-prattiki tajba fid-disponibbiltà ta’ provvista ta’ abitazzjoni affordabbli mill-bliet Ewropej; |
36. |
jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejbiet preliminari tas-sħubija għall-abitazzjoni fil-qafas tal-programm urban għall-UE, li jikkostitwixxu wkoll kontributi konkreti għall-programm Ewropew dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jappoġġjaw dawn ir-riżultati billi jfasslu proposti konkreti bħal reviżjoni tad-deċiżjoni dwar is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali; |
37. |
jisħaq fuq l-importanza ta’ Aġenda Ewropea għall-Abitazzjoni li tikkombina approċċ orizzontali tal-politiki tal-UE marbuta direttament u indirettament mal-abitazzjoni, u approċċ territorjali komparattiv tal-politiki lokali ta’ promozzjoni u ta’ finanzjament ta’ provvista ta’ abitazzjoni affordabbli; |
38. |
iqis li b’konformità mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-618/10 (Banco Español de Crédito) fl-14 ta’ Ġunju 2012 l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur sabiex jassiguraw protezzjoni tal-assikuraturi tal-ipoteki, partikolarment f’każijiet fejn il-proprjetà ipotekata kienet id-dar tal-familja, b’hekk jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ riskju ta’ esklużjoni relatata mal-abitazzjoni; |
39. |
jenfasizza l-importanza li l-binjiet maħsuba għal għanijiet soċjali/abitazzjoni jingħataw ir-rekwiżiti ta’ enerġija meħtieġa, jiġifieri skont kriterji bħal: effiċjenza fl-użu tal- enerġija, iffrankar tal-enerġija, emissjonijiet ta’ CO2 baxxi, investiment fl-enerġija nadifa u rinnovabbli; jitlob, f’dan ir-rigward, sabiex jinbnew u jiġu aġġornati d-djar b’tali mod li jkunu “intelliġenti”, ukoll f’konformità mal-objettivi ta’ Orizzont 2020. |
Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) Ara r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE, 20.11.2017, COM(2017) 657, p. 9.
(2) Ara l-punt 41 tal-Opinjoni tal-KtR tal-11 ta’ Ottubru 2016 dwar “Għajnuna mill-Istat u Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali” u l-punt 44 tal-Opinjoni tal-KtR tal-11 ta’ Ottubru 2016 dwar “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”.