EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0731(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà

OJ C 249, 31.7.2014, p. 1–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 249/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà

(2014/C 249/01)

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI 3

2.

IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-LINJI GWIDA 5

2.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni settorjali 5

2.2.

Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali: It-tifsira ta’ “impriża f’diffikultà” 6

2.3.

L-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar 7

2.4.

L-għajnuna biex jiġu koperti l-kostijiet soċjali għar-ristrutturar 7

3.

IL-KOMPATIBILITÀ MAS-SUQ INTERN 8

3.1.

Kontribut għal objettiv ta’ interess komuni 9

3.1.1.

It-turija tat-tbatija soċjali jew ta’ falliment tas-suq 9

3.1.2.

Il-pjan ta’ ristrutturar u r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul 10

3.2.

Il-bżonn għal intervent mill-Istat 11

3.3.

L-adegwatezza 11

3.3.1.

Għajnuna għas-salvataġġ 11

3.3.2.

Għajnuna għar-ristrutturar 12

3.4.

L-effett ta’ inċentiv 12

3.5.

Il-proporzjonalità tal-għajnuna/l-għajnuna limitata għall-minimu 12

3.5.1.

Għajnuna għas-salvataġġ 12

3.5.2.

Għajnuna għar-ristrutturar 12

3.6.

L-effetti negattivi 14

3.6.1.

Il-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba” 14

3.6.2.

Miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni 15

3.6.3.

Il-benefiċjarji għajnuna preċedenti illegali 17

3.6.4.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-approvazzjoni tal-għajnuna 18

3.7.

It-trasparenza 18

4.

L-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR F’ŻONI MEGĦJUNA 18

5.

L-GĦAJNUNA LILL-FORNITURI TAS-SIEĠ F’DIFFIKULTÀ 19

6.

L-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA GĦAL AMMONTI IŻGĦAR TA’ GĦAJNUNA U BENEFIĊJARJI IŻGĦAR 20

6.1.

Il-kundizzjonijiet ġenerali 20

6.2.

Għan ta’ interess komuni 20

6.3.

L-adegwatezza 21

6.4.

Il-proporzjonalità tal-għajnuna/l-għajnuna limitata għall-minimu 21

6.5.

L-effetti negattivi 21

6.6.

Appoġġ temporanju għar-ristrutturar 22

6.7.

It-tul ta’ żmien u l-evalwazzjoni 22

7.

IL-PROĊEDURI 23

7.1.

Il-proċedura aċċellerata għall-għajnuna għas-salvataġġ 23

7.2.

Il-proċeduri relatati mal-pjanijiet ta’ ristrutturar 23

7.2.1.

L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar 23

7.2.2.

L-emenda tal-pjan ta’ ristrutturar 23

7.2.3.

Il-bżonn li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b’kull għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta’ ristrutturar 24

8.

IR-RAPPURTAR U L-MONITORAĠĠ 24

9.

IL-MIŻURI XIERQA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 108(1) TFUE 24

10.

ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U T-TUL TA’ ŻMIEN 25

1.   INTRODUZZJONI

1.

F’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà tista’ tiġi kkunsidrata kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.

Il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida oriġinali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (1) fl-1994. Fl-1997, il-Kummissjoni żiedet regoli speċifiċi għall-agrikoltura (2). Verżjoni mmodifikata tal-linji gwida ġiet adottata fl-1999 (3). Fl-2004 l-Kummissjoni adottat linji gwida (4) ġodda li l-validità tagħhom għall-ewwel ġiet estiża sad-9 ta’ Ottubru 2012 (5), u sussegwentement għal sa meta jiġu sostitwiti b’regoli ġodda (6), f’konformità mal-programm ta’ riforma stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2012 dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (7).

3.

F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret tliet objettivi marbutin mal-immodernizzar tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat:

(a)

biex jitrawwem it-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv f’suq intern kompetittiv;

(b)

biex l-iskrutinju ex ante tal-Kummissjoni jiġi ffukat fuq il-każijiet li għandhom l-akbar impatt fuq is-suq intern, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-infurzar tal-għajnuna mill-Istat;

(c)

biex ir-regoli jiġu ssimplifikati u d-deċiżjonijiet jittieħdu aktar malajr.

4.

B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni sejħet għal approċċ komuni fir-reviżjoni tal-linji gwida u l-oqfsa differenti, li jkun ibbażat fuq it-tisħiħ tas-suq intern, il-promozzjoni ta’ effikaċja ikbar fl-infiq pubbliku permezz ta’ kontribut aħjar tal-għajnuna mill-Istat għall-objettivi ta’ interess komuni u fuq skrutinju akbar fuq l-effett ta’ inċentiv, il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-inqas possibbli u l-evitar tal-effetti negattivi potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

5.

Il-Kummissjoni rrieżaminat dawn il-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà abbażi tal-esperjenza tagħha fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti u skont l-approċċ komuni msemmi hawn fuq. Ir-reviżjoni tieħu inkonsiderazzjoni wkoll l-istrateġija Ewropa 2020 adottata mill-Kummissjoni (8) kif ukoll il-fatt li l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jinterferixxu mal-bżonn li jiġu xprunati l-produttività u t-tkabbir, li jiġu ppreservati opportunitajiet indaqs għall-impriżi u li jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu nazzjonali.

6.

L-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar hija waħda mill-aktar tipi ta’ għajnuna mill-Istat li toħloq distorsjoni. Huwa stabbilit sew li s-setturi tal-ekonomija li jirnexxu jesperjenzaw tkabbir fil-produttività mhux għax l-impriżi kollha preżenti fis-suq isiru aktar produttivi, iżda għax l-impriżi li huma aktar effiċjenti u avvanzati teknoloġikament jikbru għad-detriment ta’ dawk li huma anqas effiċjenti jew li għandhom prodotti antikwati. Il-ħruġ mis-suq tal-impriżi li huma anqas effiċjenti jipperemetti lill-kompetituri tagħhom li jkunu aktar effiċjenti li jikbru u jirritornaw l-assi fis-suq, fejn ikunu jistgħu jiġu applikati għal użi aktar produttivi. Bl-interferenza tagħha f’dan il-proċess, l-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar tista’ xxekkel b’mod sinifikanti t-tkabbir ekonomiku fis-setturi kkonċernati.

7.

Meta partijiet minn impriża f’diffikultà jibqgħu essenzjalment vijabbli, l-impriża tista’ twettaq ristrutturar li jwassal biex din toħroġ minn ċerti attivitajiet li strutturalment jagħmlu t-telf u li jippermetti li l-attivitajiet li jifdal jiġu organizzati mill-ġdid fuq bażi li tagħti prospett raġonevoli ta’ vijabbiltà fit-tul. Ristrutturar bħal dan ġeneralment għandu jkun possibbli mingħajr għajnuna mill-Istat, permezz ta’ ftehimiet ma’ kredituri jew permezz ta’ proċeduri ta’ insolvenza jew ta’ riorganizzazzjoni. Il-liġi moderna tal-insolvenza għandha tgħin lill-kumpaniji sodi jissoppravivu, tgħin biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u tippermetti lill-fornituri biex iżommu l-klijenti tagħhom, u tippermetti lis-sidien iżommu l-valur f’kumpaniji vijabbli (9). Il-proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jwasslu wkoll biex impriża vijabbli terġa’ tidħol fis-suq permezz ta’ akkwiżizzjoni minn partijiet terzi, sew jekk tal-impriża bħala negozju avvjat jew tal-assi varji tal-produzzjoni tagħha.

8.

Konsegwentement, l-impriżi għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat meta dawn ikunu eżawrixxew l-għażliet kollha tas-suq biss, u fejn tali għajnuna tkun neċessarja biex jintlaħaq objettiv ta’ interess komuni ferm definit. Skont dawn il-linji gwida, l-impriżi għandhom jitħallew jirċievu l-għajnuna darba fi żmien għaxar snin (il-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba”).

9.

Tħassib ieħor huwa l-problema ta’ periklu morali maħluqa mill-għajnuna mill-Istat. L-impriżi li jantiċipaw li x’aktarx jiġu salvati meta jiltaqgħu mad-diffikultajiet, jistgħu japplikaw strateġiji ta’ negozju li huma riskjużi żżejjed u mhux sostenibbli. Barra minn hekk, il-prospett tal-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar għal impriża partikolari jista’ jnaqqas b’mod artifiċjali l-kost tal-kapital tagħha, u b’hekk din tingħata vantaġġ kompetittiv mhux xieraq fis-suq.

10.

L-għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u rristrutturati l-impriżi li jiltaqgħu mad-diffikultajiet, tista’ ddgħajjef ukoll is-suq intern billi tittrasferixxi proporzjon mhux xieraq mill-piż tal-aġġustament strutturali u l-problemi soċjali u ekonomiċi assoċjati fuq Stati Membri oħrajn. Fiha nnifisha din mhix ħaġa mixtieqa u tista’ tagħti lok għal tlielaq għal sussidju ta’ ħela fost l-Istati Membri. Għajnuna bħal din tista’ twassal ukoll għall-ħolqien ta’ ostakli għad-dħul u tpoġġi f’periklu l-inċentivi għall-attivitajiet transfruntieri, kontra l-objettivi tas-suq intern.

11.

Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata biss meta jkun hemm kundizzjonijiet li jimmitigaw l-effetti ta’ ħsara potenzjali tagħha u jippromwovu nefqa pubblika effikaċi. Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar, ir-rekwiżiti dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà, il-kontribuzzjoni proprja u l-miżuri li jillimitaw d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni wrew kemm huma validi biex jittaffew l-effetti potenzjali ta’ ħsara ta’ din l-għajnuna. Dawn jibqgħu japplikaw skont dawn il-linji gwida, adattati kif ikun meħtieġ sabiex l-esperjenza reċenti tal-Kummissjoni tittieħed inkonsiderazjoni. Il-kunċett tal-kondiviżjoni tal-piżijiet ġie introdott, inter alia, sabiex jindirizza aħjar il-kwistjoni tar-riskju morali. Fil-każ tal-għajnuna għas-salvataġġ u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar, l-effetti potenzjali ta’ ħsara jiġu mmitigati permezz ta’ restrizzjonijiet fuq it-tul iż-żmien li għalih tingħata l-għajnuna u l-forma tal-għajnuna.

12.

Meta l-għajnuna tieħu forma ta’ assistenza għal-likwidità li tkun limitata kemm fl-ammont u kemm fit-tul taż-żmien li għalih tingħata, it-tħassib dwar l-effetti ta’ ħsara potenzjali tagħha jonqos ħafna, u dan jippermetti li din tiġi approvata b’kundizzjonijiet anqas stretti. Filwaqt li għajnuna bħal din, fil-prinċipju, tista’ tintuża biex tappoġġja proċess sħiħ ta’ ristrutturar, il-limitazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ għal perjodu ta’ sitt xhur tfisser li dan jiġri rarament, minflok, l-għajnuna għas-salvataġġ ġeneralment tiġi segwita minn għajnuna għar-ristrutturar.

13.

Biex jitħeġġeġ l-użu ta’ forom anqas distortivi ta’ għajnuna, dawn il-linji gwida jintroduċu kunċett ġdid ta’ “appoġġ temporanju għar-ristrutturar”. L-istess bħall-għajnuna għas-salvataġġ, l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista’ jsir biss f’forma ta’ assistenza għal-likwidità li tkun limitata kemm fl-ammont kif ukoll fit-tul ta’ żmien. Madankollu, sabiex din tkun tista’ tappoġġja l-proċess kollu ta’ ristrutturar, it-tul massimu ta’ appoġġ temporanju għar-ristrutturar huwa ta’ 18-il xahar. L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista’ jingħata biss lill-SMEs (10) u lil impriżi pubbliċi iżgħar (11), li jaffaċċjaw sfidi akbar minn dawk tal-impriżi l-kbar rigward l-aċċess għal-likwidità.

14.

Meta l-għajnuna lill-fornituri tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SIEĠ”) f’diffikultà taqa’ taħt dawn il-linji gwida, il-valutazzjoni għandha titwettaq skont il-prinċipji standard tal-linji gwida. Madankollu, l-applikazzjoni speċifika ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi adattata fejn ikun neċessarju biex tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tas-SIEĠ, u b’mod partikolari, il-bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità tal-għoti tas-servizz skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

15.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal industrija tal-azzar fl-Ewropa (12) li tkun kompetittiva u sostenibbli (“il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar”), jistabbilixxi serje ta’ azzjonijiet li jimmiraw li jippromwovu settur tal-azzar sod u kompetittiv. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar jidentifika wkoll għadd ta’ oqsma li fihom l-appoġġ mill-Istat huwa disponibbli għall-impriżi fis-settur tal-azzar skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, bil-kundizzjonijiet preżenti ta’ kapaċità żejda sinifikanti fl-Ewropa u fid-dinja (13), l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi tal-azzar mhix ġustifikata. Is-settur tal-azzar għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

16.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE (14) tistipula l-kundizzjonijiet li skonthom tista’ tingħata għajnuna soċjali, ambjentali u għall-operat sal-2027, għall-produzzjoni fis-settur tal-faħam li ma tkunx kompetittiva (15). Ir-regoli attwali jsegwu regoli speċifiċi għal setturi preċedenti applikati bejn l-2002 u l-2010 (16) u l-1993 u l-2002 (17), li ffaċilitaw ir-ristrutturar ta’ impriżi mhux kompetittivi fis-settur tal-faħam. Bħala riżultat, u minħabba l-bżonn persistenti li jingħata appoġġ għall-aġġustament strutturali tal-produzzjoni tal-faħam fl-Unjoni, ir-regoli attwali huma aktar stretti minn dawk preċedenti u jirrikjedu l-waqfien permanenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-produzzjoni megħjuna tal-faħam, kif ukoll l-għeluq definittiv ta’ unitajiet tal-produzzjoni li ma jkunux kompetittivi sal-31 ta’ Diċembru 2018 l-aktar tard. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, diversi Stati Membri adottaw u qed jimplimentaw pjanijiet li jwasslu għall-għeluq definittiv tal-minjieri tal-faħam li jkunu f’diffikultà u li jkunu operati minn impriżi f’dan is-settur (18). Is-settur tal-faħam għandu għalhekk jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

17.

L-esperjenza tal-Kummissjoni rigward is-salvataġġ u r-ristrutturar tal-istituzzjonijiet finanzjarji waqt il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li regoli speċifiċi applikabbli għas-settur finanzjarju jistgħu jkunu ta’ benefiċċju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq finanzjarji. L-impriżi koperti minn regoli speċifiċi għas-settur finanzjarju huma għalhekk esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

2.   IL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-LINJI GWIDA

2.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni settorjali

18.

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi kollha li huma f’diffikultà, minbarra dawk li joperaw fis-settur tal-faħam (19) jew fis-settur tal-azzar (20), u dawk koperti mir-regoli speċifiċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji (21), mingħajr ħsara għal xi regola speċifika assoċjata ma’ impriżi li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet f’settur partikolari (22). Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, dejjem jekk jikkonformaw mar-regoli speċifiċi stipulati fil-Linji Gwida biex tiġi eżaminata l-għajnuna mill-Istat għas-sajd u l-akkwakultura (23), u għas-settur agrikolu, inkluż is-settur tal-produzzjoni agrikola primarja (24).

2.2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali: It-tifsira ta’ “impriża f’diffikultà”

19.

Stat Membru li jipproponi li jagħti għajnuna lil impriża skont dawn il-linji gwida jrid juri abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi li l-impriża kkonċernata tinsab f’diffikultà skont it-tifsira ta’ din it-taqsima, u tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar fil-punt 29.

20.

Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, impriża tkun ikkunsidrata li hija f’diffikultà meta, mingħajr l-intervent tal-Istat, tkun kważi ċertament ikkundannata li tagħlaq l-operat tagħha fit-terminu taż-żmien qasir jew medju. Għaldaqstant, impriża tkun ikkunsidrata li qiegħda f’diffikultà jekk ikun hemm tal-inqas waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)

Fil-każ ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata (25), meta aktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha (26) jkun għosfor minħabba telf akkumulat. Dan huwa l-każ meta t-tnaqqis tat-telf akkumulat mir-riżervi (u l-elementi l-oħra kollha ġeneralment ikkunsidrati bħala parti mill-fondi proprji tal-kumpanija) jwassal għal ammont kumulat negattiv li jeċċedi nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt.

(b)

Fil-każ ta’ kumpanija fejn tal-anqas ċerti membri jkollhom responsabbiltà mhux limitata għad-dejn tal-kumpanija (27), fejn aktar minn nofs il-kapital tagħha kif jidher fil-kontijiet tal-kumpanija jkun sparixxa b’riżultat tat-telf akkumulat.

(c)

Meta l-impriża tkun suġġetta għal proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza jew tkun tissodisfa l-kriterji skont il-liġi domestika tagħha biex titqiegħed fi proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha.

(d)

Fil-każ ta’ impriża li mhix SME, meta fl-aħħar sentejn:

i.

id-dejn kontabilistiku tal-impriża meta mqabbel mal-proporzjon ta’ ekwità jkun akbar minn 7,5 u

ii.

il-proporzjon tal-kopertura tal-imgħax tal-EBITDA tal-impriża jkun taħt il-1,0.

21.

Impriża li tkun għada kif inħolqot ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, anki jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha ma tkunx sikura. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta impriża ġdida tinħoloq mil-likwidazzjoni ta’ impriża preċedenti jew sempliċement tieħu l-assi ta’ dik l-impriża. Fil-prinċipju, impriża tkun ikkunsidrata bħala waħda maħluqa reċentement għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operat tagħha fil-qasam ta’ attività relevanti. Huwa biss wara dan il-perjodu li din issir eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, sakemm:

(a)

tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont dawn il-linji gwida, u

(b)

ma tkunx tifforma parti minn grupp ta’ negozji akbar (28) jekk mhux skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 22.

22.

Kumpanija li tagħmel parti minn grupp ta’ negozji akbar jew li tkun ser tiġi akkwistata minn grupp ta’ negozji akbar, normalment ma tkunx eleġibbli għall-għajnuna skont dawn il-linji gwida, ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-kumpanija jkunu intrinsiċi u ma jkunux ir-riżultat ta’ allokazzjoni arbitrarja tal-kostijiet fil-grupp, u li d-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu indirizzati mill-grupp innifsu. Fejn kumpanija f’diffikultà toħloq sussidjarja, is-sussidjarja, flimkien mal-kumpanija f’diffikultà li tikkontrollaha, jiġu kkunsidrati bħala grupp u jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-punt.

23.

Minħabba li l-eżistenza nnifisha tal-impriża tkun ipperikolata, impriża f’diffikultà ma tistax tkun ikkunsidrata bħala mezz adattat għall-promozzjoni ta’ objettivi oħrajn ta’ politika pubblika, sakemm il-vijabbiltà tagħha tiġi żgurata. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għall-impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma taffettwa ħażin il-kummerċ sal-punt li jmur kontra l-interess komuni, dejjem jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida jiġu ssodisfati, anki jekk din l-għajnuna tingħata skont skema li diġà tkun ġiet awtorizzata.

24.

Għadd ta’ regolamenti u komunikazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u f’oqsma oħra, għaldaqstant, jipprojbixxu lill-impriżi f’diffikultà milli jirċievi l-għajnuna. Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti u l-komunikazzjonijiet, u sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fihom:

(a)

“impriżi f’diffikultà” jew “ditti f’diffikultà” għandhom jiġu interpretati bħala impriżi f’diffikultà skont il-punt 20 ta’ dawn il-linji gwida, u

(b)

SME li tkun ilha li twaqqfet anqas minn tliet snin ma tiġix ikkunsidrata li hija f’diffikultà jekk ma tissodisfax il-kundizzjoni stipulata fil-punt 20(c).

2.3.   L-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar u l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar

25.

Dawn il-linji gwida jittrattaw tliet tipi ta’ għajnuna: għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar u appoġġ temporanju għar-ristrutturar.

26.

L-għajnuna għas-salvataġġ min-natura tagħha hija għajnuna urġenti u temporanja. L-objettiv prinċipali tagħha huwa li impriża li jkollha l-problemi tinżamm vijabbli għal dak iż-żmien qasir meħtieġ sakemm jitfassal pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-għajnuna għas-salvataġġ tippermetti li jingħata appoġġ temporanju lill-impriża li tkun qed taffaċċja deterjorament serju fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li tinvolvi kriżi ta’ likwidazzjoni akuta jew ta’ insolvenza teknika. Appoġġ temporanju bħal dan għandu jippermetti li jkun hemm żmien biex jiġu analizzati ċ-ċirkostanzi li jkunu kkawżaw id-diffikultajiet u biex jiġi żviluppat pjan xieraq biex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet.

27.

L-għajnuna għar-ristrutturar ħafna drabi tinvolvi assistenza aktar permanenti, u tkun trid terġa’ ġġib lill-benefiċjarju vijabbli fuq terminu twil abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u li jestendi 'l bogħod, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti li jkun hemm il-kontribuzzjoni proprja u l-qsim tal-piżijiet adegwati, u tillimita d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni.

28.

L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar huwa għajnuna ta’ likwidità maħsuba biex tappoġġja r-ristrutturar ta’ impriża billi jingħataw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-benefiċjarju jkun jista’ jfassal u jimplimenta azzjoni xierqa biex terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà fit-tul. L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista’ jingħata biss lill-SMEs u lil impriżi pubbliċi iżgħar.

29.

B’deroga mill-punt 19, l-għajnuna għas-salvataġġ kif ukoll, fil-każ ta’ SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar, l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista’ jingħata wkoll lil impriżi li mhumiex f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 20, li madankollu jkollhom ħtieġa ta’ likwidità akuta minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevisti.

2.4.   L-għajnuna biex jiġu koperti l-kostijiet soċjali għar-ristrutturar

30.

Ir-ristrutturar normalment jimplika t-tnaqqis jew l-abbandun tal-attivitajiet affettwati. Tnaqqis bħal dan ħafna drabi jkun neċessarju fl-interess tar-razzjonalizzazzjoni u l-effiċjenza, pjuttost differenti minn kull tnaqqis fil-kapaċità li jista’ jkun meħtieġ bħala kundizzjoni biex tingħata l-għajnuna. Irrelevanti mir-raġunijiet sottostanti, miżuri bħal dawn ġeneralment iwasslu għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol tal-benefiċjarju.

31.

Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar ix-xogħol tista’ tinkludi skemi tas-sigurtà soċjali li skonthom ċerti benefiċċji jitħallsu direttament lill-impjegati li jkunu ngħataw is-sensja. Skemi bħal dawn ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna tal-Istat li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

32.

Minbarra dawn il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-impjegati, l-iskemi ġenerali tal-appoġġ soċjali jipprevedu li l-gvern għandu jkopri l-kost tal-benefiċċji li impriża tagħti lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja u li jmorru lil hinn mill-obbligi statutorji jew kuntrattwali tagħha. Fejn tali skemi jkunu disponibbli ġeneralment mingħajr limitazzjonijiet settorjali lil kull ħaddiem li jissodisfa kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà predifiniti u awtomatiċi, dawn ma jitqisux li jinvolvu għajnuna skont l-Artikolu 107(1) għall-impriżi li jkunu qed iwettqu r-ristrutturar. Min-naħa l-oħra, jekk l-iskemi jintużaw biex jiġi appoġġjat ir-ristrutturar f’industriji partikolari, jista’ jkun li jinvolvu l-għajnuna minħabba l-mod selettiv kif jintużaw (29).

33.

L-obbligi li tidħol għalihom impriża skont il-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi jew il-ftehimiet kollettivi mat-trejdunjins biex jingħataw ċerti benefiċċji lill-ħaddiema ssensjati bħalma huma l-pagamenti tas-sensji jew il-miżuri sabiex tiżdied l-impjegabilità tagħhom, huma parti mill-kostijiet normali tan-negozju li impriża jkollha tħallas mir-riżorsi tagħha stess. Minħabba dan, kull kontribuzzjoni mill-Istat għal dawn il-kostijiet għandha titqies bħala għajnuna. Dan huwa minnu sew jekk il-pagamenti jsiru direttament lill-impriża u sew jekk dawn jiġi amministrati lill-impjegati permezz ta’ aġenzija tal-gvern.

34.

Il-Kummissjoni ma għandhiex oġġezzjoni a priori għal meta għajnuna bħal din tingħata lil impriża f’diffikultà, billi din iġġib benefiċċji ekonomiċi li jmorru lil hinn mill-interessi tal-impriża kkonċernata, tiffaċilita l-bidla strutturali u tnaqqas it-tbatija.

35.

Minbarra l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju dirett, din l-għajnuna ġeneralment tingħata b’rabta ma’ skema ta’ ristrutturar partikolari għat-taħriġ, l-għoti tal-pariri u l-għajnuna prattika sabiex jinstab impjieg alternattiv, l-għajnuna għar-rilokazzjoni, u t-taħriġ professjonali, kif ukoll għajnuna għall-impjegati li jkunu jixtiequ jibdew negozju ġdid. Minħabba li dawn il-miżuri, li jżidu l-impjegabilità tal-ħaddiema ssensjati, ikomplu jilħqu l-objettiv biex it-tbatija soċjali tonqos, il-Kummissjoni b’mod konsistenti taqbel ma’ din it-tip ta’ għajnuna meta tingħata lil impriżi f’diffikultà.

3.   IL-KOMPATIBILITÀ MAS-SUQ INTERN

36.

Iċ-ċirkostanzi li skonthom l-għajnuna mill-Istat lil impriżi f’diffikultà tkun tista’ tiġi approvata bħala kumpatibbli mas-suq intern huma stipulati fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat. Skont l-Artikolu 107(3)(c), il-Kummissjoni għandha s-setgħa tawtorizza “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi (…) dejjem jekk din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni”. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ fejn l-għajnuna tkun meħtieġa biex tirrimedja d-differenzi kkawżati minn nuqqasijiet tas-suq jew biex tiżgura koeżjoni ekonomika u soċjali.

37.

Miżuri ta’ għajnuna favur impriżi kbar iridu jiġu nnotifikati individwalment lill-Kummissjoni. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza skemi għal ammonti iżgħar ta’ għajnuna għal SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar: dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fil-Kapitolu 6 (30).

38.

Fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-għajnuna nnotifikata tkunx tista’ titqies bħala kumpatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ser tikkunsidra jekk ikunx intlaħaq kull wieħed minn dawn il-kriterji:

(a)

kontribuzzjoni għal objettiv ta’ interess komuni ferm definit: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid timmira għal objettiv ta’ interess komuni skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat (it-Taqsima 3.1).

(b)

ħtieġa ta’ intervent mill-Istat: miżura ta’ għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni fejn l-għajnuna tista’ ġġib titjib materjali li s-suq innifsu ma jkunx jista’ jikseb, pereżempju billi jiġi rrimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni (it-Taqsima 3.2).

(c)

l-adegwatezza tal-miżura ta’ għajnuna ma tiġix ikkunsidrata kumpatibbli jekk miżuri oħra li jikkawżaw inqas xkiel jippermettu li jintlaħaq l-istess objettiv (it-Taqsima 3.3).

(d)

l-effett ta’ inċentiv: għandu jintwera li fin-nuqqas ta’ għajnuna, il-benefiċjaru kien se jiġi ristrutturat, mibjugħ jew magħluq b’tali mod li ma kienx jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni (it-Taqsima 3.4).

(e)

proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu): l-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni (it-Taqsima 3.5).

(f)

l-evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri: l-effetti negattivi tal-għajnuna jridu jkunu limitati suffiċjentement biex il-bilanċ kumplessiv tal-miżura jkun pożittiv (it-Taqsima 3.6).

(g)

it-trasparenza tal-għajnuna: l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku jrid ikollhom aċċess faċli għall-atti relevanti u l-informazzjoni pertinenti kollha dwar l-għajnuna mogħtija (it-Taqsima 3.7).

39.

Jekk xi wieħed mill-kriterji ta’ hawn fuq ma jintlaħaqx, l-għajnuna ma tkunx ikkunsidrata bħala kumpatibbli mas-suq intern.

40.

Il-bilanċ totali ta’ ċerti kategoriji ta’ skemi jista’ jkun suġġett ukoll għal rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post, kif inhu deskritt fil-punti 118, 119 u 120 ta’ dawn il-linji gwida.

41.

Barra minn hekk, jekk miżura ta’ għajnuna jew il-kundizzjonijiet marbutin magħha (inkluż il-metodu tagħha ta’ finanzjament meta dan ikun parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna) jimplikaw il-ksur indiviżibbli tal-liġi tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata li hi kumpatibbli mas-suq intern (31).

42.

F’dan il-kapitolu, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom tivvaluta kull wieħed mill-kriterji msemmija fil-punt 38.

3.1.   Kontribut għal objettiv ta’ interess komuni

43.

Minħabba l-importanza li għandu l-ħruġ mis-suq fil-proċess tat-tkabbir tal-produttività, is-sempliċi fatt li impriża tiġi impeduta milli toħroġ mis-suq ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-għajnuna. Għandha tingħata evidenza ċara li l-għajnuna għandha objettiv ta’ interess komuni, bl-għan li tipprevjeni t-tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq (it-Taqsima 3.1.1) billi terġa’ tintroduċi l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża (it-Taqsima 3.1.2).

3.1.1.   It-turija tat-tbatija soċjali jew ta’ falliment tas-suq

44.

L-Istati Membri jridu juru li l-falliment tal-benefiċjarju x’aktarx jinvolvi tbatija soċjali serja jew il-falliment gravi tas-suq, b’mod partikolari billi juru li:

(a)

ir-rata tal-qgħad fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati (fil-livell II tal-NUTS) hija jew:

i.

ogħla mill-medja tal-Unjoni, persistenti u akkumpanjata mid-diffikultà biex jinħolqu impjiegi ġodda fir-reġjun jew fir-reġjuni kkonċernati, jew

ii.

ogħla mill-medja nazzjonali, persistenti u akkumpanjata mid-diffikultà biex jinħolqu impjiegi ġodda fir-reġjun(i) ikkonċernat(i);

(b)

ikun hemm ir-riskju ta’ tħarbit f’servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat u fejn ikun diffiċli għal kwalunkwe kompetitur biex sempliċement jinvolvi ruħu (pereżempju, fornitur ta’ infrastruttura nazzjonali);

(c)

il-ħruġ ta’ impriża li għandha rwol sistemiku importanti f’reġjun jew f’settur partikolari jista’ jkollu konsegwenzi negattivi potenzjali (pereżempju bħala fornitur ta’ input importanti);

(d)

hemm ir-riskju ta’ interruzzjoni fil-kontinwità tal-għoti tas-SIEĠ;

(e)

il-falliment jew l-inċentivi avversi tas-swieq tal-kreditu jġiegħlu impriża, li altrimenti tkun vijabbli, biex tfalli;

(f)

il-ħruġ tal-impriża kkonċernata mis-suq twassal għal telf mingħajr rimedju ta’ għarfien jew għarfien espert tekniku importanti; jew

(g)

jinħolqu sitwazzjonijiet simili ta’ tbatija severa ssostanzjati adegwatament mill-Istat Membru kkonċernat.

3.1.2.   Il-pjan ta’ ristrutturar u r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul

45.

L-għajnuna ta’ ristrutturar fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida ma tistax tkun limitata għal għajnuna finanzjarja biex tpatti għat-telf passat mingħajr ma jiġu indirizzati r-raġunijiet għal dak it-telf. Fil-każ tal-għajnuna għar-ristrutturar, għaldaqstant, il-Kummissjoni titlob lill-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv sabiex il-benefiċjarju jerġa’ jibda jgawdi minn vijabbiltà fit-tul (32). Ir-ristrutturar jista’ jinvolvi wieħed jew iktar minn dawn l-elementi: ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-benefiċjarju fuq bażi aktar effiċjenti, li tipikament jinvolvu l-irtirar minn attivitajiet li jagħmlu t-telf, ir-ristrutturar tal-attivitajiet eżistenti li jkunu jistgħu jerġgħu jsiru kompetittivi u, possibbilment, id-diversifikazzjoni lejn attivitajiet ġodda u vijabbli. Tipikament dan jinvolvi wkoll ristrutturar finanzjarju f’forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital minn azzjonisti ġodda jew eżistenti u t-tnaqqis tad-dejn minn kredituri eżistenti.

46.

L-għajnuna għandha tingħata bil-kundizzjoni li jiġi implimentat pjan ta’ ristrutturar, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna ad hoc.

47.

Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jġib lill-benefiċjarju vijabbli għal terminu twil fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ previżjonijiet realistiċi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet futuri ta’ operat li għandhom jeskludu kull għajnuna ulterjuri mill-Istat li ma tkunx koperta mill-pjan ta’ ristrutturar. Il-perjodu ta’ ristrutturar għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. Il-pjan ta’ ristrutturar irid ikun ippreżentat bid-dettalji relevanti kollha lill-Kummissjoni u jrid jinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni stipulata f’din it-taqsima (3.1.2).

48.

Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jidentifika x’qed jikkawża d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u d-dgħufijiet tal-benefiċjarju nnifsu, u juri kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti jirrimedjaw il-problemi sottostanti tal-benefiċjarju.

49.

Il-pjan ta’ ristrutturar irid jipprovdi informazzjoni dwar il-mudell tan-negozju tal-benefiċjarju, filwaqt li juri kif il-pjan se jindirizza l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-benefiċjarju, il-finanzjament, il-governanza korporattiva u l-aspetti relevanti l-oħra kollha. Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jivvaluta jekk id-diffikultajiet tal-benefiċjarju setgħux ġew evitati permezz ta’ azzjoni ta’ ġestjoni adegwata u f’waqtha u, fejn dan ikun il-każ, għandu juri li jkunu saru l-bidliet neċessarji fil-ġestjoni. Meta d-diffikultajiet tal-benefiċjarju jirriżultaw minn difetti fil-mudell tan-negozju tiegħu jew mis-sistema ta’ governanza korporattiva, jeħtieġ li jsiru l-bidliet adegwati.

50.

Ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat għandhom jintwerew skont xenarju ta’ referenza kif ukoll skont xenarju pessimistiku (jew tal-agħar każ). Għal dan il-għan, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jikkunsidra, inter alia, l-istat attwali u l-prospetti futuri tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-prodott relevanti u l-fatturi prinċipali tal-ispejjeż tal-industrija, filwaqt li jkun jirrifletti s-suppożizzjonijiet bażiċi ta’ referenza u ta’ xenarju avvers, kif ukoll il-preġji u d-dgħufijiet speċifiċi tal-benefiċjarju. Is-suppożizzjonijiet għandhom jitqabblu ma’ parametri referenzjarji xierqa li huma komuni għas-settur kollu u, fejn ikun adegwat, għandhom jiġu adattati biex jaqdu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi u tas-setturi. Il-benefiċjarju għandu jipprovdi stħarriġ tas-suq u analiżi tas-sensittività li jidentifikaw il-parametri li jimmotivaw il-prestazzjoni tal-benefiċjarju u l-fatturi tar-riksju prinċipali għall-ġejjieni.

51.

Ir-ritorn tal-benefiċjarju lejn il-vijabbiltà għandu jirriżulta prinċipalment minn miżuri interni, li jimplikaw b’mod partikolari l-irtirar minn attivitajiet li jibqgħu strutturalment jagħmlu t-telf fuq terminu medju. Ir-ritorn lejn il-vijabbiltà ma jridx dipendenti fuq suppożizzjonijiet ottimistiċi dwar fatturi esterni bħall-varjazzjoni fil-prezzijiet, id-domanda jew il-provvista ta’ riżorsi skarsi, u lanqas ma jista’ jintrabat mal-prestazzjoni tal-benefiċjarju li tisboq lil dik tas-suq u tal-kompetituri tiegħu, jew li l-benefiċjarju jidħol u jespandi f’attivitajiet ġodda fejn ma jkollux esperjenza u lanqas rekord ta’ prestazzjoni (sakemm dan ma jiġix iġġustifikat adegwatament u jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ diversifikazzjoni u vijabbiltà).

52.

Il-vijabbiltà fit-tul tintlaħaq meta impriża tkun tista’ tagħti r-redditu adegwat previst fuq il-kapital wara li tkun kopriet il-kostijiet kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-imposti finanzjarji. L-impriża ristrutturata għandha tkun tista’ tikkompeti fis-suq bil-merti tagħha stess.

3.2.   Il-bżonn għal intervent mill-Istat

53.

L-Istati Membri li jkun biħsiebhom jagħtu għajnuna għar-ristrutturar għandhom jipprovdu paragun ma’ xenarju alternattiv kredibbli li ma jinvolvix l-għajnuna mill-Istat, fejn juru kif l-objettiv jew l-objettivi relevanti fit-taqsima 3.1.1 ma jintlaħqux, jew jintlaħqu b’mod inqas sodisfaċenti, fil-każ ta’ dan ix-xenarju alternattiv. Xenarji bħal dawn jistgħu pereżempju jinkludu r-riorganizzazzjoni tad-dejn, il-bejgħ tal-assi, il-ġbir privat tal-kapital, il-bejgħ lil kompetitur jew ix-xoljiment, f’kull każ jew permezz ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ riorganizzazzjoni jew mod ieħor.

3.3.   L-adegwatezza

54.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna tingħata f’forma li tippermetti li l-objettiv jintlaħaq bl-anqas distorsjoni possibbli. Fil-każ ta’ impriżi f’diffikultà, dan jista’ jintlaħaq billi jiġi żgurat li l-għajnuna tingħata fil-forma li hija adegwata sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u li jiġi rimunerat b’mod xieraq. Din it-taqsima tistipula r-rekwiżiti li għandu jkun hemm konformità magħhom sabiex jintwera li miżura ta’ għajnuna hija xierqa.

3.3.1.   Għajnuna għas-salvataġġ

55.

Sabiex tiġi approvata mill-Kummissjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun tikkonsisti minn appoġġ temporanju ta’ likwidità f’forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self.

(b)

il-kost finanzjarju tas-self jew, fil-każ tal-garanziji ta’ self, il-kost finanzjarju totali tas-self garantit, inkluża r-rata ta’ interess tas-self u l-primjum tal-garanzija, iridu jkunu konformi mal-punt 56.

(c)

ħlief għal meta hu speċifikat mod ieħor fil-punt (d) hawn taħt, kull self għandu jiġi rimborżat u kull garanzija għandha tintemm f’perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju.

(d)

l-Istati Membri jridu jieħdu l-impenn li jikkomunikaw mal-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-miżura ta’ għajnuna għas-salvataġġ tkun ġiet awtorizzata jew, fil-każ ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju;

i.

prova li s-self ikun ġie rimborżat totalment u/jew li l-garanzija tkun twaqqfet; jew

ii.

kemm-il darba l-benefiċjarju jikwalifika bħala impriża f’diffikulta (u mhux biss jiffaċċja bżonnijiet akuti ta’ likwidità fiċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 29 hawn fuq), pjan ta’ ristrutturar kif stabbilit fit-Taqsima 3.1.2; mal-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar, l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ tiġi estiża awtomatikament sakemm il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni finali tagħha dwar il-pjan ta’ ristrutturar, dejjem jekk il-Kummissjoni ma tiddeċidix li estensjoni bħal din mhix iġġustifikata jew għandha tkun limitata fiż-żmien jew fil-kamp ta’ applikazzjoni; ladarba pjan ta’ ristrutturar li għalih tkun ġiet mitluba l-għajnuna jkun twettaq u qed jiġi implimentat, kull għajnuna ulterjuri ser titqies bħala għajnuna għar-ristrutturar; jew

iii.

pjan ta’ likwidazzjoni li jistabbilixxi b’mod sostanzjat il-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni tal-benefiċjarju f’qafas raġonevoli ta’ żmien mingħajr għajnuna ulterjuri.

(e)

L-għajnuna għas-salvataġġ ma tistax tintuża biex tiffinanzja miżuri strutturali, bħall-akkwist sinifikanti ta’ negozji jew assi, sakemm ma jkunux meħtieġa għal waqt il-perjodu ta’ salvataġġ għas-soppravivenza tal-benefiċjarju.

56.

Il-livell ta’ rimunerazzjoni li benefiċjarju jrid iħallas għall-għajnuna għas-salvataġġ għandu jirrifletti l-affidabbiltà kreditizja sottostanti tal-benefiċjarju, mingħajr kunsiderazzjoni tal-effetti temporanji kemm tad-diffikultajiet ta’ likwidità u kemm tal-appoġġ mill-Istat, u għandu jipprovdi inċentivi għall-benefiċjarju biex iħallas lura l-għajnuna mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni għaldaqstant tirrikjedi li r-remunerazzzjoni tiġi stabbilita għal rata ta’ mhux inqas mir-rata ta’ referenza stipulata fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza (33) għal impriżi dgħajfin li joffru livelli normali ta’ kollateralizzazzjoni (bħalissa IBOR ta’ sena flimkien ma’ 400 punt bażi) (34) u li għandha tiżdied b’mill-inqas 50 punt bażi għall-għajnuna għas-salvataġġ li l-awtorizzazzjoni tagħhom tingħata skont il-punt 55(d)ii.

57.

Meta jkun hemm evidenza li din ir-rata identifikata fil-punt 56 ma tirrappreżentax punt ta’ riferiment adegwat, pereżempju fejn din tvarja b’mod sostanzjali mill-ipprezzar tas-suq ta’ strumenti simili li jkunu nħarġu reċentement mill-benefiċjarju, il-Kummissjoni tista’ tadatta l-livell meħtieġ ta’ remunerazzjoni skont kif ikun adegwat.

3.3.2.   Għajnuna għar-ristrutturar

58.

L-Istati Membri huma liberi li jagħżlu taħt liema forma l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata. Madankollu, meta jagħmlu dan, huma għandhom jiżguraw li l-istrument magħżul ikun xieraq biex jindirizza l-kwistjoni prevista. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk il-problemi tal-benefiċjarji jkunux marbutin mal-likwidità jew mas-solvenza u jagħżlu l-istrumenti xierqa biex jindirizzaw il-problemi identifikati. Pereżempju, fil-każ ta’ problemi ta’ solvenza, iż-żieda fl-assi permezz tar-rikapitalizzazzjoni tista’ tkun adegwata, filwaqt li f’sitwazzjoni fejn il-problemi jkunu prinċipalment relatati mal-likwidità, l-għajnuna permezz tas-self jew ta’ garanziji ta’ self tista’ tkun biżżejjed.

3.4.   L-effett ta’ inċentiv

59.

L-Istati Membri li jkun biħsiebhom jagħtu għajnuna għar-ristrutturar għandhom juru li fin-nuqqas tal-għajnuna, il-benefiċjarju kieku kien jiġi ristrutturat, mibjugħ jew xolt b’tali mod li ma kienx jintlaħaq l-objettiv ta’ interess komuni identifikat fit-Taqsima 3.1.1. Din id-deskrizzjoni tista’ tifforma parti mill-analiżi ppreżentata skont il-punt 53.

3.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna/l-għajnuna limitata għall-minimu

3.5.1.   Għajnuna għas-salvataġġ

60.

L-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun ristretta għall-ammont meħtieġ biex il-benefiċjarju jibqa’ jopera n-negozju għal sitt xhur. Sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont, għandha tingħata importanza lir-riżultat tal-formula stipulat fl-Anness 1. Kull għajnuna li taqbeż ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu se tiġi awtorizzata biss jekk tkun debitament iġġustifikata billi jiġi pprovdut pjan ta’ likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-benefiċjarju fis-sitt xhur li jkunu ġejjin.

3.5.2.   Għajnuna għar-ristrutturar

61.

L-ammont u l-intensità tal-għajnuna għar-ristrutturar iridu jkunu limitati għall-minimu strett neċessarju biex jippermettu li r-ristrutturar ikun jista’ jsir abbażi tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-benefiċjarju, tal-azzjonisti tiegħu jew tal-grupp tan-negozju li jagħmel parti minnu. B’mod partikolari, irid jiġi żgurat livell xieraq ta’ kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet ta’ ristrutturar u ta’ qsim tal-piżijiet, kif inhu stipulat f’aktar dettall f’din it-Taqsima (3.5.2). Valutazzjoni bħal din tieħu inkonsiderazjoni kull għajnuna għas-salvataġġ mogħtija qabel.

3.5.2.1.   Il-kontribuzzjoni proprja

62.

Kontribuzzjoni sinifikanti (35) lejn ir-ristrutturar hija meħtieġa mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-azzjonisti jew il-kredituri tiegħu jew il-grupp tan-negozju li jagħmel parti minnu, jew minn investituri ġodda. Tali kontribuzzjoni proprja għandha tkun normalment komparabbli mal-għajnuna mogħtija f’termini ta’ effetti fuq il-pożizzjoni ta’ solvenza jew ta’ likwidità tal-benefiċjarju. Pereżempju, meta l-għajnuna li għandha tingħata ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju, il-kontribuzzjoni proprja għandha bl-istess mod tinkludi miżuri li jsaħħu l-ekwità, bħall-ġbir ta’ ekwita ġdida mingħand l-azzjonisti eżistenti, it-tnaqqis tad-dejn eżistenti u tan-noti kapitali jew il-konverżjoni tad-dejn eżistenti għal ekwità, jew il-ġbir ta’ ekwità esterna ġdida bit-termini tas-suq. Il-Kummissjoni se tqis sa fejn l-effett tal-kontribuzzjoni proprja jista’ jiġi pparagunat mal-għajnuna mogħtija meta tiġi vvalutata l-firxa tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni skont il-punt 90.

63.

Il-kontribuzzjonijiet iridu jkunu reali, jiġifieri fattwali, u jkunu jeskludu l-profitti futuri mistennija bħall-fluss tal-flus kif ukoll iridu jkunu kemm jista’ jkun għoljin. Kontribuzzjonijiet mill-Istat jew minn kumpanija pubblika jistgħu jitqiesu biss sakemm ma jkunx fihom għajnuna. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta kontribuzzjoni tkun magħmula minn entità li hija indipendenti minn awtorità li tagħti l-għajnuna (bħal bank proprjetà tal-Gvern jew kumpanija azzjonarja pubblika) u li tieħu d-deċiżjoni li tinvesti abbażi tal-interessi kummerċjali tagħha stess (36).

64.

Il-kontribuzzjonijiet proprji normalment ikunu meqjusa adegwti jekk ikunu jammontaw għal mill-inqas 50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’każijiet ta’ tbatija partikolari, li jridu jintwerew mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni li ma tilħaqx il-50 % tal-kostijiet ta’ ristrutturar, dejjem jekk l-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni jibqa’ sinifikanti.

3.5.2.2.   Il-qsim tal-piżijiet

65.

Meta jingħata appoġġ mill-Istat f’forma li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju, pereżempju meta l-Istat jagħti għotjiet, jinjetta kapital jew inaqqas id-dejn, dan jista’ jkollu l-effett li jipproteġi l-azzjonisti u l-kredituri subordinati mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom li jinvestu fil-benefiċjarju. Dan jista’ joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Konsegwentement, l-għajnuna biex tkopri t-telf għandha tingħata biss b’kundizzjonijiet li jinvolvu l-qsim adegwat tal-piżijiet mill-investituri eżistenti.

66.

Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment ifisser li l-azzjonisti eżistenti, u fejn meħtieġ il-kredituri subordinati, iridu jassorbu t-telf kollu. Il-kredituri subordinati għandhom jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf jew billi dan jiġi mibdul f’ekwità jew billi jitnaqqas il-kapital tal-istrumenti relevanti. Għalhekk, l-intervent tal-Istat għandu jsir biss wara li t-telf ikun ġie ġġustifikat u attribwit kollu għall-azzjonisti eżistenti u għad-detenturi tad-dejn subordinat (37). F’kull każ, il-ħruġ tal-flus mingħand il-benefiċjarju għal għand id-detenturi tal-ekwità jew tad-dejn subordinat għandu jiġi evitat matul il-perijodu tar-ristrutturar sa fejn ikun legalment possibbli, dejjem jekk dan ma jaffettwax b’mod sproporzjonat lil dawk li injettaw ekwità ġdida.

67.

Il-qsim adegwat tal-piżijiet ifisser ukoll li kull għajnuna mill-Istat li ttejjeb il-pożizzjoni tal-ekwità tal-benefiċjarju għandha tingħata fuq termini li jagħtu lill-Istat proporzjon raġonevoli ta’ qligħ futur għall-valur tal-ekwità tal-benefiċjarju, minħabba l-ammont ta’ ekwità tal-Istat injettat meta mqabbel mal-ekwità li jifdal tal-kumpanija wara li t-telf ikun ġie kontabbilizzat.

68.

Il-Kummissjoni tista’ tippermetti eċċezzjonijiet għall-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri stipulati fil-punt 66 meta dawn il-miżuri kieku jwasslu għal riżultati sproporzjonati. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu każijiet fejn l-amont tal-għajnuna jkun żgħir meta mqabbel mal-kontribuzzjoni proprja, jew l-Istat Membru kkonċernat juri li l-kredituri subordinati jirċievu anqas f’termini ekonomiċi skont proċedimenti ta’ insolvenza normali oħra u jekk ma tingħata l-ebda għajnuna mill-Istat.

69.

Il-Kummissjoni mhux se titlob b’mod sistematiku kontribuzzjonijiet mingħad id-detenturi ta’ dejn superjuri sabiex il-benefiċjarju jerġa’ jingħata l-pożizzjoni tal-ekwità. Madankollu, tista’ tittratta kull waħda minn dawn il-kontribuzzjonijiet bħala raġuni għal tnaqqis fil-firxa meħtieġa ta’ miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni skont il-punt 90.

3.6.   L-effetti negattivi

3.6.1.   Il-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”

70.

Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-inċentivi ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju u d-distorsjonijiet potenzjali kompetittivi, l-għajnuna għandha tingħata lill-impriżi għal operazzjoni waħda biss ta’ ristrutturar. Dan huwa magħruf bħala l-prinċipju “tal-ewwel u l-aħħar darba”. Il-bżonn ta’ impriża li tkun diġà rċeviet għajnuna skont dawn il-linji gwida, li terġa’ tirċievi aktar għajnuna ta’ din ix-xorta, juri li d-diffikultajiet tal-impriża huma ta’ natura rikorrenti, jew inkella li ma ġewx indirizzati kif suppost meta ngħatat l-għajnuna qabel. Interventi ripetuti min-naħa tal-Istat x’aktarx iwasslu għal problemi ta’ periklu morali u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li huma kuntrarji għall-interess komuni.

71.

Meta l-għajnuna ppjanata għas-salvataġġ, jew għar-ristrutturar tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, l-Istat Membru jrid jispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà rċeviet għajnuna ta’ salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ għar-ristrutturar temporanju fil-passat, inkluża kull għajnuna ta’ din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida u kull għajnuna oħra mhix notifikata (38). Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew anqas minn 10 snin (39) minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta jkun intemm il-perjodu ta’ ristrutturar jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), il-Kummissjoni ma tippermettix aktar għajnuna skont dawn il-linji gwida.

72.

Fil-każijiet li ġejjin, jiġu permessi eċċezzjonijiet għal din ir-regola:

(a)

meta l-għajnuna għar-ristrutturar issegwi l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ bħala parti minn operazzjoni waħda ta’ ristrutturar;

(b)

meta l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar ikunu ngħataw skont dawn il-linji gwida u din l-għajnuna ma tkunx ġiet segwita minn għajnuna għar-ristrutturar, jekk:

i.

b’mod raġonevoli jitqies li l-benefiċjarju jista’ jkun vijabbli fuq terminu twil meta ngħatat l-għajnuna skont dawn il-linji gwida, u

ii.

l-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar il-ġdida tkun meħtieġa wara mill-inqas ħames snin minħabba ċirkostanzi (40) mhux prevedibbli li ma jkunx responsabbli għalihom il-benefiċjarju;

(c)

f’ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli li għalihom ma jkunx responsabbli l-benefiċjarju.

73.

L-applikazzjoni tal-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba” bl-ebda mod mhi ser tkun affettwata minn bidliet fis-sjieda tal-benefiċjarju wara li tingħata l-għajnuna jew minn xi proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha l-effett li tissoda l-karta bilanċjali tiegħu, tnaqqas l-obbligazzjonijiet tiegħu jew tikkanċella d-djun ta’ qabel tiegħu, meta tkun l-istess impriża li tkompli bin-negozju.

74.

Meta grupp tan-negozju jkun irċieva għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, il-Kummissjoni normalment ma tippermettix li tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar lill-grupp innifsu jew lil xi entità li tagħmel parti mill-grupp, sakemm ma jgħaddux 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta l-perjodu ta’ ristrutturar ikun twaqqaf jew minn meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tkun twaqqfet, skont liema minn dawn ikun seħħ l-aħħar. Meta entità li tagħmel parti minn grupp ta’ negozju tkun irċeviet għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, il-grupp kollu kemm hu kif ukoll l-entitajiet l-oħra tal-grupp jibqgħu eleġibbli għall-għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar (suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn il-linji gwida), bl-eċċezzjoni tal-benefiċjarju preċedenti tal-għajnuna. L-Istati Membri jridu juru li l-ebda għajnuna mhi ser tingħadda mill-grupp jew minn entitajiet oħra tal-grupp lill-benefiċjarju preċedenti tal-għajnuna.

75.

Meta impriża takkwista l-assi ta’ impriża oħra, u b’mod partikolari waħda li tkun ġiet suġġetta għal waħda mill-proċeduri msemmija fil-punt 73 jew għal proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza mibdijin skont il-liġi nazzjonali u li tkun diġà rċeviet għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, ix-xerrej ma jkunx suġġett għall-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, sakemm ma jkunx hemm kontinwità ekonomika bejn l-impriża l-ġdida u x-xerrej (41).

3.6.2.   Miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

76.

Meta tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar iridu jittieħdu miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tan-negozjar jiġu minimizzati kemm jista’ jkun, u l-effetti pożittivi jisbqu kull effett negattiv. Il-Kummissjoni tivvaluta, għal miżuri bħal dawn, il-forma u l-kamp ta’ applikazzjoni adegwati skont din it-taqsima (3.6.2).

3.6.2.1.   In-natura u l-forma ta’ miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

77.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 84, il-miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġeneralment jieħdu l-forma ta’ miżuri strutturali. F’każijiet partikolari, fejn ikun xieraq li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ taċċetta miżuri ta’ aġir, apparti dawk stipulati fil-punt 84, jew miżuri ta’ ftuħ tas-suq minflok wħud mill-miżuri strutturali jew minflok il-miżuri strutturali kollha, li kieku jkunu meħtieġa.

Il-miżuri strutturali – iċ-ċessjonijiet u t-tnaqqis fl-attivitajiet tan-negozju

78.

Abbażi ta’ valutazzjoni f’konformità mal-kriterji għall-kalibrazzjoni tal-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (stipulati fit-taqsima 3.6.2.2), l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna għar-ristrutturar jistgħu jintalbu jċedu l-assi jew inaqqsu l-kapaċità jew il-preżenza fis-suq. Miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu, b’mod partikolari, fis-suq jew fis-swieq fejn l-impriża jkollha pożizzjoni sinifikanti fis-suq wara r-ristrutturar, partikolarment dawk fejn ikun hemm kapaċità żejda sinifikanti. Iċ-ċessjonijiet biex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għandhom isiru mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-tipi ta’ assi li jiġu ċeduti u kull ostakolu għaċ-ċediment tagħhom (42), u f’kull każ għal kemm idum il-pjan ta’ ristrutturar. Iċ-ċessjonijiet, it-tħassir u t-twaqqif tal-attivitajiet li jagħmlu t-telf li f’ċertu punt ikunu neċessarji biex jirkupraw il-vijabbiltà fuq terminu twil ġeneralment ma jkunux ikkunsidrati bħala biżżejjed abbażi tal-prinċipji stipulati fit-taqsima 3.6.2.2 li jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

79.

Sabiex miżuri bħal dawn isaħħu l-kompetizzjoni u jikkontribwixxu għas-suq intern, dawn għandhom jiffavorixxu d-dħul ta’ kompetituri ġodda, l-espansjoni ta’ kompetituri żgħar eżistenti jew l-attività transfruntiera. It-tnaqqis fl-infiq fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u l-frammentazzjoni tas-suq intern għandhom jiġu evitati.

80.

Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma għandhomx iwasslu għal deterjorament fl-istruttura tas-suq. Il-miżuri strutturali għandhom għalhekk normalment jieħdu forma ta’ ċessjonijiet abbażi tal-avvjament ta’ negozji vijabbli u indipendenti li, jekk jiġu operati minn xerrej xieraq, ikunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv fit-tul. F’każ li entità bħal din ma tkunx disponibbli, il-benefiċjarju jista’ jikkonċedi u sussegwentement iċedi attività eżistenti u ffinanzjata kif xieraq, filwaqt li joħloq entità ġdida u vijabbli li tkun tista’ tikkompeti fis-suq. Il-miżuri strutturali li jieħdu forma ta’ ċessjoni tal-assi biss u ma jinvolvux il-ħolqien ta’ entità vijabbli li tkun tista’ tikkompeti fis-suq, huma anqas effettivi biex jippreservaw il-kompetizzjoni u għaldaqstant jiġu aċċettati biss f’każijiet eċċezzjonali fejn l-Istati Membri kkonċernati juru li l-ebda forma oħra ta’ miżuri strutturali ma tkun fattibbli jew li miżuri strutturali oħrajn ixekklu serjament il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża.

81.

Il-benefiċjarju għandu jiffaċilita ċ-ċessjonijiet, pereżempju permezz tad-delimitazzjoni tal-attivitajiet u billi jaqbel li ma jiħux il-klijenti tan-negozju ċedut.

82.

Fejn jidher li jista’ jkun diffiċli biex jinstab xerrej għall-assi li benefiċjarju jkun qed jipproponi li jċedi, ikun meħtieġ, hekk kif dawn id-diffikultajiet ikunu evidenti, li jiġu identifikati ċessjonijiet jew miżuri oħra li jistgħu jittieħdu fir-rigward tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati jekk iċ-ċessjoni primarja ma tirnexxix.

Il-miżuri ta’ mġiba

83.

Il-miżuri ta’ mġiba jimmiraw li jiżguraw li l-għajnuna tintuża biss biex tiffinanzja r-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul u li din ma tiġix abbużata biex jittawlu distorsjonijiet fl-istruttura tas-suq li jkunu serji u persistenti jew biex il-benefiċjarju jiġi protett mill-kompetizzjoni sana.

84.

Il-miżuri ta’ mġiba li ġejjin għandhom jiġu applikati fil-każijiet kollha sabiex jiġi evitat li l-effetti tal-miżuri strutturali jiddgħajfu, u, fil-prinċipju, għandhom jiġu imposti għal kemm idum il-pjan ta’ ristrutturar:

(a)

Il-benefiċjarji jridu jintalbu jieqfu milli jakkwistaw ishma fi kwalunkwe kumpanija waqt il-perjodu ta’ ristrutturar, ħlief meta dan ikun indispensabbli biex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-għajnuna tintuża biex ikun hemm ritorn lejn il-vijabbiltà u mhux biex jiġu ffinanzjati l-investimenti jew biex tiġi estiża l-preżenza tal-benefiċjarju fi swieq eżistenti jew ġodda. Ladarba ssir notifika, kull akkwiżizzjoni bħal din tista’ tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar;

(b)

Il-benefiċjarji għandhom jintalbu jieqfu jippubbliċizzaw l-appoġġ mill-Istat bħala vantaġġ kompetittiv meta jkunu qed jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom.

85.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jkun meħtieġ li l-benefiċjarji jintalbu biex ma jadottawx komportament kummerċjali li jkollu l-għan li jespandi malajr s-sehem tas-suq tagħhom marbut ma’ prodotti jew swieq ġeografiċi speċifiċi billi joffru kundizzjonijiet (pereżempju fir-rigward ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet kummerċjali oħrajn) li ma jistgħux jiġu offruti minn kompetituri li ma jingħatawx għajnuna mill-Istat. Restrizzjonijiet bħal dawn jiġu applikati biss fejn ma jkunx hemm rimedju ieħor, kemm strutturali u kemm ta’ mġiba, li jista’ jindirizza b’mod adegwat id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni identifikati u fejn miżura bħal din fiha nnifisha ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni tas-suq ikkonċernat. Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni ser tqabbel il-kundizzjonijiet offruti mill-benefiċjarju ma’ dawk offruti minn kompetituri kredibbli li jkollhom porzjon sostanzjali tas-suq.

Il-miżuri ta’ ftuħ fis-suq

86.

Fil-valutazzjoni ġenerali tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra l-obbligi possibbli mill-Istat Membru marbutin mal-adozzjoni ta’ miżuri, jew mill-Istat Membru nnifsu jew mill-benefiċjarju, li jkunu mmirati biex jippromwovu swieq aktar miftuħin, sodi u kompetittivi, pereżempju billi jiffavorixxu d-dħul u l-ħruġ. Dan jista’ jinkludi, b’mod partikolari, miżuri biex jinfetħu ċerti swieq li huma direttament jew indirettament marbutin mal-attivitajiet tal-benefiċjarju għal operaturi oħra tal-Unjoni, skont id-dritt tal-Unjoni. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jissostitwixxu miżuri oħrajn li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li normalment jintalbu mingħand il-benefiċjarju.

3.6.2.2.   Il-kalibrazzjoni ta’ miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

87.

Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jindirizzaw kemm it-tħassib dwar il-perikli morali u kemm id-distorsjonijiet possibbli fis-swieq fejn jopera l-benefiċjarju. Il-firxa ta’ dawn il-miżuri tiddependi fuq diversi fatturi, bħalma huma b’mod partikolari: d-daqs u n-natura tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi taħt liema ngħatat; id-daqs (43) u l-importanza relattiva tal-benefiċjarju fis-suq u l-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat; u kemm jibqa’ tħassib dwar il-perikolu morali wara l-applikazzjoni ta’ miżuri dwar il-kontribuzzjoni proprja u l-qsim tal-piżijiet.

88.

B’mod partikolari l-Kummissjoni tieħu inkonsiderazjoni d-daqs fejn xieraq, permezz ta’ approssimazzjonijiet, u n-natura tal-għajnuna, kemm f’termini assoluti u kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-assi tal-benefiċjarju u mad-daqs tas-suq kollu.

89.

Rigward id-daqs u l-importanza relattiva tal-benefiċjarju fis-suq jew fis-swieq tiegħu, kemm qabel u kemm wara r-ristrutturar, il-Kummissjoni se tivvalutahom sabiex tevalwa l-effetti probabbli tal-għajnuna f’dawn is-swieq meta mqabbla mar-riżultati li probabbli joħorġu li kieku ma tingħatax l-għjanuna mill-Istat. Il-miżuri se jkunu mfasslin apposta għall-karatteristiċi (44) tas-suq biex jiġi żgurat li tinżamm il-kompetizzjoni effikaċi.

90.

Rigward it-tħassib dwar il-perikli morali, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-livell tal-kontribuzzjoni proprja u tal-qsim tal-piżijiet. Gradi ogħla tal-kontribuzzjoni proprja u tal-qsim tal-piżijiet minn dawk meħtieġa fit-taqsima 3.5.2, billi jiġi limitat l-ammont ta’ għajnuna u ta’ periklu morali, jistgħu jnaqqsu l-firxa tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

91.

Minħabba li l-attivitajiet ta’ ristrutturar jistgħu jheddu li jdgħajfu s-suq intern, miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jgħinu biex jiżguraw li s-swieq nazzjonali jibqgħu miftuħin u kuntestabbli ser jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv.

92.

Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ma għandhomx jikkompromettu l-prospetti tar-ritorn tal-benefiċjarju lejn il-vijabbiltà, li jista’ jkun il-każ jekk miżura tqum ħafna flus biex tiġi implimentata jew, f’każijiet eċċezzjonali tkun sostanzjata kif suppost mill-Istat Membru kkonċernat, jekk tnaqqas l-attività tal-benefiċjarju sal-punt li r-ritorn tiegħu lejn il-vijabbiltà jiġi kompromess, u lanqas m’għandhom jiġu askapitu tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni.

93.

L-għajnuna biex jitkoprew il-kostijiet soċjali tar-ristrutturar tat-tip deskritt fil-punti 32 sa 35 trid tkun identifikata b’mod ċar fil-pjan ta’ ristrutturar, billi l-għajnuna għall-miżuri soċjali esklużivament għall-benefiċċju tal-impjegati li jingħataw is-sensja mhix ser tiġi kkunsidrata bl-iskop li tiġi ddeterminata l-firxa tal-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għall-ġid ta’ kulħadd, il-Kummissjoni ser tiżgura, fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturar li l-effetti soċjali tar-ristrutturar, fl-Istati Membri apparti dak li jagħti l-għajnuna, jinżammu f’livell minimu.

3.6.3.   Il-benefiċjarji għajnuna preċedenti illegali

94.

Fejn qabel tkun ingħatat għajnuna mhux skont il-liġi lill-impriża f’diffikultà, li fir-rigward tagħha l-Kummisjoni tkun adottat deċiżjoni negattiva b’ordni ta’ rkupru, u fejn dan l-irkupru ma jkunx sar bil-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (45), il-valutazzjoni ta’ kull għajnuna li skont dawn il-linji gwida għandha tingħata lill-istess impriża għandha tieħu inkonsiderazzjoni l-ewwel nett tal-effett kumulattiv tal-għajnuna li ngħatat qabel kif ukoll tal-għajnuna l-ġdida, u t-tieni l-fatt li l-għajnuna li ngħatat qabel ma tkunx tħallset lura (46).

3.6.4.   Il-kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-approvazzjoni tal-għajnuna

95.

Il-Kummissjoni tista’ timponi kwalunkwe kundizzjoni u obbligu li tikkunsidra neċessarji biex tiżgura li l-għajnuna ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni sa punt li jmur kontra l-interess komuni, fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-obbligu li jadotta dispożizzjonijiet bħal dawn. Pereżempju, tista’ tirrikjedi li l-Istat Membru jieħu ċerti miżuri hu stess, jew jimponi ċerti obbligi fuq il-benefiċjarju, jew jieqaf milli jagħti tipi oħra ta’ għajnuna lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta’ ristrutturar.

3.7.   It-trasparenza

96.

L-Istati Membri jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, f’livell nazzjonali jew reġjonali:

it-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna approvata jew id-deċiżjoni individwali għall-għoti tal-għajnuna u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew ħolqa għaliha.

l-identità tal-awtorità/jiet tal-għotja,

l-identità tal-benefiċjarji individwali, il-forma u l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju, id-data tal-għotja, it-tip tal-impriża (SME/kumpanija kbira), ir-reġjun li fiħ jinsab il-benfiċjarju (fil-Livell II tal-NUTS) u s-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp NACE) (47).

Rekwiżit bħal dan jista’ jiġi rrinunzjat fir-rigward ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali li ma jaqbżux il-EUR 500 000 (EUR 60 000 għal benefiċjarji li huma attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja). Għal skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċju fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar l-ammonti (48) ta’ għajnuna individwali tista’ tiġi pprovduta fil-firxiet li ġejjin (f’EUR miljuni): [0,06 – 0,5] (għall-benefiċjarji attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja); [0,5–1]; [1–2]; [2–5]; [5–10]; [10–30]; [30 u aktar].

Din l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li d-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna tkun ittieħdet, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli mingħajr restrizzjonijiet għall-pubbliku ġenerali (49). L-Istati Membri mhux se jkunu obbligati li jippubblikaw l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta’ Lulju 2016 (50).

4.   L-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR F’ŻONI MEGĦJUNA

97.

Il-koeżjoni ekonomika u soċjali hija objettiv prijoritarju tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 174 tat-Trattat, u għal dan l-għan huwa meħtieġ li politiki oħra jikkontribwixxu skont l-Artikolu 175 (51). Il-Kummissjoni għaldaqstant se tieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-iżvilupp reġjonali meta tivvaluta l-għajnuna għar-ristrutturar f’żoni megħjuna. Il-fatt li impriża f’diffikultà tinsab f’żona megħjuna madankollu, ma jiġġustifikax approċċ permissiv fl-għajnuna għar-ristrutturar: fuq perjodu taż-żmien medju u twil, reġjun ma jiġix megħjun billi l-kumpaniji jiġu sostnuti b’mod artifiċjali. Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss l-iżvilupp reġjonali huwa fl-aħjar interess tar-reġjun stess li japplika r-riżorsi tiegħu b’tali mod li jiġu żviluppati l-attivitajiet li huma vijabbli u sostenibbli. Fl-aħħar nett, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jiġu minimizzati anki fil-każ tal-għajnuna lill-impriżi f’żoni megħjuna. F’dan il-kuntest, iridu jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti negattivi possibbli ta’ riperkussjoni li jistgħu jseħħu fiż-żona kkonċernata u f’żoni oħra megħjuna.

98.

Għaldaqstant, il-kriterji elenkati fil-Kapitolu 3 huma applikabbli bl-istess mod għaż-żoni megħjuna, anki meta jitqiesu l-bżonnijiet għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu, fiż-żoni megħjuna, u sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’settur partikolari, il-Kummissjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tat-taqsima 3.6.2 dwar il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex jiġu limitati l-impatti sistemiċi negattivi għar-reġjun. Dan jista’ jinvolvi, b’mod partikolari, rekwiżiti inqas restrinġenti f’termini ta’ tnaqqis fil-kapaċità jew ta’ preżenza fis-suq. F’każijiet bħal dawn issir distinzjoni bejn iż-żoni li huma eleġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat u dawk li huma eleġibbli skont l-Artikolu 107(3)(c), biex jiġu kkunsidrati l-problemi reġjonali l-aktar gravi fiż-żoni ta’ qabel. Meta ċ-ċirkostanzi speċifiċi taż-żoni megħjuna jirrikjedu li jsir dan, pereżempju fejn benefiċjarju jaffaċċja diffikultajiet partikolari biex jiġbor finanzi ġodda minħabba li jkun jinsab f’żoni megħjuna, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni li tkun anqas minn 50 % tal-kostijiet ta’ ristrutturar skont il-punt 64].

5.   L-GĦAJNUNA LILL-FORNITURI TAS-SIEĠ F’DIFFIKULTÀ

99.

Fil-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat lill-fornituri tas-SIEĠ f’diffikultà, il-Kummissjoni tikkunsidra n-natura speċifika tas-SIEĠ u, b’mod partikolari, l-bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità fis-servizz skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

100.

Il-fornituri tas-SIEĠ jistgħu jitolbu l-għajnuna mill-Istat sabiex ikomplu jipprovdu s-SIEĠ b’kundizzjonijiet li jkunu kumpatibbli mal-vijabbiltà tagħhom fuq terminu twil. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-punt 47, ir-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul jista’ jkun ibbażat b’mod partikolari fuq is-suppożizzjoni li kull għajnuna mill-Istat li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà tal-Qafas tas-SIEĠ (52), tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ (53), tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament u tal-Kunsill (54), tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill (55), u tal-Linji gwida dwar l-Avjazzjoni (56) jew tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 (57) u tal-Linji Gwida Marittimi (58), se tibqa’ disponibbli għal kemm idum l-inkarigu fis-seħħ qabel il-perjodu ta’ ristruttturar jew matulu.

101.

Meta l-Kummissjoni tivvaluta l-għajnuna lill-fornituri tas-SIEĠ f’diffikultà skont dawn il-linji gwida, hija ser tikkunsidra l-għajnuna kollha mill-Istat li tkun ingħatat lill-fornitur inkwistjoni, inkluż kwalunkwe kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. Madankollu, billi l-fornituri tas-SIEĠ jistgħu jġibu porzjon kbir mid-dħul normali tagħhom mill-kumpens tas-servizzi pubbliċi, l-ammont totali tal-għajnuna ddeterminat b’dan il-mod jista’ jkun kbir ħafna meta mqabbel mad-daqs tal-benefiċjarju u dan, rigward ir-ristrutturar tiegħu, jista’ jagħti sovrastima tal-piż li jiswa lill-Istat. Għaldaqstant, meta tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni proprja meħtieġa fit-taqsima 3.5.2.1, il-Kummissjoni ser tinjora kwalunkwe kumpens tas-servizz pubbliku li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kumpatibbiltà tal-Qafas tas-SIEĠ, tad-Deċiżjoni dwar is-SIEĠ jew tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jew tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, jew ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 u l-Linji Gwida Marittimi.

102.

Sakemm l-assi jkunu neċessarji biex jiġu fornuti s-SIEĠ, jista’ ma jkunx prattikabbli li tintalab iċ-ċessjoni ta’ assi bħal dawn permezz ta’ miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għall-finijiet tat-taqsima 3.6.2. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ titlob li jittieħdu miżuri alternattivi biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma tiġix mgħawġa b’tali mod li tmur kontra l-interess komuni, b’mod partikolari billi tiġi introdotta, malajr kemm jista’ jkun, il-kompetizzjoni ġusta għas-SIEĠ inkwistjoni.

103.

Meta fornitur tas-SIEĠ ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta’ dawn il-linji gwida, l-għajnuna inkwistjoni ma titqiesx kumpatibbli. F’każijiet bħal dawn madankollu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-ħlas ta’ għajnuna bħal din skont il-ħtieġa, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-SIEĠ, sakemm fornitur ġdid jingħata s-servizz. Il-Kummissjoni tawtorizza biss l-għajnuna meta l-Istat Membru kkonċernat juri, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, li l-għajnuna hija strettament limitata għall-ammont u t-tul taż-żmien indispensabbli sabiex fornitur ġdid jingħata s-servizz.

6.   L-ISKEMI TA’ GĦAJNUNA GĦAL AMMONTI IŻGĦAR TA’ GĦAJNUNA U BENEFIĊJARJI IŻGĦAR

6.1.   Il-kundizzjonijiet ġenerali

104.

Jekk l-Istati Membri jixtiequ jipprovdu għajnuna skont dawn il-linji gwida lill-SMEs jew lil impriżi pubbliċi iżgħar, din l-għajnuna għandha normalment tingħata taħt skemi. L-użu tal-iskemi jgħin sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni marbuta mal-periklu morali, billi jippermetti lil Stat Membru biex jagħmel stqarrija ċara ex ante dwar liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiddeċiedi li jagħti l-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà.

105.

L-iskemi jridu jispeċifikaw l-ammont massimu ta’ għajnuna li tista’ tingħata lil impriża partikolari bħala parti minn operazzjoni biex tingħata l-għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, inkluż meta l-pjan ikun immodifikat. L-ammont totali massimu ta’ għajnuna mogħti lil kull impriża ma jistax ikun aktar minn EUR 10 miljun, inkluża kull għajnuna li tinkiseb minn sorsi oħra jew skemi oħra.

106.

Għalkemm il-kompatibilità ta’ dawn l-iskemi ġeneralment tiġi vvalutata abbażi tal-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli 3, 4 u 5, huwa xieraq li f’ċerti rigwardi jiġu previsti kondizzjonijiet issimplifikati, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw dawn il-kundizzjonijiet mingħajr mal-Kummissjoni tkompli tiġi riferuta, u sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-SMEs u impriżi pubbliċi iżgħar li jridu jagħtu l-informazzjoni meħtieġa. Minħabba d-daqs żgħir tal-ammonti ta’ għajnuna u l-benefiċjarji involuti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-potenzjal ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni huwa aktar limitata f’dawn il-każijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 3, 4 u 5 japplikaw għal dawn l-iskemi mutatis mutandis, ħlief meta stipulat mod ieħor fit-Taqsimiet 6.2, 6.3, 6.4 u 6.5. Dan il-kapitolu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar u dwar it-tul ta’ żmien u l-evalwazzjoni tal-iskemi.

6.2.   Għan ta’ interess komuni

107.

Filwaqt li l-falliment ta’ SME individwali (59) x’aktarx ma jinvolvix il-livell ta’ tbatija soċjali jew il-falliment tas-suq meħtieġ għall-finijiet tal-punt 44, hemm tħassib akbar b’rabta mal-SMEs minħabba li l-valur jista’ jintilef meta l-SMEs li jkollhom il-potenzjal li jirristrutturaw, biex b’hekk jerġgħu jsiru vijabbli fit-tul, ma jkollhomx iċ-ċans li jagħmlu dan minħabba problemi ta’ likwidità. Għaldaqstant, fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna skont skemi, huwa biżżejjed li Stat Membru juri li l-falliment tal-benefiċjarju x’aktarx jinvolvi tbatija soċjali jew il-falliment tas-suq, b’mod partikolari li:

(a)

il-ħruġ ta’ SME innovattiva jew SME b’potenzjal għoli ta’ tkabbir jista’ potenzjalment ikollu konsegwenzi negattivi;

(b)

il-ħruġ ta’ impriża b’rabtiet estensivi ma’ impriżi lokali jew reġjonali oħra, partikolarment SMEs oħra; jista’ potenzjalment ikollu konsegwenzi negattivi;

(c)

il-falliment jew l-inċentivi avversi tas-swieq tal-kreditu jġiegħlu impriża, li altrimenti tkun vijabbli, biex tfalli; jew

(d)

se jinqalgħu sitwazzjonijiet simili ta’ tbatija li jrid jerfagħhom il-benefiċjarju.

108.

B’deroga mill-punt 50, il-benefiċjarji fl-iskemi mhux se jkunu meħtieġa li jippreżentaw stħarriġ tas-suq.

6.3.   L-adegwatezza

109.

Ir-rekwiżit stipulat fil-punt 55(d) jiġi kkunsidrat milħuq dejjem jekk l-għajnuna għas-salvataġġ tingħata għal mhux aktar minn sitt xhur, tul liema perjodu għandha ssir analiżi dwar il-pożizzjoni tal-benefiċjarju. Qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu:

(a)

l-Istat Membru jrid japprova pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ likwidazzjoni, jew

(b)

il-benefiċjarju jrid jissottometti pjan ta’ ristrutturar issimplifikat, skont il-punt 115, jew

(c)

is-self irid jiġi rimborżat jew titwaqqaf il-garanzija.

110.

B’deroga mill-punt 57, l-Istati Membri mhux ser ikunu meħtieġa li jivvalutaw jekk ir-remunerazzjoni stabbilita skont il-punt 56 tirrappreżentax parametru referenzjarju xieraq.

6.4.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna/l-għajnuna limitata għall-minimu

111.

B’deroga mill-punt 64, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li kontribuzzjoni proprja tkun adegwata jekk tammonta għal mill-inqas 40 % tal-kostijiet għar-ristrutturar fil-każ ta’ impriżi ta’ daqs medju, jew għal 25 % tal-kostijiet għar-ristrutturar fil-każ ta’ impriżi żgħar.

6.5.   L-effetti negattivi

112.

Stat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar, irid jivverifika jekk jitħarisx il-prinċipju“tal-ewwel u tal-aħħar darba” stipulat fit-Taqsima 3.6.1. Għal dan l-għan, l-Istat Membru jrid jispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà rċeviet għajnuna ta’ salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar fl-imgħoddi, inkluża kull għajnuna ta’ din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida u kull għajnuna oħra mhix notifikata. Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew anqas minn 10 snin (60) minn meta tkun ingħatat l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jew minn meta jkun intemm il-perjodu ta’ ristrutturar jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), ma tistax tingħata aktar għajnuna għas-salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar ħlief:

(a)

meta l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jingħata bħala għajnuna għas-salvataġġ bħala parti minn operazzjoni waħda ta’ ristrutturar;

(b)

meta l-għajnuna għar-ristrutturar tingħata bħala għajnuna għas-salvataġġ jew appoġġ temporanju għar-ristrutturar bħala parti minn operazzjoni waħda ta’ ristrutturar;

(c)

meta l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-appoġġ temporanju għar-ristrutturar ikunu ngħataw skont dawn il-linji gwida u din l-għajnuna ma tkunx ġiet segwita minn għajnuna għar-ristrutturar, jekk:

i.

b’mod raġonevoli jitqies li l-benefiċjarju jista’ jkun vijabbli fuq terminu twil meta ngħatat l-għajnuna skont dawn il-linji gwida, u

ii.

għajnuna ġdida għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar jew appoġġ ġdid temporanju għar-ristrutturar, ikunu meħtieġa wara mill-inqas ħames snin minħabba ċirkostanzi mhux prevedibbli li għalihom ma jkunx responsabbli l-benefiċjarju;

(d)

iċ-ċirkostanzi jkunu eċċezzjonali u imprevedibbli u ma jkunx responsabbli għalihom il-benefiċjarju.

113.

Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni x’aktarx ikollhom impatt sproporzjonat fuq l-impriżi ż-żgħar, b’mod partikolari minħabba l-piż li fihom dawn il-miżuri biex jitwettqu. Għalhekk, b’deroga mill-punt 76, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jesiġu miżuri bħal dawn minn impriżi żgħar, ħlief meta jkun stipulat mod ieħor mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’settur partikolari. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar normalment ma għandhomx iżidu l-kapaċità tagħhom waqt il-perjodu ta’ ristrutturar.

6.6.   Appoġġ temporanju għar-ristrutturar

114.

F’ċerti każijiet, jista’ jkun possibbli għal impriża li tlesti r-ristrutturar mingħajr ma tkun teħtieġ l-għajnuna għar-ristrutturar, dejjem jekk jirnexxielha tikseb appoġġ itwal ta’ likwidità minn dak li jkun disponibbli bil-kundizzjonijiet tal-għajnuna għas-salvataġġ. L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu skemi li jippermettu l-appoġġ ta’ likwidità għal perjodu itwal minn sitt xhur (imsejjaħ “appoġġ temporanju għar-ristrutturar”), bil-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.

115.

L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar irid jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-appoġġ għandu jikkonsisti minn għajnuna f’forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self.

(b)

Il-kost finanzjarju tas-self jew, fil-każ tal-garanziji ta’ self, il-kost finanzjarju totali tas-self garantit, inkluża r-rata ta’ mgħax tas-self u l-primjum tal-garanzija, iridu jkunu konformi mal-punt 116.

(c)

L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar irid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 ta’ dawn il-linji gwida, kif immodifikati minn dan il-Kapitolu.

(d)

L-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jista’ jingħata għal perjodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar, filwaqt li jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta’ għajnuna għas-salvataġġ. Qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu:

i.

l-Istat Membru jrid japprova pjan ta’ ristrutturar kif previst fil-punt 55(d)(ii) ta’ hawn fuq, jew pjan ta’ likwidazzjoni, jew

ii.

is-self irid jiġi rimborżat jew titwaqqaf il-garanzija.

(e)

Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju, filwaqt li jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta’ għajnuna għas-salvataġġ, l-Istat Membru jrid japprova pjan ta’ ristrutturar issimplifikat. Dan il-pjan ma hemmx għalfejn jinkludi l-elementi kollha stipulati fil-punti minn 47 sa 52, iżda jrid tal-anqas jidentifika l-azzjonijiet li l-benefiċjarju jrid jieħu biex jerġa’ jsir vijabbli fit-tul mingħajr l-appoġġ tal-Istat.

116.

Ir-remunerazzjoni għall-appoġġ temporanju għar-ristrutturar għandha tiġi stabbilita għal rata li ma tkunx aktar baxxa mir-rata ta’ referenza stipulata fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza u ta’ skont (61) għal impriżi dgħajfa li joffru livelli normali ta’ kollateralizzazzjoni (bħalissa IBOR ta’ sena flimkien ma’ 400 punt bażi) (62). Biex jiġu pprovduti inċentivi għall-ħruġ, ir-rata għandha tiżdied b’mhux inqas minn 50 punt bażi ladarba jkunu għaddew 12-il xahar minn meta jkun seħħ l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali lill-benefiċjarju (jitnaqqas kull perjodu immedjatament preċedenti ta’ għajnuna għas-salvataġġ).

117.

L-għajnuna għas-salvataġġ trid tkun ristretta għall-ammont meħtieġ sabiex il-benefiċarju jibqa’ bin-negozju għal 18-il-xahar, u sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont għandu jingħata importanza r-riżultat tal-formula stipulata fl-Anness 1; kull għajnuna li taqbeż ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu se tiġi awtorizzata biss jekk tkun iġġustifikata b’mod adegwat billi jingħata pjan ta’ likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-benefiċjarju għat-18-il-xahar li ġejjin.

6.7.   It-tul ta’ żmien u l-evalwazzjoni

118.

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jillimitaw it-tul ta’ żmien ta’ ċerti skemi (normalment għal erba’ snin jew anqas) u biex iwettqu evalwazzjoni ta’ dawn l-iskemi.

119.

Se jkunu meħtieġa evalwazzjonijiet għal skemi fejn id-distorsjonijiet potenzjali jkunu partikolarment għoljin, jiġifieri skemi fejn ikun hemm riskju ta’ restrizzjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni jekk l-implimentazzjoni tagħhom ma tiġix rieżaminata f’waqtha.

120.

Minħabba l-objettivi u sabiex ma jiġux imposti piżijiet sproporzjonati fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ proġetti ta’ għajnuna iżgħar, dan japplika biss għal skemi ta’ għajnuna li jkollhom baġits kbar jew li jkollhom karatteristiċi ġodda, jew meta jkunu antiċipati bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew bidliet regolatorji. L-evalwazzjoni trid ssir minn espert indipendenti mill-awtorità tal-Istat li tawtorizza l-għajnuna, abbażi ta’ metodoloġija komuni (63), u trid ssir pubblika. L-evalwazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni f’waqtha sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni dwar il-possibilità ta’ estensjoni tal-iskema tal-għajnuna, u f’kull każ meta tiskadi l-iskema. Il-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-evalwazzjoni u kif għandha ssir jiġu ddefiniti fid-deċiżjoni li tapprova l-miżura ta’ għajnuna. Kull miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili trid tieħu inkonsiderazzjoni r-riżultati tal-evalwazzjoni.

7.   IL-PROĊEDURI

7.1.   Il-proċedura aċċellerata għall-għajnuna għas-salvataġġ

121.

Sa fejn jista’ jkun possibbli, il-Kummissjoni ser tistinka biex tieħu deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahar fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ li tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-Kapitolu 3 u mar-rekwiżiti kumulattivi li ġejjin:

(a)

l-għajnuna għas-salvataġġ tkun limitata għall-ammont li jirriżulta mill-formula stipulata fl-Anness I u ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun;

(b)

l-għajnuna ma tingħatax fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 72(b) jew (c).

7.2.   Il-proċeduri relatati mal-pjanijiet ta’ ristrutturar

7.2.1.   L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

122.

Il-benefiċjarju jrid jimplimenta kompletament il-pjan ta’ ristrutturar u jrid josserva kull obbligu ieħor stipulat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għajnuna. Il-Kummissjoni tikkunsidra bħala użu skorrett tal-għajnuna kull nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-pjan jew meta ma jitwettqux l-obbligi l-oħra, mingħajr ħsara għall-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jew għall-possibbiltà ta’ azzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

123.

Fejn l-operazzjonijiet ta’ ristrutturar ikopru diversi snin u jinvolvu ammonti sostanzjali ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ titlob li l-ħlas tal-għajnuna għar-ristrutturar jinqasam fi ħlasijiet parzjali u kull ħlas parzjali jista’ jsir suġġett għal:

(a)

konferma, qabel kull ħlas, tal-implimentazzjoni sodisfaċenti ta’ kull stadju fil-pjan ta’ ristrutturar, skont l-iskeda ppjanata; jew

(b)

l-approvazzjoni tiegħu, qabel kull ħlas, wara verifika li l-pjan ikun qed jiġi implimentat b’mod sodifaċenti.

7.2.2.   L-emenda tal-pjan ta’ ristrutturar

124.

Fejn l-għajnuna għar-ristrutturar tkun ġiet approvata, l-Istat Membru kkonċernat jista’, waqt il-perjodu ta’ ristrutturar, jitlob lill-Kummissjoni tapprova l-bidliet fil-pjan ta’ ristrutturar u l-ammont ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni tista’ tippermetti bidliet bħal dawn meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-pjan rivedut xorta jrid ikun juri ritorn lejn il-vijabbiltà fuq perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(b)

jekk l-ispejjeż ta’ ristrutturar jiżdiedu, il-kontribuzzjoni proprja trid tiżdied b’mod korrispondenti;

(c)

jekk l-ammont ta’ għajnuna jiżdied, il-miżuri biex jillimitaw d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu aktar estensivi minn dawk imposti inizjalment;

(d)

jekk il-miżuri proposti biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu iktar limitati minn dawk imposti inizjalment, l-ammont ta’ għajnuna jrid jitnaqqas b’mod korrispondenti;

(e)

l-iskeda l-ġdida għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni tista’ tiġi ttardjata fir-rigward tal-iskeda adottata inizjalment għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-benefiċjarju jew tal-Istat Membru biss: jekk dan ma jkunx il-każ, l-amont tal-għajnuna għandha titnaqqas b’mod korrispondenti.

125.

Jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni jew l-obbligi mogħtija mill-Istat Membru ma jibqgħux daqstant restrinġenti, l-ammont tal-għajnuna għandu jitnaqqas b’mod korrispondenti jew jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet oħra.

126.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat jintroduċi bidliet fi pjan ta’ ristrutturar approvat mingħajr ma jinforma lill-Kummissjoni kif xieraq, jew jekk il-benefiċjarju ma jimxix mal-pjan ta’ ristrutturar approvat, il-Kummissjoni tibda l-proċedimenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat, kif inhu previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (l-użu skorrett tal-għajnuna), mingħajr ħsara għall-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u għall-possibbiltà ta’ azzjoni fil-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tat-Trattat.

7.2.3.   Il-bżonn li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b’kull għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta’ ristrutturar

127.

Meta l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi eżaminata skont dawn il-linji gwida, l-għoti ta’ kull għajnuna oħra tul il-perjodu ta’ ristrutturar, anki jekk ikun skont skema li diġà tkun ġiet awtorizzata, għandu ċans li jinfluwenza l-valutazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-firxa tal-miżuri meħtieġa biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

128.

Għaldaqstant, in-notifikazzjonijiet għall-għajnuna għar-ristruttruar iridu jindikaw kull tip ta’ għajnuna oħra li hemm ippjanata li tingħata lill-benefiċjarju tul il-perjodu ta’ ristrutturar, sakemm ma tkunx koperta mir-regola de minimis jew mir-regoli ta’ eżenzjoni. Il-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni din l-għajnuna meta tivvaluta l-għajnuna għar-ristrutturar.

129.

Kull għajnuna li tingħata tul il-perjodu ta’ ristrutturar, inkluża l-għajnuna mogħtija skont skema approvata, trid tkun innotifikata individwalment lill-Kummissjoni, saħansitra anki jekk din tal-aħħar ma tkunx ġiet infurmata dwarha fi żmien id-deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna għar-ristrutturar.

130.

Il-Kummissjoni tiżgura li l-għoti tal-għajnuna skont l-iskemi approvati ma jkunx jista’ jikkawża l-ksur tar-rekwiżiti ta’ dawn il-linji gwida.

8.   IR-RAPPURTAR U L-MONITORAĠĠ

131.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 (64), l-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti annwali lill-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti annwali jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni.

132.

Il-Kummisjoni, meta tadotta deċiżjoni skont dawn il-linji gwida, tista’ timponi obbligi addizzjonali ta’ rappurtar rigward l-għajnuna mogħtija sabiex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni li tkun approvat l-miżura tal-għajnuna tkunx ġiet rispettata. F’ċerti każijiet, il-Kummissjoni tista’ tirrikjedi l-ħatra ta’ fiduċjarju ta’ monitoraġġ, fiduċjarju ta’ ċessjoni jew it-tnejn li huma, biex jiżguraw konformità ma’ kull kundizzjoni u obbligu marbut mal-approvazzjoni tal-għajnuna.

9.   IL-MIŻURI XIERQA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 108(1) TFUE

133.

Skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom sabiex iġibuhom konformi ma’ dawn il-linji gwida sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2015. Il-Kummissjoni se tawtorizza kull skema futura skont jekk ikunx hemm konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

134.

L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għall-miżuri xierqa proposti fil-punt 133 fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ risposta minn xi Stat Membru, il-Kummissjoni tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.

10.   ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U T-TUL TA’ ŻMIEN

135.

Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-linji gwida b’effett mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2020.

136.

In-notifiki rreġistrati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Awwissu 2004 se jiġu eżaminati abbażi tal-kriterji fis-seħħ fi żmien in-notifika.

137.

Il-Kummissjoni ser teżamina l-kompatibilità mas-suq intern ta’ kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk li tkun qed tikser l-Artikolu 108(3) tat-Trattat abbażi ta’ dawn il-linji gwida jekk ftit mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

138.

Fil-każijiet l-oħra kollha, ser twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw fiż-żmien ta’ meta ngħatat l-għajnuna.

139.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-punti 136, 137, u 138, il-Kummisjoni ser tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 5 mill-1 ta’ Awwissu 2014 meta teżamina l-għajnuna lill-fornituri tas-SIEĠ f’diffikultà, irrispettivament minn meta din l-għajnuna tkun ġiet innotifikata jew mogħtija.

140.

Meta, bis-saħħa tal-paragrafu 9 tal-Qafas tas-SIEĠ, il-Kummissjoni teżamina skont dawn il-linji gwida kwalunkwe għajnuna mogħtija lil fornitur tas-SIEĠ f’diffikultà qabel il-31 ta’ Jannar 2012, se tqis li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern jekk tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Qafas tas-SIEĠ, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 9, 14, 19, 20, 24, 39 u 60.


(1)  Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 368, 23.12.1994, p. 12).

(2)  Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 283, 19.9.1997, p. 2).

(3)  Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2).

(4)  Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3).

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta’ Impriżi f’Diffikultà tal-1 ta’ Ottubru 2004 (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3).

(7)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM), COM(2012) 209 final.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 final.

(9)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: L-approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, COM(2012) 742 final. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12.3.2014 dwar approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, C(2014) 1500 final, b’mod partikolari l-Premessa 12.

(10)  Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-termini “SME”, “impriża żgħira” u “impriża ta’ daqs medju”, għandhom it-tifsira mogħtija lilhom mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36), u “impriża kbira” tfisser impriża li mhix SME.

(11)  Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn impriżi ta’ sjieda pubblika u privata, “impriżi pubbliċi iżgħar” huma unitajiet ekonomiċi b’setgħa indipendenti ta’ deċiżjoni u jikkwalifikaw bħala impriżi żgħar jew ta’ daqs medju skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE li kieku ma kienx għall-fatt li 25 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot huma direttament jew indirettament ikkontrollati, b’mod konġunt jew individwalment, minn korp pubbliku jew aktar.

(12)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa, COM(2013) 407.

(13)  Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar, p. 3.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar Għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).

(15)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 205, 2.8.2002, p. 1).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3632/93/KEFA tat-28 ta’ Diċembru 1993 li tistabbilixxi r-regoli tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 12).

(18)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet N 175/2010 — is-Slovenja, SA.33013 — il-Polonja, N 708/2007 — il-Ġermanja, SA.33033 — ir-Rumanija u SA.33861 — l-Ungerija.

(19)  Kif definit fid-Deċiżjoni 2010/787/UE.

(20)  Kif inhu definit fl-Anness IV tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).

(21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar il-Banek”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(22)  Regoli speċifiċi ta’ dan it-tip jeżistu għas-settur tal-ġarr tal-merkanzija bil-ferrovija — ara l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-impriżi ferrovjarji (ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13).

(23)  Linji Gwida għall-eżaminar tal-għajnuna mill-Istat għas-sajd u għall-akkwakultura (ĠU C 84, 3.4.2008, p. 10)

(24)  Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, “produzzjoni agrikola primarja” tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħamrija u tat-trobbija tal-bhejjem, elenkati fl-Anness I tat-Trattat, mingħajr xi intervent ulterjuri li jbiddel in-natura ta’ dawn il-prodotti.

(25)  Dan huwa l-każ b’mod partikolar għat-tip ta’ kumpaniji msemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.06.2013, p. 19).

(26)  Fejn ikun relevanti, “il-kapital azzjonarju” jinkludi kwalunkwe primjum azzjonarju.

(27)  Dan jirreferi b’mod partikolari għat-tipi ta’ kumpaniji msemmijin fl-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE.

(28)  Sabiex jiġi ddeterminat jekk kumpanija hix indipendenti jew jekk tiffurmax parti minn grupp, il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE se jiġu kkunsidrati.

(29)  Fid-deċiżjoni tagħha fil-Kawża C-241/94 Franza vs il-Kummissjoni [1996] Ġabra I-4551 (Kimberly Clark Sopalin), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li s-sistema tal-finanzjament fuq bażi diskrezzjonali mill-awtoritajiet Franċiżi, permezz tal-Fond Nazzjonali tal-Impjieg, probabbli kienet ser tqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni aktar favorevoli minn oħrajn u għaldaqstant tikkwalifika bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Id-deċiżjoni tal-Qorti ma titfax dubju fuq il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna kienet kumpatibbli mas-suq intern.

(30)  Biex ma jkunx hemm dubji, dan ma jżommx lill-Istati Membri milli jinnotifikaw individwalment l-għajnuna għall-SMEs jew għal impriżi pubbliċi iżgħar. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni se tevalwa l-għajnuna skont il-prinċipji stabbiliti f’dawn il-linji gwida.

(31)  Ara pereżempju l-Kawża C-156/98 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, il-paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks vs Rhone Alpes Bourgogne [2008] Ġabra I-10807, il-paragrafi 94-116.

(32)  Mudell indikattiv ta’ pjan ta’ ristrutturar huwa stipulat fl-Anness II.

(33)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(34)  Biex ma jkunx hemm dubji, in-nota dwar ir-remunerazzjoni għall-għajnuna għas-salvataġġ tat-tabella tal-marġini ta’ self li tinsab f’din il-komunikazzjoni ma tapplikax għall-għajnuna vvalutata skont dawn il-linji gwida.

(35)  Din il-kontribuzzjoni ma trid tinkludi l-ebda għajnuna. Dan mhuwiex il-każ meta pereżempju, s-self ikollu sussidju ta’ rata ta’ mgħax jew ikun appoġjat minn garanziji tal-gvern li jkollhom elementi ta’ għajnuna.

(36)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.32698 Air Åland.

(37)  Għal dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-karta bilanċjali tal-impriża trid tiġi stabbilita meta tingħata l-għajnuna.

(38)  Fir-rigward tal-għajnuna mhix notifikata, il-Kummissjoni tikkunsidra fil-valutazzjoni tagħha l-possibbiltà li l-għajnuna tkun ġiet iddikkjarata kumpatibbli mas-suq intern bħala xi ħaġa differenti minn għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.

(39)  Ħames snin fil-każ tas-settur tal-produzzjoni primarja agrikola.

(40)  Ċirkostanza imprevedibbli hija waħda li bl-ebda mod ma setgħet ġiet antiċipata mill-maniġment tal-benefiċjarju meta kien qed jitfassal il-pjan ta’ ristrutturar u li mhix minħabba negliġenza jew żbalji min-naħa tal-maniġment tal-benefiċjarju jew minħabba deċiżjonijiet tal-grupp li minnu jagħmel parti.

(41)  Ara l-Kawżi Konġunti C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-4035; Kawżi Konġunti T-415/05, T-416/05 u T-423/05 Il-Greċja u oħrajn vs il-Kummissjoni [2010] Ġabra II-4749; il-Kawża T-123/09 Ryanair vs il-Kummissjoni, għadha ma ġietx irrapportata (ikkonfermata fuq appell mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Kawża C-287/12 P, għadha ma ġietx irrapportata).

(42)  Pereżempju, il-bejgħ ta’ portafoll jew ta’ assi individwali jista’ jkun possibbli, u għalhekk għandu jsir fi żmien sinifikattivament aktar qasir mill-bejgħ ta’ negozju bħala negozju avvjat, b’mod partikolari meta dan in-negozju jrid l-ewwel jitneħħa minn entità akbar.

(43)  F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll jekk il-benefiċjarju huwiex impriża kbira jew ta’ daqs medju.

(44)  B’mod partikolari, il-livelli ta’ konċentrazzjoni, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità, il-livell tal-profittabbiltà u l-ostakoli għad-dħul u l-espansjoni jistgħu jiġu kkunsidrati.

(45)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(46)  Il-Kawża C-355/95 P, Textilwerke Deggendorf vs il-Kummissjoni u oħrajn [1997] Ġabra I-2549.

(47)  Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra f’każijiet iġġustifikati kif dovut, u suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat, C(2003) 4582 (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).

(48)  L-ammont li għandu jiġi ppubblikat huwa l-ogħla benefiċċju tat-taxxa permess u mhux l-ammont imnaqqas ta’ kull sena (pereż. fil-kuntest ta’ kreditu ta’ taxxa jiġi ppubblikat l-ogħla kreditu ta’ taxxa permess aktar milli l-ammont effettiv li jista’ jiddependi fuq id-dħul taxxabbli u ta’ kull sena jista’ jvarja).

(49)  Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fi żmien 6 xhur mid-data tal-għotja (jew, għal għajnuna fil-forma ta’ vantaġġ tat-taxxa, fi żmien sena mid-data tad-dikjarazzjoni fiskali). F’każ ta’ għajnuna mhux skont il-liġi, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ex post, mill-inqas fi żmien 6 xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni tkun disponibbli f’format li jippermetti li jsir tiftix għad-dejta, tista’ tkun estratta, u tista’ faċilment tiġi ppubblikata fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML.

(50)  Mhemmx bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni fuq għajnuna mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2016 u, għal għajnuna fiskali, mhemmx bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni fuq għajnuna mitluba jew mogħtija qabel l-1 ta’ Lulju 2016.

(51)  L-Artikolu 175 tat-Trattat jistipula, inter alia, li “l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tas-suq iridu jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 174 u jwasslu għat-twettiq tagħhom”.

(52)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Il-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).

(53)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(54)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(55)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3), l-Artikoli 16, 17 u 18.

(56)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(57)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(58)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004)43 — Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3).

(59)  għall-għanijiet ta’ Kapitlu 6, “SME” tinkludi impriżi pubbliċi iżgħar.

(60)  meta jgħaddu ħames snin fil-każ tas-settur tal-produzzjoni primarja agrikola.

(61)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.

(62)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.

(63)  Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi din il-metodoloġija komuni.

(64)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS I

Il-formula (1) għall-kalkolu tal-ammont massimu ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew ta’ appoġġ temporanju għar-ristrutturar għal perjodi ta’ sitt xhur

Formula

Din il-formula hija bbażata fuq l-introjtu operatorju tal-benefiċjarju (EBIT, il-qligħ qabel l-imgħax u t-taxxa) irreġistrat fis-sena qabel ma ingħatat/ġiet nnotifikata l-għajnuna (muri b’t). Ma’ dan l-ammont reġa’ ġie miżjud id-deprezzament. Imbagħad il-bidliet fil-kapital operatorju iridu jitnaqqsu mit-total. Il-bidla fil-kapital operatorju tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-assi kurrenti u l-obbligazzjonijiet kurrenti (2) għall-perjodi magħluqa ta’ kontabbiltà l-aktar reċenti. Bl-istess mod, kull dispożizzjoni fil-livell ta’ introjtu operatorju trid tiġi indikata b’mod ċar u r-riżultat ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet bħal dawn.

Il-formula timmira li tistma l-fluss tal-flus operattiv negattiv tal-benefiċjarju fis-sena ta’ qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna (jew qabel l-għoti tal-għajnuna fil-każ tal-għajnuna mhux notifikata). Nofs dan l-ammont għandu jżomm lill-benefiċjarju fin-negozju għal perjodu ta’ sitt xhur. Għaldaqstant, ir-riżultat tal-formola għandu jiġi diviż bi 2 għall-finijiet tal-punt 60. Għall-finijiet tal-punt 117 ir-riżultat tal-formula irid jiġi mmultiplikat b’1,5.

Din il-formula tista’ tiġi applikata biss meta ir-riżultat ikun ammont negattiv. Jekk twassal għal riżultat pożittiv, jeħtieġ li tiġi ppreżentata spejgazzjoni ddettaljata li turi li l-benefiċjarju huwa impriża f’diffikultà kif hemm definit fil-punt 20.

Eżempju:

Qligħ qabel l-imgħax u t-taxxi (EUR miljun)

(12)

Deprezzament (EUR miljun)

2

Karta bilanċjali (EUR miljun)

31 ta’ Diċembru, t

31 ta’ Diċembru, t-1

Assi kurrenti

Flus jew ekwivalenti

10

5

Kontijiet riċevibbli

30

20

Inventarji

50

45

Spejjeż imħallsin minn qabel

20

10

Assi kurrenti oħra

20

20

Assi kurrenti totali

130

100

Obbligazzjonijiet kurrenti

Kontijiet pagabbli

20

25

Spejjeż akkumulati

15

10

Dħul diferit

5

5

Obbligazzjonijiet kurrenti totali

40

40

Kapital operatorju

90

60

Bidla fil-kapital operatorju

30

[-12 + 2 - 30]/2 = - EUR 20 miljun.

Billi r-riżultat tal-formula huwa ogħla minn EUR 10 miljun, il-proċedura aċċellerata deskritta fil-punt 121 ma tistax tintuża. Barra minn hekk, f’dan l-eżempju, jekk l-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ jaqbeż l-EUR 20 miljun jew l-ammont tal-appoġġ temporanju għar-ristrutturar jaqbeż is-EUR 60 miljun, l-ammont ta’ għajnuna irid jiġi adegwatament iġġustifikat bil-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-benefiċjarju.


(1)  Mal-EBIT għandu jiżdied id-deprezzament fl-istess perjodu flimkien mal-bidliet fil-kapital operatorju tul perjodu ta’ sentejn (is-sena ta’ qabel l-applikazzjoni u dik ta’ wara), diviż bi tnejn biex jiġi ddeterminat l-ammont tul sitt xhur.

(2)  Assi kurrenti: fondi likwidi, ammonti riċevibbli (kontijiet tal-klijent u d-debitur), assi kurrenti oħra u spejjeż imħallsin minn qabel, inventarji. Obbligazzjonijiet kurrenti: dejn finanzjarju, kontijiet tan-negozju pagabbli (il-kontijiet tal-fornitur u tal-kreditur) u obbligazzjonijiet kurrenti oħra, dħul diferit, obbligazzjonijiet oħra akkumulati, obbligazzjonijiet ta’ taxxa.


ANNESS II

Mudell indikattiv ta’ pjan ta’ ristrutturar

Dan l-Anness jistabbilixxi tabella indikattiva ta’ kontenuti għal pjan ta’ ristrutturar, biex tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fit-tħejjija u r-rieżami tal-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħhom bl-aktar mod effiċjenti possibbli.

L-informazzjoni stabbilita hawn taħt hija mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti aktar dettaljati stabbiliti fil-linji gwida li jikkonċernaw il-kontenut ta’ pjan ta’ ristrutturar u l-kwistjonijiet l-oħrajn li għandhom jintwerew mill-Istat Membru kkonċernat.

1.

Deskrizzjoni tal-benefiċjarju

2.

Deskrizzjoni tas-suq jew is-swieq fejn jopera l-benefiċjarju

3.

It-turija tat-tbatija soċjali li l-għajnuna timmira li tipprevjeni jew il-falliment tas-suq li timmira li tindirizza, tqabbil ma’ xenarju alternattiv kredibbli li ma jinvolvix għajnuna mill-Istat, dimostrazzjoni ta’ kif tali objettiv jew objettivi ma jintlaħqux, jew kieku jintlaħqu fi grad inferjuri, fil-każ tax-xenarju alternattiv.

4.

Deskrizzjoni tas-sorsi tad-diffikultajiet tal-benefiċjarju (inkluża valutazzjoni tar-rwol ta’ kwalunkwe nuqqas fil-mudell tan-negozju tal-benefiċjarju jew fis-sistema ta’ governanza korporattiva li ħolqu dawn id-diffikultajiet, u kemm dawn id-diffikultajiet setgħu ġew evitati permezz ta’ azzjoni ta’ ġestjoni xierqa u f’waqtha) u analiżi SWOT

5.

Dekrizzjoni ta’ pjanijiet possibbli biex jiġu rrimedjati l-problemi tal-benefiċjarju u t-tqabbil ta’ dawn il-pjanijiet f’termini tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat meħtieġa u r-riżultati antiċipati ta’ dawn il-pjanijiet

6.

Deskrizzjoni tal-intervent mill-Istat, id-dettalji kompluti ta’ kull miżura mill-Istat (inkluża l-forma, l-ammont u r-rimunerazzjoni ta’ kull miżura) u t-turija li l-istrumenti tal-għajnuna mill-Istat magħżulin huma xierqa għall-kwistjonijiet li huma maħsuba biex jindirizzaw

7.

Ħarsa ħafifa lejn il-proċess biex jiġi implimentat il-pjan preferut bil-għan li jkun hemm ritorn lejn il-vijabbiltà tal-benefiċjarju fuq terminu twil fi żmien raġonevoli (fil-prinċipju, ma għandux jaqbeż it-tliet snin), inkluża skeda ta’ azzjonijiet u kalkolu tal-kostijiet ta’ kull azzjoni

8.

Pjan ta’ negozju li jistabbilixxi l-projezzjonijiet finanzjarji għall-ħames snin li ġejjin u li juri r-ritorn lejn il-vijabbiltà fuq terminu twil

9.

Turija li reġa’ hemm vijabbiltà kemm f’xenarju ta’ referenza kif ukoll f’xenarju pessimistiku, preżentazzjoni u ġustifikazzjoni abbażi ta’ stħarriġ tas-suq tas-suppożizzjonijiet użati u ta’ analiżi tas-sensittività

10.

Miżuri proposti ta’ kontribuzzjoni proprja u ta’ qsim tal-piżijiet

11.

Miżuri proposti biex jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni


Top