EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0639

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

COM/2015/0639 final

Brussell, 14.12.2015

COM(2015) 639 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej


Introduzzjoni

B’baġit ta’ EUR 454 biljun għall-2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 1 (FSIE) huma l-għodda ta' politika ta' investiment ewlenija tal-Unjoni Ewropea (UE).

Sal-2023 2 , il-FSIE se jwasslu massa kritika ta' investiment f'oqsma ta' prijorità prinċipali tal-UE, b'risposta għall-ħtiġijiet tal-ekonomija reali billi jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u billi jwasslu għal tkabbir mill-ġdid tal-ekonomija Ewropea b'mod sostenibbli. Pereżempju, l-Istati Membri impenjaw ruħhom għal dan li ġej: 3

Iktar minn 2 miljun intrapriża se jkunu appoġġjati mill-fondi kollha biex iżidu l-kompetittività tagħhom, jiżviluppaw prodotti, isibu swieq ġodda u joħolqu impjiegi ġodda.

L-investiment fl-infrastruttura se jgħin lill-Istati Membri jtejbu l-ħajjiet tan-nies u l-kompetittività tal-ambjent kummerċjali tagħhom. Dan huwa speċjalment il-każ għall-Istati Membri l-inqas żviluppati, li se jkunu kapaċi jlaħħqu ma’ dawk iktar żviluppati. Aċċess aħjar għall-broadband ta' kwalità u s-servizzi tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni u forniment tal-ilma mtejjeb għal ħafna miljuni ta' Ewropej huma ftit mill-eżempji ta' x'inhu mistenni li jinkiseb mill-Fondi SIE. 

B’mod kruċjali, il-Fondi se jinvestu fil-ħiliet u l-adattabilità tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa, biex miljuni ta’ nies, inklużi ż-żgħażagħ, jingħataw opportunitajiet biex (jerġgħu) jitħarrġu jew jiftħu negozju. Dawn l-opportunitajiet se jkunu disponibbli wkoll għar-refuġjati u l-migranti legali.

Il-perjodu ta’ wara l-kriżi pprovda l-motivazzjoni addizzjonali għar-riforma tal-mod li bih l-FSIE huma ppjanati u użati. Fi klima ta’ investiment globali li qed jonqos, il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-FSIE hi prijorità ewlenija, speċjalment peress li dawn jipprovdu l-maġġoranza ta’ investiment pubbliku f’ħafna pajjiżi. Ir-riforma tal-FSIE wasslet għal aktar enfasi fuq ir-riżultati, finanzjament aktar iffukat, u investimenti bbażati fuq ippjanar strateġiku aħjar u l-kapaċità ta’ rendiment. Il-FSIE issa huma għodda ta’ politika ta’ investiment li tħares’ il quddiem, lesta biex tindirizza l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa llum u fis-snin li ġejjin.

Il-FSIE jikkontribwixxu għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u jikkomplementaw il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) b’diversi modi: bl-ingranaġġ tal-investiment pubbliku u privat filwaqt li jappoġġjaw ir-riformi strutturali, u jtejbu l-aċċess għall-finanzjament. Il-FSIE se jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni l-ġdida: il-politiki tas-suq uniku diġitali, tal-unjoni tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima, is-suq uniku u l-governanza ekonomika, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Fl-aħħar mill-aħħar, il-miri ta’ investiment kollha tal-FSIE jagħtu spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-Ewropa, b’attenzjoni partikolari fuq iż-żoni li huma l-anqas żviluppati. Huma jikkontribwixxu wkoll biex flimkien jindirizzaw sfidi kondiviżi u jisfruttaw il-potenzjal komuni permezz tal-kooperazzjoni territorjali u l-istrateġiji makroreġjonali.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati ewlenin tan-negozjati bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-imsieħba tagħhom, inklużi l-atturi reġjonali u lokali, u l-Kummissjoni Ewropea, dwar il-programmi ta’ investiment tagħhom flimkien mar-riforma tal-FSIE. Hi tissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 4 u tinkludi dettalji dwar kull Stat Membru fl-Anness II.

1. L-INVESTIMENTI TAL-FSIE FIL-KUNTEST SOĊJOEKONOMIKU TAL-LUM

Xejriet ekonomiċi u soċjali differenti

L-Unjoni Ewropea qiegħda bil-mod tirkupra mill-kriżi ekonomika bi tnaqqis fil-qgħad u bi tkabbir fil-PDG reali li mistenni jkun ta' 1.9% u jibqa' ftit ’il fuq mil-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi fl-2015. Madankollu, l-għadd totali ta’ impjiegi hu previst li jibqa’ taħt il-livell tal-2008. Il-kriżi qerdet dak li kien ġie ggwadanjat mill-konverġenza ekonomika li kienet inkisbet f’bosta reġjuni Ewropej u Stati Membri mis-sena 2000, u għalhekk reġġgħet lura x-xejra ta’ tnaqqis fid-disparitajiet u l-faqar reġjonali.

Il-progress lejn il-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 kien irregolari. Sar progress sostanzjali fl-adattament għat-tibdil fil-klima, l-enerġija, u l-edukazzjoni, iżda mhux fil-kisba tal-miri għall-impjiegi u l-faqar. Il-progress fir-riċerka u l-innovazzjoni wkoll kien limitat. Barra minn hekk, ir-reġjuni li huma inqas żviluppati jew li qegħdin fi tranżizzjoni jmorru ferm agħar minn reġjuni oħra għall-biċċa l-kbira tal-miri tal-Ewropa 2020 — ir-rendiment tagħhom jeħtieġ li jitjieb b’mod sostanzjali biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha. Huwa f’dan il-kuntest li l-Istati Membri u l-Kummissjoni ddiskutew il-programmi tal-FSIE tal-2014-2020.

Il-FSIE saru aktar importanti fl-investiment pubbliku, u jikkumpensaw għat-tnaqqis tal-livelli ta’ investiment

Il-kriżi kellha impatt profond fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali kollha u llimitat il-finanzjament għal kull tip ta’ investiment. Fl-UE, l-investiment pubbliku naqas bi 15% f’termini reali bejn l-2008 u l-2014. L-investiment totali naqas ukoll b’mod konsiderevoli u bħalissa huwa madwar EUR 300 biljun taħt il-limitu normali storiku. B'riżultat ta' dan, l-importanza tal-finanzjament tal-FSIE għall-kofinanzjar ta’ programmi ta’ investiment pubbliku żdied b’mod konsiderevoli.

Fl-2014-2016, l-impenji mill-FSIE huma mistennija li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 14% tat-total tal-investiment pubbliku bħala medja, bl-ikbar sehem jasal sa aktar minn 70% f’xi Stati Membri (ara t-Tabella 1). Din il-kontribuzzjoni għall-investimenti tagħti spinta għall-ewwel pilastru tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa — il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji.

Tabella 1: Proporzjon ta’ finanzjament tal-FSIE fl-investiment pubbliku għall-2014-2016 5

Barra minn hekk, l-aħjar użu tar-riżorsi skarsi ta’ investiment hu żgurat permezz ta’ rabtiet u sinerġiji aktar mill-qrib bejn il-FSIE u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħal Orizzont 2020, LIFE+, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, COSME, Erasmus+ jew il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Qafas riformat għal FSIE aktar effettivi

Wara t-tagħlimiet tal-perjodi ta’ programmar preċedenti u b’kont meħud tal-ħtieġa għal użu aħjar tal-FSIE, ir-regolamenti tal-2014-2020 introduċew għadd ta’ riformi ewlenin. Hemm ċaqliq ċar lejn approċċ ta’ politika aktar iffukat, orjentazzjoni msaħħa lejn ir-riżultati, kondizzjonijiet ta’ qafas sodi għall-investimenti, użu aħjar u aktar koordinat tal-finanzjament tal-FSIE permezz tal-qafas strateġiku komuni, u rabtiet aħjar bejn il-prijoritajiet tal-UE u l-ħtiġijiet reġjonali.

Is-Semestru Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom rwol ewlieni

Il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni għal diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-prijoritajiet ta’ finanzjament ta’ ftehimiet ta' sħubija u programmi tal-perjodu 2014-2020 kien ibbażat fuq il-miri ta' Ewropa 2020, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) rilevanti magħmula fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew, u l-analiżi soċjoekonomika fil-livell tal-Istati Membri u dak reġjonali.

Aktar minn żewġ terzi tas-CSRs adottati fl-2014 kienu rilevanti għall-investiment tal-politika ta’ koeżjoni u ġew ikkunsidrati fil-prijoritajiet tal-programmi tal-Istati Membri. Eżempji ta’ CSRs fejn il-fondi se jappoġġjaw ir-riformi jinkludu:

titjib ta’ u aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ,

ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R&I),

investimenti f’enerġija sostenibbli bħalma huma l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli,

is-settur tas-saħħa,

l-aċċess għall-finanzi,

l-ambjent tan-negozju, u

il-kapaċità amministrattiva.

Fis-snin li ġejjin is-CSRs futuri se jagħtu bidu, fejn rilevanti, għal aġġustamenti fil-programm tal-FSIE, ukoll fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u b'hekk jiġi żgurat l-appoġġ tal-Kummissjoni għal riformi strutturali fl-Istati Membri. Dan juri li hemm rabta qawwija bejn il-FSIE, il-proċess tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet ekonomiċi tal-UE f’għadd ta’ Stati Membri ma’ CSRs li huma rilevanti għall-FSIE; dan jikkontribwixxi għat-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa — it-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ investiment.

Titjib tal-kondizzjonijiet ta’ investiment

Wara l-esperjenzi tal-passat ta’ ppjanar insuffiċjenti f’oqsma ewlenin ta’ investiment, ġew introdotti kondizzjonalitajiet ex ante bħala parti mir-riforma tal-FSIE. Dawn jirrikjedu li jkun hemm fis-seħħ oqfsa regolatorji u ta’ politika u li jkun hemm biżżejjed kapaċità amministrattiva qabel ma jsiru investimenti. Huma jkopru bosta oqsma ta’ investiment, inkluż it-titjib tal-istrateġiji reġjonali tar-R&I għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll pjanijiet strateġiċi marbuta mas-setturi tal-ilma u tat-trasport, l-inklużjoni attiva, is-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ.

Għalkemm madwar 75% tal-kondizzjonalitajiet kollha ex ante ġew issodisfati sa meta l-programmi ġew approvati, madwar 750 minnhom ma ntlaħqux (pereżempju il-pjanijiet ġenerali tat-trasport li jirfdu l-investiment tat-trasport). Kienu mifthemin pjanijiet ta’ azzjoni għat-twettiq tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016 mal-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet se jtejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-investiment appoġġjat mill-FSIE, u se jaffettwaw ukoll investiment pubbliku u privat ieħor kif ukoll jgħinu biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE fl-Istati Membri.

Konċentrazzjoni ta’ riżorsi u integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli

Fejn esperjenzi fil-passat urew li l-finanzjament tal-FSIE ma kellux l-impatt mixtieq minħabba n-nuqqas ta’ massa kritika, daħlu fis-seħħ rekwiżiti iktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-FSIE għall-2014-2020 jiffukaw fuq oqsma ewlenin ta’ investiment u ostakoli fit-tkabbir. Bħala riżultat tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, ir-rekwiżiti legali għal konċentrazzjoni tematika tar-riżorsi tal-FEŻR ta’ sikwit inqabżu mill-Istati Membri u l-investiment issa jiffoka aktar fuq l-appoġġ għall-SMEs u ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, filwaqt li jiġi żgurat li l-infrastruttura bażika f’reġjuni anqas żviluppati tkun appoġġjata wkoll fejn meħtieġ.

Minħabba l-importanza u l-urġenza ta’ żvilupp tal-kapital uman, l-Istati Membri allokaw sehem ikbar tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni lill-FSE, meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmar preċedenti. Kemm is-sehem minimu tal-FSE kif ukoll l-allokazzjoni minima għall-inklużjoni soċjali nqabżu 6 , li juri l-importanza tal-investiment f’dawn l-oqsma. Il-FSE jikkonċentra fuq il-finanzjament tal-ħames prijoritajiet li ġejjin: l-inklużjoni attiva, l-aċċess għall-impjieg, l-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, it-tluq bikri mill-iskola u t-tagħlim tul il-ħajja.

It-tħassib dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima ġew integrati fil-finanzjamenti kollha tal-FSIE (eż. permezz ta’ allokazzjonijiet finanzjarji, valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi u l-integrazzjoni ta’ rekwiżiti ambjentali fl-għażla tal-proġetti). L-Istati Membri wkoll urew impenn qawwi għall-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima permezz tal-allokazzjoni ta’ 25% tal-FSIE – jew aktar minn EUR 114-il biljun - għal miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. B’dan il-FSIE se jappoġġja bil-qawwa l-objettiv tal-UE li jonfoq mill-inqas 20% tal-baġit tal-UE fuq l-Azzjonijiet dwar il-Klima.

Tisħiħ tal-enfasi fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni

Minkejja r-rekwiżiti għal objettivi, indikaturi u miri fil-passat, dawn ma kinux applikati sistematikament jew b’mod rigoruż. It-titjib introdott għall-perjodu tal-2014-2020 jiżgura li l-programmi jkollhom orjentazzjoni aktar soda lejn ir-riżultati u l-ħtiġijiet ta’ investiment ikunu marbuta ma' għanijiet u prijoritajiet speċifiċi b'indikaturi u miri korrispondenti għall-outputs u r-riżultati. Kull programm għandu qafas ta’ prestazzjoni u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni titwettaq skontu. Dan jagħmilha possibbli li jkun hemm rappurtar trasparenti u evalwazzjoni tal-progress lejn l-objettivi tal-programm.

Barra minn hekk, ir-riżerva għall-prestazzjoni ta’ 6% tal-allokazzjonijiet nazzjonali li nżammet għall-attribuzzjoni fl-2019 se tippremja programmi li mexjin bl-aħjar mod lejn il-miri miftiehma tagħhom.

L-istrumenti finanzjarji jagħtu ingranaġġ ogħla

Minħabba l-effett ta’ ingranaġġ tal-istrumenti finanzjarji, l-impatt tal-appoġġ tagħhom huwa akbar minn dak tal-għotjiet għall-istess oqsma ta’ politika. Fl-2014-2020, ġie stabbilit qafas aktar b’saħħtu biex jappoġġja l-użu mifrux ta’ strumenti finanzjarji (self, garanziji, ekwità) f’oqsma ta’ politika fejn l-investiment iwassal għal redditi finanzjarji li jippermettu lill-benefiċjarji sabiex iħallsu lura tal-anqas parti mill-għajnuna li jkunu rċevew.

Din ix-xejra ssaħħet permezz tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li fih il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa l-użu ta' istrumenti finanzjarji minflok l-għotjiet tradizzjonali fil-finanzjament tal-FSIE, f'oqsma bħall-appoġġ lill-SME, it-tnaqqis tas-CO2, l-effettività ambjentali u fl-użu tar-riżorsi, l-ICT, it-trasport sostenibbli u r-R&I. Kif irrimarkat fil-Pjan ta' Investiment, hu mistenni li l-fondi impenjati għal strumenti finanzjarji innovattivi matul il-perjodu 2014-2020 se jkollhom effett ta' ingranaġġ dirett u se jiġġeneraw investiment addizzjonali ta' EUR 40-70 biljun, b'effett saħansitra ogħla ta' multiplikazzjoni fl-ekonomija reali billi se jattira l-investiment privat.

Bħala riżultat ta’ diskussjonijiet mal-Istati Membri, l-allokazzjonijiet ippjanati kollha mill-FSIEs għall-istrumenti finanzjarji żdiedu b’mod konsiderevoli (ara t-tabella 2). Fil-kuntest tal-massimizzazzjoni tas-sinerġiji u l-komplementaritajiet bejn ir-riżorsi tal-FSIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Kummissjoni qed toħroġ fuljett għall-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn. Barra minn hekk, jeżisti wkoll il-potenzjal li r-riżorsi tal-FSIE jingħaqdu ma’ strumenti finanzjarji taħt Orizzont 2020 u programmi oħra tal-UE, li fuqhom ukoll se jkun hemm ukoll gwida disponibbli.

Tabella 2: Ammont ta’ finanzjament tal-FSIE mogħti permezz ta’ strumenti finanzjarji fl- 2007-2013 u l-2014-2020 (EUR miljun)

Simplifikazzjoni

Is-simplifikazzjoni hija fattur importanti fl-aċċess għall-finanzjament, u hija rikonoxxuta bħala proċess kontinwu li permezz tagħha huma identifikati u mħaddma prattiki sempliċi iżda sodi. Il-qafas regolatorju l-ġdid jipprovdi possibilitajiet sinifikanti għas-simplifikazzjoni, partikolarment fir-rigward ta’ regoli komuni ta’ eliġibilità, għażliet tal-kosti ssimplifikati u governanza elettronika. Fil-ftehimiet u l-programmi ta’ sħubija, l-Istati Membri pprovdew sommarju tas-sorsi prinċipali tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji (applikazzjoni u proċedura ta’ pagament, segwiti minn awditi u kontrolli, rappurtar u tħejjija tal-proġetti), kif ukoll ta’ azzjonijiet ta’ simplifikazzjoni ppjanati sabiex jiġu indirizzati. B’mod ġenerali, l-esperjenza turi li hemm lok għall-awtoriflessjoni u tagħlim reċiproku minn prattiki differenti tal-Istati Membri.

Biex tindirizza dan, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Il-grupp hu fdat bl-inkarigu li jidentifika prattiki kemm tajbin u kemm ħżiena, u li jgħin sabiex jinxterdu l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-ħidma tiegħu se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-inizjattiva ta' "baġit iffukat fuq ir-riżultati".

Sħubijiet imtejba u governanza f’diversi livelli għal programmi aħjar u t-twassil tagħhom

Il-prinċipju ta’ sħubija — kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm sabiex jissaħħu impenn kollettiv wiesa' u sjieda u programmi ta’ kwalità — huwa saħansitra aktar importanti fil-perjodu 2014-2020. Fil-Kodiċi ta’ Kondotta 7 , il-Kummissjoni iddeskriviet l-istandards minimi għal kif għandha tiġi organizzata sħubija li taħdem sew: għandha tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu inklużi fil-proċess u li l-opinjoni tagħhom tkun qed tintalab permezz ta’ konsultazzjoni miftuħa.

Il-Kummissjoni tat attenzjoni speċjali għal kif l-Istati Membri jinvolvu lill-imsieħba fi ftehimiet u programmi ta’ sħubija. Ġeneralment ir-rispons kien pożittiv u l-preokkupazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni ġew indirizzati mal-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, kull Stat Membru jimplimenta l-prinċipju ta’ sħubija b’mod differenti, skont l-istrutturi nazzjonali amministrattivi u l-kultura. It-tisħiħ tal-kultura ta' sħubija huwa proċess fit-tul, u r-riżultati se jidhru biss fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.

Aktar attenzjoni fil-livell lokali u l-investiment fl-indirizzar ta’ konċentrazzjoni ta' sfidi territorjali

Biex ikun hemm aktar flessibbiltà fit-tfassil tat-twassil tal-finanzjament tal-FSIE abbażi tal-ħtiġijiet tat-territorju inkwistjoni, ġew stabbiliti mekkaniżmi ta' twassil ġodda u mtejba:

L-investimenti territorjali integrati (ITI) jagħmluha possibbli li l-finanzjament mid-diversi programmi Ewropej jingħaqdu biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp territorjali. 20 Stat Membru se jużaw l-ITI f’oqsma li jvarjaw minn viċinati urbani sa żoni metropolitani mċaħħda, minn rotot ta’ wirt kulturali għal sottoreġjuni milquta mir-ristrutturar ekonomiku.

L-appoġġ għal strateġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli fejn l-awtoritajiet urbani jkollhom rwol fl-implimentazzjoni se jaqbeż EUR 16-il biljun (9.9% tat-total tal-baġit tal-FEŻR, ogħla mill-mira ta’ 5% stabbilita), b’finanzjament addizzjonali konsiderevoli mill-FSE f’għadd ta’ Stati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament se jappoġġja żoni urbani fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju permezz ta’ investiment fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli, il-mobilità urbana sostenibbli u t-titjib tal-ambjent urban. Il-finanzjament se jindirizza wkoll l-isfidi tad-deprivazzjoni fiżika u soċjali ta' żoni urbani.

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) jagħti s-setgħa lil gruppi ta’ azzjoni lokali (LAGs) biex jimplimentaw strateġiji għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir u t-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali billi jingħaqdu fondi differenti tal-UE. Matul il-perjodu ta’ programmar, is-CLLD b’diversi fondi huwa appoġġjat b’aktar minn EUR 12-il biljun. Fl-iżvilupp rurali, aktar minn 2 500 strateġija lokali se jilħqu nofs il-popolazzjoni rurali tal-UE, filwaqt li l-FEMS se jappoġġja xi 280 minn dawn l-istrateġiji f’komunitajiet kostali u interni. 17-il Istat Membru se jappoġġjaw l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali wkoll fil-politika ta’ koeżjoni.

23 Stat Membru jipparteċipaw fi strateġija waħda jew aktar makroreġjonali u/jew tal-baċini tal-baħar li jippermettilhom ifasslu u jimplimentaw il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali tagħhom b’mod aktar effettiv u b’mod aktar ikkoordinat biex jimmassimizzaw il-potenzjal komuni. Fl-2014-2020, l-istrateġiji makroreġjonali kollha (il-Baltiku, id-Danubju, l-Adrijatiku u Joniku, tal-Alpi) 8 u l-istrateġija tal-baċin tal-Atlantiku huma integrati fil-programmi tal-FSIE.

Il-FSIE kollha huma attivament użati għall-kooperazzjoni transnazzjonali.

Ġew imwarrba allokazzjonijiet speċjali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ territorji bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda, żoni b’popolazzjoni baxxa u Stati Membri muntanjużi u gżejjer. Barra minn hekk, il-finanzjament għall-kooperazzjoni territorjali issa huwa aktar iffukat fuq l-isfidi komuni.

2. KISBIET MISTENNIJA TAL-PROGGRAMI TAL-FSIE 9

Għall-2014-2020, ġew allokati EUR 454 biljun f'finanzjament tal-FSIE għall-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir. Hu mistenni koffinanzjar nazzjonali li jammonta għal tal-anqas EUR 183 biljun, b’investiment totali li jilħaq EUR 637 biljun.

Dawn il-FSIE joperaw taħt qafas legali u strateġiku komuni fl-UE kollha. Kull Stat Membru għandu ftehim ta’ sħubija li jiġbor flimkien il-finanzjament minn sa ħames FSIE. Hawn taħt tingħata ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet mistennija tal-finanzjament tal-FSIE mwassal permezz ta' 456 programm nazzjonali (tematiċi) u reġjonali u ta' 79 programm ta' kooperazzjoni Interreg. L-Anness II għandu aktar dettalji dwar il-FSIE fl-Istati Membri, u l-Anness I għandu aktar dettalji dwar il-programmi Interreg.

L-Anness IV jagħti ħarsa ġenerali ta’ skeda ta' żmien għall-approvazzjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija u programmi li saru wara li ġiet adottata l-leġiżlazzjoni, tard fl-2013.

2.1 Żvilupp tar-R&I, l-ICT and l-SME

Il-FSIE jikkontribwixxu EUR 121 biljun biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti tal-UE, u b'hekk jitjiebu r-R&I, il-kompetittività tal-SMEs u s-suq uniku diġitali. Dawn l-investimenti fl-ekonomija reali huma mistennija li jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka tan-negozji u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, joħolqu inkubaturi u ċentri teknoloġiċi, jippermettu l-aċċess għal kapital ta’ riskju u self, jibnu sħubiji bejn raggruppamenti, jattivaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni, jipprovdu servizzi avvanzati, jistimolaw il-kollaborazzjoni fil-katini tal-valur Ewropej sabiex is-suq intern isir aktar profond u tissaħħaħ il-bażi industrijali u l-qawmien mill-ġdid rurali tal-Ewropa.

Tisħiħ tar-R&I — prijorità ewlenija għal trasformazzjoni ekonomika bbażata fuq il-post

L-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) huma l-pedament tal-investiment fir-R&I. Dawn huma prekondizzjoni għall-finanzjament mill-FEŻR u jitqiesu wkoll għall-finanzjament mill-FAEŻR. Huma jipprovdu oqfsa ta’ politika għal appoġġ b'saħħtu għar-R&I, ibbażati fuq l-evidenza u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u jibnu fuq is-saħħiet reġjonali filwaqt li jsegwu metodoloġija komuni. Din il-prekondizzjoni wasslet għal bidla fundamentali fil-mod ta’ kif tiġi implimentata l-politika ta’ innovazzjoni u tiġdid tal-kultura tal-ippjanar reġjonali bbażata fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati. Huwa mistenni wkoll li tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità fl-amministrazzjoni pubblika, li min-naħa tagħha se tinkoraġġixxi sinerġiji mal-Orizzont 2020 u ttejjeb il-kwalità u l-impatt tal-investimenti fir-R&I.

L-Istati Membri u r-reġjuni kollha qed jippjanaw li jinvestu fir-R&I. Hemm enfasi speċjali fuq l-attivitajiet li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni fl-SMEs, bħall-inkubazzjoni, l-iskemi tal-vawċers, l-innovazzjoni fil-proċess, id-diżinn u s-servizz, il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji, ir-raggruppamenti u n-netwerking. Hu ppjanat ukoll appoġġ sinifikanti għal dan li ġej: investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura u t-tagħmir għar-R&I, servizzi ta’ appoġġ, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà bħall-enerġija, l-ambjent u s-soċjetà li qiegħda tixjieħ. Dawn huma xi ċifri ewlenin marbuta mal-kisbiet mistennija:

129 460 kumpanija se jirċievu appoġġ biex iżidu l-kapaċità tagħhom għar-R&I. Minn dawn, 71 250 se jaħdmu ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka;

se jinħolqu impjiegi għal 29 370 riċerkatur ġdid u se jitjiebu l-faċilitajiet għal 71 960 riċerkatur eżistenti;

il-proġetti se jgħinu lill-kumpaniji jdaħħlu 15 370 prodott ġdid fis-suq;

il-finanzjament privat ta' EUR 9.9 biljun li hu ugwali għall-appoġġ pubbliku għall-proġetti tar-R&I jirrappreżenta madwar 6% tan-nefqa annwali tar-riċerka u l-iżvilupp tal-intrapriżi tan-negozju fl-UE kollha;

f’żoni rurali, se jiġu appoġġjati aktar minn 3 000 proġett ta’ innovazzjoni, u ’l fuq minn 12 000 proġett se jirċievu appoġġ biex jiżviluppaw prattiki, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-setturi tal-agrikoltura, tal-ikel u tal-forestrija. 3.9 miljun bidwi u SMEs oħra rurali se jiġu offruti taħriġ u 1.4 miljun benefiċjarju se jirċievu servizzi ta’ konsulenza.

Sostenn lis-suq uniku diġitali

Il-FSIE se jinvestu lejn l-objettivi tas-suq uniku diġitali. Infrastruttura broadband imtejba se tagħti aċċess aħjar lill-konsumaturi u lin-negozji għal oġġetti u servizzi diġitali, b’mod partikolari f’żoni rurali. Gvern elettroniku u interoperabbiltà mtejba se jżidu l-kosteffiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pprovduti. Id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji se tintegra teknoloġiji ġodda u tmexxi t-tranżizzjoni lejn sistema industrijali intelliġenti.

Il-kisbiet mistennija jinkludu:

14.6 miljun unità domestika addizzjonali se jkollhom aċċess għal broadband b’veloċità għolja b’appoġġ mill-FEŻR;

18.8 miljun persuna f'żoni rurali se jkollhom servizzi jew infrastruttura tal-ICT ġodda jew imtejba taħt l-FAEŻR;

77 500 kumpanija se jirċievu sostenn tal-FEŻR biex iżidu l-użu ta’ servizzi tal-ICT ta’ kwalità u biex jiżviluppaw prodotti tal-ICT.

Sostenn għat-tkabbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-Ewropa (SMEs)

Il-FSIE se jippromwovu l-innovazzjoni fost l-SMEs u se jikkontribwixxu għal suq intern aktar profond u ġust, b’bażi industrijali aktar b’saħħitha. Se jagħmlu dan permezz ta’: l-appoġġ għar-R&I, l-iżvilupp tan-negozju, l-intraprenditorija, l-inkubazzjoni, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-appoġġ għar-raggruppamenti, u servizzi ta’ appoġġ aħjar għall-SMEs. Kważi nofs dan l-appoġġ se jingħata permezz ta’ strumenti finanzjarji. Huma mistennija r-riżultati li ġejjin:

L-appoġġ se jingħata lil madwar 801 500 kumpanija għal ħolqien dirett ta’ 354 300 impjieg ġodda. Flimkien mal-appoġġ tar-R&I lill-kumpaniji, dan ifisser li 5% tal-SMEs kollha tal-EU u 8% tal-kumpaniji ġodda se jirċievu appoġġ finanzjarju tal-UE;

396 500 intrapriża mikro, żgħar u ta’ daqs medju (inklużi intrapriżi kooperattivi u intrapriżi tal-ekonomija soċjali) se jirċievu finanzjament biex jinvestu fl-iżvilupp tal-kapital uman u fil-ħiliet tal-persuni;

aktar minn 334 000 kumpanija rurali se jżidu l-kompetittività tagħhom. Barra minn hekk, madwar 138 000 bidwi se jirċievu appoġġ biex jipparteċipaw fi skemi ta’ kwalità u kważi 129 000 bidwi se jirċievu appoġġ biex jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. 30 000 bidwi se jingħataw għajnuna biex iwaqqfu ktajjen qosra tal-provvista u swieq lokali u biex jipparteċipaw fihom;

l-appoġġ fis-settur tas-sajd fil-biċċa l-kbira se jieħu l-forma ta’ appoġġ għal sajd fuq skala żgħira, li huwa ta’ importanza soċjali, ekonomika u kulturali kbira għall-komunitajiet kostali lokali, speċjalment fil-baċir tal-Mediterran. Huwa mistenni li fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura jinħolqu aktar minn 10 200 impjieg ġdid, filwaqt li se jinżammu 85 000 ieħor.

2.2 L-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u t-trasport

Il-FSIE se jkunu essenzjali għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, u se jkunu ta’ benefiċċju għan-nies, il-kumpaniji u l-ambjent bl-istess mod. Bl-ogħla baġit li qatt kien allokat għall-investiment tal-UE fl-oqsma tal-enerġija, l-ambjent, il-klima, il-ġestjoni tar-riskju u t-trasport sostenibbli — ta’ EUR 193 biljun — il-programmi se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politiki importanti tal-UE bħall-unjoni tal-enerġija, u biex tingħata direzzjoni lill-Ewropa fit-triq lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Huma se joħolqu wkoll opportunitajiet ta’ negozju u impjiegi ekoloġiċi f’setturi li għandhom potenzjal sinifikanti ta’ tkabbir u li ġeneralment urew reżiljenza matul il-kriżi 10

Fir-reġjuni marittimi, l-appoġġ tal-FSIE huwa mistenni li jilħaq mill-inqas EUR 7.9 biljun ta’ investiment immirat lejn l-inizjattivi għat-tkabbir blu, inklużi t-trasport marittimu, l-enerġija rinnovabbli, it-turiżmu kostali, il-bijoteknoloġija u l-akkwakultura.

Sostenn għall-unjoni tal-enerġija u l-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju

Il-FSIE se jappoġġjaw l-iżvilupp tal-unjoni tal-enerġija billi aktar milli jirdoppjaw il-fondi allokati għall-ekonomija b’livell baxx ta' karbonju, sa EUR 45 biljun għall- 2014-20, u b'hekk jipprovdu spinta għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jipprovdu finanzjament biex jiġu indirizzati l-ostakoli amministrattivi u tekniċi.

L-enfasi se jkun fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; filwaqt li jsir kontribut għal dan li ġej:

875 000 familja se jkunu qed jgħixu fi djar li ġew rinnovati biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija,

il-binjiet pubbliċi se jużaw 5.2 TWh/sena anqas enerġija milli qegħdin jużaw issa;

aktar minn 57 000 kumpanija, b’mod partikolari l-SMEs, u 18 000 intrapriża agrikola se joperaw b’effiċjenza mtejba fl-użu tal-enerġija, u

għadd ta’ bastimenti tas-sajd li huma qodma u ineffiċjenti jew li għandhom magni ta' daqs akbar min-normal se jiġu sostitwiti.

Dan se jgħin lill-UE tilħaq il-miri tagħha għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u se jwassal għal kontijiet orħos tal-enerġija, titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, impjiegi lokali, u aktar negozji kompetittivi.

Qasam ieħor ewlieni ta' investiment hu l-ġenerazzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u l-iżvilupp ta’ grids moderni u interkonnessi aħjar li huma aktar faċli biex jiġu mmaniġġjati (jiġifieri “grilji intelliġenti”). L-investiment f’dan il-qasam hu mistenni li jirriżulta fi:

7 670 MW ta’ kapaċità tal-enerġija rinnovabbli addizzjonali (li hu kważi daqs il-kapaċità tal-elettriku installata attwali totali tal-Kroazja u s-Slovenja flimkien);

3.3 miljun utent tal-enerġija addizzjonali konnessi mal-grilji intelliġenti;

konnessjonijiet aħjar tal-enerġija — sitt Stati Membri qed jippjanaw li jużaw madwar EUR 2 biljun għal infrastrutturi intelliġenti tal-gass u tal-elettriku biex ineħħu l-konġestjonijiet fl-enerġija.

It-tranżizzjoni għal livell baxx ta' karbonju hi appoġġjata wkoll fiż-żoni rurali, u l-kisbiet mistennija jinkludu:

4 miljun ettaru ta’ art agrikola u ta’ forestrija se jibbenefikaw mill-appoġġ għas-sekwestru tal-karbonju jew azzjonijiet ta’ konservazzjoni;

7.6% tat-total ta’ art agrikola se jinġiebu taħt kuntratti ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-ammonja;

investiment alternattiv f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sostenibbli se jiġbor total ta’ EUR 2.7 biljun.

B’mod ġenerali, il-FSIE se jikkontribwixxu direttament għal tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra annwali stmat ta’ madwar 30 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2, li jirrappreżenta madwar 50% tal-emissjonijiet tal-Iżvezja jew l-Ungerija.

Investiment fil-protezzjoni tal-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi

Il-protezzjoni ambjentali se tibqa’ tirċievi appoġġ sostanzjali — estiża fil-kamp ta' applikazzjoni, u mmirata lejn soluzzjonijiet innovattivi. L-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija prekondizzjoni għall-finanzjament (eż. dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali). Dan se jgħin lis-setturi tal-ilma u l-ġestjoni tal-iskart f'bosta Stati Membri għar-riġenerazzjoni tal-ibliet, l-appoġġ tal-protezzjoni tan-natura, l-għajnuna lill-industriji tal-UE biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari tal-UE. Il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali se jappoġġjaw il-ġestjoni konġunta ta’ assi naturali komuni u jiżviluppaw servizzi tal-ekosistema. Ir-riżultati mistennija ta’ investiment f’dan il-qasam jinkludu:

16.9 miljun ruħ se jgawdu minn trattament ta’ ilma mormi aħjar u 12.4 miljun minn provvista mtejba ta’ ilma — dan se jilħaq 56% tal-popolazzjoni li bħalissa m’għandhomx aċċess għal provvista pubblika tal-ilma;

l-installazzjoni ta’ 5.8 miljun tunnellata/sena ta’ kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart solidu addizzjonali;

titjib tal-protezzjoni u l-ġestjoni ta’ 6.4 miljun ettaru ta’ erja tas-superfiċje tal-ħabitats naturali

appoġġ għal 39 miljun aktar żjarat annwali għal siti ta’ wirt kulturali u naturali.

Il-kisbiet mistennija fiż-żoni rurali jinkludu:

17.4% ta’ art agrikola u 3.5% ta’ foresti ser ikunu mmirati lejn protezzjoni aħjar tal-bijodiversità, rispettivament 30.6 u 4.1 miljun ettaru;

biedja organika sostnuta fuq 10 miljun ettaru ta' art agrikola tal-UE (5.7% tal-erja maduma mill-bdiewa).

L-Istati Membri se jidderieġu l-appoġġ tal-FEMS lejn użu aktar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u t-tnaqqis tal-impatti ambjentali (inkluż permezz ta’ appoġġ għal tekniki ta’ sajd selettivi) billi jagħmlu investimenti li jindirizzaw il-qabdiet mhux mixtieqa u jtejbu l-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-FSIE għall-ġestjoni, ir-restorazzjoni u l-monitoraġġ tas-siti ta’ Natura 2000, f’konformità mal-għanijiet tal-politika tal-UE dwar in-natura u l-bijodiversità.

Tibdil fil-klima u prevenzjoni tar-riskju

L-investimenti fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskju tinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri, inklużi l-prevenzjoni tal-għargħar u miżuri bbażati fuq l-ekosistema bħall-infrastruttura ekoloġika li għandhom l-għan li jipproteġu 13.3 miljun persuna mill-għargħar u 11.8 miljun min-nirien tal-foresti filwaqt li jħallu impatt pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir.

Barra minn hekk, fil-FAEŻR ġie introdott tip ġdid ta’ strument għall-ġestjoni tar-riskju, u jinkludi l-appoġġ għal primjums tal-assigurazzjoni, l-istabbiliment ta’ fondi mutwi u għodda ta’ stabbilizzazzjoni tad-dħul. 14-il Stat Membru injettaw total ta’ EUR 2.7 biljun tan-nefqa pubblika f’għodod ta’ ġestjoni ta’ riskju, bil-għan li jiġu appoġġjati madwar 635 000 farm.

Fil-qasam marittimu u tas-sajd, l-appoġġ għas-sostituzzjoni ta’ magni ineffiċjenti jew it-tneħħija ta’ bastimenti tas-sajd qodma u ineffiċjenti se jikkontribwixxu għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Appoġġ għal trasport sostenibbli

It-trasport huwa settur ewlieni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-UE u r-reġjuni tagħha.

Il-FSIE se jiffinanzjaw proġetti ta’ infrastruttura li jimmiraw li jagħlqu l-konnessjonijiet nieqsa u jneħħu l-punti ta’ konġestjoni, speċjalment fl-Istati Membri u r-reġjuni inqas żviluppati. Dawn jinkludu:

il-kostruzzjoni u t-titjib ta’ 7 515-il km ta’ linji ferrovjarji, li minnhom 5 200 km huma tat-TEN-T;

il-kostruzzjoni ta’ 3 100 km ta’ toroq ġodda, li minnhom 2 020 km se jkunu TEN-T, u r-rikostruzzjoni ta’ 10 270 km ta' toroq, li minnhom 798 km se jkunu TEN-T. L-2 818-il km ta’ toroq TEN-T li jridu jinbnew jew jiġu mmodernizzati jirrappreżentaw 5% tan-netwerk TEN-T;

il-kostruzzjoni jew it-titjib ta’ 748 km ta’ linji tat-tramm u tal-metro;

il-kostruzzjoni jew it-titjib ta’ 977 km ta’ passaġġi fuq l-ilma interni.

Barra minn hekk, il-FSIE se jipprovdu appoġġ konsiderevoli sabiex it-trasport fl-Ewropa jsir iktar effiċjenti u aktar ekoloġiku, pereżempju billi:

jitjiebu l-konnessjonijiet bejn mezzi differenti ta’ trasport (multimodalità);

jkun hemm appoġġ għal bidla lejn modi ta’ trasport aktar sostenibbli bħall-ferroviji, it-trasport pubbliku, ir-roti, u l-mixi f’zoni urbani;

jiġi ffaċilitat l-użu ta’ sistemi u infrastruttura ta’ trasport intelliġenti li jagħmluha possibbli li jintużaw fjuwils alternattivi.

2.3 L-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni

F'dan il-qasam se jiġu investiti total ta' EUR 120 biljun, iffinanzjati b'mod predominanti mill-FSE iżda bl-appoġġ ta' Fondi SIE oħra ukoll.

Promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti, il-FSIE se jappoġġjaw miżuri ta’ politika għas-suq tax-xogħol attiv, inkluż aċċess imtejjeb għas-suq tax-xogħol, appoġġ għall-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, u l-mobilità tal-ħaddiema. Se jiffukaw fuq gruppi fil-mira l-aktar fil-bżonn ta’ appoġġ, pereżempju n-nies li jkunu qiegħda fit-tul, iż-żgħażagħ qiegħda jew inattivi, u ħaddiema aktar anzjani. L-investiment fl-impjiegi ser jimmira wkoll biex jiġu rikonċiljati x-xogħol u l-ħajja privata, biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-anzjanità attiva u b’saħħitha u jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi billi jagħti spinta lill-impjieg indipendenti, l-intraprenditorija u l-opportunitajiet ta’ ħolqien tan-negozju, inkluż għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk mikro.

Dan l-appoġġ għall-impjieg huwa mistenni li:

itejjeb l-opportunitajiet ta’ sejbien ta’ xogħol għal 10 miljun persuna qiegħda;

jiżgura li jiġu impjegati 2.3 miljun persuna, inkluż dawk impjegati għal rashom (minħabba l-appoġġ tal-FSE);

jgħin 237 700 persuna jieħdu sehem f’inizjattivi ta’ mobilità lokali jew inizjattivi ta’ taħriġ konġunt u tal-impjiegi minn fruntiera għall-oħra.

Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali

Il-kontribuzzjoni tal-FSIE għall-inklużjoni soċjali se tiffoka l-aktar fuq l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-appoġġ għal dawk li qegħdin f’riskju, is-sistemi tal-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul. Dawn l-investimenti għandhom l-għan li jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-effikaċja tas-servizzi soċjali u tas-saħħa; u li jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma. Mill-inqas EUR 1.5 biljun se jintefqu fuq l-appoġġ għal komunitajiet emarġinati bħal dawk tar-Roma.

Huma mistennija r-riżultati li ġejjin:

2.6 miljun persuna inattivi appoġġjati;

jibbenefikaw minn 2 sa 2.5 miljun persuna żvantaġġati.

41.7 miljun persuna se jibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa mtejba, inkluż l-investiment fis-saħħa elettronika.

L-investimenti tal-FEŻR ta' EUR 4.5 biljun ippjanati fl-infrastruttura soċjali se jinkludu appoġġ immirat lejn servizzi soċjali fil-komunità għall-gruppi vulnerabbli (persuni b’diżabilità, tfal, anzjani, pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali).

Fil-kuntest tal-kriżi attwali tar-refuġjati, il-FSIE jistgħu jappoġġjaw ukoll lir-refuġjati u lil dawk li jfittxu l-ażil, u l-familji tagħhom. Dan l-appoġġ jinkludi miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, bħalma huma l-edukazzjoni (inkluż għat-tfal), it-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, il-one-stop shops, il-konsulenza, l-attivitajiet ta' kkowċjar, u l-korsijiet tal-lingwa. 

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-FSIE se jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri se jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sabiex itejbu kemm ir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja. Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament f’dan il-qasam, madankollu, se jkun ikkonċentrat fuq il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità tajba fil-bidu tat-tfulija, l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja. Se jkun hemm ukoll appoġġ għall-edukazzjoni għolja, l-apprendistati u t-traineeships kif ukoll l-infrastrutturi tal-edukazzjoni.

Huwa mistenni li:

jiġu appoġġjati 4.1 miljun persuna taħt il-25 sena;

2.9 miljun persuna se jiksbu kwalifika;

400 000 persuna se jibdew l-edukazzjoni jew it-taħriġ wara li jirċievu l-appoġġ;

6.8 miljun żagħżugħ u żagħżugħa se jkunu jistgħu jużaw faċilitajiet tal-kura tat-tfal jew faċilitajiet edukattivi mtejba fi 15-il Stat Membru.

Barra minn hekk, l-investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni se twassal għal aċċess aħjar għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u għal tnaqqis fin-numru ta’ tfal li jħallu l-iskola kmieni, kif ukoll għat-titjib u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa għall-aġġornament tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

Madwar 10% tal-baġit tal-FEMS se jintużaw għal attivitajiet ta' taħriġ professjonali u tagħlim tul il-ħajja għall-operaturi tas-sajd u l-akkwakultura u l-imsieħba privati tagħhom. Dan jinkludi d-diversifikazzjoni ta’ attivitajiet fi ħdan il-komunitajiet lokali, b’enfasi partikolari fuq in-nisa u ż-żgħażagħ.

L-Inizjattiva favur l-Impieg taż-Żgħażagħ (YEI)

20 Stat Membru huma eliġibbli għall-YEI, li ġiet integrata f’34 programm tal-FSE. L-inizjattiva tnediet fl-2013 u kienet fil-baġits tal-2014 u l-2015 bħala għajnuna biex jintlaħqu riżultati konkreti bi tweġiba għall-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ. Se tkompli taħdem sal-aħħar tal-2018.

L-Istati Membri se jużaw il-fondi allokati lill-YEI biex jinvestu f'apprendistati, traineeships u impjiegi ta’ kwalità li jistgħu jikkontribwixxu għal integrazzjoni fit-tul fis-suq tax-xogħol u jżidu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Dan se jappoġġja l-objettiv ewlieni tal-politika tal-UE f’dan il-qasam, stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013). Il-qofol tal-implimentazzjoni tal-YEI, jiġifieri f’termini kemm ta’ progress finanzjarju kif ukoll tar-riżultati fir-rigward tal-parteċipanti, huwa mistenni li jseħħ fl-2016-18.

L-implimentazzjoni tal-YEI hi mistennija li:

tgħin 3.1 miljun parteċipant qiegħda jew inattivi jlestu proġett tal-YEI.

tgħin 1.6 miljun parteċipant qiegħda jew inattivi jirċievu offerta ta’ impjieg, ikomplu l-edukazzjoni, apprendistat jew traineeship meta l-appoġġ tal-YEI ikun intemm;

tappoġġja 1.3 miljun parteċipant qiegħda jew inattivi biex jieħdu sehem f’edukazzjoni/taħriġ, jiksbu xi kwalifika, jew isibu impjieg, inkluż impjieg għal rashom.

Minkejja l-eliġibbiltà bikrija tan-nefqa taħt il-YEI (l-1 ta’ Settembru 2013), l-implimentazzjoni tagħha bdiet aktar tard u kienet pjuttost kajmana fl-2014. Il-likwidità finanzjarja ġiet identifikata bħala problema u kienet indirizzata b’żieda ta’ 30% ta’ prefinanzjament mill-linja baġitarja tal-YEI fl-2015.

2.4 Tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u ta' amministrazzjoni pubblika effiċjenti

Il-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika għandha impatt dirett fuq l-ambjent ekonomiku u għalhekk hija kruċjali għall-istimulazzjoni tal-produttività, il-kompetittività u t-tkabbir. L-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir ta’ dawn l-aħħar erba’ snin għarfu l-ħtieġa li l-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji bħala prijorità ewlenija għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-FSIE jappoġġjaw il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet stabbli u prevedibbli li huma wkoll kapaċi jirreaġixxu għall-isfidi tas-soċjetà, huma miftuħa għal djalogu mal-pubbliku, u jilqgħu l-bidla teknoloġika fl-għoti ta’ servizzi aħjar. 17-il Stat Membru se jinvestu EUR 4.2 miljun (FSE/FEŻR) fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Il-kisbiet mistennija jinkludu:

it-titjib tal-kwalità tat-tfassil tal-politika permezz ta' kapaċità aħjar ta' monitoraġġ u analitika, valutazzjoni tal-impatt issimplifikata, u sistemi għat-tnaqqis tal-burokrazija;

it-titjib tat-twassil tas-servizzi amministrattivi permezz ta' aċċess diversifikat, proċessi back-office ottimizzati u soluzzjonijiet interoperabbli tal-gvern elettroniku;

iż-żieda fl-effettività tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, pereżempju permezz ta’ taħriġ tal-persunal tal-qorti u l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet fil-qrati;

iż-żieda fit-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika u involviment aktar b'saħħtu tal-partijiet ikkonċernati;

it-titjib tal-kwalità, l-integrità u l-professjonaliżmu tas-servizzi ċivili.

Il-FEŻR jikkumplementa l-attivitajiet għar-riforma amministrattiva ffinanzjati mill-FSE mal-investiment fl-ICT u infrastruttura oħra.

Barra minn hekk, il-programmi Interreg se jikkontribwixxu EUR 790 miljun biex jistabbilixxu jew jikkonsolidaw l-istruttura tal-kooperazzjoni u biex is-servizzi pubbliċi jsiru aktar effiċjenti bejn il-fruntieri.

KONKLUŻJONI: MINN INTENZJONIJIET TAJBIN GĦAL AZZJONI PRATTIKA

Spinta għall-investiment fl-UE

Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (FSIE) iwittu t-triq għal tkabbir sostenibbli fit-tul u ħajja aħjar f’Ewropa aħjar għaċ-ċittadini tagħha. Sal-2023, il-programmi tal-FSIE se jipprovdu aktar minn EUR 637 biljun għall-investiment fl-Istati Membri kollha, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida. Aktar minn 500 programm innovattiv qed jiksbu r-riżultati fl-għanijiet tal-politika tal-UE inkluż il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa kemm permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji kif ukoll it-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ investiment. Il-programmi jimmiraw ukoll li jżidu l-effettività tal-finanzjament, li se jkollu impatt pożittiv fuq il-ħajja u l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ Ewropej. Huma jikkontribwixxu wkoll b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u għar-riformi strutturali wara r-rakkomandazzjonijiet taħt is-Semestru Ewropew, billi jtejbu l-ambjent tan-negozju u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva.

Aktar minn flus

Il-modi kif il-FSIE rriformati jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-UE jmorru ferm lil hinn mill-finanzjament biss. Il-kondizzjonalitajiet ex ante jappoġġjaw u joffru inċentivi għal riformi strutturali u jgħinu biex tinħoloq klima aħjar għall-investiment kemm għall-investiment privat kif ukoll pubbliku bl-istess mod. Barra minn hekk, l-enfasi akbar fuq il-governanza tajba u l-kapaċità amministrattiva fis-settur pubbliku se jiżguraw amministrazzjonijiet pubbliċi modernizzati u effiċjenti (inkluż billi jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u l-provvista ta’ prodotti pubbliċi). Barra minn hekk, il-programmi INTERREG u l-istrateġiji makroreġjonali jressqu liċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti flimkien u jtejbu l-kondizzjonijiet tal-ħajja soċjali u ekonomika tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali.

Indirizzar ta’ sfidi ġodda fil-futur

Is-suċċess tal-programmi tal-FSIE – u tal-istrateġiji li jirfduhom permezz tal-kondizzjonalitajiet ex ante - se jiddependi fuq il-governanza tajba u l-bidu immedjat tagħhom, kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom fis-snin li ġejjin. Hija wkoll meħtieġa r-rieda li wieħed jadatta għal ċirkostanzi li jinbidlu, bħalma huma l-kriżi tar-refuġjati. L-oqsma fejn huma meħtieġa sforzi kontinwi matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-2014-2020 huma b’mod partikolari relatati biex jiġi żgurat l-iffukar fuq ir-riżultati u l-livell ta’ ambizzjoni għall-miri u b'hekk ikompli jiżdied l-użu ta’ strumenti finanzjarji, u jsir użu sħiħ tas-sinerġiji bejn l-FSIE, l-FEIS u sorsi oħra ta’ finanzjament bħal Orizzont 2020 fil-livell tal-proġett, fil-livell tal-istrument finanzjarju u permezz ta’ pjattaformi ta’ investiment. Is-750 pjan ta’ azzjoni fis-seħħ biex jissodisfaw il-kondizzjonalitajiet ex ante juru li hemm lok għal żvilupp u ħtieġa għall-Kummissjoni li tipprovdi għajnuna prattika f’xi Stati Membri sabiex tiżgura l-kondizzjonijiet tajbin ta’ investiment.

Huwa neċessarju wkoll li jkompli jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-FSIE u titnaqqas il-burokrazija f’konformità mal-objettivi tal-Kummissjoni ta’ regolamentazzjoni aħjar u bbaġitjar iffukat fuq ir-riżultati.


ANNESSI

ANNESS I: Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea/Interreg

ANNESS II: Skedi dwar il-pajjiżi

ANNESS III: Il-valutazzjoni ġenerali tal-addizzjonalità

ANNESS IV: L-iskeda ta’ żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija u programmi

(1)

Il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); Il-Fond ta' Koeżjoni (FK); Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Il-politika ta’ koeżjoni tinkludi l-FEŻR, l-FSE u l-FK.

(2)

2023 hija l-aħħar tal-perjodu ta' nfiq tal-FSIE għall-2014-2020.

(3)

 Il-kisbiet ippreżentati f’din il-komunikazzjoni huma bbażati fuq il-miri stabbiliti għal indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati mill-Istati Membri għall-programmi tal-Fondi SIE. Tista' ssib aktar dettalji, inkluża d-dejta ta' sfond, fuq: https://cohesiondata.ec.europa.eu/ .

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(5)

Il-finanzjament tal-FSIE jkopri l-impenji annwali tal-Istati Membri għall-perjodu 2014-2016. L-investiment pubbliku jkopri formazzjoni grossa ta’ kapital fiss (GFCF) tas-settur pubbliku kif ukoll l-infiq pubbliku fl-agrikoltura u s-sajd wara l-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Sabiex l-investimenti kollha tal-FSIE jiġu ppreżentati b’mod komparabbli fir-rigward ta’ investimenti pubbliċi, din it-tabella tinkludi wkoll in-nefqa attwali fl-agrikoltura u s-sajd bħala parti mill-investiment pubbliku tal-gvernijiet nazzjonali. Id-dejta sħiħa fuq l-oqsma tal-investimenti tal-FSIE hi disponibbli fuq: https://cohesiondata.ec.europa.eu/  

(6)

Għalkemm is-sehem minimu tal-FSE ammonta għal 23.1% tal-baġit tal-politika ta’ koeżjoni, is-sehem reali jammonta għal 24.8%. Il-baġit tal-FSE allokat għall-inklużjoni soċjali jammonta għal 25.6%, li jaqbeż il-limitu minimu ta’ 20%.

(7)

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014

(8)

Fil-kuntest tal-politika marittima integrata, l-istrateġiji tal-baċin tal-Baltiku, l-Adrijatiku u l-Joniku kollha huma mdaħħla fl-istrateġiji mikroreġjonali korrispondenti.

(9)

Il-kisbiet ippreżentati f’din il-komunikazzjoni huma bbażati fuq il-miri stabbiliti għal indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati mill-Istati Membri għall-programmi tal-Fondi SIE. Tista' ssib aktar dettalji, inkluża d-dejta ta' sfond, fuq: https://cohesiondata.ec.europa.eu/ .

(10)

L-impjiegi fl-UE fis-settur tal-oġġetti u s-servizzi ambjentali żdied minn 3 għal 4.2 miljun bejn l-2002 u l-2011, inkluż b’20% matul is-snin tar-reċessjoni (COM(2014) 446 final)

Top

Brussell, 14.12.2015

COM(2015) 639 final

ANNESS

ANNESS I: IL-KOOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA/INTERREG

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej


ANNESS I: Il-kooperazzjoni territorjali Ewropea/Interreg

Introduzzjoni

Il-Kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC), magħrufa wkoll bħala Interreg, hi t-tieni objettiv tal-politika ta’ koeżjoni. Hi tipprovdi qafas għal azzjoni konġunta bejn l-Istati Membri, biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għal problemi komuni. Tippromwovi l-kooperazzjoni transkonfinali permezz ta’ 79 programm organizzati fi tliet oqsma: transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

Ir-riżorsi għal Interreg jammontaw għal ftit inqas minn 3% tal-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni, jiġifieri EUR 10 biljuni. Id-dejta ta’ hawn taħt tirreferi għal EUR 9.1 biljuni investiti mal-UE kollha u l-pajjiżi tal-EFTA (jiġifieri minbarra programmi fil-fruntieri esterni tal-UE).

Il-kontribuzzjoni tal-ETC/Interreg għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

It-tkabbir sostenibbli jirċievi bil-bosta l-akbar sehem ta’ investiment ta' Interreg. 73 programm ta’ kooperazzjoni se jinvestu 41% tal-baġit totali tal-FEŻR għal Interreg f’miżuri għat-titjib tal-ambjent u bħala appoġġ għal azzjonijiet konġunti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma, it-trattament tal-ilma tar-rimi, il-konservazzjoni u r-restawr ta’ ħabitats u speċijiet, il-prevenzjoni tar-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem bħalma huma l-għargħar jew in-nirien, it-turiżmu sostenibbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dan huwa skont il-perċezzjoni ġenerali li l-protezzjoni ambjentali min-natura tagħha m'għandhiex konfini amministrattivi u għalhekk hija responsabbiltà konġunta li ssejjaħ għal koordinazzjoni u kooperazzjoni b’saħħitha.

Xi riżultati mistennija jinkludu:

2.1 miljun ettaru ta’ ħabitats bi status aħjar ta’ konservazzjoni;

2.9 miljun persuna protetta aħjar mill-għargħar;

2.9 miljun persuna protetta aħjar min-nirien fil-foresti;

5 200 kumpanija appoġġjati fil-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli.



L-azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima huma 20% tal-allokazzjonijiet tal-programmi Interreg u dan hu konformi mal-għan tal-UE li jintefqu tal-anqas 20% tal-baġit tal-UE f’azzjonijiet bħal dawn.

L-investiment fi tkabbir intelliġenti għandu t-tieni l-ogħla sehem ta’ finanzjament, b’27% tal-baġit. B'mod partikolari, 46 programm se jinvestu fit-tisħiħ tar-R&I. Xi riżultati mistennija jinkludu:

22 500 kumpanija appoġġjati fil-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti;

6 900 kumpanija li jaħdmu f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka bejn il-fruntieri tal-UE;

1 300 riċerkatur direttament involuti f'attivitajiet ta' riċerka transkonfinali u transnazzjonali.

13% tal-baġit ta' Interreg hu ddedikat għall-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv. L-attivitajiet marbuta mal-impjiegi u l-edukazzjoni u t-taħriġ iwasslu b'mod sinifikanti għal aktar opportunitajiet għal inizjattivi konġunti ta’ impjiegi jew taħriġ. Xi riżultati mistennija jinkludu:

53 250 parteċipant f’inizjattivi konġjunti ta’ impjiegi u taħriġ;

238 000 parteċipant f’inizjattivi ta’ mobbiltà tax-xogħol bejn il-fruntieri;

1 400 kumpanija li jinsabu f'reġjuni fuq il-fruntiera appoġġjati fil-promozzjoni ta' tkabbir inklużiv.

L-investiment fit-trasport huwa l-pass li jmiss, bi 33 programm bl-għan li tittejjeb il-konnettività ġenerali, prinċipalment permezz ta’ investiment fit-toroq u fil-portijiet u permezz tal-promozzjoni ta' sistemi tat-trasport multimodali, nodfa u intelliġenti minn naħa għall-oħra tal-fruntieri. L-investiment ferrovjarju huwa limitat ħafna minħabba l-ammont relattivament żgħir ta’ finanzjament disponibbli taħt il-programmi ta' Interreg.

Fl-aħħar nett, il-programmi ta' Interreg jindirizzaw ukoll il-kooperazzjoni istituzzjonali, b’EUR 790 miljun allokati għat-twaqqif jew it-tisħiħ ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni u għat-titjib tal-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, xi programmi se jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni istituzzjonali b’finanzjament minn attivitajiet speċifiċi skont is-settur bħalma huma l-ambjent, il-forniment tal-kura tas-saħħa jew l-inklużjoni soċjali.

Governanza

(1)Strutturi ta' ġestjoni

L-istrutturi ta' ġestjoni tal-programmi ta' Interreg baqgħu ġeneralment stabbli meta mqabbla mal-perjodu preċedenti. Madankollu, kien hemm bosta bidliet sinifikanti fl-istrutturi ta’ twassil, jiġifieri ġew identifikati tliet żoni ta’ programmi transnazzjonali ġodda (id-Danubju, l-Adrion u l-Balkan Med) u 13-il programm ta’ kooperazzjoni transkonfinali ħatru awtoritajiet maniġerjali ġodda.

L-introduzzjoni ta’ qafas ta’ prestazzjoni għall-programmi ta' kooperazzjoni kien verament ta' sfida, l-aktar minħabba nuqqas kbir ta’ dejta transkonfinali u transnazzjonali sinifikanti. Huwa diffiċli li jiġu stabbiliti l-linji ta’ bażi u l-miri meta jkun hemm nuqqas ta’ evidenza ta’ flussi speċifiċi.

(2)Koordinazzjoni bejn il-programmi ta' Interreg u ta' IfGJ

L-arranġamenti ta’ koordinazzjoni bejn l-istrutturi amministrattivi tal-programmi ta' Interreg u tal-programmi ta' IfGJ huma fil-biċċa l-kbira ta’ natura organizzattiva: rappreżentanti tal-programmi ta' Interreg jieħdu sehem f’korpi ta' koordinazzjoni nazzjonali tal-FSIE u għalhekk huma involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

(3)Simplifikazzjoni

Il-programmi jindirizzaw il-ħidma 'l quddiem tal-Kummissjoni Ewropea lejn is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv tal-benefiċjarji fi gradi li jvarjaw. Is-simplifikazzjoni se tirriżulta parzjalment minn regoli u mudelli armonizzati għall-programmi kollha ta' Interreg. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-programmi jużaw l-għażliet tal-ispejjeż simplifikati offruti mir-regolamenti u ħafna impenjaw ruħhom għal azzjonijiet speċifiċi biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji.

(4) Kontribuzzjonijiet finanzjarji

Għalkemm ir-regolamenti jippermettu rata ta' kofinanzjament mill-FEŻR sa 85%, ta’ min jinnota li programmi ta' Interreg li jinvolvu msieħba (l-aktar pubbliċi) li ħadmu flimkien permezz ta’ Interreg għal ħafna snin ta’ spiss jużaw rata ta’ kofinanzjament aktar baxxa. Dan juri l-maturità li qed tikber ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti fir-reġjuni kkonċernati.

Top

Brussell, 14.12.2015

COM(2015) 639 final

ANNESS

ANNESS II: Skedi informattivi tal-pajjiżi

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej


ANNESS II: SKEDI DWAR IL-PAJJIŻI

Werrej

il-Belġju    

il-Bulgarija    

il-Kroazja    

Ċipru    

ir-Repubblika Ċeka    

id-Danimarka    

l-Estonja    

Franza    

il-Ġermanja    

il-Greċja    

l-Ungerija    

l-Irlanda    

l-Italja    

il-Latvja    

il-Litwanja    

il-Lussemburgu    

Malta    

in-Netherlands    

il-Polonja    

il-Portugall    

ir-Rumanija    

is-Slovakkja    

is-Slovenja    

Spanja    

l-Iżvezja    

ir-Renju Unit    



1. FSIE fl-Awstrija

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Wara fażi ta’ żvilupp ekonomiku segwita minn tnaqqis modest bħala riżultat tal-kriżi, l-Awstrija issa tidher li dieħla f’fażi ta’ tkabbir ekonomiku aktar baxx. Dan jista’ jagħmilha aktar diffiċli biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha għall-innovazzjoni, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni, it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza tar-riżorsi. L-Awstrija għandha dgħufijiet speċifiċi fl-innovazzjoni u fit-trasferiment teknoloġiku minn istituzzjonijiet ta' riċerka għall-SMEs u fl-investiment privat fir-R&Ż. Il-pajjiż jeħtieġlu jtejjeb il-proviżjoni tal-edukazzjoni tax-xjenza u tat-teknoloġija u l-opportunitajiet tax-xogħol f'dan il-qasam. B’mod aktar ġenerali, jeħtieġ li jgħin lill-persuni akbar fl-età, in-nisa, iż-żgħażagħ u lil nies minn sfond ta’ migrazzjoni biex isiru aktar impjegabbli. L-Awstrija għandha bżonn ukoll li ttejjeb l-effiċjenza tagħha fl-użu tar-riżorsi biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tas-CO2 li qed jiżdiedu, l-użu ta' livelli għolja ta’ nitrat fl-agrikoltura u n-nuqqas ta’ bijodiversità fil-forestrija. Rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-UE lill-Awstrija fis-Semestru Ewropew jindirizzaw xi wħud minn dawn il-problemi, li huma parti mill-isfidi usa’ tal-Awstrija marbutin mal-età tal-irtirar, is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, is-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni u l-kwalifiki.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Huma u jippromwovu l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, il-FSIE se jgħinu lill-Awstrija twettaq l-objettiv tagħha li tkun fuq quddiem nett tal-innovazzjoni u l-mira ambizzjuża tal-istrateġija Ewropa 2020 li tinfoq 3.76% tal-PDG fuq ir-R&Ż. Il-FSIE se jappoġġjaw l-infrastruttura u l-kapaċitajiet ta' riċerka fiż-żoni ta' saħħa reġjonali tal-Awstrija u r-rwol tal-pajjiż fi proġetti Ewropej importanti bħal konsorzju tal-infrastruttura tar-riċerka Ewropea u l-forum tal-istrateġija Ewropea dwar l-infrastruttura ta' riċerka. EUR 248 miljun se jintefqu fuq ir-R&Ż fl-SMEs, billi jżidu fin-numru ta’ “mexxejja teknoloġiċi” u billi jagħmlu n-negozji b’mod ġenerali aktar innovattivi.

EUR 792 miljun se jintefqu biex l-SMEs ikunu aktar kompetittivi, billi jiffukaw fuq l-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-akkwakultura. Il-FSIE se jikkontribwixxu għal żieda ta’ 3% fis-sena f’negozji ġodda, b’mod partikolari f’setturi innovattivi u ta' għarfien intensiv, u se jappoġġjaw it-tkabbir ekonomiku ppjanat annwali ta’ 5% fin-numru tal-SMEs. Parti mill-finanzjament se tintuża biex tgħin l-Awstrija tilħaq il-miri tagħha ta’ infrastruttura ta' broadband imtejba jew ġdida għal 2.3 miljun abitant ta' żoni rurali sal-2030 u se tinvesti fir-ristrutturazzjoni u fil-modernizzazzjoni ta’ madwar 20 000 farm sal-2023, flimkien ma’ kważi 650 proġett ta’ kooperazzjoni.

Barra minn hekk, EUR 231 miljun se jintefqu fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fis-setturi kollha tal-ekonomija. Dan se jinvolvi t-tisħiħ tal-użu tal-enerġija rinnovabbli tal-kumpaniji minn 10% għal 12-13%, billi jgħin il-kumpaniji jiksbu żieda annwali ta’ 5% fl-effiċjenza tar-riżorsi u billi jiffinanzja l-istrateġiji lokali u reġjonali għat-tnaqqis tas-CO2. EUR 1.27 biljun se jintefqu fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju u l-immaniġġjar tar-riskju f’żoni rurali u EUR 1.28 biljun se jiġu investiti fil-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi f’żoni rurali. Il-Fondi tal-FAEŻR se jgħinu biex l-Awstrija tirrestawra, tippreserva u ssaħħaħ il-bijodiversità u s-sistemi agrikoli u forestali b’valur għoli ta’ konservazzjoni. Hi trid li aktar minn 83% tal-art agrikola tagħha tkun koperta b'kuntratti ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw il-bijodiversità u/jew il-pajsaġġi u 78% b'kuntratti ta’ mmaniġġjar għat-titjib tal-immaniġġjar tal-ħamrija. 75% tal-art agrikola tal-pajjiż se tibbenefika minn appoġġ mill-FAEŻR għall-iżvilupp tal-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Il-finanzjament tal-FEMS se jintefaq fuq is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli, it-titjib tal-bijodiversità akkwatika u l-ekosistemi akkwatiċi, u se jżid il-produzzjoni annwali mill-akkwakultura tal-pajjiż b’5 000 tunnellata sal-2023.

Il-finanzjament tal-ESIF ta’ EUR 123 miljun se jintefaq fuq il-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u s-sostenn tal-mobilità tax-xogħol, b’mod partikolari billi jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli integrat f’ċerti żoni urbani u rurali u billi jtejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kbar fl-età, nisa, żgħażagħ (b’mod partikolari dawk minn sfond ta’ migrazzjoni) u l-gruppi soċjali li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. EUR 553 miljun huma disponibbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, tal-ġlieda kontra l-faqar u tal-antidiskriminazzjoni. Dan hu prinċipalment maħsub biex jgħin liż-żgħażagħ u l-gruppi soċjali minn sfond ta’ migrazzjoni (inklużi r-Rom). It-tkabbir ekonomiku inklużiv hu għalhekk appoġġjat b’madwar 19% tal-allokazzjoni tal-FSIE. EUR 243 miljun għandhom jiġu investiti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari biex jittejbu r-riżultati edukattivi għaż-żgħażagħ żvantaġġati u jiġu appoġġjati t-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali fl-agrikoltura u l-forestrija. Kważi 610 000 persuna mistennija li jingħataw taħriġ sal-2023.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-Awstrija qed tippjana li talloka EUR 3 miljun lil strumenti finanzjarji għal investiment f’ekwità permezz tal-HighTechFund Linz fl-Awstrija ta’ Fuq, li jipprovdi kapital ta’ riskju għal intrapriżi ta' żgħażagħ teknoloġikament orjentati li jinsabu fil-fażi ta' bidu u għal kumpaniji li qed jespandu. Għalkemm l-investiment fi strumenti finanzjarji hu b’mod sinifikanti anqas miċ-ċifra tal-2007-2013, l-Awstrija qed jirnexxilha tkopri l-ħtiġijiet tagħha bl-użu ta’ strumenti nazzjonali eżistenti, u għalhekk ma hemm ebda lakuna li jeħtiġilha tiġi indirizzata mill-istrumenti finanzjarji tal-FSIE.

EUR 27.2 miljun (5% tal-FEŻR) se jintefqu fuq żvilupp urban sostenibbli integrat fi Vjenna u fl-Awstrija ta’ Fuq. Iċ-Ċentru għall-Mudell ta' Xmara Responsabbli se jkun ikkofinanzjat fi Vjenna, u se jikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju. Il-provinċja ta’ Tirol se tirċievi EUR 5.5 miljun biex iservu bħala prova għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità f’sebgħa mis-subreġjuni tagħha. Sћubiji lokali f’żoni rurali mistennija li joħolqu 800 impjieg ġdid.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 (nazzjonali)

1

1

10

Fondi disponibbli (EUR)

978 349 432

3 937 551 997

6 965 000

1 061 990 384 1

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

L-Awstrija tissodisfa l-kondizzjonalitajiet ex ante applikabbli kollha għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE. Qabel l-adozzjoni tal-programmi, il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-Awstrija kellha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet regolatorji meħtieġa biex jappoġġjaw ir-R&Ż, b’mod partikolari li hi kellha strateġija ta’ "speċjalizzazzjoni intelliġenti" fil-livell nazzjonali u reġjonali.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-koordinazzjoni tal-FSIE se tkun żgurata mill-Kanċellerija Federali u l-Konferenza Awstrijaka dwar l-Ippjanar Spazjali. Il-pajjiż naqqas l-għadd tal-programmi tal-FSIE minn 13 fl-2007-2013 għal 4, biex l-implimentazzjoni ssir aktar sempliċi. Issa għandha programm tal-FEŻR wieħed għall-pajjiż kollu minflok disa’ programmi reġjonali, u programm tal-FSE wieħed minflok tnejn. Naqqset ukoll in-numru ta’ awtoritajiet ta’ mmaniġġjar minn 11 għal 2. In-numru ta’ korpi intermedji tal-FEŻR naqas minn 36 għal 16, u kemm l-awditjar tal-FEŻR u l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni qed iżidu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. Billi korp intermedju importanti se jwaqqaf il-ħolqien ta' nefqa rilevanti għall-finanzjament tal-FSE, il-Kummissjoni se timmonitorja l-kapaċità ta’ assorbiment tal-FSE tal-Awstrija u se tassigura li s-sistemi ta’ monitoraġġ u ta' kontroll ġodda huma affidabbli.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Biex ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, l-Awstrija se tirrevedi r-regoli u d-dispożizzjonijiet tal-eliġibilità nazzjonali relatati mal-FSIE u l-FSE tal-liġi baġitarja tagħha sabiex dawn ikunu aktar koerenti u konsistenti. Hi se tistabbilixxi wkoll sistemi ta’ mmaniġġjar elettroniku li jkopru l-applikazzjonijiet u r-rappurtar u se tikkunsidra tintroduċi opzjonijiet ta’ kosti ssimplifikati u b’rata fissa u skali standard ta’ kost ta' unità fir-regoli ta’ eliġibilità nazzjonali u reġjonali, fejn adatt.

1. FSIE fil-Belġju

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Wara bosta snin ta’ staġnar, il-Belġju mar lura lejn it-tkabbir ekonomiku, sar aktar kompetittiv u tejjeb il-qafas fiskali tiegħu, waqt li d-dejn pubbliku tiegħu li qed jiżdied mistenni li jistabbilizza lilu nnifsu għal madwar 107% tal-PDG fl-2016. Madankollu, hu xorta waħda jeħtieġ li jiżgura s-sostenibbiltà fiskali u jsegwi r-riformi strutturali, iżid ir-rata tal-impjiegi tiegħu u jkompli jtejjeb il-kompetittività tiegħu.

Il-prestazzjoni tal-Belġju mqabbla mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u mar-rakkomandazzjonijiet ta' politiki tal-UE fis-Semestru Ewropew tindika ħtiġijiet għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jitnaqqsu d-diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol, billi l-aċċess għas-suq tax-xogħol isir aktar faċli għal gruppi speċifiċi fil-mira u billi jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħiliet u d-diskrepanzi. Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-pagi jevolvu b’konformità mal-produttività. Barra minn hekk, billi jiffoka b’mod aktar ċar fuq il-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni u r-R&Ż, il-Belġju jista’ jkompli jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu fl-aspetti ta’ kompetittività li mhumiex marbuta mal-kosti. Jekk il-Belġju jrid jilħaq il-miri tal-emissjonijiet tiegħu tal-gassijiet b'effett serra fl-2020, għandu jsir aktar użu minn mezzi ta’ trasport multimodali u sostenibbli. Barra minn hekk, bl-istimulazzjoni tal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza tal-enerġija, il-pajjiż għandu jtejjeb l-effiċjenza ekonomika ġenerali tiegħu, inaqqas id-dipendenza tiegħu fuq l-importazzjoni, isaħħaħ il-bilanċ tal-qagħda tal-pagamenti, inaqqas il-vurnerabbiltà ekonomika tiegħu għall-xokkijiet esterni fil-prezzijiet u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra.

Il-Belġju għandu problema serja u li qed tikber bil-konġestjoni tat-traffiku u l-gvernijiet federali u reġjonali tiegħu għadhom ma ħadux azzjoni tanġibbli biex din tiġi indirizzata.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Għall-perjodu 2014-2020, il-Belġju se jidderiġi l-Fondi SIE lejn objettivi tematiċi ewlenin, skont l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

Madwar 28% tat-total tal-Fondi SIE minfuqa fil-Belġju se jmorru lejn il-promozzjoni ta’ ambjent tan-negozju favorevoli għall-innovazzjoni. Dan imbagħad se jwassal biex l-SMEs ikunu aktar kompetittivi, jitjiebu l-innovazzjoni u l-prestazzjoni tar-riċerka u jiġi stimulat it-tkabbir tal-ekonomija elettronika. F’dan il-kuntest, il-Belġju se jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri tar-R&Ż u l-edukazzjoni għolja. B’dan il-mod, madwar 8 000 intrapriża Belġjana se jirċievu appoġġ għal investimenti produttivi u madwar 1 000 intrapriża se jkunu qed jikkooperaw ma’ istituzzjonijiet ta' riċerka. Fl-istess waqt, madwar 45% tal-farms se jiġu mmodernizzati u ristrutturati biex isiru aktar kompetittivi.

Il-Fondi SIE se jintużaw biex jgħinu l-Belġju jilħaq rata ta’ impjiegi ta’ 73.2% sal-2020 (meta mqabbla ma’ 67.3% fl-2014). EUR 1.1 biljun f’investiment se jmorru lejn l-iżvilupp tat-tkabbir tal-kapital uman u għat-titjib tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta’ titjib tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-għajnuna lill-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà (b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul) biex isibu xogħol. L-għan hu li jingħataw għajnuna 460 000 persuna ħalli jsibu xogħol, jibdew in-negozju tagħhom, jirritornaw lejn l-edukazzjoni u jsegwu t-taħriġ.

Fl-enerġija u t-tibdil fil-klima, EUR 657 miljun se jintefqu biex jitħeġġeġ l-użu sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi naturali u se jipprovdu investiment biex jappoġġjaw ix-xift lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, b'mod partikolari permezz tal-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija. Mill-2014 sal-2020, EUR 114-il miljun f’Fondi SIE se jintefqu fuq binjiet iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija (bini ta' kumpaniji, bini pubbliku u djar residenzjali) u fit-titjib ta’ tisħin distrettwali u ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Il-proġetti appoġġjati mill-FSIE se jgħinu l-Belġju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra b’madwar 11 000 tunnellata ta’ CO2 eq. u biex joħolqu 11-il MW ta’ kapaċità addizzjonali ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli. EUR 64 miljun se jkunu allokati għat-twassil ta' ekonomija b’użu effiċjenti tal-enerġija, mingħajr karbonju fis-settur tat-trasport. Il-Fondi SIE allokati għas-sajd se jkomplu jiffukaw fuq is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli, it-titjib tal-ekosistemi marini u tal-bijodiversità akkwatika u t-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Rigward l-agrikoltura, il-modernizzazzjoni tal-agrikoltura fil-Belġju għandha tkun akkumpanjata minn prattiki sostenibbli ta' agrikoltura u mmaniġġjar ekoloġiku tal-art, u minn investiment f'teknoloġiji ġodda. Aktar minn 85 000 ettaru ta’ art ġew allokati biex jirċievu appoġġ biex tiġi żviluppata l-agrikoltura organika, filwaqt li l-miżuri agriambjentali u dwar il-klima se jiddaħħlu biex jipproteġu aktar minn 160 000 ettaru ta’ art.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-Belġju qed ipoġġi madwar EUR 98 miljun fi strumenti finanzjarji, li prinċipalment jappoġġjaw lill-SMEs u l-effiċjenza fl-enerġija. L-istrumenti huma ppjanati fil-Wallonja u fi Brussell biss, mhux fil-Fjandri. Il-Belġju għandu jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-SIE flimkien ma’ strumenti nazzjonali u reġjonali eżistenti.

L-għan hu għal strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxijin mill-komunità sabiex ikopru madwar 70% tal-popolazzjoni rurali fil-Fjandri u terz tal-popolazzjoni rurali fil-Wallonja.

Tliet investimenti territorjali integrati (ITIs) huma ppjanati għall-Fjandri (Limburg, Kempen u l-Fjandri tal-Punent). Il-programmi għar-Reġjun tal-Kapitali Brussell huma kompletament urbani. L-ITIs ta' Limburg u ta' Kempen se jindirizzaw il-problemi relatati mal-konverżjoni industrijali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

7 (reġjonali)

2

1

7

Fondi disponibbli (EUR)

2 020 742 087

647 797 759

41 746 051

1 378 392 541 2

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-kondizzjonalità ex ante dwar l-istrateġija għal speċjalizzazzjoni intelliġenti għadha ma ntlaħqitx għall-Wallonja u r-Reġjun tal-Kapitali Brussell, u għalhekk ġew stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni. Ir-Reġjun tal-Kapitali Brussell għandu wkoll pjan ta’ azzjoni dwar kwistjonijiet ta’ enerġija taħt il-programm FEŻR tiegħu.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Għall-perjodu 2014-2020, il-Wallonja ddeċidiet li tissokta bil-prattika li jkollha kumitati ta' monitoraġġ konġunti tal-FEŻR u l-FSI. Il-kumitati ta’ monitoraġġ għall-FAEŻR se jinżammu separati.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar għall-FSIE bħalissa qed jippjanaw użu estiż ta’ opzjonijiet ta’ kosti ssimplifikati. Użu akbar tal-ICT naqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji tal-finanzjament u għall-awtoritajiet pubbliċi.

1. FSIE fil-Bulgarija

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Il-prestazzjoni ekonomika tal-Bulgarija baqgħet baxxa matul il-perjodu ta’ wara l-kriżi. Wara tnaqqis fl-attività ekonomika fl-2009, it-tkabbir kien qed jitla' u jinżel madwar 1% fis-sena. Tkabbir sostenibbli għal tul ta’ żmien twil qed jinżamm lura minħabba ostakoli strutturali bħal nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol, it-tnaqqis kontinwu tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, l-akbar produttività baxxa ta' xogħol u l-ogħla intensità ta' enerġija ta' produzzjoni tal-UE, u mmaniġġjar ineffiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma. Is-servizzi pubbliċi huma ineffiċjenti u ta' kwalità fqira minħabba progress limitat fir-riforma amministrattiva u ġudizzjali. Bi tweġiba, ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika tas-Semestru Ewropew iffukaw fuq is-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, il-kwalità tal-edukazzjoni, l-ambjent ta' negozju ta' innovazzjoni faċli, l-effiċjenza fl-enerġija, u l-bini tal-kapaċità amministrattiva. Dawn il-prijoritajiet huma riflessi fil-programmi tal-FSIE matul il-perjodu 2014-2020 fil-Bulgarija b’fondi li se jiġu investiti fi 11-il objettiv tematiku kollha kemm huma.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-FSIE se jikkontribwixxu biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi, l-iżgurar ta’ kwalità għolja ta’ kapital uman permezz ta’ edukazzjoni aħjar, it-titjib tal-kwalifiki u l-ħiliet, it-titjib tas-saħħa u l-kura tas-saħħa, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, l-anzjani u gruppi mill-popolazzjoni li huma żvantaġġati bħar-Rom. Il-Bulgarija għandha l-għan li żżid ir-rata tal-impjiegi għall-persuni bejn il-20 u l-64 sena minn 63.5% fl-2013 għal 76% fl-2020. Għal persuni anzjani (55-64 sena), l-għan tal-impjiegi għall-2020 hu ta’ 53%, filwaqt li għall-qgħad fost iż-żgħażagħ il-mira għall-2020 hi 7%. Biex tavvanza l-inklużjoni soċjali ta’ dawk li huma l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli tal-popolazzjoni tagħha, il-Bulgarija għandha l-għan li jkollha 260 000 ruħ anqas fil-faqar sal-2020. Barra minn hekk, aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa għandu jingħata lil bosta eluf ta’ tfal, inklużi dawk b’diżabilitajiet.

Il-Fondi SIE huma mistennija jsaħħu l-kwalifiki ta’ madwar 100 000 persuna, jgħinu 28 000 persuna lil qed ifittxu xogħol biex isibu impjieg, jiffinanzjaw l-impjiegi u miżuri ta’ taħriġ sabiex jgħinu 17 000 żagħżugħ/a, u jipprovdu t-tagħlim tul il-ħajja ta’ 160 000 persuna. Fl-edukazzjoni, madwar 1 500 skola se jirċievu l-appoġġ tal-FSIE, li jipprovdu 160 000 tifel u tifla tal-iskola l-opportunità li jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Madwar 30 000 student universitarju se jirċievu boroż ta’ studju filwaqt li eluf ta’ studenti minn skejjel sekondarji u għolja se jirċievu gwida għall-karriera u taħriġ f’ambjent ta’ xogħol reali.

Il-Fondi SIE se jgħinu biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju tal-Bulgarija billi tissaħħaħ il-kompetittività bbażata fuq l-għarfien tal-SMEs. Sal-2020, 1.5% tal-PDG għandu jintefaq fuq ir-R&Ż fil-Bulgarija. EUR 528 miljun tal-Fondi SIE se jappoġġjaw l-innovazzjoni tal-intrapriżi u l-ħolqien ta' intrapriżi ġodda innovattivi, u se jtejbu l-innovazzjoni u l-infrastruttura tar-riċerka.

Il-Fondi SIE se jintefqu fuq 3 500 farm u 120 kumpanija fis-settur tal-forestrija, li jirrispettaw l-ambjent u b'aktar kompetittività, li joħloq impjiegi kemm fl-agrikoltura kif ukoll f’setturi mhux agrikoli f’żoni rurali. Aktar minn 4 000 bidwi żgħir se jirċievu appoġġ biex jiżviluppaw il-farms tagħhom u 1 630 bidwi zagħżugħ se jirċievu għajnuna tal-bidu. Fis-sajd, il-Fondi SIE se jintefqu fuq l-investimenti u l-innovazzjoni biex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent marin u se jappoġġjaw lill-SMEs fis-settur tal-akkwakultura u tal-ipproċessar.

L-investimenti li użaw il-Fondi SIE fil-Bulgarija għandhom iwasslu għal żieda ta’ 25% fl-effiċjenza fl-enerġija fil-familji, l-industrija, is-servizzi u t-trasport. Sal-2020, is-sehem ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija fil-Bulgarija għandu jkun ta’ 16%. Il-Fondi SIE se jiġu wkoll investiti fl-immaniġġjar tal-ilma u l-iskart, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, tal-bijodiversità u tal-prevenzjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima.

EUR 1.6 biljun f’Fondi SIE se jintużaw biex titjieb l-infrastruttura tat-trasport tal-Bulgarija, biex jiġu pprovduti konnessjonijiet aħjar bejn ir-reġjuni u mal-pajjiżi ġirien, biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi u biex jiġu stimulati l-kummerċ u t-turiżmu: Se jinbnew 190 km ta’ ferroviji TEN-T, 62 km ta’ motorway TEN-T u 8 km ta’ linji tal-metro ta' Sofja, b'din tal-aħħar iżżid in-numru ta’ vjaġġi bil-metro minn 80 għal 105 miljun vjaġġ fis-sena sal-2023.

Il-governanza tajba hi waħda mill-isfidi ewlenin għall-Bulgarija. Ir-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura jeħtieġu mmaniġġjar u żvilupp tajbin. Dan hu għaliex il-FSIE se jiġu mobilizzati biex jiżviluppaw oqsma bħalma huma dawk tal-governanza elettronika u l-ġustizzja elettronika, u sabiex jistabbilixxu servizzi ta’ kwalità għaċ-ċittadini u n-negozji. Sal-2020, iż-żmien meħtieġ biex jiġu pprovduti s-servizzi tal-amministrazzjoni pubblika għandu jitnaqqas, imqabbel mal-2013, b'50% u t-tul ta' żmien medju ta' proċeduri kriminali u ċivili b'10%.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

EUR 612-il miljun mill-baġit tal-FEŻR, tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-FSE ġew allokati għall-istrumenti finanzjarji, 70% aktar mill-2007-2013. Il-parti l-kbira tal-appoġġ se tiġi diretta lejn l-effiċjenza fl-enerġija, is-setturi tal-iskart u tal-ilma, l-SMEs, l-iżvilupp urban u t-turiżmu. Il-Bulgarija ssieħbet ukoll fl-inizjattiva tal-SMEs, b'kontribuzzjoni ta' EUR 102 miljun.

Il-FSIE se jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità f'żoni rurali u f'żoni dipendenti fuq is-sajd, b’hekk jinħolqu 600 impjieg. Terz tal-popolazzjoni rurali tal-Bulgarija se tibbenefika minn infrastruttura li se tkun ittejbet bl-għajnuna tal-FSIE.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

7 (nazzjonali)

1

1

8

Fondi disponibbli (EUR)

7 422 791 277

2 366 716 966

88 066 622

701 131 995 3

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Tlieta mill-kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) speċifiċi għall-FEMS u 7 minn 11-il EAC tematika għadhom ma ġewx sodisfatti, notevolment għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, l-ilma, it-trasport, is-saħħa u t-tkabbir diġitali, iżda wkoll l-EAC kruċjali ġenerali għall-akkwist pubbliku. Madankollu, il-Bulgarija daħħlet fis-seħħ pjanijiet ta’ azzjoni biex timplimenta l-EACs kollha tagħha sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

L-ipprogrammar, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-programmi tal-FSIE fil-Bulgarija huma r-responsabbiltà ta’ deputat prim ministru responsabbli għall-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE u l-unità ċentrali ta’ koordinazzjoni fil-Kunsill tal-Ministri. Id-deputat prim ministru jikkoordina u jippresjedi l-Kunsill għall-koordinazzjoni tal-immaniġġjar tal-fondi tal-UE, li tinvolvi l-ministeri kollha b’responsabbiltà għal fondi tal-UE.

Il-programmi differenti tal-FSIE jinkludu miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-korpi responsabbli għall-koordinazzjoni, l-immaniġġjar, l-implimentazzjoni, il-pagament u l-kontroll. Il-benefiċjarji tal-proġett, bħal muniċipalitajiet, il-ġudikatura u l-benefiċjarji istituzzjonali fis-settur tat-trasport, huma eliġibbli wkoll għal għajnuna biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom. L-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Dinji u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jipprovdu l-għarfien espert.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet Bulgari qed jaħdmu biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji tal-proġetti, jiddiġitilizzaw fejn possibbli l-komunikazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar. Dan jinvolvi s-sottomissjoni elettronika tal-proposti ta’ proġetti u ta’ rappurtar tal-proġetti u jagħmlu l-proċeduri amministrattivi aktar faċli u aktar effiċjenti. Pereżempju: il-formoli tal-applikazzjoni u r-rappurtar se jkunu standardizzati, se jiġu introdotti regoli għal kosti ssimplifikati meta tiġi rappurtata n-nefqa u l-korp differenti ta' awditjar u ta’ spezzjoni se jikkoordinaw l-ispezzjonijiet tagħhom.    

1. FSIE fil-Kroazja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Ir-riċessjoni fit-tul naqqset il-PDG reali tal-Kroazja b’madwar 12.5%, filwaqt li r-rata tal-qgħad irdoppjat minn 8.6% fl-2008 għal 17.3% fl-2014. L-aħħar snin urew il-ħtieġa għal bidliet strutturali, b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fiskali, l-implimentazzjoni tar-riforma fis-suq tax-xogħol, l-iżvilupp tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-saħħa sostenibbli, it-titjib tal-ambjent tan-negozju u r-riforma tal-amministrazzjoni tal-istat u tal-ġudikatura. L-awtoritajiet nazzjonali wettqu għadd ta’ riformi bħala parti mis-Semestru Ewropew. Proporzjon sinifikanti ta’ EUR 10.676 biljun tal-allokazzjoni mill-Fondi SIE għall-2014-2020 ġiet allokata biex jitwettqu r-riformi u l-issodisfar tal-miri nazzjonali bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-Fondi SIE se jintużaw biex jistimulaw ir-R&Ż&I fil-Kroazja, jagħmlu l-ekonomija tagħha iżjed innovattiva u kompetittiva u jgħinu biex jissodisfaw l-impenn nazzjonali tagħha biex tonfoq 1.4% tal-PDG fuq ir-R&Ż sal-2020 (ċifra tal-2012: 0.75%). Il-Kroazja għandha wkoll l-għan li żżid il-valur miżjud għal kull impjegat fl-SMEs b’50% sal-2023.

Il-Kroazja għandha waħda mir-rati l-aktar baxxi ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-UE, b'mod partikolari din taffettwa ż-żagħżagħ, dawk b'ħiliet baxxi, il-ħaddiema anzjani u n-nisa. Il-mira nazzjonali tal-Kroazja hi rata ta’ impjieg ta’ 65.2% sal-2020 (ċifra tal-2012: 55.4%), b’fokus speċifiku fuq iż-żieda tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ bla impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. F'dan il-kuntest, il-Fondi SIE se jittrattaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ ta' ħiliet tal-ħaddiema billi jirriformaw l-edukazzjoni terzjarja u s-servizz pubbliku tal-impjiegi, u billi jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Il-fondi se jkunu wkoll minfuqin fuq appoġġ lil min jaħdem għal rasu u t-tnaqqis tal-qgħad fit-tul.

Il-Kroazja se tonfoq Fondi SIE fuq il-bini tal-infrastruttura li tista' ssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku: il-fokus se jkun fuq l-iżvilupp ta’ netwerks ewlenin (TEN-T), it-trasport urban sostenibbli u fuq aktar aċċessibilità għar-reġjuni tagħha. Barra minn hekk, il-Kroazja għandha l-għan li 53% tal-familji jkollhom kopertura tal-broadband sal-2023 (meta mqabbla ma’ 33% fl-2013).

Il-Fondi SIE se jiġu wkoll investiti fl-acquis ambjentali tal-UE: l-għan hu għal miljun abitant li jkollhom provvista ta’ ilma aħjar u għal servizzi tat-trattament tal-ilma mormi sal-2023. Il-fondi se jintużaw ukoll biex jitnaqqas il-proporzjon ta’ skart muniċipali fil-miżbliet minn 83% fl-2012 għal 35%, biex ipoġġu 40% tal-qafas ta’ mmaniġġjar ta’ Natura 2000 tal-Kroazja fis-seħħ u li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja disponibbli għal 100% tal-popolazzjoni f’żoni urbani. Aktar minn EUR 160 miljun tal-Fondi SIE se jiġu investiti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-medja annwali ta’ tisħin u ta' tkessiħ f'bini pubbliku retrofittjat għandha tilħaq 50 kWh/m² sal-2023 (iċ-ċifra tal-2013 kienet ta’ 250 kWh/m²).

Il-Kroazja qiegħda tiffaċċja sfidi soċjali fil-forma ta’ livelli għoljin ta’ faqar u esklużjoni soċjali; l-għan nazzjonali hu li jitnaqqas in-numru ta’ nies li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew ta' esklużjoni soċjali b’150 000 sal-2020. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Fondi SIE se jiġu investiti biex tkun promossa l-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli, it-titjib fl-aċċess għall-kura tas-saħħa, it-titjib tal-aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità għolja (inkluż l-appoġġ għax-xift minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità), il-prevenzjoni u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni, l-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana.

Fl-aħħar nett, il-Fondi SIE se jappoġġjaw ir-riforma nazzjonali tal-amministrazzjoni pubblika tal-Kroazja permezz ta’ mmaniġġjar aħjar u sod tal-finanzi pubbliċi, it-tnaqqis ta' proċeduri mhux meħtieġa, l-iżvilupp tal-amministrazzjoni elettronika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Barra minn hekk, id-djalogu mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili se jkompli jkun żviluppat u s-sistema ġudizzjarja għandha ssir aktar effiċjenti billi tħaffef il-proċeduri legali u tiġi żgurata l-imparzjalità.

Il-Fondi SIE se jikkontribwixxu biex jagħmlu l-produzzjoni tal-ikel, l-akkwakultura u setturi tas-sajd tal-Kroazja aktar kompetittivi u aktar favur l-ambjent. Il-fondi se jintużaw biex jirristrutturaw u jimmodernizzaw aktar minn 1 800 farm, jipprovdu għajnuna tal-bidu għal mill-anqas 1 000 bidwi żagħżugħ, u b’hekk itejbu t-tiġdid ġenerazzjonali fiż-żoni rurali, u jappoġġjaw l-użu tal-kuntratti ta' mmaniġġjar tal-bijodiversità li jkopru aktar minn 101 000 ettaru ta’ art agrikola. Il-Kroazja qed ukoll timmira li jintlaħaq żvilupp reġjonali bbilanċjat u li tnaqqas il-waqgħa fir-ritmu ekonomiku f’żoni rurali, inklużi l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi alternattivi. Barra minn hekk, il-Fondi SIE se jintużaw biex itejbu u jiddiversifikaw l-ekonomija lokali fiż-żoni kostali, isaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir tal-pajjiż fis-setturi marini u marittimi, jagħmlu s-sajd u l-akkwakultura aktar sostenibbli u jsaħħu l-ekosistemi akkwatiċi u l-bijodiversità. B’mod partikolari l-volum ta’ produzzjoni tal-akkwakultura hu previst li jiżdied b’400%.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-Kroazja tistenna li talloka aktar minn EUR 440 miljun mill-Fondi SIE għall-istrumenti finanzjarji li jipprovdu appoġġ lill-SMEs, lir-R&Ż&I, l-effiċjenza fl-enerġijġa, it-trasport urban, lil dawk li jaħdmu għal rashom u l-intraprenditorija soċjali. Dan il-programm hu ambizzjuż meta wieħed iqis li ma kellha ebda strumenti finanzjarji fil-perjodu ta’ programmar preċedenti. Jeħtieġ li wieħed janalizza aħjar l-użu ta’ strumenti finanzjarji fl-ICT, l-iżvilupp urban u l-infrastruttura tat-trasport.

Il-Kroazja se tpoġġi tal-anqas EUR 400 miljun f’investimenti territorjali integrati biex jintuża għal żvilupp urban sostenibbli u fi proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità fiż-żoni rurali, is-sajd u żoni marittimi. Strateġiji ta’ żvilupp lokali taħt LEADER se jkopru 1.5 miljun persuna f’żoni rurali matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 (nazzjonali)

1

1

9

Fondi disponibbli (EUR)

8 463 255 776

2 026 222 500

252 643 138

1 201 084 956 4

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Qabel tmiem l-2016, il-Kroazja se tadotta sett ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ investiment sabiex twettaq il-kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) għal użu effettiv u effiċjenti tal-Fondi ESI. Hi qed tippjana inter alia li tadotta strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, broadband u strateġiji diġitali, strateġija għall-immaniġġjar ta’ riskji naturali, strateġija tal-ipprezzar tal-ilma, pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart u programmi għall-prevenzjoni tal-iskart, strateġija integrata tat-trasport, master plan għall-isptar, programm għall-iżvilupp tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u strateġija ta' żvilupp għall-amministrazzjoni pubblika. Żewġ EACs speċifiċi tal-FEMS, relatati mal-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ kontroll u r-rapport dwar il-kapaċità ta’ sajd huma biss parzjalment issodisfatti; pjanijiet ta’ azzjoni li t-twettiq tagħhom għandu jiġi implimentat sal-31 ta’ Diċembru 2016.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Kumitat ta' koordinazzjoni nazzjonali (governamentali) se jikkoordina l-implimentazzjoni tal-erba’ programmi nazzjonali u l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea. Minħabba żieda qawwija fl-allokazzjoni tal-Fondi SIE tal-Kroazja fl-2014-2020, il-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi għandhom jiżdiedu b’mod sostanzjali, kemm fi ħdan is-sistema ta’ mmaniġġjar u kontroll, kif ukoll fuq il-livelli ta’ benefiċjarji.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Se jiġu żviluppati għodod differenti, inklużi sit web għal benefiċjarji, mekkaniżmu kkoordinat biex jipprovdi informazzjoni dwar il-FSIE, u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u selezzjoni tal-proġett. Il-Kroazja kkunsidrat ukoll l-użu tal-opzjoni ta’ kosti ssimplifikati.

1. FSIE f’Ċipru

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Bħala kondizzjoni għall-pakkett finanzjarju ta’ EUR 10 biljun ta' Ċipru (li jikkonsisti minn EUR 9 biljun skont il-mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u EUR 1 biljun mill-FMI), il-pajjiż hu taħt programm ta’ aġġustament ekonomiku li jkopri l-perjodu 2013-2016.

Fil-kuntest ta’ ambjent ekonomiku li għadu ta' sfida, Ċipru qed jaqa' lura milli jilħaq uħud mill-miri nazzjonali tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020. Pereżempju, l-impjieg attwali u r-rati ta’ faqar tiegħu jiddevjaw b’mod konsiderevoli mill-miri nazzjonali. Filwaqt li ż-żewġ indikaturi tal-edukazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tjiebu fl-2014 u t-tnejn huma f’konformità mal-miri nazzjonali, Ċipru għandu r-rata l-aktar baxxa ta’ impjegabbiltà għal gradwati reċenti fl-UE (64.9% meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 80.7% fl-2013). Il-persentaġġ tal-PDG li Ċipru jonfoq fuq ir-R&Ż jibqa’ kemxejn taħt il-mira nazzjonali. L-indikaturi tal-klima tal-Istrateġija Ewropa 2020 għadhom fit-triq it-tajba: l-indikatur tal-effiċjenza tal-enerġija għall-2013 qabeż il-mira annwali interim u l-indikatur tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kellu prestazzjoni sodisfaċenti. Madankollu, il-prestazzjoni ambjentali ta' Ċipru għadha fqira ħafna, b’mod partikolari dwar l-immaniġġjar tal-iskart solidu, fejn hemm livelli baxxi ta’ riċiklaġġ.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Fl-2014-2020 il-programmi tal-FSIE huma mfasslin madwar tliet prijoritajiet ewlenin: 1) kompetittività; 2) impjiegi u inklużjoni soċjali; u 3) użu sostenibbli u protezzjoni ta’ riżorsi naturali.

Il-Fondi SIE se jintużaw biex tiġi diversifikata l-istruttura tal-ekonomija u jagħmluha aktar kompetittiva billi jsaħħu l-innovazzjoni tan-negozju u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-faċilitajiet tar-riċerka fl-oqsma identifikati fl-istrateġija intelliġenti ta' speċjalizzazzjoni. Se tiġi promossa l-intraprenditorija u l-kompetittività tal-SMEs, b’mod partikolari t-turiżmu, l-ikel u l-akkwakultura (il-produzzjoni tiżdied b’46%). Il-Fondi SIE huma mistennija li jappoġġjaw aktar minn 600 SME u joħolqu 1 200 impjieg ġdid, filwaqt li l-proporzjon ta’ PDG minfuq fuq ir-R&Ż għandu jiżdied minn 0.47% tal-PDG fl-2012 għal 0.5% fl-2020, filwaqt li jiġu stimulati l-investimenti privati. Il-FSIE se jappoġġjaw ukoll l-investiment fis-sajd biex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent marin u se jappoġġjaw lill-SMEs fis-settur tal-akkwakultura u tal-ipproċessar. Ċipru jistenna li jsaħħaħ il-governanza elettronika u l-intraprenditorija diġitali permezz ta’ investiment fl-ICT u biex jiżdied l-użu tal-ICT mill-SMEs. Hu jistenna wkoll kopertura tal-broadband ta’ veloċità għolja li tilħaq 50% tal-familji, filwaqt li l-użu tal-ICT fost il-pubbliku u l-SMEs hu mistenni jiżdied b’10% u 6% rispettivament.

Il-FSIE se jinvestu fl-oqsma tal-impjiegi u tal-koeżjoni soċjali, li jgħinu biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi, billi jiffukaw fuq gruppi vulnerabbli bħal persuni diżokkupati, nies li ilhom qiegħda, u b’mod speċjali fuq iż-żgħażagħ. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) se tintuża wkoll biex tappoġġja dan l-aħħar grupp. Aktar minn 14 000 persuna qiegħda huma mistennija li jibbenefikaw minn interventi tal-FSIE li l-maġġoranza tagħhom (9 000) huma żgħażagħ. Minn dawn 5 800 se jirċievu appoġġ taħt il-YEI u l-bqija mill-FSE. Minħabba l-appoġġ tal-FSIE, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u r-rata tal-impjiegi huma mistennija li jiżdiedu u jilħqu l-mira ta’ 75-77% fl-2020 (ċifra tal-2014: 67.3%). Finanzjament tal-SIE hu mistenni wkoll li jtejjeb l-amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, se tittejjeb l-inklużjoni soċjali billi tingħata għajnuna lil persuni vulnerabbli sabiex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u billi jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ 180 intrapriża soċjali. Dan se jgħin lil Ċipru biex jilħaq il-mira tiegħu li jnaqqas il-faqar għal 19.3% fl-2020 (minn 27.8% fl-2013). Il-FSIE mistennijin wkoll li jgħinu fit-titjib tat-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari billi jallinjaw il-provvista tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Il-fondi se jgħinu lil Ċipru jixxiftja lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi billi jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija (il-mira tal-2020 hi ta’ 14.3%, meta mqabbla ma’ 12.3% fl-2011) u l-konsum tal-enerġija rinnovabbli (13% fl-2020, meta mqabbel ma’ 7.7% fl-2011). Barra minn hekk, madwar 3 500 familja se jiġu megħjuna jtejbu l-konsum tal-enerġija tagħhom, billi jittieħdu f'klassifikazzjoni li tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Il-Fondi SIE se jintefqu fuq l-indirizzar tal-ħtieġa urġenti ta’ Ċipru biex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE dwar l-immaniġġjar ta’ skart solidu u likwidu. Ċipru hu mistenni li jżid ir-rata ta’ riċiklaġġ tiegħu għal 50%, filwaqt li 2 300 familja (f’termini ta’ popolazzjoni ekwivalenti) se jirċievu trattament aħjar tal-ilma tal-iskart. Il-FSIE se jintużaw ukoll biex ikopru investimenti fil-port tat-TEN-T ta' Ċipru u l-konnessjonijiet tiegħu. B’riżultat ta’ dan, it-trasport tal-merkanzija hu mistenni li jiżdied minn 300 000 għal 1 miljun TEU. Titjib għal mobilità tat-trasport urban, b’mod partikolari f’Nikosija, għandu jirriżulta fl-irduppjar tan-nies li jużaw it-trasport pubbliku.

L-appoġġ tal-FAEŻR se jiffoka fuq investimenti għall-promozzjoni tal-immaniġġjar sostenibbli u l-użu tar-riżorsi naturali, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fiż-żoni rurali. L-appoġġ tal-FEMS se jiffoka fuq il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi marini.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Ċipru indika ammont ta' EUR 15-il miljun sabiex jiġu allokati għall-istrumenti finanzjarji għall-appoġġ tal-SMEs. Tnedew valutazzjonijiet ex ante sabiex jiġi vvalutat l-iskop għall-ekwità, is-self u l-iskemi ta' garanzija fl-appoġġ tal-SMEs, l-ICT, is-settur tal-enerġija u l-investiment fl-ambjent u t-trasport.

Ċipru alloka ammont konsiderevoli (20% tal-fondi tal-FEŻR, bejn wieħed u ieħor EUR 60.2 miljun) għal żvilupp urban sostenibbli. L-għan hu li jiġu promossi azzjonijiet integrati li jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jaffettwaw l-erbat ibliet prinċipali tal-pajjiż. Dan hu ferm ogħla mill-minimu ta’ 5% mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Investimenti territorjali integrati mhux se jiġu implimentati. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità se jitwettaq taħt il-programmi tal-FAEŻR u l-FEMS.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 (nazzjonali)

1

1

5

Fondi disponibbli (EUR)

702 401 708

132 244 377

39 715 209

526 153 917 5

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-kondizzjonalità ex ante (EAC) speċifika tal-FEMS dwar ir-rapport tal-kapaċità tas-sajd hi parzjalment sodisfatta u ġie żviluppat pjan ta’ azzjoni. Minn 11-il EAC tematika, ħamsa ma ġewx sodisfatti. L-aktar importanti huma relatati man-netwerk tal-broadband, l-ipprezzar tal-ilma u tal-ippjanar tal-baċiri tax-xmajjar inkluż ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart. Ġew żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni u ġew stabbiliti skadenzi għat-twassil. L-EAC ġenerali relatati mal-istatistika u l-indikaturi ma ġewx issodisfatti, imma ġie mfassal pjan ta’ azzjoni biex jiġi implimentat sa Diċembru 2015.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

In-numru ta’ programmi f’Ċipru baqa' l-istess mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Il-pajjiż waqqaf awtorità unika ta’ mmaniġġjar (id-Direttorat Ġenerali għall-Programmi, il-Koordinazzjoni u l-Iżvilupp Ewropej) u kumitat konġunt għall-monitoraġġ sabiex jikkoordinaw il-FEŻR/il-fond ta’ koeżjoni u l-programmi tal-FSE, filwaqt li qed tintuża sistema ta’ informazzjoni unika għall-programmi kollha.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet Ċiprijotti biħsiebhom jagħmlu użu aktar estensiv ta’ metodoloġiji ta' kosti ssimplifikati u jtejbu s-sistema ta’ informazzjoni dedikata. Huma qed jippjanaw ukoll biex jittejjeb l-użu ta’ formoli elettroniċi u l-interoperabbiltà bejn is-servizzi amministrattivi nazzjonali għall-ħruġ awtomatiku u jnaqqsu l-għadd ta’ dokumenti u ċertifikati meħtieġa.

1. FSIE fir-Repubblika Ċeka

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Ix-xejriet makroekonomiċi attwali huma pożittivi: l-ekonomija Ċeka reġgħet lura għat-tkabbir ekonomiku fl-2014, wara sentejn ta’ reċessjoni. Madankollu, xejriet demografiċi negattivi huma mistennija li jwasslu għal żidiet kemm fl-infiq tal-pensjonijiet kif ukoll fl-infiq għall-kura tas-saħħa fit-tul taż-żmien. L-ekonomija bħalissa tappartjeni għall-grupp ta' "innovaturi moderati" u hi mistennija li tavvanza fil-katina ta' valur miżjud. Il-qgħad beda jonqos, iżda s-suq tax-xogħol hu kkaratterizzat minn livell baxx ta’ parteċipazzjoni ta’ ċerti gruppi u nuqqas ta’ qbil bejn il-provvista u d-domanda tal-ħiliet.

Analiżi tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 għar-Repubblika Ċeka turi diskrepanzi sinifikanti fil-livell nazzjonali u reġjonali fiż-żieda fl-infiq għar-R&Ż (speċjalment rigward l-investiment privat), it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, ir-riforma tal-edukazzjoni terzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-applikazzjoni korretta ta’ regoli tal-akkwist pubbliku. Ir-rakkomandazzjonijiet politiċi tal-UE bħala parti mis-Semestru Ewropew jipproponu li jiġi stabbilit reġistru ċentrali ta’ kuntratti pubbliċi, l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan ta’ kontra l-korruzzjoni, l-adozzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni għolja u żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni ta’ tfal żvantaġġati (partikolarment ir-Rom).

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Fil-perjodu 2014-2020, il-FSIE għandhom jintużaw sabiex jagħmlu l-ekonomija Ċeka aktar kompetittiva u innovattiva billi tinvesti EUR 2.5 biljun fir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni. Il-pajjiż qed jirkupra d-differenza tal-investiment fir-R&Ż tiegħu wara żieda ta’ allokazzjonijiet mill-FSIE, u mistenni jżid l-infiq fuq ir-R&Ż bħala persentaġġ tal-PDG għal 2.97% fl-2020. L-investiment se jintuża biex tingħata spinta lill-istrutturi u l-kapaċità tar-R&Ż u biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn is-settur tar-riċerka, l-intrapriżi u l-edukazzjoni terzjarja.

Aktar minn EUR 2 biljun (1.4% tal-PDG) se jintużaw bħala s-sors ewlieni tal-finanzjament biex jappoġġjaw ix-xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-intensità enerġetika u tar-riżorsi tal-industrija Ċeka (prinċipalment mill-faħam) hi waħda mill-ogħla fl-UE. Fil-kisbiet ewlenin f’dan il-qasam hu mistenni li jkun hemm żieda fil-produzzjoni tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli (83 MW) u tnaqqis fil-livell ta’ gassijiet b’effett serra (minn 920 000 tunnellata CO2/sena).

Il-FSIE se jikkontribwixxu EUR 2.8 biljun għall-protezzjoni tal-ambjent u l-użu effiċjenti tar-riżorsi. L-investiment se jintefaq fuq: it-titjib tal-kwalità tal-ilma (p.e. 150 000 persuna addizzjonali servuta bi provvista mtejba ta’ ilma), l-immaniġġjar tal-iskart (p.e. żieda annwali ta’ 700 000 tunnellata b’kapaċità għar-riċiklaġġ tal-iskart), il-kwalità tal-arja, it-titjib tal-bijodiversità, l-involviment ta' 400 000 ettaru ta’ art f’ċirkwit tal-agrikoltura organika u l-għajnuna lill-bdiewa sabiex jilqgħu impenji agriambjentali u relatati mal-klima relatati ma’ 870 000 ettaru ta’ art. Il-FEMS se jagħmlu s-settur Ċek tas-sajd u tal-akkwakultura aktar sostenibbli bl-użu aktar effiċjenti ta’ metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent.

Fit-trasport, allokazzjoni ta’ EUR 6.2 biljun se jappoġġjaw trasport sostenibbli u se jgħinu biex jitneħħew l-ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin. Dan se jgħin ukoll biex jingħalqu l-lakuni fin-netwerks TEN-T u biex tittejjeb l-interoperabilità tan-netwerk ferrovjarju. 140 km ta’ linji ferrovjarji għandhom jiġu mibnija mill-ġdid jew imtejba, billi jikkontribwixxu għal xift ewlieni għal mobilità sostenibbli. It-titjib tal-infrastruttura se jagħmel ir-reġjuni tal-pajjiż aktar aċċessibbli u se jirriżulta b’aktar nies jużaw it-trasport pubbliku fl-ibliet. Dan il-finanzjament tal-FSIE ta' EUR 200 miljun ġie allokat għat-titjib u l-iżgurar ta’ grilji ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli.

Kważi EUR 1.4 biljun se jkunu ddedikati għall-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u għall-appoġġ tal-mobilità tax-xogħol, b’attenzjoni partikolari fuq gruppi żvantaġġati bħal persuni b’ħiliet baxxi, b'età avvanzata u żgħażagħ (appoġġ lil 585 000 ruħ li minnhom 230 000 persuna mistennija jiksbu kwalifika ġdida). Il-FSIE se jintefqu wkoll fuq l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni, b’allokazzjonijiet ta’ EUR 2 biljun li lkoll imorru lejn l-għoti ta’ għajnuna lil persuni f’diffikultà u l-persuni żvantaġġati, sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi soċjali u tas-saħħa u l-investiment fl-edukazzjoni. Dwar is-servizzi pubbliċi, se jitwaqqfu 30 tim tal-kura tas-saħħa mobbli u 83 istituzzjoni tal-kura tas-saħħa ġodda u se tiġi appoġġjata l-edukazzjoni fil-livelli kollha, billi jiġi provdut aċċess ugwali għal skejjel tal-kindergarten, elementari u sekondarji ta' kwalità għolja. Il-FSIE se jintużaw ukoll biex jiżviluppaw l-universitajiet billi jtejbu l-immaniġġjar tar-riżorsi umani tagħhom u billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja (869 student fi programmi ta’ studji ġodda tal-Baċellerat).

Madwar EUR 180 miljun se jintefqu fuq l-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tal-ġustizzja sabiex isiru aktar effettivi u trasparenti, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, it-titjib tal-ħiliet tal-persunal fl-amministrazzjoni pubblika u biex l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani ssir aktar effiċjenti.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Madwar EUR 763 miljun taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni huma ppjanati li jitwasslu permezz ta’ strumenti finanzjarji. Dan aktar milli jirdoppja l-ammonti fil-perjodu ta’ programmar preċedenti. L-oqsma ewlenin ta’ intervent huma l-appoġġ għall-SMEs, l-infrastruttura tat-trasport, l-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija u, b’mod anqas estiż, l-effiċjenza tar-riżorsi.

Ir-rekwiżit regolatorju ta’ 5% tal-FEŻR li għandhom jintefqu fuq l-iżvilupp urban sostenibbli se jintlaħaq permezz ta’ investimenti minn programm pilastru ta’ tkabbir ekonomiku ta' Praga u minn seba' investimenti territorjali integrati (ITIs) fl-akbar żoni metropolitani. L-allokazzjoni totali tal-ITI hi ta' EUR 1 biljun mill-FEŻR u EUR 223 miljun mill-fond ta' Koeżjoni.

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità se jkun b'mod partikolari importanti għall-iżvilupp tal-oqsma rurali permezz tal-approċċ "b'diversi fondi". Dan se jinvolvi finanzjament mill-FEŻR (EUR 418-il miljun), il-FAEŻR (EUR 115-il miljun), il-FSE (EUR 64 miljun) li jistgħu jintużaw fi strateġiji ta’ żvilupp lokali integrati u multisettorjali mill-komunitajiet lokali, organizzati f’madwar 160 grupp ta’ azzjoni lokali li jkopru 55% tal-popolazzjoni.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

8 (nazzjonali)

1

1

7

Fondi disponibbli (EUR)

21 643 218 575

2 305 673 996

31 108 015

1 144 024 031 6

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Oqfsa strateġiċi għal ċerti oqsma ta’ investiment (p.e. R&Ż, ICT) għadhom ma ġewx kompletati. Pjanijiet ta’ azzjoni ġew adottati għal 11-il kondizzjonalità ex ante (EACs) tematiċi u għal tlieta ġenerali.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Ir-Repubblika Ċeka ssimplifikat il-mod li bih tamministra l-FSIE u ċċentralizzatahom aktar billi naqqset in-numru ta’ programmi (minn 17-il programm tal-politika ta’ koeżjoni fl-2007-2013 għal 8) u ta' korpi intermedji. Il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali hu l-awtorità nazzjonali ta’ koordinazzjoni. Aktar koordinazzjoni bejn il-fondi hi żgurata permezz ta' kumitati ta’ monitoraġġ, sejħiet koordinati għal proposti u gruppi ta’ ħidma. L-Att dwar is-Servizz Ċivili tal-2014 għandu jikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Ir-Repubblika Ċeka għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-amministrazzjoni pubblika billi jitnaqqas in-numru ta’ programmi u korpi intermedji, il-ħolqien ta’ sistema ġdida ta’ monitoraġġ għall-istruttura ta' implimentazzjoni sħiħa u t-twaqqif ta’ ambjent metodoloġiku wieħed għall-programmi kollha. Strumenti finanzjarji u opzjonijiet bħal pagamenti avvanzati u kosti ssimplifikati se jintużaw b’mod aktar estensiv.

1. FSIE fid-Danimarka

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-ekonomija Daniża kienet milquta relattivament ħażin mill-kriżi finanzjarja, li wasslet għal żieda sostanzjali fil-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u dawk minn sfond mhux Daniż. Minkejja li d-Danimarka għandha ambjent favorevoli għan-negozji, ftit SMEs qed jikbru; dan hu parzjalment dovut għan-nuqqas ta’ suċċess li fih l-innovazzjoni tissarraf fi profitt, għall-iżivlupp diżappuntanti ta' ħiliet intraprenditorjali u għall-ħtieġa tas-settur primarju għal innovazzjoni mkabbra lejn produzzjoni aktar sostenibbli. Madankollu, id-Danimarka qed tkompli tiffaċċja sfidi fil-ħiliet tal-ħaddiema tagħha. Dawn jinkludu tnaqqis fil-proporzjon ta’ nies li qed jieħdu taħriġ vokazzjonali, proporzjon li qed jonqos ta’ persuni minn sfond ta’ migrazzjoni (speċjalment l-irġiel) li jirċievu edukazzjoni u rata għolja b’mod persistenti ta' dawk li jabbandunaw l-iskola. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati minn waħda mir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-UE tal-2014 għad-Danimarka fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

B’mod ġenerali, id-Danimarka għandha prestazzjoni ambjentali tajba, għalkemm din ma tidhirx li qed tlaħħaq mal-miri tagħha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra. Għad hemm ħafna pressjoni fuq il-ħabitats u korpi tal-ilma, prinċipalment minħabba l-użu intensiv tal-art u s-sajd, il-lissija ta’ nutrijenti minn artijiet, eċċ.

Id-Danimarka hi pajjiż għani b'differenzi soċjoekonomiċi interni relattivament żgħar meta mqabbla ma’ Stati Membri oħra u qed tindirizza ħafna mill-isfidi li qed tiffaċċja permezz ta’ skemi nazzjonali. Billi l-allokazzjoni tal-FSIE għad-Danimarka hi modesta, il-programmi huma ffukati fuq l-indirizzar tal-isfidi msemmija hawn fuq.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

EUR 300 miljun f’Fondi SIE se jgħinu lill-SMEs fl-industrija, is-servizzi, l-agrikoltura, l-akkwakultura u s-sajd sabiex ikunu aktar innovattivi u aktar kapaċi li jsarrfu l-innovazzjoni fi profitt. Il-Fondi SIE qed jiġu wkoll investiti biex jagħmlu l-kumpaniji aktar kompetittivi, bl-appoġġ jiffuka fuq clusters u netwerks ta’ kooperazzjoni. Barra minn hekk, ħafna investimenti relatati mal-klima u mal-ambjent tal-pajjiż għandhom l-għan li jtejbu l-kompetittività u t-tkabbir tan-negozji. Id-Danimarka se tuża wkoll il-Fondi SIE biex tiżviluppa oqsma identifikati b'potenzjal ta’ tkabbir kemm fi ħdan negozji individwali kif ukoll għal strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali. Madwar 3 200 negozju huma mistennija li jidħlu f'netwerks ta’ kooperazzjoni, inklużi netwerks li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ għarfien, u aktar minn 4 000 huma mistennija li jniedu soluzzjonijiet jew prodotti innovattivi.

Id-Danimarka se tonfoq EUR 270 miljun f’Fondi SIE għall-inklużjoni soċjali biex tgħin lil persuni fil-marġini tas-suq tax-xogħol u ttejjeb l-impjegabbiltà billi tgħin aktar nies biex itemmu t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja (fondi nazzjonali se jkunu disponibbli biex jgħinu lin-nies li jinsabu l-aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol). B’dan il-mod, il-Fondi SIE se jintużaw biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew. Se jinħolqu total ta' madwar 5 500 impjieg u l-investimenti fit-taħriġ huma mistennija li jgħinu 52 000 persuna jsiru aktar impjegabbli.

Id-Danimarka se tinvesti aktar minn EUR 635 miljun f’Fondi SIE fl-ambjent u fil-klima. L-investimenti ambjentali se jiffukaw fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni ta’ assi naturali, it-titjib tal-kwalità tal-ilma u tal-bijodiversità, u l-użu ta’ art ikkultivata u l-istokkijiet tal-ħut (inkluża l-akkwakultura) b'mod sostenibbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, skont il-politika komuni tas-sajd il-ġdida. Fil-qasam tas-sajd, il-Fondi SIE se jgħinu, pereżempju, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa b'5 000 t u biex tiżdied il-produzzjoni tal-akkwakultura organika bi 3 000 t sal-2023. Fl-agrikoltura, il-Fondi SIE se jinkludi appoġġ biex jiġu ppreservati l-pajsaġġi u l-bijodiversità li jkopri żona ta’ madwar 3 400 km² (jew aktar minn 10% ta’ art agrikola). Mill-investimenti totali tad-Danimarka għall-ambjent u l-klima, EUR 91 miljun se jiġu investiti fit-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, li twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra ta’ 51 000 t u tnaqqis ta' 905 000 GJ fil-konsum tal-enerġija. Dan se jgħin lid-Danimarka biex tissodisfa l-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ GHG b'20%. Effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi hi parti mill-istrateġija tad-Danimarka biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi, u l-fondi minfuqin fuq il-kompetittività se jikkontribwixxu wkoll għat-tranżizzjoni tagħha għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. B’kollox, id-Danimarka qiegħda tippjana li tonfoq madwar EUR 577 miljun (46% tat-total tal-allokazzjoni tal-FSIE) fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Fil-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013, id-Danimarka allokat EUR 28 miljun għal strumenti finanzjarji. Għall-2014-2020 għamlitha possibbli lir-reġjuni sabiex jużaw fondi minn strumenti finanzjarji għal investimenti fil-qasam tal-iżvilupp tal-intrapriża u biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi fin-negozji.

Id-Danimarka se tonfoq 5% tal-allokazzjoni tal-FEŻR fl-iżvilupp urban sostenibbli, billi tikkonċentra fuq l-iżvilupp tan-negozju permezz tal-innovazzjoni u l-effiċjenza fl-enerġija/fir-riżorsi. Dawn il-miżuri ta’ żvilupp urban se jiġu integrati fi strateġiji usa’ li jindirizzaw l-isfidi soċjali, ekonomiċi, demografiċi u ambjentali u/jew klimatiċi ta’ ċerti żoni urbani.

B’mod ġenerali 26 grupp ta’ azzjoni lokali li jkopru żoni rurali u kostali huma appoġġjati permezz tal-metodu LEADER. Dawn se jaħdmu fuq it-tisħiħ tal-attivitajiet relatati mat-turiżmu eżistenti, l-iżvilupp ta’ negozji żgħar, il-ħolqien ta’ servizzi, u l-appoġġ għal sajd sostenibbli. Dan għandu joħloq l-impjiegi u jtejjeb il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni lokali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 (nazzjonali)

1

1

5

Fondi disponibbli (EUR)

413 231 682

918 803 690

208 355 420

748 186 649 7

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Id-Danimarka tissodisfa l-kondizzjonalitajiet ex ante kollha għall-appoġġ tal-FSIE.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-programmi tal-FEŻR u tal-FSE jitwasslu permezz ta’ sitt fora reġjonali għat-tkabbir ekonomiku, flimkien mal-Awtorità Daniża tan-Negozju (DBA) bħala l-awtorità ta’ mmaniġġjar. Il-programmi huma mmaniġġjati mill-istess awtoritajiet ta’ mmaniġġjar fil-livell reġjonali. Il-FAEŻR u l-FEMS huma mmaniġġjati mill-Aġenzija Daniża AgriFish, bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet Leader iddelegati lill-Awtorità Daniża tan-Negozju, li tiżgura koordinazzjoni mill-qrib bejn il-fondi. Barra minn hekk, iż-żewġ awtoritajiet nazzjonali ta’ mmaniġġjar jagħmlu parti mill-kumitat ta’ monitoraġġ ta’ xulxin (għall-FEŻR/FSE u l-FAEŻR/FEMS rispettivament). Apparti dan, iż-żewġ awtoritajiet maniġerjali jippjanaw il-laqgħat ta’ koordinazzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ fondi sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-implimentazzjoni. Għalkemm l-FSE u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn it-tnejn li huma għandhom l-objettivi ta’ inklużjoni soċjali, il-FSE hu aktar relatat mas-suq tax-xogħol. Iż-żewġ fondi jevitaw li jirfsu fuq xulxin bis-saħħa ta' diviżjoni ċara bejn l-objettivi rispettivi tagħhom u permezz taż-żewġ awtoritajiet ta’ mmaniġġjar li huma membri tal-kumitat ta’ monitoraġġ ta’ xulxin.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Benefiċjarji potenzjali se jkollhom aċċess elettroniku għall-immaniġġjar tal-fond (skont l-inizjattiva tal-Koeżjoni elettronika). Dawk li ma għandhomx aċċess immedjat għal Koeżjoni elettronika se jkunu xorta waħda jistgħu jaċċessaw il-fond bl-użu ta’ mezzi alternattivi. Id-Danimarka tipprevedi wkoll l-estensjoni tal-użu ta’ opzjonijiet ta' kosti ssimplifikati.

1. FSIE fl-Estonja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-Estonja wriet flessibbiltà rimarkabbli biex tiffaċċja l-kriżi ekonomika. Il-PDG reali tagħha mistenni li jilħaq il-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi fl-2016. Għalkemm l-ekonomija b’mod ġenerali tjiebet, għad baqa’ sfidi strutturali serji. Dawn għandhom jiġu indirizzati biex l-ekonomija Estonjana ssir aktar innovattiva u bbażata fuq l-għarfien, aktar inklużiva u aktar sostenibbli.

Il-finazjament pubbliku għar-R&I jidher li hu nieqes mill-koordinazzjoni u għandu jiffoka fuq numru limitat ta’ oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. Is-sistema edukattiva għolja għad trid tagħmel aktar biex tissodisfa l-ħtiġijiet tan-negozji u tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka. Il-kapaċità tal-innovazzjoni hi baxxa, u ftit kumpaniji jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet tar-riċerka.

Il-forza tax-xogħol li qed tonqos, flimkien ma’ produttività tax-xogħol baxxa, hi mistennija li ssir problema fit-terminu ta' żmien medju għal terminu ta' żmien twil. L-Estonja dan l-aħħar biss bdiet timplimenta r-Riforma tal-Kapaċità tax-Xogħol ambizzjuża tagħha. Nuqqas ta’ faċilitajiet ta' childcare jagħmilha aktar diffiċli għall-ġenituri biex jerġgħu lura għax-xogħol. Id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi fil-livell lokali huma varjabbli. L-Estonja jeħtieġ li tagħmel aktar biex ittejjeb l-attrazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali, it-taħriġ u l-apprendistati. Il-pajjiż jeħtieġ ukoll li jippromwovi l-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi madwar il-pajjiż biex jimpedixxi d-differenzi ta’ żvilupp ekonomiku milli jikbru.

L-intensità tar-riżorsi tal-Estonja għadha għolja ħafna. Il-pajjiż x’aktarx li ma jissodisfax il-mira tiegħu għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020. L-isforzi biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija residenzjali u industrijali jeħtiġilhom li jiżdiedu. L-Estonja għandha wkoll taħdem lejn forom ta' trasport aktar sostenibbli.

Dawn l-isfidi huma riflessi f’rakkomandazzjonijiet ta’ politika li saru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

L-Estonja qed timmira li tuża l-Fondi SIE biex iżżid in-nefqa fis-settur privat fuq ir-R&Ż għal 2% tal-PDG sal-2023 (minn 1.26% fl-2012). Il-programmi ta’ finanzjament tar-R&Ż tal-Estonja se jiġu allinjati ma’ qafas ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti. L-Estonja se tuża l-Fondi SIE biex titjieb il-kompetittività tal-SMEs, u għandha l-għan li żżid in-numru tan-negozji li jesportaw għal 15 700 (minn 11 281 fl-2012). Il-finanzjament għall-iżvilupp rurali se jkun immirat aħjar biex jinkisbu bidliet pożittivi għall-ekonomija rurali. Skemi speċjali huma previsti għall-iżvilupp ta’ farms żgħar, u biex jassistu lill-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu negozji agrikoli. L-Estonja se tinkuraġġixxi l-ħolqien ta’ ktajjen qosra tal-provvista alimentari, u se tinvesti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, l-Estonja se tuża wkoll il-FSIE biex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali, billi timmira li tipprovdi 60% tal-pajjiż b’veloċitajiet broadband ta’ mill-anqas 100 Mb/s (minn 3.6% fl-2012).

L-Estonja se tinvesti fl-impjiegi bil-għan li tiżdied ir-rata tal-impjiegi għal 76% (minn 73.3% fl-2013). Hu ppjanat li dan jinkiseb, pereżempju, bir-riforma tal-valutazzjoni tal-kapaċità tax-xogħol. L-għan hu wkoll li jinżamm il-proporzjon tal-PDG iġġenerat f’żoni oħrajn minbarra Tallinn u Tartu għal 30%. Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-għan hu li tiżdied ir-rata ta’ tlestija ta’ apprendistat għal 75% (minn 50% fl-2013). Dan jammonta għal madwar 8 000 persuna. Barra minn hekk, aktar minn 350 000 sessjoni ta’ konsulenza dwar il-karrieri se jiġu offruti liż-żgħażagħ u oħrajn ta’ età tax-xogħol. Il-finanzjament għall-inklużjoni soċjali se jintuża biex jitnaqqas in-numru ta’ tfal f’lista ta’ stennija għaċ-childcare u postijiet fin-nurseries għal madwar 300 minn 4 430 fl-2012. Is-servizzi tax-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ se jirċievu madwar 200 000 parteċipant. L-infrastruttura tas-saħħa eżistenti se tkun imtejba u se jissaħħu l-kura primarja u l-prevenzjoni tal-mard. Il-finanzjament għall-bini ta’ kapaċità amministrattiva għandu jintuża biex jiżdiedu l-livelli ta’ sodisfazzjoni bil-kwalità tas-servizzi pubbliċi għal madwar 85% (minn 67% fl-2012).

Appoġġ għat-trasport se jintuża biex jiġi żviluppat in-netwerk TEN-T u sistemi tat-trasport favur l-ambjent u b’livell baxx ta’ karbonju. Pereżempju, l-Estonja qed tippjana li żżid l-għadd annwali ta’ passiġġieri tal-ferrovija għal 8.4 miljun minn 4.2 miljun fl-2013. L-investiment f’ekonomija b’livell baxx ta' karbonju hu mmirat li jżid l-iffrankar tal-enerġija sa 45% għal 40 000 dar. L-Estonja qed tippjana li tuża l-fondi ddedikati għall-ambjent u l-adattament għat-tibdil fil-klima biex tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali tal-acquis fis-settur tal-ilma u tiżgura r-reżiljenza mid-diżastri. Il-fondi se jintużaw ukoll għall-preservazzjoni tal-bijodiversità permezz tal-appoġġ għall-manutenzjoni ta’ ħabitats seminaturali (2.6% ta’ art agrikola) u l-agrikoltura organika (14% ta’ art agrikola). Aktar minn 70% taż-żona agrikola utilizzata se tkun koperta bi skemi biex jittejbu l-bijodiversità u l-immaniġġjar tal-ħamrija. Se jiġu mmirati l-protezzjoni tal-ilma fl-agrikoltura u ż-żoni abbandunati tal-produzzjoni tal-pit. Is-settur Estonjan tas-sajd u l-akkwakultura se jsir aktar sostenibbli, l-ekosistemi marini u l-bijodiversità akkwatika se jiġu mtejba u l-qabdiet bla bżonn huma mistennija li jitnaqqsu b’21 tunnellata.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-Estonja se żżid l-allokazzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji b’madwar 50% b'paragun mal-perjodu preċedenti, għal valur ta’ EUR 215.5 miljun. Is-self, il-garanzija u l-istrumenti ta’ ekwità se jintużaw biex jiġu appoġġjati l-SMEs u r-R&I. Skont il-valutazzjoni ex ante, m’hemm ebda skop għal strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-FSIE fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u l-infrastruttura ambjentali.

Mill-allokazzjoni tal-FEŻR 5% huma ddedikati għall-iżvilupp urban sostenibbli. Strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxijin mill-komunità f’żoni rurali se jiġu implimentati minn 34 grupp ta’ azzjoni lokali, li tmienja minnhom huma fis-settur tas-sajd.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

1

1

1

4

Fondi disponibbli (EUR)

3 534 560 285

823 341 558

100 970 418

449 819 256 8

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Minn 29 kondizzjonalità ex ante applikabbli (EACs) 15 ma ġewx sodisfatti fil-ħin tal-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija. Minn dak in-nhar 'l hawn l-Estonja rrapportat it-tlestija ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex tissodisfa 11 minnhom. Hu mistenni li hi se tissodisfa erba’ EACs fl-2016: il-Prevenzjoni u mmaniġġjar tar-riskju, il-Mezzi oħra ta’ trasport, l-Inklużjoni attiva u s-Sistemi statistiċi u indikaturi tar-riżultati.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

L-Estonja għandha programm wieħed biss b'diversi fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2014-2020, b'paragun ma’ tlieta fil-perjodu preċedenti. Il-Ministeru tal-Finanzi jaġixxi bħala l-awtorità ta’ mmaniġġjar, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni (il-funzjonijiet tagħha kienu amalgamati mal-awtorità ta’ mmaniġġjar) u l-awtorità tal-awditjar. Ħames ministeri oħra jwettqu l-kompiti ta’ korpi intermedji tal-ewwel livell u 13-il aġenzija ċentrali jew organizzazzjonijiet oħra jaġixxu bħala korpi intermedji tat-tieni livell (żdiedu tnejn għall-perjodu l-ġdid).

Ma sar l-ebda tibdil fir-rigward tas-sistema ta' twassil tal-FAEŻR u l-EMFF. Fil-livell governattiv, l-Istrateġija Baġitarja Statali hi użata biex jiġu kkoordinati s-sorsi kollha ta’ finanzjament.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Numru ta’ liġijiet u linji gwida ġew emendati biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji. L-iskambju ta’ dejta ma’ applikanti u benefiċjarji se jsir kompletament b'mod elettroniku, l-ispejjeż jiġu rimborżati abbażi ta’ għażliet ta’ kosti ssimplifikati meta jkun possibbli, u hemm ukoll il-possibilità li jiġu kkombinati l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji.

1. FSIE fil-Finlandja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-irkupru tat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività filwaqt li joħloq l-impjiegi hu sfida ewlenija għall-ekonomija Finlandiża. L-intensità tar-R&Ż tan-negozji qed tonqos u dan jagħmilha diffiċli li tintlaħaq il-mira nazzjonali għan-nefqa fir-R&Ż (4% tal-PDG). Riskji, relatati ma' prestazzjoni dgħajfa fl-esportazzjoni fil-kuntest ta’ ristrutturar industrijali, jeħtiġilhom jiġu indirizzati. Il-Finlandja għadha tissielet biex tittraduċi l-investiment fir-R&Ż f'esportazzjonijiet b’suċċess. Hi għandha tipprovdi aktar finanzjament għal negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu u toffrilhom aktar għajnuna sabiex jinnegozjaw barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tikber fl-età u tat-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, hu importanti li s-suq tax-xogħol ikun jista' juża l-potenzjal sħiħ tal-forza tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 8.7% fl-2014 u qed tiżdied, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età. Sfida oħra għall-Finlandja hi l-bilanċ dgħajjef tal-finanzi pubbliċi u t-theddid maħluq minn tendenzi demografiċi għas-sostenibbiltà tagħhom fit-tul.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew huma maħsuba biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-Finlandja qed timmira li ttejjeb il-kompetittività tal-SMEs billi tinvesti EUR 644 miljun fid-diversità tal-istrutturi tan-negozji u billi żżid in-numru ta' kumpaniji li qed jikbru, jinnovaw u jespandu b'mod internazzjonali. Il-miżuri għandhom għalhekk jiffukaw fuq in-negozji ġodda u l-iżvilupp ta’ operazzjonijiet ta’ negozju ġdid. Il-FAEŻR se jimmira lejn l-investiment fil-farms, l-investimenti fl-ipproċessar tal-ikel u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-farms. Aktar minn EUR 1 biljun ta’ appoġġ għall-investiment għandu jiġi pprovdut. Se jiġu appoġġjati madwar 15 000 farm.

L-investimenti tar-R&I ta' EUR 398 miljun se jiffukaw biex tissaħħaħ l-attività ta' innovazzjoni, b'mod speċjali fil-kumpaniji li qed jikbru u fin-negozji l-ġodda fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti magħżulin. Il-Finlandja għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tagħha biex tittraduċi r-R&I fi prodotti u servizzi kummerċjali. Barra minn hekk, bl-għajnuna ta’ dawn l-investimenti u ta’ finanzjament mill-FAEŻR għal kooperazzjoni u għal innovazzjoni, il-Finlandja qed timmira sabiex iżżid in-nefqa għar-R&I bi tqabbil mal-PDG għal 4.0% sal-2020 (3.31% fl-2013).

Il-Finlandja se talloka EUR 219 miljun għal tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Dan se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn il-mira li jiżdied is-sehem ta’ enerġija derivata minn sorsi rinnovabbli minn 33% (2011) għal 38% (2020). Il-FSIE se jappoġġjaw prinċipalment attivitajiet ta' R&I fis-settur b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, u l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti b’livell baxx ta’ karbonju, is-servizzi u l-metodi ta’ produzzjoni.

Sabiex jipproteġi l-ambjent u jippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi, il-FEMS se jikkontribwixxi biex jagħmel is-sajd u l-akkwakultura aktar sostenibbli u se jtejjeb l-ekosistemi marini u tal-bijodiversità akkwatika. Mill-FAEŻR, EUR 1.6 biljun ġew allokati għal miżuri agriambjentali u klimatiċi. L-għan hu li jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ ħsara tal-attivitajiet agrikoli fuq il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta' taħt l-art u l-arja billi jiġi promoss l-użu ta’ prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u billi jiġu mmaniġġjati l-kondizzjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku. Aktar minn 81% tal-art agrikola hi mistennija li tkun koperta b'kuntratti ta’ mmaniġġjar li jtejbu l-immaniġġjar tal-ilma. EUR 1.8 biljun ġew allokati għal żoni agrikoli b’restrizzjonijiet naturali sabiex tkun inkuraġġita l-bijodiversità agrikola.

EUR 347 miljun għandhom jiġu investiti fl-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad. Il-finanzjament tal-FSE se jiffoka b’mod speċjali fuq iż-żgħażagħ u dawk f'pożizzjoni tas-suq tax-xogħol anqas vantaġġjuża u jimmira li jkopri madwar 40 000 persuna qiegħda. Il-finanzjament se jintuża biex tiġi estiża l-ħajja tax-xogħol, biex jiġu bbilanċjati d-domanda għax-xogħol u l-provvista tax-xogħol, u sabiex tiżdied il-mobilità tax-xogħol. L-appoġġ għall-iffaċilitar tad-diversifikazzjoni u l-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar fl-oqsma rurali għandhom il-potenzjal li joħolqu madwar 6 000 impjieg.

L-edukazzjoni u t-taħriġ se jirċievu EUR 199 miljun ta’ appoġġ. Il-miżuri se jiffukaw fuq iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema tas-sengħa, it-tisħiħ tal-ħiliet professjonali ta’ żgħażagħ u dawk li ma spiċċawx l-edukazzjoni vokazzjonali, it-titjib tas-servizzi matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi u l-ugwaljanza tal-edukazzjoni. Fiż-żoni rurali, it-trasferiment tal-għarfien se jiġi pprovdut permezz ta’ taħriġ għal aktar minn 20 000 persuna (l-aktar għall-bdiewa).

Il-finanzjament mill-FSE għall-inklużjoni soċjali (EUR 248 miljun) se jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni. Se jingħata appoġġ lil aktar minn 15 000 persuna, prinċipalment barra s-suq tax-xogħol.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-Finlandja qed tippjana li talloka madwar EUR 1.5 miljun lil strumenti finanzjarji għall-investiment ta’ ekwità skont il-programm operazzjonali tal-Ġżejjer Åland. Dan hu tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-2007-2013. Il-Finlandja qed tesplora l-possibbiltajiet biex jiġi estiż l-użu ta’ strumenti finanzjarji.

5% tal-allokazzjonijiet tal-FEŻR huma ddedikati għall-iżvilupp urban sostenibbli f’sitt ibliet ewlenin (Ħelsinki, Espoo, Vantaa, Oulu, Tampere u Turku) permezz ta' għodda ta’ investiment territorjali integrat (ITI). L-iskop primarju tal-istrateġija tal-ITI hu li tissaħħaħ il-kompetittività tal-Finlandja billi jintużaw l-akbar bliet u rħula tagħha bħala ambjenti ta' żvilupp u piloti għall-innovazzjoni.

It-tmien gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd fil-Finlandja se jkomplu jimplimentaw b’suċċess l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità. Il-gruppi ġew stabbiliti fil-perjodu ta’ programmar preċedenti, iżda se jimplimentaw strateġiji ta’ żvilupp lokali bbażata fuq il-ћtiġijiet lokali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 (reġjonali)

2

1

8

Fondi disponibbli (EUR)

1 304 456 595

2 380 408 338

74 393 168

605 853 163 9

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Fil-Gżejjer Åland, tliet kondizzjonalitajiet ex ante ma kinux sodisfatti fil-mument tal-adozzjoni tal-Programm Operattiv: l-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali, l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja u l-istrateġija tal-edukazzjoni vokazzjonali. Dawn il-kondizzjonalitajiet ex-ante twettqu skont il-pjanijiet miftehmin sat-30 ta’ Ġunju 2015.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-Finlandja naqqset in-numru ta’ programmi tal-politika ta’ koeżjoni minn sebgħa fl-2007-2013 għal tnejn fl-2014-2020. Ir-riforma amministrattiva fir-reġjuni għadha għaddejja (bi tnaqqis fin-numru ta’ korpi intermedji). Il-koordinazzjoni hi mwettqa permezz ta’ rappreżentanza ta’ fondi differenti fil-programm ta’ kumitati ta’ monitoraġġ u permezz ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali. Il-miżuri tal-FEŻR u l-FSE issa ġew implimentati skont l-istess programm ta’ finanzjament minn diversi sorsi. Fil-Gżejjer Åland, il-programmi tal-FEŻR, FSE u tal-FAEŻR għandhom kumitat konġunt ta’ monitoraġġ.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE qed jagħmlu arranġamenti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji. Dawn jinkludu l-konsolidazzjoni ta’ funzjonijiet (p.e. it-tnaqqis tal-għadd ta’ korpi intermedji) u ż-żieda fl-użu tal-opzjonijiet ta' kosti ssimplifikati.

1. FSIE fi Franza

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Bla dubju ta' xejn Franza għandha numru ta’ assi (p.e. demografija dinamika, patrimonju naturali u kulturali għani, potenzjal għoli fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli, u netwerks tat-trasport mill-aktar avvanzati), iżda qed tħabbat wiċċha ma’ żewġ sfidi ewlenin.

L-ewwel nett, il-kompetittività tal-ekonomija Franċiża qed tonqos gradwalment. Dan hu parzjalment minħabba n-nuqqas fl-orjentazzjoni tal-ekonomija lejn aktar setturi b’użu intensiv tal-għarfien u fit-traduzzjoni tal-attivitajiet tar-RŻ&I fi prodotti u servizzi kummerċjabbli. It-tieni nett, ir-rata tal-qgħad ilha għolja għal dawn l-aħħar 30 sena. Fl-2013, din kienet ogħla minn 10%, filwaqt li l-qgħad fost persuni taħt l-età ta’ 25 sena laħaq it-23.5% fi Franza metropolitana u fid-dipartimenti lil hinn mill-Ewropa qabeż il-50%. Barra minn hekk, il-miri għan-nefqa għall-enerġija u r-R&Ż skont l-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġewx sodisfatti, u li jeħtieġlu jsir aktar biex jiġu indirizzati l-faqar u l-abbandun bikri tal-iskola.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Għall-perjodu 2014-2020, il-FSIE għandhom jintużaw biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Minħabba l-ammont limitat ta’ fondi disponibbli meta mqabbla mad-daqs tal-ekonomija Franċiża, l-investimenti jiġu mmirati lejn għadd limitat ta’ objettivi tematiċi b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-politika tas-Semestru Ewropew. Dawn jinkludu r-R&I, it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs, u jiżguraw li l-gruppi żvantaġġati jkollhom aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u s-suq tax-xogħol.

EUR 3 miljun (11% tal-baġit ġenerali tal-Fondi SIE ta' Franza) se jkunu investiti fir-R&I. Il-fondi għandhom jgħinu biex jissaħħaħ it-trasferiment tal-għarfien tar-R&Ż bejn l-akkademja u n-negozju, biex jissaħħu r-R&Ż fin-negozju u biex jiġi żviluppat ambjent tan-negozju favur l-innovazzjoni. Aktar minn 660 kumpanija se jirċievu appoġġ għall-iżvilupp u jillanċjaw prodotti ġodda. 10

Il-FSIE se jikkontribwixxu wkoll biex jitnaqqsu d-differenzi tar-R&Ż bejn ir-reġjuni – fl-2014, 75% tal-attività tar-R&Ż kienu kkonċentrati f'erba' reġjuni biss u l-aċċess għall-broadband b'veloċità għolja ħafna hu fost l-ifqar fl-Ewropa.

Madwar EUR 5 biljun (19% tal-allokazzjoni tal-FSIE) se jintużaw biex jappoġġjaw lill-SMEs (inklużi fis-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura marittima), billi jagħtu lin-negozji aċċess aħjar għall-finanzjament, is-servizzi u s-swieq, u billi jippermettulhom jipproduċu prodotti u servizzi b'valur għoli. Il-FSIE se jappoġġjaw ukoll il-ħolqien ta' SMEs ġodda u se jgħinu biex jikber in-negozju eżistenti. Aktar minn 160 000 kumpanija se jirċievu l-appoġġ tal-FSIE.

Madwar EUR 6 biljun (23% tal-baġit tal-FSIE) se jintużaw biex itejbu l-impjegabbiltà u jgħinu lin-nies li huma l-aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol isibu impjieg, b’enfasi fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, it-titjib tal-offerta ta' taħriġ f’setturi emerġenti u aċċess aħjar għal taħriġ vokazzjonali kontinwu. Franza qed timmira li tgħin 234 000 żagħżugħ/a sal-2023 permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-pajjiż qiegħed jippjana wkoll li jipprovdi taħriġ biex jgħin 310 000 persuna fix-xogħol u biex jinkuraġġixxi 90 000 persuna (inklużi 36 000 mara) sabiex jibdew negozju. Appoġġ għal persuni f’riskju ta’ esklużjoni hu wkoll mistenni li joffri 180 000 persuna mogħdijiet li jwasslu għall-integrazzjoni. B’dan il-mod, hu mistenni li dawn il-FSIE se jgħinu lil Franza tilħaq rata ta’ impjieg ta’ 75% sal-2020 (69.8% fl-2014).

B’allokazzjoni li tammonta għal EUR 5.5 biljun (21% tal-baġit ġenerali) il-FSIE se jipprovdu l-investimenti meħtieġa biex jiġi appoġġjat ix-xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, inklużi investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija (l-industrija, it-trasport u l-bini), l-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli u trasport urban nadif. L-investimenti mmirati li jtejbu l-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju (inklużi f’żoni rurali u kostali) huma wkoll koperti b'dan il-baġit. B’kollox, madwar EUR 3 biljun mill-FEŻR, il-FSE u l-EMFF se jgħinu lil Franza biex timpedixxi u timmitiga l-effetti tat-tibdil fil-klima. L-istima tat-tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra se tkun madwar 19-il miljun tunnellata ta’ CO2 eq 11 . Fl-aħħar nett, aktar minn EUR 4 biljun mill-baġit tal-FSIE (15%) se jintużaw biex titjieb il-prestazzjoni tan-netwerk Natura 2000, biex tiġi salvagwardjata l-bijodiversità u biex tiġi restitwita l-kontinwità ekoloġika. Se jingħata appoġġ biex jitjieb l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ aktar minn 465 000 ettaru ta’ ħabitats. Sabiex jipproteġi l-ambjent u jippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi, skont il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida, il-FEMS se jagħmel is-sajd u l-akkwakultura aktar sostenibbli u se jtejjeb l-ekosistemi marini u tal-bijodiversità akkwatika. Qabdiet bla bżonn se jitnaqqsu b’12 000 tunnellata u l-produzzjoni tal-akkwakultura organika se tiżdied b’282 tunnellata sal-2023.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Parti mill-finanzjament (EUR 698 miljun), immirata b’mod partikolari lejn l-SMEs u l-effiċjenza fl-enerġija, se titwassal permezz ta’ strumenti finanzjarji. Il-volum indikat ta' self, ekwità jew kapital ta’ riskju hu mistenni li aktar milli jittripla meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013. Għandu jiġi studjat il-potenzjal għal użu ta' strumenti finanzjarji bħala appoġġ lill-ICT u l-effiċjenza fir-riżorsi.

Biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-ibliet, madwar 10% tal-allokazzjoni tal-FEŻR se jintefqu fuq azzjoni integrata għal żvilupp urban sostenibbli. 70% tat-total tal-baġit urban se jintużaw biex jimplimentaw miżuri urbani bl-użu ta' investimenti territorjali integrati. Wara approċċ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, il-FAEŻR se jkompli jappoġġja strateġiji minn isfel għal fuq ta’ żvilupp f’żoni rurali (is-sehem ta’ 5% għal LEADER se jintlaħaq għal kull programm ta’ żvilupp rurali).

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

40 (3 nazzjonali, 12 37 reġjonali)

30 (3 nazzjonali, 27 reġjonali)

1 (nazzjonali)

21

Fondi disponibbli (EUR)

14 763 176 455

11 384 844 248

587 980 173

2 893 698 773 13

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Meta ġie adottat il-Ftehim ta’ Sħubija Franċiż, il-kondizzjonalitajiet ex ante kollha fil-livell nazzjonali kienu ġew sodisfatti ħlief waħda (l-immaniġġjar tal-iskart). Fil-livell tal-programm, hemm diversi pjanijiet ta’ azzjoni, relatati inter alia mal-finalizzazzjoni tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u mad-definizzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-indikaturi rilevanti.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Ġie introdott mudell ġdid ta' governanza biex jiġu implimentati l-FSIE, billi l-kunsilli reġjonali se jkunu responsabbli għall-biċċa l-kbria tal-aspetti tal-implimentazzjoni tal-programm (il-FEŻR kollu u parti mill-FAEŻR u mill-FSE). Dan wassal għal arkitettura ta' programm ikkumplikata, b’71 programm (minbarra l-ETC) u b'qsim tar-responsabbiltajiet bejn il-livell nazzjonali u dak reġjonali.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta' mmaniġġjar tal-FSIE bħalissa qed jagħmlu arranġamenti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-persunal tagħhom stess. Dawn jinkludu użu akbar ta’ somom f’daqqa, l-użu ta’ opzjonijiet ta' kosti ssimplifikati għar-rimborż ta’ nefqa, is-simplifikazzjoni tal-proċessi (eż. l-immaniġġjar elettroniku tal-fondi, jew “koeżjoni elettronika”), li jiżguraw il-konsistenza tal-miżuri fi ħdan il-programmi u bejniethom, u jżidu l-viżibilità tal-valur miżjud tal-UE (p.e. preżentazzjoni komuni għall-fondi kollha permezz ta’ kumitat ta’ monitoraġġ reġjonali uniku).

1. FSIE fil-Ġermanja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Minkejja x-xejriet pożittivi makroekonomiċi, il-Ġermanja qed tiffaċċja sfidi ewlenin għal tul ta' żmien medju u fit-tul. Ix-xejriet demografiċi huma negattivi – il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hi pproġettata li tonqos b’11.4% sal-2030, b’rata medja annwali ta’ 0.8%. Anki jekk b'tendenza li qed tiżdied, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha relattivament baxxa (55.6% f'ekwivalenti full-time fl-2014). Negożji ġodda qed jissaraw biex jingħataw aċċess għal kapital ta’ riskju u hemm nuqqas ta’ ħiliet f’bosta setturi u reġjuni. Il-qgħad f’xi reġjuni għadu relattivament għoli. Filwaqt li l-qgħad fit-tul naqas bejn l-2008 u l-2014, hu għadu jaffettwa kważi miljun ruħ.

Analiżi tal-miri ta' Ewropa 2020 turi differenzi sinifikanti fil-livell reġjonali sabiex jiżdied l-infiq tar-R&I, speċjalment fir-rigward tal-investiment privat, u li jinkisbu l-miri għall-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, sar progress limitat biex jittejbu r-riżultati edukattivi ta’ nies soċjalment żvantaġġati. Il-Ġermanja tibqa’ wieħed mill-pajjiżi fejn il-kisba edukattiva għadha fil-biċċa l-kbira determinata minn sfond soċjoekonomiku.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Għall-perjodu 2014-2020, il-FSIE qed jikkontribwixxu direttament għall-Istrateġija Ewropa 2020. Fl-istess ħin, hemm enfasi fuq objettivi tematiċi ewlenin, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew. L-objettivi huma relatati mat-tisħiħ tar-R&I u l-kompetittività, l-effiċjenza fl-enerġija, l-iżgurar ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata u l-provvediment għal gruppi żvantaġġati.

Il-fondi se jgħinu biex jittejbu l-kapaċità tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija u se jsaħħu r-rabtiet bejn il-politiki dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-industrija. Billi jippromwovu b’mod attiv l-infiq fir-R&Ż, il-fondi għandhom iżidu l-investiment privat ta’ EUR 883 miljun biex jissuplimentaw il-finanzjament pubbliku għall-innovazzjoni. F’Thuringia, pereżempju, in-nefqa privata fir-R&Ż hi mbassra li tiżdied minn 1.03% tal-PDG (2011) għal 2% (2023). Barra minn hekk, madwar 4 miljun abitant taż-żoni rurali mistennija jibbenefikaw minn titjib jew infrastruttura ġdida tal-broadband.

EUR 4 biljun ta’ appoġġ għall-SMEs, l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura se jikkontribwixxu għal rata ogħla ta’ investiment tas-settur privat, il-ħolqien ta’ madwar 45 000 impjieg u żieda fil-produttività. Sal-2023, il-produzzjoni tal-akkwakultura hi prevista li tiżdied b’4 700 tunnellata u l-produzzjoni f’sistemi ta’ ċirkolazzjoni mill-ġdid b’4 300 tunnellata. Aktar minn 13 000 impriża agrikola huma mistennija li jirċievu l-appoġġ għar-ristrutturar u l-modernizzazzjoni. 1 031 kooperattiva se jirċievu wkoll appoġġ.

Il-fondi se jintużaw biex tittejjeb l-impjegabbiltà tan-nies. Il-FSE se jintuża biex jgħin lin-nies jakkwistaw ħiliet mill-ġdid u jidħlu fis-suq tax-xogħol. Hu stmat li 108 000 persuna qiegħda fit-tul se jitħarrġu u 314 000 persuna, b'mod speċjali minn gruppi żvantaġġati, se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja, bl-għan li titnaqqas id-differenza fl-akkwist tal-edukazzjoni. Il-FAEŻR għandu jappoġġja wkoll it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali għal persuni li jaħdmu fl-agrikoltura u l-forestrija u utenti oħrajn tal-artijiet u atturi ekonomiċi, bin-numru totali ta’ parteċipanti mħarrġa stmat għal 80 000.

L-objettivi tal-enerġija u t-tibdil fil-klima - finanzjament tal-FSIE ta’ EUR 3 biljun ġie allokat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra (mistennija jonqsu b’2.2 miljun tunnellata CO2 eq./sena) u l-konsum tal-enerġija primarja ta’ bini pubbliku (minn 233 000 MWh/sena).

Fid-dawl taż-żieda kontinwa ta' kondizzjonijiet estremi tat-temp bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tar-riskju ngħatat importanza għolja f’diversi reġjuni Ġermaniżi b'madwar 157 000 persuna mistennija li jibbenefikaw minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar.

Sabiex jipproteġi l-ambjent u jippromwovi l-effiċjenza tar-riżorsi skont il-politika komuni tas-sajd il-ġdida, il-FEMS se jikkontribwixxi sabiex is-sajd u l-akkwakultura jsiru aktar sostenibbli u se jtejjeb l-ekosistemi marini u tal-bijodiversità akkwatika. Qed jitbassar li l-qabdiet bla bżonn se jitnaqqsu b’80 tunnellata u l-produzzjoni tal-akkwakultura organika għandha tiżdied b’220 tunnellata sal-2023. Il-FAEŻR se jappoġġja r-restawr, il-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità, u s-sistemi tal-agrikoltura u tal-forestrija b’valur għoli ta’ konservazzjoni: 16% tal-art agrikola għandha tiġi koperta minn kuntratti ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw il-bijodiversità/il-karatteristiċi tal-pajsaġġi. 7% tal-art agrikola se tibbenefika minn appoġġ mill-FAEŻR għall-iżvilupp tal-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Il-FAEŻR se jintuża biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali fiż-żoni urbani, inklużi investimenti fil-wirt kulturali.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Parti mill-finanzjament (EUR 1.2 biljun) immirata b’mod partikolari lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività, l-SMEs, l-effiċjenza fl-enerġija, l-intraprenditorija u l-ħolqien tan-negozju se titwassal permezz ta’ strumenti finanzjarji. Il-volum ta' self, ekwità jew kapital ta’ riskju hu mistenni li jiżdied bi 18% meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013. Għandu jiġi studjat il-potenzjal għal użu ta' strumenti finanzjarji bħala appoġġ lill-SMEs.

Il-programmi tal-FSIE jiżguraw li qed isir użu effettiv ta’ strumenti territorjali. Biex jiġi ffaċilitat l-approċċ urban integrat, madwar 10% tal-allokazzjoni tal-FEŻR se jintefqu fuq miżuri integrati għal żvilupp urban sostenibbli. Investimenti territorjali integrati qed isiru f’Baden-Württemberg u fi Schleswig-Holstein. Sħubijiet lokali se jissaħħu permezz ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (approċċ b'diversi fondi). LEADER mistenni li joħloq aktar minn 1 500 impjieg.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

32 (1 nazzjonali, 31 reġjonali)

15 (2 nazzjonali, 13 reġjonali)

1

19

Fondi disponibbli (EUR)

18 269 459 134

9 445 920 050

219 596 276

2 821 002 898 14

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Fil-livell nazzjonali, il-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali kollha ġew issodisfatti. Ingħatat valutazzjoni ddettaljata fil-livell tal-programmi akkont tal-istruttura federali tal-Ġermanja. Fil-livell tal-istati federali individwali, xi ftit kondizzjonalitajiet ma ġewx issodisfatti. Il-biċċa l-kbira ta' dawn għandhom x'jaqsmu mal-preparazzjoni tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali u għandhom jitwasslu skont il-pjanijiet ta' azzjoni miftehmin.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Firxa ta’ strumenti kumplementari tal-UE (Orizzont 2020) u ta’ strumenti u ta’ politika nazzjonali se jintużaw biex jimmassimizzaw kemm jista’ jkun il-benefiċċji tal-finanzjament tal-FSIE. Kumitati konġunti ta’ monitoraġġ (għal FEŻR/FSE jew FEŻR/FSE/FAEŻR) se jiġu stabbiliti f'6 stati federali.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE qed jagħmlu arranġamenti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet. Dawn jinkludu l-konsolidazzjoni ta' ċerti funzjonijiet (p.e. it-tnaqqis tan-numru tal-korpi intermedji), iż-żieda tal-użu ta' somom f'daqqa, is-simplifikazzjoni tal-proċessi (p.e. l-immaniġġjar elettroniku tal-fondi, jew "il-koeżjoni elettronika"), l-iżgurar tal-konsistenza tal-miżuri fi ħdan il-programmi u bejniethom, u ż-żieda tal-viżibbiltà tal-valur miżjud tal-UE (p.e. preżentazzjoni komuni għall-fondi kollha).

1. FSIE fil-Greċja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Wara l-kriżi ekonomika, l-ekonomija Griega kienet f’reċessjoni għal sitt snin u l-PDG tagħha naqas b’madwar 25% sal-2013. Il-qgħad laħaq 25.2% fl-ewwel kwart tal-2015 u l-qgħad fost iż-żgħażagħ hu fost l-ogħla fil-pajjiżi fl-UE (aktar minn 50%). In-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali żdied minn 27.6% tal-popolazzjoni totali fl-2009 għal 36% fl-2014. Il-ftit żieda fil-PDG fil-Greċja fl-2014 (0.8%) kienet taħt il-medja tal-UE; dan hu indikatur ta’ problemi kbar fil-kompetittività u n-nuqqas ta’ bidliet strutturali. Il-kumpaniji mhumiex kompetittivi minħabba produttività baxxa u nuqqas ta' speċjalizzazzjoni f’attivitajiet u f'innovazzjoni b’valur miżjud għoli. Il-limitazzjonijiet istituzzjonali, id-diżinċentivi għall-iżvilupp tan-negozji u l-livell baxx ta’ intraprenditorija f’żoni rurali u dipendenti fuq is-sajd huma sfidi addizzjonali.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Meħtieġ mudell ġdid ta’ tkabbir. Madwar 25% tal-finanzjament tal-FSIE huma allokati għal prijorità strateġika ewlenija tat-tisħiħ tal-kompetittività u l-intraprenditorija miftuħa għal ideat, li tinkludi setturi bħat-turiżmu, l-agrikoltura u l-akkwakultura (żieda fil-produzzjoni ta' 26.3%), il-manifattura, is-servizzi lill-intrapriżi u l-loġistika. Strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti li jiffukaw fuq il-vantaġġ kompetittiv ta’ kull reġjun huma kruċjali għas-suċċess. Żieda fl-investiment tas-settur privat fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku hi sfida ewlenija; In-nefqa tar-R&Ż hi mistennija li tiżdied minn 0.67% tal-PDG fl-2011 għal 1.2% sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmar u n-nefqa tan-negozji hi mistennija li tiżdied minn 0.18% tal-PDG fl-2011 għal 0.4% sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmar.

Il-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar hi prijorità għall-finanzjament b’konsegwenza tal-kriżi. Il-fokus hu fuq li indirizzar tal-problemi strutturali fis-suq tax-xogħol, it-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ Griegi u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol, u l-promozzjoni tal-inklużjoni attiva. L-investimenti fl-impjieg u t-taħriġ (91 500 u 58 000 benefiċjarju rispettivament) huma prinċipalment immirati lejn nies qiegħda u dawk qiegħda fit-tul bl-età ta’ 30-44 u ż-żgħażagħ. Madwar 134 000 żagħżugħ/a bejn il-15 u d-29 sena se jirċievu appoġġ, l-aktar taħt l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ. It-titjib tal-aċċess għas-servizzi taċ-childcare se jikkontribwixxi għal inklużjoni attiva u se jtejjeb l-opportunitajiet ta’ impjiegi għal madwar 70 000 mara fis-sena. Servizzi tas-saħħa u tas-Saħħa elettronika mtejbin se jtejbu l-kura tas-saħħa għal 3.2. miljun ċittadin.

Il-protezzjoni ambjentali u t-tranżizzjoni għal ekonomija li tirrispetta l-ambjent huma mutur ewlieni ta' tkabbir ekonomiku. Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija huma prijorità ewlenija u mistennija jinkuraġġixxu l-intraprenditorija ekoloġika. L-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala persentaġġ tal-konsum finali gross hu mistenni li jiżdied minn 13.83% fl-2013 għal 20% fl-2020. Il-konsum tal-enerġija primarja hu stmat li se jnaqqas bi 2.85 Mtoe fl-2020 meta mqabbel mal-2005, filwaqt li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra fis-setturi non-ETS huma mistennija li jonqsu b’4% meta mqabbla mal-2005. L-investimenti fil-klima u fl-ambjent mistennija li jammontaw għal EUR 1.5 biljun u jwasslu għall-ħolqien ta’ 16 000 impjieg.

Biex titjieb il-kwalità ambjentali, se jkun hemm enfasi fuq l-immaniġġjar effettiv tal-iskart u l-promozzjoni tar-riċiklaġġ, l-użu tal-iskart bħala riżorsa, il-ħarsien u l-immaniġġjar razzjonali tar-riżorsi tal-ilma u l-protezzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi marini. Bl-għajnuna tal-FSIE, il-proporzjon ta’ skart muniċipali ġenerali rkuprat hu mistenni li jiżdied minn 18% (2011) għal 68% (2020), il-proporzjon ta’ skart riċiklabbli riċiklat għandu jiżdied minn 30% (2011) għal 54% (2020), u l-perċentwal ta’ skart muniċipali li jmur fil-miżbliet hu mistenni li jonqos minn 82% (2011) għal 32% (2020).

Fis-settur tat-trasport, l-għan ewlieni hu li tiġi żviluppata aktar is-sistema ta’ trasport nazzjonali u l-promozzjoni ta’ trasport ikkumbinat (it-trasport tal-merkanzija bl-użu ta' aktar minn mod wieħed ta' trasport) biex il-Greċja ssir il-bieb ewlieni għall-Ewropa u ċentru principali tat-transport fil-Balkani u l-Mediterran. Il-prijoritajiet ewlenin għal netwerk ferrovjarju qed jagħmlu progress fl-integrazzjoni tan-netwerk ferrovjarju TEN-T bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà u qed jagħmlu adattamenti biex jakkomodaw is-Sistema Ewropea tal-Immaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju. Daqstant ieħor importanti huma l-konnessjonijiet ferrovjarji għall-portijiet tat-TEN-T bażiċi u ċ-ċentri tal-merkanzija sabiex jiġu promossi t-trasport kombinat u l-modernizzazzjoni tas-sistema ta’ trasport tal-merkanzija. Għat-trasport bit-triq, l-attenzjoni hi mitfugħa fuq l-ikkompletar taż-żona bażika ta’ netwerk stradali TEN-T u l-iżvilupp komprensiv tat-TEN-T.

It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-awtoritajiet pubbliċi u l-awtonomija lokali hu prerekwiżit għal żvilupp sostenibbli. Dan għandu inter alia jgħin l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Ftehim ta’ Sħubija 2014-2020. Dan l-objettiv jiffoka kemm fuq it-tisħiħ tal-kapaċità organizzattiva, istituzzjonali u operazzjonali tal-gvern ċentrali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-iżvilupp tar-riżorsi umani fis-settur pubbliku kif ukoll fuq iż-żieda tal-effiċjenza u tal-kwalità fil-ġudikatura.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Madwar EUR 300 miljun jistgħu jitwasslu permezz ta’ strumenti finanzjarji. Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ se jkun immirat lejn l-SMEs u, fi grad anqas, lejn is-settur tal-enerġija u tal-ambjent. Il-Greċja biħsiebha tagħmel użu mill-għodod territorjali disponibbli. L-awtoritajiet urbani se jsegwu l-iżvilupp urban sostenibbli bl-użu ta’ investimenti territorjali integrati. Sħubijiet lokali se jitjiebu permezz tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità għal żoni rurali u dipendenti fuq is-sajd.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

18 (5 nazzjonali, 13 reġjonali)

1

1

11

Fondi disponibbli (EUR)

15 275 247 163

4 718 291 793

388 777 914

984 699 568 15

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Għadd ta’ kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) kienu għadhom ma ntlaħqux meta ġew adottati l-programmi operazzjonali 2014-2020, inklużi tliet EACs speċifiċi għall-FEMS. Ġew żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni u, f’numru ta’ oqsma ta’ investiment (p.e. strateġiji tal-ICT u tar-R&I għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-iskart solidu) ġiet introdotta klawsola ta' "awtosospensjoni". Dan ifisser li l-finanzjament ma jistax ikun attivat sakemm ma jkunux lesti l-azzjonijiet rilevanti.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Struttura ta’ mmaniġġjar ġdida ġiet introdotta permezz ta’ liġi li tnaqqas in-numru ta’ korpi intermedji u n-numru ta’ delegazzjonijiet, u tintroduċi miżuri biex is-sistema ssir aktar sempliċi u titħaffef l-implimentazzjoni. Hi timmira wkoll biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-korpi ta’ implimentazzjoni. Issaħħew it-tfassil ta’ programmi, l-ipprogrammar tal-fondi u l-koordinazzjoni tal-Fondi SIE, ġew introdotti miżuri kontra l-frodi u ġew stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji li ma joħolqux diffikultajiet. Tibdiliet miftehmin reċentement għar-regolament jagħmel ekstra likwidità disponibbli għall-Greċja biex tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-2007-2013 u tibda bla problemi l-perjodu 2014-2020 billi jiżdied il-kofinanzjament tal-UE għall-programmi Griegi.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-applikazzjonijiet għall-finanzjament u dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-benefiċjarji issa jridu jiġu sottomessi b’mod elettroniku. Hemm proċeduri onlajn obbligatorji għall-kontroll ex ante tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għall-offerti u tal-akkwist ta’ servizzi. Ġew introdotti kosti ssimplifikati għal ċerti kategoriji ta’ operazzjonijiet tal-FSE. Issa huma meħtieġa anqas firem ministerjali fl-approvazzjoni ta’ proġett. Ġie aċċellerat il-proċess ta’ approvazzjoni għat-termini ambjentali ta’ proġetti kofinanzjati. Ġie introdott titjib fil-leġiżlazzjoni u fl-awtorizzazzjonijiet arkeoloġiċi għall-esproprjazzjoni. Fl-aħħar nett, il-liġi nazzjonali adottata f’Diċembru 2014 tipprovdi għal reviżjoni u simplifikazzjoni tal-proċeduri kollha meħtieġa biex jiġu implimentati diversi proġetti tal-FSIE.

1. FSIE fl-Ungerija

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Għalkemm l-Ungerija kienet intlaqtet ħażin mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-ekonomija bdiet tirkupra fl-2014. Madankollu, għad hemm lakuni sinifikanti fir-rigward tal-miri nazzjonali ta' Ewropa 2020. L-attività ta’ innovazzjoni u l-kompetittività tal-SMEs huma dgħajfin. Hemm bżonn li tiżdied in-nefqa fuq ir-R&I u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli, u biex tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi. L-Ungerija qed tissara ma' impjiegi baxxi u mal-faqar li b'mod sproporzjonat jaffettwa wħud mit-territorji u gruppi żvantaġġati. Għadhom jippersistu inugwaljanzi sostanzjali fil-livell reġjonali u subreġjonali, u żoni rurali wkoll waqgħu lura. Dawn il-kwistjonijiet huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li saru fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

60% tal-Fondi SIE kollha se jkunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-Fondi se jsaħħu l-attività ta’ innovazzjoni u l-kompetittività tan-negozji biex jiżdied il-valur miżjud u l-integrazzjoni tagħhom fil-katina tal-valur internazzjonali, inkluż aċċess aħjar għall-finanzjament. B’appoġġ ta' EUR 2.2 biljun ta' appoġġ, mistenni li tiżdied in-nefqa tan-negozji fuq ir-R&Ż minn 0.56% għal 0.71% tal-PDG. Sabiex titwessa’ l-bażi tal-għarfien, l-Ungerija qed tippjana li żżid b’20% is-sehem ta’ kumpaniji innovattivi li qed jikkooperaw ma’ istituzzjonijiet tar-riċerka meta mqabbla mal-2010. EUR 2.9 biljun se jintużaw biex jgħinu sabiex jiżdied id-dħul nett tal-SMEs b'25% u d-dħul nett tal-esportazzjoni bi 30%. Dan se jinvolvi kemm it-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tan-negozji kif ukoll l-espansjoni diretta tal-kapaċità. Se jingħata appoġġ sinifikanti biex jiġu mmodernizzati s-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-ikel, sabiex jitħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-bdiewa, l-appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta’ ktajjen ta' provvista qosra. Il-valur totali tal-akkwakultura hu mistenni li jiżdied b’42 %.

EUR 3.3 biljun se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol. Mill-anqas 150 000 persuna żvantaġġata li qed ifittxu impjieg mistennija li se jibbenefikaw permezz ta’ miżuri attivi dwar il-politika tas-suq tax-xogħol li se jgħinuhom biex jerġgħu lura lejn is-suq miftuħ tax-xogħol. Barra minn hekk 150 000 żagħżugħ/a mhux fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ se jirċievu servizzi personalizzati mill-uffiċċji tal-impjiegi. Il-kwalità u l-aċċess għaċ-childcare se jitjiebu b'tal-anqas 18 000 post ġdid fin-nurseries. L-investiment se jgħin l-użu ta’ potenzjali tat-turiżmu endoġenu u se jtejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg fis-setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħall-agrikoltura.

EUR 689 miljun se jintużaw għal miżuri biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ICT għat-tnaqqis fid-diviżjoni bejn iż-żoni urbani u dawk rurali kemm billi jżidu l-kopertura tal-broadband u l-konnessjoni ta’ miljun familja man-netwerks tal-broadband kif ukoll billi jtejbu l-effettività tan-negozji.

EUR 3 biljun se jappoġġjaw l-ixxiftjar lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-effiċjenza fl-enerġija ta' bini kummerċjali, residenzjali u pubbliku mistennija titjieb u r-rata ta’ enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tilħaq il-mira nazzjonali ta’ 14.65% sal-2020. Il-miżuri se jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. Aktar minn EUR 1 biljun ġew allokati għall-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni tar-riskji. Aktar minn miljun resident addizzjonali se jibbenefikaw minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar u mmaniġġjar aħjar tal-ilma se jtaffi l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. L-investimenti se jgħinu biex tittejjeb ir-reżiljenza tad-diżastri u s-sistemi tal-immaniġġjar tagħhom. Bi kważi EUR 3.4 biljun, il-Fondi se jappoġġjaw il-protezzjoni ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi. Se jkun hemm ukoll finanzjament għall-immaniġġjar tad-drenaġġ biex ikun żgurat li proporzjon akbar tal-popolazzjoni jkollha aċċess għal trattament aħjar tal-ilma ta’ skart. Il-finanzjament se jintuża wkoll biex jiżgura li 100% tal-ilma għax-xorb hu ta’ kwalità adegwata. L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart se jiġu wkoll imtejba b’mod sostanzjali. L-interventi se jwasslu għal protezzjoni tan-natura u r-restawr ta’ ekosistemi degradati msaħħin, għal prattiki agrikoli u forestali mtejbin u għal approċċ ekoloġiku msaħħaħ fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Hu mistenni li l-konservazzjoni u l-iżvilupp ta’ siti ta’ wirt naturali u kulturali se jattiraw aktar minn 1.6 miljun żjara annwali. L-appoġġ hu previst ukoll għal 100 farm tal-akkwakultura li jipprovdu servizzi ambjentali.

Allokazzjoni ta’ EUR 3.3 biljun fil-qasam tat-trasport se tikkontribwixxi għal aktar minn 230 km ta’ toroq TEN-T ġodda, għal aktar minn 275 km ta’ linji ferrovjarji mibnija mill-ġdid jew imtejba, għal 50 km ta’ passaġġi tal-ilma interni ġodda jew imtejba, għal aktar minn 130 km ta’ linji tat-tramm, tal-metro u suburbani ġodda jew imtejba, għal 48 km ta' toroq ġodda u għal 96 km ta’ toroq mibnija mill-ġdid u mtejbin konnessi mat-TEN-T.

Fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, kważi EUR 2.4 biljun se jikkontribwixxu għat-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-faqar, b’mod partikolari għat-tfal, billi jipprovdu aċċess aħjar għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba u kondizzjonijiet tal-għajxien aħjar, l-aktar f’reġjuni żvantaġġati. Il-fondi se jappoġġjaw ukoll it-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità fis-setturi tas-saħħa u tas-servizzi soċjali. Madwar 70 000 individwu se jkunu koperti f’miżuri ta’ inklużjoni attiva u aktar minn 300 000 ruħ se jibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa mtejba. Allokazzjoni ta’ EUR 1.7 biljun għall-edukazzjoni se tiffoka fuq it-tnaqqis tal-abbandun bikri tal-iskola għal 10%, fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-sistema skolastika billi jkun żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni integrata għal kulħadd, inklużi studenti Rom u fuq it-titjib tal-kwalità ta’ edukazzjoni formali u informali għal aktar minn 150 000 student. Miżuri oħra għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni ta’ persuni żvantaġġati fl-edukazzjoni terzjarja u li jtejbu s-sistema doppja tal-edukazzjoni vokazzjonali. Aktar minn EUR 600 miljun se jintużaw biex jittejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi, li jinkludu kemm il-miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni kif ukoll l-użu estensiv ta’ soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

B’allokazzjoni ta’ EUR 2.3 biljun, l-Ungerija qed kważi tittrippla l-allokazzjoni tagħha għall-istrumenti finanzjarji (SI) meta mqabbla mal-2007-2013. L-użu ta’ strumenti finanzjarji se jiġi estiż għar-RŻ&I, l-enerġija, l-ICT u l-ekonomija soċjali. Se tintuża firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ żvilupp territorjali integrati. Aktar minn EUR 1 biljun ġew allokati għal miżuri ta’ żvilupp urban sostenibbli integrat. Inizjattivi lokali se jissaħħu permezz tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità fl-oqsma rurali u urbani.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

7 (5 nazzjonali, 2 reġjonali)

1

1

9

Fondi disponibbli (EUR)

21 544 112 983

3 430 664 493

39 096 293

1 106 996 669 16

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Oqfsa strateġiċi għal ċerti oqsma ta’ investiment għadhom mhumiex kompluti u jeħtieġ li jitwasslu skont il-pjanijiet ta’ azzjoni miftehmin. Waħda mill-kondizzjonalitajiet ex ante ewlenin mhux issodisfatta tikkonċerna l-akkwist pubbliku.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Teżisiti koordinazzjoni ċentrali qawwija fl-użu tal-FSIE għall-perjodu 2014-2020. Ħamsa mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni huma programmi b’diversi fondi, li jgħaqqdu flimkien l-użu tal-FEŻR/il-FK u l-FSE. Sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni u tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-programmi, kumitat ta’ monitoraġġ fil-livell tal-Ftehim ta’ Sħubija se jkun stabbilit flimkien mal-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi individwali.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-Ungerija qed tippjana diversi miżuri biex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, bħall-konnessjoni tas-sistema tal-IT li timmaniġġja l-assistenza tal-UE mal-bażijiet ta’ dejta tas-setturi pubbliċi ċċertifikati, l-ippjanar annwali tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet, l-użu ta’ opzjonijiet ta’ kosti ssimplifikati, il-konsolidazzjoni ta’ ċerti funzjonijiet (l-ipprovdir ta' punt uniku ta’ servizz) u s-simplifikazzjoni tal-linji gwida.

1. FSIE fl-Irlanda

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-Irlanda tipparteċipa b'mod sħiħ fil-proċess tas-Semestru Ewropew filwaqt li għadha soġġetta għal missjonijiet ta' monitoraġġ tal-programmi. Minkejja titjib notevoli fil-perspettiva ekonomika tagħha, xi kwistjonijiet jeħtieġu attenzjoni mill-qrib: livelli għoljin ta’ dejn, l-isfidi li fadal fis-settur finanzjarju (inkluż fir-rigward tal-profitabbiltà tal-banek), u l-qgħad fit-tul. L-ambjent makroekonomiku mtejjeb kien ta’ benefiċċju għall-SMEs, li jippermettilhom jistabbilizzaw ruħhom wara perjodu twil ta’ tensjoni. Talba għall-kreditu mnaqqsa qed turi sinjali ta’ rkupru. SMEs li jfittxu kreditu huma anqas probabbli li jkunu rifjutati mill-banek, iżda qed iħabbtu wiċċhom ma’ rati ta’ mgħax ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. Għad fadal sfidi sinifikanti fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-Irlanda għandha nuqqas ta’ ħiliet diġitali, b’42% tal-forza tax-xogħol li għandhom ftit jew xejn ħiliet diġitali. Ħiliet ġodda u t-tisħiħ tal-kwalifiki huma sfida għas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u hu diffiċli għal gruppi żvantaġġati aktar baxxi li jaċċessaw l-edukazzjoni tal-livell terzjarju.

Analiżi tal-miri ta' Ewropa 2020 turi xi lakuni li qed jitwettqu. Ir-rata tal-impjiegi tal-grupp bl-età ta' 20-64 żdiedet għal 68.6% fit-tielet kwart tal-2015 (il-mira ta' Ewropa 2020 hi ta' 75%) u l-investiment tal-R&Ż laħaq it-2% tal-PDG (il-mira ta' Ewropa 2020 hi ta' 3%). Fir-rigward tat-tnaqqsis tal-gassijiet b’effett serra, hu mistenni li l-Irlanda mhix se tilħaq il-mira, filwaqt li l-emissjonijiet tal-2020 huma mistennija li jkunu 2% anqas mill-2005. L-oqsfa eżistenti tal-politika, tas-suq u tal-baġit jidhru li huma biżżejjed biex jippermettu lill-Irlanda sabiex gradwalment tikseb il-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-2020. Dwar l-abbandun bikri tal-iskola u l-edukazzjoni terzjarja, kien hemm xejriet pożittivi konsistenti f’dawn l-aħħar snin bl-Irlanda jkollha prestazzjoni aħjar mill-medja tal-UE.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

F'dak li jirrigwardja l-perjodu 2014-2020, il-FSIE qed jikkontribwixxu direttament għall-istrateġija Ewropa 2020. Il-fokus hu fuq objettivi tematiċi ewlenin, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

EUR 186.9 miljun se jippromwovu l-investiment tan-negozji fir-R&I u se jiżviluppaw rabtiet u sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri tar-R&Ż u s-settur tal-edukazzjoni għolja. Madwar 690 kariga ta’ riċerka ġodda għandhom jinħolqu fir-Reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant f'ċentri ta' riċerka li qed jaħdmu fi sħubija ma’ 143 kumpanija. In-numru ta’ kumpaniji involuti ma’ ċentri ta’ riċerka strateġika ffinanzjati mistenni jiżdied minn 529 għal 713 permezz tal-iżvilupp miżjud ta’ riċerka applikata. Fir-Reġjun ta' Border, Midland u Western, in-numru ta’ kumpaniji involuti ma’ ċentri ta’ riċerka strateġika għandu jiżdied minn 103 għal 159.

EUR 75 miljun se jkunu investiti f’estensjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-broadband għall-ibliet u l-irħula kollha mhux moqdijin fit-territorju kollu.

EUR 283.8 miljun ta’ investiment se jappoġġja l-kapaċità tal-SMEs fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura biex jikbru fis-swieq reġjonali, nazzjonali u internazzjonali u biex jinvolvu ruħhom fi proċessi ta’ innovazzjoni. L-investimenti għandhom ikunu mmirati wkoll lejn livelli ogħla ta’ prattiki innovattivi fis-settur agrikolu u jissaħħu r-rabtiet bejn ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-aħjar prattika fuq il-post. Fir-Reġjun tan-Nofsinhar u tal-Lvant, hu stmat li se jinħolqu 17 000 impjieg ġdid fl-SMEs f'14-il settur immirat ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. Fir-reġjun ta' Border, Midland u Western, se jinħolqu 4 500 impjieg fost il-klijenti tal-SMEs ta' Enterprise Ireland.

EUR 433.5 miljun se jappoġġjaw ix-xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha. L-investimenti se jintużaw għall-appoġġ ta’ prattiki agrikoli li huma effiċjenti fl-użu tal-karbonju u se jżidu r-rendiment medju tal-enerġija ta’ tal-familji Irlandiżi.

EUR 704.8 miljun se jkunu investiti fil-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju. L-enfasi se tkun fuq l-implimentazzjoni ta’ metodi aktar effiċjenti fis-setturi tas-sajd u l-produzzjoni agrikola, iż-żieda fl-użu ta’ teknoloġiji u prattiki b’emissjonijiet baxxi, il-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija, iż-żieda fl-ilqugħ ta’ żoni ma' xtut ix-xmajjar, l-effiċjenza fl-enerġija u ż-żieda tal-użu u tal-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

EUR 838.3 biljun se jiġu investiti fil-preservazzjoni u fil-protezzjoni tal-ambjent u fil-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi. L-investimenti se jiffukaw fuq it-titjib ta’ prattiki ta’ mmaniġġjar tan-nutrijenti fl-agrikoltura, il-konservazzjoni u ż-żamma tal-bijodiversità u l-ekosistemi marini, biex b’hekk titjieb il-kwalità tal-ilma, il-promozzjoni tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli (billi jonqsu l-qabdiet mhux mixtieqa b'10 000 tunnellata metrika u billi tiżdied il-produzzjoni tal-akkwakultura organika b’3 000 tunnellata sal-2023) u biex jittejbu l-kondizzjonijiet fiżiċi u ekonomiċi f’ċerti żoni urbani fir-Reġjun ta' Border, Midland u Western u dak tan-Nofsinhar u tal-Lvant.

EUR 307.3 miljun se jiġu investiti fil-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u fl-appoġġ għall-mobilità tax-xogħol. Dan mistenni jgħin biex jiġi żgurat li madwar 140 000 persuna qiegħda, inklużi żgħażagħ li ilhom qiegħda għal żmien twil, jakkwistaw impjieg jew jingħataw edukazzjoni jew taħriġ. L-investimenti se jkunu mmirati wkoll biex iżidu l-opportunitajiet ta’ impjiegi fil-komunitajiet kostali.

EUR 350.8 se jiġu investiti fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li persuni barra l-forza tax-xogħol ikollhom aċċess għall-edukazzjoni tat-"tieni ċans" u għall-opportunitajiet tat-taħriġ, u li aktar adulti jkollhom aċċess għall-programmi tal-kitba u l-qari, tal-matematika u tat-tagħlim tal-lingwi. Sal-2023, aktar minn 70 000 persuna minn sfondi żvantaġġati huma mistennija li jkunu pparteċipaw fi programmi ta’ impjegabbiltà. Fis-settur tal-agrikoltura, se jitwaqqfu gruppi għat-trasferiment tal-għarfien, speċjalment biex jiġi żgurat it-twassil ta' prodotti ambjentali u pubbliċi.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-Irlanda qed tikkunsidra li tuża l-istrumenti finanzjarji (SF) biex jgħinu fl-indirizzar tal-volatilità tal-prezzijiet fis-settur agrikolu. Għandu jiġi studjat ukoll l-iskop li jintużaw l-istrumenti finanzjarji għall-effiċjenza fl-enerġija fl-akkomodazzjoni soċjali.

L-Irlanda biħsiebha tagħmel użu mill-għodod territorjali disponibbli. L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità qed jintuża biex jitwassal il-programm LEADER taħt il-FAEŻR u l-finanzjament ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd biex jitwassal il-FEMS. Madwar 7% tal-FAEŻR se jiġu allokati għal LEADER (EUR 153 miljun). L-Irlanda ma tippjanax li tuża investiment territorjali integrat. EUR 40 miljun se jkunu investiti fi żvilupp urban sostenibbli. L-istrateġija tal-baċir tal-Atlantiku se titqies fl-implimentazzjoni.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

3 (1 nazzjonali, 2 reġjonali)

1 nazzjonali

1 nazzjonali

6

Fondi disponibbli (EUR)

1 019 788 509

2 190 592 153

147 601 979

1 135 072 901 17

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali kollha fil-livell nazzjonali u reġjonali ġew issodisfatti.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Firxa ta’ strumenti kumplementari tal-UE (Orizzont 2020) u ta’ strumenti u ta’ politika nazzjonali se jintużaw biex jimmassimizzaw kemm jista’ jkun il-benefiċċji tal-finanzjament tal-FSIE. L-Irlanda għandha tistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw koordinazzjoni bejn il-FSIE u strumenti oħra nazzjonali u tal-UE.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE qed jagħmlu arranġamenti sabiex jiġi żgurat tnaqqis effettiv tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet. Dawn jinkludu l-użu miżjud ta’ somom ta' flus f’daqqa u tal-kosti ssimplifikati.

1. FSIE fl-Italja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-Italja qed tesperjenza rkupru ekonomiku mill-ġdid iżda dgħajjef wara reċessjoni fonda u twila li wessgħet aktar il-lakuna tal-prestazzjoni ekonomika mill-bqija tal-UE. In-nuqqas ta' impjiegi hu b'mod kruċjali għoli fost iż-żgħażagħ, in-nisa u fin-naħa t'isfel tal-Italja. Il-kriżi ekonomika ħarrxet id-diviżjoni soċjoekonomika antika bejn in-naħa ta' fuq u ċ-ċentru tal-Itlaja fuq banda u n-naħa t'isfel tal-Italja fuq il-banda l-oħra, tal-aħħar tradizzjonalment ir-reċivitur ewlieni tal-Fondi SIE. Il-Fondi SIE se jgħinu jindirizzaw diversi mir-rakkomandazzjonijiet ta' politika tal-UE fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, primarjament dawk dwar l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, il-portijiet u l-loġistika, l-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tal-ġustizzja u tal-immaniġġjar tal-fondi.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-Fondi SIE jgħaddu minn 74 programm nazzjonali, multireġjonali u reġjonali. Dawn ikopru realtajiet soċjali, ekonomiċi u amministrattivi differenti u sfidi, li jeħtieġu strateġija diversifikata ħafna fl-użu tar-riżorsi. Il-prijoritajiet ewlenin tal-fondi huma: l-iżvilupp ta' ambjent ta' negozju favur l-innovazzjoni, it-tqegħid fil-post ta' infrastrutturi u mmaniġġjar tar-riżorsi naturali effiċjenti, iż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-titjib tal-edukazzjoni, it-titjib tal-kapaċità amministrattiva u l-immaniġġjar tal-programmi FSIE, b'mod partikolari f'reġjuni anqas żviluppati.

Kważi EUR 3.8 biljun f'Fondi SIE se jintefqu fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), biex jgħinu lill-Italja tilħaq il-mira strateġika ta' Ewropa 2020 biex tonfoq 1.53% mill-PDG fuq ir-R&I (ċifra korrenti: 1.26%). L-infiq fuq ir-R&I, kif ukoll aktar minn EUR 7.8 biljun għall-SMEs fis-setturi inklużi l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura, se jipprovdi tisħiħ b'saħħtu u kkoordinat biex tirkupra l-kompetittività ġenerali tal-Italja. EUR 2 biljun se jintefqu fuq infrastrutturi ta' ultra-broadband u s-servizzi tal-IT se jsaħħu wkoll il-kompetittività, filwaqt li jagħmluha possibbli għall-Italja li tilħaq l-objettivi tal-istrateġija tal-aġenda diġitali tagħha. Aktar minn EUR 2.6 biljun se jkomplu jtejbu l-infrastrutturi tal-ferroviji u marittimi f'partijiet anqas żviluppati tal-pajjiż sabiex jiżguraw xift veru għall-mobilità sostenibbli. Barra minn dan, kważi EUR 4 biljun se jintefqu fuq investimenti biex jiġi promoss ix-xift tal-Italja lejn l-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Dan għandu jgħinha tilħaq il-mira tagħha ta' Ewropa 2020 ta' tnaqqis ta' 20% fil-konsum primarju ta' enerġija.

L-investiment fil-kapital uman u l-għajnuna lill-persuni sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol se jkunu prijorità ewlenija, b'fokus qawwi fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-Italja se tonfoq aktar minn EUR 4.7 biljun f'Fondi SIE biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi għall-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 tagħha ta' 67-69%. Dan se jinkludi l-ipprovdir ta' servizzi personalizzati għal 560 000 żagħżugħ/a bla xogħol, mhux fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ fl-2014 u l-2015. EUR 4 biljun se jintefqu fuq inizjattivi biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għal kważi 2.2 miljun persuna. Barra minn hekk EUR 4 biljun se jintefqu biex tiġi adattata l-edukazzjoni għal ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex jitnaqqas l-abbandun bikri mill-iskola għal 16% sal-2020. Dan se jkun ta' benefiċċju għal aktar minn 2.8 miljun tifel u tifla tal-primarja u studenti.

Il-Fondi SIE se jkunu ta' benefiċċju għaż-żoni rurali billi jippromwovu l-kompetittività tas-setturi tal-agrikoltura u tal-industrija tal-ikel, l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, l-azzjoni favur il-bijodiversità u l-klima. Se ssir ukoll kontribuzzjoni sinifikanti lejn it-twettiq tal-objettivi tal-aġenda diġitali.

Il-Fondi SIE se jappoġġjaw ukoll opportunitajiet ta' żvilupp ġdid fi ħdan "l-ekonomija blu", b'mod partikolari l-istrateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku. Il-fondi FEMS se jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida, b'enfasi fuq it-tranżizzjoni għal sostenibbiltà ambjentali aħjar tal-attivitajiet ekonomiċi fis-sajd u l-akkwakultura. Il-FEMS se jikkontribwixxi biex jiżdied il-profitt nett fis-sajd bi 30% u biex tiġi rduppjata l-produzzjoni tal-akkwakultura organika.

Strumenti finanzjarji u territorjali

Madwar EUR 2.187 miljun se jitwasslu permezz tal-istrumenti finanzjajri, b'mod partikolari għall-SMEs u l-innovazzjoni u kemm lill-grad aktar baxx għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll bħala impjiegi u suq tax-xogħol. Dan l-ammont, issupplimentat b'riżorsi ta' wirt mill-perjodu preċedenti ta' pprogrammar, hu konsistenti mal-istrateġiji ta' investiment tad-diversi programmi u mal-kapaċità ta' assorbiment murija fil-perjodu 2007-2013. Aktar opportunitajiet biex jitwessa' l-iskop u/jew jiżdied il-volum ta' riżorsi allokati għall-istrumenti finanzjarji se jkunu studjati bħala parti mir-riżultat tal-valutazzjonijiet ex ante li għaddejjin.

L-istrateġija tal-iżvilupp urban tal-Italja se tinkludi komponent immaniġġjat b'mod ċentrali li jikkonsisti fi programm nazzjonali għal 14-il żona "metropolitana" madwar il-pajjiż. Din se tikkomplementa l-istrateġija ta' żvilupp urban fil-programmi reġjonali implimentati fil-biċċa l-kbira permezz ta' assi ddedikati u, fi ftit każijiet, permezz tal-investimenti territorjali integrati. Tfasslet għal dawk li jissejħu "żoni interni" strateġija territorjali speċifika, li trid tiġi implimentata permezz tal-programmi reġjonali. Dawn huma żoni rurali primarjament iddefiniti li jużaw kriterji bħad-demografija, id-depopolazzjoni u l-livell ta' servizzi. L-approċċ LEADER, iffinanzjat permezz tal-Fondi SIE, se jkollu rwol importanti fl-iżvilupp territorjali ta' komunitajiet u ekonomiji rurali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

50 (11 nazzjonali jew multireġjonali, 39 reġjonali)

23 (21 reġjonali, 2 nazzjonali)

1

15

Fondi disponibbli (EUR)

31 686 254 105

10 444 380 767 18  

537 262 559

1 996 244 281 19

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

L-Italja għandha kemm kondizzjonalitajiet ex ante nazzjonali kif ukoll reġjonali. Dawn jirriżultaw mit-tfassil kostituzzjonali tagħha u mid-diviżjoni tas-setgħat li jirriżultaw bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali (għalkemm huma attwalment soġġetti għar-riforma). L-Italja għadha ma wettqitx 3 kondizzjonalitajeit ex ante ġenerali, 2 speċifiċi għall-FEMS u 10 tematiċi Il-kondizzjonalitajiet ġenerali (l-akkwist pubbliku, l-ambjent u l-għajnuna mill-istat) huma ta' importanza partikolari billi l-leġiżlazzjoni u l-prattika ta' dawn l-oqsma għadhom sorsi ewlieni ta' irregolaritajiet, li jagħmluha diffiċli li jintużaw il-fondi b'mod effettiv. Għall-kondizzjonalitajiet tematiċi, il-pjanijiet ta' azzjoni huma meħtieġa f'oqsma bħall-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-IT, it-trasport, l-effiċjenza fl-enerġija u l-inklużjoni attiva.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Dgħufijiet sinifikanti fil-kapaċità amministrattiva fl-immaniġġjar tal-fondi konsistentament fixklu l-effettività tagħhom. Dan hu partikolarment il-każ fir-reġjuni l-anqas żviluppati tan-naħa t'isfel tal-Italja, kif identifikati b'ħames rakkomandazzjonijiet ta' politika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew mill-2011 'l hawn. Huma u jqisu dan, il-programmi kofinanzjati mill-UE se jkollhom ikunu akkompanjati minn pjanijiet ta' rinforzar amministrattiv. Dawn huma ddisinjati biex jiggarantixxu li l-awtoritajiet inkarigati mill-fondi jkollhom l-istruttura u l-ħiliet bażiċi neċessarji biex jimmaniġġjaw ir-riżorsi fdati lilhom. Il-programmi tal-FSIE se jindirizzaw dgħufijiet fl-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-istat, il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni: dawn l-oqsma huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-fondi huma mmaniġġjati kif suppost. Il-programmi tal-FSIE se jinkludu wkoll programm nazzjonali ddedikat b'mod sħiħ għat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika b'mod ġenerali.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE qed jiżviluppaw modi biex jonqos il-piż amministrattiv għal benefiċjarji u l-amministrazzjoni pubblika. Dawn jinkludu użu miżjud ta' kosti ssimplifikati u titjib tas-sistema ta' informazzjoni ddedikata.

1. FSIE fil-Latvja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-ekonomija Latvjana bdiet terġa’ tikber fl-2011. Is-suq tax-xogħol ittejjeb u r-rata tal-impjiegi, ta' 70.7%, hi ogħla mill-medja tal-UE (2014). Il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u s-sehem ta’ żgħażagħ mhux f’impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ waqgħu taħt il-medja tal-UE. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hi disponibbli għal-Latvja.

Il-finanzjament pubbliku inadegwat għar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) u n-natura frammentata tas-sistema tar-R&I jikkawżaw prestazzjoni fqira fir-riċerka xjentifika u jagħmlu ħsara lill-kompetittività. Il-Latvja għandha rati għoljin ta’ faqar u ta' esklużjoni soċjali u livell għoli ta’ inugwaljanza fis-soċjetà. Jeħtieġ li jsir aktar sabiex l-edukazzjoni vokazzjonali ssir aktar attraenti għaż-żgħażagħ. Il-kwalità u l-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa, l-effiċjenza fl-enerġija tat-trasport, il-bini u s-sistemi ta’ tisħin jeħtiġilhom jittejbu. L-investimenti tal-FEŻR se jappoġġjaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew f’dawn l-oqsma.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-FSIE jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RŻT) u l-innovazzjoni, jgħinu lill-pajjiż jilħaq il-mira nazzjonali tiegħu ta’ 1.5% tal-PDG investit fir-RŻT (0.66 % fl-2012), iżidu l-proporzjon ta’ SMEs innovattivi għal 40% (minn 29.9% fl-2010), kif ukoll jindirizzaw id-dgħufijiet tiegħu fis-sistema tal-innovazzjoni u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn in-negozji, ix-xjenza u l-edukazzjoni, biex jittejjeb il-potenzjal tal-innovazzjoni.

L-iżgurar ta’ aċċess għal broadband b’veloċità għolja għal mill-anqas 80% tal-familji u l-iżvilupp ta’ servizzi onlajn se jippromwovi t-tkabbir ta’ soċjetà tal-informatika. Broadband b’mill-anqas 30 Mb/s se tiġi pprovduta għaż-żoni rurali biex titnaqqas id-diviżjoni diġitali.

EUR 762 miljun ta’ investimenti f’SMEs, inkluż fis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd, għandhom l-għan li jżidu l-kompetittività u l-innovazzjoni tagħhom billi jappoġġjaw negozji ġodda, filwaqt li jitħeġġeġ l-investiment privat u l-ħolqien ta’ mill-anqas 1 800 impjieg. L-oqsma ewlenin immirati se jkunu l-kapaċità tal-esportazzjoni tal-SMEs, l-aċċess għal finanzjament, it-tqabbil tal-ħiliet tal-ħaddiema mad-domandi tas-suq tax-xogħol, iż-żieda tal-kompetittività u l-assistenza lin-negozji ġodda. Kważi 4.5% tal-bdiewa se jirċievu appoġġ biex jimmodernizzaw u jirristrutturaw il-farms tagħhom, u finanzjament miżjud se jgħin biex jiġu attirati bdiewa żgħazagħ lejn is-settur. Il-kompetittività u l-produttività tas-settur tal-akkwakultura se jiġu appoġġjati wkoll. Dan hu mistenni li jitripplika l-produzzjoni u se jikkontribwixxi għall-provvista tal-ikel u għall-impjieg. Il-FSIE se jintużaw biex tiżdied il-kapaċità istituzzjonali tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tal-ġudikatura.

Il-FSIE se jappoġġjaw il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha, billi jgħinu l-Latvja tilħaq il-mira nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020 ta’ 40% tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (35.8% fl-2012). Il-fondi se jiffukaw fuq l-effiċjenza tal-enerġija fid-djar u bini kummerċjali, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-tisħin distrettwali u trasport b’użu baxx ta’ karbonju.

Il-FSIE se jiġu allokati għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-investimenti se jnaqqsu r-riskji kkawżati mit-tibdil fil-klima, prinċipalment permezz ta’ tnaqqis tal-erożjoni tal-kosta u prevenzjoni tal-għargħar. Se jittieħdu miżuri sabiex jiżdied l-iskart riċiklat b'423 120 tunnellata fis-sena u sabiex jerġgħu jinbnew netwerks ta’ dranaġġ u tal-iskart tal-ilma li huma inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-kwalità. Total ta' 1.3 miljun abitant se jkunu konnessi man-netwerk iċċentralizzat tal-immaniġġjar tal-ilma tal-iskart. Kemm il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, kif ukoll l-akkwakultura li jipprovdu servizzi ambjentali se jiġu kofinanzjati. L-objettiv tal-Politika Komuni tas-Sajd għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini se jkun appoġġjat.

Il-FSIE se jintużaw biex tiġi żviluppata infrastruttura tat-trasport sostenibbli u effiċjenti. Se tingħata prijorità lill-infrastruttura tal-linji tal-ferroviji u tat-toroq TEN-T, li jikkonnettjaw iż-żoni urbani man-netwerks tat-TEN-T, u se jinbnew mill-ġdid toroq reġjonali. Dan se jinvolvi l-bini mill-ġdid jew ta’ rinnovazzjoni ta’ 998 km ta’ linji tal-ferrovija u 574 km ta' toroq (345 km fuq it-TEN-T).

Miżuri li jagħtu spinta lill-impjiegi u li jżidu l-mobilità tal-forza tax-xogħol se jippermettu 22 950 persuna attwalment qiegħda biex isibu impjieg. Aktar minn 11 000 żagħżugħ/a li mhumiex fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ se jirċievu offerta ta’ impjieg, post f’edukazzjoni kontinwa, jew apprendistat jew traineeship.

Il-fondi se jiġu investiti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. Ir-riforma tal-edukazzjoni għolja se tinvolvi l-ħolqien ta’ aġenzija nazzjonali ta’ akkreditament, l-akkreditament ta’ 80 programm ta’ studju ġdid, l-introduzzjoni ta’ governanza bbażata fuq ir-riżultati f’20 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja u l-modernizzazzjoni tal-ambjent tat-tagħlim. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) se jiġu mtejba billi jiġi estiż l-użu tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Dan se jippermetti 70-80% tal-istudenti li jirċievu appoġġ biex jiksbu kwalifika professjonali jew kwalifika oħra. Il-kwalifiki ta’ 4 500 persunal tal-ETV se jiġu mtejba u modernizzati 70-80% tal-istituzzjonijiet ETV. Il-bdiewa u s-sidien ta’ negozji agrikoli u tal-forestrija se jitħarrġu biex itejbu l-għarfien ta’ produzzjoni effiċjenti u l-immaniġġjar tar-riżorsi tagħhom favur l-ambjent. Se tkun promossa l-kooperazzjoni mar-riċerkaturi.

Miżuri mfasslin biex itejbu l-inklużjoni soċjali u jiġġieldu l-faqar se jgħinu lil kważi 4 000 persuna żvantaġġata bla xogħol biex isibu impjieg. Se jkunu appoġġjati kemm it-trażizzjoni għall-kura abbażi tal-komunità tat-tfal u tal-adulti b'diżabbiltajiet psikointelletwali, kif ukoll aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa għall-popolazzjoni kollha tal-Latvja.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Strumenti finanzjarji b’valur ta’ EUR 185 miljun se jkunu disponibbli biex jappoġġjaw in-negozji u jiffinanzjaw miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija. Is-self, il-garanzija u l-istrumenti ta’ ekwità se jintużaw prinċipalment biex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini.

L-iżvilupp urban sostenibbli se jkun promoss permezz ta’ investiment territorjali integrat. Sħubijiet lokali se jkunu aktar attivi permezz ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità, bħala parti minnhom proġetti li qed jiġu mmexxija minn 34 grupp ta’ azzjoni lokali fil-Latvja kollha se jirċievu finanzjament.

Miżuri li jiffukaw fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni tas-sajd se jiġu implimentati fit-territorji sinifikanti għas-sajd permezz tal-applikazzjoni ta’ approċċ li jinvolvi diversi fondi.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

1

1

1

6

Fondi disponibbli (EUR)

4 418 233 214

1 075 603 782

139 833 742

577 852 961 20

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

L-iżvilupp ta’ oqfsa strateġiċi għall-istrateġija tar-R&I għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-indirizzar tal-abbandun bikri tal-iskola u t-titjib tal-politika ambjentali, kienu l-kondizzjonalitajiet ex ante l-aktar importanti li ma ġewx issodisfatti fil-ftehim ta’ sħubija u l-adozzjoni tal-programm u tal-pjanijiet ta’ azzjoni kienu miftehmin għat-twettiq tagħhom sa tmiem l-2016. Nissuġerixxu li nżidu li l-iskoperta ta' ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa għandha tkun il-bażi ta' kull deċiżjoni li fuqha jsiru l-investimenti tal-infrastruttura (kif inhu l-każ għal pajjiżi oħrajn, bħar-Rumanija u l-Polonja).

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Aġenzija “unika” għall-konklużjoni ta' kuntratti ta’ impjieg ġiet stabbilita u l-kumitat konġunt ta’ monitoraġġ tal-FSE, il-FEŻR u l-FK qed ikun appoġġjat minn sottokumitati tematiċi. Il-kumitati ta’ monitoraġġ tal-FAEŻR u l-FEMS huma mmaniġġjati mill-Ministeru tal-Agrikoltura.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Il-benefiċjarji se jibbenefikaw minn sistema istituzzjonali ssimplifikata, standards unifikati, użu akbar ta’ amministrazzjoni onlajn, sistema elettronika ta’ akkwisti u żieda fl-użu ta’ opzjonijiet ta’ kosti ssimplifikati.

1. FSIE fil-Litwanja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-ekonomija tal-Litwanja wriet li hi perfettament kapaċi li terġa’ tikseb il-kompetittività wara l-kriżi. Din sostniet tkabbir b’saħħtu f’dawn l-aħħar snin. Sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fuq perjodu itwal ta’ żmien, madankollu, il-pajjiż se jeħtieġlu jindirizza numru ta’ kwistjonijiet.

L-ewwel waħda hi relatata mal-kapaċità tiegħu li javvanza fil-katina ta’ valur miżjud. Is-suq tax-xogħol tal-Litwanja qed jinżamm lura minn restrizzjonijiet fuq il-provvista tal-kapital uman u tal-ħiliet. Il-popolazzjoni attiva qed tonqos b’mod rapidu u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha relattivament baxxa. Hemm riskju għoli li n-nuqqas ta’ ħiliet jista’ jaggrava maż-żmien. Il-proporzjon tal-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għadu għoli u l-inugwaljanzi qed jiżdiedu. L-investiment mis-settur privat, b’mod partikolari fir-R&I, hu baxx, dan jista' jxekkel it-tkabbir fit-tul taż-żmien. Il-Litwanja jeħtiġilha tkompli ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u żżid il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija tagħha. L-intensità tal-enerġija hi għolja, dan jagħmel il-Litwanja wieħed mill-pajjiżi l-anqas effiċjenti fl-enerġija fl-UE. Analiżi tal-miri nazzjonali ta’ Ewropa 2020 turi nuqqasijiet sinifikanti fiż-żieda tan-nefqa tar-R&I, fit-titjib tal-impjegabbiltà u fit-twettiq tal-miri tal-enerġija. Dawn in-nuqqasijiet huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-FSIE se jikkontribwixxu biex jittejbu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija u biex jissaħħu r-rabtiet bejn ir-R&I u l-politiki industrijali. In-nefqa tar-R&Ż per capita fis-settur tan-negozju hi mistennija li tilħaq EUR 60.7 fl-2023 (EUR 24.1 fl-2011). Dan se jinkiseb permezz tat-tisħiħ tas-sistemi tar-R&I fin-negozji u bil-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien tar-R&Ż bejn l-akkademja u n-negozji.

EUR 1.2 biljun ta’ appoġġ għall-SMEs u impriżi tal-agrikoltura, tal-akkwakultura u tas-sajd se jintużaw biex jgħinu sabiex jiżdied in-numru tal-intrapriżi għal kull 1000 abitant minn 39 fl-2013 għal 48 fl-2023 u l-livell ta’ produttività u l-valur miżjud għal EUR 17 726 għal kull impjegat fis-sena (EUR 12 432 fl-2013). Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-modernizzazzjoni u t-titjib tal-prestazzjoni ekonomika ta’ kważi 8 000 farm ta’ daqs żgħir u medju, u sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-bidu ta’ aktar minn 1 100 bidwi żagħżugħ ġdid. Dawn il-fondi strutturali u ta’ Investiment Ewropej se jkunu użati wkoll biex itejbu l-ambjent tan-negozju, billi jagħmluha aktar faċli li jiġi stabbilit negozju, li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u li jiġu pprovduti servizzi ta’ negozju mfasslin apposta.

Il-FSIE se jgħin biex jiġi indirizzat il-qgħad, tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiġi żgurat li d-domanda tas-suq tax-xogħol hi milqugħa aħjar billi jiżdied il-livell ta' kwalifiki u ta' ħiliet tal-forza tax-xogħol attiva u billi jiġi impedut l-abbandun bikri tal-iskola. Total ta’ 55 000 persuna qiegħda se jieħdu sehem fi skemi mfassla biex jgħinuhom jerġgħu lura lejn is-suq tax-xogħol miftuħ. Il-FSE se jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ 1 800 impjieg ġdid f’intrapriżi ġodda u se jappoġġja l-parteċipazzjoni ta’ 5 000 persuna b’diżabbiltà fi programmi ta’ riabilitazzjoni professjonali. B’riżultat ta’ dan, ir-rata ta’ impjiegi tal-popolazzjoni attiva (bl-età ta’ 20-64) hi mistennija li tilħaq 72.8% fl-2023 (69.9% fl-2013). Ir-rata tal-kisba tal-edukazzjoni terzjarja diġà qiegħda tajba u naqset ir-rata tal-abbandun bikri tal-iskola, il-FSIE se jkunu diretti lejn it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u r-rilevanza tagħha u biex tiġi aġġustata aħjar il-provvista tal-ħiliet mad-domanda. Il-fondi se jgħinu biex tiżdied il-parteċipazzjoni adulta fit-tagħlim tul il-ħajja minn 5.7% fl-2013 għal 8% fl-2017. Aktar minn 60 000 ruħ li jaħdmu fl-agrikoltura u l-forestrija se jirċievu taħriġ, bl-għan li titjieb il-kompetittività ta’ dawn is-setturi.

Il-FSIE se jkunu użati wkoll biex jgħinu sabiex jitnaqqas il-faqar u titjieb l-inklużjoni soċjali. B’mod speċifiku, dan l-investiment se jgħin lil dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol biex jerġgħu lura għax-xogħol, biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età, u biex itejjeb l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa. Dawn il-miżuri se jgħinu biex jonqos in-numru tal-persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali b'100 000 sal-2020.

EUR 1.4 biljun se jkunu allokati għall-enerġija u t-tibdil fil-klima. Il-miżuri ffinanzjati se jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-gassijiet b’effett serra ta’ 600 000 tunnellata ta' CO2 eq./sena. Il-konsum finali tal-enerġija u dak domestiku hu mistenni li jonqos bi 7.56 GWh sal-2023 u l-intensità tal-enerġija tal-industrija mistennija tonqos għal 1.778 MWh/EUR sal-2023 (2.592 MWh/EUR fl-2012). L-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija se jgħin biex tissaħħaħ l-integrazzjoni fis-suq intern tal-enerġija tal-UE.  

EUR 1 biljun ta’ investiment allokat għat-trasport se jestendi n-netwerks TEN-T u se jtejjeb l-aċċessibbiltà. Din l-allokazzjoni se tippermetti 300 km ta’ toroq u 70 km ta’ linji ferrovjarji biex jinbnew jew jiġu rinnovati, jitnaqqas in-numru ta’ aċċidenti u jittejbu l-kollegamenti bejn modi differenti ta’ trasport.

EUR 0.9 biljun ta’ investiment se jiġi allokat għal miżuri ambjentali u t-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi. Il-proporzjon ta’ skart muniċipali mormi fil-miżbliet se jonqos b’mod sostanzjali (minn 78% fl-2011 għal 35% fl-2023). Il-fondi se jintużaw biex jappoġġjaw prattiki ta’ mmaniġġjar tal-art li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, inkluża l-agrikoltura organika, fuq 11% ta’ art agrikola u l-estensjoni ta’ forestrija sostenibbli, u b’hekk jgħinu biex jipproteġu l-bijodiversità. L-użu ta’ metodi sostenibbli se jiġi estiż fis-sajd u fl-akkwakultura, it-titjib tal-ekosistemi marini u tal-bijodiversità akkwatika skont il-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida. Qabdiet mhux mixtieqa se jitnaqqsu b’43 tunnellata u l-produzzjoni tal-akkwakultura organika se tiżdied b’2 000 tunnellata fl-2023.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Aktar minn EUR 700 miljun huma mistennija li jkunu disponibbli permezz ta’ strumenti finanzjarji, u mmirati b’mod partikolari lejn l-effiċjenza fl-enerġija, l-SMEs u lejn dawk li jaħdmu għal rashom. Dan jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn 50% fuq il-perjodu ta’ programmar 2007-2013.

Il-programmi implimentati se jiżguraw li l-istrumenti territorjali disponibbli jintużaw bl-akbar vantaġġ. L-awtoritajiet urbani se jkunu responsabbli għall-immaniġġjar ta’ EUR 210 miljun ta’ investiment, prinċipalment allokati għal żvilupp urban sostenibbli u r-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali. L-implimentazzjoni ta’ strateġiji lokali ta’ żvilupp b’valur ta’ madwar EUR 100 miljun fiż-żoni rurali u kostali kollha, u f'xi żoni urbani, se jsaħħu s-sħubiji lokali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

1 (nazzjonali)

1

1

6

Fondi disponibbli (EUR)

6 709 396 130

1 613 088 240

63 432 222

555 079 008 21

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Skont il-pjanijiet ta’ azzjoni miftiehma, il-Litwanja adottat strateġiji u politiki oħra meħtieġa u ssodisfat il-kondizzjonalitajiet ex ante kollha.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni huma parti minn programm uniku mmaniġġjat mill-Ministeru tal-Finanzi. Il-FAEŻR u l-FEMS għandhom programmi separati iżda huma t-tnejn immaniġġjati mill-Ministeru tal-agrikoltura. L-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar huma membri ta’ kumitati ta’ monitoraġġ ta’ xulxin, u b’hekk jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn il-FSIE. Firxa ta’ strumenti kumplementari tal-UE (p.e. Orizzont 2020) u ta’ strumenti u ta’ politika nazzjonali se jintużaw biex jimmassimizzaw kemm jista’ jkun il-benefiċċju tal-FSIE.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Il-Litwanja qed tippjana biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri biex il-FSIE kollha jagħmlu aktar użu ta’ għażliet ta’ kosti ssimplifikati u biex itejbu s-sistemi tal-IT disponibbli għall-benefiċjarji (p.e. jinħoloq punt ta’ aċċess uniku, tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni u jiġu pprovduti formoli onlajn).

1. FSIE fil-Lussemburgu

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Għalkemm l-ekonomija tal-Lussemburgu qed taħdem tajjeb b’mod ġenerali, it-tkabbir għadu ma rritornax lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. L-oqsma ewlenin li fihom ikun hemm kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati jinkludu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, il-produttività tax-xogħol u l-kost tal-kompetittività (li reċentement staġna), l-impjieg u l-koeżjoni soċjali. Sforzi sinifikanti huma wkoll meħtieġa għall-iżvilupp ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, inklużi permezz ta’ politiki li jaffettwaw is-settur tal-enerġija.

Il-magna ta’ tkabbir prinċipali tal-Lussemburgu u s-saħħa ta’ dan is-settur ippermettew lill-pajjiż li joħloq u jżomm welfare state ġeneruż mingħajr ma jipperikola l-finanzi pubbliċi. Fl-istess ħin, madankollu, l-ekonomija saret dipendenti ħafna fuq dan is-settur. Hu għalhekk essenzjali għal-Lussemburgu li jiddiversifika u jsib sorsi alternattivi ta’ tkabbir.

Is-suq tax-xogħol tal-Lussemburgu qed jaħdem tajjeb u r-rati ta’ kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja huma għoljin. Ir-rati tal-impjieg fost ħaddiema aktar anzjani, nisa u żgħażagħ bi ftit kwalifiki huma, madankollu, relattivament baxxi (bil-qgħad taż-żgħażagħ f’livell ta’ 21.2%). Is-sistema ta’ "tassassjoni konġunta" u t-tfassil tas-sistema tal-benefiċċju soċjali jistgħu joħolqu diżinċentivi għax-xogħol. Għandu jiġi nnutat ukoll li qed tiżdied ir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għat-tfal, għall-familji b’ġenitur wieħed u għall-migranti, għalkemm minn livell baxxa ħafna. Il-Lussemburgu għamel progress limitat fit-tisħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u ma kienx hemm żviluppi relatati mar-riforma ġenerali tal-edukazzjoni sekondarja.

Il-Lussemburgu mhux miexi fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu ta' Ewropa 2020 biex jitnaqqas il-livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra, skont l-aħħar proġezzjonijiet. It-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet agrikoli qed ikollu wkoll effett sinifikanti fuq il-kwalità tal-ilma. Il-pajjiż m’għandux jittraskura l-bżonn li jitjiebu t-tekniki ta’ fertilizzazzjoni organika, bl-għan li jsiru anqas dannużi għall-ambjent u aktar effettivi. Barra minn hekk, għalkemm il-Lussemburgu kien impenja ruħu li jwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2020, aktar azzjoni hi meħtieġa b'mod urġenti jekk din il-mira trid tintlaħaq.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Minħabba li l-allokazzjoni tal-FSIE tal-Lussemburgu hi relattivament modesta, hu inevitabbli li l-programmi għandhom jikkonċentraw fuq l-indirizzar ta' aspetti speċifiċi tal-kwistjonijiet identifikati hawn fuq. Iż-żieda fl-investiment tar-R&Ż hi ta’ importanza kruċjali biex tinħoloq diversifikazzjoni ekonomika akbar. Għalhekk se tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iċ-Ċentru ta’ Riċerka Nazzjonali u l-Università tal-Lussemburgu, bl-għan li jiżdied bi 300 in-numru ta’ SMEs involuti fir-riċerka. Miżuri adottati fil-qasam tal-agrikoltura se jżidu l-kompetittività billi jippromwovu l-intraprenditorija, l-iffaċilitar tar-ristrutturar ta’ negozji u r-rivitalizzazzjoni tas-settur. Allokazzjoni ta’ EUR 30 miljun mill-FAEŻR hi mistennija li tappoġġja l-investiment fil-modernizzazzjoni ta’ faċilitajiet, ir-ristrutturazzjoni tan-negozju u t-tekniki innovattivi għal madwar 21% tal-farms, u 7% se jibbenefikaw minn pjan ta’ żvilupp ta' negozju għal bdiewa żgħażagħ appoġġjat mill-FAEŻR.

Il-FSIE se jintużaw ukoll biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-esklużjoni soċjali. Huma se jappoġġjaw miżuri mfassla biex itejbu l-kwalifiki u l-ħiliet taż-żgħażagħ u ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol (inklużi dawk minn sfond ta’ migrazzjoni) u biex jiġi żgurat tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol. Il-fondi se jgħinu biex tiġi estiża u mtejba l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex jiġi żgurat aċċess ugwali għat-tagħlim tul il-ħajja. Bħala parti minn dan, il-FSE se jiffinanzja miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu 15 000 persuna b’taħriġ, opportunità biex itejbu l-kwalifiki tagħhom u ta' għajnuna biex isibu impjieg.

Baġit ta’ EUR 62 miljun f’finanzjament ġie allokat għal miżuri relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi. Dan se jintuża biex jiffinanzja miżuri mfassla għar-restawrazzjoni, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi li ġew affettwati minn attivitajiet agrikoli. Il-kuntratti ta’ mmaniġġjar ta’ 90% taż-żona agrikola utilizzata se jitolbu prattiki ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw il-bijodiversità u l-protezzjoni ta’ żoni naturali. Barra minn hekk, kuntratti li jkopru 28% ta’ total taż-żona agrikola użata se jeħtieġu prattiki ta' mmaniġġjar li jtejbu l-kwalità tal-ilma. Il-finanzjament tal-FSIE se jappoġġja x-xift għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, b’mod partikolari permezz ta’ investiment fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-enerġija rinnovabbli u fix-xift modali lejn mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli fl-ibliet. Hu stmat li l-konsum tal-enerġija fil-binjiet se jitnaqqas b’20% sal-2020. L-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu hu mistenni li jiżdied minn 2.9% fl-2014 għal 11% fl-2020, u l-emissjonijiet annwali tal-gassijiet b’effett serra huma mistennija li jonqsu b’15 000 tunnellata ta’ CO2 eq.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-Lussemburgu mhux jippjana li juża strumenti finanzjarji minħabba l-livell limitat ta’ finanzjament.

Strateġiji żviluppati minn gruppi ta’ azzjoni lokali se jkunu ta' benefiċċju għal 30% tal-popolazzjoni rurali. Il-programmi ta’ investiment territorjali integrat (li għalihom huma allokati 6% tal-fondi tal-FEŻR) se jinkludu miżuri għal żvilupp urban sostenibbli.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

2 Nazzjonali

1

M/A

2

Fondi disponibbli (EUR)

39 558 626

100 574 600

M/A

535 936 988 22

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-kondizzjonalitajiet ex ante relatati mal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għadhom ma ġewx issodisfatti b'mod sħiħ. Il-gvern għadu ma adottax strateġija għar-R&I għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Ġie stabbilit kumitat ta’ konsultazzjoni, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar tal-FSIE kollha. L-objettiv tal-kumitat hu li jikkoordina l-iżvilupp ta' strateġiji u ta' prijoritajiet għal kull fond, li jiżgura li l-programmi jikkomplementaw lil xulxin u li jipprepara u jinnegozja ftehimiet ta' sħubija.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Sistemi għall-iskambju ta’ informazzjoni qed jittejbu u qiegħed isir użu akbar tal-ICT. Bazi tad-dejta tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika u l-ġeoportal ta’ sit web, li jipprovdu aċċess dirett għal dejta dwar il-lokalità ta’ żoni protetti ta’ art jew ilma, se jsiru aktar komprensivi biż-żieda ta’ informazzjoni dwar l-uċuħ tal-art u l-karatteristiċi strutturali kollha. Dan l-aġġornament, ippjanat għall-2015, għandu jkun utli ħafna għall-benefiċjarji.

1. FSIE f’Malta

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-ekonomija ta’ Malta u s-suq tax-xogħol imxew tajjeb matul il-kriżi. It-tkabbir reali tal-PDG laħaq medja ta’ 'l fuq minn 2.7% matul il-perjodu 2011-2014, stigat mid-domanda domestika qawwija, mit-turiżmu u mill-esportazzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi. Minkejja l-isfidi tal-ambjent estern, Malta żammet bilanċ kummerċjali pożittiv u kienet kapaċi żżid l-impjiegi u żżomm il-qgħad f’livell baxx (anqas minn 6% fl-2014). Il-kompetittività esterna tas-settur produttiv hi, madankollu, limitata minn numru ta’ fatturi, inklużi d-dgħufijiet strutturali fl-ambjent tan-negozju, il-livelli baxxi tar-R&I, il-livell għoli ta’ dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija esterni u l-vulnerabbiltà għall-ambjent estern. Dawn il-kwistjonijiet huma wkoll ta’ theddida sinifikanti għas-sostenibbiltà fit-tul u l-kwalità tal-ħajja. Ir-riżultati ekonomiċi tajbin ta' Malta ma jaqblux mal-livell tagħha ta’ koeżjoni soċjali. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha baxxa, indikazzjoni ta’ potenzjal mhux sfruttat fl-ekonomija u l-ħtieġa li tiġi aġġustata s-sistema tal-edukazzjoni u tat-taħriġ sabiex tissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dawn il-kwistjonijiet huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew u ngħataw attenzjoni partikolari fl-allokazzjoni tal-FSIE.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Sabiex tiżdied il-kompetittività permezz tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozju Malta se timmira (a) li żżid il-kapaċità għar-RŻT&I permezz ta’ investiment fl-infrastruttura pubblika u fil-faċilitajiet ta’ riċerka, (b) li tistimula l-investiment kummerċjali u li tinkuraġġixxi r-rabtiet bejn in-negozji u r-riċerka u l-edukazzjoni, u (ċ) li ssaħħaħ u tiżviluppa prodotti u applikazzjonijiet ġodda tal-ICT, sabiex inter alia ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi. It-tħeġġiġ tal-intraprenditorija, it-titjib tal-kompetittività tan-negozji u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ tkabbir huma meqjusin bħala miri partikolarment importanti f’dan il-qasam ta’ politika. In-negozji fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd se jkunu fost dawk li jibbenefikaw mill-appoġġ. Il-FEMS jimmira b’mod partikolari lejn it-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u s-sostenibbiltà ekonomika fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Sa EUR 190 miljun, 23% tat-total tal-FSIE mogħtijin lil Malta, se jiġu allokati għal dan il-qasam ta’ prijorità.

Il-fondi se jgħinu lill-pajjiż biex jilħaq il-mira tiegħu ta' Ewropa 2020 li jżid il-proporzjon tal-PDG investit fir-R&I minn 0.72% għal 2%. Riżultati oħra mistennija f’dan il-qasam jinkludu żieda fir-R&I fl-oqsma identifikati skont l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, inklużi s-settur agrikolu, it-titjib fil-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi onlajn tal-gvern għan-negozji u l-individwi, it-tnaqqis fil-piż amministrattiv fuq in-negozji, u ż-żieda fil-kontribut ġenerali tal-SMEs għall-kompetittività u l-impjiegi, inklużi l-agrikoltura u s-sajd/l-akkwakultura.

Billi tiżviluppa u żżomm aġġornati ambjent u ekonomija b’użu effiċjenti tar-riżorsi, Malta se timmira kemm li tappoġġja l-investiment pubbliku u privat fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll l-investiment fl-agrikoltura u fis-setturi tal-ilma u tal-iskart. Se tittieħed ukoll azzjoni sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali, jiġi ppreservat u mħares il-wirt naturali u kulturali, tiġi restawrata l-bijodiversità, jittejjeb l-ambjent urban u jiġu appoġġjati sistemi u infrastruttura ta’ trasport multimodali u b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Dawn il-miżuri għandhom jgħinu lil Malta biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-acquis tal-UE. 51% tal-Fondi SIE mogħtijin lil Malta, se jiġu allokati għal dan il-qasam ta’ prijorità. Il-miżuri ffinanzjati se jgħinu lill-pajjiż jilħaq il-miri tiegħu ta’ Ewropa 2020 għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett serra, billi juża aktar enerġija rinnovabbli (sa 10% tal-konsum totali tal-enerġija) u billi jżid l-effiċjenza fl-enerġija. Riżultati oħra mistennija f’dan il-qasam jinkludu t-titjib tal-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, inklużi fis-settur agrikolu, iż-żieda fil-proporzjon ta’ skart riċiklat u l-iżvilupp ta’ prattiki ta’ mmaniġġjar tal-iskart aktar sostenibbli, il-protezzjoni aħjar tal-bijodiversità, il-wirt naturali u kulturali u l-ambjent urban, u aktar effiċjenza u sostenibbiltà fis-settur tat-trasport.

Bil-ħolqien ta' opportunitajiet ta’ xogħol permezz ta’ investiment fil-kapital uman u t-titjib fis-saħħa u l-benessri, Malta se timmira li tippromwovi impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, tiżgura aktar inklużjoni soċjali u tittratta l-faqar u d-diskriminazzjoni, iżżid il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-gvern u tal-ġudikatura. Il-FSIE se jintużaw biex jingħata sostenn lil aktar minn 5 700 persuna f’impjieg, lil aktar minn 24 000 persuna fl-edukazzjoni u t-taħriġ u lil aktar minn 8 500 persuna li se jkunu qed jieħdu sehem fi proġetti ta’ inklużjoni soċjali. Dawn il-miżuri se jgħinu lill-pajjiż biex jilħaq il-miri tiegħu ta’ Ewropa 2020 (iż-żieda tal-impjiegi għal 70% u r-rata ta' akkwist ta' edukazzjoni terzjarja għal 33%, tnaqqis fl-abbandun bikri tal-iskola minn 33.5% għal 10%, u l-ħruġ ta' madwar 6 560 persuna mill-kategorija ta' riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali).

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-ammont ta’ fondi għal strumenti finanzjarji għandu aktar milli jittriplika meta mqabbel mal-2007-2013, għal EUR 34 miljun. Malta qed tikkontribwixxi EUR 15-il miljun għall-inizjattiva tal-SMEs.

Hi allokat 5.2% tal-finanzjament tal-FEŻR għall-iżvilupp urban sostenibbli (b’enfasi partikolari fuq il-preservazzjoni ta’ assi nazzjonali kulturali u storiċi), għat-titjib tal-opportunitajiet ta’ impjiegi f’żoni soċjalment deprivati madwar in-naħa t'isfel tal-port fil-Belt Valletta, u għall-appoġġ lir-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali ta’ komunitajiet deprivati li jinsabu f’komunitajiet urbani u rurali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

3 (nazzjonali)

1

1

3

Fondi disponibbli (EUR)

707 989 554

97 326 898

22 627 422

486 688 291 23

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Ħamsa mill-11-il kondizzjonalità ex ante (EACs) tematiċi għadhom ma ġewx sodisfatti, li minnhom tlieta huma kruċjali għall-programmi tal-FEŻR u tal-FK. Dawn jirrigwardaw (1) l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, (2) l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ rkupru tal-kost għas-settur tal-ilma, u (3) l-iżvilupp ta’ pjan komprensiv, li jinkludi sensiela ta’ proġetti maturi. Ħamsa mill-EACs tematiċi rilevanti għall-programm tal-FSE għadhom ma twettqux, iżda sar qbil dwar pjan ta' azzjoni u dawn issa ġew sodisfatti. Attwalment qed jiġi implimentat pjan ta' azzjoni għall-EAC dwar is-sistema tal-istatistika. L-EAC speċifiku għall-FEMS dwar ir-rapportar dwar il-kapaċità tas-sajd twettaq parzjalment (pjan ta' azzjoni jinsab fis-seħħ). Madankollu, għadhom ma twettqux l-EACs speċifiċi għall-FAEŻR relatati mal-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji, l-effiċjenza u l-użu tal-enerġija u tal-ilma u l-kwalità tal-ICT.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

It-tliet programmi tal-FEŻR, FK, FSE se jiġu implimentati mill-istess awtorità ta’ mmaniġġjar — id-Diviżjoni tal-Koordinazzjoni għall-Ippjanar u l-Prijoritajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali (MEAIM). Il-programmi tal-FAEŻR u tal-FEMS qegħdin jiġu mmaniġġjati mill-istess Ministeru. Din is-sistema ta’ mmaniġġjar ċentralizzat ħafna tiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ programmi differenti.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Il-benefiċjarji u l-applikanti potenzjali jistgħu jiksbu parir minn ħelpdesk ta’ informazzjoni komuni li hi operata b’mod konġunt mid-diviżjoni tal-koordinazzjoni għall-ippjanar u l-prioritajiet u mid-diviżjoni tal-fondi u tal-programmi tal-MEAIM. Is-servizzi offruti mill-ħelpdesk, li kienu diġà qed joperaw fil-perjodu ta’ programmar 2007-2013, se jiġu estiżi biex ikopru l-FSIE kollha. Il-mira hi li tkun tista' tiġi offruta lill-applikanti prospettivi, il-benefiċjarji u l-pubbliku ġenerali linja diretta ta’ komunikazzjoni (inkluża permezz ta’ email) mal-awtoritajiet ta’ mmaniġġjar, li permezz tagħha jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni dwar kwistjonijiet ġenerali jew speċifiċi.

1. FSIE fin-Netherlands

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Minkejja l-irkupru ekonomiku muri fin-Netherlands, il-pajjiż għad għandu numru ta’ kwistjonijiet importanti li għadhom iridu jiġu indirizzati. Għad fadallu ħafna biex jilħaq il-miri tiegħu ta’ Ewropa 2020 fl-investiment fir-R&I, fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, fir-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u fl-inklużjoni soċjali. Għalhekk meħtieġ li tal-anqas jinżammu l-isforzi attwali, jekk ma jiżdidux ukoll. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew jirriflettu diversi minn dawn il-kwistjonijiet. Peress li n-Netherlands jirċievu allokazzjoni tal-FSIE relattivament modesta, il-programmi tagħhom se jkunu ffukati fuq l-għajnuna għall-pajjiż biex jintlaħqu l-miri tiegħu ta’ Ewropa 2020.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-finanzjament tal-FSIE se jgħin biex jissaħħaħ il-potenzjal għall-innovazzjoni fin-Netherlands billi jiġu ffinanzjati miżuri ddisinjati biex jistimulaw l-investiment tan-negozji fir-R&I. Dawn jinkludu strateġiji għall-iżvilupp ta' rbit bejn in-negozji u l-istituti tar-R&Ż u miżuri biex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni miftuħa permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. B’mod partikolari se jissaħħu l-bidliet minn qasam għall-ieħor bejn is-setturi identifikati fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali. Madwar EUR 355 miljun ġew allokati għal dan il-qasam ta’ politika u l-miżuri mistennija li jżidu l-intensità tar-R&I fl-SMEs u li jtejbu l-użu tal-innovazzjonijiet. Il-miżuri jimmiraw biex jappoġġjaw 2 900 negozju u l-investiment tal-FSIE mistenni li jiġġenera EUR 305 miljun addizzjonali f'investiment privat fir-R&I. Il-finanzjament tal-FSIE ta' EUR 163 miljun se jkun ukoll allokat lill-miżuri ddisinjati li jżidu l-kompetittività ta' 2 800 SMEs fis-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura.

Il-finanzjament tal-FSIE ta’ EUR 462 miljun se jiġi investit fil-promozzjoni tal-inklużjoni attiva u fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u sostenibbli. L-akbar parti ta’ dan it-total se tiġi allokata lill-mogħdijiet ta’ integrazzjoni tax-xogħol imfassla biex jgħinu lil gruppi esklużi jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ individwali. Il-fondi li jifdal se jintużaw għal miżuri dwar anzjanità attiva u b’saħħitha tal-forza tax-xogħol u l-adattament ta’ ambjenti tax-xogħol u tal-kondizzjonijiet sabiex jippermettu lin-nies jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri madwar 27 500 persuna huma mistennija li jsibu impjieg jew li jirċievu edukazzjoni li twassal għall-kwalifiki. Barra minn hekk, parti mit-total se tgħin biex jiġi ffinanzjat it-taħriġ għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-agrikoltura, bil-mira li jitjieb l-użu tal-innovazzjoni.

Il-FSIE allokati għall-politika ambjentali se jintużaw primarjament biex jiffinanzjaw miżuri ta’ appoġġ lis-setturi agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura. Madwar EUR 358 miljun se jiġu investiti f’miżuri biex jirrestawraw, jippreservaw u jsaħħu l-ekosistemi affettwati minn attivitajiet agrikoli, bl-għan li tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali tas-settur agrikolu u jiġu appoġġjati l-adattamenti meħtieġa minħabba t-tibdil fil-klima. Il-kuntratti ta’ mmaniġġjar ta’ 5.9% taż-żona agrikola utilizzata se jitolbu prattiki ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw il-bijodiversità u l-protezzjoni ta’ żoni naturali. Kuntratti li jkopru 5.9% tal-art agrikola se jeħtieġu prattiki ta' mmaniġġjar biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' mmaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Il-Fondi se jikkontribwixxu wkoll EUR 15-il miljun għall-prevenzjoni tar-riskju fis-settur agrikolu, billi jiġi promoss l-użu ta’ assigurazzjoni għal kull tip ta’ temp mill-bdiewa u b’hekk jiġu mmirati 1 500 bidwi addizzjonali. EUR 76 miljun se jiġu investiti f’innovazzjonijiet maħsuba biex jagħmlu s-sajd u l-akkwakultura aktar sostenibbli u biex itejbu l-ekosistemi marini u l-bijodiversità akkwatika. Dan se jgħin biex jiġi protett l-ambjent u biex tiġi promossa l-effiċjenza tar-riżorsi u, speċifikament, biex jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa b’25%.

In-Netherlands se jużaw ukoll il-FSIE biex jiġi appoġġjat ix-xift lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ karbonju. EUR 121 miljun se jiġu investiti f’azzjonijiet marbuta direttament mal-enerġija rinnovabbli u mal-effiċjenza fl-enerġija. Il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati jinkludu l-iżvilupp ta’ prototipi ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju u d-dimostrazzjoni u l-użu bi prova ta’ dawn it-teknoloġiji, sabiex jippermettu l-użu ta' prodotti ġodda fuq skala wiesgħa fil-futur. Hu mistenni li madwar EUR 535 miljun, jew 31% tal-finanzjament totali tal-FSIE allokati lin-Netherlands, se jintużaw biex jiffinanzjaw miżuri maħsuba biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-finanzjament tal-FSIE użat biex jinħolqu strumenti finanzjarji bħal self, garanzija u fondi ta' ekwità hu mistenni li jiżdied għal EUR 63 miljun, minn EUR 30 miljun fil-perjodu ta' programmar tal-2007-2013. Dan se jkun dirett lejn l-investiment f'miżuri ddisinjati biex tiżdied l-intensità tar-R&I fin-negozji u f'miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini.

Il-Fondi se jinvestu EUR 110 miljun fi żvilupp urban sostenibbli fl-erba' bliet ewlenin: Amsterdam, L-Aja, Rotterdam u Utrecht. L-investiment se jiffinanzja miżuri ddisinjati biex jittrattaw in-nuqqas ta' tqabbil li attwalment jeżisti bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol u se jkun integrat fi strateġiji usa' li jindirizzaw l-isfidi soċjali, ekonomiċi, demografiċi u ambjentali ffaċċjati f'xi żoni urbani. Barra minn hekk, l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità se jgħin biex isaħħaħ is-sħubiji lokali. B'mod partikolari, EUR 42 miljun għandhom jiġu investiti fi strateġiji ta' żvilupp lokali ddisinjati biex tiżdied id-diversifikazzjoni soċjoekonomika fiż-żoni rurali. Dawn l-istrateġiji huma mistennija li jaffettwaw 65% tal-popolazzjoni rurali.

Informazzjoni prinċipali    

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

5 (1 nazzjonali, 4 reġjonali)

1

1

7

Fondi disponibbli (EUR)

1 014 636 456

765 285 360

101 523 244

1 300 772 210 24

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

In-Netherlands issodisfaw kważi l-kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) kollha relatati mal-appoġġ mill-FSIE. Iż-żewġ EACs li ġew biss parzjalment sodisfatti sal-lum huma (1) l-EAC tematiċi dwar il-promozzjoni ta’ titjib kosteffettiv tal-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u l-investiment kosteffettiv fl-effiċjenza fl-enerġija meta jinbena jew jiġi rinnovat bini, u (2) l-EAC ġenerali dwar sistemi statistiċi u indikaturi tar-riżultati. Sar qbil dwar pjanijiet ta' azzjoni biex jitwettqu dawn l-EACs.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

In-numru ta' programmi fis-seħħ ma nbidilx mill-perjodu ta' programmar tal-2007-2013 'l hawn. Is-sistema għall-immaniġġjar tat-twassil ta' proġetti ffinanzjati mill-FSIE hi ġeneralment stabbli u ta' min joqgħod fuqha. In-Netherlands waqqfu sistemi biex jikkoordinaw il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri ffinanzjati mill-FSIE. Qed jiġu żviluppati mekkaniżmi biex tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn Orizzont 2020 u l-FSIE.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

In-Netherlands se jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji bl-użu ta’ opzjonijiet ta’ kosti ssimplifikati bħal rati fissi għall-ispejjeż tax-xogħol. It-titjib fl-immaniġġjar onlajn tal-FSIE u tal-iskambju ta' informazzjoni onlajn bejn il-benefiċjarji u l-korpi ta' mmaniġġjar għandu wkoll jgħin biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-benefiċjarji. L-awtoritajiet tan-Netherlands attwalment qed jesploraw modi addizzjonali li permezz tagħhom huma jistgħu jissimplifikaw is-sistemi fis-seħħ sabiex jgħinu lill-benefiċjarji.

1. FSIE fil-Polonja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Għalkemm l-ekonomija tal-Polonja affrontat il-kriżi ekonomika b'mod tajjeb, numru ta' preokkupazzjonijiet importanti jeħtiġilhom jiġu indirizzati. L-ewwel waħda hi relatata mal-kapaċità tal-pajjiż biex javvanza fil-katina tal-valur miżjud. Is-suq tax-xogħol tal-Polonja qed jiġi mminat minn rata ta' parteċipazzjoni baxxa u minn nuqqas ta' tqabbil bejn il-provvista u d-domanda għal ħiliet. Il-konġestjonijiet fit-trasport, in-netwerks tal-enerġija u tal-ICT u l-effiċjenza u l-effettività baxxi tal-infurzar ġudizzjarju qed ifixklu wkoll it-tkabbir potenzjali. Il-Polonja qed taqa’ lura fi wħud mill-miri ewlenin ta' UE 2020: iż-żieda fl-infiq tar-R&I, it-tisħiħ tal-impjiegi, u t-twettiq tal-miri tal-enerġija. Dawn il-kwistjonijiet huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew. Ammont sinifikanti ta’ finanzjament (żewġ terzi tal-allokazzjoni tal-FSE tal-pajjiż u 45% ta’ finanzjament tal-FEŻR u tal-FK) qed jiġi kkonċentrat f’dawn l-oqsma.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-finanzjament tal-FSIE se jkun allokat biex jitjiebu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija u biex jissaħħu r-rabtiet bejn ir-R&I u l-politiki industrijali. EUR 8.4 biljun ta’ investiment huma mistennija li jġibu żieda fin-nefqa privata u pubblika tar-R&Ż minn 0.9% tal-PDG għal 1.7%. Kwart ta’ din il-bidla hu r-riżultat dirett tal-FSIE. Il-miżuri se jippromwovu b'mod attiv l-infiq privat tar-R&I, bil-mira li jgħolluh minn 0.3% għal 0.8% tal-PDG. Il-kondizzjonijiet marbuta mal-finanzjament se jiżguraw li l-appoġġ għall-innovazzjoni hu dirett lejn l-oqsma u l-għodod fejn ikunu tal-akbar benefiċċju.

Il-finanzjament ta' EUR 10.8 biljun tal-FSIE allokati biex jappoġġjaw l-SMEs u l-impriżi tal-agrikoltura u tas-sajd se jgħin biex tiżdied ir-rata ta' investiment fis-settur privat (minn 12.3% għal 13.4%) u biex tiżdied il-produttività u l-valur miżjud. Se jintuża wkoll biex jiffinanzja l-ipprovdir ta' sevizzi mfasslin apposta għal kumpaniji u biex jagħmel l-amministrazzjoni għan-negozji aktar effiċjenti, bil-mira li jitjieb l-ambjent tan-negozju.

Il-FSIE se jgħinu biex jiffinanzjaw miżuri ddisinjati biex itejbu l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost in-nisa, iż-żgħażagħ u ħaddiema anzjani. EUR 5.7 biljun ta' investiment f'politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol se jgħinu biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi fost in-nisa għal 62.3% (minn 57.6%) u fost l-irġiel għal 79.8% (minn 71.1%). Aktar minn 8 miljun individwu fil-Polonja huma mistennija li jibbenefikaw minn miżuri ffinanzjati mill-FSE relatati mal-iżvilupp tal-kapital uman. Hu ttamat li l-politiki se jgħinu lill-pajjiż biex jilħaq il-mira tiegħu ta' Ewropa 2020 għall-impjiegi. Ir-rata ta’ impjiegi f’żoni rurali mistennija tiżdied b’madwar 4 punti perċentwali. Il-fondi se jintużaw ukoll biex itejbu l-aċċess għaċ-childcare. Total ta’ 76% ta’ tfal ta’ età bejn 3-4 snin se jibbenefikaw minn servizzi ta’ childcare, kif imqabblin ma’ 59.3% fl-2012 (b’14% ta’ din il-bidla dovuti għal miżuri ffinanzjati mill-FSIE).

Billi diġà sar progress tajjeb fit-titjib tar-rata tal-kisba tal-edukazzjoni terzjarja u fit-tnaqqis tal-abbandun bikri tal-iskola, il-finanzjament tal-FSIE qed jiġi indirizzat lejn miżuri biex jiġu adattati aħjar il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni mas-suq tax-xogħol u sabiex tiġi aġġustata l-provvista tal-ħiliet mad-domanda. Il-mira hi li tingħata għajnuna biex tiżdied il-parteċipazzjoni adulta fit-tagħlim tul il-ħajja minn 4.3% għal 6.4% (b'27% ta' din il-bidla mistennija dovuti għall-FSIE). Il-FSIE se jappoġġjaw ukoll miżuri biex jitnaqqas il-faqar u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, li l-għan tagħhom hu li jitnaqqas il-proporzjon tal-persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali minn 26.7% għal 20.9%.

Il-FSIE se jgħinu biex jiġi ffinanzjat it-twettiq tal-objettivi tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima. EUR 9.5 biljun se jipprovdu 40% tal-investiment meħtieġ biex titwettaq il-mira tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b'effett serra. Xi wħud mill-fondi allokati għal dan il-qasam se jiġu investiti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija tul il-katina tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxu wieħed minn kull għaxra taż-żieda mistennija fil-proporzjon tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (minn 11% għal 15%) u fit-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja b'14-il Mtoe mil-livelli tal-2005.

EUR 1 biljun mill-FSIE investit fi strateġiji relatati mal-broadband tal-internet se jaċċellera t-twessigħ tal-kopertura tal-broadband u se titnaqqas id-diviżjoni bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Il-kontribuzzjoni tal-FSIE għal bidla mistennija fil-kopertura ta’ mill-anqas 30 Mb/i minn 49% għal 100% (taqbeż il-mira tal-Aġenda Diġitali) hi stmata għal 16%.

EUR 23.8 biljun huma allokati għall-politika dwar it-trasport biex jitlestew in-netwerks TEN-T u tiżdied l-aċċessibilità tal-pajjiż (b'żieda mistennija fl-indiċi ta’ aċċessibilità intermodali minn 0.34 għal 0.37). Din l-allokazzjoni se tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ aktar minn 800 km ta’ highways u expressways kif ukoll l-immodernizzar ta’ aktar minn 500 km ta’ linji ferrovjarji. EUR 10 biljun ta’ investiment fil-ferroviji se jtejbu l-kompetittività tal-Polonja billi jnaqqsu l-medja ta’ ħin ta’ vjaġġar bejn l-ibliet kapitali reġjonali minn 5.5 sigħat għal 3.7 sigħat. EUR 8.5 biljun se jkunu allokati għat-titjib tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma. Il-proporzjon ta’ skart mhux mormi fil-miżbliet se jiżdied minn 20% għal 49%, b’nofs din iż-żieda direttament dovuti għall-FSIE. Sal-2020, 73% tal-popolazzjoni se jkunu konnessi man-netwerk tad-drenaġġ (68% fl-2012), b’93% tal-bidla permezz tal-FSIE.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Parti kbira tal-allokazzjoni tal-FSIE tal-Polonja (EUR 3.4 biljun) se tintuża għal strumenti finanzjarji prinċipalment immirati lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività, l-SMEs u l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-programmi se jużaw l-istrumenti territorjali disponibbli. Kunsilli lokali se jimmaniġġjaw EUR 2.4 biljun allokati għal żvilupp urban sostenibbli u r-riġenerazzjoni ekonomika u soċjali. Il-miżuri se jiġu implimentati prinċipalment permezz ta’ investiment territorjali integrat. L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità se jgħin biex issaħħaħ is-sħubiji lokali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

22 (6 nazzjonali, 16 reġjonali)

1

1

11

Fondi disponibbli (EUR)

76 866 461 337

8 697 556 814

531 219 456

1 563 425 602 25

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Xi oqfsa strateġiċi msemmija fil-pjanijiet ta’ azzjoni miftehmin għadhom ma ġewx prodotti. Dawn l-oqfsa jistgħu wkoll jappoġġjaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew. B'aktar involviment tan-negozji fit-tfassil tal-politika, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti se tippermetti li jiġu kkonċentrati r-riżorsi u li jittejjeb l-immirar ta' appoġġ. Hu essenzjali li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa u li tiġi żviluppata sistema għal koordinazzjoni biex tittejjeb l-effiċjenza tal-investiment. Pjanijiet globali għall-immaniġġjar tal-iskart u għat-trasport reġjonali se jgħinu sabiex ikun żgurat li proġetti individwali jitwasslu b'mod aktar effettiv.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-miżuri mmirati se jintużaw biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet amministrattivi tas-settur tal-ferrovija, biex tiġi implimentatata l-liġi tal-akkwist pubbliku u tal-ambjent, biex tiġi mmaniġġjata l-għajnuna tal-istat u biex tittejjeb l-effettività tal-attività kontra l-frodi. L-implimentazzjoni tal-Fondi kompliet tiġi deċentralizzata permezz tal-ħolqien ta' programmi reġjonali b'diversi fondi u l-użu miżjud tal-istrumenti territorjali. Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta' Ftehim ta’ Sħubija se jkollu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni tal-politiki ta' investiment. Hu se jistabbilixxi linji gwida u l-kisbiet fil-livell nazzjonali u reġjonali se jitqabblu mal-miri ta' Ewropa 2020.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Il-Polonja hi impenjata li żżid l-użu ta’ strumenti finanzjarji, ħlasijiet bil-quddiem u kosti ssimplifikati. L-ippjanar ta’ sejħiet għal proposti fuq bażi annwali se joħloq aktar ċertezza u se jgħin sabiex jiffaċilita l-ippjanar ta’ proġetti. Il-ħolqien ta' talba għall-pagament standard għall-programmi kollha għandu jissimplifika l-immaniġġjar finanzjarju.

1. FSIE fil-Portugall

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

F'Ġunju 2014, il-Portugall b'suċċess ħareġ mill-programm ta' aġġustament ekonomiku tiegħu ta' tlitt snin u rritorna għaċ-ċiklu regolari tal-monitoraġġ ekonomiku tal-UE. F'Lulju 2014 il-Portugall irċieva tmien rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-aktar rilevanti għall-intervent tal-FSIE jikkonċerna s-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien, is-settur finanzjarju (inkluż l-aċċess tal-SMEs għal finanzi), l-industriji tan-netwerks (l-enerġija u t-trasport), il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (notevolment biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema tal-ġustizzja), inklużi t-tnaqqis fil-piż amministrattiv, l-ambjent ta' negozju, u l-evalwazzjoni tar-riformi.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

L-assistenza tal-FSIE fl-2014-2020 hi bbażata fuq erba' oqsma tematiċi ewlenin (il-kompetittività u l-internazzjonalizzazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi, il-kapital uman, u s-sostenibbiltà u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi) u żewġ dimensjonijiet transversali (relatati mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-intervent integrat fil-livell territorjali).

Il-Fondi se jtejbu l-imprenditorija u l-innovazzjoni tan-negozju – parzjalment bl-iżvilupp tal-ekonomija elettronika u bit-trawwim tal-aċċess tal-SMEs għal finanzjament u bis-servizzi avvanzati tan-negozji – u se jżidu l-kompetittività ekonomika billi jsaħħu l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi kummerċjabbli. Għalhekk, hu mistenni li madwar 24 000 intrapriża se jiġu appoġġjati, li madwar 2 000 minnhom għandhom ikunu kumpaniji ġodda.

Bl-appoġġ tal-FSIE, in-nefqa tar-R&Ż hi mistennija li tilħaq 2.7-3.3% tal-PDG (1.5% fl-2013), billi ssaħħaħ it-trasferiment tal-għarfien tar-R&Ż bejn l-akkademja u n-negozji, bit-tisħiħ tas-sistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni fl-intrapriżi, u bl-iżvilupp ta' ambjent ta' negozju li jiffaċilita l-innovazzjoni.

Se tittieħed azzjoni biex jiġi ttrattat il-qgħad (aktar minn 80 000 persuna bla xogħol u inattivi huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri biex jitħaffef l-aċċess għall-impjiegi u sa 211 400 żagħżugħ/a se jibbenefikaw mill-YEI), biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u biex ikun hemm tqabbil aħjar għad-domanda tas-suq tax-xogħol, billi jogħlew il-kwalifiki u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol attiva u billi jonqos l-abbandun bikri tal-iskola. L-impjiegi fost dawk bl-età ta' 20-64 sena huma mistennija li jilħqu 75% (65.4% fl-2013), l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti sħiħa minn dawk fl-età ta' 30-34 għandha tiżdied għal 40% (30% fl-2013) u l-abbandun bikri tal-iskola hu antiċipat li jinżel għal 10% (18.9% fl-2013). Il-FSIE se jimmiraw ukoll biex inaqqsu l-faqar billi jtejbu l-aċċess għas-servizzi u jappoġġjaw l-ekonomija soċjali, billi jgħinu sabiex jonqos b'200 000 in-numru ta' persuni fir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni.

Il-Fondi se jappoġġjaw ix-xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi billi jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali. Dan hu mistenni li jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija għal 31% (24.6% fl-2013), jillimita ż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal +1 % meta mqabbel mal-2005 (-12% fl-2013 26 ) u li jtejjeb l-effiċjenza fl-enerġija fil-konsum tal-enerġija primarja b’20% meta mqabbel mal-2005 (24.6% fl-2013). Prattiki tas-sajd aktar sostenibbli se jtejbu l-ekosistemi marini u l-bijodiversità akkwatika u se jnaqqsu qabdiet mhux mixtieqa b'10% u se jżidu l-produzzjoni tal-akkwakultura organika (+ 25 000 t).

Barra minn dan, il-finanzjament se jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika permezz tal-bini tal-kapaċità u tal-investiment fl-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-governanza elettronika.

Fl-agrikoltura u fl-iżvilupp rurali, il-Fondi se jippromwovu t-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-forestrija (madwar 3% tal-finanzjament totali), u l-effiċjenza fir-riżorsi u x-xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima fl-agrikoltura, fl-ikel u fil-forestrija (22% tal-finanzjament totali tal-FAEŻR). L-appoġġ għall-SMEs tal-agrikoltura u tas-sajd se jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u jappoġġja l-ekonomija marittima u s-swieq tax-xogħol f’komunitajiet kostali.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-użu ta’ finanzjament mgħoddi permezz tal-istrumenti finanzjarji skont il-programmi tal-politika ta' koeżjoni hu mistenni li jiżdied għal aktar minn erba' darbiet meta mqabbel mal-perjodu ta' programmar preċedenti, għal aktar minn EUR 2.6 biljun. L-iskop ta’ intervent bħal dan se jiġi estiż lil hinn mill-appoġġ għal kompetittività tal-SMEs u tar-riġenerazzjoni urbana biex jinkludi l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, l-immaniġġjar tal-ilma, l-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal mikrokumpaniji, u t-tisħiħ tas-suq tal-investiment permezz tal-innovazzjoni soċjali u tal-intraprenditorija.

Il-programmi reġjonali kontinentali tal-Portugall jipprevedu kemm l-użu ta’ investimenti territorjali integrati (ITIs) li se jiġu żviluppati permezz ta’ “patti għall-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali”, kif ukoll l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità permezz ta' strateġiji ta' żvilupp lokali multisettorjali integrati ddisinjati u implimentati mill-gruppi ta' azzjoni lokali u mill-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd. L-ITIs f’Liżbona u f'Porto se jiffinanzjaw azzjonijiet ta’ żvilupp urban sostenibbli integrat kumplementati minn assi speċifiċi fi programmi reġjonali kontinentali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

12 (4 tematiċi, 7 reġjonali, 1 TA)

3

1

7

Fondi disponibbli (EUR)

21 342 542 314

4 058 460 374

392 485 464

1 189 200 304 27

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Minn 11-il kondizzjonalità ex ante (EACs) tematiċi, sebgħa mhumiex issodisfatti, li tlieta minnhom jistgħu jitqiesu kritiċi. L-aktar serja tikkonċerna l-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ li tipprevjeni t-traspożizzjoni korretta tad-direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini. EACs mhux sodisfatti oħrajn jinkludu l-metodoloġija tal-ipprezzar tal-ilma u t-trasport, fejn sensiela realistika u matura ta’ proġetti għandhom jiġu ppreżentati. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni adottati se tiġi mmonitorjata mill-qrib.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-koordinazzjoni bejn il-FSIE se tiġi żviluppata aktar f’erba’ oqsma ewlenin: l-integrazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni, il-monitoraġġ regolari u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar, is-sistema ta' valutazzjoni ġenerali u n-netwerk ta’ monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, u l-ħolqien ta’ portal b’aċċess uniku.

Tmienja mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni huma programmi b’diversi fondi, li jgħaqqdu flimkien l-użu tal-FEŻR/il-FK u l-FSE. Rigward Orizzont 2020, il-COSME u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, azzjonijiet kumplementari, ħolqien ta' għarfien, informazzjoni u taħriġ għal benefiċjarji potenzjali se jiġu ffinanzjati biex jitħeġġu l-entitajiet nazzjonali sabiex jipparteċipaw f’dawn il-programmi.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-benefiċjarji hi mira ewlenija tal-mudell ta’ governanza għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020 u l-awtoritajiet Portugiżi għandhom l-intenzjoni li jadottaw regolamenti nazzjonali b’regoli u proċeduri aktar sempliċi għall-Fondi kollha, li jagħmlu użu akbar ta’ metodoloġiji ta' kosti ssimplifikati u li jtejbu s-sistema ta’ informazzjoni dedikata (punt waħdieni ta’ aċċess, informazzjoni aħjar għall-benefiċjarji, formoli elettroniċi).

1. FSIE fir-Rumanija

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

L-ekonomija tas-suq li qed tiżviluppa tar-Rumanija hi t-13 l-akbar ekonomija fl-UE bbażata fuq il-parità tal-kapaċità tal-akkwist. Huma biss 9.8% tal-kumpaniji tal-manifattura tagħha li joperaw f’setturi tat-teknoloġija medja/għolja-medja. L-aċċess għall-finanzi hu problema, speċjalment għall-SMEs, minħabba prezzijiet u rati tal-imgħax għoljin. In-nefqa tal-gvern tar-R&Ż bħala persentaġġ tal-PDG hi l-aktar baxxa fl-UE filwaqt li n-numru ta’ SMEs li jagħmlu innovazzjonijiet interni qed ikompli jonqos meta mqabbel mal-medja tal-UE. Is-servizzi pubbliċi onlajn huma relattivament sempliċi u l-istokk tal-bini għandu standards baxxi ta’ effiċjenza fl-enerġija. Ir-rati tar-riċiklaġġ tal-iskart u tar-rimi f’miżbliet huma bil-wisq ’il bogħod mill-miri tal-UE u l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar l-ilma għax-xorb u l-iskart tal-ilma urban qed ikaxkru saqajhom. Sfidi oħra sinifikanti indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew u rilevanti għall-intervent tal-FSIE jikkonċernaw it-trasport u l-enerġija, is-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, il-gruppi vulnerabbli (b'mod partikolari r-Rom), l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kapaċità amministrattiva u s-sistema ġudizzjarja.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Id-diskussjonijiet dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi għar-Rumanija wasslu għal prijoritajiet ta’ investiment aktar ċari, għal żieda fil-finanzjament tar-R&I, u għal approċċ ibbilanċjat għall-investimenti u għal objettivi tat-trasport allinjati aktar mal-miri nazzjonali tal-2020 u mar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew.

Investiment ta’ aktar minn EUR 1 biljun se jtejjeb il-kompetittività permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u s-setturi kompetittivi, u se jsaħħaħ it-trasferiment tat-teknoloġija. Il-finanzjament tal-FSIE hu mistenni li jżid il-kapaċità tal-parteċipazzjoni fir-riċerka fil-livell tal-UE u jogħla b'14-il punt perċentwali fin-nefqa tar-riċerka privata (bħala persentaġġ tal-PDG). Investimenti appoġġjati mill-programmi huma ddisinjati biex jirduppjaw l-iskala tal-kooperazzjoni bejn l-SMEs innovattivi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u ċ-ċentri tat-trasferiment tat-teknoloġija. Permezz ta’ investiment ta’ EUR 0.53 biljun fl-ICTs, il-Fondi se jgħinu biex jirdoppja l-valur miżjud fis-settur tal-IT (relatat mal-PDG) u se jżidu n-numru tal-utenti tas-sistemi tal-gvern elettroniku għal 35% tal-popolazzjoni. EUR 3.12 biljun ta' appoġġ għall-SMEs, il-farms u l-kooperattivi agrikoli, u s-sajd u l-impriżi tal-akkwakultura, se jikkontribwixxu għall-immodernizzar, iż-żieda fir-rata tal-produttività u s-sopravivenza, u r-ristrutturar agrikolu. Il-volum ta’ produzzjoni tal-akkwakultura hu stmat li se jiżdied b’260%. L-investimenti fl-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi se jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ EUR 10.9 biljun, li minnhom EUR 4.9 biljun allokati għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent. L-investiment hu mistenni li jnaqqas bin-nofs il-konsum tal-enerġija għal bini residenzjali u b'terz għal dawl pubbliku, u biex jippromwovi mobilità urbana favur l-ambjent. Barra minn hekk, hu se jikkontribwixxi għal pajjiż aktar nadif u aktar effiċjenti fir-riżorsi billi jnaqqas bin-nofs l-iskart fil-miżbliet, iżid il-ġbir tal-ilma tad-dranaġġ, inaqqas l-użu tal-ilma u l-enerġija għall-irrigazzjoni, u jappoġġja prattiki ta' mmaniġġjar favur l-ambjent u l-klima.

Total ta’ EUR 6.13 biljun ta’ investiment fl-aċċessibilità tan-netwerks TEN-T u tat-trasport se jwassal għat-titjib ta' 400 km ta' linji tal-ferrovija, 325 km ta' toroq ġodda, 9 km ta' linji ġodda tal-metro u ħinijiet ta' vvjaġġar medji iqsar bit-toroq (42%) u bil-ferrovija (b'55%). Barra minn hekk EUR 0.9 biljun se jiġu investiti f’netwerk ta’ toroq reġjonali.

L-investiment biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (EUR 2.2 biljun) se jintuża biex tissaħħaħ ir-rata tal-impjiegi għal 70%, billi jimmira liż-żgħażagħ bla impjieg, bla edukazzjoni u bla taħriġ, u gruppi vulnerabbli oħrajn. Se tiġi appoġġjat wkoll id-diversifikazzjoni ekonomika f’żoni rurali. EUR 3.4 biljun se jkunu mmirati lejn il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni, billi jgħinu nies żvantaġġati (inklużi r-Rom) biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol u jtejbu s-saħħa u l-istatus soċjali. Se tingħata attenzjoni speċjali biex ikun ipprovdut aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi soċjali tal-komunità u għad-deistituzzjonalizzazzjoni tat-tfal u tal-persuni b'diżabbiltà.

EUR 1.65 biljun se jintużaw għat-tnaqqis tal-abbandun bikri tal-iskola għal 11.3% u għaż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja għal 26.7%. Hu wkoll previst appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura edukattiva. B’mod ġenerali, l-investiment fil-kapital uman se jilħaq tal-anqas 3.5 miljun persuna.

EUR 0.8 biljun mill-Fondi se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi; minn dan l-ammont, EUR 0.55 biljun se jappoġġjaw ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tas-sistema tal-ġudikatura.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Proporzjon sinifikanti tal-investiment EUR 517 miljun (kważi erba' darbiet aktar mill-2007-2013) se jitwassal permezz ta’ strumenti finanzjarji (inkluża l-inizjattiva tal-SMEs implimentata mill-BEI). Dawn għandhom jimmiraw biex jgħinu lill-SMEs, il-farms u l-effiċjenza fl-enerġija billi jipprovdu ekwitajiet, self u garanziji fl-istadju bikri u ta' żvilupp.

Il-programmi jipprovdu EUR 1.18 biljun ta’ appoġġ għal żvilupp urban sostenibbli, xift lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, protezzjoni ambjentali, riġenerazzjoni ta' komunitajiet deprivati, u jtejbu l-infrastruttura tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Il-Fondi se jimplimentaw l-investiment territorjali integrat ta' EUR 1 biljun fid-Delta tad-Danubju, territorju bi sfidi ambjentali u soċjoekonomiċi speċifiċi, u se jikkontribwixxu EUR 880 miljun lill-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità għaż-żoni urbani, rurali u li jiddependu fuq is-sajd.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

6 (nazzjonali)

1

1

6

Fondi disponibbli (EUR)

22 541 107 909

8 127 996 402

168 421 371

824 705 627 28

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Dokumenti ta’ politika strateġiċi f’ċerti oqsma ta’ investiment għad iridu jitlestew jew jiġu implimentati bis-sħiħ. Pjan ewlieni għat-trasport, mappa tal-ħtiġijiet tal-infrastruttura tas-saħħa u pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart se jiggwidaw l-investiment tal-infrastruttura, filwaqt li proċess sod ta’ skoperta intraprenditorjali se jqarreb ir-riċerka lejn in-negozji u tingħata spinta lill-innovazzjoni. Id-dokumenti tal-politika dwar l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-abbandun bikri tal-iskola, il-konsolidazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-titjib tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tal-akkwist pubbliku se jappoġġjaw is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew. Tlieta mill-EACs speċifiċi għall-FEMS huma vvalutati bħala mhumiex sodisfatti. Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom iwasslu għal konformità mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-Ministeru tal-Fondi Ewropej jopera mekkaniżmu ta' koordinazzjoni tal-FSIE li jinkludi l-kumitat ta' tmexxija tal-Ftehim ta’ Sħubija, kumitati ta' tmexxija tematiċi u gruppi ta’ ħidma, bil-parteċipazzjoni tal-ministeri involuti, tal-istituzzjonijiet u tal-partijiet ikkonċernati. Il-programmi huma mmaniġġjati f’livell nazzjonali, minn tliet ministeri. Miżuri biex titjieb il-kapaċità amministrattiva jinkludu t-titjib tad-deċiżjonijiet dwar l-investimenti pubbliċi, it-trasparenza, l-etika u l-integrità u l-immaniġġjar tar-riżorsi umani.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Ir-Rumanija impenjat ruħha li tissimplifika l-linji gwida għall-applikanti, li ttejjeb il-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku u li tissimplifika l-proċeduri tal-akkwist għal benefiċjarji privati, li tuża l-opzjonijiet tal-kosti ssimplifikati, li tissimplifika l-proċeduri għal permessi tal-bini, u li tissimplifika u tirrazzjonalizza l-proċeduri amministrattivi. Is-simplifikazzjoni hi kompitu permanenti ta’ wieħed mill-gruppi ta’ ħidma fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija.

1. FSIE fis-Slovakkja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Is-Slovakkja ffaċċat il-kriżi ekonomika tajjeb, imma hemm sfidi importanti quddiemha. Il-pajjiż jeħtieġ li jsaħħaħ il-kapaċità ekonomika tiegħu. Hu fost dawk l-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ. Ir-Rom huma marġinalizzati, jgħixu f’kondizzjonijiet ta’ kwalità baxxa u mhumiex integrati sew fis-sistema normali tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Infrastruttura tat-trasport ta’ livell baxx u tas-suq tal-enerġija ineffiċjenti jillimitaw il-potenzjal għat-tkabbir. L-intensità tar-R&Ż tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Is-Slovakkja għandha wkoll pożizzjoni relattivament fqira f'bosta indikaturi ta’ kwalità tal-ambjent tan-negozju. Dawn l-isfidi huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Il-Fondi se jsaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi, se jtejbu l-prestazzjoni tas-sistema tar-R&I u se jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-edukazzjoni għolja u s-settur tan-negozju. B'investiment li jammonta għal EUR 1.8 biljun, in-nefqa privata u pubblika tar-R&Ż għandha tiżdied minn 0.8% għal 1.2% tal-PDG. Il-Fondi jippromwovu b’mod attiv in-nefqa privata tar-R&Ż, li se tiżdied minn 0.3% għal 0.8% tal-PDG. Il-kondizzjonijiet marbuta ma’ investiment jiżguraw l-immirar aħjar ta’ għodod ta’ innovazzjoni.

EUR 915-il miljun ta’ appoġġ għal SMEs u impriżi tal-agrikoltura u tas-sajd se jżidu l-produttività u l-valur miżjud tas-settur tan-negozju. L-ambjent tan-negozju se jittejjeb permezz tal-provvista ta’ servizzi mfassla apposta għal kumpaniji u ta' miżuri biex tkun iffaċilitata l-esplojtazzjoni ekonomika ta' ideat ġodda u biex jitrawmu negozji ġodda. Investiment għat-titjib tal-kompetittività tas-settur agrialimentari se jibbenefikaw minnu 1 250 farm u 400 kumpanija tal-ikel. Il-FEMS se jagħmel is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura aktar sostenibbli.

EUR 737 miljun se jiffinanzjaw inizjattivi biex jittejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u se jiżguraw li l-istudenti jakkwistaw il-ħiliet it-tajba. Fost l-oqsma ewlenin għall-investiment hemm l-edukazzjoni u ċ-childcare ta’ kwalità fil-bidu tat-tfulija, ir-riżultati ta’ tagħlim aħjar, l-edukazzjoni inklużiva u l-edukazzjoni vokazzjonali; dan se jibbenefikaw minnu aktar minn 100 000 tifel u tifla tal-primarja u studenti.

L-impjiegi u l-inklużjoni soċjali se jgħinu biex il-persuni f'diffikultajiet u dawk minn gruppi żvantaġġati jingħatawlhom l-istess opportunitajiet bħall-oħrajn sabiex isibu jew iżommu l-impjiegi u jintegraw fis-soċjetà. Madwar 250 000 persuna mingħajr impjieg, b’mod partikolari individwi b’ħiliet limitati u li jkunu ilhom bla xogħol, għandhom jaraw titjib fl-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol, u se jkun hemm enfasi qawwija fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Se jingħata appoġġ lil 150 muniċipalità b’komunitajiet Rom l-aktar fil-bżonn.

EUR 278 miljun se jkunu investiti fl-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema ġudizzjarja u l-infurzar tal-liġi tagħha, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u amministrattivi u jiġu promossi standards għoljin ta’ trasparenza, integrità u responsabilità.

Aktar minn EUR 1 biljun ta’ investimenti fl-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju se jiffukaw fuq żieda fl-effiċjenza fl-enerġija f’bini residenzjali u pubbliku u f'intrapriżi, promozzjoni ta’ aktar tisħin distrettwali effiċjenti u żvilupp ta' pjanijiet ta’ azzjoni b’livell baxx ta’ karbonju. Il-konsum finali tal-enerġija f’bini pubbliku għandu jonqos b’279 miljun kWh/sena. L-investiment se jintuża wkoll biex jiżdied is-sehem dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija minn 10.4% għal 15.5%.

Investiment ta’ EUR 805 miljun fl-ICTs se jaċċellera l-firxa ta’ kopertura tal-broadband u tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss għal kopertura 30 Mb/s li tkun 100% skont il-mira tal-Aġenda Diġitali, se jtejjeb is-servizzi għaċ-ċittadini u n-negozji, u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika.

L-investiment ta’ EUR 3.7 biljun tal-FSIE se jintuża biex jitlestew in-netwerks tat-TEN-T u biex tiżdied l-aċċessibilità tat-trasport. Dan se jinvolvi 100 km ta' motorways ġodda u 125 km ta' linji tal-ferroviji modernizzati. Il-Fondi se jikkontribwixxu wkoll għall-modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku fi bliet magħżula u kondizzjonijiet imtejba ta’ navigazzjoni fl-ilmijiet interni, inkluż l-immodernizzar tal-port fi Bratislava. Kważi EUR 1.5 biljun ta’ investiment se jgħin biex tinbena l-infrastruttura ambjentali, il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Aktar minn 200 000 persuna addizzjonali se jkunu servuti bi trattament ta’ dranaġġ aħjar u aktar minn 12 000 persuna koperta minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar. L-isforzi biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-bijodiversità rikka tas-Slovakkja se jiffukaw fuq l-evitar tal-abbandun ta’ 1.2 miljun ettaru ta’ art agrikola. Il-prattiki ta' mmaniġġjar tal-art favur l-ambjent u l-klima se jkunu appoġġjati fuq 21% ta’ art agrikola.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-użu ta’ strumenti finanzjarji hu ppjanat li jiżdied b'aktar minn ħames darbiet mill-allokazzjoni inizjali fil-perjodu ta’ programmar preċedenti u se jilħaq madwar EUR 455 miljun. Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ se jmur għand l-SMEs, l-effiċjenza fl-enerġija u l-infrastruttura ambjentali u ta' trasport. L-iskop għandu jiġi studjat għall-estensjoni ta’ strumenti għar-R&I u l-ICTs, inkluża l-infrastruttura tal-broadband.

Programmi speċifiċi se jiżguraw l-użu ta' strumenti territorjali ġenwini. Investiment ta’ EUR 890 miljun, prinċipalment fit-titjib tal-aċċess għal servizzi pubbliċi effettivi u fit-trasport reġjonali sikur u favur l-ambjent, se jitwassal permezz tal-investimenti territorjali integrati. Barra minn hekk, EUR 368 miljun se jkunu investiti fi żvilupp urban sostenibbli. Sħubijiet lokali se jissaħħu permezz tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità. EUR 200 miljun tan-nefqa pubblika se joħolqu madwar 1 500 impjieg billi jappoġġjaw l-SMEs f’żoni rurali permezz ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

7 (6 nazzjonali, 1 reġjonali)

1

1

7

Fondi disponibbli (EUR)

13 768 317 148

1 559 691 844

15 785 000

1 019 287 563 29

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Oqfsa strateġiċi għal ċerti oqsma ta’ investiment (p.e. ir-riċerka) għadhom mhumiex kompluti u jeħtieġ li jitwasslu skont il-pjanijiet ta’ azzjoni miftehmin. Il-pjanijiet ta’ azzjoni ġew adottati biex jappoġġjaw is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-Semestru Ewropew. Mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżuri skont l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar se jgħin biex tiġi appoġġjata l-promozzjoni tal-intraprenditorija. Il-proġetti se jitwasslu b'mod aktar effettiv abbażi ta' pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-iskart u ta' pjanijiet prinċipali għat-trasport reġjonali.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-koordinazzjoni tal-FSIE hi r-responsabilità tal-Korp ta’ Koordinazzjoni Ċentrali fl-Uffiċċju tal-Gvern. In-numru ta’ korpi involuti fl-implimentazzjoni tnaqqas sabiex jiġi ssimplifikat it-twassil. Analiżi tal-kapaċitajiet amministrattivi identifikat oqsma (b’mod partikolari, l-akkwist pubbliku, il-liġi ambjentali u l-attività kontra l-frodi) għal aktar żvilupp u titjib ta’ kwalità u effiċjenza.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Is-Slovakkja impenjat ruħha li tissimplifika u tarmonizza s-selezzjoni tal-operazzjonijiet, li tissimplifika r-rapportar dwar in-nefqa tal-proġetti, li tiżgura netwerk uniku għall-entitajiet li jipprovdu servizzi ta' pariri u ta' informazzjoni, u li taġġorna s-sistemi tal-informazzjoni skont il-prinċipji ta' koeżjoni elettronika sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji.

1. FSIE fis-Slovenja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Bi tnaqqis globali ta’ aktar minn 9% bejn l-2008 u l-2013, il-PDG reali hu stmat li żdied bi 3.0% fl-2014. L-irkupru fin-nefqa tal-investiment ġie motivat primarjament minn kostruzzjoni ta' infrastruttura kofinanzjata mal-UE, filwaqt li l-investiment mis-settur privat għadu baxxa. Il-PDG reali hu mistenni li jikber b’medja ta’ 2.2% fl-2015-2016. Ir-rata tal-qgħad għadha taħt il-medja tal-UE u hi mistennija li tkompli tonqos. Madankollu, is-suq tax-xogħol għadu jaffaċċa l-isfidi strutturali fil-forma ta’ qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil u rata ta’ impjiegi baxxa fost dawk b’ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

It-titjib tal-innovazzjoni u tal-kompetittività fl-ekonomija Slovena bit-tisħiħ tal-infrastruttura u tal-kapaċitajiet għall-eċċellenza tar-R&I. B’aktar minn EUR 485 miljun ta’ investiment, in-nefqa totali privata u pubblika tar-R&Ż b'rabta mal-PDG hi mistennija li tiżdied minn madwar 2.6% (2012) għal 3% fl-2020. Barra minn hekk, hu stmat li s-sehem tal-intrapriżi attivi u innovattivi se jiżdied b'8.5% fil-perjodu sal-2023. L-investiment tal-FSIE ta' aktar minn EUR 72 miljun se jżid il-kopertura tal-broadband u se jikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali aktar ibbilanċjat billi jippermetti 20 000+ familja addizzjonali jkunu konnessi man-netwerks ġodda tal-broadband b'veloċità li tkun tal-anqas 100 Mb/s.

EUR 774 miljun ta’ appoġġ għall-SMEs (inklużi l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura) se jgħinu sabiex tittejjeb l-attività intraprenditorjali, tiżdied il-produttività u jiżdied il-valur miżjud tal-intrapriżi. Il-Fondi jimmiraw li jkomplu jtejbu l-ambjent tan-negozju billi jissaħħu s-servizzi lill-intrapriżi u jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi. Se jiġu appoġġjati madwar 7 500 kumpanija, u hu mistenni li jinħolqu 1 000 impjieg ġdid. Fl-agrikoltura, 3.4% tal-intrapriżi huma mistennija li jibbenefikaw mill-investimenti fit-teknoloġija, billi jadottaw għat-tibdil fil-klima, għall-benesseri tal-annimali u għall-effiċjenza fl-ilma u fl-enerġija. 3.5% oħrajn se jirċievu appoġġ permezz ta' miżuri għal bdiewa żgħażagħ u ta' aġġustament strutturali.

B'rabta mal-objettivi tal-enerġija u t-tibdil fil-klima, allokazzjoni ta' EUR 281 miljun tal-FSIE se tipprovdi investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra u biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tar-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli. Il-konsum annwali tal-enerġija primarja ta’ bini pubbliku mistenni li jonqos b'23 GWh/sena u s-sehem tar-riżorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija se jiżdied b'tal-anqas 25% sal-2020. Fid-dawl tan-numru dejjem jiżdied ta' diżastri naturali bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, EUR 289 miljun se jintefqu fuq il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju, u madwar 38 000 persuna se jibbenefikaw minn miżuri ta' protezzjoni kontra l-għargħar.

Barra minn hekk, kważi EUR 615-il miljun ta’ investiment se jmorru għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi. Il-Fondi se jgħinu biex tittejjeb l-infrastruttura fis-settur tal-ilma, jagħmlu s-sajd u l-akkwakultura aktar sostenibbli, jippreservaw il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, u jtejbu l-ambjent urban. Bis-saħħa tal-intervent tal-FSIE, 120 000 ruħ addizzjonali se jibbenefikaw minn provvista mtejba ta’ ilma u 100 000 minn trattament imtejjeb tal-ilma mormi. Firxa wiesgħa ta’ servizzi agriambjentali u ta' kuntratti ċċentrati fuq il-klima se jiffukaw fuq it-titjib tal-immaniġġjar tal-ilma f'madwar 25% tal-art agrikola u fuq il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija u t-titjib tal-immaniġġjar tal-ħamrija f'aktar minn 27%.

B’investiment ta’ 'l fuq minn EUR 262 miljun, il-Fondi se jikkontribwixxu biex ineħħu l-konġestjoni fin-netwerk tat-TEN-T u jżidu s-sostenibbiltà u l-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport. B’mod partikolari, l-enfasi qiegħda fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tal-infrastruttura ferrovjarja (25 km ta’ linji ferrovjarji mtejba fin-netwerk TEN-T) u fuq it-titjib tal-mobilità reġjonali (aċċessibilità aħjar u anqas ħinijiet ta' vjaġġar).

Aktar minn EUR 370 miljun huma allokati biex jiġu appoġġjati impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità, b’inizjattivi mfassla biex jibbenefikaw kważi 49 000 parteċipant, b’mod partikolari dawk li ilhom bla xogħol għal żmien twil, dawk b'ħiliet baxxi, ħaddiema akbar fl-età u żgħażagħ. Il-Fondi se jippromwovu wkoll l-anzjanità attiv u f'saħħitha. Aktar investimenti ta' EUR 239 miljun fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u tagħlim tul il-ħajja se jippermettu lil kważi 43 000 parteċipant biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u/jew jgħollu l-livell tagħhom ta' edukazzjoni, u aktar minn 59 000 se jieħdu sehem fi programmi ta' speċjalizzazzjoni/ta' rikwalifikazzjoni. L-investimenti se jkomplu jindirizzaw in-nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet u se jiżguraw aktar użu tal-ICT.

Il-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni se jiġu trattati billi jiġu promossi l-inklużjoni soċjali, l-intraprenditorija soċjali u l-infrastruttura adatta, u billi nies vulnerabbli jiġu pprovduti b'servizzi aċċessibbli u ta' kwalità għolja. B’investimenti ta’ EUR 262 miljun, programmi preventivi se jkopru 19 000 persuna minn gruppi vulnerabbli.

Il-finanzjament ta' EUR 62 miljun tal-FSIE se jappoġġja l-investimenti fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali fis-settur pubbliku u fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u lis-servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali bl-intenzjoni li jiġu implimentati riformi, regolamenti aħjar u governanza tajba. Dan se jinkludi l-appoġġ għat-titjib tal-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema tal-ġustizzja.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

B'paragun mal-perjodu ta’ programmar preċedenti, is-Slovenja qiegħda aktar milli tittripla l-allokazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tagħha b'aktar minn erba' darbiet, li se jammontaw għal madwar EUR 449 miljun. Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ se jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tal-SMEs, b'mod speċjali fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u (b'mod anqas) l-effiċjenza fl-enerġija.

L-awtoritajiet urbani se jwasslu investiment tal-FEŻR ta' EUR 107 miljun permezz ta' investimenti territorjali integrati (ITIs). Il-prijoritajiet tal-ITI deskritti huma r-reġenerazzjoni urbana, il-mobilità urbana sostenibbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Sħubijiet lokali se jitjiebu permezz ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità li se tkopru 66% tal-popolazzjoni rurali. Il-FEMS se jinvesti fl-iżvilupp u fl-opportunitajiet ta’ impjiegi għall-komunitajiet tas-sajd lokali u se jtejjeb l-assi ambjentali fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, FK, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

1 (fondi diversi nazzjonali)

1

1

9

Fondi disponibbli (EUR)

3 011 899 768

837 849 803

24 809 114

1 104 803 616 30

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-kondizzjonalitajiet ex ante (EACs)/l-istrateġiji għal ċerti oqsma ta' investiment notevolment tas-saħħa, tat-trasport u tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, inkluż l-EAC speċifika tal-FEMS dwar rapport tal-kapaċità tas-sajd, ma tlestewx u jeħtiġilhom li jitwasslu fil-ħin mal-pjanijiet ta' azzjoni miftehmin. Il-pjanijiet ikopru wkoll il-kwistjonijiet orizzontali bħall-akkwist pubbliku u l-leġiżlazzjoni ambjentali u jappoġġjaw it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Fl-2014-2020 se jkun hemm biss programm wieħed b’diversi fondi għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fis-Slovenja. Il-fondi kollha se jiġu kkoordinati fil-livell tal-Ftehim ta’ Sħubija. Se tintuża l-assistenza teknika biex tkun estiża l-kapaċità fl-amministrazzjoni nazzjonali.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Pjanijiet ta’ azzjoni ta’ implimentazzjoni annwali se jgħinu fir-razzjonalizzazzjoni tal-proġetti. Hu previst l-użu tal-opzjoni ta' kosti ssimplifikati, fejn rilevanti.

1. FSIE fi Spanja

Sfidi ekonomiċi u soċjali

Il-mudell tradizzjonali ta’ tkabbir Spanjol (ibbażat fuq il-kostruzzjoni, it-turiżmu u attivitajiet b’valur miżjud baxx bi produttività staġnata) wera l-limitazzjonijiet tiegħu. Il-FSIE jeħtiġilhom li jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn mudell ta' żvilupp li hu bbażat aktar fuq l-għarfien, l-innovazzjoni u anqas intensiv fl-użu tar-riżorsi u, fl-istess waqt, inaqqsu d-differenza tal-inugwaljanza, li twessgħet bħala riżultat tal-kriżi. L-isfidi ewlenin huma ż-żieda fil-produttività u l-kompetittività u t-trawwim tal-impjiegi, b'mod speċjali għaż-żgħażagħ, f'qafas ta' konsolidazzjoni fiskali. Minkejja li l-assistenza finanzjarja tal-UE mwaqqfa f’Ġunju 2012 konkluża b'mod sodisfaċenti f'Jannar 2014, l-aċċess tal-SMEs għal kreditu għadu ristrett.

Il-FSIE se jgħinu jindirizzaw bosta mir-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew, p.e. l-investiment fil-kapital uman, l-għajnuna (b'mod speċjali liż-żgħażagħ) lill-persuni sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, it-tħaffif tal-aċċess tal-SMEs għal finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali l-ġdida tar-RŻ&I. Finanzjament sinifikanti (75% tal-FSE u aktar minn 30% tal-FEŻR) hu kkonċentrat f’dawn l-oqsma.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività tax-xogħol; it-titjib tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-politiki ta’ inklużjoni soċjali, b’enfasi speċifika fuq iż-żgħażagħ u l-gruppi vulnerabbli. L-investiment fil-kapital uman u l-għajnuna lill-persuni sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol se jkunu prijoritajiet ewlenin, b'enfasi fuq l-impjiegi għaż-żgħażagħ. L-edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ (inkluż l-edukazzjoni vokazzjonali) se jittejbu b’tali mod li ż-żgħażagħ jitgħallmu l-ħiliet it-tajbin. Aktar opportunitajiet se jiġu offruti lil persuni f’diffikultà u minn gruppi żvantaġġati. B’finanzjament ta’ aktar minn EUR 10.8 biljun, dan hu mistenni li jikkontribwixxi għal żieda fir-rata tal-impjiegi (stmata minn 59.3% fl-2012 għal 74% fl-2020), inaqqas l-abbandun bikri mill-iskola (stmat minn 24.9% fl-2012 sabiex javviċina l-mira ta’ 15% fl-2020) u jnaqqas b'1.5 miljun in-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni.

L-appoġġ favur l-adattament tas-sistema produttiva lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla permezz tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs (inklużi l-agrikoltura u s-sajd). L-appoġġ għall-SMEs se jinkludi miżuri biex jitrawwmu l-intraprenditorija u n-negozji ġodda u biex jagħmlu l-kumpaniji aktar kompetittivi u aktar kapaċi jinvolvu ruħhom f’attivitajiet b’valur miżjud ogħla (inklużi permezz tal-ICT), bil-ħsieb aħħari ta' preżenza akbar fis-swieq internazzjonali. Aċċess aktar faċli għall-finanzi se jkun prijorità. Is-sistema tat-trasport f’reġjuni anqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni se tkun razzjonalizzata biex tappoġġja l-attività ekonomika. Aktar minn EUR 9.4 biljun se jingħataw biex jiżguraw li 100% tal-popolazzjoni jkollha aċċess għal internet b'30 Mb/s (59% fl-2013) u biex iżidu b'mod sinifikanti n-numru ta’ intrapriżi li jesportaw. Hu stmat li 15 000 żagħżugħ/a se jidħlu fis-settur primarju u li 5% tal-farms se jiġu ristrutturati u mmodernizzati.

Il-promozzjoni ta' ambjent ta' negozju favur l-innovazzjoni u t-tisħiħ tar-RŻ&I. L-enfasi hi fuq ir-RŻ&I u l-ICTs, inklużi s-sħubijiet pubbliċi privati u t-trasferiment tat-teknoloġija, b'mod partikolari favur l-SMEs. L-investimenti kollha fl-infrastruttura u fil-proġetti tar-R&Ż se jkunu soġġetti għal erba' kondizzjonijiet kumulattivi: (i) ikunu inklużi fl-Istrateġija tar-R&I korrispondenti għal Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, (ii) iservu ta' taraġ għall-eċċellenza, (iii) ikollhom vantaġġ kompetittiv ippruvat, u (iv) jagħtu bidu għal impatt soċjoekonomiku pożittiv. L-iżvilupp tal-kapital uman permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni għolja, il-kooperazzjoni ma’ ditti u żieda tal-investiment privat, se jkunu kruċjali. Bi kważi EUR 5.7 biljun, hu mistenni li l-proporzjon tar-R&Ż tan-nefqa kofinanzjata mis-settur privat se jikber minn 45.6% (2012) għal 60% fl-2020, bir-riżultat li madwar 25% ta’ kumpaniji Spanjoli b’aktar minn 10 impjegati jinkorporaw l-innovazzjoni teknoloġika (b'paragun ma’ 13.2% fl-2010-2012). L-investimenti se jikkontribwixxu għal ġustizzja effettiva billi jappoġġjaw l-iżvilupp tal-Ġustizzja elettronika.

Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali, inter alia jiġi żviluppat il-potenzjal tal-ekonomija blu. Mhux biss se jkunu appoġġjati l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, iżda wkoll se jkunu mmirati t-trasport urban nadif u l-investimenti ambjentali. Se jkunu promossi s-sajd u l-akkwakultura sostenibbli u se jittejbu l-ekosistemi marini u l-bijodiversità akkwatika. Il-finanzjament ta’ aktar minn EUR 10.4 biljun hu mistenni b’mod sinifikanti biex inaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini u l-intrapriżi. Hu wkoll stmat li 14% ta’ żoni agrikoli u tal-forestrija se jkunu koperti minn kuntratti ta’ mmaniġġjar li jappoġġjaw il-bijodiversità.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Spanja qed tippjana li talloka kważi EUR 1.5 biljun lill-istrumenti finanzjarji (SF), din hi żieda sinifikanti fuq il-perjodu preċedenti. Minn dan l-ammont, EUR 800 miljun se jingħataw permezz tal-inizjattiva tal-SMEs. Madankollu, għandu jiġi esplorat l-iskop għall-użu tal-SF għal aktar investiment fl-ICT, l-infrastruttura tal-ambjent u tat-trasport, u l-effiċjenza tal-enerġija, b'mod speċjali fir-reġjuni li għad jeħtiġilhom jippjanaw kif se jużaw l-SF.

Aktar minn EUR 970 miljun se jiġu investiti f’azzjonijiet ta’ żvilupp urban sostenibbli integrat, li jkopru diversi objettivi tematiċi u li huma inklużi fi strateġiji urbani korrispondenti. Investimenti territorjali integrati se jintużaw tal-anqas f'ħames każijiet. 31 Aktar minn EUR 900 miljun se jingħataw permezz ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità. 32

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

45 (6 nazzjonali, 38 reġjonali, 1 TA)

18 (1 nazzjonali, 17 reġjonali)

1

8

Fondi disponibbli (EUR)

27 941 949 230

8 297 388 821

1 161 620 889

1 378 541 701 33

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Xi kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) tematiċi, l-aktar dwar l-ilma, l-iskart, it-trasport u l-impjiegi, għadhom ma ġewx sodisfatti. Madankollu, pjanijiet adatti ta’ azzjoni ġew implimentati.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Il-FSIE huma kkoordinati permezz ta’ strutturi speċifiċi (koordinazzjoni, evalwazzjoni u kumitati ta’ monitoraġġ) u netwerks tematiċi (għall-komunikazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp urban, l-ambjent, l-opportunitajiet indaqs, l-inklużjoni soċjali, l-affarijiet rurali u s-sajd).

Is-sistema ta' twassil ġiet issimplifikata, b'anqas korpi intermedji, separazzjoni bejn il-korpi intermedji nazzjonali u reġjonali u nefqa fi programmi differenti tal-FEŻR, u użu akbar ta' amministrazzjoni elettronika.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-użu ta’ rati fissi u possibbiltajiet ta’ kosti ssimplifikati, kif permissibbli bir-regolamenti, se jiġu estiżi b’mod kunsiderevoli.



1. FSIE fl-Iżvezja

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Il-PDG u l-impjiegi Żvediżi ttejbu minn domanda domestika dejjem tikber. Il-konsum domestiku kiber minħabba rati ta’ mgħax baxxi, dħul disponibbli li qed jiżdied u politika fiskali ta’ espansjoni. Il-konsum tal-gvern qed jikber minħabba nfiq aktar għoli fuq l-integrazzjoni tal-immigranti, l-edukazzjoni u l-kura għall-anzjani. L-Iżvezja wettqet progress limitat fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew. Minkejja attività ekonomika relattivament modesta, l-impjiegi żdiedu partikolarment b'mod qawwi fis-snin reċenti. Hi rkuprat b'mod tajjeb mill-kriżi finanzjarja u diġà tinsab lura fil-livelli ta' qabel il-kriżi, bir-rata tal-impjiegi fost l-ogħla fl-UE. Madankollu, bis-saħħa tal-forza tax-xogħol li qed tikber, il-qgħad baqa' madwar 8% għal diversi snin. L-isfida kontinwa għas-suq tax-xogħol Żvediż hi li jiġi integrat in-numru għoli ta' persuni vulnerabbli b'mod ekonomiku u soċjali. L-analiżi turi li l-Iżvezja tinsab f'pożizzjoni tajba ħafna, diġà qed twettaq il-parti l-kbira tal-miri ta' Ewropa 2020 u anki qed tistabbilixxi miri aktar ambizzjużi għaliha nfisha.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

L-Iżvezja għażlet li tiffoka fuq dawn il-prijoritajiet li ġejjin li huma marbutin b'mod b'saħħtu mal-objettivi ta' Ewropa 2020 ta' żvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv: 1) Trawwim tal-kompetittività, tal-għarfien u tal-innovazzjoni; 2) Tisħiħ tal-użu sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi għal żvilupp sostenibbi; u 3) Titjib fl-impjiegi, l-impjegabbiltà u l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Riċerka, żvilupp u innovazzjoni; ir-RŻ&I se jkunu appoġġjati b'investimenti ta' EUR 330 miljun, biex b'hekk jiġi żgurat ir-rwol fuq quddiem nett tal-Iżvezja fl-innovazzjoni. Il-programmi se jgħinu biex jinħolqu ambjenti b’saħħithom fir-R&I sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn ir-riċerka u l-industrija, se jżidu l-kapaċità tad-ditti biex jieħdu l-prodotti tagħhom fis-suq, u se jkomplu jagħtu spinta lill-innovazzjoni. L-Iżvezja se tuża l-FSIE biex timplimenta strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti fit-tmien reġjuni kollha billi tinvolvi aktar minn 5 600 intrapriża li se jikkooperaw mal-istituti tar-riċerka fl-oqsma ta' eċċellenza tagħhom u se tirċievi l-appoġġ tal-FSIE biex twassal prodotti ġodda fis-suq. Finanzjament ta' EUR 200 miljun se jappoġġja t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha.

Il-FSIE qed jattwaw rwol importanti fit-titjib tal-kompetittività tal-SMEs billi jinvestu EUR 500 miljun fis-setturi kollha, inklużi l-agrikoltura u s-sajd. Barra minn hekk, EUR 250 miljun se jintefqu fuq it-titjib tal-aċċess u tal-użu tal-ICTs, l-aktar fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Il-Fondi se jiffukaw ukoll biex tittejjeb l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost żgħażagħ u immigranti bla xogħol, iżda wkoll biex jiġu megħjunin persuni bla xogħol sabiex jevitaw il-qgħad (fit-tul). Finanzjament ta’ EUR 818-il miljun, inkluż EUR 44 miljun mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), se jappoġġjaw l-impjegabbiltà, il-koeżjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi. Hu stmat li dan se jkollu impatt dirett fuq il-ħajja professjonali u soċjali ta’ mill-anqas 300 000 ċittadin. Hu stmat li mill-anqas 40 000 żgħażagħ/a qiegħda madwar l-Iżvezja se jiġu megħjuna u l-YEI se tipprovdi aktar servizzi għal 20 000 żagħżugħ/a.

Fir-rigward tal-ambjent, il-FSIE se jimmiraw lejn ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi, b’mod partikolari fl-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija. Aktar minn 28% ta’ art agrikola se jiġu koperti b'kuntratti għall-bijodiversità u madwar 33% b’kuntratti għal immaniġġjar aħjar tal-ilma. Fis-sajd, il-FSIE primarjament se jappoġġjaw l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (inkluż il-Projbizzjoni fuq ir-Rimi) u miżuri oħra meħudin biex jipproteġu u jirrestawraw l-ambjent akkwatiku. Bi tweġiba għall-ħtieġa għall-innovazzjoni f’żoni rurali, l-Iżvezja se timplimenta s-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni, fejn ir-riżultati tar-riċerka jiġu disseminati lil bdiewa u kumpaniji rurali, u qed tippjana li toħloq madwar 170 000 post f’korsijiet ta’ taħriġ. Hu mistenni wkoll li l-Fondi jappoġġjaw il-ħolqien ta' 3 400 impjieg rurali minbarra l-agrikoltura u li jsaħħu l-aċċess għas-servizzi u l-infrastruttura għal 43% tal-popolazzjoni rurali.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

L-istrumenti finanzjarji se jintużaw aktar fil-perjodu ta' programmar 2014-2020, billi jgħollu l-allokazzjoni tal-FEŻR għal EUR 133 miljun, p.e. żieda ta' madwar 80% minn 2007-2013. Tliet tipi ta’ strumenti finanzjarji huma ppjanati: tmien fondi ta' kapital ta' riskju reġjonali biex jappoġġjaw lill-SMEs, "fond ta' fondi" biex jappoġġja l-fondi ta' kapital ta' riskju privat mal-pajjiż kollu u "fond ambjentali" nazzjonali biex jippromwovi t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. L-Iżvezja tuża biss l-appoġġ tal-FEŻR għall-istrumenti tal-ekwità għal appoġġ ġenerali tal-SMEs u għal appoġġ fis-settur tal-enerġija.

Il-programmi se jiżguraw l-użu tal-istrumenti territorjali. Tliet programmi tal-FEŻR jinvolvu l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli u wieħed minnhom qed juża l-approċċ tal-investiment territorjali integrat. Il-Fondi se jinvestu fl-iżvilupp lokali, b’aktar minn 50% tal-popolazzjoni rurali megħjunin mill-istrateġiji ta' żvilupp lokali implimentati minn 50 grupp ta' azzjoni lokali mal-pajjiż kollu. Is-sħubijiet lokali f'żoni rurali, urbani u intermedji u b'rabtiet bejn iż-żoni rurali u urbani se jissaħħu permezz ta' programm b'diversi fondi nazzjonali li jgħaqqad lill-FEŻR u lill-FSE u ffukat esklużivament fuq żvilupp lokali mmexxi mill-komunità.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

8 reġjonali, 2 nazzjonali, 1 CLLD

1

1

10

Fondi disponibbli (EUR)

1 763 510 980

1 763 565 250

120 156 004

981 326 308 34

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

L-Iżvezja tissodisfa l-kondizzjonalitajiet ex ante (EACs) kollha, ħlief għal dik tal-effiċjenza fl-enerġija, u l-EAC ġenerali dwar is-sistemi tal-istatistika u l-indikaturi tar-riżultati għall-Programm Operezzjonali għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

L-għodda ta’ koordinazzjoni operazzjonali ewlenija għall-FSIE kollha se tkun il-Fondsamordningsgruppen (Grupp ta' Kooperazzjoni tal-Fondi), li se jipprova jiżgura l-kooperazzjoni neċessarja bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-immaniġġjar tal-FSIE: l-Aġenzija għat-Tkabbir Ekonomiku u Reġjonali, il-Kunsill Żvediż tal-FSE u l-Bord Żvediż tal-agrikoltura.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

Bħala pass importanti għas-simplifikazzjoni, l-awtoritajiet ta' mmaniġġjar diġà jippermettu lill-benefiċjarji li jimmaniġġjaw il-proġetti b'mod elettroniku. L-immaniġġjar elettroniku sħiħ tal-implimentazzjoni tal-FSIE se jitlesta fl-2016. Għall-FSE, opzjoni ta' kosti ssimplifikati ġdida għall-benefiċjarji se tintuża abbażi ta' att delegat adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 2015.



1. FSIE fir-Renju Unit

Sfidi ekonomiċi u soċjali fil-kuntest tal-FSIE

Fl-2014, l-ekonomija tar-Renju Unit kibret b’2.8% — l-aqwa prestazzjoni mill-2006 'l hawn. Għall-2015, hu mbassar li din se tikber b'2.5%. Ir-rata tal-impjiegi (73.5%) attwalment għandha l-ogħla rekord. Il-qgħad (5.5%) hu fl-aktar livell baxx tiegħu għal kważi seba' snin u qed ikompli jonqos.

Is-suq tax-xogħol tar-Renju Unit b'mod ġenerali jaħdem tajjeb, iżda t-tkabbir tal-produttività tax-xogħol miexja bil-mod. Il-livelli ta' ħiliet bażiċi huma anqas mill-pajjiżi komparabbli u s-suq tax-xogħol tar-Renju Unit hu wkoll ikkaratterizzat b'nuqqas ta' impjiegi, sigħat baxxi ta' xogħol għal ċerti gruppi u tranżizzjoni baxxa. Il-faqar tat-tfal u familji bi dħul baxx huma sfidi li jistgħu jiġu aggravati minn bidliet ta’ benefiċċji tat-taxxa mogħtija fil-passat u jistgħu wkoll jiġu milquta inċentivi ta’ xogħol.

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li r-Renju Unit qed jiffaċċja hi l-produttività baxxa. Il-FSIE jistgħu jindirizzaw numru ta' fatturi li jaffettwaw il-produttività permezz tal-intensità tal-kapital u tal-investiment fir-R&Ż (tkabbir intelliġenti) u fl-edukazzjoni u l-ħiliet (żviluppp inklużiv). Ir-Renju Unit diġà qed jidderieġi ammont konsiderevoli ta’ riżorsi domestiċi lejn l-objettivi ta' Eworpa 2020, hu u jqis ir-rakkomandazzjonijiet ta' politika tas-Semestru Ewropew. Filwaqt li hu impenjat favur l-objettivi ta' politika usa', ir-Renju Unit ma ffirmax għall-miri ta' Ewropa 2020, inklużi dawk relatati mar-rata tal-impjiegi, il-livelli tan-nefqa tar-R&Ż, l-abbandun bikri mill-iskola u l-involviment fl-edukazzjoni terzjarja.

Prijoritajiet ewlenin u riżultati

2014-2020, il-finanzjament tal-FSIE ta' aktar minn EUR 16-il biljun se jikkontribwixxi b'mod dirett għall-istrateġija ta' Ewropa 2020. Hu mistenni li l-investimenti tal-FSIE ta' EUR 1.6 biljun se jattiraw livelli ogħla (EUR 127.5 miljun) ta' investiment privat tar-R&I.

EUR 266 miljun se jiġu investiti sabiex titjieb l-infrastruttura tal-ICT sabiex jiġu indirizzati fallimenti ċari tas-suq u se jippreżentaw inizjattivi ppjanati biex jissaħħu r-rata u l-kwalità tal-iżvilupp lokali u se jżidu t-teħid tal-ICT minn negozji.

Investimenti ta’ EUR 2.4 biljun se jappoġġjaw l-SMEs billi jiġu indirizzati l-ostakli għat-tkabbir, p.e. permezz tal-aċċess għall-finanzi, il-pariri dwar in-negozju, l-iżvilupp tal-katina tal-provvista, u l-appoġġ settorjali (inklużi l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura). It-titjib tal-aċċess għall-finanzi hu prijorità ewlenija, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ fondi ta’ investiment f’ħafna partijiet mir-Renju Unit.

EUR 1.4 biljun se jgħinu jinbena s-suq f'tekonoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali b'livell baxx ta' karbonju (p.e. bl-appoġġ lill-innovazzjoni, il-ħidma mal-katini tal-provvista, l-istrumenti finanzjarji (SF) u l-inkuraġġiment ta' xift fil-mezzi tat-trasport), se jinkuraġġixxu l-effiċjenza fl-enerġija (inter alia fl-intrapriżi u fil-proċessi industrijali) u se jtejbu l-konsum tal-enerġija f'madwar 15 500 familja. L-investiment se jintefaq fuq il-produzzjoni ta' 45 158 MW ta' enerġija rinnovabbli addizzjonali, li tappoġġja soluzzjonijiet imfasslin għal-livell baxx ta' karbonju (p.e. bliet intelliġenti u mobilità sostenibbli), trasport pubbliku favur l-ambjent b'livell baxx ta' karbonju u l-isfruttar tal-potenzjal tar-riżorsi ta' enerġija marini.

Madwar EUR 4.5 biljun se jikkontribwixxu għat-twettiq ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima u ta' prijoritajiet għall-użu u l-immaniġġjar sostenibbli tal-art permezz ta' azzjoni klimatika agriambjentali mmirata u biex jiġu mmaniġġjati l-għargħar u r-riskji tal-erożjoni kostali. Il-Fondi se jikkontribbwixxu għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura. Se jittejbu wkoll l-ekosistemi marini u l-bijodiversità akkwatika. Hu stmat li l-Fondi jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-gassijiet b’effett serra b’554 048 t CO2 eq./sena.

Finanzjament ta’ aktar minn EUR 360 miljun se jwassal għal titjib fil-funzjonament tan-netwerk TEN-T f’reġjuni anqas żviluppati.

Is-sehem tal-FSE tal-programmi tal-FSIE hu ta’ 45.9% (€ 5,148,691,817). L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ se tkun disponibbli f'Inner London, Merseyside, Tees Valley & Durham, West Midlands, South West Scotland u f'Kingston upon Hull, City of Thurrock, Nottingham u Leicester.

Il-prijoritajiet ewlenin fil-programmi operazzjonali tar-Renju Unit se jkunu li jiġu ttrattati l-ostakoli biex wieħed jidħol fix-xogħol, jibqa' fix-xogħol u jagħmel progress fix-xogħol inklużi billi jiġu pprovduti taħriġ ta' ħiliet u appoġġ ieħor; b’mod partikolari tingħata attenzjoni lit-tranżizzjonijiet bejn il-qgħad u x-xogħol. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq gruppi vulnerabbli u ż-żgħażagħ. Ir-Renju Unit jalloka EUR 1.1 miljun minn total ta’ ammont ta’ FSE ta’ EUR 5.1 miljun għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni.

Ir-riżultati mistennija jinkludu proporzjon akbar ta' intrapriżi innovattivi (inter alia permezz ta' aktar kuntatti bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' involviment ippjanat mill-British Business Bank), aċċess miżjud u użu ta' broadband b'superveloċità skont l-Aġenda Diġitali tal-UE, appoġġ għax-xift lejn l-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, immaniġġjar tal-art sostenibbli mtejjeb fl-agrikoltura u l-forestrija, tnaqqis ta' livelli ta' inattività fost iż-żgħażagħ u dawk bla xogħol għal żmien twil u livelli ogħla ta' taħriġ u ta' ħiliet.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u għodod territorjali

Il-Fondi SIE se jintużaw biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi tal-SMEs billi tiżdied il-provvista tal-finanzjament fejn jeżisti falliment tas-suq u biex jiġu stabbiliti servizzi ta’ appoġġ. Proposti konkreti għall-użu prospettiv tal-istrumenti finanzjarji għadhom ma ġewx ikkonfermati, billi l-valutazzjonijiet ex ante għadhom għaddejjin; madankollu, l-indikazzjonijiet s'issa huma li r-Renju Unit se jżid l-allokazzjoni lill-istrumenti finanzjarji b'madwar 50% b'paragun mal-2007-2013, li jaqbżu EUR 1 biljun. Il-maġġoranza se jintużaw b'appoġġ għall-SMEs, l-innovazzjoni u l-enerġija. Barra minn hekk, hemm skop fil-programmi għall-esplorazzjoni tal-użu ta' strumenti finanzjarji biex jitwasslu l-broadband u l-infrastruttura ambjentali.

Kwistjonijiet territorjali: B’mod partikolari, mill-anqas 5.4% tal-allokazzjoni tal-FEŻR se jkunu investiti fi żvilupp urban sostenibbli fl-ibliet u r-reġjuni urbani ewlenin fl-Ingilterra. Mill-anqas 5% tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għall-programmi ta' żvilupp rurali tar-Renju Unit se jkunu riżervati għal LEADER. EUR 48.5 miljun mill-FEŻR u EUR 58.3 miljun mill-FSE se jkunu riżervati għal appoġġ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità fl-Ingilterra. Investimenti territorjali integrati se jintużaw għal żvilupp urban sostenibbli u bħala għodda għal approċċ integrat għall-investiment tal-anqas fir-reġjun anqas żviluppat ta’ Cornwall u l-Gżejjer ta’ Scilly. L-istrateġija tal-baċiri tal-Atlantiku se tkun wkoll sors importanti ta’ ispirazzjoni għall-implimentazzjoni tal-FSIE.

Informazzjoni prinċipali

Politika ta’ koeżjoni (FSE, FEŻR, YEI)

FAEŻR

FEMS

ETC

Nru ta’ programmi

12 reġjonali

4 reġjonali

1 nazzjonali

10

Fondi disponibbli (EUR)

10 974 276 104

5 199 666 491

243 139 437

1 991 080 334 35

2. Prekondizzjonijiet għal użu effettiv u effiċjenti tal-FSIE

Il-valutazzjoni ddettaljata tal-kondizzjonalitajiet ex ante ġenerali u tematiċi ġiet approvata fil-livell ta' programm minħabba l-istruttura ta' devoluzzjoni tal-amministrazzjoni tar-Renju Unit. Il-kondizzjonalitajiet ex-ante tematiċi u ġenerali kollha ġew issodisfatti.

3. Immaniġġjar tal-FSIE

Firxa ta’ strumenti kumplementari tal-UE (p.e. Orizzont 2020) u ta’ strumenti u ta’ politika nazzjonali se jintużaw biex jimmassimizzaw il-benefiċċju tal-FSIE. Ir-Renju Unit għandu jistabbilixxi mekkaniżmi li jiżguraw koordinazzjoni bejn il-FSIE u strumenti oħra nazzjonali u tal-UE.

4. Simplifikazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtoritajiet ta' mmaniġġjar qed jiżviluppaw arranġamenti, inkluż aktar użu tas-somom ta' flus f'daqqa u tal-opzjonijiet ta' kosti ssimplifikati, biex jiġi żgurat tnaqqis effettiv tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-amministraturi.

(1)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Awstrija.

(2)

 Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipa l-Belġju.

(3)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Bulgarija.

(4)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Kroazja.

(5)

 Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipa Ċipru.

(6)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa r-Repubblika Ċeka.

(7)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa d-Danimarka.

(8)

 Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Estonja.

(9)

 Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Finlandja.

(10)

 Din hi s-somma totali tal-indikaturi adatti tal-kontribut komuni fil-programmi li tipprovdi valur għal dan l-indikatur.

(11)

Din hi s-somma totali tal-indikaturi adatti tal-kontribut komuni fil-programmi li tipprovdi valur għal dan l-indikatur.

(12)

Il-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Assistenza Teknika.

(13)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa Franza.

(14)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Ġermanja.

(15)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Ġreċja.

(16)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Unġerija.

(17)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Irlanda.

(18)

Inklużi 14 670 000 li jikkorrispondu mat-trasferiment mill-ewwel pilastru (limiti massimi).

(19)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Italja.

(20)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Latvja.

(21)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Litwanja.

(22)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipa l-Lussemburgu.

(23)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa Malta.

(24)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipaw in-Netherlands.

(25)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Polonja.

(26)

dejta tal-2012

(27)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipa l-Portugall.

(28)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa r-Rumanija.

(29)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa s-Slovakkja.

(30)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa s-Slovenja.

(31)

Blue ITI (Strateġija tal-Atlantiku), Mar Menor (Murcia), Cádiz, Extremadura, Teruel.

(32)

Prinċipalment fiż-żoni rurali u kostali, iżda wkoll f'xi żoni urbani b'densità għolja taħt ċerti kondizzjonijiet.

(33)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa Spanja.

(34)

It-total hu s-somma ta’ finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom tipparteċipa l-Iżvezja.

(35)

Din hi s-somma totali tal-finanzjament tal-UE għall-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) li fihom jipparteċipa r-Renju Unit.

Top

Brussell, 14.12.2015

COM(2015) 639 final

ANNESSI

ANNESS III: Il-Valutazzjoni Ġenerali tal-Addizzjonalità (l-Artikolu 95 tas-CPR)
ANNSS IV: L-iskeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' sħubija u programmi

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej


Anness III: Il-valutazzjoni ġenerali tal-addizzjonalità (l-Artikolu 95 tas-CPR)

L-addizzjonalità hija prinċipju ewlieni tal-politika ta’ koeżjoni. Dan ifisser li l-fondi (FEŻR, FSE, FK) jikkomplementaw iżda ma jiħdux post in-nefqa strutturali pubblika jew ekwivalenti ta’ Stat Membru.

Il-verifika tal-addizzjonalità ġiet issimplifikata konsiderevolment fil-perjodu ta’ programmar il-ġdid (2014-20) billi sempliċiment jintuża l-iktar indikatur importanti ta’ investiment pubbliku (jiġifieri, il-formazzjoni grossa ta’ kapital fiss mill-gvern ġenerali (GFCF)).

Dan il-prinċipju issa huwa totalment konformi mal-governanza ekonomika tal-UE peress li l-informazzjoni rrappurtata fil-programmi ta’ stabilità u konverġenza ppreżentati mill-Istati Membri se tkun ir-referenza għall-verifika tagħha.

Il-Kummissjoni se tivverifika l-konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità fl-Istati Membri fejn ir-reġjuni inqas żviluppati jkopru mill-inqas 15% tal-popolazzjoni totali. 14-il Stat Membru biss huma soġġetti għal verifika, 11 fuq livell nazzjonali (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Kroazja) u 3 fil-livell reġjonali (l-Italja, il-Greċja, is-Slovenja).

L-istħarriġiet annwali dwar it-tkabbir adottati mill-Kummissjoni talbu ripetutament biex titjieb il-kompożizzjoni tan-nefqa pubblika billi tkun aktar favorevoli għat-tkabbir. Il-prinċipju tal-addizzjonalità huwa strument importanti biex jintlaħaq dan l-objettiv għaliex jiżgura li ċertu ammont ta’ fondi nazzjonali ukoll se jiġi investit.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miri tagħhom għall-perjodu sħiħ ta’ programmar 2014-20 fil-ftehimiet ta’ sħubija rispettivi tagħhom.

Fl-2014-16, ir-rekwiżit ta’ addizzjonalità se jimmobilizza madwar EUR 45 biljun, li jirrappreżenta madwar 2.8% tal-PDG medju fl-Istati Membri u r-reġjuni kkonċernati.

L-ogħla miri huma osservati fir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Polonja filwaqt li l-impenji tal-Greċja, l-Italja u l-Portugall huma l-aktar baxxi meta mqabbla mal-PDG 1 nazzjonali rispettivi tagħhom.

ANNESS IV: L-iskeda ta’ żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija u programmi

 

(1)

Fil-Greċja, l-Italja u s-Slovenja l-mira tirreferi għall-formazzjoni ta’ kapital fiss gross (GFCF) tal-gvern ġenerali fir-reġjuni anqas żviluppati minħabba li f'dawn il-postijiet l-addizzjonalità hija vverifikata fil-livell reġjonali (GFCF f’reġjuni inqas żviluppati/PDG nazzjonali).

Top