Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0813

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom

/* COM/2013/0813 final - 2013/0402 (COD) */

52013PC0813

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom /* COM/2013/0813 final - 2013/0402 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Ewropa hi f'saħħitha fix-xjenza u l-innovazzjoni u għandha l-potenzjal li tkun fuq quddiem nett globalment. L-isforz għal xjenza ta' kwalità mhuwiex biss l-għan tar-riċerkaturi, imma jipprovdi dħul importanti kemm pubbliku u kemm privat.  Madankollu, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) b'mod globali fi ħdan l-UE mhuwiex misjuq biżżejjed min-negozji meta mqabbel ma' xi wħud mill-imsieħba kummerjali ewlenin, b'mod partikolari l-Istati Uniti u l-Ġappun. Investiment subottimali tan-negozju fir-R&Ż għandu impatt negattiv fuq l-introduzzjoni ta’ prodotti, proċessi, servizzi u kompetenzi ġodda.

Għalhekk wieħed jixtieq li jtejjeb il-kundizzjonijet ta' attività innovativa tan-negozju. Bħala parti mill-strateġija usa’ tagħha Ewropa 2020, il-Kummissjoni impenjat ruħha li toħloq Unjoni tal-Innovazzjoni, tipproteġi l-investimenti fil-bażi tal-għarfien, tnaqqas il-frammentazzjoni li tiswa ħafna flus, u tagħmel l-Ewropa post aktar sodisfaċenti għall-innovazzjoni. Ambjent li jwassal għall-innovazzjoni għandu b’mod partikolari jħeġġeġ livelli ogħla ta’ investiment fir-R&Ż mis-settur privat, permezz ta’ kollaborazzjoni aktar estensiva, inkluża dik transkonfinali, fir-R&Ż u l-iżviluppi teknoloġiċi bejn l-universitajiet u l-industrija, l-innovazzjoni miftuħa u li tippermetti valutazzjoni mtejba tal-proprjetà intellettwali (IP) b’tali mod li l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-finanzjament ikun imsaħħaħ għal aġenti ekonomiċi orjentati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-ilħuq ta' dawn il-miri esklussivament fuq il-livell nazzjonali mhuwiex biżżejjed u jwassal għal approċċi ineffiċjenti duplikazzjoni tal-isforzi fl-Unjoni.

Il-kostitjiet ta' tranżazzjoni imnaqqsa drastikament fl-ekonomija diġitali wasslu għal suriet ġodda ta' kooperazzjoni max-xjenza miftuħa u l-innovazzjoni, li ta' spiss iwasslu għal mudelli ġodda ta' negozju bl-użu ta' tagħrif maħluq b'mod konġunt. Madankollu, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) huma parti essenzjali minn politika ta’ innovazzjoni. L-IPRs jipprovdu l-innovaturi u l-inventuri b’mezzi ta’ approprjazzjoni tal-outputs tal-isforzi tagħhom, li huma ta’ natura intanġibbli, u b’hekk jipprovdu l-inċentivi neċessarji għal investiment f’soluzzjonijiet, invenzjonijiet u kompetenzi ġodda. L-IPRs għandhom it-tendenza li jipproteġu r-riżultati ta’ sforzi kreattivi jew inventivi, iżda dawn għandhom ambitu limitat.

Matul il-proċess tar-riċerka u l-kreazzjoni tinġabar u tiġi żviluppata informazzjoni sinifikanti, li progressivament tibni għarfien ta’ valur ekonomiku sostanzjali li ħafna drabi ma jikkwalifikax għall-protezzjoni tal-IPR, iżda li hu importanti bl-istess mod għall-innovazzjoni u għall-kompetittività tan-negozji b’mod ġenerali. Meta l-ksib ta' dawn l-assi u l-attirar ta' finanzjament u investiment jirrikejdu li l-PI jinżammu sigrieti, il-kumpaniji, il-laboratorji, l-universitajiet, kif ukoll l-inventuri u l-kreaturi individwali, juaw l-aktar forma ta' approprjazzjoni affidabbli u li ilha teżisti fuq informazzjoni prezzjuża: il-kunfidenzjalità.

Peress li r-riċerka tibni fuq xogħol preċedenti, il-kondiviżjoni tal-għarfien u s-sejbiet ġodda jirrappreżentaw lieva importanti għal aktar innovazzjoni. Skont il-mudell tan-negozju tal-innovatur hemm każijiet meta l-konfidenzjalità tista’ tkun il-bażi rekwiżitorja li fuqha fl-IP tista’ tkun imrawma sabiex tkun tista’ tiġi sfruttata f’innovazzjoni u żieda fil-kompetittività. Kull IPR jibda b’sigriet. Il-kittieba ma jiżvelawx it-tema li jkunu qed jiktbu dwarha (dritt futur tal-awtur), dawk li jagħmlu l-karozzi ma jiċċirkulawx l-ewwel disinni ta' mudell ġdid (disinn futur), il-kumpaniji ma jiżvelawx ir-riżultati preliminari tal-esperimenti teknoliġiċi tagħhom (privattiva futura), il-kumpaniji iżommu mistural-informazzjoni marbuta mat-tnedija ta' prodott tal-marka ġdid (marka kummerċjali futura), eċċ.

Fit-terminoloġija legali, informazzjoni li tinżamm kunfidenzjali sabiex jiġu ppreservati l-kisbiet kompetittivi hija magħrufa bħala “sigriet kummerċjali”, “informazzjoni mhux żvelata”, “informazzjoni kunfidenzjali tan-negozju” jew “kompetenza sigrieta”. Id-dinja tan-negozju u dik akkademika xi kultant jużaw ismijiet oħra għaliha bħal “kompetenza proprjetarja” jew “teknoloġija proprjetarja”.

Is-sigrieti kummerċjali huma wkoll daqstant importanti daqs il-ħarsien tal-innovazzjoni mhux teknoloġika. Is-setturi tas-servizzi, li jirrappreżentaw madwar 70 % tal-PDG tal-UE, huma dinamiċi ħafna, u dak id-dinamiżmu jiddependi fuq il-manutenzjoni innovattiva tal-ħolqien tal-għarfien. Madankollu, is-settur tas-servizzi ma jistrieħx daqs l-industrija tal-manifattura fuq il-proċess teknoloġiku u l-innovazzjoni tal-prodott (kif protetti mill-privattivi). Il-kunfidenzjalità f’din il-parti ewlwenija tal-ekonomija tal-UE tintuża għall-bini u l-isfruttament tal-hekk imsejħa “soft innovation” (innovazzjoni sottili) għall-kompetittività, li tkopri l-użu u l-applikazzjoni ta’ firxa diversifikata ta’ informazzjoni strateġika kummerċjali, li testendi lil hinn mit-tagħrif teknoloġiku, bħal informazzjoni fuq il-klijenti u l-fornituri, proċessi tan-negozju, pjanijiet tan-negozju, ir-riċerka tas-suq, eċċ.

L-ekonomisti jaqblu li l-kumpaniji, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jivvalorizzaw is-sigrieti tal-kummerċ mill-inqas daqs kull forma oħra ta’ PI. Is-sigrieti kummerċjali huma partikolarment importanti għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) u l-istart-ups (dawk li qed jibdew) peress li dawn ħafna drabi ma jkollhomx riżorsi umani speċjalizzati u s-saħħa finanzjarja li jsegwu, jimmaniġġjaw, jinforzaw u jiddefendu l-IPRs.

Għalkemm mhux protetti bħal IPR klassiku, is-sigrieti kummerċjali klassiċi xorta waħda huma strument prinċipali kumplimentari meħtieġ għall-approprjazzjoni tal-assi intellettwali li jixprunaw l-ekonomija tal-għarfien tas-seklu 21. Id-detentur ta’ sigriet kummerċjali ma jkollux drittijiet esklussivi fuq l-informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali. Madankollu, sabiex jiġi promoss proċess ekonomikament effiċjenti u kompetittiv, huma ġġustifikati restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sigriet kummerċjali f’każijiet fejn il-kompetenza jew l-informazzjoni relevanti tkun inkisbet mid-detentur tas-sigriet kummerċjali kontra r-rieda tiegħu minn parti terza permezz ta’ mezzi diżonesti. L-evalwazzjoni ta’ jekk u sa liema punt dawn ir-restrizzjonijiet huma neċessarji hija soġġetta, fuq bażi ta' każ b'każ, għal kontroll ġudizzjarju.

Dan ifisser li l-kompetituri huma ħielsa, u għandhom jiġu inkoraġġiti, li jiżviluppaw u jużaw l-istess soluzzjonijiet, oħrajn simili jew dawk alternattivi, biex b’hekk jikkompetu fl-innovazzjoni, iżda ma jitħallewx jingannaw, jisirqu jew iqarrqu sabiex jiksbu informazzjoni kunfidenzjali żviluppata minn oħrajn.

Filwaqt li l-iżvilupp u l-ġestjoni tal-għarfien u l-informazzjoni saru dejjem aktar ċentrali għall-prestazzjoni tal-ekonomija tal-UE, l-esponiment ta' kompentenza u informazzjoni ta' valur misturin (sigrieti kummerċjali) għal serq, spjunaġġ jew tekniki oħra ta' miżapproprjazzjoni għandu u qed ikompli jiżdied (il-globalizzazzjoni, l-esternalizzazzjoni, ktajjen itwal tal-provvista, l-użu dejjem jikber tal-ICT, eċċ.). Ir-riskju jżid ukoll li s-sigrieti kummerċjali jiġu użati f’pajjiżi terzi li jipproduċu prodotti kontraventorji li sussegwentement jikkompetu fl-UE ma’ dawk tal-vittma tal-miżapproprjazzjoni. Madankollu, id-diversità u l-frammentazzjoni kurrenti tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kontra l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħhom qed ifixkel ir-R&Ż transfruntiera u ċ-ċirkolazzjoni ta’ għarfien innovattiv billi jdgħajjef il-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej li jirrispondu għal attakki diżonesti fuq il-kompetenza tagħhom.

Ottimizzazzjoni tal-infrastruttura tal-PI  huwa pilastru importanti tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u, f’dak il-kuntest, f’Mejju 2011 il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva dwar l-IP, fejn intrabtet li teżamina l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali[1]. Din il-proposta hija waħda aktar konsenjabbli fuq l-impenn li jinħoloq suq uniku għall-proprjetà intellettwali.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjoni Pubblika

Din l-inizjattiva hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-importanza tas-sigrieti kummerċjali għall-innovazzjoni u għall-kompetittività tal-kumpaniji, sa fejn jintużaw, ir-rwol u r-relazzjoni tagħhom mal-IPRs, fil-ġenerazzjoni u l-isfruttament ekonomiku tal-għarfien u l-assi intanġibbli, u l-qafas legali relevanti. Dawn il-valutazzjonijiet twettqu bl-għajnuna ta’ żewġ studji esterni u b'konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati.

L-ewwel studju (ippubblikat f’Jannar tal-2012) jipprovdi valutazzjoni komparattiva tal-liġi tal-protezzjoni kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali fl-Istati Membri differenti tal-UE. It-tieni studju, ippubblikat f’Mejju tal-2013, ivvaluta l-bażi ekonomika tas-sigrieti kummerċjali u l-protezzjoni kontra l-miżapproprjazzjoni u analizza ulterjorment il-protezzjoni legali tas-sigrieti kummerċjali madwar l-UE. Hu kkonferma n-natura frammentata u diversifikata tal-protezzjoni eżistenti kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali fl-Unjoni kollha, kkunsidrata bħala b’mod ġenerali mhux trasparenti u li timponi spejjeż u riskji bla bżonn. L-istudju kkunsidra li sistema effiċjenti biex tiżgura r-riżultati tar-R&Ż hija prekundizzjoni għan-negozji għall-innovazzjoni u li l-flessibilità offruta minn dipendenza effiċjenti fuq is-sigrieti kummerċjali taqbel sew mal-mod li bih l-innovazzjoni sseħħ fl-ambjent tan-negozju tal-lum. Hu kkonkluda li l-armonizzazzjoni tal-liġi tas-sigrieti kummerċjali fl-UE ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-kumpaniji biex jiżviluppaw, jiskambjaw u jużaw għarfien innovattiv.

L-opinjonijiet tal-partijiet interessati kienu miġbura fi tliet (3) passi. L-ewwel, is-soċjetà ċivili, l-industrija, l-akkademja u l-awtoritajiet pubbliċi ddiskutew din il-kwistjoni f’konferenza organizzata mill-Kummissjoni li saret f’Ġunju tal-2012.

It-tieni, sussegwentement ġie mniedi stħarriġ dwar l-użu tas-sigrieti kummerċjali, r-riskji assoċjati u l-protezzjoni legali, fil-kuntest tat-tieni studju, f'Novembru tal-2012. L-istħarriġ kien immirat lejn kampjun rappreżentattiv ta’ negozji madwar l-UE, inklużi l-SMEs li kienu responsabbli għal 60 % tal-kampjun. Waslu total ta’ 537 tweġiba għall-istħarriġ. B’mod ġenerali, 75 % minn dawk li wieġbu kklassifikaw is-sigrieti kummerċjali bħala ta' importanza strateġika għat-tkabbir, il-kompetittività u l-prestazzjoni innovattiva tal-kumpanija tagħhom. L-istħarriġ wera li matul l-aħħar 10 snin, madwar wieħed minn kull ħamsa li wieġbu kienu mġarrba għall-anqas tentattiv wieħed f’miżapproprjazzjoni fi ħdan l-UE, billi kważi tnejn minn kull ħamsa minn dawk li wieġbu ddikjaraw li r-riskju ta’ miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali kien żdied matul l-istess perjodu. Żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu indikaw appoġġ għall-proposta leġiżlattiva tal-UE.

It-tielet, mill-11 ta’ Diċembru 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013 is-servizzi tal-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika, li tiffoka fuq l-għażliet possibbli ta’ politika u l-impatti tagħhom. Waslu 386 tweġiba, il-biċċa l-bira minn ċittadini individwali (primarjament minn Stat Membru wieħed) u negozji. 202 minn dawk li wieġbu sabu li l-protezzjoni legali kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali għandha jiġu indirizzati mill-UE. Madankollu, l-opinjonijiet espressi minn żewġ gruppi ewlenin ta’ dawk li wieġbu (iċ-ċittadini u l-kumpaniji) kienu polarizzati. Tlieta minn kull erba’ ċittadini jqisu s-sigrieti kummerċjali bħala ta' importanza baxxa għar-R&Ż u jaħsbu li l-protezzjoni legali eżistenti tas-sigrieti kummerċjali hija eċċessiva u 75 % ma jarawx il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE. Il-kumpaniji li rreaġixxew, min-naħa l-oħra, jikkunsidraw is-sigrieti kummerċjali bħala importanti ferm għar-R&Ż u għall-kompetittività tagħhom. Maġġoranza sinifikanti jaraw il-protezzjoni eżistenti bħala dgħajfa, b’mod partikolari fuq livell transfruntier, u jaraw id-differenzi bejn l-oqfsa legali nazzjonali bħala li jħallu impatti negattivi bħal riskju akbar għan-negozju fl-Istati Membri b'anqas protezzjoni, anqasinċentivabiex wieħed jidħol għal R&Ż transfruntiera u u ż-żieda fin-nefqa f’miżuri preventivi biex tiġi protetta l-informazzjoni.

2.2.        Valutazzjoni tal-Impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt wea d-diverġenzi nazzjonali fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali: huma ftit il-liġijiet tal-Istati Membrijew jiddefinixxi s-sigrieti kummerċjali jew jispeċifikaw jekk għandhomx jiġu protetti; ordnijiet ta' waqfien u ebda tkomplija kontra l-kontraventuri mhumiex disponibbli fil-każijiet kollha; ir-regoli tradizzjonali dwar il-kalkolu tad-danni ta' spiss huma inadegwati għall-każijiet ta' miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali u metodi alternattivi (pereżempju l-ammont ta' royalties li kienu jkunu dovuti taħt ftehim ta' liċenzja) mhumiex disponibbli fl-Istati membri kollha; u r-regoli kriminali ma jindirizzawx is-serq tas-sigriet kummerċjali fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri ma għandhomx regoli mmirati biex iħarsu s-sigrieti kummerċjali matul il-litigazzjoni, u b’hekk jiskoraġġixxu vittmi ta’ miżapproprjazzjoni ta' sigriet kummerċjali milli jfittxu rimedju fil-qorti.

Irriżultaw żewġ problemi ewlenin:

· Inċentivi subottimali għal attvitajiet ta' innovazzjoni transfruntiera. Meta s-sigrieti kummerċjali jkunu f'riskju ta' miżapproprjazzjoni bi protezzjoni legali ineffettiva, l-inċentivi biex wieħed jipparteċipa f'attivitajiet ta' innovazzjoni (inluż fi skala transfruntiera) jkunu affettwati minħabba (i) il-valur mistenni aktar baxx tal-innovazzjoni li tkun tistrieħ fuq is-sigriet kummerċjali u l-kostijiet ogħla għall-protezzjoni tiegħu; u (ii) ir-riskju ogħla tan-negozju meta wieħed jikkondividi sigrieti kummerċjali. Pereżempju, 40 % tal-kumpaniji tal-UE joqogħdu lura milli jikkondividu sigrieti kummerċjali ma’ partijiet oħra minħabba li jibżgħu li jitilfu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni permezz ta’ użu ħażin jew ir-rilaxx mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom. Dan jimpedixxi l-innovazzjoni u b’mod partikolari r-riċerka kollaborattiva u l-innovazzjoni miftuħa li teħtieġ il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni prezzjuża minn diversi imsieħba tan-negozju u r-riċerka.

· Il-vantaġġi kompetittivi bbażati fuq is-sigrieti kummerċjali huma fil-periklu (kompetittività mnaqqsa): il-protezzjoni legali frammentata fi ħdan l-UE ma tiggarantixxix amibitu komparabbli ta' protezzjoni u livell ta' rimedju fi ħdan is-Suq Intern, b'hekk il-vantaġġi kompetittivi bbażati fuq is-sigrieti kummerċjali, jekk ikunux relatati mal-innovazzjoni jew le, jiġu fil-periklu u dan jimmina l-kompetittività tas-sidien tas-sigrieti kummerċjali. Pereżempju, l-industrija Ewropea tal-kimika, li tiddependi b’mod qawwi fuq l-innovazzjonijiet tal-proċessi assigurati bis-sigrieti kummerċjali, tistma li l-miżapproprjazzjoni ta’ sigriet kummerċjali tista' ta’ spiss twassal għal tnaqqis fil-fatturat ta' 30 %.

L-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li jiġi żgurat li l-kompettitività tal-korpi Ewrope tan-negozju u r-riċerka li hija bbażata fuq kompetenzi u informazzjoni mhux żvelata (sigrieti kummerċjali) tkun protetta kif imiss u li jitjiebu l-kundizzjonijiet/il-qafas għall-iżvilupp u l-isfruttament tal-innovazzjoni u għat-trasferiment tal-għarfien fi ħdanis-Suq Intern.. B'mod speċifiku, hi timmira li ttejjeb l-effikaċja tal-protezzjoni legali kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali madwar is-Suq Intern.

L-għażliet possibbli li ġejjin biex tissolva l-problema ġew meqjusa:

– Status quo.

– Il-forniment tal-informazzjoni u l-qawmien ta' kuxjenza dwar il-miżuri, proċeduri u rimedji nazzjonali disponibbli kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali.

– Il-konverġenza tal-liġi ċivili nazzjonali fir-rigward tal-illegalità tal-atti ta' miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali (imma r-regoli dwar ir-rimedji u l-preservazzjoni dwar il-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali waqt proċeduri legali li għandhom jiġu deċiżi f’livell nazzjonali).

– Konverġenza tar-rimedji tad-dritt ċivili nazzjonali kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali u r-regoli dwar iż-żamma tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul u wara l-proċedimenti legali (minbarra l-alternattiva 3).

– Il-konverġenza tal-liġi kriminali nazzjonali minbarra konverġenza tal-liġi ċivili (għażla 4), inkluż regolamentazzjoni dwar pieni kriminali minimi.

Il-valutazzjoni tal-imaptt ikkonkludiet li l-alternattiva 4 se tkun proporzjonata u tkun l-aħjar biex jinkisbu l-objettivi magħżula.

F’termini tal-impatti, il-konverġenza tar-rimedji tal-liġi ċivili se tippermetti li n-negozji innovattivi jiddefendu sigrieti kummerċjali leġittimi tagħhom b’mod aktar effettiv madwar l-UE. Barra minn hekk, jekk is-sidien tas-sigrieti kummerċjali waqt il-proċedimenti jistgħu jiddependu fuq il-kunfidenzjalità, huma jkunu aktar inklinati li jfittxu protezzjoni legali kontra ħsarat potenzjali permezz ta' miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali. Aktar ċertezza legali u konverġenza tal-liġijiet għandha tikkontribwixxi biex jiżdied il-valur tal-innovazzjonijiet li l-kumpaniji jippruvaw jipproteġu bħala sigrieti kummerċjali, minħabba li jitnaqqsu r-riskji ta’ miżapproprjazzjoni. Jirriżultaw impatti pożittivi fuq il-funzjonament tas-Suq Intern hekk kif il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, u r-riċerkaturi se jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar tal-ideat innovattivi tagħhom stess billi jikkooperaw mal-aqwa soċji fl-UE, u b’hekk ikun hemm għajnuna biex jiżdied l-investiment tas-settur privat fir-R&Ż fi ħdan is-Suq Intern. Fl-istess ħin, il-kompetizzjoni ma għandhiex tkun ristretta peress li ma hu qed jingħata l-ebda dritt esklussiv u kull kompetitur huwa liberu li indipendentement jikseb l-għarfien mħares mis-sigriet kummerċjali (inkluż permezz ta' dekumpilazzjoni). Bl-istess mod, l-ingaġġar u l-mobilità ta’ ħaddiema b'ħiliet għolja (dawk li għandhom aċċess għal sigrieti kummerċjali) fi ħdan is-Suq Intern ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv. Dan għandu jkollu, fuq tul ta' żmien, effetti pożittivi fuq il-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. Din l-inizjattiva ma għandhiex taffettwa b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, l-inizjattiva se tippromwovi d-dritt għall-proprjetà u d-dritt li wieħed imexxi negozju. F’termini ta’ aċċess għal dokumenti fi proċedimenti ġudizzjarji iddaħħlu fis-seħħ salvagwardji sabiex jipproteġu d-dritt ta’ difiża. L-inizjattiva fiha wkoll salvagwardji biex jiżguraw li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni jkun garantit.

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-obbligi internazzjonali (jiġifieri l-Ftehim dwar l-Aspetti Marbuta mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (il-Ftehim TRIPS)). L-imsieħba kummerċjali ewlenin għandhom leġiżlazzjoni simili dwar din il-kwistjoni.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għall-adozzjoni ta’ regoli tal-UE li jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali, kull meta jkun meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern. L-objettiv ta' din il-proposta hu li tistabbilixxi livell ta' rimedju suffiċjenti u komparabbli fis-Suq Intern kollu f’każ ta’ miżapproprjazzjoni ta' sigriet kummerċjali (filwaqt li tipprovdi salvagwardji suffiċjenti biex tipprevjeni mġiba abbużiva). Ir-regoli nazzjonali eżistenti joffru livell inekwu ta’ protezzjoni madwar l-UE kontra l-miżapproprjazzjoni tas-sigrieti kummerċjali, li tipperikola l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern għal informazzjoni u kompetenza. Tabilħaqq, sabiex jintlaħaq il-potenzjal kollu tagħha bħala ass ekonomiku, l-informazzjoni prezzjuża (bħal proċessi ta’ manifatturar, sustanzi u materjali ġodda, teknoloġija mingħajr privattivi, soluzzjonijiet tan-negozju) għandha tkun trasferibbli, b’mod kunfidenzjali, minħabba li jista’ jkollha użu differenti għal atturi differenti f’reġjuni ġeografiċi differenti, u b’hekk jiġi ġġenerat introjtu għall-awturi u li tiġi permessa allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi. Il-qafas legali mferrex ukoll inaqqas l-inċentivi biex jitwettqu attivitajiet transfruntiera relatati mal-innovazzjoni li jiddependu fuq l-użu ta’ informazzjoni protetta bħala sigriet kummerċjali, bħal stabbiliment fi Stat Membru differenti għall-finijiet ta' manifattura jew kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti/servizzi bbażati fuq sigrieti kummerċjali, il-forniment ta' oġġetti/servizzi lil kumpanija fi Stat Membru ieħor jew l-esternalizzazzjoni tal-manuifattira lil kumpanija oħra fi Stat Membru ieħor. F’dawk is-sitwazzjonijiet, jekk is-sigriet kummerċjali huwa miżapproprjat f’pajjiż ieħor b’livell aktar baxx ta’ protezzjoni, l-oġġetti kontraventorji jistgħu jinfirxu mas-suq kollu. Ir-regoli nazzjonali eżistenti b’hekk irendu netwerk transfruntier tal-R&D u l-innovazzjoni anqas attraenti u aktar diffiċli. Dawn joħolqu ukoll riskju akbar ta’ negozju fi Stati Membri b’livelli iktar baxxi ta’ protezzjoni, b’effetti negattivi fuq l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi għax, fuq naħa waħda, l-inċentivi għall-kummerċ transfruntier jonqsu, u min-naħa l-oħra, l-“oġġetti kontraventorji” li joriġinaw minn dawk l-Istati Membri (jew importati minnhom) jistgħu jinfirxu madwar is-Suq Intern. Il-proposta għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera tar-R&Ż: protezzjoni ċara, soda u livellata ta' sigrieti kummerċjali kontra l-miżapproprjazzjoni tippromwovi kondiviżjoni u trasferiment transfruntier ta' informazzjoni u kompetenza kunfidenzjali tan-negozju billi titnaqqas il-perċezzjoni ta' riskji u kostijiet ta' tranżazzjoni assoċjati mal-ittrattat ta' leġiżlazzjonijiet multipli. Għandha wkoll ittejjeb l-inċentivi għall-kummerċ transfruntier, grazzi għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta minn dawk li jridu jieħdu rikba b'xejn fl-ispazju tas-suq transfruntier.

F’termini ta’ sussidjarjetà, il-problemi identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt huma misjuqa mid-diversità u l-inkonsistenza tal-qafas regolatorju eżistenti li ma jiżgurax kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE b’konsegwenzi negattivi fuq il-kompetittività tagħhom u dik tal-UE bħala entità sħiħa. Il-kisba ta’ konsistenza akbar b'miżuri ta’ rimedju madwar l-Istati Membri hija ċentrali sabiex dawk il-problemi jiġu indirizzati. Madankollu inkonsistenza bħal din ma tistax tinkiseb permezz ta' azzjoni li tittieħed biss fil-livell tal-Istat Membru: f'dan il-qasam l-esperjenza titlob li anke meta l-Istati Membri jkunu sa ċertu punt ikkoordinati, pereżempju bil-Ftehim TRIPS, jibqa' ma jintlaħaqx grad sostanzjali ta' armonizzazzjoni sostantiva. Għalhekk, l-iskala meħtieġa u l-effetti tal-azzjoni proposta huma fil-livell tal-UE.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. L-azzjonijiet kollha proposti biex jittieħdu mill-Kummissjoni f’din il-proposta huma konsistenti u kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid 2014-2020.

5.           SPJEGAZZJONI TAL-PROPOSTA

5.1.        Dispożizzjonijiet ġenerali

Kapitoli 1 jiddefinixxi s-suġġett in kwistjoni (Artikolu 1): id-Direttiva tapplika għall-akkwist, l-iżvelar u l-użu illegali tas-sigrieti kummerċjali u l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li għandhom ikunu disponibbli għall-finijiet ta' rimedju tal-liġi ċivili.

Anke fil-Kapitolu I, Artikolu 2 jiddefinixxi kunċetti ewlenin. Id-definizzjoni ta’ 'sigriet kummerċjali' jinkludi tliet elementi: (i) l-informazzjoni għandha tkun kunfidenzjali; (ii) għandu jkollha valur kummerċjali minħaba l-kunfidenzjalità tagħha; u (iii) id-detentur tas-sigriet kummerjali irid ikun għamel sforzi raġonevoli biex iżommha kunfidenzjali. Din id-definizzjoni tiġi mid-definizzjoni ta’ 'informazzjoni mhux żvelata' fil-Ftehim TRIPS.

Id-definizzjoni ta’ 'detentur ta' sigriet kummerċjali' tinkorpora, wkoll b'segeitu għall-Ftehim TRIPS, il-kunċett ta’ kontroll legali ta’ sigriet kummerċjali bħala element ewlieni. Għalhekk tiżgura li mhux biss is-sid oriġinali tas-sigriet kummerċjali iżda wkoll dawk li għandhom il-liċenzja jistgħu jiddefendu sigriet kummerċjali.

Id-definizzjoni ta’ 'oġġett kontraventorju' tintegra valutazzjoni ta’ proporzjonalità. l-oġġetti li huma ddisinjati, manifatturati jew ikkumerċjalizzati li għandhom kondotta illegali għandhom jibbenefikaw b'mod sinjifikanti mis-sigriet kummerċjali in kwistjoni biex jitqiesu bħala oġġetti kontraventorji. It-test għandu jintuża meta wieħed iqis kull miżura li taffettwa direttament l-oġġetti mmanifatturati jew imqiegħda mis-suq minn kontraventur.

Kapitolu II jistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li taħthom l-akkwist, l-użu u l-kxif ta’ sigriet kummerċjali huma illegali (Artikolu 3), b’hekk li jintitolaw lid-detentur tas-sigriet kummerċjali sabiex ifittex l-applikazzjoni tal-miżuri u rimedji previsti fid-Direttiva. L-element ewlieni għal dawk l-atti biex ikunu illegali huwa n-nuqqas ta’ kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali. L-Artikolu 3 jiddetermina wkoll li l-użu ta’ sigriet kummerċjali minn parti terza li mhux involut direttament fl-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali oriġinali, l-użu u l-iżvelar huwa wkoll illegali, kell meta dik il-parti terza kienet konxja, messha kienet taf, jew kienet avżata, bl-att illegali oriġinali. LArtikolu 4 b’mod espliċitu jiċċara li sejbien indipendenti u dekumpilazzjoni huma mezzi leġittimi biex wieħed jikseb l-informazzjoni.

5.2.        Miżuri, proċeduri u rimedji

Il-Kapitolu III jistabbilixxi l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li għandhom ikunu disponibbli għad-detentur ta’ sigriet kummerċjali fil-każ ta’ akkwist, użu jew żvelar illegali ta’ dak is-sigriet kummerċjali minn parti terza.

Sezzjoni 1 tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali applikabbli għal strumenti ta’ infurzar ċivili sabiex jipprevjenu u jrażżnu atti ta’ miżapproprjazzjoni ta' sigriet kummerċjali, notevolment l-effikaċja, il-ġustizzja u l-proporzjonalità (Artikolu 5) u ta’ salvagwardji biex tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva (l-Artikolu 6). Artikolu 7 jistabbilixxi perjodu ta’ limitazzjoni. Artikolu 8 jirrikjedi mill-Istati Membri jipprovdu l-awtoritajiet ġudizzjarji b’mekkaniżmi li jżommu l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali żvelati fil-qorti għall-iskop ta’ litigazzjoni. Il-miżuri possibbli jeħtieġ li jinkludu: ir-restrizzjoni tal-aċċess għad-dokumenti ppreżentati lill-partijiet terzi, sħaħ jew parti minnhom; ir-restrizzjoni tal-aċċess għas-seduti u r-reġistrazzjonijiet tas-seduti; l-ordni għall-partijiet jew il-partijiet terzi biex iħejju verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' dokumenti li fihom sigrieti kummerċjali u wkoll iħejju verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' deċiżjonijiet gudizzjarji. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati b’mod proporzjonat sabiex id-drittijiet tal-partijiet għal smigħ xieraq ma jiġux mhedda. Il-miżuri ta' kunfidenzjalità għandhom japplikaw matul il-litigazzjoni, iżda wkoll wara litigazzjoni f’każ ta’ talbiet ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti sakemm l-informazzjoni in kwistjoni tibqa’ sigriet kummerċjali.

Sezzjoni 2 tipprovdi għal miżuri provviżorji u kawtelatorji fil-forma ta’ inġunzjonijiet interlokutorji jew ta’ konfiski prekawzjonarji ta' oġġetti kontraventorji (Artikolu 9). Tistabbilixxi wkoll salvagwardji biex tiġi żgurata ekwità u proporzjonalità ta’ dawk il-miżuri provviżorji u prekawzjonarji (Artikolu 10).

Sezzjoni 3 tipprovdi għal miżuri li jistgħu jiġu ordnati mad-deċiżjoni tal-merti tal-każ. Artikolu 11 jipprovdi għall-projbizzjoni tal-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, il-projbizzjoni li wieħed jagħmel, joffri, jqiegħed fis-suq jew juża l-oġġetti kontraventorji (jew jimporta jew jaħżen ġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet) u miżuri korrettivi. Il-miżuri korrettivi jirrikjedu, fost l-oħrajn, li l-kontraventur jeqred jew jibgħat lid-detentur oriġinali tas-sigriet kummerċjali l-informazzjoni kollha li jkollu fir-rigward tal-akkwistar, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali. Artikolu 12 jistabbilixxi s-salvagwardji biex jiżguraw l-ekwità u l-proporzjonalità tal-miżuri previsti fl-Artikolu 11.

L-għoti ta’ danni għall-ħsara li jsofri d-detentur tas-sigriet kummerċjali illegali bħala konsegwenza tal-akkwistat, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali tiegħu huwa minqux fl-Artikolu 13, li jitlob għall-kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, inkluż il-qligħ inġust li jinkiseb mill-konvenut. Il-possibbiltà li jiġu kkalkulati d-danni fuq il-bażi ta’ royalties ipotetiċi hija disponibbli wkoll, f’konformità ma' dak li hu previst fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Artikolu 14 jagħti s-setgħa l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti biex jadottaw miżuri ta’ pubbliċità fuq talba tal-attur, inkluża l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-merti tal-każ — sakemm ma jiġix żvelat is-sigriet kummerċjali u wara li tiġi kkunsidrata l-proporzjonalità tal-miżura.

Id-Direttiva ma tintegrax regoli dwar l-infurzar transkonfinali ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ir-regoli ġenerali tal-UE dwar din il-kwistjoni japplikaw, u jippermettu l-infurzar fl-Istati Membri kollha ta’ sentenza tal-Qorti li jipprojbixxu l-importazzjoni fl-UE ta’ oġġetti infrazzjonarji.

5.3.        Sanzjonijiet, rappurtar u dispożizzjonijiet finali

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva u l-issodisfar tal-objettivi mixtieqa, Kapitolu IV jipprevedi l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ tan-nonkonformità mal-miżuri previsti fil-Kapitolu III u jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u r-rapportar.

Il-Kummissjoni tqis li, skont id-dikjarazzjonijiet konġunti dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[2], ma hemmx argumenti biżżejjed biex formalment titlob dokumenti ta’ spjegazzjoni mill-Istati Membri biex jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-kontenut ta’ din id-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Minn perspettiva teknika, id-Direttiva mhijiex partikolarment kumplessa, tinkludi biss għadd limitat ta’ obbligi legali li jirrikjedu traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u tittratta kwistjoni delimitata sew li diġà kienet irregolata fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-qasam viċin tal-IPRs. Għalhekk, it-traspożizzjoni fil-livell nazzjonali ma tkunx mistennija li tkun ikkumplikata u dan għandu jħaffef il-monitoraġġ ta’ tali traspożizzjoni.

2013/0402 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3].

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[4],

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva ,

Billi:

(1)       Negozji u istituzzjonijiet ta’ riċerka mhux kummerċjali jinvestu fl-akkwist, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ kompetenza u informazzjoni, li hija l-ingredjent ewlieni tal-ekonomija tal-għarfien. Dan l-investiment fil-ġenerazzjoni u l-applikazzjoni ta’ kapital intellettwali jiddetermina l-kompetittività tagħhom fis-suq u għalhekk il-qligħ tagħhom mill-investiment, li huwa l-motivazzjoni fil-bażi tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju. In-negozji jirrikorru għal mezzi differenti biex jaddattaw ir-riżultati tal-attivitajiet innovattivi tagħhom meta il-ftuħ ma jippermettix l-isfruttament sħiħ tal-investimenti tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni. L-użu ta’ drittijiet formali ta’ proprjetà intellettwali bħal privattivi, drittijiet ta’ disinn jew drittijiet tal-awtur hija waħda minn dawn l-attivitajiet. Attività oħra hi l-protezzjoni tal-aċċess u l-isfruttament tal-għarfien li huma ta’ valur għall-entità u mhux magħrufa ħafna. Tali kompetenza u informazzjoni kummerċjali, li tinżamm mistura u bl-intenzjoni li tibqa' kunfidenzjali tissejjaħ sigriet kummerċjali. In-negozji, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jagħtu valur lis-sigrieti kummerċjali daqs il-privattivi u forom oħra ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u jużaw il-kunfidenzjalità bħal għodda ta' ġestjoni tal-innovazzjoni tan-negozju u r-riċerka u , li jkopri firxa diversifikata ta’ informazzjoni, li jestendi lil hinn mit-tagħrif teknoloġiku għal dejta kummerċjali bħal informazzjoni fuq il-konsumaturi u l-fornituri, pjanijiet tan-negozju jew riċerka u strateġijitas-suq. Bil-protezzjoni ta' firxa wiesgħa ta’ kompetenzi u informazzjoni kummerċjali, kemm bħala ħaġa kumplimentari jew bħala alternattiva għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-sigrieti kummerċjali jippermettu lill-awtur li jikseb profitt mill-ħolqien u l-innovazzjonijiet tiegħu u għalhekk huwa partikolarment importanti għar-riċerka u l-iżvilupp u l-prestazzjoni innovattiva.

(2)       Innovazzjoni miftuħa hija lieva importanti għall-ħolqien ta’ għarfien ġdid u tirfed l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi bbażati fuq l-użu ta’ għarfien maħlud b'mod konġunt. Sigrieti kummerċjali għandhom rwol importanti fil-ħarsien tal-iskambju tal-għarfien bejn in-negozji fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tas-suq intern fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Ir-riċerka kollaborattiva, inkluża l-kooperazzjoni transfruntiera, hija partikolarment importanti biex iżżid il-livelli ta’ riċerka u żvilupp tan-negozju fi ħdan is-suq intern. Innovazzjoni miftuħa hija katalist għal ideat ġodda biex isibu triqthom lejn is-suq biex jissodisfaw il-ħtiġiet tal-konsumaturi u jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà. F’suq intern fejn ostakoli għal tali kollaborazzjoni transkonfinali huma minimizzati u fejn il-kooperazzjoni ma tiġix distorta, il-kreazzjoni intellettwali u l-innovazzjoni għandhom iħeġġu investiment fi proċessi, servizzi u prodotti innovattivi. Tali ambjent li jwassal għall-kreattività intellettwali u l-innovazzjoni huwa importanti wkoll għat-tkabbir fl-impjiegi u titjib tal-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sigrieti kummerċjali huma fost l-aktar forma użata ta’ protezzjoni tal-kreazzjoni intellettwali u tal-kompetenza innovattiva min-negozji, iżda huma fl-istess ħin l-inqas protetti minn qafas legali tal-Unjoni eżistenti kontra l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali minn partijiet terzi.

(3)       Negozji innovattivi huma dejjem aktar esposti għal prattiki qarrieqa bil-għan li jużaw b'mod qarrieq sigrieti kummerċjali, bħal serq, ikkupjar mhux awtorizzat, spjunaġġ ekonomiku, ksur tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni. Żviluppi riċenti, bħalma huma l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni, perjodi itwal ta' katini tal-provvista, użu akbar ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u komunikazzjoni, jikkontribwixxu biex jiżdied ir-riskju ta’ dawk il-prattiki. L-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali jikkompromettu l-abiltà leġittima tad-detentur tas-sigriet li jinkiseb redditu tal-prekursur bl-użu tal-outputs tal-isforzi innovattivi tiegħu. Mingħajr mezzi legali effettivi u komparabbli biex jiddefendu s-sigrieti kummerċjali madwar l-Unjoni, huma mhedda l-inċentivi innovattivi biex wieħed jinvolvi ruħu f’attività transkonfinali fi ħdan is-suq intern u s-sigrieti tal-kummerċ ma humiex f'pożizzjoni li jilħqu l-potenzjal tagħhom bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Għalhekk, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skoraġġiti u l-investiment jonqos, u dan jaffettwa l-funzjonament mingħajr skossi tas-suq intern u jimmina l-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ it-tkabbir.

(4)       L-isforzi internazzjonali meħuda fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tiġi indirizzata din il-problema wasslu għall-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tal-Proprjetà Intellettwali (il-Ftehim TRIPS). Dan tinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kontra l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħhom minn partijiet terzi, li huma standards internazzjonali komuni. L-Istati Membri kollha, kif ukoll l-Unjoni nnifisha, huma marbuta b’dan il-Ftehim li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE[5].

(5)       Minkejja l-Ftehim TRIPS, hemm differenzi importanti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kontra l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħhom minn persuni oħra. Għalhekk, pereżempju, mhux l-Istati Membri kollha adottaw definizzjonijiet nazzjonali tas-sigrieti kummerċjali u/jew l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali, u b’hekk l-ambitu tal-protezzjoni mhuwiex faċilment aċċessibbli u huwa differenti madwar l-Istati Membri. Barra minn hekk, ma hemmx konsistenza fir-rigward tar-rimedji disponibbli tal-liġi ċivili fil-każ tal-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali u l-ordnijiet ta’ waqfien u ebda tkomplija mhux dejjem ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha kontra partijiet terzi li ma jkunux kompetituri tad-detentur leġittimu tas-sigriet kummerċjali. Id-diverġenzi jeżistu wkoll madwar l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament ta’ partijiet terzi li akkwistaw sigriet kummerċjali in bona fede iżda sussegwentement jiskopru, waqt l-użu, li l-akkwist tagħhom ġie minn l-akkwist illegali preċedenti ta' parti oħra.

(6)       Ir-regoli nazzjonali jvarjaw ukoll dwar jekk id-detenturi leġittimi ta' sigriet kummerċjali jistgħux ifittxu l-qerda ta’ prodotti mmanifatturati minn partijiet terzi li jużaw illegalment sigrieti kummerċjali jew ir-ritorn jew il-qerda ta’ kwalunkwe dokumenti, fajls jew materjal li jkun fihom jew li jimplimentaw l-akkwist jew l-użu illegali tas-sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-kalkolu ta’ danni mhux dejjem iqisu n-natura intanġibbli tas-sigrieti kummerċjali, li jagħmilha diffiċli biex wieħed juri l-profitti attwali mitlufa jew l-arrikkiment inġust tal-kontraventur fejn l-ebda valur fis-suq jista’ jiġi stabbilit għall-informazzjoni inkwistjoni. Ftit Stati Membri biss jippermettu l-applikazzjoni ta’ regoli astratti dwar il-kalkolu tad-danni fuq il-bażi ta' royalty jew jew miżata raġonevoli li setgħet kienet dovuta li kieku kienet teżisti liċenzja għall-użu tas-sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, diversi regoli ta' Stati Membri ma jiggarantixxux il-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigriet kummerċjali jekk id-detentur tas-sigriet kummerċjali jintroduċi pretensjoni għal allegat akkwist, użu jew żvelara illegali ta’ sigriet kummerċjali minn parti terza, u b’hekk titnaqqas l-attrazzjoni tal-miżuri u r-rimedji eżistenti u tiddgħajjef il-protezzjoni offruta.

(7)       Id-differenzi fil-protezzjoni legali tas-sigrieti kummerċjali previsti mill-Istati Membri jimplikaw li s-sigrieti kummerċjali ma jgawdux livell ekwivalenti ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, ħaġa li twassal għal frammentazzjoni tas-suq intern f’dan il-qasam u li jiddgħajjef b’mod ġenerali l-effett diswassiv ir-regoli. Is-suq intern huwa affettwat sa fejn u sakemm dawn id-differenzi jnaqqsu l-inċentivi tan-negozji li jidħlu għal attività innovattiva relatata transkonfinali, inkluża kooperazzjoni ta' riċerka jew manifattura ma' imsieħba, esternalizzazzjoni jew investiment fi Stati Membri oħra, li jiddependu mill-użu tal-informazzjoni protetta bħala sigriet kummerċjali. Riċerka u żvilupp transkonfinali kif ukoll attivitajiet relatati mal-innovazzjoni, inkluż kummerċ relatat mal-manifattura u sussegwentement ta' natura transkonfinali, se jsiru anqas attraenti u aktar diffiċli fl-Unjoni, u b’hekk naslu għal ineffiċjenzi relatati mal-innovazzjoni fuq l-iskala tal-Unjoni. Barra minn hekk, jidher riskju akbar ta’ negozju fi Stati Membri b’livelli komparattivament iktar baxxi ta’ protezzjoni, fejn is-sigrieti tal-kummerċ jistgħu jinsterqu jew akkwistati b’xi mod ieħor illegali ieħor iktar faċilment. Dan iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tal-kapital għal innovazzjoni li ssaħħaħ it-tkabbir fi ħdan is-suq intern minħabba n-nefqa akbar fuq miżuri protettivi li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ protezzjoni legali insuffiċjenti f’xi Stati Membri. Dan jiffavorixxi wkoll attività ta’ kompetituri inġusti li wara l-akkwist illegali tas-sigrieti kummerċjali jistgħu jifirxu l-oġġetti riżultanti fis-suq intern kollu. Differenzi ta’ reġim leġiżlattiv jiffaċilitaw ukoll l-importazzjoni ta’ oġġetti minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni permezz ta’ punti ta’ dħul bi protezzjoni aktar dgħajfa, meta d-disinn, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk l-oġġetti jiddependu fuq sigrieti kummerċjali misruqa jew akkwistati illegalment b’mod ieħor. B’mod ġenerali, dawn id-differenzi joħolqu ħsara għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(8)       Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal regoli fil-livell tal-Unjoni biex jiġu approssimati s-sistemi leġiżlattivi nazzjonali sabiex jiġi żgurat li jkun hemm livell ta’ rimedju suffiċjenti u konsistenti fis-suq intern kollu fil-każ ta’ akkwist, użu jew żvelar illegali ta’ sigrieti kummerċjali. Għal dan l-għan, huwa importanti li wieħed jistabbilixxi definizzjoni omoġenea ta' sigriet kummerċjali mingħajr ma jirrestrinġi s-suġġett in kwistjoni għal protezzjoni kontra l-miżapproprijazzjoni. Din id-definizzjoni għandha għalhekk tiġi mibnija b’tali mod li tkopri l-informazzjoni tan-negozju, informazzjoni u kompetenza teknoloġika fejn hemm kemm interess leġittimu li tinżamm kunfidenzjalità kif ukoll aspettattiva leġittima fil-preservazzjoni ta’ tali kunfidenzjalità. Min-natura tagħha, din id-definizzjoni għandha teskludi informazzjoni trivjali u ma għandiex testendi għall-għarfien u l-ħiliet miksuba mill-impjegati fil-kors normali tal-impjieg tagħhom u li huma magħrufa jew aċċessibbli għal persuni li ġeneralment jittrattaw din it-tip ta’ informazzjoni.

(9)       Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi li taħthom il-protezzjoni legali hija ġġustifikata. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kondotta u prattiki li għandhom jitqiesu bħala akkwist, użu jew żvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali. L-iżvelar mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali ta’ informazzjoni relatata man-negozju li jkollhom skont l-obbligi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] jew għal regoli oħra dwar l-aċċess għal dokumenti m’għandux ikun meqjus bħala żvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali.

(10)     Fl-interess tal-innovazzjoni u biex titrawwem il-kompetizzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx joħolqu l-ebda dritt esklussiv fuq l-għarfien jew il-kompetenza protetta bħala sigriet kummerċjali. Għalhekk, l-iskoperta indipendenti tal-istess kompetenza u informazzjoni tibqa’ possibbli u l-kompetituri tad-detentur tas-sigriet kummerċjali huma wkoll liberi li jwettqu dekumpilazzjoni ta' kwalunkwe prodott akkwistat legalment.

(11)     F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri u r-rimedji maħsuba biex jipproteġu s-sigrieti kummerċjali għandhom ikunu mfassla sabiex jissodisfaw l-objettiv tal-funzjonament tas-suq intern bla xkiel għar-riċerka u l-innovazzjoni mingħajr ma jipperikolaw l-għanijiet u l-prinċipji l-oħra ta’ interess pubbliku. F’dan ir-rigward, il-miżuri u r-rimedji jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jagħtu kont tal-valur ta’ sigriet kummerċjali, is-serjetà tal-kondotta li tirriżulta fl-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegli ta’ sigriet kummerċjali kif ukoll l-impatt ta’ kondotta bħal din. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jingħataw id-diskrezzjoni li jiżnu l-interessi tal-partijiet involuti fit-tilwima, kif ukoll l-interessi ta’ partijiet terzi inkluż, fejn xieraq, il-konsumaturi.

(12)     Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jiġi imminat jekk il-miżuri u r-rimedji previsti jintużaw biex ikunu segwiti għanijiet illeġittimi inkompatibbli mal-objettivi ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ġudizzjarji jkollhom is-setgħa li jissanzjonaw imġiba abbużiva mir-rikorrent li jaġixxi in mala fede u jippreżenta applikazzjonijiet manifestament bla bażi. Huwa importanti wkoll li l-miżuri u r-rimedji previsti m’għandhomx jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni (li tinkludi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif rifless fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) jew attività ta' kxif ta' qerq. Għalhekk il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali m’għandhiex tiġi estiża għal każijiet fejn l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali jservi l-interess pubbliku safejn hu kkonċernat l-iżvelar tal-kondotta jew l-għemil ħażin relevanti.

(13)     Fl-interess taċ-ċertezza legali u meta wieħed iqis li d-detenturi leġittimi tas-sigrieti kummerċjali huma mistennija li jeżerċitaw id-dmir li joqgħodu attenti fir-rigward tal-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali siewja tagħhom u l-monitoraġġ tal-użu tagħhom, jidher xieraq li wieħed jirrestrinġi l-possibbiltà li jinbdew azzjonijiet għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali għal perjodu limitat wara d-data li fiha d-detenturi tas-sigrieti kummerċjali jsiru jafu, jew ikollhom raġuni biex isiru jafu, bl-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali tagħhom minn parti terza.

(14)     Il-prospett li jitilfu l-kunfidenzjalità tas-sigriet kummerċjali matul proċeduri kontenzjużi spiss jiskoraġġixxi lid-detentur leġittimu tas-sigriet kummerċjali milli jibda proċeduri sabiex jiddefendi s-sigrieti kummerċjali, u dan jipperikola l-effikaċja tal-miżuri u r-rimedji previsti. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti, soġġett għal salvagwardji xierqa li jiżguraw id-dritt għal proċess ġust, rekwiżiti speċifiċi bil-għan li jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali li jitressqu fil-kors ta’ proċedimenti legali istitwiti għad-difiża tiegħu. Dawn għandhom jinkludu l-possibbiltà li jiġi limitat l-aċċess għal provi jew seduti, jew li jiġu ppubblikati biss elementi mhux kunfidenzjali ta’ deċizjonijiet ġudizzjarji. Protezzjoni bħal din għandha tibqa’ fis-seħħ wara li jintemmu l-proċedimenti legali għat-tul ta’ żmien li fih l-informazzjoni li tkun koperta mis-sigriet kummerċjali ma tkunx fl-isfera pubblika.

(15)     L-akkwist illegali ta’ sigriet kummerċjali minn parti terza jista’ jkollu effetti devastanti fuq id-detentur leġittimu tiegħu minħabba li ġaladarba jiġi żvelat pubblikament ikun impossibbli għal dak id-detentur li jmur lura għas-sitwazzjoni ta' qabel it-telf tas-sigriet kummerċjali. Għalhekk, huwaessenzjali li jkun hemm provvediment għalmiżuri interim fil-pront u aċċessibbli għat-terminazzjoni immedjata tal-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. Tali rimedju għandu jkun disponibbli mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jistenna deċiżjoni dwar is-sustanza tal-każ, b’rispett dovut għad-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ proporzjonalità filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-każ in kwistjoni. Garanziji ta’ livell għoli biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lill-intimat permezz ta’ talba mhux ġustifikata jistgħu jkunu meħtieġa wkoll, partikolarment fejn kull dewmien jista’ jikkawża danni irreparabbli għad-detentur leġittimu ta’ sigriet kummerċjali.

(16)     Għall-istess raġuni, huwa importanti wkoll li jkun hemm disposizzjoni għal miżuri li jipprevjenu aktar użu jew żvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali. Sabiex il-miżuri projbittivi jkunu effettivi, it-tul ta’ żmien tagħhom, meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu limitu ta' żmien, għandu jkun biżżejjed biex jelimina kwalunkwe vantaġġ kummerċjali li l-parti terza setgħet tikseb mill-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, l-ebda miżura ta’ dan it-tip ma għandha tkun infurzabbli jekk l-informazzjoni oriġinarjament koperta mis-sigriet kummerċjali hija fid-dominju pubbliku għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat.

(17)     Sigriet kummerċjali jista' jiġu użat illegalment għad-disinn, il-manifattura jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti, jew komponenti tagħhom, li jistgħu jinfirxu mas-suq intern kollu, u b’hekk jaffettwaw l-interessi kummerċjali tad-detentur tas-sigriet kummerċjali u l-funzjonament tas-suq intern. F’dawk il-każijiet u meta s-sigriet kummerċjali in kwistjoni għandu impatt sinifikanti fuq il-kwalità, il-valur jew il-prezz tal-oġġett riżultanti jew fuq it-tnaqqis tal-kost, l-iffaċilitar jew li it-tħaffif tal-manifattura tiegħu jew il-proċessi tal-kummerċjalizzazzjoni, huwa importanti li l-awtoritajiet ġudizzjarji jingħataw is-setgħa biex jordnaw miżuri xierqa bil-ħsieb li jiżguraw li dawk il-prodotti ma jitqegħdux fis-suq jew jitneħħew minnu. Meta tittieħed f’kunsiderazzjoni in-natura globali tal-kummerċ, huwa wkoll meħtieġ li dawn il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ dawk l-oġġetti fl-Unjoni jew il-ħażna tagħhom għall-għoti jew it-tqegħid tagħhom fis-suq. Wara li ġie kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri korrettivi ma għandhom neċessarjament iwasslu għall-qerda tal-oġġetti meta għażliet vijabbli oħra huma preżenti, bħal li wieħed iċaħħad lill-oġġett mill-kwalità tal-infrazzjoni tiegħu jew id-dispożizzjoni tal-oġġetti 'il barra mis-suq, pereżempju, permezz ta’ donazzjonijiet li minn organizzazzjonijiet tal-karità.

(18)     Persuna oriġinarjament setgħet akkwistat sigriet kummerċjali in bona fede iżda kien fi stadju aktar tard li saret konxja, inkluż permezz ta' avviż ippreżentat mid-detentur oriġinali tas-sigriet kummerċjali, li l-għarfien tagħha tas-sigriet kummerċjali in kwistjoni kien derivat minn sorsi li użaw jew żvelaw sigriet kummerċjali rilevanti b’tali mod li tikser il-liġi. Sabiex jiġi evitat li f’dawn iċ-ċirkostanzi il-miżuri korrettivi jew inġunzjonijiet pprovduti jistgħu jikkawżaw dannu sproporzjonat lil dik il-persuna, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà, f’każijiet xierqa, ta’ kumpens fi flus mogħtija lill-parti danneġġjata bħala miżura alternattiva, sakemm tali kumpens ma jaqbiżx l-ammont ta’ royalties jew miżati li kienu jkunu dovuti kieku dik il-persuna kisbet awtorizzazzjoni biex tuża s-sigriet kummerċjali in kwistjoni, għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-użu tas-sigriet kummerċjali seta' ġie evitat mid-detentur oriġinali tas-sigriet kummerċjali. Madankollu, fejn l-użu illegali ta’ sigriet kummerċjali jikkostitwixxi infrazzjoni ta’ liġi lil hinn minn dak previst f’din id-Direttiva jew li x’aktarx ikun ta’ dannu għall-konsumaturi, tali użu illegali m’għandux ikun permess.

(19)     Sabiex jiġi evitat li persuna li konxjament, jew li kellha raġunijiet serji biex tkun taf, takkwista, tuża jew tiżvela illegalment sigriet kummerċjali tibbenefika minn kondotta ta’ dan it-tip u biex jiġi żgurat li detentur ta' sigriet kummerċjali danneġġjat, sa fejn ikun possibbli, jitqiegħed f'pożizzjoni li fiha kien ikun li kieku l-kondotta ma seħħitx, huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għal kumpens adegwat tal-preġudizzju li sofra bħala riżultat ta’ kondotta illegali. L-ammont ta’ danni mogħtija lil detentur ta’ sigriet kummerċjali danneġġjat għandu jqis il-fatturi pertinenti kollha, bħal telf ta’ dħul imġarrab mid-detentur ta' sigriet kummerċjali jew qligħ inġust li jkun għamel il-kontraventur u, fejn xieraq, kwalunkwe preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur ta' sigriet kummerċjali. Bħala alternattiva, pereżempju fejn, meta wieħed iqis in-natura intanġibbli tas-sigrieti kummerċjali, jkun diffiċli li wieħed jiddetermina l-ammont tal-preġudizzju attwali li ġie soffert, l-ammont tad-danni jista' joħroġ minn elementi bħar-royalties jew il-miżati li kienu jkunu dovuti kieku l-kontraventur kien talab l-awtorizzazzjoni biex juża s-sigriet kummerċjali in kwistjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tiżgura kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż li jkun bata d-detentur tas-sigriet kummerċjali, bħall-ispejjeż ta' identifikazzjoni u riċerka.

(20)     Sabiex ikun hemm deterrent supplimentari kontra l-kontraventuri futuri u biex ikun hemm kontribut għal kuxjenza tal-pubbliku ġenerali, huwa utli li wieħed jippubbliċizza deċiżjonijiet, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ reklami prominenti, f’każijiet li jikkonċernaw l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali, sakemm din il-pubblikazzjoni ma tirriżultax fl-iżvelar tas-sigrieti kummerċjali u lanqas ma teffettwa b’mod sproporzjonat il-privatezza u r-reputazzjoni ta’ persuni fiżiċi.

(21)     L-effettività tal-miżuri u rimedji disponibbli għad-detenturi tas-sigrieti kummerċjali jistgħu jkunu mminati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet relevanti adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat xierqa ta’ sanzjoni.

(22)     Sabiex tiġi ffaċilita l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, huwa xieraq li jiġu pprovduti sistemi ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, fuq naħa waħda, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra, b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ netwerk ta’ korrispondenti maħtura mill-Istati Membri. Barra minn hekk, bil-għan li jiġi rieżaminat jekk dawn il-miżuri jissodisfawx l-għanijiet maħsuba għalihom, il-Kummissjoni, megħjuna, kif xieraq, mill-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandha teżamina l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-effettività tal-miżuri nazzjonali meħuda.

(23)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għal proprjetà, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, aċċess għall-fajl u l-preservazzjoni tas-segretezza tan-negozju, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għal difiża.

(24)     Huwa importanti li d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali ta’ kwalunkwe persuna involuta f’litigazzjoni li tikkonċerna l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali u li d-dejta personali tagħhom hija pproċessata huma rispettati. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali li jsir fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ din id-Direttiva u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħtura mill-Istati Membri.

(25)     Peress li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, biex is-suq intern jiffunzjona mingħajr skossi permezz tal-istabbiliment ta' rimedju suffiċjenti u ta' livell komparabbli fis-suq intern kollu fil-każ ta’ akkwist, użu jew żvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità msemmi f'dak l-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx aktar milli neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv.

(26)     Din id-Direttiva m'għandux ikolla l-mira li tistabbilixxi regoli armoniżżati għall-koperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Strumenti oħra tal-Unjoni li jirregolaw affarijiet bħal dawn f’termini ġenerali, fil-prinċipju, għandhom jibqgħu ugwalment applikabbli għall-qasam kopert minn din id-Direttiva.

(27)     Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva m'għandhomx ikunu użati biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni mingħajr bżonn f'manjiera li jmur kontra dak it-Trattat.

(28)     Il-miżuri adottati sabiex iħarsu l-akkwist, l-iżvelar u l-użu illegali tas-sigrieti kummerċjali ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe liġi oħra rilevanti f’oqsma oħra inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-privatezza, l-aċċess għad-dokumenti u liġi ta’ kuntratt. Madankollu, fejn l-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8] u l-ambitu ta’ din id-Direttiva jidħlu f’xulxin, din id-Direttiva tieħu preċedenza bħala lex specialis.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Direttiva tistipula regoli dwar il-protezzjoni kontra l-akkwist, l-iżvelar u l-użu illegali tas-sigrieti kummerċjali.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)          'sigriet kummerċjali' jfisser informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)     hu sigriet fis-sens li mhux, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tiegħu, magħruf ġeneralment jew aċċessibbli b'mod faċli lill-persuni li ġeneralment jitrattaw din it-tip ta' informazzjoni;

(b)     għandu valur kummerċjali minħabba li hu sigriet;

(c)     kien soġġett għal passi raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali ta' l-informazzjoni, biex jinżamm sigriet.

(2)          'detentur tas-sigriet kummerċjali' jfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li legalment tikkontrolla sigriet kummerċjali;

(3)          'kontraventur' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun akkwistat, użat jew żvelat illegalment sigrieti kummerċjali;

(4)          'oġġetti kontraventorji' tfisser oġġetti li d-disinn, il-kwalità, il-proċess ta’ fabbrikazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tagħhom b’mod sinifikanti jibbenefikaw minn sigrieti kummerċjali akkwistati, użati jew żvelati illegalment.

Kapitolu II

L-akkwist, l-użu u l-iżvelar illegali, tas-sigrieti kummerċjali

Artikolu 3 L-akkwist, l-użu u l-iżvelar illegali, tas-sigrieti kummerċjali

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tas-sigrieti kummerċjali huma intitolati japplikaw għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati f’din id-Direttiva biex jipprevjenu, jew jiksbu rimedju għall-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali, ta’ sigriet kummerċjali.

2.           L-akkwist ta’ sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali għandu jkun meqjus bħala illegali kull meta jitwettaq intenzjonalment jew minħabba negliġenza sejra bi:

(a)     aċċess mhux awtorizzat, jew kopja ta’ kwalunkwe dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku, legalment taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li fihom sigrieti kummerċjali jew li minnhom wieħed jista’ jiddeduċi sigrieti kummerċjali;

(b)     serq;

(c)     tixħim;

(d)     qerq;

(e)     ksur jew persważjoni għal ksur ta' ftehim ta’ kunfidenzjalità jew kwalunkwe dmir ieħor biex tinżamm segretezza;

(f)     kwalunkwe mġieba oħra li, taħt iċ-ċirkostanzi, hija kkunsidrata kuntrarja għall-prattika kummerċjali onesta.

3.           L-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illeġittimu kull meta jitwettaq, mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, minn persuna nstab li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)     akkwistat is-sigriet kummerċjali illegalment;

(b)     tkun qed tikser ftehim ta’ kunfidenzjalità jew kwalunkwe dover ieħor biex iżomm is-segretezza tas-sigriet kummerċjali;

(c)     tkun qed tikser kuntratt jew kul dover ieħor li tillimita l-użu tas-sigriet kummerċjali.

4.           L-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandhom ukoll ikunu meqjusa bħala illegali kull meta persuna, waqt l-użu jew l-iżvelar, kienet taf jew fiċ-ċirkostanzi kellha tkun taf li sigriet kummerċjali inkiseb minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela sigriet kummerċjali b’mod illegali fis-sens tal-paragrafu 3.

5.           Il-produzzjoni konxja jew volontarja, l-offerta jew it-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna tal-oġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet, għandha titqies bħala użu illegali ta’ sigriet kummerċjali.

Artikolu 4 L-akkwist, l-użu u l-iżvelar legali tas-sigrieti kummerċjali

1.           L-akkwist tas-sigrieti kummerċjali għandu jiġi meqjus bħala legali meta jinkiseb permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)     skoperta jew kreazzjoni indipendenti;

(b)     osservazzjoni, studju, żarmar jew test ta’ prodott jew oġġett li jkun sar disponibbli għall-pubbliku jew li huwa legalment fil-pussess tal-akkwirent tal-informazzjoni;

(c)     eżerċizzju tad-dritt tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għal tagħrif u konsultazzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u/jew ta’ ċerti prattiki;

(c)     kwalunkwe prattika oħra li, fiċ-ċirkostanzi, hija konformi ma' prattiċi kummerċjali onesti.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li m’hemmx dritt għall-applikazzjoni għall-miżuri, l-proċeduri u r-rimedji stipulati f’din id-Direttiva meta l-allegat akkwist, użu jew żvelar ta’ sigriet kummerċjali twettaq fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)     biex isir użu leġittimu mid-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni;

(b)     għall-iskop tinkixef il-kondotta ħażina, l-għemil ħażin jew attività illegali tal-applikant, sakemm l-allegat akkwist, użu jew żvelar ta’ sigriet kummerċjali kien meħtieġ għal dik ir-rivelazzjoni u li l-intimat aġixxa fl-interess pubbliku;

(c)     is-sigriet kummerċjali ġie żvelat mill-ħaddiema lir-rappreżentanti tagħhom bħala parti minn eżerċizzju leġittimu tal-funzjonijiet rappreżentattivi tagħhom;

(d)     għall-iskop tal-issodisfar ta' obbligu nonkontrattwali;

(e)     għall-iskop tal-protezzjoni ta' interess leġittimu.

Kapitolu III

Miżuri, proċeduri u rimedji

Sezzjoni 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 5 Obbligu Ġenerali

1.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ rimedju ċivili kontra l-akkwist l-użu u l-iżvelar illegali, tas-sigrieti kummerċjali.

2.           Dawk il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom:

(a)     ikunu ġusti u ekwi;

(b)     ma jkunux ikkumplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu skadenzi mhux raġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat;

(c)     ikunu effettivi u dissważivi

Artikolu 6 Proporzjonalità u abbuż ta' litigazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati f’konformità ma’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti b’mod li:

(a)     huwa proporzjonat;

(b)     jevita l-ħolqien ta' xkiel għall-kummerċ leġittimu fis-suq intern;

(c)     jipprovdi salvagwardji kontra l-abbuż.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jiddeterminaw li talba li tikkonċerna l-akkwist, l-iżvelar jew l-użu illegali ta’ sigriet kummerċjali tkun manifestament infondata u l-applikant jinstab li ta bidu għal proċedimenti legali in mala fede bil-għan li jdewwem jew jirrestrinġi l-aċċess tal-intimat għas-suq jew inkella li jintimida jew jiffastidja lill-intimat, dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)     jimponu sanzjonijiet fuq l-applikant

(b)     jordnaw id-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 14.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-intimat li jitlob id-danni, jekk il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tippermetti.

Artikolu 7 Perjodu ta' limitazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati f’din id-Direttiva jistgħu jinġiebu f’tal-anqas sena waħda imma mhux aktar minn sentejn wara d-data li fiha l-applikant sar jaf, jew kellu raġuni biex isir konxju, tal-aħħar fatt li jagħti lok għall-azzjoni.

Artikolu 8 Preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul il-kors tal-proċedimenti legali

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet, ir-rappreżentanti legali tagħhom, l-uffiċjali tal-qorti, xhieda, esperti u kull persuna oħra li tkun qed tipparteċipa fi proċeduri legali dwar l-akkwist l-użu jew l-iżvelar illegali, ta’ sigriet kummerċjali, jew min għandu aċċess għal dokumenti li jiffurmaw parti minn dawk il-proċedimenti legali, m’għandux jitħalla juża jew jiżvela kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali li sar jaf bih bħala riżultat ta’ tali parteċipazzjoni jew aċċess.

L-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu ma jibqax jeżisti f’xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)     fejn matul il-proċedimenti, l-allegat sigriet kummerċjali jinstab li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (1) tal-Artikolu 2;

(b)     fejn maż-żmien, l-informazzjoni in kwistjoni ssir ġeneralment magħrufa fost jew faċilment aċċessibbli għall-persuni li ġeneralment jitrattaw dik it-tip ta’ informazzjoni.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq applikazzjoni debitament raġonata minn parti, jieħdu miżuri speċifiċi meħtieġa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali użat jew imsemmi matul il-proċedimenti legali li jirrigwardaw l-akkwist l-użu jew l-iżvelar illegali, ta’ sigriet kummerċjali.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom mill-inqas jinkludu l-possibbiltà:

(a)     li jiġi restritt l-aċċess għal kull dokument li fih sigrieti kummerċjali sottomess mill-partijiet jew mill-partijiet terzi, kollha jew parti minnhom;

(b)     li jiġi ristrett l-aċċess għal seduti, meta s-sigrieti kummerċjali jistgħu jiġu żvelati, u r-rekords jew transkript korrispondenti tagħhom. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, u soġġett għal ġustifikazzjoni xierqa, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jirrestrinġu l-aċċess tal-partijiet għal dawk is-seduti u jordnaw li dawn jitwettqu biss fil-preżenza tar-rappreżentanti legali tal-partijiet u esperti awtorizzati suġġett għal obbligu tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafu 1;

(c) li jagħmlu disponibbli verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja, li minnhom ikunu tneħħew is-siltiet li jinkludu s-sigrieti kummerċjali.

Fejn, minħabba l-ħtieġa li jiġi protett is-sigriet kummerċjali jew l-allegata sigriet kummerċjali u skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tiddeċiedi li l-evidenza legalment fil-kontroll ta’ parti m’għandhiex tiġi żvelata lill-parti l-oħra u fejn tali evidenza tkun materjali għar-riżultat tal-litigazzjoni, l-awtorità ġudizzjarja tista’ xorta waħda tawtorizza l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni lir-rappreżentanti legali tal-parti l-oħra u, fejn xieraq, lill-esperti awtorizzati suġġetti għall-obbligu tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafu 1.

3.           Meta jiddeċiedu dwar l-għoti jew iċ-ċaħda tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u jivvalutaw il-proporzjonalità, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u, fejn xieraq ta’ partijiet terzi, u kwalunkwe ħsara potenzjali għal waħda mill-Partijiet, u fejn xieraq partijiet terzi, li jirriżultaw mill-għoti jew ir-rifjut ta’ tali applikazzjoni.

4.           Kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

Sezzjoni 2 Miżuri proviżorji u kawtelatorji

Artikolu 9 Miżuri proviżorji u kawtelatorji

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq it-talba tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, jordnaw kwalunkwe mill-miżuri provviżorji u prekawzjonarji li ġejjin kontra l-allegat kontraventur:

(a)     il-waqfien, jew, skont il-każ, il-projbizzjoni tal-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali fuq bażi provviżorja;

(b)     il-projbizzjoni tal-produzzjoni, l-offerta, jew it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodotti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna ta' prodotti kontraventorji għal dawk l-iskopijiet;

(c)     il-konfiska jew il-kunsinna ta’ oġġetti suspettati bħala kontraventorji, inklużi oġġetti importati, sabiex jiġu evitati d-dħul u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom fis-suq.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jagħmlu l-kontinwazzjoni tal-akkwist, l-użu jew l-iżvelar allegatament illegali ta’ sigriet kummerċjali soġġett għall-preżentazzjoni ta’ garanziji maħsuba biex jiżguraw il-kumpens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali.

Artikolu 10 Kundizzjonijiet ta' applikazzjoni u salvagwardja

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom, fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 9, l-awtorità li jitolbu lill-applikant jipprovdi evidenza li tista' titqies raġonevolment disponibbli sabiex jissodisfaw ruħhom li s-sigriet kummerċjali jeżisti, li l-applikant huwa d-detentur tas-sigriet kummerċjali leġittimu u li sigriet kummerċjali kien akkwistat illegalment, li sigriet kummerċjali qed jiġi użat u żvelat illegalment, jew li hija imminenti akkwiżizzjoni, użu jew żvelar illegli ta’ sigriet kummerċjali.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeċiedu li jagħtu jew jiċħdu l-applikazzjoni u jivvalutaw l-proporzjonalità tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu mitluba li jqisu l-valur tas-sigriet kummerċjali, il-miżuri meħuda biex jiġi protett is-sigriet kummerċjali, il-kondotta tal-intimat fl-akkwist, l-iżvelar jew l-użu tas-sigriet kummerċjali, l-impatt tal-iżvelar jew l-użu illegali tas-sigriet kummerċjali, l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-impatt li l-għoti jew ir-rifjut tal-miżuri jista’ jkollhom fuq il-partijiet, l-interessi leġittimi ta’ partijiet terzi, l-interess pubbliku u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri provviżorji msemmija fl-Artikolu 9 huma revokati jew inkella jieqfu milli jidħlu fis-seħħ, fuq talba tal-intimat, jekk:

(a)     l-applikant ma jibdiex proċedimenti li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-meriti tal-każ quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien determinat mill-awtorità ġudizzjarja li tordna l-miżuri meta liġi ta’ Stat Membru tippermetti dan jew, fin-nuqqas ta’ tali determinazzjoni, fi żmien mhux aktar minn 20 ġurnata tax-xogħol jew 31 jum kalendarju, liema minnhom ikun l-itwal;

Sadanittant, it-tagħrif inkwistjoni m’għadhux jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt (1) tal-Artikolu 2, għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jagħmlu l-miżuri proviżorji msemmija fl-Artikolu 9 soġġeti għal preżentazzjoni mill-applikant ta' sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti intiża biex tassigura il-kumpens mingħajr preġudizzju soffert mill-intimat jew kwalunkwe persuna oħra milquta mill-miżuri.

5.           Fejn il-miżuri interim huma revokati fuq il-bażi tal-punt (a) tal-paragrafu 3, fejn dawn jiskadu minħabba kwalunkwe att jew omissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kien hemm l-ebda akkwist, żvelar jew użu illegali ta’ sigriet kummerċjali jew theddid ta’ kondotta bħal din, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandu jkollhom l-awtorità sabiex jordnaw lill-applikant, fuq talba tal-intimat jew ta’ parti terza danneġġjata, biex jipprovdi lil-intimat, jew il-parti terza danneġġata, b'kumpens xieraq għal kwalunkwe dannu kkawżat minn dawk il-miżuri.

Sezzjoni 3 Miżuri li jirriżultaw minn deċiżjoni fuq il-merti tal-każ

Artikolu 11 Inġunzjonijiet u miżuri korrettivi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja li ssib akkwist, użu jew żvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq talba tal-applikant jordnaw kontra l-kontraventur:

(a)     il-waqfien, jew, skont il-każ, il-projbizzjoni tal-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali;

(b)     il-projbizzjoni tal-produzzjoni, l-offerta, jew it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna ta' oġġetti kontraventorji għal dawk l-iskopijiet;

(c)     l-adozzjoni tal-miżuri korrettorji xierqa fir-rigward tal-oġġetti kontraventorji.

2.           Il-miżuri korrettivi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jinkludu

(a)     dikjarazzjoni ta' kontravenzjoni;

(b)     is-sejħa lura tal-prodotti kontraventorji mis-suq;

(c)     li l-prodotti kontraventorji titneħħielhom il-kwalità kontraventorja tagħhom;

(d) il-qerda tal-oġġetti kontraventorji jew, fejn xieraq, l-irtirar tagħhom mis-suq, sakemm din l-azzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali in kwistjoni;

(e) il-qerda totali jew parzjali ta’ kull dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku li fihom jew li jimplimentaw is-sigriet kummerċjali jew, skont il-każ, il-konsenja lid-detentur tas-sigriet kummerċjali tad-dokumenti, l-oġġetti, il-materjali, is-sustanzi u l-fajls elettroniċi kollha jew parti minnhom.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġi ordnat l-irtirar tal-prodotti kontraventorji mis-suq, l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw, fuq talba tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li l-oġġetti jingħataw lid-detentur jew lill-organizzazzjonijiet tal-karità taħt kondizzjonijiet li għad iridu jiġu deċiżi mill-awtoritajiet ġudizzjarji li għandhom l-għan li jiżguraw li l-oġġetti inkwistjoni ma jerġgħux jidħlu fis-suq.

L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jordnaw li dawk il-miżuri jitwettqu bl-ispejjeż għal min ikun kiser id-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet partikolari sabiex ma jsirx dan. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe danni li jistgħu jiġġarbu mid-detentur tas-sigriet kummerċjali minħabba l-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

Artikolu 12 Kundizzjonijiet tal-applikazzjoni, salvagwardji u miżuri alternattivi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, waqt li kienet qed tiġi eżaminata talba għal l-adozzjoni tal-mandati ta’ inibizzjoni u miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 11 u tiġi vvalutata l-proporzjonalità tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jqisu l-valur tas-sigriet kummerċjali, il-miżuri meħuda biex jiġi protett is-sigriet kummerċjali, il-kontotta tal-kontraventur fl-akkwist, l-iżvelar jew l-użu tas-sigriet kummerċjali, l-impatt ta’ żvelar illegali jew użu tas-sigriet kummerċjali, l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-impatt li l-għoti jew ir-rifjut tal-miżuri jista’ jkollhom fuq il-partijiet, l-interessi leġittimi ta’ partijiet terzi, l-interess pubbliku u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jillimitaw id-dewmien tal-miżura msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11 (1), dan iż-żmien għandu jkun biżżejjed biex jelimina kwalunkwe vantaġġ kummerċjali jew ekonomiku li l-kontraventur seta' jikseb mill-akkwist l-iżvelar jew l-użu illegali tas-sigriet kummerċjali.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11(1) huma revokati jew inkella jieqfu milli jidħlu fis-seħħ, fuq talba tal-intimat jekk sadanittant l-informazzjoni in kwistjoni ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt (1) tal-Artikolu 2 għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat.

3.           L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, fuq talba tal-persuna responsabbli li tkunu soġġetta għall-miżuri previsti fl-Artikolu 11, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista' tordna kumpens fi flus li għandu jitħallas lill-parti danneġġjata minflok ma jiġu applikati dawk il-miżuri jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)     il-persuna kkonċernata oriġinarjament akkwistat għarfien tas-sigriet kummerċjali b’rieda tajba u tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(4);

(b)     l-ezekuzzjoni tal-miżuri in kwistjoni jikkawżaw lill-persuna dannu sproporzjonat;

(c)     kumpens pekunjarju lill-parti danneġġata tidher li hi raġonevolment sodisfaċenti.

Meta jkun ġie ordnat kumpens pekunjarju minflok l-ordni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 11 (1), tali kumpens pekunjarju ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ royalties jew miżati li kienu jkunu dovuti, li kieku dik il-persuna kienet talbet awtorizzazzjoni biex tuża s-sigriet kummerċjali in kwistjoni, għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-użu tas-sigriet kummerċjali seta’ ġie projbit.

Artikolu 13 Id-danni

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq applikazzjoni tal-parti danneġġjata, jordnaw lill-kontraventur li kien jaf jew li messu kien jaf li hu jew hi kien/et qed j/tagħmel l-akkwist l-iżvelar jew l-użu illegali ta’ sigriet kummerċjali, li jħallsu lid-detentur tas-sigriet kummerċjali id-danni xierqa għall-ħsara attwali mġarrba.

2.           Meta jiġu ffisati d-danni, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jikkunsidraw il-fatturi xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontraventur u, f'każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tas-sigriet kummerċjali bl-akkwist, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

Madankollu, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu ukoll, skont il-każ jifissaw id-danni bħala somma li titħallas f’daqqa fuq il-bażi ta’ elementi bħal minimu tal-ammont tar-royalties jew tat-tariffi li kieku kienu jkunu dovuti jekk il-persuna li għamlet il-ksur talbet awtorizzazzjoni sabiex tuża s-sigriet kummerċjali in kwistjoni.

Artikolu 14 Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji

1.           L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-proċedimenti legali istitwiti għall-akkwist, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw, fuq it-talba tal-applikant u jħallas il-kontraventur, miżuri xierqa għat-tixrid tal-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni, li jinkludi l-pubblikazzjoni tagħha sħiħa jew parti minnha.

2.           Kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tippreserva l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali kif previst fl-Artikolu 8.

3.           Biex jiġi deċiż jekk jiġux ordnati miżuri ta’ pubbliċità u ta’ stima ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu d-dannu possibbli li miżura bħal din tista’ tikkawża għall-privatezza u r-reputazzjoni tal-kontraventur, kull meta l-kontraventur huwa persuna naturali, kif ukoll il-valur tas-sigriet kummerċjali, il-kondotta tal-kontraventur fl-akkwist, l-iżvelar jew l-użu tas-sigriet kummerċjali, l-impatt tal-akkwist, l-iżvelar jew l-użu tas-sigriet kummerċjali, u l-probabbiltà ta’ aktar użu u żvelar tas-sigriet kummerċjali mill-kontraventur.

Kapitolu IV

Sanzjonijiet, rappurtar u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15 Sanzjonijiet għan-nonkonformità mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq il-partijiet, ir-rappreżentanti legali tagħhom u kwalunkwe persuna oħra li tonqos jew tirrifjuta li tikkonforma ma’ kull miżura adottata skont l-Artikoli 8, 9 u 11.

Is-sanzjonijiet previsti għandhom jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti penali ta' pagamenti rikorrenti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ miżura adottata skont l-Artikoli 9 u 11.

Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.

Artikolu 16 Il-bdil ta' informazzjoni u l-korrispondenti

Bl-għan li ssir promozzjoni tal-koperazzjoni, li tinkludi il-bdil ta' informazzjoni, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jagħżel korrispondent nazzjonali jew aktar fuq xo kwestjoni li tirrelata ma' l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'din id-Direttiva. Għandha tikkomunika id-dettalji tal-korrispondent(i) nazzjonali lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni.

Artikolu 17 Rapporti

1.           Sa XX XX 20XX [tliet snin wara l-għeluq tal-perjodu ta’ traspożizzjoni], l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għal Marki Kummerċjali u Disinji, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, għandha tħejji rapport inizjali dwar xejriet ta’ litigazzjoni fir-rigward tal-akkwist, użu jew żvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali skont l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.           Sa XX XX 20XX [erba’ snin wara l-għeluq tal-perjodu ta’ traspożizzjoni], il-Kummissjoni għandha tfassal rapport intermedju dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jieħu f’kunsiderazzjoni r-rapport imħejji mill-Osservatorju Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

3.           Sa XX XX 20XX [tmien snin wara l-għeluq tal-perjodu ta’ traspożizzjoni], il-Kummissjoni għandha tfassal evalwazzjoni tal-effetti ta’ din id-Direttiva u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 18 Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa XX XX 20XX [24 xahar wara d-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-dritt nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 19 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM (2011)287.

[2]               ĠU C 369 of 17.12.2011, p.14-15.

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunitа Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

[6]               Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43).

[7]               Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[8]               Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L157, 30.4.2004, p.45).

Top