Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE6465

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Sejħa għal Evidenza: Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji” (COM(2016) 855 final)

OJ C 209, 30.6.2017, p. 43–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Sejħa għal Evidenza: Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji”

(COM(2016) 855 final)

(2017/C 209/07)

Relatur:

Milena ANGELOVA

Konsultazzjoni

Kummissjoni, 23.11.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

8.3.2017

Adottata fil-plenarja

29.3.2017

Sessjoni plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

226/4/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni għall-ewwel darba ta’ sejħa għal evidenza bħala strument innovattiv, informattiv u utli għall-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi fil-livell tal-UE u jittama li dan isir prattika komuni fil-futur.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-konklużjoni tas-sejħa għal evidenza li tenfasizza li, b’mod ġenerali, il-prinċipji fundamentali tar-riformi finanzjarji reċenti ma jistgħux jiġu kkontestati u li r-regoli l-ġodda tejbu l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-Qafas Regolatorju tal-UE għal Servizzi Finanzjarji sabiex jitħaffef ir-ritmu tat-tlestija ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU).

1.3.

Mil-lat tal-proporzjonalità, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ li jpoġġi r-riforma fil-kuntest tal-għan usa’ li jinstab bilanċ aħjar bejn l-għanijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u ta’ tkabbir. Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ma jimponux piżijiet u restrizzjonijiet bla bżonn meta jittrasponu r-regoli tal-UE. Huwa jfakkar kemm lil-leġislaturi tal-UE kif ukoll lil dawk nazzjonali li għandhom jiġu ppjanati termini raġonevoli sabiex il-leġislazzjoni l-ġdida tidħol fis-seħħ u tiġi applikata, b’tali mod li jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jadattaw ruħhom.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda li, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas regolatorju għal servizzi finanzjarji, l-aspetti tat-traspożizzjoni li huma fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri għandhom jiġu ssorveljati strettament u jiġu stabbiliti l-kontrolli rilevanti fuq l-implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali u sabiex jiġi promoss l-iżvilupp addizzjonali tas-CMU.

1.5.

Il-KESE jaqbel li l-banek għandhom jingħataw attenzjoni speċjali peress li huma jipprovdu servizzi importanti ta’ interess ġenerali lill-pubbliku inġenerali u huma s-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-SMEs. Is-sistema finanzjarja tal-UE hija ddominata mill-banek universali, li jagħmlu l-ħidma tal-leġislaturi diffiċli ħafna, peress li l-libertà tan-negozju u t-teħid ta’ riskji f’dan is-settur jeħtieġ li dejjem ikunu bbilanċjati b’kawtela mal-ħtieġa ta’ stabbiltà.

1.6.

Il-KESE għalhekk jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa biex iħaffu r-riformi strutturali tas-settur bankarju tal-UE, inkluż billi jsolvu dan l-aspett tal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni (1), li bħalissa tinsab f’sitwazzjoni ta’ staġnar fil-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Il-KESE jfakkar li l-leġislazzjoni mhux dejjem hija l-aktar reazzjoni politika adatta u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħżel soluzzjonijiet mhux leġislattivi u bbażati fuq is-suq kull meta jkun possibbli.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex ikun hemm sejħa għal evidenza qabel l-introduzzjoni ta’ proposti regolatorji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u jirrakkomanda li dan isir prattika komuni fil-proċess leġislattiv. Din hija l-ewwel darba li dan l-approċċ qed jittieħed, u l-KESE jemmen li għandha titqies bħala prattika tajba li għandha tiġi segwita fil-ġejjieni. Il-KESE japprezza wkoll il-fatt li dan l-approċċ huwa wkoll appoġġjat bis-sħiħ mill-Parlament Ewropew (2).

2.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, permezz ta’ sejħa għal evidenza, il-Kummissjoni qed tieħu l-metodoloġija regolamentarja tagħha pass aktar ‘il quddiem billi tħares lejn il-korp sħiħ tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u tivvaluta kif biċċiet individwali ta’ leġislazzjoni jinteraġixxu. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra użu aktar wiesa’ ta’ dan l-approċċ fl-inizjattivi leġislattivi futuri tagħha. Dan l-approċċ huwa konformi mal-programm REFIT (3) u l-aġenda dwar Regolamentazzjoni Aħjar (4).

2.3.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni rigward ir-rwol tal-leġislaturi li joħolqu bażi adatta għall-iżvilupp tas-settur bankarju (u, b’mod usa’, is-settur finanzjarju) sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet importanti u insostitwibbli tiegħu fl-appoġġ li jagħti lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.

2.4.

Sabiex nibnu b’mod effettiv fuq il-kisbiet li diġà saru u ma jintilifx il-momentum, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza aktar u fil-fond l-eżempji li nġabru ta’ inkonsistenzi, duplikazzjonijiet u interazzjonijiet mhux intenzjonati bejn biċċiet differenti ta’ leġislazzjoni.

2.5.

Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jerġa’ jkun hemm it-tkabbir u li t-tkabbir jiġi promoss fl-UE, il-KESE jinkoraġġixxi li jittieħdu passi lejn il-kisba tal-objettivi prudenzjali b’mod aktar favorevoli għat-tkabbir. Peress li l-kreditu bankarju għadu s-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-biċċa l-kbira tan-negozji tal-UE u speċjalment għall-SMEs, l-akbar prijorità meta jitfasslu r-regoli l-ġodda għandha tkun li jiġi evitat l-impediment tal-fluss ta’ finanzjament fl-ekonomija.

2.6.

Mil-lat tal-proporzjonalità, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ li jpoġġi r-riforma fil-kuntest usa’ li jinstab bilanċ aħjar bejn l-għanijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u ta’ tkabbir. Il-KESE jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jiġi segwit fil-livell tal-Istati Membri wkoll, u li l-Istati Membri ma jimponux piżijiet u restrizzjonijiet bla bżonn meta jittrasponu r-regoli tal-UE. Dan l-isforz huwa konformi mal-isforzi biex jittaffa l-piż li jirriżulta mid-duplikazzjoni u l-inkonsistenzi bejn id-diversi ħtiġijiet individwali. Il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni għandha tkun ibbilanċjata mal-bżonn li tiġi rikonoxxuta d-diversità, tiġi żgurata regolamentazzjoni proporzjonata u jitħeġġeġ l-użu adatt tad-diskrezzjoni.

2.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, meta tfassal proposti għal direttivi, li tqis il-fatt li l-Istati Membri jittrasponu d-direttivi b’mod differenti. Ċerti pajjiżi jittrasponu b’mod restrittiv u litterali żżejjed, u b’hekk titneħħa l-flessibbiltà mixtieqa mid-direttiva u, ta’ spiss, iwassal għall-awtoimpożizzjoni ta’ kundizzjonijiet aktar stretti fuq l-industrija domestika tagħhom milli f’pajjiżi oħra. Pajjiżi oħra jeżerċitaw diskrezzjoni u ma jagħmlux wisq fl-ispirtu tal-leġislazzjoni rilevanti. Dan iwassal għal kundizzjonijiet mhux indaqs u għalhekk imur kontra l-għanijiet ewlenin tal-leġislazzjoni. Għalhekk, il-KESE jipproponi li għandu jkun hemm monitoraġġ mill-qrib ħafna tad-diversità fit-traspożizzjoni u kontrolli adatti fuq il-mod li bih il-leġislazzjoni tiġi implimentata.

2.8.

Il-KESE jappoġġja fil-prinċipju l-miżuri ta’ segwitu proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni (5) tagħha u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq l-atti leġislattivi korrispondenti, meta jkunu lesti, għal konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati fis-setturi rilevanti.

2.9.

Bħala parti mis-segwitu addizzjonali tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatt li, f’ħafna każijiet, l-iskadenzi tat-traspożizzjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji huma marbuta mal-adozzjoni tal-leġislazzjoni qafas (Livell 1). Madankollu, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta, jinħtieġu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-miżuri ddettaljati ta’ implimentazzjoni (Livell 2). Minħabba f’hekk, l-iskadenzi ta’ traspożizzjoni li huma marbuta mal-leġislazzjoni tal-Livell 1 ta’ spiss ikunu qosra wisq. Dan jirrikjedi li l-iskadenzi għat-traspożizzjoni jkunu marbuta mal-adozzjoni tal-aħħar miżuri ddettaljati ta’ implimentazzjoni (Livell 2). Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex jiddefinixxu Pjan Direzzjonali għat-Traspożizzjoni, u jixtieq isegwi l-iżviluppi mill-qrib.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu

3.1.    It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet regolatorji bla bżonn fuq il-finanzjament tal-ekonomija

3.1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-aġġustamenti proposti f’oqsma ewlenin tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (il-pakkett CRR2) sabiex tiġi salvagwardjata l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija (6).

3.1.1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li hija xierqa ħafna l-idea tal-aġġustament tal-proporzjon ta’ ingranaġġ sabiex tiġi riflessa d-diversità tas-settur finanzjarju tal-UE u jiġi salvagwardjat l-aċċess għall-ikklerjar u għall-fondi għall-iżvilupp pubbliku.

3.1.1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġi introdott b’mod gradwali u rfinat il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-attivitajiet ta’ finanzjament kummerċjali tal-UE, is-swieq tad-derivattivi u s-suq fi ftehimiet ta’ riakkwist.

3.1.2.

L-SMEs fl-Ewropa għadhom iqisu l-kreditu bankarju bħala s-sors primarju tagħhom ta’ finanzjament (7). Il-KESE japprezza l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twessa’ l-applikazzjoni tal-Fattur ta’ Sostenn tal-SMEs għal self ikbar minn EUR 1,5 miljun (8). Fl-istess waqt, jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel enfasi speċjali fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm huwa biżżejjed il-finanzjament mill-banek u biex tieħu passi biex timmira l-finanzjament mill-banek b’mod iktar effettiv sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, skont il-profili ta’ riskju differenti tagħhom, kif ukoll l-istadji ta’ żvilupp, il-post fejn tinsab l-industrija, eċċ. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tapplika l-Fattur ta’ Sostenn tal-SMEs maż-żidiet potenzjali fir-rekwiżiti għall-fondi tagħha stess f’każijiet ta’ riskji kontroċikliċi jew sistemiċi, billi s-self lill-SMEs inkella jista’ jiġi ristrett.

3.1.3.

Il-KESE jixtieq jara tnaqqis konsiderevoli fil-preġudizzju favur id-dejn sabiex jittejbu r-reżiljenza ekonomika u l-allokazzjoni tal-kapital, biex b’hekk l-ekwità tkun aktar attraenti għall-emittenti u l-investituri.

3.1.4.

Bil-ħsieb li tinħoloq Unjoni tas-Swieq Kapitali (9), il-KESE jenfasizza li l-kumpaniji għandu jkollhom aċċess għal diversi tipi tas-suq fl-UE skont id-daqs, l-ambitu tal-operazzjoni u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

3.1.5.

Il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji huwa opportunità indispensabbli biex tiġi indirizzata aħjar il-ħtieġa għad-diversità fl-għażliet tal-investituri u l-konsumaturi u biex jinħoloq ambjent li jistimula l-innovazzjoni fi prodotti finanzjarji.

3.2.    It-tisħiħ tal-proporzjonalità tar-regoli mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi prudenzjali

3.2.1.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li nimxu ‘l quddiem, pass pass, lejn l-ikkompletar tal-unjoni bankarja u jinnota li tinħtieġ l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-leġislazzjoni f’dan ir-rigward.

3.2.2.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tlesti r-regolament dwar ir-Riforma Strutturali tal-Banek. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jiġu semplifikati l-kontenut u l-frekwenza tar-rekwiżiti ta’ rapportar u biex tiġi eżaminata liema data hija fil-fatt meħtieġa, biex jiġu allinjati l-mudelli u tiġi pprovduta semplifikazzjoni, u sabiex jiġu żgurati eżenzjonijiet għall-SMEs fejn possibbli.

3.2.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tanalizza mill-ġdid l-EMIR (Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew), teżamina l-effett li t-tnaqqis tal-kwalità tal-kollateral aċċettat mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jista’ jkollu fuq ir-reżiljenza tagħhom u tqis jekk ċerti parteċipanti fis-swieq, bħall-fondi tal-pensjoni, iridux ikunu eżenti b’mod permanenti mill-ikklerjar ċentrali jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tnaqqas l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ġenerali minħabba l-aċċettazzjoni ta’ kollateral alternattiv mhux fi flus kontanti.

3.2.4.

B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-KESE jissuġġerixxi li:

aktar milli sempliċement inaqqsu l-frekwenza tar-rapporti meħtieġa, b’mod ġenerali, sa ċertu ammont, il-banek iż-żgħar u istituzzjonijiet finanzjarji żgħar oħra m’għandhomx ikunu soġġetti għal ċerti rekwiżiti ta’ rapportar. Inkella, l-ispejjeż regolatorji għal istituzzjonijiet żgħar jistgħu joħolqu distorsjonijiet tas-suq li jiffavorixxu forom partikolari ta’ organizzazzjoni u negozji kbar;

il-banek żgħar u, b’mod aktar ġenerali, l-istituzzjonijiet finanzjarji żgħar m’għandhomx ikunu mgħobbija żżejjed b’rekwiżiti amministrattivi sakemm dawn jirrispettaw ċerti standards. Dawn l-istandards għandhom ikunu strettament sorveljati, inkella se jkun hemm telf ta’ fiduċja.

3.3.    It-tnaqqis ta’ piż regolatorju bla bżonn

3.3.1.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-ikkompletar b’suċċess tas-CMU għandha tippermetti li l-kumpaniji tal-UE ta’ kull daqs, settur u stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ikollhom aċċess għas-suq kapitali tal-UE b’mod faċli għall-utent, sempliċi u b’mod affordabbli. Il-KESE qed jittama għal att leġislattiv ta’ Livell 2 effiċjenti biex jakkumpanja d-Direttiva dwar il-Prospett, li għandha tippromovi l-ikkwotar, speċjalment tal-SMEs, u se toħloq sistema aktar favorevoli għall-ġbir ta’ fondi.

3.3.2.

Filwaqt li jirrikonoxxi li s-superviżuri nazzjonali huma infurmati aħjar dwar il-karatteristiċi tas-suq lokali, il-KESE jwissi li dan m’għandu bl-ebda mod iservi ta’ skuża għal regolamentazzjoni eċċessiva u li r-rekwiżiti fil-livell nazzjonali m’għandhomx ikunu iżjed stretti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi tal-UE.

3.3.3.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kumplessità dejjem tikber tal-leġislazzjoni, li hija riflessa fiż-żieda fl-ammont, id-dettall u l-għadd ta’ livelli ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni fil-livelli kollha – internazzjonali, tal-UE u nazzjonali. Huwa jirrikonoxxi, ċertament, li s-swieq finanzjarji huma kumplessi ħafna, u b’hekk jeħtieġu regolamentazzjoni aktar kumplessa, iżda jwissi li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-investimenti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni mhux dejjem tkun l-aktar reazzjoni politika adatta u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħżel soluzzjonijiet mhux leġislattivi u bbażati fuq is-suq, kull meta jkun possibbli.

3.4.    L-iżgurar li l-qafas regolatorju jsir aktar konsistenti u li jħares ’il quddiem

3.4.1.

Il-KESE jilqa’b’sodisfazzjon approċċ għar-regolamentazzjoni bbażat fuq ir-riskju, li skontu l-istess regoli jiġu applikati għall-istess riskju. Huwa jenfasizza f’dan ir-rigward il-benefiċċji tad-diversifikazzjoni tal-assi – kemm mil-lat tal-klassi tal-assi kif ukoll minn dak tal-oriġini tal-assi – bħala mod li jippermetti diversifikazzjoni aħjar tar-riskji u s-sodisfar aħjar tal-ħtiġijiet tal-investituri.

3.4.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida fil-livell tal-UE tal-inizjattivi għall-promozzjoni ta’ aktar edukazzjoni finanzjarja, u edukazzjoni finanzjarja mtejba (10), li għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru. Tinħtieġ enfasi speċjali fuq l-SMEs, inkluż kif jistgħu jintużaw aħjar l-opportunitajiet offruti mis-swieq kapitali.

3.4.3.

L-intermedjarji, speċjalment l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, għandhom rwol importanti ħafna x’jaqdu biex jidderieġu l-finanzjament lejn l-ekonomija reali kif ukoll lejn ekosistemi lokali żviluppati sew.

3.4.4.

B’konformità mal-konklużjonijiet f’Opinjoni preċedenti (11), il-KESE jenfasizza li l-konsultazzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur kellha bażi wiesgħa wisq u jissuġġerixxi approċċ aktar iffukat għall-Pjan antiċipat ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur, sabiex ikun hemm riżultati aktar tanġibbli. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li dan il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jitħejja b’fokus qawwi fuq il-protezzjoni tal-konsumatur.

3.4.5.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-attenzjoni mogħtija lill-iżvilupp teknoloġiku fit-tfassil tar-regoli futuri ngħatat prijorità. Madankollu, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni f’din il-ħidma biex tkun prudenti wkoll dwar it-theddid għaċ-ċibersigurtà. Huwa jenfasizza li approċċ integrat f’dak li jirrigwarda l-ikkompletar tas-CMU għandu jiffoka fuq l-iżvilupp tas-suq diġitali uniku u riformi kontinwi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva.

3.4.6.

Il-KESE jissuġġerixxi li, bħala parti minn miżuri ta’ segwitu, għandu jiġi inkluża rieżami ieħor tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, b’enfasi fuq in-notifika ta’ holdings importanti. Dawn in-notifiki huma differenti minn Stat Membru għal ieħor, u kultant saħansitra minn kumpanija kkwotata għal oħra. Dan huwa piż bla bżonn għall-investituri u għandu jiġi evitat permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa, peress li huwa impediment għall-iżvilupp ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.4.7.

B’mod aktar ġenerali, l-investiment transkonfinali huwa mxekkel mill-fatt li l-investituri jridu jqisu 28 sistema regolatorja differenti meta jinvestu f’kumpaniji kkwotati li l-uffiċju rreġistrat tagħhom jinsab f’wieħed mit-28 Stat Membru. Regolamenti ddettaljati – minflok direttivi – jirrappreżentaw pass importanti lejn il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. Ir-regolamenti għandhom jiġu kkomplementati minn superviżjoni u infurzar Ewropej.

4.   Il-passi li jmiss

4.1.

Il-KESE jinkoraġġixxi l-inklużjoni sħiħa tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fl-Unjoni Bankarja.

4.2.

B’konformità mal-konklużjonijiet tal-Opinjoni reċenti tiegħu (12), il-KESE jenfasizza li r-rieżami tad-Direttiva dwar il-Prospett għandha tkun immirata lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-SMEs, filwaqt li jintlaħaq bilanċ ġust mil-lat tal-protezzjoni tal-investitur. Il-KESE jenfasizza li l-valutazzjoni tal-impatt u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandhom jinkludu evalwazzjonijiet bir-reqqa tal-impatt tal-miżuri tal-Livell 2, li jiffurmaw parti sinifikanti mill-qafas tar-Regolament Finanzjarju tal-UE.

4.3.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji rilevanti biex jindirizzaw l-interazzjoni bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) u r-rekwiżiti prudenzjali, u biex jirrieżaminaw l-impatt tal-kontabilità tat-taxxa fuq il-fondi proprji.

4.4.

Fl-istess ħin, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li xi kultant ir-regolamenti jinbidlu tant ta’ spiss li dan joħloq konfużjoni, u jagħmilha ferm diffiċli jew saħansitra impossibbli għall-istituzzjonijiet u individwi li jikkonformaw. Jinħtieġ żmien adatt għall-aġġustament tal-proċeduri u l-formoli u, għalhekk, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ żmien qabel l-introduzzjoni ta’ bidliet ġodda.

4.5.

Il-Kummissjoni trid tiżgura li jiġi skedat ħin biżżejjed għall-implimentazzjoni adatta tal-leġislazzjoni fil-livell nazzjonali anke meta l-Awtorità Superviżorja Ewropea tiġi kkonsultata fil-proċess tal-abbozzar tal-leġislazzjoni tal-Livell 2. F’każ li dan ma jseħħx, l-iskadenzi tal-implimentazzjoni għandhom jew jiġu estiżi (kif inhu l-każ bil-prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni – PRIIPs) jew, fl-agħar xenarju possibbli, jitħalla ftit wisq żmien għall-intrapriżi u l-impjegati tagħhom biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-liġi l-ġdida qabel ma jkollhom jikkonformaw magħha.

4.6.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li, flimkien ma’ sforzi regolatorji, tinħtieġ bidla kemm mil-lat ta’ kultura kif ukoll ta’ mġiba fis-settur finanzjarju, u għal dan l-għan jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu sforzi kostanti biex tinkiseb konformità aħjar, ġestjoni aktar reattiva u trasparenti, u aktar orjentazzjoni fit-tul għall-parteċipanti kollha tas-suq.

4.7.

Bil-ħsieb li tiġi stimulata l-kompetizzjoni f’suq li huwa kkonċentrat ħafna, il-KESE jixtieq li jiġu promossi fornituri addizzjonali tal-klassifikazzjoni. Dan għandu wkoll jgħin biex jonqsu l-ispejjeż eċċessivi li jiffaċċjaw l-SMEs meta jiksbu klassifikazzjoni tal-kreditu esterna u, barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina aktar kif l-SMEs jistgħu jiġu kklassifikati b’mod komparabbli u affordabbli.

4.8.

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida u effiċjenti, u b’konformità mal-prijoritajiet fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 (13), il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu passi li jiggarantixxu li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ li jirrispettaw l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tad-direttivi u jassiguraw li dawn jiġu implimentati b’mod sħiħ.

4.9.

B’konformità mal-inizjattiva għal regolamentazzjoni aħjar, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-involviment bikri tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi gruppi ta’ esperti u korpi konsultattivi, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni bilanċjata fil-konsultazzjonijiet billi tiġi riflessa d-diversità tal-partijiet interessati.

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE (COM(2014) 43 final).

(2)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2016-0006&language=MT

(3)  http://ec.europa.eu/info/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-and-less_mt

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE (COM(2015) 215 final).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sejħa għal Evidenza – Qafas regolatorju tal-UE għal servizzi finanzjarji (COM(2016) 855 final).

(6)  COM(2016) 850 final.

(7)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar “L-aċċess tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (midcaps) għall-finanzjament matul il-perjodu 2014-2020: opportunitajiet u sfidi”.

(8)  Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CCR), Artikolu 501 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(9)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64.

(10)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

(11)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 35.

(12)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 9.

(13)  COM(2016) 710 final.


Top