EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE7288

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013” (COM(2014) 905 final)

OJ C 268, 14.8.2015, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013”

(COM(2014) 905 final)

(2015/C 268/06)

Relatur:

is-Sur David CROUGHAN

Korelatur:

is-Sur Carmelo CEDRONE

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013”

(COM(2014) 905 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Marzu 2015.

Matul il-506 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Marzu 2015 (seduta tad-19 ta’ Marzu 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-regoli ta’ governanza ekonomika Ewropea, li nħolqu fil-kriżi, qdew rwol importanti fil-konsolidazzjoni fiskali, il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u bl-introduzzjoni ta’ abbozz ta’ valutazzjoni baġitarja mexxew ‘il quddiem ukoll l-integrazzjoni fiskali. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li l-ispiża kienet għolja wisq f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, u li l-Unjoni Ewropea, meta mqabbla mal-bqija tal-ekonomiji avvanzati, baqgħet lura fil-ħruġ mill-kriżi attwali, li juri fallimenti fil-politiki u dan l-aktar minħabba n-natura mhux kompluta tal-governanza ekonomika tagħha f’unjoni ekonomika u monetarja.

1.2.

Il-miżuri stabbiliti fil-qafas tas-Semestru Ewropew bdew il-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali u l-bini tal-kredibbiltà, iżda l-approċċ ibbażat fuq ir-regoli, filwaqt li huwa adatt għal żminijiet normali, issa sar parti mill-problema. L-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà jeħtieġu aktar riżorsi biex joħorġu mit-triq magħluqa tar-reċessjoni u jiggarantixxu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u permezz tat-tkabbir, konsolidazzjoni fiskali sostenibbli.

1.3.

Il-KESE jikkunsidra li l-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jitħalla jitqabad mar-riċessjoni attwali fiż-żona tal-euro waħdu. Il-miżuri tal-QE, li issa qed jieħu wkoll il-BĊE jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn inizjattivi ta’ politika akbar fl-Istati Membri u li jmorru lil hinn mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa mħabbar mill-Kummissjoni.

1.4.

Id-differenzi fil-kompetittività relattiva tal-Istati Membri f’Unjoni Ekonomika u Monetarja, li preċedentement kienu jiġu ekwilibrati permezz ta’ aġġustamenti ‘l fuq u ‘l isfel tal-munita, ma jistgħux sempliċiment jiġu indirizzati billi jitħeġġu, taħt il-piena tal-penali, rakkomandazzjonijiet u riformi fost dawk li huma meqjusa mhux kompetittivi biss.

1.5.

Għandhom jinħolqu b’mod urġenti mekkaniżmi u strumenti konkreti mfassla għal koordinazzjoni tajba tal-politika ekonomika li twassal għal konverġenza u solidarjetà. Dan il-proċess m’għandux jinvolvi bidla fit-Trattat fl-ewwel istanza iżda l-KESE huwa tal-fehma li fit-tul ser ikun hemm bżonn ta’ bidla fit-Trattat.

1.6.

Fir-reviżjoni tal-QFP fl-2016, hemm bżonn li jingħataw appoġġ ir-riformi strutturali urġenti b’interess komuni tal-UE, inkluż l-ibbilanċjar makroekonomiku, b’xi forma ta’ kapaċità fiskali bħall-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività propost fil-Pjan ta’ Azzjoni.

1.7.

Il-KESE huwa mħasseb li l-bilanċ strutturali, li huwa varjabbli mhux osservabbli bbażat fuq kalkoli teoretiċi u kontestati ta’ differenza fil-produzzjoni, u li huwa suxxettibbli għal reviżjonijiet serji, għandu rwol ewlieni fil-kompitu preventiv u korrettiv tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv.

1.8.

Fil-proċess tas-Semestru, it-tnaqqis tad-defiċit annwali tal-gvern jingħata iktar piż bħala rimedju quddiem għall-proporzjoni ta’ dejn għoli/PDG minn aktar miżuri siewja li jżidu t-tkabbir fil-PDG. Il-Kummissjoni m’għandhiex tissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biss iżda twettaq ukoll analiżi ex-post tar-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-kisba ta’ żieda fl-output u t-tkabbir tal-Istat Membru inkwistjoni kif ukoll toħloq impjiegi ta’ kwalità.

1.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi li tqiegħdet fuq l-użu tal-flessibbiltà fir-regoli tal-PST, fejn il-Kummissjoni ser tqis ċerti investimenti pubbliċi meta tikkalkula d-defiċit fiskali, iżda jqis li din hija miżura limitata u parzjali. Devjazzjoni raġonevoli mill-parametru ta’ 3 % għandha titqies bħala eċċezzjoni temporanja għal ċertu numru ta’ snin u ma tkunx awtomatikament soġġetta għal sanzjonijiet.

1.10.

Id-defiċit demokratiku ta’ korpi mhux eletti li jkollhom vuċi importanti fil-governanza għandu r-riskju li joħloq nuqqas ta’ sjieda tar-rakkomandazzjonijiet u ostilità għall-proġett Ewropew. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jista’ jiġi miġġieled bl-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fit-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

1.11.

Il-PE għandu jaqdi rwol b’saħħtu fit-twaqqif tal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ kull semestru u fis-sorveljanza parlamentari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirreklamaw il-proċess tas-Semestru b’mod iktar mifrux sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmuh aħjar.

2.   Ir-Rieżami tal-governanza ekonomika fil-qosor

2.1.

Is-Semestru Ewropew, li ġie introdott fl- 2011, kien appoġġjat mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) imsaħħaħ, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011, b’sett ġdid ta’ regoli għall-ekonomija u s-sorveljanza fiskali, li kien jikkonsisti f’ħames regolamenti u direttiva waħda – flimkien magħrufa bħala s-“six-pack”. Fit-30 ta’ Mejju 2013 żdiedu żewġ regolamenti magħrufa bħala t-“Two-pack” biex ikomplu jtejbu l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Din ir-reviżjoni tikkonċerna l-effettività tas-seba’ regolamenti u d-direzzjoni tal-iżviluppi fil-ġejjieni. Hija tindirizza b’mod ġenerali tliet elementi tal-governanza fiskali fil-livell tal-UE: is-sorveljanza fiskali (1), l-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u l-moniitoraġġ u s-sorveljanza tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jesperjenzaw diffikultajiet fl-istabbiltà finanzjarja (3).

3.   Kummenti dwar il-governanza ekonomika eżistenti

3.1.   Sorveljanza fiskali

3.1.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015, ippubblikat flimkien mar-Rieżami tal-Governanza Ekonomika, fuq Semestru simplifikat u msaħħaħ billi jiġu simplifikati l-istadji varji u r-riżultati tagħhom kif titlob l-opinjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014 (4).

3.1.2.

Il-KESE jemmen li s-Semestru jaqdi rwol indispensabbli fil-proċess ta’ konverġenza u aġġustament. Il-Kumitat talab ukoll għat-tnedija ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u simplifikazzjoni fi sforz konġunt bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili (5).

3.1.3.

Il-Kumitat jilqa’ l-avvanz fl-integrazzjoni fiskali li ġabet magħha l-introduzzjoni ta’ aġenda komuni għall-Istati Membri, li titlob li jressqu u jippubblikaw abbozzi ta’ pjani baġitarji, sorveljati minn korpi indipendenti nazzjonali, sa nofs Ottubru ta’ kull sena, sabiex il-Kummissjoni tressaq il-kummenti tagħha qabel l-adozzjoni finali mill-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-proċess għandu jsir wieħed iktar demokratiku u trasparenti filwaqt li jiġi reklamat b’mod iktar mifrux mill-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmuh aħjar. Il-Kumitat jilqa’ valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-rwol u l-kwalità ta’ korpi nazzjonali indipendenti.

3.1.4.

Il-Kumitat jinnota fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-baġit tal-2015 li t-tnaqqis fl-isforz fiskali fl-2015 ser jirriżulta f’qagħda pjuttost newtrali fiż-żona tal-euro. Huwa jinnota wkoll li mis-seba’ pajjiżi li joħolqu riskju ta’ nuqqas ta’ konformità, tlieta kapaċi jiffaċċjaw ċertu passi tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv f’Marzu. Din il-proċedura tkun teħtieġ ukoll aktar trasparenza, konsultazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, u sorveljanza mill-Parlament Ewropew.

3.1.5.

Fil-perijodu qasir ta’ reviżjoni, il-Kumitat jemmen li r-regoli fiskali riformati tal-UE skont ir-regolamenti rilevanti dwar is-sorveljanza fiskali, mingħajr l-ebda dubju kellhom rwol fl-indirizzar tal-konsolidazzjoni fiskali kif juri d-defiċit tal-UE-28 li niżel minn 4,5 % tal-PDG fl-2011 għal 3 % fl-2014.

3.1.6.

L-ispiża, madankollu, kienet għolja għas-suċċess veru limitat li kellha u li jindika l-fallimenti fil-politika tal-UE fejn jidħol kontribut fit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Mill-banda l-oħra, fl-istess perjodu, id-defiċit tal-Istati Uniti niżel minn 10,6 % għal 4,9 %; it-tkabbir tal-PDG tal-Istati Uniti aċċellera minn 1,6 % għal 2,4 % (fl-UE niżel minn 1,7 % għal 1,3 %); il-qgħad fl-Istati Uniti naqas minn 8,9 % għal 6,2 % (fl-UE żdied minn 9,6 % għal 10,2 %) u b’mod partikolari fl-Istati Uniti l-okkupazzjoni żdiedet b’6,3 % filwaqt li fl-UE stagnat għal - 0,1 %.

3.1.7.

Il-KESE huwa ferm inqas ottimist mill-Kummissjoni li l-miri tad-defiċit strutturali skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv jippermettu pariri ta’ politika aktar preċiżi u trasparenti. Filwaqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li din il-miżura, billi hija mneżża’ mid-distorsjoni taċ-ċiklu ekonomiku u miżuri fiskali ta’ darba, toffri l-opportunità ta’ stampa aktar trasparenti, hija madankollu sservi ta’ varjabbli mhux osservabbli bbażat fuq kalkoli teoretiċi u kontestati ta’ differenzi potenzjali fil-produzzjoni, u hija suxxettibbli għal reviżjonijiet sostanzjali, u f’xi każijiet tista’ twassal għal deċiżjonijiet ta’ politika foqra.

3.1.8.

Il-proporzjon ta’ dejn/PDG huwa element importanti ta’ sostenibbiltà fiskali. Dan għandu żewġ komponenti: l-ammont ta’ dejn u d-daqs tal-PDG, li ma jistgħux isegwu mingħajr kunsiderazzjoni tal-impatt fuq xulxin. Approċċ li jikkonċentra fuq tnaqqis mgħaġġel iżżejjed fid-defiċit bil-għan li jkompli jonqos l-ammont ta’ dejn jista’, jekk jirriżulta fi staġnar jew tnaqqis tal-PDG, ikollu effett kontroproduttiv f’termini tal-għan li jitnaqqas il-proporzjon ta’ dejn/PDG.

3.1.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi li tpoġġiet fuq l-użu ta’ flessibbiltà fi ħdan ir-regoli tal-PST, fejn il-Kummissjoni (hi u teżamina kemm hi tajba l-qagħda baġitarja ta’ Stat Membru) ser tqis: a) l-investimenti pubbliċi fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; b) l-investimenti assoċjati ma’ kofinanzjament taħt il-fondi strutturali; c) riformi li jkollhom impatt fit-tul fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; u d) kundizzjonijiet ċikliċi (6). Fil-fehma tal-KESE, madankollu, dan jirrappreżenta miżura limitata u parzjali.

3.1.10.

Il-KESE jwissi li minkejja xi impenn imsaħħaħ mal-PE u żieda fl-impenn mal-parlamenti nazzjonali permezz ta’ missjonijiet fuq il-post u sorveljanza tal-abbozzi tal-baġits fiż-żona tal-euro, l-iżbilanċ demokratiku jibqa’ fil-qalba tal-proċess b’istituzzjonijiet bi kważi l-ebda responsabbiltà li għandhom influwenza sinifikanti fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali.

3.1.11.

Nuqqas ta’ kontribut (jiġifieri l-ebda involviment nazzjonali reali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet) li ma jkunx ibbilanċjat b’kontribut tajjeb (jiġifieri soluzzjonijiet tajba tal-problemi ekonomiċi) jirriżulta f’sjieda mingħajr ħeġġa tal-programmi ekonomiċi u ostilità dejjem ikbar għall-proġett Ewropew kif urew l-elezzjonijiet Ewropej (7).

3.1.12.

Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet ex-post mhux biss tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħha fl-Istati Membri, iżda anki ta’ jekk dawn għamlux promozzjoni effettiva tar-ritorn tal-ekonomija lejn triq sostenibbli, mhux f’termini ta’ aġġustamenti finanzjarji u baġitarji biss iżda anki f’termini ta’ tkabbir ekonomiku, żvilupp u ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

3.2.   Proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku

3.2.1.

Il-Kumitat jirrikonoxxi u jappoġġja l-ħtieġa ta’ proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) għaliex sorveljanza ta’ varjabbli mhux baġitarji ewlenin tista’ tidentifika tendenzi ħżiena qabel ma jiġu stabbiliti. Il-kriżi indikat sew il-falliment tal-PST li jsegwi biss il-bilanċi fiskali, filwaqt li jinjora jew jindirizza b’mod marġinali, il-kwistjonijiet tal-iżvilupp u l-impjiegi.

3.2.2.

Il-PE għandu jaqdi rwol b’saħħtu fit-twaqqif tal-prijoritajiet ekonomiċi ta’ kull semestru u fis-sorveljanza parlamentari tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (8).

3.2.3.

Ta’ tħassib kbir għall-Kumitat huwa approċċ unilaterali għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Il-problema titqies bħala waħda kompletament nazzjonali u l-enfasi qiegħda kważi kollha fuq il-korrezzjoni tal-iżbilanċi dannużi u viżjoni pożittiva tal-bilanċi favorevoli. Sabiex dawn jiġu indirizzati tajjeb, hemm bżonn valutazzjoni tal-iżbilanċi u l-impatt mifrux tagħhom fuq l-ekonomija tal-Ewropa kollha.

3.2.4.

Biex jiġi żgurat li l-MIP u b’hekk ukoll il-proġett Ewropa 2020 ma jkunux il-falliment li kienet l-Aġenda ta’ Lisbona, il-Kummissjoni jeħtieġ li tinvestiga metodu aħjar ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tkun lesta li qabel ma tirrikorri għall-aħħar għażla tas-sanzjonijiet, twettaq segwitu tal-proċess u tipprovdi inċentivi għall-Istati Membri (flessibbiltà, regoli tad-deheb).

3.2.5.

B’kuntrast mas-sorveljanza baġitarja, li tipikament ikollha riżultati li jitkejlu faċilment u fuq perjodu qasir, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jiffurmaw parti sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jirreferu għal politiki u riżultati iktar flessibbli bħall-kompetittività, jew diversi aspetti tal-ambjent tan-negozju jew riformi tas-sistema soċjali, fejn il-livell ta’ implimentazzjoni jew ta’ impatt jista’ jkun diffiċli biex jitkejjel.

3.2.6.

Fir-reviżjoni tal-QFP fl-2016 hemm bżonn li jingħataw appoġġ lir-riformi strutturali urġenti b’interess Ewropew komuni inkluż l-ibbilanċjar makroekonomiku ġdid b’xi forma ta’ kapaċità fiskali. Il-KESE jħeħħeġ li jiġu kkunsidrati dawn l-istrumenti possibbli: l-Istrument ta’ Konverġenza u Kompetittività sabiex l-ekonomiji taħt pressjoni jkunu jistgħu jimplimentaw riformi strutturali urġenti ta’ interess komuni Ewropew elenkati fis-sitt paġni tal-Pjan ta’ azzjoni għal UEM profonda u ġenwina (9); kunsiderazzjoni ġdida tal-Green Paper dwar il-Bonds ta’ Stabbiltà li ntalbet fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, li qed jiġi rivedut f’din l-opinjoni u xi forma ta’ skema ta’ assigurazzjoni soċjali minima għall-ekonomiji taħt pressjoni.

3.2.7.

Il-Kummissjoni tgħid li reviżjonijiet profondi huma l-qalba tal-MIP u li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tagħhom jispiċċaw fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-KESE jappoġġja din il-prattika, li għandha l-potenzjal li tipproduċi analiżi iktar profonda peress li tinvolvi missjonijiet fuq il-post, li jżidu ħafna fl-għarfien tal-ekonomija taħt reviżjoni, u għandha wkoll il-valur miżjud tal-uffiċjali tal-Kummissjoni u l-uffiċjali tal-finanzi nazzjonali li jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ ħidma utli.

3.2.8.

Billi r-riformi taħt l-MIP huma ta’ benefiċċju iktar fit-tul, hemm tħassib li l-gvernijiet nazzjonali ma jqisuhomx bħala prijorità u li l-implimentazzjoni tagħhom tibqa’ biss wegħda fix-xejn. Parti kruċjali tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż biex jikkoreġu l-iżbilanċi għandha tiffoka fuq it-tlestija tas-suq intern.

3.2.9.

Il-parteċipazzjoni ġenwina tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali f’dan il-qasam tas-Semestru Ewropew tkun mod importanti ta’ kif tiġi żgurata l-konformità u kif jissaħħu l-profil politiku u s-sjieda fil-livell nazzjonali tagħha.

3.2.10.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-lezzjonijiet dwar kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jinteraġixxu bl-aħjar mod, jistgħu jittieħdu mill-esperjenza tal-pajjiżi ta’ aġġustament, fejn twettqet sorveljanza kontinwa u profonda.

3.2.11.

Dokument ta’ ħidma tal-ECFIN jissuġġerixxi li fuq perjodu ta’ sentejn, 2012-2013, ġew implimentati 41 % (perċentwal xejn impressjonanti) tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li kien hemm deterjorament żgħir bejn is-snin (10), li jista’ jkun sinjal ta’ twissija. Għandna bżonn valutazzjoni tar-raġunijiet għad-distakk eżistenti bejn ir-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjoni tagħhom.

3.2.12.

Il-KESE jwissi li l-approċċ tat-tabella ta’ valutazzjoni, li huwa approċċ rigressiv u għodda ewlenija ta’ ġustifikazzjoni tar-reviżjonijiet fil-fond, mhux neċessarjament jidentifika l-akkumulazzjoni ta’ żbilanċi tal-istokkijiet li jistgħu jwasslu għal kriżi futura. Għalhekk, hemm il-periklu li dawk li jfasslu l-politika ma jiġux pprovduti b’bażi solida biex jieħdu azzjoni effettiva (11) u jista’ jkun li jisfaw imfixkla minn fokus politiku iktar kruċjali.

3.3.   Il-pajjiżi taż-żona tal-euro f’diffikultajiet ta’ stabbiltà finanzjarja

3.3.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ appoġġ, permezz ta’ sorveljanza ffukata, għal pajjiżi li 1) jesperjenzaw jew huma mhedda minn diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom jew 2) jitolbu jew jirċievu assistenza finanzjarja minn istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri oħra jew mill-FMI.

3.3.2.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li fil-każ li dawn jidħlu fi programm ta’ aġġustament makroekonomiku, l-obbligi l-oħra kollha, inkluż is-Semestru Ewropew, huma sospiżi u li dawn l-Istati Membri huma soġġetti għal proċess kontinwu ta’ sorveljanza wara l-programm.

3.3.3.

Il-proċess li jkopri l-perjodu li fih Stat Membru jfittex li japplika għal assistenza finanzjarja għadu ma ġiex valutat billi dan ir-Regolament daħal fis-seħħ wara li l-erba’ pajjiżi tal-programm kien diġà daħlu fi programm ta’ aġġustament.

3.3.4.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika studju dwar ir-riżultati tal-programmi ta’ aġġustament fl-erba’ pajjiżi, b’mod partikolari biex jiġi evalwat jekk ir-riżultat inqas pożittivi f’wieħed minnhom setax jiġi mitigat permezz ta’ approċċ differenti mill-Kummissjoni.

4.   Bżonn ta’ viżjoni iktar profonda għall-governanza tal-UEM

4.1.

L-UE hija waħda mill-akbar u l-aktar blokok ekonomiċi prosperi fid-dinja li s’issa ssopravivew fuq sistema ta’ governanza ekonomika li ma tiffunzjonax tajjeb u li tirriżulta mid-deċiżjoni li tinħoloq unjoni ekonomika u monetarja b’munita unika u politika monetarja unika filwaqt li fl-istess ħin jinżammu politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali.

4.2.

Il-KESE jikkunsidra li l-Bank Ċentrali Ewropew ma jistax jitħalla jitqabad mar-riċessjoni attwali fiż-żona tal-euro waħdu. Il-miżuri tal-QE, li issa qed jieħu wkoll il-BĊE jeħtieġ li jiġu akkumpanjati minn inizjattivi ta’ politika akbar fl-Istati Membri. Il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa li ħabbret il-Kummissjoni huwa pass neċessarju iżda insuffiċjenti fid-direzzjoni t-tajba. Mingħajr aktar integrazzjoni fiskali, l-approċċ nazzjonali lejn il-koordinazzjoni ekonomika fis-Semestru Ewropew ma jippermettix liż-żona tal-euro li ssegwi pożizzjoni fiskali xierqa.

4.3.

Il-kriżi kixfet difetti kbar li huma theddida eżistenzjali għall-euro. Hija imponiet riformi maġġuri fil-governanza ekonomika, li tfasslu u twaqqfu malajr permezz ta’ trattati intergovernattivi minflok bil-metodu Komunitarju. Id-differenzi fil-kompetittività relattiva tal-Istati Membri f’Unjoni Ekonomika u Monetarja, li preċedentement kienu jiġu ekwilibrati permezz ta’ aġġustamenti ‘l fuq u ‘l isfel tal-munita, ma jistgħux sempliċiment jiġu indirizzati billi jitħeġġu, taħt il-piena tal-penali, rakkomandazzjonijiet u riformi fost dawk li huma meqjusa mhux kompetittivi biss.

4.4.

Il-miżuri stabbiliti fil-qafas tas-Semestru Ewropew bdew il-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali u l-bini tal-kredibbiltà, iżda l-approċċ ibbażat fuq ir-regoli, filwaqt li huwa adatt għal żminijiet normali, issa sar parti mill-problema. Il-KESE jqis li l-governanza ekonomika (b’mod partikolari fiż-żona tal-euro) ma tistax tibqa’ titħalla biss f’idejn regolamenti li qed jiġu riveduti bħalissa. L-Istati Membri li jinsabu f’diffikultà jeħtieġu aktar riżorsi biex joħorġu mit-triq magħluqa tar-reċessjoni u jiggarantixxu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u permezz tat-tkabbir, konsolidazzjoni fiskali sostenibbli.

4.5.

Il-KESE għandu l-istess tħassib li ġġenera r-rapport annwali dwar l-iżviluppi soċjali fl-Ewropa, li ġie ppubblikat reċentement mill-Kummissjoni (12), u li jistqarr li l-miżuri implimentati sabiex jindirizzaw il-kriżi “żiedu stress finanzjarju u l-livelli tad-dejn fost il-familji, żiedu l-faqar u l-esklużjoni soċjali” u li “id-deterjorament tas-sitwazzjoni soċjali għal perjodu twil ta’ żmien kellu impatt negattiv fuq it-twemmin u l-fiduċja tal-pubbliku fl-abbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet li jindirizzaw problemi bħal dawn”. Id-data tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tax-xogħol (part-time, mhux sigur u mhux stabbli) u l-qgħad partikolarment fost iż-żgħażagħ hija impressjonanti.

4.6.

Il-KESE jitlob li l-indikaturi soċjali (13) jaqdu rwol aktar prominenti fit-tabella ta’ valutazzjoni u jintużaw biex jirregolaw il-politiki baġitarji, l-ewwelnett is-Semestru, sabiex ma jiġux mhedda l-prinċipji fundamentali tal-UE – żvilupp ekonomiku armonjuż u bbilanċjat, tkabbir sostenibbli u favur l-ambjent, rata għolja ta’ konverġenza ekonomika, rata għolja ta’ impjiegi u protezzjoni soċjali, koeżjoni ekonomika u soċjali, solidarjetà bejn l-Istati Membri – kif stabbilit mit-Trattati ta’ Ruma u suċċessivament ankrati fit-Trattati ta’ Maastricht, Amsterdam u Lisbona iżda mhux meqjusa biżżejjed fil-Patt Fiskali u t-testi relatati kollha.

4.7.

Sabiex tingħata tifsira ġdida l-integrazzjoni tal-Istati Membri, u b’mod partikolari l-pajjiżi taż-żona tal-euro, jeħtieġ li nipproponu approċċ ta’ governanza Ewropea li jippermettu lill-pajjiżi bl-ogħla livelli ta’ dejn u livelli żero jew negattivi tal-PDG li jwettqu l-investimenti meħtieġa biex jerġgħu jrendu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom kompetittivi u jagħtu bidu għall-iżvilupp. Approċċ bħal dan għandu jikkunsidra l-prinċipji ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali fit-Trattati fundaturi tal-UE.

4.8.

Devjazzjoni raġonevoli mill-parametru ta’ defiċit ta’ 3 % fl-Istati Membri għandha titqies bħala eċċezzjoni temporanja għal ċertu numru ta’ snin u b’hekk ma twassalx għal sanzjonijiet b’mod awtomatiku. Taħt l-approċċ il-ġdid ta’ governanza, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtiġijiet tal-pajjiżi f’diffikultà, tivvaluta jekk il-pjan ta’ investiment propost mill-Istat Membru huwiex adatt u fattibbli fid-dawl tal-impenji meħuda (programm ta’ stabbiltà/konverġenza u l-programm nazzjonali ta’ riforma) fis-Semestru Ewropew u stabbilit fis-Semestru Ewropew, u tapprovah taħt is-sorveljanza tal-Parlament Ewropew.

4.9.

Il-parametri li jintużaw għall-iżvilupp tal-baġits u l-interpretazzjoni tad-data għandhom ikunu uniformi u allinjati u għandhom japplikaw għall-pajjiżi kollha u l-amministrazzjonijiet tagħhom, bi proċedura trasparenti, komprensibbli u pubblika. Regolament uniku b’regoli ċari u sempliċi jista’ jkun biżżejjed biex jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-parlamenti nazzjonali.

4.10.

B’dan l-approċċ, is-Semestru għandu jinbidel f’opportunità kbira għal UEM bil-ħsieb li terġa’ tinbena l-fiduċja reċiproka u jitnieda proċess komuni, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riformi strutturali (li jrid ikun hemm qbil dwarhom għall-pajjiżi kollha fiż-żona tal-euro) u għall-baġit. Il-qafas regolatorju ġdid għandu jevolvi lejn baġit ġdid għaż-żona tal-euro u l-valutazzjoni ta’ proċedura komuni ta’ żvilupp bl-akbar trasparenza u onestà possibbli bħala l-prinċipji ewlenin tal-opinjoni pubblika Ewropea

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p 1);

Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 306, 23.11.2011, p 12); u

Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p 11).

(2)  Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p 8); u

Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

(3)  Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p 1).

(4)  ĠU C 214, 8.7.2014, p. 46.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss, (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10).

(6)  COM(2015) 12 final.

(7)  Rapport Speċjali tas-CEPS Nru. 98, Inżidu l-Leġittimità tal-Governanza tal-UEM, Diċembru 2014.

(8)  Ibid.

(9)  COM(2013) 165 final.

(10)  ECFIN Economic Brief, Ħarġa 37, Ottubru 2014, L-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi – l-Istati Membri tal-UE qegħdin jirrispondu għar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew?

(11)  Daniel Gros u Alessandro Giovannini, Istituto Affari Internazionali Nru 14, Marzu 2014, L-importanza “relattiva” ta’ żbilanċi makroekonomiċi tal-UEM fl-MIP.

(12)  Employment and Social Developments in Europe, Diċembru 2014.

(13)  Pereżempju: it-tkabbir tal-PDG, il-qgħad, il-qgħad fit-tul, il-persuni f’riskju ta’ faqar, l-investiment pubbliku, ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet u l-pagi, eċċ.


Top