IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.9.2016
COM(2016) 522 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2015
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016DC0522
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Annual Report on Research and Technological Development Activities of the European Union in 2015
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2015
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2015
COM/2016/0522 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.9.2016
COM(2016) 522 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2015
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta' Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2015
1. Il-kuntest tar-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku (RTD)
Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea (UE) jitħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi ħarsa ġenerali konċiża u mhux eżawrjenti tal-miżuri ewlenin meħuda fis-sena tar-rapportar.
2. Il-kuntest politiku aktar mifrux fl-2015
Is-sena 2015 immarkat l-ewwel sena tal-Kummissjoni ta’ Jean-Claude Juncker. Fil-bidu tal-mandat tiegħu, il-President Juncker qal li dan se jkun bidu ġdid għall-Ewropa u introduċa l-Aġenda tiegħu għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku, iffukata fuq għaxar prijoritajiet politiċi, l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw kemm l-ekonomija kif ukoll is-soċjetà. Din l-Aġenda sawret ix-xejra tal-approċċ politiku l-ġdid, ikkonċentrat fuq l-“affarijiet il-kbar” fejn iċ-ċittadini stennew li l-Ewropa tagħmel differenza 1 , u fejn ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) hija mistiedna li jkollha rwol ewlieni.
L-avvenimenti determinanti tas-sena – mill-irkupru aktar bil-mod milli kien mistenni tal-ekonomiji Ewropej, għall-pressjoni migratorja fuq il-fruntieri esterni tagħha, l-attakki terroristiċi mingħajr preċedent fit-territorju Ewropew – saħħew il-ħtieġa li jinżamm fokus fuq dawn il-prijoritajiet.
Fil-fatt, l-irkupru ekonomiku moderat fiż-żona tal-euro u l-UE kollha kemm hi kompla għat-tielet sena tiegħu fl-2015. It-tkabbar kien appoġġat fil-parti l-kbira tiegħu minn fatturi temporanji inkluż it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, politika monetarja akkomodattiva u valur estern relattivament dgħajjef tal-euro. Għalkemm l-irkupru ekonomiku kien reżiljenti u mifrux madwar l-Istati Membri, baqa’ jseħħ bil-mod u b’pass irregolari, u talab risponsi politiċi determinati fl-2016 fil-forma ta’ investimenti u riformi strutturali.
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta’ EUR 315 biljun tal-Kummissjoni, b’Fond ġdid Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), ingħata bidu u qiegħed jopera b’ritmu tajjeb. Il-Fond qed jopera u qiegħed iwassal investimenti ta’ kwalità għolja biex tingħata spinta aktar qawwija lill-ekonomija Ewropea, inkluż fir-riċerka u l-innovazzjoni u għal SMEs innovattivi u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja żgħar.
Fl-istess ħin, matul is-sena u sostnuti mill-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar il-ġdida tal-Kummissjoni, saru proposti biex jiddaħħlu fis-seħħ l-elementi ta' bażi tal-Unjoni tal-Eneġija, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Korporattiva Ġusta u Effiċjenti, l-Istrateġija tan-Negozjar il-ġdida u fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, proposta għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u msaħħa.
Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti ppreżenta pjan direzzjonali ambizzjuż iżda prammatiku għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda, segwit minn sett ta’ miżuri leġiżlattivi.
Il-kriżi tar-refuġjati, waħda mill-isfidi l-aktar urġenti li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja attwalment, teħtieġ azzjoni kkoordinata determinata mill-Unjoni Ewropa u kien hemm ħidma kontinwa lejn rispons Ewropew koordinat fuq il-front tar-refuġjati u l-migrazzjoni.
L-UE mmobilizzat ukoll riżorsi politiċi, finanzjarji u xjentifiċi sostanzjali biex tgħin lill-persuni affettwati mill-vajrus tal-Ebola u biex trażżnu, tikkontrollah, tittrattah u fl-aħħar mill-aħħar teliminah. Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-UE fil-ġlieda tagħha kontra l-epidemija hija aktar minn EUR 1.2 biljun. Din iċ-ċifra tinkludi l-finanzjament mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.
Fil-konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Pariġi (COP21) f’Diċembru 2015, 195 pajjiż adottaw l-ewwel ftehim universali, legalment vinkolanti u globali dwar it-tibdil fil-klima. Il-ftehim, li għandu jidħol fis-seħħ fl-2020, jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali li jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż billi jiġi limitat it-tisħin globali sa ferm anqas minn 2°C. L-UE kienet attur ewlieni u l-Kummissjoni Ewropea ħabbret Strateġija ġdida għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività għall-Unjoni tal-Enerġija sabiex jiġu stimulati r-riċerka u l-innovazzjoni għall-kisba tal-għanijiet globali tat-tibdil fil-klima.
3. Oqfsa ta’ politika
Il-ħolqien u l-appoġġ ta’ ekosistema ta’ Innovazzjoni Miftuħa jinkoraġġixxu ċ-ċirkolazzjoni dinamika tal-għarfien u jiffaċilitaw it-traduzzjoni ta’ dak l-għarfien f’valur soċjoekonomiku. Matul din is-sena tar-rapportar, tqiegħed il-pedament għall-iżvilupp ta’ inizjattiva ta’ Fond ta’ Fond(i) ta’ Kapital ta’ Riskju Pan-Ewropew li se titnieda fl-2016. tħabbar “is-siġill ta’ eċċellenza” 2 ; u ngħata bidu għad-diskussjoni dwar il-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet Mekkaniżmu għall-Parir Xjentifiku (SAM) 3 , sabiex grupp divers ta’ esperti Ewropej ewlenin ikun jista' jintalab jikkontribwixxi għat-tfassil tal-politika tal-UE b’parir xjentifiku indipendenti.
Fil-kuntest tal-aġenda tal-UE l-ġdida dwar regolamentazzjoni aħjar 4 , li tnediet f’Mejju 2015, bdiet ħidma biex jiġi evalwat l-impatt tar-regolament tal-UE eżistenti jew propost dwar l-innovazzjoni sabiex jiġi massimizzat l-appoġġ tiegħu għall-innovazzjoni (InnovRefit) 5 . Approċċ ulterjuri li jeħtieġ li jiġi esplorat fi ħdan InnovRefit huwa dak tal-Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni 6 . Dawn se jindirizzaw inċertezzi regolatorji identifikati mill-innovaturi, li jistgħu jfixklu l-innovazzjoni fiil-qafas legali eżistenti. Bħala l-ewwel pass, hija prevista azzjoni pilota fl-Ekonomija Ċirkolari għall-2016 biex tgħin lill-innovaturi jiffaċċjaw ostakoli regolatorji billi jistabbilixxu ftehimiet ma’ partijiet ikkonċernati u awtoritajiet pubbliċi 7 .
Ix-Xjenza Miftuħa tiddeskrivi t-tranżizzjonijiet kontinwi fil-mod li bih titwettaq ir-riċerka, kif jikkollaboraw ir-riċerkaturi, kif jiġi kondiviż l-għarfien u kif tiġi organizzata x-xjenza. Tiġi faċilitata minn teknoloġiji diġitali, u mmexxija mit-tkabbir enormi ta’ dejta, il-globalizzazzjoni u t-tkabbir tal-komunità xjentifika inklużi atturi ġodda (eż. xjenza għaċ-ċittadini). Fuq terminu qasir, ix-Xjenza Miftuħa tista’ toffri aktar trasparenza, ftuħ, inklużività u kollaborazzjoni f’netwerk. Fuq terminu twil, tista’ tagħmel lix-xjenza aktar effiċjenti, affidabbli u risponsiva għall-isfidi kbar taż-żminijiet tagħna, kif ukoll trawwem il-ħolqien konġunt u l-Innovazzjoni Miftuħa. Se trawwem ukoll l-integrità tar-riċerka, li kif enfasizza l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2015 8 , hija l-bażi ta’ riċerka ta’ kwalità għolja. Bħala miżura ta’ segwitu konkreta, il-Ftehim dwar l-Għotja Mudell Orizzont 2020 ġie aġġornat biex jirrifletti l-importanza tal-integrità tar-riċerka. Sar ukoll progress sostanzjali fir-rigward ta’ diskussjonijiet dwar it-titjib ta’ aċċess miftuħ għar-riżultati ta’ riċerka u d-dejta sottostanti, kif ukoll fl-iżvilupp ta’ Cloud Ewropew tax-Xjenza.
Matul l-2015, il-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni tagħha ma’ sħab nazzjonali u reġjonali abbażi tal-interess komuni u l-benefiċċju reċiproku. Il-Ftuħ għad-Dinja jgħin biex jissaħħu l-punti fejn l-Ewropa hija b'saħħitha u b'hekk issir attur globali aktar b’saħħitha u jiżdiedu l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea, il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej u jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali b’mod aktar effettiv. Il-Kummissjoni kompliet tiffoka fuq it-tisħiħ ta’ sinerġiji ma’ politiki eżistenti, il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ Orizzont 2020 ma’ dawk imwettqa permezz ta’ strumenti oħra, kif ukoll mal-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-SFIC 9 . Issaħħew ir-relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-UNESCO, u nbdew inizjattivi biex jikkontribwixxu għall-objettivi globali stabbiliti mill-Kummissjoni “Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni”.
Bħala membru fundatur tal-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO), il-Kummissjoni issieħbet fil-pjan ta’ implimentazzjoni tal-2015-2025 tas-Sistema tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS), li se jipprovdi aċċess miftuħ għad-dejta tal-osservazzjoni tad-dinja minn kullimkien fid-dinja għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, ir-riċerkaturi u l-innovaturi. L-Alleanza għar-Riċerka fl-Oċean Atlantiku nediet l-ewwel immappjar trans-Atlantiku tagħha. L-UE appoġġjat iċ-Ċentru ta’ riċerka u teknoloġija SESAME fil-Ġordan li juża x-xjenza biex irawwem kultura ta’ paċi kif ukoll eċċellenza fix-xjenza u t-teknoloġija fil-Lvant Nofsani usa’.
Il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva “ix-xjenza għar-refuġjati” għal xjentisti u riċerkaturi li qed ifittxu l-ażil u refuġju, sabiex jinħoloq proċess ta’ tqabbil bejn refuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil bi sfond xjentifiku u l-istituzzjonijiet xjentifiċi li jiddikjaraw lilhom infushom b’mod volontarju bħala “organizzazzjonijiet li jilqgħu lir-refuġjati”.
Fl-2015, ġie adottatt sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ir-Rapporti kollha tal-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew integraw analiżi sostanzjali tas-sistemi R&I tal-Istati Membri, ma’ identifikazzjoni ċara tal-isfida/sfidi ewlenija/ewlenin tar-R&I u valutazzjoni tar-risponsi politiċi għall-isfida/sfidi 10 . Dan ippermetta djalogu fil-fond sussegwenti mal-Istati Membri abbażi tal-kapitoli tar-R&I fir-Rapporti tal-Pajjiżi. Il-Pjan Direzzjonali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) 2015-2020 ġie żviluppat bil-għan li jiffaċilita u jsaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri.
Il-Faċilità ta’ Appoġġ ta’ Politika (PSF) ta’ Orizzont 2020 tnediet f’Marzu 2015 bħala strument ġdid li jagħti lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati mal-Orizzont 2020 appoġġ prattiku biex ifasslu, jimplimentaw u jevalwaw riformi li jsaħħu l-kwalità tal-investimenti, il-politiki u s-sistemi ta’ R&I tagħhom. Tali riformi jirrigwardaw, pereżempju, l-istimular ta’ rabtiet aktar qawwija u aktar mill-qrib bejn ix-xjenza u n-negozju jew l-introduzzjoni ta’ finanzjament abbażi tal-prestazzjoni ta’ istituti ta’ riċerka pubblika.
Il-PSF tipprovdi lill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mal-Orizzont 2020 b’aċċess għal kompetenza u analiżi indipendenti u ta’ livell għoli permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi bħal Evalwazzjonijiet bejn il-Pari tas-sistemi nazzjonali ta’ R&I, appoġġ għal riformi speċifiċi jew eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku abbażi ta’ proġetti. Barra minn hekk, il-PSF toffri Ċentru tal-Għarfien permezz tas-sit web tagħha: https://rio.jrc.ec.europa.eu/en .
Il-PSF tal-Orizzont 2020 hija faċilità mmexxija mid-domanda li twieġeb għal talbiet magħmula minn awtoritajiet nazzjonali fuq bażi volontarja. Fl-2015 twettqu b’suċċess tliet attivitajiet pilota tal-PSF: Evalwazzjoni bejn il-Pari tas-sistema R&I Bulgara 11 , Evalwazzjoni bejn il-Pari tas-sistema R&I Ungeriża 12 u eżerċizzju ta’ tagħlim reċiproku dwar politiki biex jittrawmu investimenti tar-R&I. Fl-2015 tnedew ukoll diversi attivitajiet oħra, jiġifieri Evalwazzjonijiet bejn il-Pari tas-sistemi nazzjonali tar-R&I tal-Ungerija u l-Moldova; appoġġ speċifiku għal Malta għall-monitoraġġ tal-istrateġija tar-R&I tal-pajjiż; eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku dwar evalwazzjoni ex-post ta’ għotjiet tar-R&I għan-negozju, inċentivi fiskali tar-R&I u evalwazzjoni ta’ programmi kumplessi tal-PPP. Ir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet huma mistennija bejn April u Settembru tal-2016. Barra minn hekk, hija prevista t-tnedija ta’ sensiela rikka ta’ attivitajiet tal-PSF fl-2016, li tkopri s-servizzi kollha tal-PSF.
Fl-aħħar nett, twettqet ħidma biex jissaħħu l-metodi tal-evalwazzjoni biex jitkejjel l-impatt tal-investimenti tar-R&I fil-livell nazzjonali u tal-UE, inkluż permezz tat-titjib tal-mudelli makroekonomiċi attwali sabiex ikunu jistgħu jagħtu rendikont aktar realistiku kif il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jissarraf fi tkabbir ekonomiku u progress soċjetali.
4. Implimentazzjoni tal-Orizzont 2020
Orizzont 2020 ġie allinjat mal-aġenda tal-Kummissjoni permezz tal-programmi ta’ ħidma tiegħu. F’kuntest politiku u ekonomiku diffiċli, huwa aktar u aktar importanti li tiġi massimizzata l-kontribuzzjoni tal-Programm Qafas biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-President Juncker, b’mod partikolari, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Ekonomija Ċirkolari, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FESI) u t-tisħiħ tal-post tal-Ewropa fid-dinja. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 se tkompli ssaħħaħ it-twettiq tal-aġenda tal-Kummissarju Moeda.
Tagħlimiet miksuba mill-ewwel sejħiet kienu essenzjali għat-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma 2016-2017, li tnieda f’Ottubru 2015, b’investiment totali ta’ EUR 16-il biljun.
Fil-25 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni nediet stħarriġ online biex tiġbor opinjonijiet minn partijiet ikkonċernati dwar l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti fl-Orizzont 2020, u biex titlob ideat ġodda dwar simplifikazzjoni fil-futur. L-istħarriġ ikkonferma li proporzjon sinifikanti ta’ utenti huma sodisfatti bil-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti fl-Orizzont 2020.
Filwaqt li l-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont 2020 ikopri l-maġġoranza kbira tal-finanzjament disponibbli skont il-Programm, huwa kumplimentat minn Programmi ta’ Ħidma separati għall-Kunsill Ewropew ta’ Riċerka, l-Euratom, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, kif ukoll l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).
Il-baġit tal-EIT għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa ta’ EUR 2.38 biljun kif stabbilit fil-Programm Qafas Orizzont 2020. Fl-2015, l-ewwel grupp ta’ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-EIT (KKI), jiġifieri KKI Diġitali, KKI Klimatiċi u KKI InnoEnergy, kibru b’mod stabbli f’termini ta’ baġit, attivitajiet u riżultati, filwaqt li t-tieni grupp ta’ KKI, jiġifieri KKI Saħħa u KKI Materja Prima, kienu fil-fażi tal-bidu tagħhom.
Sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) komplew jiġu promossi. Skont il-Programm ta’ Ħidma 2016-2017 l-applikanti huma mistiedna jidentifikaw l-oqsma tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tal-Istat Membru jew tar-reġjun tal-UE tagħhom u jesploraw il-potenzjal għal sinerġiji mal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni rilevanti inkarigati mill-FSEI fit-territorju tagħhom 13 . Mill-2016 se jiġi provdut “siġill ta’ eċċellenza” lil proposti ’l fuq mil-livell limitu, mhux finanzjati skont l-istrument għall-SMEs. “Is-siġill ta’ eċċellenza” se jippermetti lill-pajjiżi / reġjuni biex jirrikonoxxu t-tikketta tal-kwalità mogħtija lil proposti promettenti ppreżentati skont l-Orizzont 2020 u jippromwovu l-aċċess tagħhom għal sorsi ta’ finanzjament differenti bħall-FSEI u programmi ta’ investiment nazzjonali jew reġjonali oħra. Din l-azzjoni se tiġi kumplimentata minn kampanja ta’ “mobilizzazzjoni” lejn reġjuni/pajjiżi biex jiġu inklużi skemi ta’ finanzjament li jiffavorixxu l-istrument għall-SMEs fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tal-FSEI tagħhom.
L-ewwel passi għall-programmazzjoni strateġika għall-aħħar ċiklu tal-Programm ta’ Ħidma ttieħdu bit-tiġdid tal-Gruppi Konsultattivi ta’ Orizzont 2020 u eżerċizzji ta’ previżjoni.
4.1 It-tweġiba għas-sejħiet
Sa tmiem tal-2015, ġew konklużi kważi 200 sejħa tal-Orizzont 2020, u ġew ippreżentati 84 793 proposta. In-numru ta’ proposti miżmuma kien ta' 7 121 u l-kontribuzzjoni mitluba lill-UE għal proposti miżmuma kienet ta’ EUR 14.18-il biljun. Fl-2015 biss, ġew iffirmati total ta’ 5 234 ftehim ta’ għotja b’kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE ta’ EUR 9.2 biljun.
Is-sehem tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fis-sejħiet mill-bidu tal-programm u sal-aħħar tas-sena tar-rapportar jammonta għal 32.2 %. Fil-pilastri 2 u 3, minbarra “Aċċess għal finanzjament ta’ riskju”, 42.17 % tal-benefiċjarji kollha fil-ftehimiet ta’ għotjiet iffirmati jiġu mill-industrija.
Barra minn hekk, f’Jannar tal-2015 tnediet l-inizjattiva pilota l-ġdida ta’ EUR 200 miljun, Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni (FTI), bl-objettiv sottostanti li tiġi promossa l-innovazzjoni billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jitwasslu ideat innovattivi fis-suq. Minn total ta’ 498 proposta rċevuti, 31 irċevew aktar minn EUR 68 miljun f’finanzjament. Kważi nofs il-parteċipanti tal-proġett kienu SMEs.
4.2 Karatteristiċi ewlenin fl-Orizzont 2020:
Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs)
23 % (EUR 1.7 biljun) tal-baġits kombinati tal-2014-2015 għal Tmexxija f’Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali' (LEIT) u Sfidi Soċjetali ġie allokat għall-SMEs.
Bis-saħħa tal-frontloading tal-FESI fuq il-prodott ta’ Garanzija ta’ InnovFin għall-SMEs, kważi 45% tal-mira stabbilita rigward aċċess għal finanzjament b’dejn għal SMEs innovattivi u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja żgħar diġà nkisbu sal-aħħar tal-2015, b’mhux inqas minn EUR 4 biljun ta’ volum ta’ self disponibbli fis-suq.
Ix-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi (SSH)
Fl-2015, żdiedu l-isforzi biex tissaħħaħ ir-rilevanza interdixxiplinarja tas-sejħiet għal proposti, b’attenzjoni partikolari għar-riċerka tal-SSH. Kien hemm 81 suġġett fl-2015 b’rilevanza għall-SSH u dawn huma inkwadrati mal-SSH bħala parti integrali mill-kwistjoni tar-riċerka. Barra minn hekk, esperti tal-SSH ħadu sehem fil-panels ta’ evalwazzjoni rispettivi - u ngħataw linji gwida mmirati lill-esperti u l-moderaturi.
Barra minn hekk, l-SSH kellhom rwol prinċipali fl-Isfida Soċjetali 6 “L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel - Soċjetajiet Inklużivi, Innovattivi u Riflessivi” fejn suġġetti b’rilevanza għall-SSH laħqu t-80%.
Dimensjoni bejn is-sessi
F’Orizzont 2020 sar progress fil-ħidma għal integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni bejn is-sessi f’Orizzont 2020 u fil-Programm ta’ Ħidma 2016-2017 ittejbet il-viżibbiltà tas-sessi, mhux biss f’termini kwantitattivi iżda anke fil-kwalità. L-ugwaljanza bejn is-sessi issa għandha l-paġna tagħha fuq is-sit web tal-Orizzont 2020 14 u saru aktar sforzi biex jitqies il-ġeneru. Barra minn hekk, kważi 40% tal-evalwaturi esperti tal-Orizzont 2020 b’kuntratt fl-2015 kienu nisa.
L-Azzjoni dwar il-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli
Il-monitoraġġ tan-nefqa tal-azzjoni dwar il-klima u l-iżvilupp sostenibbli madwar Orizzont 2020 meta mqabbla mal-miri tal-infiq ta’ 35% u 60% rispettivi stabbiliti fir-Regolament dwar Orizzont 2020 huwa kontinwu.
Iċ-ċifri finali għall-2014 juru li dawn il-miri mhumiex qed jintlaħqu fl-ewwel sena ta’ Orizzont 2020. Għalhekk, id-DĠs responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 qablu dwar sett ta’ azzjonijiet biex tiġi promossa s-simplifikazzjoni tal-azzjoni dwar il-klima u l-iżvilupp sostenibbli, u biex ikompli jittejjeb il-metodu ta’ traċċar u jiżdied l-investiment ta’ Orizzont 2020 f’appoġġ ta’ dawn l-objettivi fis-snin futuri. Dawn iċ-ċifri għan-nefqa ta’ Orizzont 2020 intraċċati fl-2014 (li jikkorrispondu għal EUR 8 317 miljun) huma 24 % għal azzjoni dwar il-klima u 46 % rigward l-iżvilupp sostenibbli.
Żieda fil-parteċipazzjoni
Fl-2015, flimkien mal-Faċilità ta’ Appoġġ ta’ Politika (PSF) diġà msemmija jew “is-siġill ta’ eċċellenza”, intgħażlu 31 proġett skont l-istrument tar-Raggruppamenti, biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tar-riċerka u fiż-żieda tal-investiment f’pajjiżi bi gradazzjonijiet ta’ eċċellenza fir-riċerka aktar baxxa. Il-proġetti rċevew sa EUR 500 000 kull wieħed (total ta’ EUR 14.2-il miljun) biex iħejju pjanijiet operazzjonali għal Ċentri ta’ Eċċellenza ġodda jew biex jaġġornaw oħrajn eżistenti. Erbatax-il università, istitut tekniku u organizzazzjoni privata f’dawk il-partijiet tal-Ewropa li ma marrux daqshekk tajjeb fir-riċerka u l-innovazzjoni ngħataw sa EUR 2.5 miljun kull wieħed f’finanzjament tal-UE biex tingħata spinta lill-kapaċità tar-riċerka tagħhom permezz tal-ħatra ta’ “ERA Chairs”. Tnediet sejħa għal Ġemellaġġ b’EUR 66.24 miljun li rriżultat f’66 proġett iffinanzjat. Barra minn hekk, kompla jingħata l-appoġġ għall-COST (Kooperazzjoni Ewropea Fix-Xjenza u t-Teknoloġija)
Kooperazzjoni Internazzjonali
Parzjalment minħabba t-twaqqif ta’ xi wħud mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali dedikati, it-tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament ta’ pajjiżi BRIC-M 15 , kif ukoll it-taqlib soċjoekonomiku fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, is-sehem ta’ parteċipazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati naqas bin-nofs f’Orizzont 2020 fir-rigward tal-FP7. B’reazzjoni għal dan, aktar suġġetti fil-Programm ta’ Ħidma se jiġu identifikati bħala partikolarment rilevanti għall-kooperazzjoni internazzjonali. Bħala l-ewwel pass, il-Programm ta’ Ħidma 2016-2017 fih madwar 10% aktar suġġetti mmarkati minn dawk tal-Programm ta’ Ħidma 2014-2015. Barra minn hekk, ġew stabbiliti mekkaniżmi ta’ kofinanzjament miċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea, il-Messiku, ir-Russja, it-Tajwan, l-Awstralja u reġjuni tal-Kanada u l-Brażil, biex jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni tar-riċerkaturi tagħhom fi proġetti ta’ Orizzont 2020. Se jinħtieġu aktar miżuri biex jitreġġa’ lura dan it-tnaqqis drammatiku, eż. fil-Viċinat tagħna.
Attivitajiet ta’ komunikazzjoni u avvenimenti ta’ sħubija mmirati ġew imsaħħa b’mod partikolari permezz tal-kampanja “Orizzont 2020 – Miftuħ għad-Dinja”, li tiffoka fuq il-promozzjoni tal-avvenimenti tal-Eċċellenza tal-panorama tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE, “Destinazzjoni Ewropa” li jippromwovu opportunitajiet ta’ karrieri fir-riċerka fl-Ewropa; u li jikkontribwixxu għall-kampanja korporattiva tas-“Sena Ewropea tal-Iżvilupp”.
Matul l-2015, l-Ukrajna assoċjat ruħha mal-Orizzont 2020 u ġie ffirmat il-ftehim li jassoċja t-Tuneżija, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2016.
5. Is-Seba’ Programm Kwadru
F’Novembru 2015 ir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli (HLEG) li evalwa s-Seba’ Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) 16 tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Il-Grupp ta’ Livell Għoli eżamina l-kisbiet u l-impatti tal-firxa sħiħa ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-FP7 bejn l-2007 u l-2013. Filwaqt illi l-fokus ċentrali tar-rapport huwa fuq l-evalwazzjoni tal-FP7, jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet rigward Orizzont 2020.
Fid-19 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar ir-rispons għar-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli 17 fejn laqgħet ir-rakkomandazzjonijiet tal-HLEG. Ħafna kienu diġà ġew implimentati fil-Programm ta’ Ħidma Orizzont 2020 tal-2016-2017 u se jservu bħala pont għall-evalwazzjoni interim Orizzont 2020 li hija mistennija sal-aħħar tal-2017.
6. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)
Fl-2015, il-programm ta’ ħidma tal-JRC kien f’konformità sħiħa mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni u appoġġjahom. Attivitajiet ewlenin tal-JRC ikkontribwixxew għal dawn il-prijoritajiet bħal: spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment; Unjoni Ewropea reżiljenti b’politika tat-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem u reżiljenza għad-diżastri; Suq Intern iktar profond u iktar ġust b’bażi industrijali msaħħa; Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta; Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u s-Sigurtà u s-Sikurezza Nukleari (il-programm Euratom). Ġie provdut appoġġ għall-isforzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u l-attivitajiet tal-Valutazzjoni tal-Impatt, billi ġew provduti għodod għas-Sett ta’ Għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar u billi ġew appoġġjati d-DGs tal-politika fil-valutazzjonijiet tal-impatt, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-idoneità. Il-JRC kompla jwettaq ukoll l-obbligi eżistenti fuq terminu twil tiegħu bħall-iżvilupp ta’ standards, filwaqt li żviluppa wkoll il-kompetenzi tiegħu fl-oqsma bħall-antiċipazzjoni, il-previżjoni u x-xjenzi komportamentali. Biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, il-JRC ħadem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri 18 , mal-akkademja u mal-komunità tar-riċerka, kif ukoll ma' diversi sħab internazzjonali 19 .
7. Tixrid, sfruttament u komunikazzjoni
Attivitajiet biex jinxterdu u jiġu sfruttati riżultati minn proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, u biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-finanzjament tal-UE kif ukoll biex jitwettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni huma parti importanti u integrali ta’ Orizzont 2020. Fl-2015 madwar EUR 7.45 miljun ġew iddedikati għal dawn l-attivitajiet, inkluż l-għoti ta’ servizzi CORDIS, li huwa r-repożitorju pubbliku primarju u l-portal tal-Kummissjoni Ewropea għat-tixrid tal-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ riċerka kollha ffinanzjati mill-UE u r-riżultati tagħhom. Il-Kummissjoni timplimenta attivitajiet permezz ta’ sejħiet speċifiċi għal proposti, azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ, u akkwist pubbliku biex tiġi provduta assistenza mmirata lejn proġetti u konsorzji biex jiġu ottimizzati l-isfruttament u t-tixrid tar-riżultati.
L-azzjonijiet appoġġjati jridu jiżviluppaw u jimplimentaw pjan komprensiv ta’ tixrid biex jiġi żgurat l-impatt massimu tar-riżultati. It-tieni, wara l-politika tal-aċċess miftuħ tal-Orizzont 2020, il-benefiċjarji jridu jiżguraw li l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi evalwati bejn il-pari li jirriżultaw minn finanzjament tal-Orizzont 2020 jiġu depożitati f’repożitorji u jingħataw b'aċċess miftuħ, jiġifieri aċċess online bla ħlas għall-utent. Il-benefiċjarji jridu jimmiraw ukoll li jiddepożitaw fl-istess ħin id-dejta tar-riċerka meħtieġa biex jiġu validati r-riżultati preżentati f pubblikazzjonijiet xjentifiċi. It-tielet, il-Proġett Pilota tad-Dejta tar-Riċerka Miftuħa, imniedi mal-Programm ta’ Ħidma 2014-2015, jimmira li jtejjeb u jimmassimizza l-aċċess u l-użu mill-ġdid ta’ dejta tar-riċerka ġġenerata mill-proġetti. Abbażi tal-ftehimiet tal-għotja ffirmati, sal-aħħar tal-2015 madwar 64.4% tal-proġetti fl-oqsma ewlenin ipparteċipaw fil-Proġett Pilota. Filwaqt li dan il-Proġett Pilota jikkonċerna oqsma magħżula tal-Orizzont 2020, sar progress biex ikompli jissaħħaħ l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet ta’ riċerka u dejta sabiex l-aċċess miftuħ għad-dejta jsir ir-regola prestabbilita fil-Programmi ta’ Ħidma mill-2017.
L-importanza tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fiċ-ċiklu tal-programmazzjoni strateġika u l-politika ġiet imsaħħa bl-adozzjoni tal-Pakkett għal Regolamentazzjoni Aħjar.
8. Il-prospetti għall-2016
Il-prospetti għall-2016 jirriflettu r-rispons kontinwu għall-prijoritajiet politiċi u l-isfidi urġenti li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja bħalissa.
Fl-allinjament mal-aġenda l-ġdida tal-Kummissjoni, il-Programm ta’ Ħidma għall-2016-2017 se jikkontribwixxi għall-Pakkett tal-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment billi jgħin biex tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-Ewropa u biex jinħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u biex jiġi promoss it-tkabbir.
Il-baġit iddedikat għall-Istrument għall-SMEs se jiżdied b’50% u jilħaq kważi EUR 750 miljun għall-perjodu 2016-2017. Aktar investimenti permezz ta’ strumenti finanzjarji InnovFIn, immirati b’mod partikolari lejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), se jikkontribwixxu għad-disponibbiltà ta’ firxa aktar wiesgħa ta’ prodotti ta’ finanzjament b’dejn u b’ekwità u faċilitajiet biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni. kapital ta’ riskju aktar b’saħħtu u industrija ta’ ekwità usa’; iż-żieda fl-involviment tal-“business angels”, il-pjattaformi tal-finanzjament kollettiv u fondazzjonijiet filantropiċi fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni; u aktar investiment fit-trasferiment tat-teknoloġija. Se jkomplu jiġu promossi sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Investimenti Ewropej (FSIE).
Inbdiet il-programmazzjoni strateġika għall-aħħar ċiklu tal-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont 2020 li qed twitti t-triq biex jitħaddnu, flimkien mal-oqsma identifikati fil-Programm Speċifiku li għad iridu jiġu koperti, prijoritajiet emerġenti u sfidi ġodda li jirriżultaw min-natura li qed tevolvi tax-xejriet tar-riċerka u l-innovazzjoni jew l-isfidi li jinħolqu u l-motivaturi politiċi bħal kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, sikurezza, “physical meets digital”, l-isfida tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, theddid għas-saħħa, eż. il-vajrus taz-Zika, u l-prijorità globali tat-twassil tal-innovazzjoni.
L-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 mistennija li titlesta wara s-sajf tal-2017. Il-Kummissjoni tistenna, abbażi tal-prijoritajiet identifikati permezz ta’ diversi konsultazzjonijiet u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet fl-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020, li jiġi żviluppat il-kontenut tal-programm ta’ ħidma tal-2018-2020 fl-ewwel tliet kwarti tal-2017 bl-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti mhux qabel il-ħarifa tal-2017.
Wara r-rapport tal-evalwazzjoni ex post tal-FP7, il-Kummissjoni kienet diġà impenjat ruħha li: timplimenta fokus strateġiku ġdid għal Orizzont 2020 biex timmassimizza l-kontribut tagħha għall-“innovazzjoni miftuħa”, għax-“xjenza miftuħa” u għall-“ftuħ għad-dinja”; timmassimizza s-sinerġiji bejn ir-R&I fi prijoritajiet tematiċi ta’ oqsma ta’ sfidi soċjetali u teknoloġiji u infrastrutturi diġitali abilitanti ewlenin ġodda u emerġenti; tesplora l-ħtieġa għal, u l-vijabbiltà ta’, Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni bħala mezz biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u kif jiġu simplifikati strumenti eżistenti; tevalwa l-JTIs f’termini ta’, fost l-oħrajn, il-ftuħ, it-trasparenza u l-effettività tagħhom; tħaffef l-elaborazzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew, li jistgħu jrawmu użu kbir tar-riċerka f’teknoloġiji maturi.
L-2016 timmarka l-introduzzjoni ta’ ħafna azzjonijiet ta’ politika fi ħdan it-tliet prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Bħala parti mill-għan ta’ “Innovazzjoni Miftuħa” u bl-objettiv primarju li tiżdied il-kapaċità tal-Ewropa li tiġġenera u żżid innovazzjonijiet ġodda, infetħet Sejħa għal Ideat għat-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew ta’ Innovazzjoni mis-16 ta’ Frar sad-29 ta’ April 2016.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tikkapitalizza b’mod sħiħ fuq il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha biex tirrapporta u tikkomunika b’mod aktar effettiv ir-riżultati u l-impatt tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u stabbiliet prijoritajiet biex twettaq il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, kif ukoll biex ittejjeb l-aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka u d-dejta sottostanti, u b’hekk twassal “Xjenza Miftuħa”.
L-aħħar iżda mhux l-inqas, li nkunu “Miftuħin għad-Dinja” jibqa’ minn ta’ fuq nett fl-aġenda. Il-ftehimiet li jassoċjaw il-Georgia u l-Armenja ma’ Orizzont 2020 ġew iffirmati f’April u Mejju 2016 rispettivament. It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Innovazzjoni se jinħareġ f’Settembru. Faċilità ta’ Servizz b’Appoġġ tal-Iżvilupp Strateġiku tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Innovazzjoni se titwaqqaf sal-aħħar tal-2016. Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija strument ta’ setgħa moderata u mekkaniżmu għat-titjib tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin 20 , il-bini ta’ pontijiet fi żmien ta’ kunflitt, il-prevenzjoni ta’ kriżijiet, fehim aħjar ta’ kwistjonijiet kumplessi u l-iżvilupp ta’ strateġiji konġunti għal amministrazzjoni tajba tal-pjaneta tagħna. Ir-rilevanza tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni ġiet eżemplifikata bi stejjer ta’ suċċess, bħall-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN), li pprovdiet ukoll mudell għal reġjuni b’ambizzjonijiet simili, bħal-Lvant Nofsani, fejn bħalissa qed jinbena s-Synchrotron-light for Experimental Science and Applications in the Middle East (SESAME) fil-Ġordan b'riżultat ta' kooperazzjoni produttiva u b'mira futura bejn l-UE u l-UNESCO. L-assoċjazzjoni ta’ dawk li issa huma ħames pajjiżi ġirien ma' Orizzont 2020 tappoġġja l-Politika Ewropea tal-Viċinat.