This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ informazzjoni Europe Direct (EDIC)
Resolution on the situation of Europe Direct information centres (EDIC)
Riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ informazzjoni Europe Direct (EDIC)
OJ C 17, 18.1.2017, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 17/11 |
Riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni taċ-ċentri ta’ informazzjoni Europe Direct (EDIC)
(2017/C 017/03)
Imressqa mill-gruppi politiċi tal-PSE, il-PPE, l-ALDE, l-AE u l-KRE |
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Europe Direct (EDIC) (KtR 84/2012) |
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu dwar “Rabta mill-ġdid bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha – aktar komunikazzjoni aħjar fil-livell lokali” tat-3 ta’ Diċembru 2014 (COR-2014-04460); |
1. |
jinnota li l-UE qed tiffaċċja isfidi politiċi u ekonomiċi kbar. Il-fatt li qed ikompli jeżisti defiċit demokratiku u ċ-ċittadini qed isiru dejjem iżjed diżillużi bl-UE juri l-ħtieġa għal sforzi konġunti mill-atturi kollha fil-politika Ewropea sabiex jiżdied l-involviment maċ-ċittadini tal-UE fil-proġett Ewropew u biex il-politiki Ewropej jiżguraw il-leġittimità tagħhom. |
2. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jgħinu liċ-ċittadini jkollhom kuntatt mal-atturi tal-politika Ewropea u biex jinformaw lill-mexxejja Ewropej dwar il-ħtiġijiet diretti taċ-ċittadini. Din hija r-raġuni għalfejn għandu jingħata aktar importanza lill-proċess ta’ komunikazzjoni Ewropea deċentralizzat. |
3. |
jimpenja ruħu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-EDICs fi ħdan il-qafas tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu 2015-2020. |
4. |
ifakkar li n-netwerk Europe Direct, b’518-il ċentru ta’ informazzjoni fl-Istati Membri, għandu rwol importanti fi strateġija ta’ komunikazzjoni Ewropea deċentralizzata. Dan huwa wieħed mill-iktar strumenti importanti tal-Kummissjoni Ewropea biex tinforma liċ-ċittadini fil-livelli lokali u reġjonali dwar l-importanza konkreta ta’ diversi temi politiċi Ewropej li jirrigwardaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. |
5. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċess ta’ evalwazzjoni attwali tal-qafas tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-kontenut u l-aspetti tekniċi tal-EDIC bil-ħsieb għat-tħejjija tal-perjodu ta’ finanzjament 2018-2023 u l-iffissar ta’ kundizzjonijiet qafas ġodda tal-EDIC. |
6. |
iqis li huma kruċjali l-attivitajiet ta’ netwerking mill-EDICs mal-istituzzjonijiet Ewropej u n-netwerks l-oħra ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u anke r-rwol tagħhom ta’ kuntatt mal-korpi u l-ħtiġijiet tar-reġjuni, tal-istituzzjonijiet lokali u l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili; |
7. |
jinnota li fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali ta’ kriżi l-ħidma tal-EDIC saret dejjem aktar importanti u eżiġenti. Minħabba l-bosta sfidi li qed tiffaċċja l-UE, l-għan għandu jkun li jintuża l-potenzjal sħiħ tal-EDICs u li jissaħħaħ iżjed ir-rwol tagħhom fir-rigward tal-proċessi ta’ komunikazzjoni Ewropej. Għandha tiġi żgurata distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata, u ma għandu jkun hemm l-ebda tnaqqis fl-għadd attwali ta’ korpi li jipprovdu s-servizz fl-awtoritajiet lokali u reġjonali individwali. |
8. |
iqis li l-ħidma tal-EDIC tista’ tiġi garantita fil-futur permezz ta’ approfondiment tal-kollaborazzjoni diġà b’saħħitha u finanzjament mill-UE. |
9. |
jipproponi li r-riżorsi finanzjarji allokati għall-EDIC għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss għandhom jiżdiedu b’mod sostanzjali fi ħdan il-qafas pluriennali. B’mod partikolari għandha tirdoppja s-somma f’daqqa allokata għall-informazzjoni bażika li joffri kull EDIC u għandhom jiżdiedu s-somom f’daqqa standard għall-finanzjament tal-moduli differenti, filwaqt li jiġi żgurat li l-EDICs jistinkaw biex itejbu l-effiċjenza tagħhom u jimmassimizzaw l-użu tajjeb tar-riżorsi tagħhom. Fl-aħħar nett, b’aktar riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni ta’ moduli pilota jfisser li jkunu jistgħu jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. B’dan il-mod, żieda fl-ispejjeż bħal pereżempju għall-pagi u l-kirjiet tista’ tiġi assorbita. |
10. |
peress li żdiedu t-talbiet għall-EDICs jistenna li jittejjeb il-finananzjament. Għalhekk, l-appoġġ għandu jiżdied b’mod sinifikanti; |
11. |
jinsisti fuq il-fatt li, minħabba n-natura ta’ servizz pubbliku li għandhom l-attivitajiet tal-EDICs, dawn ikomplu jiġu eżentati mill-VAT; |
12. |
jenfasizza li l-piż amministrattiv għandu jitneħħa b’mod drastiku; |
13. |
fil-prinċipju, jikkonferma li l-miżuri tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ attività ta’ komunikazzjoni Ewropea deċentralizzata qed jilħqu l-gruppi ta’ mira tagħhom. Madankollu, il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea qed jikkorrispondu biss parzjalment għall-bżonnijiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-politiki Ewropej. Iktar ma jkun astratt suġġett, inqas ma jitqies miċ-ċittadini bħala kwistjoni politika rilevanti. Għal din ir-raġuni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-indirizzar tal-kwistjonijiet politiċi Ewropej li jmissu liċ-ċittadin fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum; |
14. |
huwa tal-fehma li għandhom jissaħħu r-rabtiet tal-EDICs man-netwerks reġjonali tal-assoċjazzjonijiet billi jiġi stabbilit kanal ta’ komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet, sabiex jiġu identifikati oqsma distinti ta’ interess għaċ-ċittadini, b’mod li l-informazzjoni Ewropea tiġi adattata aħjar għat-talbiet tagħhom; |
15. |
jinnota li s-sistema modulari hija ġeneralment meqjusa bħala pożittiva. Madankollu, sensiela ta’ bidliet huma meħtieġa, bħal pereżempju li l-moduli differenti jkunu aktar flessibbli; |
16. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti ‘l-EDICs il-possibbiltà li jaġġustaw il-miżuri ppjanati skont il-preferenzi ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll skont il-ħtiġijiet lokali. Jekk iridu jagħtu futur lill-proġett Ewropew, l-atturi tal-politika Ewropea jridu jikkomunikaw maċ-ċittadini b’mod li dawn tal-aħħar jerġgħu jibdew jaraw l-Ewropa bħala dar komuni, bħala komunità ta’ valuri u paċi, bħala xprun għal progress soċjali u kulturali u għall-ġustizzja. Bis-saħħa ta’ offerta ta’ informazzjoni qrib iċ-ċittadini tiegħu, EDIC jista’ joħloq rabta bejn iż-żewġ partijiet u jippromovi l-Ewropa b’mod pożittiv fost iċ-ċittadini; |
17. |
jissuġġerixxi li t-tnedija tal-perjodu l-ġdid ta’ finanzjament 2018-2023 tiġi akkumpanjata minn kampanja ta’ informazzjoni li tenfasizza l-valur miżjud li toffri l-marka “Europe Direct” u ssir magħrufa l-ħidma ta’ kuljum tal-EDICs u l-azzjonijiet Ewropej tagħhom fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiġi kkomplementata l-informazzjoni normali ta’ laqgħat ta’ livell għoli li ma tagħtix liċ-ċittadini ħarsa ġenerali tal-proġett Ewropew; |
18. |
jissuġġerixxi li s-sistema modulari għandha tkun miftuħa għal prijoritajiet, formati u gruppi reġjonali li s’issa ma ġewx identifikati bħala fil-mira u b’mod partikolari użu flessibbli ta’ moduli disponibbli. L-għan huwa li l-komunikazzjoni tiġi adattata għall-ħtiġijiet lokali kemm jista’ jkun. Għandu jkun possibbli li jiġu ppreżentati proġetti reġjonali sabiex il-komunikazzjoni tkun adattata kemm jista’ jkun għall-bżonnijiet lokali. Permezz ta’ dan tissaħħaħi s-sħubija bejn l-awtoritajiett differenti fil-ħidma tagħhom biex jiżguraw kopertura reġjonali ta’ servizzi adatti għall-pubbliku, strateġiji ta’ komunikazzjoni b’attenzjoni akbar u aġġornati maż-żmien, u kuntatti iżjed strutturati mal-partijiet interessati u man-netwerks Ewropej l-oħra. Ikun siewi li tiġi prevista l-possibbiltà li tintuża xi forma ta’ sħubija li tippermetti l-kooperazzjoni pubblika-privata, kif imħeġġeġ mill-Kummissjoni Ewropea fil-programmazzjoni tal-fondi Ewropej 2014-2020. Għal dawn il-proġetti għandu jiġi garantit finanzjament adatt abbażi tal-popolazzjoni koperta u l-punti ta’ kuntatt għall-pubbliku; |
19. |
jitlob ukoll li tiġi introdotta l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati azzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn diversi ċentri ta’ informazzjoni, kemm biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn ċentri ta’ żoni differenti, kif ukoll sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji, speċjalment meta hemm udjenza b’karatteristiċi u ħtiġijiet simili; |
20. |
jikkonkludi billi jenfasizza li r-rwol tal-EDIC huwa kruċjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jifhmu l-aħjar lill-partijiet interessati lokali u reġjonali kif ukoll is-suġġetti ta’ interess għaċ-ċittadini. Dawn huma partikolarment ikkwalifikati biex jidentifikaw liema tip ta’ informazzjoni u metodoloġija għandu jgħin biex jintlaħqu liċ-ċittadini u li jappella lilhom. Ir-rwol tagħhom fir-rigward tal-komunikazzjoni Ewropea huwa għalhekk vitali u għandu jkompli jiġi msaħħaħ b’mod partikolari permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej; |
21. |
jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida xierqa u komprensiva lill-organizzaturi tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (1); |
22. |
jissuġġerixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ il-koperazzjoni bejn id-diversi netwerks Ewropej sabiex ikun hemm informazzjoni u komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini, u b’hekk tiġi pprovduta firxa akbar ta’ risposti għat-talbiet tagħhom. |
Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Ottubru 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2014/2257(INI).