IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.11.2015
JOIN(2015) 50 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat
{SWD(2015) 500 final}
I. INTRODUZZJONI
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ġiet varata fl-2004 biex tgħin lill-UE tappoġġa u trawwem l-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità fl-eqreb pajjiżi għall-fruntieri tagħha. L-UE tibqa' impenjata għal dawn l-għanijiet, imma avvenimenti ta' dawn l-aħħar snin urew il-bżonn għal approċċ ġdid, riprijoritizzazzjoni u introduzzjoni għal modi ġodda ta' ħidma.
Fl-aħħar 12-il sena, kien hemm bidliet radikali f'għadd kbir ta' pajjiżi ta' madwar l-UE. Kien hemm xi żviluppi pożittivi: atturi lokali ħadu azzjoni biex jibdew riformi għall-ksib ta' stat tad-dritt, ġustizzja soċjali u iżjed akkontabilità, kif eżempjifikat mill-Premju Nobel għall-Paċi merbuħ mill-Kwartett Tuneżin. Fl-istess ħin, kunflitti, żieda fl-estremiżmu u t-terroriżmu, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u sfidi oħrajn għad-dritt internazzjonali, u t-taqlib ekonomiku rriżultaw fi flussi kbar ta' refuġjati. Dawn ħallew il-marki tagħhom madwar l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani, bil-konsegwenzi tar-Rewwixti Għarab u l-espansjoni tal-ISIL/Da'esh. Fil-Lvant, politika barranija Russa dejjem iktar assertiva wasslet għal ksur tas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali Ukreni. Il-persistenza tal-kunflitti qed tkompli xxekkel l-iżvilupp fir-reġjun.
Sadanittant, l-interdipendenza tal-UE mal-ġirien tagħha kisbet viżibilità kbira. Għadd dejjem jikber ta' refuġjati qed jaslu fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea bit-tama li jsibu futur iktar sikur. Kriżijiet tal-enerġija enfasizzaw il-bżonn tal-UE li taħdem mal-ġirien fuq is-sigurtà tal-enerġija, inkluż permezz ta' diversifikazzjoni tas-sorsi, ir-rotot u l-fornituri tal-enerġija. Kien hemm atti ta' terroriżmu li affettwaw l-UE u l-viċinat, bl-iktar reċenti jkunu l-attakki terroristi atroċi f'Pariġi fit-13 ta' Novembru.
L-iskop tar-rieżami attwali tal-PEV huwa li jkun propost kif l-UE u l-ġirien tagħha jistgħu jibnu sħubijiet iktar effettivi fil-viċinat. Permezz ta' dan, l-UE se tfittex li tikseb l-interessi tagħha li jinkludu l-promozzjoni tal-valuri universali. L-istabilità tal-UE hija mibnija fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u l-libertà ekonomika u l-PEV il-ġdida se jkollha l-istabbilizzazzjoni bħala l-prijorità politika tagħha f'dan il-mandat.
Id-differenzjazzjoni u titolarità reċiproka akbar se jkunu l-elementi karatteristiċi tal-PEV il-ġdida, li tagħraf li mhux is-sħab kollha għandhom aspirazzjonijiet li jkollhom regoli u standards tal-UE, u tirrifletti x-xewqat ta' kull pajjiż rigward in-natura u l-fokus tas-sħubija tiegħu mal-UE.
L-UE ma tistax issolvi waħedha l-ħafna sfidi tar-reġjun, u hemm limiti għall-influwenza tagħha imma l-PEV il-ġdida se tagħmel il-parti tagħha biex tgħin il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal żvilupp pożittiv.
Ir-rieżami, propost mill-President Juncker u mitlub mill-Istati Membri tal-UE, wassal għal iktar minn 250 tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika mill-Istati Membri, il-gvernijiet sħab, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, in-negozji, il-gruppi ta' riflessjoni, il-qasam akkademiku u l-membri tal-pubbliku, li fil-biċċa l-kbira jikkonfermaw il-bżonn għal bidla fil-PEV kemm fis-sustanza u kemm fil-metodoloġija.
Il-konsultazzjoni pubblika wriet li filwaqt li l-offerta ta' relazzjoni iktar mill-qrib mal-UE għal dawk il-pajjiżi li għamlu riformi ta' governanza inkoraġġew il-bidla f'xi pajjiżi, il-prattika u l-politika attwali tqiesu minn sħab oħrajn bħala preskrittivi wisq, u li ma jirriflettux biżżejjed l-aspirazzjonijiet rispettivi tagħhom. Il-konsultazzjoni indikat ulterjorment li hemm bżonn ta' intitolament akbar kemm mis-sħab u kemm mill-Istati Membri tal-UE; li l-kooperazzjoni għandha tingħata fokus iktar strett u iktar rilevanti; u li jrid ikun hemm flessibilità ikbar biex l-UE u s-sħab tagħha jkunu jistgħu jwieġbu għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi li jinbidlu l-ħin kollu.
Se jipprovaw jinstabu modi iktar effettivi għall-promozzjoni ta' governanza tajba, responsabbli u demokratika, kif ukoll għall-promozzjoni ta' riforma ġudizzjarja, meta jkun hemm impenn komuni lejn l-istat tad-dritt, u d-drittijiet fundamentali. Swieq miftuħa u tkabbir, żvilupp ekonomiku inklussiv, u b'mod partikolari l-prospetti għaż-żgħażagħ, huma enfasizzati għall-istabbilizzazzjoni tas-soċjetajiet fil-viċinat. Se jkun hemm attenzjoni ikbar għas-sigurtà tal-enerġija u l-azzjoni klimatika kemm tal-UE u kemm tas-sħab stess.
Se jkun hemm fokus ġdid biex tiżdied il-ħidma bejn is-sħab tagħna fuq politiki dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-prevenzjoni ta' konflitti, il-kontroterroriżmu u l-antiradikalizzazzjoni, b'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Wara l-attakki terroristiċi tat-13 ta' Novembru f'Pariġi, hemm bżonn iktar minn qatt qabel ta' kooperazzjoni mal-ġirien tagħna f'dawn l-oqsma. Mobilità sigura u legali u t-trattament tal-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin huma prijoritajiet ukoll.
Il-PEV il-ġdida se tipprova timmobilizza l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli b'mod iktar koerenti u flessibbli. Barra minn hekk, se jkun importanti li jkun hemm involviment ikbar mill-Istati Membri tal-UE biex jistimolaw il-ħidma mal-ġirien tagħna. Bl-istess mod, l-għan ikun impenn akbar mas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali.
Fil-livell reġjonali, is-Sħubija tal-Lvant se tissaħħaħ iktar b'konformità mal-impenji tas-Samit ta' Riga fl-2015. L-Unjoni għall-Mediterran jista' jkollha rwol imsaħħaħ fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn il-ġirien tan-naħa t'isfel. Il-PEV il-ġdida issa se tipprova tinvolvi atturi reġjonali oħrajn, lil hinn mill-viċinat, meta jkun xieraq, għall-indirizzar ta' sfidi reġjonali.
L-adozzjoni tal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ qawwi tal-UE għall-implimentazzjoni tagħha pprovdew qafas politiku trasformattiv ġdid għat-teħid ta' impenji mas-sħab. Barra minn hekk, dan ir-rieżami qiegħed jiġi kkoordinat mill-qrib bħala parti mill-ħidma usa' dwar l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà.
B'dawn il-miżuri u miżuri oħrajn, l-UE se tipprova ssaħħaħ il-PEV bħala qafas għar-relazzjonijiet mas-sħab kollha fil-futur.
II. STABILIZZAZZJONI TAL-VIĊINAT
Il-PEV hija impenn fit-tul mal-ġirien tal-UE, imma hemm bżonn ukoll li tqis l-iktar bżonnijiet urġenti. Fit-tlieta sa ħames snin li ġejjin, l-iktar sfida urġenti f'ħafna partijiet tal-viċinat hija l-istabbilizzazzjoni. Il-kawżi tal-instabilità spiss imorru lil hinn mill-ambitu tas-sigurtà biss. L-approċċ tal-UE se jipprova jindirizza komprensivament is-sorsi tal-instabilità madwar is-setturi. Il-faqar, l-inugwaljanza, il-perċezzjoni ta' sens ta' inġustizzja, il-korruzzjoni, żvilupp ekonomiku u soċjali dgħajjef u nuqqas ta' opportunitajiet, partikolarment għaż-żgħażagħ, jistgħu jkunu għeruq għall-instabilità, u jżidu l-vulnerabilità għar-radikalizzazzjoni. Il-PEV il-ġdida se tagħmel sforz determinat biex tappoġġa l-ekonomiji u ttejjeb il-prospetti għall-popolazzjoni lokali. Il-politika għandha tgħin biex pajjiżi sħab isiru postijiet fejn in-nies ikunu jridu jibnu l-futur tagħhom, u jgħinu biex jiġi ttrattat il-moviment bla kontroll tan-nies.
Waqt il-konsultazzjoni pubblika, għadd kbir ta' partijiet ikkonċernati inklużi ħafna pajjiżi sħab ukoll esprimew bil-qawwa l-fehma li l-UE għandha żżid l-impenn tagħha mas-sħab fis-settur tas-sigurtà. Bħal f'oqsma oħrajn, il-PEV riveduta se toffri approċċ magħmul apposta għall-kooperazzjoni fi kwistonijiet relatati mas-sigurtà, u se tiżgura attivament li l-impenn kumplessiv tagħna jkun sensittiv għall-kunflitti, u konformi għalkollox mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-PEV il-ġdida għandha l-għan li taħdem għall-prevenzjoni ta' kunflitti permezz ta' twissija bikrija, flimkien ma' miżuri preventivi bikrin, u ssaħħaħ il-kapaċità tas-sħab f'dan ir-rigward. Il-miżuri stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni Konġunta jipprovaw joffru modi għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sħab tal-UE meta jiffaċċaw pressjonijiet esterni u tal-kapaċità tagħhom li jagħmlu l-għażliet sovrani tagħhom stess.
III. Viċinat IKTAR B'SAĦĦTU, Sħubijiet IKTAR B'SAĦĦITHOM
Il-konsultazzjoni staqsiet mistoqsijiet vasti dwar jekk il-PEV għandhiex tibqa' u jekk tibqa' f'liema forma tibqa'. Hemm kunsens li:
*Is-sħab tagħna għandhom aspirazzjonijiet differenti: dan għandu jiġi rifless bis-sħiħ fir-relazzjonijiet tagħna
*Il-PEV għandha tirrifletti l-interessi tal-UE u l-interessi tas-sħab tagħna
*Is-sħubijiet għandhom ikunu iktar iffukati fuq inqas prijoritajiet
*Għandu jkun hemm involviment ikbar mill-Istati Membri fil-PEV
*Għandu jissaħħaħ l-intitolament mis-sħab
Il-parti l-kbira tal-interlokuturi fil-konsultazzjoni tal-PEV xtaqu jaraw xi forma ta' qafas ta' politika komuni għall-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Madankollu, kien hemm domanda ċara għall-bidla, b'iktar sħubijiet magħmula apposta għal sħab partikolari u sħubijiet differenzjati bejn l-UE u kull wieħed mis-sħab ġirien biex jiġu riflessi ambizzjonijiet, kapaċitajiet u interessi differenti.
Meta wieħed mis-sħab tal-UE jkun jixtieq relazzjonijiet iktar mill-qrib mal-UE abbażi tal-valuri komuni, il-ħidma tiżviluppa fuq il-bażi eżistenti. Il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Ukrajna għażlu t-triq tal-assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mal-UE permezz ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/Żoni ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi (AA/DCFTA) ta' ġenerazzjoni ġdida; Il-Marokk jibbenefika minn status avvanzat fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE u t-Tuneżija għandha sħubija privileġġata. L-UE se taħdem ma' dawk is-sħab biex tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet ta' bejniethom u timmassimizza l-benefiċċji għaż-żewġ partijiet f'dawk il-ftehimiet. Biex issostni dawn is-sħubijiet, l-UE għandha żżid l-opportunitajiet għal djalogu politiku fil-livell ministerjali ma' dawn is-sħab.
L-UE tipproponi li tibda fażi ġdida ta' impenn mas-sħab fl-2016, filwaqt li tikkonsultahom fuq in-natura u l-fokus futuri tas-sħubija. L-istennija hija li se jfeġġu mudelli differenti ta' relazzjonijiet, li jippermettu sens ikbar ta' intitolament miż-żewġ naħat. L-UE lesta tiddiskuti l-possibilità li jiġu ffissati konġuntement il-prijoritajiet tas-sħubija l-ġdida, li jkunu jiffukaw kull relazzjoni b'mod iktar ċar fuq l-interessi komuni identifikati flimkien.
L-approċċ fuq bażi inċentivali ("Iktar għal Iktar") irnexxa fl-appoġġ għar-riformi fl-oqsma tal-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, meta jkun hemm impenn mis-sħab għal riformi bħal dawn. Madankollu, dan ma jidhirx li kien ta' inċentiv qawwi biżżejjed għall-ħolqien ta' impenn għar-riforma, meta ma jkunx hemm ir-rieda politika. F'dawn il-każijiet, l-UE se tesplora modi iktar effettivi biex tbigħ ir-riformi fundamentali lis-sħab, inkluż permezz ta' impenn mal-atturi ċivili, ekonomiċi u soċjali.
Mhux se jibqa' jkun hemm sett wieħed ta' rapporti ta' progress dwar il-pajjiżi kollha simultanjament. Minflok, l-UE se tipprova tiżviluppa stil ġdid ta' valutazzjoni, bi ffokar speċifiku fuq l-ilħuq tal-miri maqbula mas-sħab. Dawn ir-rapporti se jkunu pprogrammati b'tali mod li jipprovdu l-bażi għall-iskambju politiku ta' fehmiet fil-laqgħat ta' livell għoli rilevanti mal-pajjiżi sħab, bħall-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni/Kooperazzjoni. Għal dawk is-sħab li jippreferu jiffokaw fuq għadd iktar limitat ta' prijoritajiet strateġiċi, il-qafas ta' rapportar se jkun aġġustat biex jirrifletti l-fokus il-ġdid. Minbarra r-rapportar speċifiku għall-pajjiż, rapporti regolari se jsegwu l-iżviluppi fil-viċinat. Dawn ir-rapporti se jkun fihom l-elementi meħtieġa skont ir-Regolament dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, inklużi informazzjoni dwar il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn is-sessi u kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-PEV il-ġdida għandha tkun il-fokus għal sforz iktar koerenti mill-UE u l-Istati Membri tagħha. L-UE hija iktar influwenzali meta tingħaqad f'approċċ wieħed u tikkomunika messaġġ uniku. Lis-sħab toffrilhom iktar meta tuża r-riżorsi tagħha b'mod strateġiku u kkoordinat sew. Għalhekk, flimkien ma' diskussjonijiet mas-sħab, se jkun hemm rwol akbar għall-Kunsill u l-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tagħhom. Dan se jinkludi programmazzjoni konġunta. L-Istati Membri se jkunu mistiedna jkollhom ir-rwol ta' sieħeb ewlieni għal ċerti inizjattivi jew li jakkumpanjaw ċerti sforzi ta' riforma.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jżommu lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni infurmati regolarment bl-implimentazzjoni tal-PEV il-ġdida.
IV. GOVERNANZA TAJBA, DEMOKRAZIJA, STAT TAD-DRITT, U DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
Il-konsultazzjoni kkonfermat il-fehma qawwija ħafna li l-UE għandha ssostni u tippromwovi l-valuri universali permezz tal-PEV. Hija kkonfermat ukoll li l-metodi użati bħalissa jitqiesu minn xi wħud bħala ineffettivi u minn oħrajn bħala ostakli għal sħubija bejn partijiet ugwali.
*L-UE hija impenjata li tippromwovi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet tal-bniedem
*Il-PEV se tipprova ssib modi iktar effettivi għall-promozzjoni tar-riformi ma' kull sieħeb fil-formati maqbula flimkien
*Il-PEV se tagħmel iktar biex issostni s-soċjetà ċivili
L-iżgurar tal-istat tad-dritt u sistemi ġudizzjarji indipendenti u effikaċi se jibqgħu prijorità għall-UE. Dawn huma kruċjali għall-istabilità soċjali u ekonomika, biex tinħoloq fiduċja fl-istituzzjonijiet statali u biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza tad-dritt. Sistema ġudizzjarja indipendenti, trasparenti u imparzjali libera minn influwenza politika li tiggarantixxi aċċess ugwali għall-ġustizzja, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, u applikazzjoni sħiħa tal-liġi se tkompli tkun mira tal-UE mal-partijiet kollha tagħha. Amministrazzjoni pubblika responsabbli fil-livell tal-gvern ċentrali u dak lokali hija kruċjali għal governanza demokratika u għall-iżvilupp ekonomiku. Għalhekk ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hija essenzjali. Dan jinkludi t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet demokratiċi u indipendenti; l-iżvilupp ta' awtoritajiet lokali u reġjonali; id-depolitiċizzazzjoni tas-servizz ċivili, l-iżvilupp ta' gvern elettroniku u ż-żieda fit-trasparenza u l-akkontabilità istituzzjonali. L-UE se tappoġġa wkoll ħidma għat-titjib tal-kapaċità tas-sħab fl-iżvilupp politiku, l-għoti tas-servizzi u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u appoġġ għall-ħidma tal-parlamenti nazzjonali.
Miżuri kontra l-korruzzjoni, l-iktar min-naħa preventiva, għandhom ikunu implimentati b'relazzjoni ma' akkwist pubbliku fuq skala kbira, (ri)privatizzazzjonijiet, riformi ta' kumpaniji statali/ikkontrollati mill-istat jew oqsma simili fejn il-vulnerabilitajiet għall-korruzzjoni jkunu għoljin, inkluż bl-appoġġ tar-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili.
L-UE se tkompli taħdem mal-gvernijiet sħab, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini fuq id-drittijiet tal-bniedem u kwistjonijiet relatati mad-demokrazija, inklużi l-proċessi elettorali, kif stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. Se nippromwovu u niddefendu l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm għandna u kemm fis-sħubijiet mal-pajjiżi mir-reġjuni kollha.
L-UE se tinvolvi lis-sħab kollha fi djalogu inklussiv dwar kwistjonijiet tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż f'oqsma fejn l-esperjenzi jistgħu jvarjaw. Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija se jkomplu jkunu punt fl-aġenda fid-djalogu politiku tagħna mas-sħab kollha tagħna f'formati maqbula bejnietna. L-appoġġ se jkun ipprovdut lill-fora tas-soċjetà ċivili.
Trid tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, li għandha tinforma l-programmazzjoni tal-ENI, u għall-appoġġ tas-sħab tal-PEV biex jilħqu l-impenji tagħhom għal ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa, b'konformità wkoll mal-Aġenda universali 2030. Se jkun hemm enfasi għall-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u n-nisa, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet, l-aċċess min-naħa tagħhom għall-ġustizzja, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u servizzi soċjali oħrajn, it-tisħiħ ta' leħinhom u l-parteċipazzjoni politika u l-modifikazzjoni tal-kultura istituzzjonali biex jintlaħqu dawn l-impenji.
L-UE se tara li tappoġġa l-kapaċità taċ-ċittadini li jżommu lill-gvernijiet responsabbli u se taħdem biex ittejjeb il-pluraliżmu, l-indipendenza, u l-professjonaliżmu tal-mezzi tax-xandir lokali, ħaġa li se tgħinha biex tkun ta' forum għad-dibattiti pubbliċi u ta' katalizzatriċi għall-bidla fil-pajjiżi sħab. Internet miftuħ u liberu għandu jkun imħeġġeġ ukoll.
Soċjetà ċivili subnazzjonali, nazzjonali u intrareġjonali għandha tkun appoġġata ulterjorment, kemm permezz ta' mezzi diretti u kemm permezz tal-faċilitazzjoni tal-involviment ta' organizzazzjonijiet oħrajn. Il-Fond Ewropew għad-Demokrazija jista' jkollu rwol importanti f'dan ir-rigward. L-UE għandha tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-professjonisti tas-soċjetà ċivili u l-awtorità tagħhom fil-viċinat, bl-użu ta' programmi bħal boroż ta' studju tas-Soċjetà Ċivili, filwaqt li tagħraf ir-rwol importanti taż-żgħażagħ f'dak ir-rigward.
F'ħafna pajjiżi tal-viċinat, identitajiet u tradizzjonijiet etniċi, reliġjużi u kulturali għandhom rwol kruċjali fir-rigward tal-mod ta' kif tiffunzjona s-soċjetà. Waqt il-konsultazzjoni pubblika, il-partijiet ikkonċernati rreferew għal dawn il-fatturi u talbu lill-UE biex tippermetti iktar intitolament konġunt. L-UE għandha għalhekk tespandi s-sensibilizzazzjoni lill-membri rilevanti tas-soċjetà ċivili fl-iktar sens wiesa' tal-kelma kif ukoll lis-sħab soċjali.
V. PRIJORITAJIET KONĠUNTI PROPOSTI GĦALL-KOOPERAZZJONI
V.1 ŻVILUPP EKONOMIKU GĦALL-ISTABBILIZZAZZJONI
Is-sħab li wieġbu l-konsultazzjoni ssenjalaw bil-qawwi l-interess tagħhom fl-UE bħala sieħba fl-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni, l-investiment u għall-iżvilupp tal-opzjonijiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ. Dan hu marbut mal-interess qawwi kontinwu fil-mobilità u l-possibilità ta' vjaġġar u ħidma fl-UE.
L-iżvilupp ekonomiku u soċjali għandu jkun fil-qalba tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-istabilizzazzjoni tal-viċinat u l-ħolqien ta' sħubijiet.
It-tqawwija tal-governanza ekonomika, it-tisħiħ tal-istabilità fiskali u l-appoġġ għar-riformi strutturali għal kompetittività aħjar u tkabbir inklussiv u żvilupp soċjali, huma kruċjali għall-iżvilupp tar-reżiljenza ekonomika ta' pajjiż. L-istabbiltà makroekonomika u r-riforma ekonomika fil-viċinat huma prijorità u l-UE se tkompli tipprovdi appoġġ l-iktar permezz tal-operazzjonijiet ta' Assistenza Makrofinanzjarja. L-UE għandha tippromwovi bini ta' kapaċità u opportunitajiet ġodda għat-taħriġ biex tgħin fl-iżvilupp ta' ġenerazzjoni ġdida ta' amministraturi pubbliċi li jkunu kapaċi joffru ġestjoni ekonomika effikaċi u inklussiva u eżiti soċjali sostenibbli. Il-modernizzazzjoni tal-ekonomija, it-trawwim tal-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-istimulazzjoni tal-ħiliet u l-promozzjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali huma aspetti kruċjali oħrajn.
Xi strumenti ġodda, imma anke ħafna oħrajn eżistenti, jistgħu jiġu mħaddma b'mod iktar effikaċi biex jgħinu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għall-imjiegi u t-tkabbir. L-UE għandha tintensifika l-kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), l-iktar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti fl-iżvilupp tas-settur privat u inizjattivi li jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi inklussivi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għaċ-ċittadini. Barra minn hekk, azzjonijiet għat-tisħiħ tas-sħubijiet mas-settur privat għandhom ikunu mħeġġa, bħalma għandu jkun l-użu ta' approċċi innovattivi bħal għotjiet u self imħallta bħala mod importanti għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali u għaż-żieda fl-impatt tal-għajnuna tal-UE.
KUMMERĊ
Il-konsultazzjoni wriet li l-aċċess għas-suq għadu kruċjali, imma rriflettiet il-bżonn li jkun hemm flessibilità akbar fil-ftehimiet kummerċjali
*Għan ta' ħolqien ta' żona ekonomika ma' dawk li jidħlu fid-DCFTA
*Ftehimiet kummerċjali eħfef u iktar flessibbli għal dawk li ma jidħlux
Strument ewlieni fil-promozzjoni tal-prosperità fil-PEV s'issa kien l-għoti ta' aċċess għas-suq tal-UE. Xi ġirien għażlu t-triq ta' integrazzjoni ekonomika mill-qrib mal-UE. Tliet ftehimiet dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ġew konklużi ma' sħab mil-Lvant (mal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia) bħala parti mill-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs). Fil-viċinat tan-Nofsinhar, DCFTA wieħed qiegħed jiġi nnegozjat (mal-Marokk), filwaqt li n-negozjati mat-Tuneżija għadhom kemm infetħu. L-UE se tappoġġa n-negozjati li ġejjin mas-sħab tal-Nofsinhar tal-Mediterran, inkluż permezz ta' approċċ differenzjat, progressiv u asimetriku bbażat fuq prijoritajiet reċiproċi. L-UE se tappoġġa r-riformi domestiċi tal-ġirien li jkunu jwasslu għall-implimentazzjoni ta' AA/DCFTAs u ftehimiet bilaterali oħrajn.
Implimentazzjoni sħiħa u effettiva ta' dawn il-ftehimiet hija prijorità għas-sħab tal-AA/DCFTA. Din trawwem ir-riformi u t-tkabbir sostenibbli. Kif ġie stabbilit fis-samits tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius fl-2013 u f'Riga fl-2015, l-implimentazzjoni ta' AA/DCFTAs, akkumpanjati minn riformi, se jirriżultaw fl-approssimazzjoni komprensiva tas-sħab mal-istandards internazzjonali u l-leġiżlazzjoni u l-istandards tal-UE. Dan se jwassal għal integrazzjoni ekonomika gradwali fis-suq intern tal-UE u għalhekk għall-ħolqien ta' żona ekonomika. Hija mixtieqa viżjoni fit-tul tant ambizzjuża għall-integrazzjoni ekonomika bejn is-sħab ikkonċernati u l-UE. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-għan fit-tul ta' żona usa' ta' prosperità ekonomika bbażata fuq ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-għażliet sovrani madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.
Madankollu, għadd ta' sħab bħalissa ma jixtiqux isegwu dan il-mudell. Għal dawk li ma jixtiqux jidħlu f'negozjati għal DCFTA, se nippruvaw niddeterminaw flimkien alternattivi attraenti u realistiċi għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u tal-investiment li jirriflettu l-interessi reċiproċi. L-UE se toffri iktar flessibilità meta jkun possibbli, b'alternattivi eħfef, li jmorru lil hinn mill-ftehimiet kummerċjali preferenzjali jew nonpreferenzjali eżistenti għal dawk li jagħżlu li ma jittrattawx is-setturi kollha mill-bidu nett.
Pereżempju, il-possibilità għall-firma ta' Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni (ACAAs), li jippermettu l-moviment liberu tal-prodotti industrijali f'setturi speċifiċi, hija prevista fl-AA/DCFTAs. ACAAs jistgħu jkunu adatti wkoll għal pajjiżi tal-PEV oħrajn li r-relazzjoni kuntrattwali attwali tagħhom mal-UE tipprevedi approssimazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi, standards u valutazzjoni tal-konformità.
L-UE tibqa' impenjata li tħeġġeġ il-kummerċ bejn l-UE, il-pajjiżi sħab tal-PEV u s-sħab kummerċjali tagħhom.
IL-MODERNIZZAZZJONI EKONOMIKA U L-INTRAPRENDITORIJA
*Appoġġ għar-riformi li jwasslu għal ambjent aħjar għan-negozji u l-investituri
*Appoġġ għat-tkabbir permezz ta' appoġġ lill-SMEs
*Appoġġ għat-tkabbir permezz tal-modernizzazzjoni ta' setturi eżistenti u d-diversifikazzjoni ta' dawk ġodda
L-UE se tappoġġa lis-sħab biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli permezz ta' djalogu ekonomiku, parir politiku u l-mobilizzazzjoni ta' assistenza finanzjarja. Hija se tippromwovi ambjent tan-negozju aħjar u riformi li jippermettu investiment akbar, u aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Se tiffoka wkoll fuq l-appoġġ lis-settur tal-intrapriżi żgħar u medji (SME) li huwa ħallieq ewlieni tal-impjiegi (u li huwa diġà appoġġat mill-faċilità DCFTA, l-iktar permezz tal-ħidma għat-titjib tal-aċċess għal finanzjament u informazzjoni. Ir-riformi li jridu jkunu l-bażi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali (bħall-iżvilupp ta' ħiliet, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-ilma u s-saħħa) għandhom ikunu mħeġġa u appoġġati.
Ir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u sostenibbli fil-viċinat u għalhekk il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji għandhom ikunu mħeġġa bil-faċilitazzjoni taż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-viċinat f'inizjattivi tal-UE bħall-programmi tal-UE, Netwerk Enterprise Europe, Orizzont 2020 u COSME, konnessjoni ma' GÉANT u bil-promozzjoni tal-kunċett ta' "speċjalizzazzjoni intelliġenti" kif żviluppat fil-politika reġjonali tal-UE għat-tfassil tal-istrateġiji ta' riċerka u innovazzjoni. L-iżvilupp ta' Spazju Komuni ta' Għarfien u Innovazzjoni bejn l-UE u s-sħab tal-Lvant u tan-Nofsinhar għandu jitrawwem, bl-użu ta' evidenza xjentifika għall-ħolqien ta' impjiegi bbażati fuq l-għarfien u li jattiraw l-investituri lejn negozji innovattivi fl-UE u l-viċinat. L-UE se tkompli tallinja u tintegra l-prijoritajiet ta' riċerka u innovazzjoni konġunti permezz ta' programmi konġunti bħas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona Mediterranja (PRIMA) u l-assoċjazzjoni tal-ġirien ma' Orizzont 2020.
L-agrikoltura hija sors ewlieni ta' impjiegi f'ħafna pajjiżi sħab u l-UE għandha tkompli tappoġġa politiki sostenibbli u inklussivi u investiment fil-modernizzazzjoni tas-settur, u d-diversifikazzjoni lejn attivitajiet oħrajn li joħolqu introjtu f'żoni rurali meta jkun hemm bżonn. L-UE se tappoġġa ekonomija effiċjenti fir-riżorsi billi tindirizza sfidi ambjentali bħad-degradazzjoni tar-riżorsi naturali u l-kompetizzjoni għalihom. Bl-istess mod, l-UE għandha tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta' ekonomiji marittimi, filwaqt li taħdem flimkien għal viżjoni komuni għall-użu sostenibbli tal-ibħra komuni.
L-appoġġ għall-ekonomija diġitali għandu jitħaffef, biex jarmonizza l-ambjenti diġitali bejn l-UE u l-ġirien tagħha. Dan se joħloq impjiegi, tkabbir u innovazzjoni, li jibbenefikaw partikolarment liż-żgħażagħ f'termini ta' opportunitajiet għall-edukazzjoni u l-impjiegi, lokalment jew mill-bogħod, u għall-ftuħ ta' negozji b'kapital inizjali baxx.
IMPJIEGI U IMPJEGABBILTÀ: FOKUS FUQ IŻ-ŻGĦAŻAGĦ
*Fokus fuq l-impjiegi u l-ħiliet, partikolarment taż-żgħażagħ
*Żieda fl-appoġġ għal Erasmus +
*Enfasi ġdida fuq it-Taħriġ Vokazzjonali
*Inċentivi ġodda gaċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ
L-UE tista' tgħin biex ittejjeb l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol lokali, u tgħin biex l-isforzi jiġu ffukati fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi u l-ħolqien ta' opportunitajiet partikolarment għaż-żgħażagħ. Dan għandu jvarja minn appoġġ għat-trawwim ta' edukazzjoni barra mill-iskola ("tagħlim mhux formali"), il-faċilitazzjoni għall-aċċess għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, u l-ġlieda kontra l-illitteriżmu, u l-iżgurar tal-iżvilupp ta' ħiliet, apprendistati u taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol. L-UE se żżid b'mod sinifikattiv l-ambitu għall-involviment ma' sħab tal-viċinat fl-Erasmus +, inkluż livell ogħla ta' finanzjament. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fl-Erasmus + minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja minn reġjuni ta' kunflitt.
L-UE se trawwem il-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, sabiex ikun jista' jkun hemm appoġġ ikbar f'dan il-qasam kruċjali. L-UE se tappoġġa wkoll il-mobilità ta' apprendisti Ewropej u mill-pajjiżi ġirien li jkunu qed ifittxu esperjenza ta' xogħol barra l-pajjiż.
L-UE se tikkonsulta lis-sħab dwar it-twaqqif ta' panel dwar l-impjiegi u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant. L-UE se tħeġġeġ ukoll skambji dwar il-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fi ħdan fora eżistenti għall-kooperazzjoni fir-reġjun. L-UE se tistieden lill-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ biex ikollha rwol attiv f'dan il-kuntest.
L-UE se tappoġġa politiki lejn it-tqabbil tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, it-titjib tal-kollaborazzjoni bejn il-qasam akkademiku u l-industrija u l-iżvilupp ta' ħiliet ta' impjegabbiltà tal-istudenti għal impjiegi sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien u se tippromwovi skema ta' inċentivi għal persuni li jkunu studjaw jew kisbu ħiliet fl-UE biex imorru lura pajjiżhom.
SĦUBIJIET GĦAT-TKABBIR
*Żvilupp ta' sħubijiet għal appoġġ tal-investiment u l-modernizzazzjoni ekonomika
*Involviment akbar tas-settur privat biex tingħata spinta lill-investiment u r-riforma
*Alleanzi ġodda ta' strateġiji ta' appoġġ għat-tkabbir, l-impjiegi u ż-żgħażagħ tas-settur privat, l-UE, l-Istati Membri u l-IFIs
Għal dawk il-ġirien li jkunu jixtiequ, l-UE se tiżviluppa sħubijiet trażversali li jappoġġaw it-tkabbir, l-impjiegi u l-modernizzazzjoni ekonomika. Dan se jiġbor flimkien lis-settur pubbliku u dak privat, lill-UE u lill-Istati Membri interessati, IFIs u sħab oħrajn li jistgħu jgħinu lill-pajjiż jiżviluppa b'konformità mal-istrateġija ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.
B'mod partikolari, l-UE se tħeġġeġ lill-intraprendituri biex jinvolvu direttament lis-sħab fil-Viċinat. Hemm bżonn li miżuri ta' diplomazija ekonomika lis-sħab tal-PEV jiġu implimentati b'mod iktar sistematiku, biex b'hekk in-negozju Ewropew jiġi mmobilizzat b'mod iktar effikaċi għall-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment fil-Viċinat. Barra minn hekk dawn il-missjonijiet se jintużaw biex il-ġirien ikunu pprovduti bi sħab xierqa biex joffru appoġġ personali għal sfidi ta' żvilupp ekonomiku partikolari, inkluż it-tisħiħ tal-bażi ta' ħiliet tagħhom, l-intraprenditorija, u d-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika tagħhom.
IT-TRASPORT U L-KONNETTIVITÀ
Appoġġ għal konnettività akbar bħala qasam ewlieni għall-kooperazzjoni tkun ikkonfermata mill-konsultazzjoni
*Estensjoni tan-netwerk ewlieni TEN-T għas-sħab tal-Lvant
*Identifikazzjoni ta' netwerks reġjonali fin-Nofsinhar inklużi fil-linji gwida tat-TEN-T
Kooperazzjoni dwar il-konnettività tat-trasport u t-telekomunikazzjonijiet tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tas-sħab u tista' tkun mezz għat-trawwim ta' djalogu u punt tat-tluq għall-kooperazzjoni reġjonali bejniethom. Fil-Lvant, sistema ta' trasport sikura u sostenibbli, konnessa man-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), hija kruċjali għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku bejn is-sħab tal-viċinat u l-UE. L-UE għandha għalhekk testendi t-TEN-T ewlieni għas-sħab tal-Lvant u flimkien mal-IFIs u sħab oħra tippromwovi l-investiment neċessarju f'dan in-netwerk estiż.
Fin-Nofsinhar, l-UE għandha tipprova tikseb armonizzazzjoni u konverġenza regolatorja b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-2014-2020 dwar it-Trasport Reġjonali li jindirizza t-trasport marittimu, tal-avjazzjoni, tal-ferrovija, tat-triq u dak urban. Fl-istess ħin l-UE għandha tidentifika proġetti infrastrutturali reġjonali ta' prijorità u tħejji l-mapep indikattivi tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Mediterranju futur.
Se jkun promoss Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bl-implimentazzjoni ta' ftehimiet li s'issa kienu ffirmati mal-Georgia, Iżrael, il-Ġordan, il-Moldova u l-Marokk (u mal-Ukrajna huwa qrib li jkun finalizzat) u billi jiġu nnegozjati ftehimiet ġodda. L-UE għandha tgħin il-kapaċità tas-sħab tagħha li jibbenefikaw mill-Awtostradi tal-Ibħra b'infrastruttura portwarja u servizzi relatati mtejba.
Barra minn hekk, l-UE se tfittex il-konverġenza fuq it-telekomunikazzjonijiet mas-sħab tagħna permezz ta' gruppi reġjonali ta' regolaturi fil-Lvant u fin-Nofsinhar rispettivament u iktar kooperazzjoni fl-ispazju mas-sħab interessati.
SIGURTÀ TAL-ENERĠIJA U AZZJONI KLIMATIKA
Il-konsultazzjoni żvelat appoġġ qawwi biex il-kooperazzjoni enerġetika tingħata post akbar fil-PEV, kemm bħala miżura ta' sigurtà (sovranità enerġetika) u bħala mezz ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli
*Appoġġ akbar għall-indipendenza enerġetika permezz ta' appoġġ għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija, kooperazzjoni aħjar dwar l-effiċjenza enerġetika, u tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju
*Qafas ġdid għall-kooperazzjoni mas-sħab lil hinn mill-viċinat
Bl-għan tal-bini ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, b'politika klimatika ambizzjuża fil-qalba tagħha, l-UE hija impenjata li ssaħħaħ id-djalogu tagħha dwar l-enerġija mal-pajjiżi tal-viċinat dwar is-sigurtà tal-enerġija, ir-riformi tas-sigurtà tal-enerġija u l-promozzjoni ta' enerġija sostenibbli. L-UE sserraħ fuq il-viċinat tagħha għall-ġenerazzjoni sikura, żgura u prevedibbli u t-trasportazzjoni tal-enerġija u għalhekk teħtieġ li ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-pajjiżi sħab dwar is-sigurtà tal-enerġija u l-produzzjoni sostenibbli. Bl-istess mod, l-enerġija hija kruċjali għal żvilupp u reżiljenza stabbli tas-sħab stess.
Xi wħud mis-sħab tagħna għandhom introjtu sinifikanti jew potenzjalment sinifikanti mir-riżorsi enerġetiċi jew mill-pożizzjoni tagħhom bħala pajjiżi ta' tranżitu. Madankollu, l-istabilità ekonomika tas-sħab kollha tiddependi sa ċertu punt fuq il-bilanċ sostenibbli bejn il-konsum tal-enerġija u l-profil tal-provvista jew il-produzzjoni tal-enerġija. Xi pajjiżi sħab fil-Lvant huma vulnerabbli għal dipendenza żejda fuq fornituri speċifiċi u għalhekk għandhom interess vitali li jżidu s-sovranità tagħhom bid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' forniment tagħhom. L-UE se tkompli tappoġġa dawn l-isforzi. Oħrajn fin-Nofsinhar ukoll qed jiffaċċjaw sfidi fil-ġestjoni tad-domanda tagħhom tal-enerġija li qed tikber.
Inizjattivi bħalma huma t-twaqqif tal-kapaċità tal-fluss fid-direzzjoni opposta tal-gass lill-Ukrajna, it-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u l-aħjar użu tal-iskoperti l-ġodda tal-enerġija filwaqt li jiġu vvalutati u previsti r-riskji potenzjali huma importanti għall-kisba tas-sigurtà tal-enerġija pan-Ewropea.
Aktar kooperazzjoni fuq l-effiċjenza fl-enerġija, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, fuq il-ġestjoni tad-domanda u fuq l-azzjoni biex jittaffa u jsir adattament għat-tibdil fil-klima se jgħinu biex jiġu żviluppati ekonomiji li huma aktar effiċjenti, kompetittivi, reżiljenti u stabbli filwaqt li jiżdiedu s-sovranità tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim mistenni ta’ Pariġi dwar il-Klima u l-iżviluppi sussegwenti tiegħu, inklużi b’mod partikolari l-impenji tas-sħab tagħna huma importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-UE ser taħdem biex taqsam l-aħjar prattika u biex timpenja ruħha f'riċerka konġunta, inkluż dwar it-tneħħija gradwali ta' sussidji għall-fjuwils fossili, l-introduzzjoni ta’ oqfsa robusti ta' monitoraġġ, rappurtar u verifikazzjoni tal-emissjonijiet, inklużi, fuq it-terminu twil, sistemi għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, li jistgħu jkunu marbuta mas-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE malli jkunu lesti.
Biex jiżdiedu l-opportunitajiet għall-investiment u l-kummerċ, l-UE ser issaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija sħiħa mar-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Georgia permezz tal-Komunità tal-Enerġija. L-UE għandha tfittex ukoll approssimazzjoni regolatorja ma’ sħab oħra dwar setturi ta’ interess reċiproku. Fir-rigward tal-pajjiżi sħab fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE se toffri kooperazzjoni fuq bażi mfassla, biex tippromwovi l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċ u l-konsum effiċjenti tal-enerġija. Bħala l-ewwel pass, l-UE ser taħdem mas-sħab interessati u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija biex tistabbilixxi rieżaminazzjonijiet tal-politika tal-enerġija tal-pajjiż, inkluż inventarju ta’ ostakoli għall-investimenti fl-enerġija u l-identifikazzjoni ta’ riformi xierqa.
L-UE ser tappoġġa l-kooperazzjoni subreġjonali kif xieraq fil-Lvant tal-Mediterran, il-Magreb u l-Kawkasu tan-Nofsinhar. Lil hinn mill-viċinat, għandu jintuża Qafas Tematiku ġdid biex jiżviluppa x-xogħol ma’ sħab bħalma huma t-Turkija, il-Każakistan, it-Turkmenistan, u potenzjalment l-Iraq u l-Iran. Dan se jiffaċilita xogħol u investiment transreġjonali fuq dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jibni fuq inizjattivi ta’ suċċess bħal INOGATE. Meta l-kundizzjonijiet ikunu tajbin, l-UE tista’ tikkunsidra tfassal mill-ġdid ir-relazzjoni tal-enerġija mar-Russja, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u dik Ewropea.
V. 2. ID-DIMENSJONI TAS-SIGURTÀ
Il-konsultazzjoni wriet xewqa mifruxa ħafna għal tisħiħ tas-sigurtà fil-PEV, sabiex il-pajjiżi sħab isiru aktar reżiljenti kontra t-theddid li qegħdin jesperjenzaw. L-enfasi l-ġdida fuq is-sigurtà se tiftaħ firxa wiesgħa ta’ oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni taħt il-PEV. Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi riforma tas-settur tas-sigurtà, il-protezzjoni tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni, u l-ġestjoni tal-kriżijiet.
F’Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew fakkar fil-ħtieġa li s-sħab jiġu mogħtija s-setgħa u l-permess għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet, inkluż permezz ta’ proġetti konkreti ta’ bini ta’ kapaċità b’kamp ta' applikazzjoni ġeografiku flessibbli. Minħabba l-isfidi ta’ sigurtà speċifiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom is-sħab, l-UE għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fir-riforma tas-settur tas-sigurtà. Billi tkompli tibni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, il-PEV il-ġdida ser tagħti prijorità lill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; filwaqt li tfixkel il-kriminalità u l-korruzzjoni transfruntieri serji u organizzati; ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u tiġġieled iċ-ċiberkriminalità, f’konformità sħiħa mal-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Impenn proattiv ma’ sħab fil-viċinat huwa meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali ta’ theddid transfruntier u biex jikkontribwixxi sabiex il-fruntieri komuni jsiru siguri. Flimkien ma’ pajjiżi sħab interessati, għandhom jiġu intensifikati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-bini tal-kapaċità biex jiġu indirizzati theddidiet transfruntieri. Barra minn hekk, il-PEV il-ġdida se tindirizza l-isfidi għas-sigurtà relatati mal-migrazzjoni trażversali, bħalma huma t-traffikar ta' migranti, it-traffikar tal-bnedmin, il-koeżjoni soċjali u l-protezzjoni/ġestjoni tal-fruntieri.
Se jsiru iktar sforzi biex tiġi integrata u msaħħa l-implimentazzjoni ta' UNSCR 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, ir-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha u perspettiva tas-sessi fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u r-rieżami tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni.
Riforma tas-settur tas-sigurtà: l-UE bi ħsiebha tintensifika l-involviment tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi sħab li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà. Pajjiżi sħab interessati għandhom jiġu appoġġati fir-riforma tas-sigurtà ċivili u militari tagħhom. Kooperazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tinkludi konsulenza strateġika u ta’ politika, attivitajiet ta’ bini ta’ istituzzjoni u kapaċità, djalogi mas-soċjetà ċivili, u appoġġ għal programmi ta’ sigurtà tal-komunità.
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni: It-theddida tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni qed taffettwa kemm l-Ewropa kif ukoll lill-ġirien tagħha. Għalhekk l-UE ser tintensifika l-ħidma mas-sħab dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, inklużi l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, is-sostenn tar-rispons tal-ġustizzja kriminali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-ġlieda kontra u l-eliminazzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta’ oqfsa ta’ kontra l-ħasil tal-flus xierqa. L-involviment tas-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni se jkun kruċjali. In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) eżistenti u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza stabbilit riċentement se jkunu pjattaforma kruċjali għall-iskambju u l-kooperazzjoni. L-indirizzar ta’ kwistjonijiet usa’ bħall-ġustizzja ineffettiva, l-inugwaljanza bejn is-sessi, id-diskors ta’ mibegħda, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, u l-illitteriżmu kollha se jkunu wkoll parti minn sforz usa’ ta’ deradikalizzazzjoni. Id-djalogu transkulturali, bħal dak promoss mill-fondazzjoni Anna Lindh, se jkun kruċjali.
Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata: il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jistgħu jheddu l-istabbiltà fir-reġjun usa’. L-UE għandha żżid l-appoġġ għall-pajjiżi sħab fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata, inkluż fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin u t-tneħħija ta' netwerks kriminali permezz tal-promozzjoni tal-użu ta’ investigazzjonijiet finanzjarji bħala suppliment għal għodda purament tal-liġi kriminali. Għal dan l-għan, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà impenjat ruħha biex testendi l-ħidma ta’ "Ċiklu ta’ Politika" (dwar il-kriminalità serja u organizzata) għall-pajjiżi ġirien. L-UE għandha wkoll tesplora l-possibbiltà li tinvolvi pajjiżi sħab f’netwerks ta’ investigazzjoni finanzjarja eżistenti (bħal netwerks ta’ Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja). Barra minn hekk, l-UE ser tkompli taħdem mal-pajjiżi sħab dwar il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-bnedmin, it-traffikar illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir u kooperazzjoni fil-qasam tad-droga u tappoġġahom fl-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali integrati u bilanċjati dwar id-droga. Fejn meħtieġ, l-UE ser tfittex li ttejjeb il-qafas legali għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma’ pajjiżi sħab u taħdem għall-implimentazzjoni tiegħu. Mal-Interpol, trid teżamina l-ħtieġa biex tinbena kapaċità ulterjuri tal-infurzar tal-liġi fil-pajjiżi ġirien u taħdem fuq l-iffaċilitar tal-iskambji ta’ informazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u l-Europol. Mal-Eurojust, l-UE se tippromwovi impenn u kooperazzjoni aktar qawwijin sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq l-investigazzjonijiet kollha tar-reati serji.
Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità: L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tipprovdi qafas operazzjonali għal aktar impenn ma’ sħab fil-viċinat. L-UE għandha toffri assistenza għall-bini ta’ kapaċità dwar iċ-ċibersigurtà u infrastrutturi ta’ informazzjoni reżiljenti, dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u ċ-ċiberterroriżmu, inkluż permezz ta’ analiżi tat-theddid, it-trawwim ta' speċjalizzazzjoni fl-infurzar tal-liġi, it-taħriġ ġudizzjarju u l-appoġġ tal-ħolqien ta’ politiki, strateġiji u istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti f’pajjiżi terzi. L-UE ser tkompli tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità mas-sħab tagħha fil-viċinat. Il-Konvenzjoni tipprovdi mudell għall-abbozzar ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar iċ-ċiberkriminalità u bażi għal kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam.
Mitigazzjoni tar-Riskju Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari: tgħin lis-sħab biex itejbu l-kapaċità tal-preparatezza u r-rispons tagħhom, inkluż permezz ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza ffinanzjati mill-UE.
Kooperazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u trattar ma' konflitti fit-tul: L-istrutturi mwaqqfa permezz tal-arkitettura tas-sigurtà u d-difiża tal-UE jistgħu jkunu forum għal skambju tal-aħjar prattika, għall-kooperazzjoni fuq l-għanijiet komuni, u għall-bini tal-kapaċità. B’hekk, jingħata impetu ġdid għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-PSDK. Sabiex jitrawwem spirtu ta’ sħubija u ta’ responsabbiltajiet kondiviżi — fuq bażi ta’ każ b’każ — il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi sħab għandha tiġi promossa f’missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, Gruppi Tattiċi tal-UE, u l-assoċjazzjoni tagħhom ma' programmi u aġenziji rilevanti, bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u l-Kulleġġ Ewropew għas-Sigurtà u d-Difiża. L-UE ser tfittex li tistabbilixxi djalogi ta’ sigurtà u difiża ma’ pajjiżi sħab u tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali minn pajjiżi sħab f’korsijiet f’kulleġġi ta’ difiża rilevanti. F’konformità mal-Approċċ komprensiv tal-UE għal kunflitti u kriżijiet esterni, se jintużaw il-mezzi kollha disponibbli, inkluż — fejn meħtieġ, missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK jew Rappreżentanti Speċjali tal-UE — biex jappoġġaw il-ġestjoni tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti fit-tul fil-viċinat.
Il-ġestjoni u r-rispons tal-kriżi: L-UE għandha tibni l-kapaċità tat-twissija bikrija, il-prevenzjoni u l-preparatezza tas-sħab billi toffri sħubijiet mill-qrib fil-protezzjoni ċivili u kooperazzjoni mal-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-UE. L-UE ser tagħmel ukoll enfasi aktar b’saħħitha fuq aspetti tas-sigurtà tas-saħħa billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiż biex jirrispondi b’mod effettiv għal theddid tas-saħħa inkluż il-mard li jittieħed. Suġġett għal deċiżjoni ad hoc, l-aċċess għall-użu ta' xbihat ipprovdut miċ-Ċentru Satellitari tal-UE jista’ wkoll jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-ħtiġijiet tar-rispons għall-kriżijiet. Il-flessibbiltà fl-ipprogrammar u l-użu tal-PEV u strumenti oħra finanzjarji se jkunu kruċjali f’dan l-approċċ. Għalhekk se tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn ix-xogħol ta' sigurtà magħmul taħt l-SEV b’firxa aktar wiesgħa ta’ attivitajiet tal-PESK/PSDK, bilateralment max-xogħol tal-Istati Membri tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Is-sinerġiji ma’ strumenti oħrajn għandhom jiġu investigati wkoll flimkien ma’ rabtiet għal xogħol fuq għajnuna umanitarja bi prinċipji bbażata fuq il-ħtiġijiet, kif ukoll ir-reżiljenza u l-istabbilizzazzjoni. F’konformità mal-approċċ komprensiv, l-involviment tal-Istati Membri tal-UE u l-aġenziji tal-UE se jkun kruċjali kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ appoġġ fis-settur tas-sigurtà.
V. 3. MIGRAZZJONI U MOBBILTÀ
L-interess qawwi tas-sħab f’mobbiltà akbar lejn l-UE huwa kkonfermat mill-konsultazzjoni, li seħħet f’mument ta’ flussi kbar ta’ migranti u rifuġjati li spiss jgħaddu minn pajjiżi ġirien. Il-PEV se tirrifletti fuq kooperazzjoni intensifikata rigward kemm il-migrazzjoni regolari kif ukoll dik irregolari
* Tiżdied il-kooperazzjoni mas-sħab lil hinn mill-viċinat
* Jiżdied l-appoġġ għal dawk li jirċievu u jassistu r-rifuġjati u l-IDPs
* Tiżdied il-kooperazzjoni fuq il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament sfurzat
* Kooperazzjoni effettiva dwar ir-ritorn u r-riammissjoni u r-riintegrazzjoni sostenibbli
Iżda wkoll
* Identifikazzjoni aħjar ta’ nuqqas ta’ ħiliet fl-UE biex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni legali ta’ benefiċċju reċiproku;
* Appoġġ aħjar għall-migrazzjoni ċirkolari
* Inkoraġġament tar-rikonoxximent tal-kwalifiki
* Tnedija ta' djalogi dwar il-mobbiltà akkademika
Kif turi l-kriżi tar-rifuġjati riċenti, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament sfurzat huwa ċentrali għall-istabbilizzazzjoni fil-Viċinat.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta’ Ġunju u l-15-16 ta’ Ottubru; il-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant/Balkani tal-Punent tat-8 ta’ Ottubru u s-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni tal-11-12 ta’ Novembru 2015 — kollha jikkonfermaw impetu politiku ġdid għal kooperazzjoni aktar profonda mas-sħab tal-PEV.
L-iżvilupp ta' sħubijiet ibbażati fuq approċċ integrat
Il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà mas-sħab ġiet approfondita matul l-aħħar snin permezz ta’ diversi djalogi mifruxa dwar il-viża u numru ta’ Sħubijiet ta’ Mobbiltà. Ġew stabbiliti wkoll djalogi ma’ sħab oħrajn kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar. L-UE hija impenjata li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-ġirien u lil hinn — mhux inqas mal-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani usa', ir-reġjun tas-Saħel u l-Qarn tal-Afrika. Sabiex jitrawmu r-riformi u jissaħħaħ l-impenn tal-pajjiżi sħab tagħna biex jaħdmu fi sħubija eqreb, se jiġi żviluppat divrenzjar bejn il-pajjiżi sħab, b’ħidma aktar mill-qrib dwar il-viża u kwistjonijiet ta’ mobbiltà ma’ dawk li huma lesti li jimpenjaw ruħhom mal-UE, inklużi djalogi dwar il-liberalizzazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-viża mas-sħab.
Diġà hemm djalogi reġjonali għaddejjin bħall-proċessi ta’ Rabat u Khartoum fin-Nofsinhar u l-proċessi ta’ Budapest u ta' Praga fil-Lvant kif ukoll fuq il-bord tas-Sħubija tal-Lvant dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għal kooperazzjoni u programmar intrareġjonali. Jista’ jiġi żviluppat Qafas Tematiku għal kooperazzjoni aktar effettiva dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi barra mill-viċinat.
Il-promozzjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà ta’ benefiċċju reċiproku
Flimkien ma’ sforzi biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari, l-UE tibqa’ temmen li l-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni għandhom jiġu promossi. L-UE tippjana li tippromwovi għodod aħjar sabiex tidentifika d-diskrepanza fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u tinkoraġġixxi r-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE.
L-UE se ssaħħaħ il-qafas legali tagħha u tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa u preċiża tagħha billi tqis is-sitwazzjoni speċifika tas-sħab tal-PEV.
F’Marzu 2016, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, biex ittejjeb u tkompli tiffaċilita d-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin fl-UE. L-UE għandha tiffaċilita l-estensjoni tal-mobbiltà akkademika u ttejjeb il-qafas legali għal kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza fl-UE applikabbli għaċ-ċittadini tal-PEV għall-għan ta’ riċerka, studju, skambju ta’ studenti, taħriġ u servizz volontarju.
L-UE ser tikkoopera mal-pajjiżi tal-PEV biex tinkoraġġixxi u tagħmel progress fuq l-iffaċilitar tar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki.
F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, aħna se nippromwovu skema ta’ migrazzjoni ta’ ħaddiema kwalifikati, inkluża l-possibilità li noffru skemi preferenzjali għal ċittadini tal-pajjiżi tal-PEV li huma lesti li jimpenjaw ruħhom f’aktar kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni mal-UE.
Se tkun stabbilita pjattaforma ta’ djalogu ma' negozji, trejdjunjins u sħab soċjali sabiex jiġu vvalutati aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u r-rwol li l-migrazzjoni jista’ jkollha f’dan ir-rigward. Fit-terminu twil approċċ ġdid għall-migrazzjoni legali jkun ta’ benefiċċju, billi jibni fuq l-eżempju ta’ sistemi ta' "espressjoni ta’ interess" li jippermettu li min iħaddem jidentifika l-applikanti ta' prijorità minn fost il-kandidati magħżula minn qabel.
Bl-istess mod, se jkunu mfittxija aktar modi effettivi għall-bini ta’ rabtiet mal-komunitajiet ta' dijaspora, għat-tisħiħ ta' skemi ta’ mobbiltà reġjonali, inkluża l-mobbiltà min-Nofsinhar għan-Nofsinhar, u għall-ħidma dwar il-migrazzjoni ċirkolari, inkluż permezz tal-identifikazzjoni ta' skemi f’setturi rilevanti (eż. l-agrikoltura, jew it-turiżmu) f’konformità mad-Direttiva tal-2014 dwar il-Ħaddiema Staġjonali. L-UE għandha wkoll tippromwovi skemi migratorji f’intrapriżi żgħar u medji u programmi ta’ taħriġ għall-imprendituri f’pajjiżi Ewropej.
L-UE għandha tikkunsidra wkoll li tippermetti persuni temporanjament residenti fl-UE li jidħlu f’negozju, professjoni jew attività oħra fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, filwaqt li jżommu r-residenza ewlenija tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri. Kwistjonijiet relatati ma’ trasferiment effiċjenti ta’ rimessi għandhom jiġu indirizzati wkoll.
Aħna ser noħolqu fond ta' bidu ġdid (Startback) li jipprovdi kapital biex tiġi promossa "ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ". Dan il-Fond se jappoġġa l-migranti li jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom wara s-soġġorn tagħhom fl-Unjoni Ewropea, sabiex dawn ikunu jistgħu jintegraw mill-ġdid u jikkontribwixxu, permezz tal-ħiliet u l-għarfien miksuba, għall-iżvilupp ekonomiku u soċjetali lokali.
L-UE ser tkompli trawwem narrativa alternattiva realistika u ġusta dwar il-migrazzjoni u tiġġieled b’mod vigoruż kull forma u manifestazzjoni ta’ razziżmu u diskriminazzjoni filwaqt li tippromwovi djalogu interkulturali, diversità kulturali u fehim reċiproku.
Protezzjoni garantita għal dawk fil-bżonn
Il-viċinat usa’ tal-UE fih diversi kriżijiet fit-tul kbar u jospita kważi 40 % tar-rifuġjati u persuni spostati internament tad-dinja. Għalhekk, l-UE teħtieġ reazzjoni aktar integrata u komprensiva li tippromwovi rabtiet mill-qrib bejn il-ħtiġijiet umanitarji fuq żmien qasir u reazzjonijiet ta' żvilupp u sigurtà fuq żmien itwal.
L-UE għandha tgħin lill-pajjiżi sħab biex jiżviluppaw is-sistemi ta’ ażil u protezzjoni tagħhom billi jappoġġaw dawk spustati minħabba kunflitti, b’attenzjoni partikolari għal tfal rifuġjati mhux akkumpanjati, biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jiġu garantiti, li d-drittijiet tal-bniedem tagħhom jitħarsu u li l-potenzjal soċjoekonomiku u uman tagħhom ma jinħeliex u huwa disponibbli għal soċjetajiet u komunitajiet ospitanti. Il-Programmi Reġjonali għal-Iżvilupp u l-Protezzjoni ġodda (RDPPs) fit-Tramuntana tal-Afrika u l-Qarn tal-Afrika li se jsiru operatttivi fl-2016, kif ukoll l-RDPP eżistenti fil-Lvant Nofsani (il-Ġordan, il-Lebanon u l-Iraq) se jkunu kruċjali għal dan l-għan. L-għan tagħhom hu li jappoġġaw pajjiżi sħab biex jospitaw numri kbar ta' persuni spustati permezz tal-bini tal-kapaċità u l-assistenza, primarjament fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u l-ażil, parzjalment billi jżidu r-reżiljenza ta' popolazzjonjiet spustati b'mod sfurzat u l-komunitajiet ospitanti tagħhom.
Il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari
L-UE se taħdem mal-pajjiżi tal-PEV biex jindirizzaw u jtaffu l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari kemm taċ-ċittadini tagħhom kif ukoll ta’ dawk li jgħaddu minn pajjiżhom.
L-UE ser taħdem mal-pajjiżi tal-PEV biex, b’mod sostenibbli u dinjituż, tirritorna lil dawk li ma għandhomx, jew li m’għadx għandhom id-dritt li jibqgħu fl-UE, inkluż permezz tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ riammissjoni u l-iskemi ta' ritorn volontarju u ta’ riammissjoni, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn. L-UE ser tgħin ukoll lill-pajjiżi tal-PEV sabiex jiżviluppaw il-politika tar-ritorn tagħhom stess li tippermettilhom jirritornaw persuni lejn pajjiżi terzi tal-oriġini. Għandhom jiġu żviluppati wkoll mekkaniżmi xierqa biex jiġi żgurat li dawk li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jistgħu jerġgħu jintegraw u jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà lokali. L-istrumenti kollha se jiġu mobilizzati biex tiżdied il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, biex b’hekk ir-riammissjoni tingħata post ċentrali fid-djalogi kollha mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta' tranżitu tal-migranti irregolari.
L-UE għandha żżid l-appoġġ għall-isforzi biex jitfasslu strateġiji nazzjonali u reġjonali li jindirizzaw it-traffikar tal-migranti u biex jibnu standards ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri, billi taħdem mal-aġenziji rilevanti tal-UE.
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri
Impenn proattiv mas-sħab fil-viċinat fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri huwa meħtieġ għal ġestjoni aħjar tal-pressjonijiet migratorji. Flimkien ma’ pajjiżi sħab interessati, l-UE ser tkompli tintensifika l-ħidma fuq l-iskambju tal-informazzjoni, il-kapaċità amministrattiva u l-kooperazzjoni operazzjonali u teknika. Dan jista’ jsir permezz ta’ taħriġ, riċerka, proġetti ta’ bini tal-kapaċità u proġetti pilota ma’ pajjiżi sħab, b’mod partikolari permezz ta' ħidma ma' aġenziji tal-UE relevanti, inklużi l-FRONTEX u l-EUROPOL.
VI. ID-DIMENSJONI REĠJONALI
Il-konsultazzjoni kienet parzjalment imwettqa permezz ta’ formati ta’ kooperazzjoni reġjonali eżistenti, li se jkomplu. Madankollu, il-konsultazzjoni kkonfermat interess qawwi fl-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’ ħidma mal-ġirien tal-ġirien.
* Ħidma ta' outreach ġdida lil hinn mill-fruntieri taż-żona tal-PEV
* Oqfsa tematiċi ġodda biex jindirizzaw sfidi komuni eż. dwar il-migrazzjoni, l-enerġija, is-sigurtà u s-saħħa
Fl-2009, l-UE u s-sitt sħab tal-Lvant tagħha nedew is-Sħubija tal-Lvant (SL), ibbażata fuq impenn lejn il-valuri fundamentali (inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali), l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba. Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-SL żviluppat f’forum ħaj għall-iskambju u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jvarjaw mill-kummerċ għall-enerġija, it-trasport u l-edukazzjoni jew l-ambjent. Is-Summit tas-SL tal-2015 f’Riga elenka t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba, il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni, l-opportunitajiet tas-suq u l-interkonnessjonijiet bħala prijoritajiet kondiviżi li ser jitmexxew 'il quddiem mas-sħab, inkluż fil-qafas multilaterali tas-SL. Huwa d-dritt uniku tal-UE u s-sħab tagħha sabiex jiddeċiedu dwar kif iridu jipproċedu fir-relazzjonijiet tagħhom.
Il-kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar ra progress permezz tal-Unjoni għall-Mediterran. L-organizzazzjoni wriet li kienet forum ta' valur għal diskussjonijiet politiċi u ekonomiċi, li pprovdiet qafas għal kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u dwar proġetti operazzjonali fir-reġjun. Ħafna persuni fil-konsultazzjoni pubblika rrakkomandaw approfondiment ta' din il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jaħdmu biex ikomplu jsaħħu din il-kooperazzjoni reġjonali. Għal din ir-raġuni, l-UE se tagħti prijorità, kull fejn ikun xieraq, lill-UgħM fl-isforzi ta’ kooperazzjoni reġjonali tagħha.
Ir-relazzjonijiet bejn il-ġirien stess għandhom jissaħħu, u l-kooperazzjoni subreġjonali kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar għandha tiġi promossa. Fejn ikun rilevanti, il-kooperazzjoni reġjonali bejn is-sħab tal-viċinat u l-Istati Membri, flimkien mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, se tiġi segwita permezz ta’ strateġiji makroreġjonali tal-UE u programmi ta’ kooperazzjoni territorjali, bil-għan li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom.
Fejn ir-rabtiet u l-interdipendenzi ma’ sħab oħra jeħtieġu formati usa' ta’ kooperazzjoni, għandhom jiġu involuti l-pajjiżi terzi. L-UE ser tuża Oqfsa Tematiċi biex toffri kooperazzjoni dwar kwistjonijiet reġjonali ta’ tħassib fil-viċinat tagħna lil atturi tal-istat u multilaterali fir-reġjun usa', inkluża l-adeżjoni u sħab oħra. L-Oqfsa Tematiċi se jintużaw biex jipprovdu forum regolari biex jiġu diskussi approċċi, programmazzjoni u investiment ta’ politika konġunta li jilħqu lil hinn mill-viċinat. Dawn ser ikunu laqgħat ad hoc mal-partijiet interessati mill-viċinat tan-Nofsinhar jew tal-Lvant, li jiġbru flimkien lill-Istati Membri interessati, il-pajjiżi ġirien u sħab reġjonali, flimkien ma’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), organizzazzjonijiet internazzjonali u donaturi oħra. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat ser jiġu mistiedna fejn xieraq. Il-format ta’ dawn l-Oqfsa Tematiċi u dawk involuti se jiddependi fuq il-kwistjoni u se jibni fuq strutturi eżistenti. Il-migrazzjoni, l-enerġija u s-sigurtà se jkunu prijoritajiet partikolari.
It-Turkija hija pajjiż kandidat għall-UE u ġar importanti kemm għall-UE nnifisha kif ukoll għal diversi pajjiżi sħab. Meta tiżviluppa l-Oqfsa Tematiċi li jilħqu lil hinn mill-viċinat, l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib mat-Turkija dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni.
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Federazzjoni Russa ddeterjoraw minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sebastopol u d-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukrajna. Hemm diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġjun li fuqhom tkun ta’ għajnuna kooperazzjoni kostruttiva biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu esplorati opportunitajiet ulterjuri, meta l-kundizzjonijiet jippermettu.
Il-kooperazzjoni f’fora oħra se tikkumplimenta dawn l-impenji reġjonali. L-UE għandha żżid il-ħidma ta' outreach tagħha mas-sħab fl-Afrika sub-Saħarjana u r-reġjun tas-Saħel u f’dan il-kuntest tiżgura l-koerenza max-xogħol li għaddej fuq l-aġenda ta' wara l-Ftehim ta' Kotonou. L-UE għandha taħdem ukoll mas-sħab rilevanti kollha fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq fl-oqsma tad-djalogu politiku, l-investiment u l-għajnuna. Dan ser jinkludi żvilupp ulterjuri tad-djalogu mal-Lega tal-Istati Għarab, kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC), l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni tal-Magreb Għarbi u l-ħidma fi ħdan il-qafas tal-Forum tal-Mediterran tal-Punent (Djalogu 5 + 5). L-Inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed żviluppat bħala forum importanti biex jiġu indirizzati problemi komuni filwaqt li tħeġġeġ riforma politika u ekonomika. L-UE għandha tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u żżid il-koordinazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-korpi tagħha.
L-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tal-ISIL/Da'esh jiddeskrivu l-azzjonijiet li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jieħdu biex jgħinu jerġa’ jkun hemm il-paċi u s-sigurtà fis-Sirja u l-Iraq. Fir-rigward tal-Iran, hekk kif il-ftehim reċenti jiġi implimentat, hemm lok għal aktar kooperazzjoni dwar kwistjonijiet reġjonali, inkluża l-enerġija. Minħabba l-importanza strateġika tal-Asja Ċentrali, l-UE għandha tespandi l-outreach tagħha lil sħab rilevanti bil-għan li jiġu stabbiliti relazzjonijiet b'saħħithom, dewwiema u stabbli ma’ pajjiżi fir-reġjun.
VII. TWASSIL IKTAR EFFETTIV
VII. 1 FLESSIBBILTÀ TA' STRUMENTI FINANZJARJI
L-UE impenjat riżorsi sostanzjali sabiex tappoġġa l-isfida importanti ta’ stabbilizzazzjoni fil-viċinat, b’aktar minn EUR 15-il biljun disponibbli permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (SEV) matul il-perjodu 2014-20. Biex ikompli jiġi massimizzat l-impatt, l-UE ser tfittex li tibni fuq il-finanzjament addizzjonali konsiderevoli billi tkabbar iżjed il-kooperazzjoni tagħha ma’ istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali kbar u permezz tal-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat (NIF). L-UE ser timmodernizza u tallinja b’mod strateġiku l-istrumenti tagħha ta’ assistenza teknika (TAIEX u Ġemellaġġ) biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta. L-UE u l-pajjiżi sħab se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-assistenza finanzjarja tal-UE tasal għand il-benefiċjarji maħsuba u ma tiġix iddevjata minn frodi.
Aġendi ta’ Assoċjazzjoni u l-prijoritajiet tas-sħubija ser ikunu l-bażi għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-assistenza. Allokazzjonijiet bilaterali għall-pajjiżi sħab se jirriflettu l-prijoritajiet tal-PEV u l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom, u l-impenn għal u l-implimentazzjoni tar-riforma ser ikomplu jiggwidaw l-allokazzjoni tal-fondi taħt il-programm ġenerali tal-PEV.
L-iżviluppi fil-pajjiżi tal-viċinat indikaw ħtieġa dejjem tikber għal appoġġ finanzjarju u ekonomiku internazzjonali biex jirfdu t-tranżizzjoni u l-istabbiltà meħtieġa. L-għodod eżistenti tal-Unjoni Ewropea jipprovdu għal riżorsi li huma mmirati lejn varjetà ta’ kwistjonijiet, iżda f’ħafna każijiet limitati fid-daqs meta mqabbla mal-bżonnijiet li ġew identifikati u li jistgħu jiġu identifikati. Għalhekk il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni fil-fond matul ix-xhur li ġejjin bil-ħsieb li jiġu żviluppati alternattivi, inkluż strument, li jista' jindirizza aħjar u b’mod aktar effiċjenti l-ħtiġijiet finanzjarji tal-pajjiżi ġirien, u fl-istess ħin jappoġġa l-isforzi ta’ riforma meħtieġa attwali tagħhom. Din il-ħidma tista’ tibni fuq l-esperjenza tal-istrumenti eżistenti, inklużi dawk maħluqa matul dawn l-aħħar snin biex jappoġġaw l-Istati Membri tal-UE.
Ir-rispons għall-kunflitti fis-Sirja u l-Ukrajna u l-użu ta’ Fondi Fiduċjarji huma eżempji ta’ kif l-istrumenti finanzjarji tal-UE jistgħu jirreaġixxu malajr u b’mod flessibbli. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar biex titħaffef l-għajnuna u sabiex jiġi żgurat li tiġi adattata aħjar għall-prijoritajiet u ċ-ċirkustanzi politiċi li qed jevolvu b’mod rapidu.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jippruvaw iħaffu l-forniment ta' għajnuna billi jissimplifikaw il-proċeduri. Huma ser jeżaminaw il-każ ta’ "riżerva ta' flessibbiltà" fi ħdan l-SEV, jiġifieri li jitwarrbu r-riżorsi sa meta jkunu użati għal programmazzjoni urġenti ta’ ħtiġijiet mhux previsti, b’mod partikolari għal bżonnijiet ta’ kunflitt u ta' wara l-kunflitt; appoġġ għar-refuġjati; rispons għall-kriżijiet u għad-diżastri; u għal programmi ta' sigurtà u ta’ stabbilizzazzjoni.
Se tingħata konsiderazzjoni biex jinbidlu r-regolamenti finanzjarji b’tali mod li fondi mhux użati f'din ir-"riżerva ta' flessibbiltà" jkunu jistgħu jiġu riportati għas-sena ta’ wara. L-UE ser tuża r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE fl-2017 biex tħares lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u, fejn meħtieġ, ser isiru proposti biex jiġu emendati l-atti legali sottostanti.
It-titjib fil-koordinazzjoni tad-donaturi huwa essenzjali biex jiġu massimizzati r-riżorsi, iżda wkoll il-kontribuzzjoni tal-UE issir aktar viżibbli. Kull fejn ikun possibbli għandu jissawwar rispons konġunt tal-UE fir-reġjun madwar il-marka tal-UE biex jissaħħaħ l-użu ta’ programmar konġunt mal-Istati Membri tal-UE dwar u tal-analiżi kondiviża mis-sorsi kollha tal-UE, (inklużi d-Delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet tal-PSDK u r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE). Approċċi simplifikati għandhom jiffaċilitaw proġetti konġunti mal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE.
L-UE ser issaħħaħ il-koordinazzjoni effettiva tad-donaturi permezz ta' mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE oħra u b'istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali kbar u bl-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf kif ukoll permezz ta’ ħidma mal-Unjoni għall-Mediterran, is-Sħubija tal-Lvant u fora reġjonali oħra.
VII. 2 VIŻIBBILTÀ, KOMUNIKAZZJONI U OUTREACH
Il-komunikazzjoni u l-promozzjoni aħjar tal-politiki tal-UE se jkunu fil-qalba tal-PEV il-ġdida. Diplomazija pubblika mtejba ser tikkontribwixxi biex tispjega aħjar ir-raġunament tal-politiki tal-UE u l-impatt pożittiv ta’ azzjonijiet konkreti tal-UE. L-UE għandha tfittex li tiżgura viżibbiltà akbar għall-użu tal-fondi tal-UE għall-viċinat fil-perjodu 2014-2020. Il-viżibbiltà għall-UE għandha tkun kundizzjoni tal-ħidma ma’ sħab ta’ implimentazzjoni.
L-appoġġ se jgħin biex jippromwovi midja indipendenti, affidabbli u kredibbli. L-UE tista’ wkoll tappoġġa l-kapaċità ta’ komunikazzjoni strateġika fi ħdan il-gvernijiet għal fehim aħjar tal-opinjoni pubblika, biex tippjana u tadatta l-kampanji li jikkomunikaw il-benefiċċji tar-riforma.
Kif miftiehem fil-Kunsill Ewropew, l-UE għandha taħdem mas-sħab biex tikxef informazzjoni ħażina u tirreaġixxi b’mod deċiżiv meta din ikollha fil-mira tagħha lill-UE. Taħlita adatta ta’ għodod ta’ komunikazzjoni strateġiċi u tattiċi proattivi se tippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha jissorveljaw u janalizzaw aħjar il-midja, biex ikun hemm fehim aħjar tal-perċezzjonijiet u narrattivi fil-pajjiżi sħab u biex tispjega l-benefiċċji tal-kooperazzjoni ta’ kull pajjiż tal-UE bl-għan aħħari li tinħoloq narrattiva pożittiva dwar l-appoġġ u l-kooperazzjoni taħt il-PEV.
Aktar involviment tal-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ prijoritajiet ta’ komunikazzjoni għandu jgħin biex tiġi żgurata vuċi tal-UE aktar koerenti. Id-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab ser jaħdmu flimkien mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-involviment tagħhom mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, b’mod partikolari s-soċjetà ċivili. Huma meħtieġa wkoll attivitajiet ta’ outreach fl-UE biex nispjegaw liċ-ċittadini tagħna għaliex pajjiżi stabbli, siguri u prosperi fil-viċinanzi tagħna huma essenzjali għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-UE stess.
L-UE għandha timpenja ruħha aktar dwar din l-aġenda tad-diplomazija pubblika mal-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju, l-akkademiċi u ċittadini oħra f’pajjiżi sħab, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, inkluż permezz tad-diplomazija xjentifika.
SĦUBIJIET GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
L-impenn maż-żgħażagħ mal-viċinat kollu se jiġi intensifikat billi jinħolqu sħubijiet għaż-żgħażagħ. Dawn is-sħubijiet ser jippromwovu l-kuntatt bejn il-persuni u netwerks għaż-żgħażagħ tal-etajiet kollha fl-UE u l-pajjiżi ġirien tal-UE, biex irawmu r-rispett reċiproku, il-fehim u s-soċjetajiet miftuħa. Dawn għandhom jinkludu żieda sostanzjali fi skambji bejn l-iskejjel u l-universitajiet, inkluż il-potenzjal għal proġett pilota ta’ Skola Ewropea tal-viċinat. It-tneħħija tal-limitu massimu attwali fis-seħħ fuq il-finanzjament għal vjaġġar huma u sejrin barra mill-pajjiż ta' oriġini ta' studenti tal-Erasmus se tinkoraġġixxi aktar liż-żgħażagħ Ewropej jistudjaw f’pajjiżi sħab sabiex iżidu r-rabtiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab.
L-iżvilupp ta' klabbs u netwerks tal-alunni "Ħbieb tal-Ewropa" għal dawk li pparteċipaw f’attivitajiet tal-UE, u fejn possibbli l-iżvilupp ta' netwerks ta’ "ambaxxaturi taż-żgħażagħ" jistgħu jkunu għodda għal tali outreach, flimkien mal-ħolqien ta’ fora li jippermettu skambji bejn mexxejja żgħażagħ u opinjonisti futuri minn madwar l-UE u l-viċinat tagħha.
VIII. PASSI LI JMISS
Din il-Komunikazzjoni Konġunta tikkonkludi l-proċess ta’ konsultazzjoni formali dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Matul l-2016, biħsiebna niddiskutu l-proposti li jinsabu f’din il-Komunikazzjoni Konġunta, kif ukoll il-pożizzjonijiet sussegwenti meħuda mill-UE, ma’ pajjiżi sħab, bil-għan li niddeterminaw b’mod konġunt l-għamla tar-relazzjonijiet futuri tagħna, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet spjegati f’din il-Komunikazzjoni Konġunta.