Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0477

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali

/* COM/2014/0477 final */

In force

Brussell, 22.7.2014

COM(2014) 477 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali

1. Daħla: il-wirt kulturali fl-aġenda tal-UE

1.1.Barka għal kulħadd, responsabbiltà għal kulħadd

Il-wirt kulturali tal-Ewropa, kemm dak tanġibbli kif ukoll dak intanġibbli, huwa l-ġid komuni tagħna lkoll - il-wirt tagħna minn ġenerazzjonijiet preċedenti ta' Ewropej, u l-wirt li se nħallu lil dawk li ġejjin. Huwa ħażna ta' għarfien li jekk tintilef ma tiġġeddidx, u riżors ta' valur għat-tkabbir ekonomiku, għall-impjieg u għall-koeżjoni soċjali. Huwa jarrikkixxi l-ħajja ta' mijiet ta' miljuni ta' nies, huwa sors ta' ispirazzjoni għall-ħassieba u għall-artisti, u mutur għall-industriji kulturali u kreattivi tagħna. Il-wirt kulturali tagħna u l-mod kif nippriżervawh u nagħtuh valur huwa fattur maġġuri fid-definizzjoni ta' post l-Ewropa fid-dinja, u tal-ġibda li għandha bħala post fejn wieħed ikun irid jgħix, u jaħdem u jżur.

Il-wirt kulturali huwa riżors u beni komuni. Bħal benijiet oħra ta' dan it-tip, jista' jiġi sfruttat iż-żejjed u ma jingħatax biżżejjed finanzjament, u dan jista' jwassal għall-abbandun, għall-isfaxxament u, f'xi każi, jasal biex jintnesa. Għalhekk, li nħarsu l-wirt tagħna hija responsabbiltà tagħna lkoll. Filwaqt li l-ħarsien tal-wirt huwa primarjament kwistjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-Unjoni Ewropea għandha r-rwol tagħha bi qbil mat-Trattati tal-UE u rigward il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-firmatarji huma "ispirati mill-wirt kulturali, religjuż u umanista tal-Ewropa". L-Artikolu 3.3 jeħtieġ li l-UE "tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew". L-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jgħid: "L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt 'tirriżalta l-wirt kulturali komuni'. It-TFUE jirrikonoxxi wkoll l-ispeċifiċità tal-wirt għall-preżervazzjoni tad-diversità kulturali, u l-ħtieġa li niżguraw il-ħarsien tiegħu fis-suq uniku. 1

Il-patrimonju ilu prijorità fil-pjanijiet ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-kultura mill-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura 2 fl-2007, u l-kooperazzjoni f'livell Ewropew żviluppat permezz tal-Metodu Miftuh ta' Koordinazzjoni 3 . L-interess politiku fil-livell tal-UE kiber b'ritmu regolari - il-partijiet ikkonċernati fil-kultura u l-wirt fid-Dikjarazzjoni dwar Narrattiva Ġdida għall-Ewropa 4 dan l-aħħar enfasizzaw li: 'L-Ewropa bħala entità politika teħtieġ li tirrikonoxxi l-valur tal-wirt kulturali. Il-wirt kulturali juri x'fisser tul iż-żminijiet li tkun Ewropew. Huwa strument b’saħħtu li jipprovdi sens ta’ appartenenza fost u bejn iċ-ċittadini Ewropej'.

Ma hemm ebda kontradizzjoni bejn ir-responsabbiltajiet nazzjonali u l-azzjoni tal-UE: il-wirt huwa dejjem kemm lokali kif ukoll Ewropew. Huwa ssawwar tul iż-żminijiet, iżda wkoll bejn fruntiera u oħra u fost il-komunitajiet. Il-wirt huwa magħmul mill-istejjer lokali li flimkien jagħmlu l-istorja tal-Ewropa.

Din il-Komunikazzjoni ġiet ispirata minn bosta snin ta' djalogu ma' Presidenzi tal-UE u partijiet ikkonċernati. 5 Hija tweġiba għall-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni ta' din is-sena biex "tkompli l-analiżi tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-wirt kulturali fl-UE u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' approċċ strateġiku" 6 . Hija teżamina l-informazzjoni disponibbli dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-wirt kulturali u għandha l-għan li ttejjeb il-bażi ta' evidenza (it-taqsima 1.2) u tesplora l-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur patrimonjali (it-taqsima 1.3).

Bi qbil mal-għanijiet tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-approċċ tal-UE lejn il-patrimonju fuq diversi oqsma ta' politika (it-taqsima 2). Imbagħad tistabbilixxi l-għodod li jistgħu jintużaw fil-livell tal-UE li jikkumplementaw il-programmi nazzjonali u reġjonali biex jgħinu fil-ħarsien u t-titjib tal-valur intrinsiku u soċjali tal-patrimonju (it-taqsima 2.1), biex isaħħu l-kontribut tiegħu lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi (it-taqsima 2.2) u biex jiżviluppaw il-potenzjal tiegħu għad-diplomazija pubblika tal-UE (it-taqsima 2.3).

Fl-aħħar nett il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-miżuri li jistgħu jitwettqu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni politika fil-livelli differenti, u f'proġetti differenti li qegħdin jiġu żviluppati biex isostnu mudelli ġodda ta' governanza tal-patrimonju (it-taqsimiet 3 u 4).

L-għan ġenerali huwa li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jingħataw l-għajnuna biex jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ sinifikanti disponibbli għall-patrimonju fi strumenti tal-UE, biex isir progress lejn approċċ aktar integrat fil-livelli nazzjonali u tal-UE, u finalment biex l-Ewropa ssir laboratorju għall-innovazzjoni bbażata fuq il-patrimonju 7 .

1.2.Kontribut għat-tkabbir ekonomiku u għall-koeżjoni soċjali li mhuwiex stmat biżżejjed

Il-patrimonju għandu bosta dimensjonijiet: kulturali, fiżika, diġitali, ambjentali, umanistika u soċjali. Il-valur tiegħu - kemm dak intrinsiku, kif ukoll dak ekonomiku - huwa funzjoni ta' dawn id-dimensjonijiet differenti u tal-fluss ta' servizzi assoċjati. Il-valur ekonomiku tal-patrimonju dan l-aħħar daħal fil-fokus tar-riċerka 8 , iżda huma disponibbli biss stimi parzjali tal-importanza tiegħu.

B'mod partikolari hija nieqsa d-dejta dwar l-Ewropa inġenerali, iżda studji settorjali u bbażati fuq il-pajjiżi juru li s-settur patrimonjali jagħmel kontribut ekonomiku sinifikanti. Skont il-Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Bini, fl-2013 ir-renovazzjoni u l-manutenzjoni kienu jirrappreżentaw 27,5% tal-valur tal-industrija tal-bini Ewropea 9 . Fl-2011 fi Franza, il-patrimonju ġġenera EUR 8,1 biljun 10 , u studji fir-Renju Unit urew li l-ambjent storiku jista' joffri redditu kbir fuq l-investiment: kull £1 investita tiġġenera sa £1,60 ta' attività ekonomika fuq għaxar snin 11 .

Il-patrimonju għandu effetti sekondarji fuq setturi ekonomiċi oħrajn. Pereżempju, it-turiżmu huwa stmat li jikkontribwixxi EUR 415 biljun għall-PDG tal-UE 12 u 3,4 miljuni intrapriżi tat-turiżmu jipprovdu 15,2 miljun impjieg 13 – li ħafna minnhom huma, b'mod dirett jew indirett, marbutin mal-patrimonju. Sebgħa u għoxrin fil-mija tan-nies mill-UE li jivvjaġġaw juru li l-wirt kulturali huwa fattur ewlieni fl-għażla tad-destinazzjoni tagħhom. Fl-2013, 52% taċ-ċittadini tal-UE żaru mill-inqas monument jew sit storiku wieħed, u 37% żaru mużew jew gallerija fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, filwaqt li 19% żaru monument jew sit storiku f'pajjiż ieħor tal-UE 14 . Għaldaqstant, il-patrimonju jista' jgħin biex jagħti marka lill-bliet u lir-reġjuni, b'hekk jattira t-talenti u t-turiżmu.

It-teknoloġija żżid valur ekonomiku għas-settur patrimonjali: il-materjal kulturali ddiġitalizzat jista' jintuża biex isebbaħ l-esperjenza tat-turist, jiżviluppa l-kontenut edukattiv, id-dokumentarji, l-applikazzjonijiet turistiċi u l-logħob.

Il-patrimonju għandu kapaċità kbira li jippromwovi l-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni permezz tar-riġenerazzjoni ta' oqsma minsijin, tal-ħolqien ta' mpjiegi li għandhom għeruq lokali, u l-promozzjoni ta' għarfien komuni u sens ta' komunità. Is-settur joffri opportunitajiet edukattivi u ta' volontarjat 15 importanti għaż-żgħażagħ u għal dawk li huma kbar fl-età, u jippromwovi d-djalogu bejn kulturi u ġenerazzjonijiet differenti.

Iżda biex inżidu l-fehim tar-rwol reali u potenzjali tal-patrimonju fl-iżvilupp tal-politiki, huwa importanti li ntejbu d-dejta sistematika dwar l-impatti tiegħu ekonomiċi u soċjali. . Il-proġett Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa: Lejn Indiċi Ewropew għall-Valutazzjoni tal-Wirt Kulturali, iffinanzjat mill-programm Kulturali tal-UE u varat fl-2013 se jgħin biex dan jiġi indirizzat. Huwa se jiġbor u janalizza r-riċerka u d-dejta eżistenti minn madwar l-UE, dwar l-impatt tal-wirt kulturali fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija. Ir-riżultati huma mistennija sa nofs l-2015. Dwar id-dejta kulturali b'mod aktar ġenerali, l-Ewrostat bdiet tiżviluppa sett ta' statistiki regolari Ewropej, li wkoll hu mistenni li jagħti r-riżultati fl-2015.

1.3.Settur fi stat ta' trasformazzjoni: il-patrimonju bħala sors ta' innovazzjoni soċjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

Niffaċċjaw l-isfidi...

Is-settur tal-patrimonju qiegħed f'salib it-toroq.

Il-baġits pubbliċi qegħdin jonqsu, kif ukoll qed jiġri bil-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali tradizzjonali 16 .

L-urbanizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku qegħdin jiddiversifikaw l-udjenzi potenzjali.

L-influssi kbar tat-turisti, filwaqt li huma barka għaliex ikabbru l-introjtu, iżidu wkoll il-piżijiet ambjentali u fiżiċi.

Id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-kontenut kulturali jbiddlu l-mudelli tradizzjonali, jittrasformaw il-ktajjen tal-valur u jitolbu approċċi ġodda lejn il-wirt kulturali u artistiku tagħna.

It-traffikar tal-artefatti kulturali għadha kwistjoni diffiċli li teħtieġ azzjoni fil-livelli Ewropew u internazzjonali.

It-tisħin globali u t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew, u l-okkorrenza ta' okkażjonijiet ta' temp estrem li dejjem qed tiżdied, jistgħu jpoġġu l-wirt kulturali fir-riskju.

Jeħtieġ li dawn l-isfidi kollha jiġu indirizzati biex niżguraw is-sostenibbiltà tal-wirt kulturali Ewropew.

Is-settur patrimonjali wkoll irid jaddatta l-mudelli ġestjonali u kummerċjali u jiżviluppa ħiliet professjonali ġodda, irid jikkollabora mal-awtoritajiet mhux darba fill, iżda billi jdaħħal il-valorizzazzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju fil-pjanijiet ta' żvilupp ġenerali fuq terminu ta' żmien twil. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati permezz ta' sħubiji pubbliċi-privati wkoll jeħtieġ li jiġi esplorat iżjed.

Jidher ċar li bosta politiki pubbliċi għandhom impatt fuq il-patrimonju, u l-patrimonju wkoll għandu ħafna impatti f'oqsma politiċi oħrajn. Għaldaqstant jeħtieġ approċċ lejn il-ħarsien, il-promozzjoni u l-valorizzazzjoni tal-patrimonju li hu aktar integrat biex jitqiesu l-kontribut multipli tiegħu lejn l-għanijiet soċjali u ekonomiċi, u l-impatt tiegħu fuq politiki pubbliċi oħra.

... u naħtfu l-opportunitajiet

Is-settur patrimonjali diġà qiegħed jieħu sura ġdida biex jilħaq l-isfidi l-ġodda.

Is-settur tal-konservazzjoni dejjem iżjed qiegħed jimmira li jħares u jtejjeb perspettiva kulturali sħiħa, u mhux sit iżolat, u qiegħed ukoll isir dejjem iżjed iċċentrat fuq in-nies. L-approċċi tal-passat kienu jippruvaw iħarsu l-patrimonju billi jiżolawh mill-ħajja ta' kuljum. L-approċċi l-ġodda jimmiraw li jintegrawh fil-ħajja tal-komunità lokali. Is-siti patrimonjali jingħataw ħajja u tifsira ġodda li jissodisfaw il-bżonnijiet u jirrispondu għat-tħassib kontemporanji.

Id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn jippermettu modi ta' parteċipazzjoni li qatt ma eżistew qabel, u fetħu mezzi ta' introjtu ġodda. L-għodod tat-tagħlim elettroniku jippromwovu aċċess aktar wiesa' għall-kontenut kulturali fid-djar, fl-iskejjel u fl-universitajiet, u jippermettu li n-nies jiġġeneraw, jużaw u jżidu l-valur tal-kontenut, b'hekk iżidu l-valur tal-kollezzjonijiet kulturali.

Hekk kif is-siti patrimonjali jsiru spazju pubbliku li jipproduċu kapital soċjali u ambjentali, il-bliet u r-reġjuni li jospitawhom isiru muturi tal-attività ekonomika, ċentri tal-għarfien, punti fokali tal-kreattività u l-kultura, postijiet ta' interazzjoni komunali u ta' integrazzjoni soċjali; fi ftit kliem, dawn jiġġeneraw l-innovazzjoni u jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, bi qbil mal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020.

Il-mużewijiet u l-arkivji qegħdin jevolvu wkoll, fost affarijiet oħra billi jiddiġitalizzaw il-kollezzjonijiet, jikkollegawhom f'netwerks miftuħa, u jagħmluhom disponibbli għal aktar ċittadini (għalkemm il-proporzjon tal-patrimonju ddiġitalizzat u disponibbli onlajn għadu żgħir, minħabba r-riżorsi meħtieġa għad-diġitalizzazzjoni, u sa ċertu punt, minħabba li l-kontenut li għadu taħt id-dritt tal-awturi għadu jrid jinħeles 17 ).

Il-mużewijiet qegħdin dejjem iżjed jorjentaw ruħhom lejn il-komunità, immexxijin min-nies u mill-istejjer, pereżempju billi dawn jipproponu narrattivi bbażati fuq il-patrimonju li jinsġu l-istejjer personali ta' membri tal-komunità fl-interpretazzjoni ta' avvenimenti storiċi kbar. Ipoġġu lill-udjenza f'pożizzjoni ta' ugwaljanza mal-kollezzjonijiet, fil-qalba tal-attivitajiet tagħhom, ħalli ma jibżgħux jesploraw il-kwistjonijiet sensittivi u diffiċli, u jindirizzaw suġġetti kontemporanji li jiġbdu udjenzi aktar diversi.

Il-bliet u l-irħula storiċi jridu jiffaċċjaw l-iżjed problemi komplessi biex jippreżervaw it-tessut tal-identità Ewropea filwaqt li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli. Iżda juru wkoll li l-ġestjoni bil-għaqal tal-patrimonju tista' tirnexxi u tkun sostenibbli, pereżempju permezz tal-użu mil-ġdid u effiċjenti fl-enerġija ta' bini storiku, u l-promozzjoni ta' trasport turiżmu kulturali aktar ekoloġiċi. Bis-saħħa tal-attrattività tal-ambjenti urbani u naturali, is-siti patrimonjali ħafna drabi ikunu ċentri ta' industriji kulturali u kreattivi. Ħafna mill-wirt kulturali tal-Ewropa huwa wkoll minsuġ fiż-żoni rurali u fir-reġjuni remoti, bosta drabi marbut mal-ambjent naturali; f'dawn il-każijiet, forom ta' ġestjoni orjentati lejn il-komunità jistgħu jkabbru l-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom.

2.Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali

Il-wirt kulturali huwa ċentrali għall-Aġenda Ewropea għall-Kultura, u jagħti kontribut sinifikanti lit-tliet għanijiet tagħha:

il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali - minħabba l-valur intrinsiku u soċjali tiegħu, il-patrimonju huwa komponent ċentrali

il-promozzjoni tal-kultura bħala katalista tal-kreattività – il-patrimonju jikkontribwixxi permezz tal-potenzjal dirett u indirett ekonomiku, fost affarijiet oħra billi jsostni l-industriji kulturali u kreattivi u jispira lill-ħallieqa u lill-ħassieba

il-promozzjoni tal-kultura bħala element ewlieni tad-dimensjoni internazzjonali tal-Unjoni – l-għarfien espert Ewropew f'dak li hu wirt kulturali jgawdi rispett kbir internazzjonali

Filwaqt li l-politiki dwar il-manutenzjoni, ir-ristawr, l-aċċessibbiltà u l-utilizzazzjoni tal-wirt kulturali huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali jew lokali, il-wirt kulturali huwa indirizzat b'mod dirett f'bosta politiki tal-UE, fosthom dawk dwar il-kultura, l-edukazzjoni, il-politika reġjonali u l-kooperazzjoni doganali.

Ġiet żviluppata ġenerazzjoni ġdida ta' strumenti tal-UE biex isostnu lill-Aġenda Ewropea għall-Kultura - li l-ewwel fosthom kienu l-programmi Ewropa Kreattiva u l-Orizzont 2020 - li jeħtieġ li jsiru magħrufin u utilizzati aħjar. L-UE issostni l-isforzi l-kbar konġunti ta' konservazzjoni (pereżempju fil-Partenon u s-sit ta' Pompej) 18 , tiffinanzja l-iżjed riċerka ġdida, u tipparteċipa fl-elaborazzjoni ta' narrattivi ġodda u aktar miftuħa dwar il-patrimonju tal-Ewropa; tikkontribwixxi wkoll biex tqajjem l-għarfien permezz ta' premji u inizjattivi oħra, ta' spiss b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili.

Biex insaħħu l-pożizzjoni tal-Ewropa fil-qasam tal-preservazzjoni, tar-ristawr u tal-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali, jeħtieġ li:

ninkoraġġixxu l-modernizzar tas-settur patrimonjali, inqajmu l-għarfien u nħajru udjenzi ġodda

nieħdu approċċ strateġiku lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-qsim tal-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

naħtfu l-opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni; nilħqu udjenzi ġodda u b'mod partikolari nqajmu l-interess taż-żgħażagħ;

nidentifikaw il-ħiliet meħtieġa u ntejbu t-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam patrimonjali u

nkomplu niżviluppaw mudelli ta' interpretazzjoni u governanza aktar parteċipattivi li huma aktar addattati għall-Ewropa kontemporanja, permezz ta' aktar involviment tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

Biex tiksbu dawn l-għanijiet, is-settur patrimonjali Ewropew jeħtieġ aktar opportunitajiet ta' netwerking fuq skala ikbar, u tagħlim fost il-pari fl-Istati Membri u bejniethom.

2.1.Intejbu l-valur intrinsiku u soċjali tal-wirt kulturali biex nippromwovu d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Nistgħu ntejbu l-fehim, il-ħarsien u t-tixrid tal-wirt kulturali jekk nippuljaw ir-riżorsi biex nutilizzaw l-aktar teknoloġiji moderni u nistimulaw approċċi xjentifiċi ġodda. Għal żmien twil, l-UE sostniet ir-riċerka dwar il-wirt kulturali fil-qafas tal-programmi qafas ta' riċerka, dan ġab 'il quddiem l-eċċellenza tal-UE f'dak li hu riċerka patrimonjali.

Fis-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, ġew investiti madwar EUR 100 miljun fi proġetti marbutin ma' aspetti ewlenin tal-ħarsien, tal-konservazzjoni u tat-titjib tal-wirt kulturali, fejn ġew indirizzati wkoll l-interazzjonijiet kulturali, il-mużewijiet, l-identitajiet u d-diversità lingwistika, perspettivi kulturali u infrastrutturi tar-riċerka ffokati.

L-Inizjattiva tal-Ipprogrammar Konġunt għall-Wirt Kulturali u t-Tibdil Globali hija inizjattiva ta' riċerka innovattiva u kollaborattiva li timmira biex tissimplifika u tikkoordina programmi nazzjonali ta' riċerka biex tippermetti użu aktar effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi finanzjarji skarsi, biex tutilizza s-sinerġiji u tevita d-duplikazzjoni 19 .

L-Orizzont 2020 huwa l-Programm Qafas ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li għandu għad-disponibbiltà tiegħu kważi EUR 80 biljun bejn l-2014 u l-2020. Dan se jkompli jirrinforza l-pożizzjoni tal-UE fil-qasam tal-konservazzjoni, ir-restawr u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali, u jappoġġa l-kooperazzjoni fost ir-riċerkaturi fuq medda wiesgħa ta' temi. Se jkun hemm opportunitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni marbutin mal-patrimonju taħt it-tliet pilastri tal-programm: xjenza eċċellenti, it-tmexxija industrijali u l-isfidi soċjali. L-UE se tappoġġa l-applikazzjoni tax-xjenza pijuniera għall-ħarsien tal-patrimonju; l-iżvilupp ta' interpretazzjonijiet tal-imgħoddi li huma aktar inklużivi; u metodi ġodda għat-tixrid u l-qsim tal-għarfien. Il-Pjan Direzzjonali Ewropew għall-infrastrutturi tar-riċerka jagħti prijorità lill-ħolqien ta' Infrastruttura ta' Riċerka Diġitali Ewropea ġdida għall-Arti u l-Istudji Umanistiċi (DARIAH). 20

Attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni se jeżaminaw it-trażmissjoni tal-wirt kulturali Ewropew, il-mudelli li qegħdin jinbidlu tal-formazzjoni tal-identità, il-wirt xi kultant kontroversjali tal-gwerer Ewropej, il-bazi intellettwali u r-rwol kulturali tal-Ewropa fid-dinja, u l-kollezzjonijiet rikki ta' arkivji, mużewijiet u libreriji Ewropej, bl-użu tal-opportunitajiet teknoloġiċi li toffri l-era diġitali. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni titwettaq bi strateġiji, metodoloġiji u għodod tant meħtieġa biex jippermettu wirt kulturali dinamiku u sostenibbli fl-Ewropa b'reazzjoni għat-tibdil fil-klima u l-perikli u d-diżastri naturali. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq teknoloġiji konverġenti u fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni multidixxiplinari għall-metodoloġiji, il-prodotti u s-servizzi fis-settur tal-wirt kulturali  21 .

Se jiġu varati wkoll qafas politiku u aġenda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE dwar il-wirt kulturali, abbażi tal-kontribut ta' grupp espert ta' livell għoli li se jistudjaw l-investiment innovattiv u sostenibbli, il-finanzjament u l-ġestjoni tal-wirt kulturali. Dan se jieħu approċċ ta' diversi partijiet ikkonċernati ffokat fuq is-soċjetà u l-intraprenditorija, u jipprovdi l-appoġġ politiku fil-livelli tal-Istati Membri u tal-UE.

Il-Pjattaforma Soċjali dwar is-Soċjetajiet Riflettivi wkoll se jiġbor flimkien ir-riċerkaturi, il-partijiet ikkonċernati u dawk li jfasslu l-politika biex il-kwistjonijiet politiċi jiġu indirizzati b'mod komprensiv. Il-pjattaforma se tappoġġa lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi aġenda għar-riċerka innovattiva u ffokata, fost affarijiet oħra dwar il-wirt kulturali u l-espressjoni kulturali fl-Ewropa. 22

Nikkollegaw il-patrimonju tagħna u nferrxu d-disponibbiltà tiegħu fl-era diġitali

Id-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju tikkontribwixxi lejn l-Aġenda Ewropea għall-Kultura billi ttejjeb l-aċċess tal-pubbliku għal forom diversi ta' espressjoni kulturali u lingwistiċi. Id-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, li dan isir aċċessibbli fuq l-internet u li nappoġġaw l-użu ekonomiku tiegħu huma wkoll attivitajiet fil-qalba tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Id-diġitalizzazzjoni tkattar l-opportunitajiet ta' aċċess tal-patrimonju u biex jinġibed l-interess ta' udjenza diversa; filwaqt li l-għodod diġitali tal-iskannjar tridimensjonali (3D scanning) jistgħu jiffaċilitaw il-preservazzjoni u r-ristawr ta' assi kulturali fiżiċi.

Il-pjattaforma kulturali Europeana ( www.europeana.eu ) issa tagħti aċċess għal madwar 30 miljun oġġett kulturali minn aktar minn 2 500 organizzazzjoni: ir-riżorsi tal-istituzzjonijiet kulturali tal-Ewropa issa saru iżjed addattati għall-internet u jistgħu jintużaw mill-ġdid b'mod aktar wiesa'. L-Europeana tgħin fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' standards u tal-interoperabbiltà f'dan il-qasam u tipprovdi spazju fejn il-professjonisti kulturali jaqsmu bejniethom l-għarfien espert diġitali. Hija tippermetti lill-Ewropej jieħdu interess fil-wirt kulturali tagħhom u jikkontribwixxu l-esperjenzi personali tagħhom, pereżempju b'relazzjoni ma' avvenimenti storiċi prominenti bħalma hi l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Madankollu għad hemm l-isfidi: il-kontenut kulturali diġitali jeħtieġ li jkun amministrat, miżmum u ppriżervat tajjeb; id-drittijiet onlajn iridu jinħelsu; u l-materjal irid jiġi tradott f'formati li jinqraw mill-magni, li jkunu jaqblu ma' standards miftuħa, li jkollhom riżoluzzjoni minima, li jkunu interoperabbli u li jkollhom metadejta rikka.

Fil-livell tal-UE xi wħud minn dawn l-isfidi huma indirizzati mid-Direttiva 2003/98 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku 23 , filwaqt li r-Rakkomandazzjoni 2011/711/UE 24  dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-disponibbiltà ta' bażijiet tad-dejta bid-drittijiet għall-informazzjoni, ikkollegati f'livell Ewropew (bħalma hu ARROW), u biex joħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas legali biex isostni l-mekkaniżmi tal-liċenzjar tad-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira u għall-aċċessibbiltà transkonfinali ta' kompożizzjonijiet li ma għadhomx fis-suq.

Għadd ta' proġetti tal-UE ppermettew l-aċċess onlajn għal materjal rari. Il-proġett Europeana Regia ddiġitalizza aktar minn 1 000 manuskritt rari u prezzjuż tal-Medju Evu u tar-Rinaxximent. Oħrajn jiffokaw fuq il-potenzjal għall-użu mill-ġdid kreattiv ta' materjal kulturali diġitali, bħall-Europeana Kreattiva u l-Europeana Spazju. 

L-UE rrikonoxxiet li l-filmat huwa komponent essenzjali tal-patrimonju Ewropew; għaldaqstant il-Parlament u l-Kunsill irrikkmandaw lill-Istati Membri biex jiġbru, jippriżervaw u jirristawraw b'mod sistematiku l-patrimonju ċinematografiku u biex jiffaċilitaw l-użi kulturali u edukattiv 25 tiegħu. Il-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet 26 u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prassi fil-qafas tal-Grupp Espert taċ-Ċinema/tas-Sottogrupp Patrimonju Ċinematografiku 27 . Il-patrimonju ċinematografiku wkoll huwa ċentrali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida: European film in the digital era: bridging cultural diversity and competitiveness 28 (Il-Films Ewropej fl-era diġitali: nagħqdu d-diversità kulturali u l-kompetittività).

Nippromwovu l-kooperazzjoni, nissensibilizzaw il-pubbliku, nippremjaw l-eċċellenza, nippromwovu l-proġetti ewlenin u t-tfakkir

Il-programm il-ġdid Ewropa Kreattiva se jkompli jibni fuq il-programm kulturali ta' qablu u jappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali biex jippromwovi l-modernizzazzjoni tas-settur patrimonjali. Se jtejjeb ukoll il-kapaċità tas-soċjetà ċivili biex taħdem b'mod transnazzjonali billi jsostni n-netwerks u l-pjattaformi. Billi l-iżvilupp tal-udjenzi huwa prijorità ewlenija, is-settur patrimonjali se jitħeġġeġ jesperimenta b'modi ġodda biex jilħaq udjenzi aktar diversi, fosthom iż-żgħażagħ u l-migranti.

Ir-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew u l-isforzi biex inħarsuh għandhom ikunu magħrufin aħjar miċ-ċittadini Ewropej. Din hija primarjament responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u lokali u tas-settur patrimonjali, iżda l-UE tikkontribwixxi wkoll b'għadd ta' inizjattivi pan-Ewropej.

F'50 pajjiż madwar l-Ewropa, kull sena f'Settembru 'il fuq minn 20 miljun persuna jgawdu l-aċċess għal eluf ta' siti li rari jkunu miftuħin u għal avvenimenti uniċi bħala parti mill-Jiem il-Patrimonju Ewropew. Din l-inizjattiva mmexxija lokalment hija appoġġata b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa.

L-UE tgħin biex tissensibilizza lill-pubbliku dwar il-patrimonju permezz tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali/il-Premjijiet tal-Europa Nostra li jiċċelebraw kisbiet eżemplari fil-qasam patrimonjali. S'issa 387 sit u proġett ingħataw dan il-premju prestiġjuż.

Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura (ECoC) hija inizjattiva kulturali ewlenija oħra li turi r-redditu kbir potenzjali, kemm soċjali kif ukoll ekonomiku, tal-investiment fil-patrimonju. Xi wħud mill-evalwazzjonijiet tal-ECoC sabu li kien hemm redditu ta' sa 8 euro fuq kull euro li ntnefaq. It-titolu tal-ECoC jista' wkoll joħloq wirt soċjali u ekonomiku sinifikanti, b'mod partikolari meta jkun parti minn strateġija ta' żvilupp kulturali u kreattiv fuq terminu ta' żmien twil (kif hemm f'Essen, f'Lille u f'Ġenova).

Fokus speċjali għall-azzjoni tal-UE huwa l-preservazzjoni ta' avvenimenti ewlenin fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-avvenimenti traġiċi – bħal dawk marbutin maż-żewġ Gwerer Dinjin– li jittraxxendu l-istorja ta' stati Ewropej individwali. Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, li nbeda f'livell inter-governattiv, jenfasizza s-siti patrimonjali li jiċċelebraw u jissimbolizzaw l-integrazzjoni, l-ideali u l-istorja Ewropej. Dan issa huwa inizjattiva żviluppata tal-UE; l-ewwel premji ngħataw f'April tal-2014.

It-taqsima tal-Kommemorazzjoni Ewropea tal-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini għandha l-mira li tħeġġeġ il-ħsieb dwar x'jikkawża r-reġimi totalitarji fl-istorja moderna tal-Ewropa. L-attivitajiet jikkonċernaw ukoll mumenti deċiżivi u punti ta' referenza oħrajn fl-istorja riċenti tal-Ewropa. Din it-taqsima għandha l-mira li tippromwovi t-tolleranza, il-fehim reċiproku, id-djalogu interkulturali u r-rikonċiljazzjoni biex nisbqu l-imgħoddi u nibnu fuq il-ġejjieni.

2.2.Katalista għall-kreattività u t-tkabbir: nagħmlu użu aħjar tal-potenzjal ekonomiku tal-wirt kulturali tal-UE

L-isfruttar tal-potenzjal tal-wirt kulturali għall-iżvilupp lokali u reġjonali

Il-politiki tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali tal-UE jistgħu jkunu għodod biex nippromwovu r-ristawr tal-wirt kulturali billi jappoġġaw l-industriji kulturali u kreattivi u jiffinanzjaw t-taħriġ u l-aġġornament tal-ħiliet ta' professjonisti fil-qasam tal-kultura.

Il-konservazzjoni, il-promozzjoni u l-amministrazzjoni tal-wirt kulturali bħalissa huma msostnija sew mill-programm ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE (ESIF). Bejn l-2007 u l-2013, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali alloka EUR 3,2 biljun għall-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, EUR 2,2 biljun għall-iżvilupp ta' infrastruttura kulturali u EUR 553 miljun għal servizzi kulturali li gawda minnhom ukoll il-wirt kulturali.

Bejn l-2014 u l-2020, l-investimenti tal-FEŻR fil-patrimonju jkunu għadhom eliġibbli, f'ċerti kundizzjonijiet, permezz ta' finanzjament dirett, iżda wkoll permezz tal-investiment fir-rivitalizzazzjoni tal-bliet, fl-iżvilupp sostenibbli u fis-sostenn ta' intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

Taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-investiment fil-kultura u fil-patrimonju għandu jagħmel parti mill-istrateġiji ta' żvilupp integrat u ekonomiku sostenibbli. Dan jista' jkopri spettru wiesa' ta' attivitajiet fis-settur pubbliku, f'dak privat u fis-settur tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ (b'mod partikolari lill-SMEs), li l-investimenti tagħhom jikkontribwixxu b'mod dirett għall-għanijiet u l-prijoritajiet ta' investiment tal-fond. L-investimenti fl-infrastruttura kulturali fuq skala żgħira bħala parti minn strateġija territorjali għandhom jikkontribwixxu kemm għall-iżvilupp tal-potenzjal endoġeniku kif ukoll għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u għall-kwalità tal-ħajja, b'mod partikolari fost il-komunitajiet emarġinati, billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għas-servizzi kulturali u rikreattivi fil-kuntesti urbani u rurali.

Il-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali se jkompli jsostni l-konservazzjoni u r-rivitalizzazzjoni tal-wirt kulturali rurali (li ġew investiti fih EUR 1,2 biljun bejn l-2007 u l-2013), u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd se jiffinanzja proġetti ta' żvilupp li jippromwovu l-wirt kulturali – fosthom il-wirt kulturali marittimu – immexxijin mill-komunitajiet f'żoni tas-sajd.

Barra minn hekk, fil-perjodu ta' programmar bejn l-2014 u l-2020, il-proġetti ta' rivitalizzazzjoni urbana se jkomplu jibbenefikaw mill-mekkaniżmi ta' inġinerija finanzjarja (jiġifieri self fuq l-ekwità jew garanziji) Qiegħda titħejja Pjattaforma ġdida ta' Konsulenza Teknika għall-Istrumenti Finanzjarji (FI-TAP) biex tissostitwixxi l-inizjattiva politika JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet), żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea b'mod konġunt mal-Bank Ewropew tal-Investiment u bil-kollaborazzjoni tal-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Promozzjoni tat-turiżmu marbut mal-wirt kulturali u industrijali tal-Ewropa

Il-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità tajba, inklużi prodotti marbutin mal-wirt kulturali u industrijali. Barra milli tappoġġa l-programm tar-rotot kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, l-UE tipprovdi l-għotjiet għall-ħolqien jiew it-titjib ta' rotot kulturali Ewropej li jaqsmu bosta pajjiżi u jikkollegawhom f'narrattiva komuni, bħalma hi "ir-rotta tal-UE fis-sema" li għandha l-għan li tpoġġi lill-Ewropa fir-Rotta Dinjija tal-Astroturiżmu jew "Ir-Rotta tal-Liberazzjoni Ewropea" madwar l-avvenimenti tas-snin 1944-45. Dawn ir-rotot ħafna drabi jikkollegaw destinazzjonijiet li ma tantx huma magħrufin, u b'hekk jikkontribwixxu lejn id-diversifikazzjoni tal-offerta turistika u jnaqqsu l-pressjoni fuq lokalitajiet oħrajn.

Il-wirt kulturali rikk ta' taħt il-baħar tal-Ewropa – vapuri mgħerqa u siti arkeoloġiċi mgħottija mill-baħar li dejjem qed jogħla fil-livell – huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu moħbi, ipperikolat mill-attivitajiet tal-bniedem li dejjem qed jiżdiedu, u l-potenzjal ekonomiku tiegħu mhuwiex sfruttat. Il-Kummissjoni stabbiliet il-pjanijiet biex tippubblika l-mapep ta' dawn is-siti, tipproteġihom billi tiżgura li jiddaħħlu fil-pjanti spazjali, u biex tirrealizza l-potenzjali tagħhom li jiġbdu industrija tat-turiżmu kostali u jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg inqas prekarju. 29

Ir-rivitalizzazzjoni ta' ħiliet antiki u l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda

Problema ewlenija li jiffaċċja s-settur patrimonjali hija l-għajbien progressiv tal-ħiliet u s-snajja tradizzjonali. Ix-xejriet demografiċi jkomplu jikkumplikaw din is-sitwazzjoni, u għalhekk fi ftit żmien se jkun hemm nuqqas ta' ħaddiema ta' ħila. Hemm domanda kbira għall-ħiliet aktar ġodda - bħalma huma t-teknoloġiji tal-informatika - iżda ħafna drabi ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema biex jissodisfaw din id-domanda.

Jeħtieġ li tinżied l-attrattività tal-professjonijiet marbutin mal-patrimonju u li jinħalqu aktar opportunitajiet għat-taħriġ kontinwu, pereżempju billi nisfruttaw l-opportunitajiet li joffri l-Fond Soċjali Ewropew.

Billi jkompli jibni fuq dak li kiseb il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Erasmus+ se jipprovdi aktar opportunitajiet għall-mobbilità fit-tagħlim u jieħu ħsieb in-nuqqas ta' ħiliet billi jappoġġa s-sħubijiet transnazzjonali bejn l-intrapriżi, l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni vokazzjonali u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ. L-Alleanzi tal-Għarfien (għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja) u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali (għat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali) jistgħu jgħinu fit-tfassil u t-twassil ta' kurikuli li jissodisfaw il-ħtiġiet ġodda tas-setturi differenti u jikkollegawhom aħjar mas-suq tax-xogħol. Is-settur tal-wirt kulturali huwa f'pożizzjoni tajba biex jisfrutta dawn l-inizjattivi.

Il-ħidma li qed issir fuq l-iżvilupp ta' profili okkupazzjonali marbutin mas-settur patrimonjali fil-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi se żżid ukoll it-trasparenza tal-kwalifiki u tiffaċilita l-mobbilità transkonfinali ta' ħaddiema speċjalizzati.

2.3.Il-wirt kulturali fir-relazzjonijiet barranija tal-UE

Il-kultura hija ass essenzjali tad-diplomazija pubblika tal-Ewropa – aħna naqsmu l-valuri kulturali u l-programmi ta' finanzjament mas-sħab tagħna, dan iwitti t-triq għal rabtiet aktar mill-qrib bejn l-individwi u bejn l-organizzazzjonijiet.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma attivi f'forums multilaterali u f'organizzazzjonijiet li jindirizzaw politiki dwar il-wirt kulturali, bħalma huma l-Kunsill tal-Ewropa 30 u l-UNESCO 31 , u jmexxu djalogi bilaterali ma' pajjiżi terzi u reġjuni li fihom għandu rwol importanti l-patrimonju.

Fil-politika barranija tal-UE qed jiżdied ukoll l-għarfien tar-riskji li hu espost għalihom il-patrimonju, u tal-vantaġġi għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli , tat-tkabbir favur il-foqra u għar-relazzjonijiet paċifiċi il-politiki dwar il-patrimonju li jkunu mfasslin u implimentati sew.

Din hija opportunità ta' ħidma tal-UE lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. Id-domanda dinjija għall-għarfien espert Ewropew fil-patrimonju 32 qiegħda tikber u hemm bosta Stati Membri li huma lesti li jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar il-ħarsien tas-siti, u lesti li jgħinu lill-pajjiżi sħabhom jiżviluppaw strateġiji sostenibbli msejsin fuq il-komunitajiet.

It-titjib tal-patrimonju tanġibbli u intanġibbli u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu huma prijoritajiet għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika. Fil-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) ukoll huma indirizzati suġġetti marbutin mal-patrimonju u fid-djalogi politiċi li l-Kummissjoni tmexxi ma' sħab strateġiċi bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Fir-reġjun Mediterranju 33 f'dawn l-aħħar tliet snin, l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fis-settur tal-patrimonju qabżet EUR 70 miljun. Fl-Ewropa tax-Xlokk, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea flimkien implimentaw il-Proċess ta' Ljubljana 34 , abbażi tal-premessa li l-programmi patrimonjali jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-iżvilupp ta' soċjetajiet ċivili demokratiċi, paċifiċi u ħielsa. L-amministrazzjoni tal-patrimonju huwa fost il-prijoritajiet tal-inizjattiva ta' Kyiv 35 ukoll, din tinvolvi l-pajjiżi li jiffurmaw parti mis-Sħubija tal-Lvant.

Fid-dawl tal-Aġenda għall-Bidla tal-2011, fil-politika ta' żvilupp tal-UE tal-ġejjieni, l-interventi favur il-patrimonju se jiġu evalwati fuq il-mod ta' kif jindirizzaw il-prijoritajiet ta' żvilupp, bħall-għotja tas-setgħa lis-soċjetà ċivili fil-governanza lokali, is-soluzzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

3.Kif se nimxu 'l quddiem: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-politiki f'kull livell

Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE tista' tagħti, u tabilħaqq tagħti, kontribut lejn il-politiki dwar il-patrimonju u l-governanza fil-livelli nazzjonali u lokali, billi tibni fuq l-Artikolu 167 tat-TFUE ("tirriżalta il-wirt kulturali komuni") u tistabbilixxi qafas b'saffi multipli u għal diversi partijiet ikkonċernati.

L-azzjoni leġiżlattiva diġà saret fl-oqsma ta' kompetenza tal-UE; pereżempju fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali 2014/52, li r-reviżjoni riċenti tagħha ssaħħaħ ir-rekwiżit li l-Istati Membri jivvalutaw l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq il-beni materjali u l-wirt kulturali. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-programm ta' Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, l-għajnuna għall-konservazzjoni tal-kultura u tal-patrimonju huma inklużi bħala kategorija ġdida ta' għajnuna fir-Regolament tal-Eżenzjoni ta' Blokkijiet Ġenerali (REBĠ) 36 . Ir-REBĠ jestendi b'mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-Istati Membri biex jagħtu "għajnuna tajba" lil kumpaniji mingħajr l-iskrutinju minn qabel tal-Kummissjoni, kemm bħala investiment jew bħala għajnuna għat-tħaddim.

Il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-Kunsill li jmiss, li jibda fl-2015, se joffri l-opportunità li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK). . Il-Ministri tal-Kultura tal-UE dan l-aħħar 37 qablu li l-patrimonju għandu jkun qasam ta' prijorità għall-ħidma tal-MMK fil-ġejjieni. F'dan ir-rigward, il-kwistjonijiet importanti jinkludu t-titjib tal-bażi tal-evidenza għall-politiki, għall-innovazzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-patrimonju, u fl-aħjar użu tal-fondi strutturali u ta' programmi oħrajn tal-UE. Il-patrimonju se jiġi ttrattat ukoll fid-djalogu strutturat tal-Kummissjoni mas-soċjetà ċivili.

Biex ikun żgurat il-fluss ta' informazzjoni mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili, u biex tissaħħaħ l-interfaċċa bejn il-politiki nazzjonali u dawk tal-UE, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-appoġġ tal-UE għall-politiki u għall-programmi dwar is-settur patrimonjali permezz ta' eżerċizzju ta' mmappjar tal-attivitajiet tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni, li se jiġi ppubblikat onlajn b'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni 38 u li se jiġi rivedut u aġġornat b'mod regolari.

Permezz tal-programm Ewropa Kreattiva, huwa ppjanat proġett pilota li jippromwovi t-tagħlim bejn il-pari fost l-ibliet u r-reġjuni, biex jgħin fit-tixrid tal-prassi tajba fl-industriji kulturali u kreattivi, fosthom il-patrimonju. Il-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, se tippromwovi wkoll l-iżvilupp ibbażat fuq il-patrimonju mmexxi fuq bażi lokali, fit-territorju tal-Unjoni, billi tidentifika mudelli ġodda għall-governanza minn diversi partijiet ikkonċernati u twettaq esperimenti diretti fuq il-post.

Flaħħar nett, il-patrimonju ngħata attenzjoni speċjali fil-Forum Ewropew tal-Kultura u se jibqa' jiġi ttrattat f'edizzjonijiet fil-ġejjieni.

4.Konklużjoni

Din il-Komunikazzjoni teżamina dak li tista' tagħmel l-UE biex ittejjeb il-valur intrinsiku tal-patrimonju u biex tutilizza l-potenzjal ekonomiku u soċjali tiegħu. L-esperjenza Ewropea turi li huwa possibbli li wieħed jipprogressa mill-apprezzament tal-uniċità tal-patrimonju tiegħu għal interess fil-patrimonju tal-oħrajn u rispett għalih.

Il-Kummissjoni issa tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex b'mod konġunt jeżaminaw kif il-politiki pubbliċi fil-livelli kollha, inkluż f'dak tal-UE, jistgħu jintużaw aħjar biex joħorġu l-valur fuq terminu ta' żmien twil u tas-sostenibbiltà tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u jiżviluppaw approċċ aktar integrat lejn il-preżervazzjoni u l-valorizzazzjoni tiegħu.

(1) It-TFUE 36 jippermetti l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta' importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fit-tranżitu bil-għan li jitħarsu t-teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku. Id-Direttiva 93/7/KEE fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru ġiet adottata skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, biex tassigura li oġġetti kulturali li huma kklassifikati bħala teżori nazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 36 tat-TFUE, jintroddu lura. Din id-Direttiva issa ġiet riformulata bid-Direttiva 2014/60/UE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali tkun suġġetta għal kontrolli uniformi fil-fruntieri esterni tal-UE. L-Artikolu 107 (3) (d) tat-TFUE jistipula li "l-għajnuna sabiex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-wirt" tista' titqies li hi kompatibbli mas-suq intern "meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni".
(2) COM(2007)242 finali u r-Reżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura
(3) ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/european-coop_en.htm  
(4) ec.europa.eu/debate-future-europe/new-narrative/pdf/declaration_en.pdf  
(5) It-tħejjija ta' din il-komunikazzjoni gawdiet ix-xogħol li sar mill-grupp ta' Riflessjoni "L-UE u l-Patrimonju Kulturali", taħt presidenzi suċċessivi tal-UE, u li beda bid-dikjarazzjoni ta' Bruges taħt il-presidenza Belġjana tal-2010 ( www.culture-dev.eu/pdf/fr/DeclarationofBrugesEN.pdf ) u tkompla tul il-presidenza Litwana tal-2013 u Griega tal-2014. Ingħataw kontributi importanti wkoll mingħand il-Forum tal-Mexxejja Patrimonjali Ewropej u mingħand il-Forum Legali tal-wirt Ewropew 3.3.
(6) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli, adottat fil-21 ta' Mejju 2014: register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&f=ST%209129%202014%20INIT  
(7) ec.europa.eu/culture/policy/culture-policies/cultural-heritage_en.htm  
(8) www.eenc.info/news/the-social-and-economic-value-of-cultural-heritage-literature-review
(9) www.fiec.eu/en/library-619/key-figures.aspx
(10) www.economie.gouv.fr/files/03-rapport-igf-igac-culture-economie.pdf  
(11) hc.english-heritage.org.uk/content/pub/HC-Eng-2010  
(12) www.wttc.org/site_media/uploads/downloads/european_union2014.pdf ; Ir-rata tal-kambju ta' referenza tal-BĊE bejn id-Dollaru Amerikan u l-Euro għall-2013 huwa 1,3281
(13) epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Tourism_industries_-_economic_analysis  
(14) Stħarriġ tal-EWROBAROMETRU dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-turiżmu ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_328_en.pdfEUROBAROMETER
(15) www.europanostra.org/UPLOADS/FILS/Amsterdam_declaration_as%20adopted%20by%20GA_11062011.pdf
(16) EUROBAROMETER Special Report 399, 2013, on Cultural Access and Participation: ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_399_en.pdf
(17) www.enumerate.eu/fileadmin/ENUMERATE/documents/ENUMERATE-Digitisation-Survey-2014.pdf
(18) Il-Bank Ewropew tal-Investiment, b'kollaborazzjoni ma' Europa Nostra, ukoll isostni l-ħarsien tas-seba' siti li huma l-aktar ipperikolati fl-Ewropa, magħżulin kull sena: www.europanostra.org/7-most-endangered  
(19) www.jpi-culturalheritage.eu/ and www.heritageportal.eu
(20) ec.europa.eu/research/infrastructures/pdf/esfri-strategy_report_and_roadmap.pdf
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020
(22) ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/topics/2102-reflective-9-2014.html
(23) Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku.
(24) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/711/KE tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali
(25) Ir-Rakkomandazzjoni 2005/865/KE dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta' attivitajiet industrijali relatati
(26) ir-rapporti tal-2008, tal-2010 u tal-2012 jinsabu fuq ec.europa.eu/digital-agenda/en/protection-film-heritage  
(27) ec.europa.eu/digital-agenda/en/cinema-expert-group-subgroup-film-heritage
(28) ec.europa.eu/culture/library/reports/com272_en.pdf
(29)

   COM(2014)254 dwar l-innovazzjoni fl-ekonomija blu; COM(2013)133 dwar l-ippjanar spazjali marittimu.

(30) Il-Konvenzjoni Qafas tal-2011 dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà tal-Kunsill tal-Ewropa (il-Konvenzjoni Faro), torbot b'mod innovattiv il-patrimonju komuni tal-Ewropa mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem. Fiha wkoll definizzjoni tal-patrimonju li huwa ta' influwenza kbira.
(31) Id-dikjarazzjoni ta' Hangzhou, li ġiet adottata fil-Kungress Internazzjonali tal-UNESCO "Il-Kultura: Soluzzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli" 15-17 ta' Mejju 2013), teħtieġ l-integrazzjoni sħiħa tal-kultura fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja kollha, u li l-politiki u l-programmi nazzjonali jittejbu biex jiżguraw il-ħarsien u l-promozzjoni tal-patrimonju.
(32) Pereżempju, il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffiku illeċitu tal-beni kulturali, u fil-ħarsien ta' arkivji nazzjonali, huma msemmija b'mod espliċitu fid-Dikjarazzjoni tal-għeluq tar-Raba' Samit UE-Afrika, li sar bejn it-2 u t-3 ta' April 2014.
(33) www.euromedheritage.net/
(34) ec.europa.eu/culture/documents/ce_precatalogue_ljubljana_e.pdf
(35) www.coe.int/t/dg4/cultureheritage/cooperation/Kyiv/default_en.asp
(36) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.
(37) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-patrimonju kulturali bħala riżors strateġiku għal Ewropa sostenibbli, adottat fil-21 ta' Mejju 2014
(38) ec.europa.eu/culture/policy/culture-policies/cultural-heritage_en.htm
Top