EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0614

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati

/* COM/2012/0614 final - 2012/299 (COD) */

52012PC0614

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati /* COM/2012/0614 final - 2012/299 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sfond

Il-bordijiet tal-kumpaniji fl-UE huma kkaratterizzati minn żbilanċi persistenti bejn is-sessi, kif muri mill-fatt li bħalissa huma biss 13,7% tal-pożizzjonijiet korporattivi fl-akbar kumpaniji elenkati li huma miżmuma minn nisa (15% fost diretturi mhux eżekuttivi)[1]. Meta mqabbel ma' oqsma oħra tas-soċjetà, speċjalment is-settur pubbliku[2], is-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati pubblikament huwa partikolarment sinifikanti.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għamlu bosta sforzi matul diversi għexieren ta' snin biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, partikolarment biex tittejjeb il-preżenza femminili fil-bordijiet tal-kumpaniji, billi adottaw rakkomandazzjonijiet u inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni. Żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (fl-1984 u 1996) ħeġġew lis-settur privat biex iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, notevolment permezz ta' programmi ta' azzjoni pożittiva, u talbu lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi biex tilħaq bilanċ fil-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel f'dan ir-rigward[3]. L-inizjattivi nazzjonali tal-awtoregolamentazzjoni u tal-governanza korporattiva kienu mmirati sabiex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex jaħtru aktar nisa f'pożizzjonijiet tal-ogħla livell.

Madankollu, il-progress biex tiżdied il-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji miexi bil-mod ħafna, b'żieda annwali medja fis-snin l-imgħoddija ta' biss 0,6 punti perċentwali[4]. Ir-rata ta' titjib fl-Istati Membri individwali hija inugwali u pproduċiet riżultati diverġenti ħafna. L-aktar progress sinifikanti ġie nnotat f'dawk l-Istati Membri u pajjiżi oħra fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti[5]. Inizjattivi awtoregolatorji f'numru ta' Stati Membri ma rriżultawx f'tibdiliet notevoli bl-istess mod. Bil-pass preżenti jridu jgħaddu bosta għexieren ta' snin biex noqorbu lejn il-bilanċ bejn is-sessi madwar l-UE.

Id-diskrepanzi li dejjem qed jikbru bejn l-Istati Membri x’aktarx li se jiżdiedu minħabba approċċi differenti ħafna segwiti minn Stati Membri individwali. Xi Stati Membri żviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali iżda indirizzaw gruppi differenti ta' kumpaniji u b'approċċi legali differenti. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, anki fejn dawn jindirizzaw il-problema, qegħdin jevolvu f'direzzjonijiet differenti. Xi Stati Membri ffavorixxew mudell "ikkonforma jew spjega", fejn il-kumpaniji li ma jikkonformawx ma' objettiv tal-bilanċ bejn is-sessi jkollhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għaliex ma għamlux dan. Oħrajn jistabbilixxu objettiv legali vinkolanti tal-bilanċ bejn is-sessi b’sanzjonijiet. Xi Stati Membri jiffukaw fuq kumpaniji elenkati, filwaqt li oħrajn jiffukaw fuq il-kumpaniji l-kbar (irrispettivament mill-elenkar) jew kumpaniji tal-Istat biss. Xi Stati Membri qed jiffukaw il-miżuri tagħhom fuq il-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta' kumpaniji elenkati filwaqt li oħrajn ikopru l-membri kemm eżekuttivi kif ukoll mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta' kumpaniji elenkati.

Id-diverġenza jew in-nuqqas ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali mhux biss twassal għad-diskrepanzi fl-għadd ta' nisa fost diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi u rati differenti ta' titjib madwar l-Istati Membri, iżda toħloq ukoll ostakoli għas-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti dwar governanza korporattiva għall-kumpaniji elenkati Ewropej. Din l-evoluzzjoni varjata tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali wasslet għal frammentazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi madwar l-UE, li tissarraf f'obbligi legali inkonsistenti ta' komparabilità diffiċli, konfużjoni u spejjeż ogħla għall-kumpaniji, l-investituri u partijiet interessati oħra, u, fl-aħħar mill-aħħar, tfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. B'mod partikolari, dawn id-differenzi fir-rekwiżiti ġuridiċi u awtoregolatorji għall-kompożizzjoni tal-bordijiet korporattivi jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati li joperaw bejn il-fruntieri, notevolment meta jistabbilixxu sussidjarji jew f'fużjonijiet u akkwisti, kif ukoll għall-kandidati għal pożizzjonijiet fil-bordijiet. In-nuqqas attwali ta' trasparenza tal-proċeduri tal-għażla u kriterji ta' kwalifika għall-pożizzjonijiet fil-bordijiet f'ħafna mill-Istati Membri jirrappreżenta ostaklu importanti għal aktar diversità tal-membri tal-bord u jaffettwa b'mod negattiv kemm il-karrieri tal-kandidati għall-bordijiet u l-libertà ta' moviment tagħhom, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-investituri. L-opaċità tal-ħatriet għall-bordijiet tagħmilha aktar diffiċli għal nisa bi kwalifiki meħtieġa għal pożizzjonijiet fil-bordijiet biex japplikaw għal tali pożizzjonijiet b’mod ġenerali u saħansitra aktar minn hekk fi Stat Membru ieħor. In-nuqqas ta' trasparenza dwar il-kriterji ta' kwalifika għad-diretturi tal-kumpaniji jista' wkoll ikollu impatt negattiv fuq il-kunfidenza tal-investituri f'kumpanija, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Id-divulgazzjoni tal-informazzjoni relevanti dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet bejn is-sessi se jissarraf ukoll f'obbligu ta' rendikont aktar b'saħħtu għall-kumpaniji, teħid tad-deċiżjonijiet infurmat aħjar u iktar solidu, allokazzjoni aħjar tal-kapital, u, fl-aħħar mill-aħħar, tkabbir u impjiegi ogħla u aktar sostenibbli fl-UE.

Is-sottoutilizzazzjoni tal-ħiliet tan-nisa kwalifikati ħafna tikkostitwixxi telf ta' potenzjal ta' tkabbir ekonomiku. Li jiġu mmobilizzati kompletament ir-riżorsi umani disponibbli kollha se jkun element ta' importanza ewlenija biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi tal-UE, biex nikkompetu b'suċċess f'ekonomija globalizzata u niżguraw vantaġġ komparattiv fir-rigward ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, id-differenza bejn is-sessi fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE tista' tkun opportunità mitlufa fil-livell tal-kumpaniji f'termini kemm tal-governanza korporattiva kif ukoll tal-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija[6]. Il-qalba tal-problema tinsab fil-persistenza ta' ostakli multipli li jaffaċċjaw l-għadd dejjem jikber ta' nisa kwalifikati ħafna li huma disponibbli għal postijiet fil-bordijiet[7] fi triqithom lejn l-ogħla pożizzjonijiet fil-korporazzjonijiet. In-nuqqas ta' rieda biex jinħatru kandidati nisa għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet huwa ta' sikwit imsejjes fuq l-isterjotipi tas-sessi fir-reklutaġġ u l-promozzjoni, kultura tan-negozju ddominata mill-irġiel u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi tal-ħatra tal-bordijiet. Dawn l-elementi, li spiss jissejħu fl-intier tagħhom bħala "saqaf tal-ħġieġ", jimminaw il-funzjonament ottimali tas-suq tax-xogħol għal pożizzjonijiet maniġerjali għoljin madwar l-UE.

Is-sottorappreżentazzjoni persistenti tan-nisa fuq il-bordijiet hija element prinċipali ta' nuqqas ta' diversità aktar wiesa' fuq il-bordijiet bil-konsegwenzi negattivi tiegħu. Fil-bordijiet bi predominanza ta' membri ta' sess wieħed hemm probabilità konsiderevolment ogħla ta' "raġunar gregarju" dejjaq. Dan jista' jikkontribwixxi għal nuqqas ta' sfida effettiva għad-deċiżjonijiet tal-maniġment, billi n-nuqqas ta' diversità fl-opinjonijiet, valuri, u kompetenzi jista' jwassal għal inqas dibattitu, ideat u sfida fil-bordijiet. Diversità insuffiċjenti fuq il-bordijiet hija marbuta fuq kollox ma' inċentivi tas-suq li mhumiex suffiċjenti għall-kumpaniji biex ibiddlu s-sitwazzjoni. F'dan ir-rigward, prattiki tar-reklutaġġ inadegwati għall-membri tal-bordijiet jikkontribwixxu sabiex tissokta l-għażla ta' membri bi profili simili. L-għażla ta' spiss tillimita ruħha għal grupp żgħir wisq ta' nies, id-diretturi mhux eżekuttivi ta' spiss għadhom jiġu reklutati permezz ta' netwerk ta' ħbieb minn fost in-negozji u l-kuntatti personali tal-membri tal-bord kurrenti. In-nuqqas ta' trasparenza dwar id-diversità fuq il-bordijiet qiegħda tirrinforza l-problema, billi l-livell ta' informazzjoni u l-grad sa liema din l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku inġenerali spiss ikunu insuffiċjenti.

F'dak li jirrigwarda l-objettivi għall-kompożizzjoni tal-bordijiet, it-trasparenza tar-reklutaġġ u r-rappurtar dwar id-diversità tas-sessi tal-bordijiet, il-problemi identifikati jaffettwaw il-prestazzjoni ġenerali tal-kumpaniji, l-obbligi ta' rendikont tagħhom, il-kapaċità tal-investituri biex jivvalutaw u jikkalkulaw b'mod xieraq u f'waqtu l-informazzjoni kollha rilevanti, u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji tal-UE. Bħala konsegwenza, il-potenzjal tas-suq intern għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi jista' ma jiġix sfruttat b'mod sħiħ. Rekwiżiti ċari rigward il-miri li jridu jintlaħqu mill-kumpaniji fir-rigward tal-ġeneru tad-diretturi mhux eżekuttivi, it-trasparenza tal-proċess ta' reklutaġġ (kriterji ta' kwalifika) u l-obbligi tar-rapportar fir-rigward tad-diversità tas-sessi tal-bordijiet huma għaldaqstant neċessarji.

Kuntest tal-politika

Reċentement, il-kwistjoni tat-titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi saret dejjem aktar prominenti fl-areni nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, b’enfasi partikolari fuq id-dimensjoni ekonomika tad-diversità tas-sessi.

Il-Kummissjoni Ewropea rriaffermat l-appoġġ tagħha għal parteċipazzjoni akbar tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabilità, kemm fil-Karta tan-Nisa[8] tagħha kif ukoll fl-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015[9] tagħha, filwaqt li ppubblikat ukoll diversi rapporti li janalizzaw is-sitwazzjoni[10].

Fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020, adottat fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill irrikonoxxa li politiki għall-ugwaljanza bejn is-sessi huma vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività u ħeġġeġ l-azzjoni biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ mit-talenti kollha.

Il-Parlament Ewropew ripetutament sejjaħ lill-kumpaniji u lill-Istati Membri biex iżidu r-rappreżentazzjoni femminili tan-nisa fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet u stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi kwoti leġiżlattivi biex jintlaħaq il-minimu kritiku ta' parteċipazzjoni femminili ta' 30 fil-mija fil-korpi tal-maniġment sal-2015 u 40 fil-mija sal-2020[11].

L-imsieħba soċjali Ewropej irriaffermaw l-impenn tagħhom għal azzjoni ulterjuri f’dan il-kamp fil-programm ta' ħidma tagħhom għall-2012-2014.

L-iskop tal-proposta

L-għan tal-proposta huwa li żżid sostanzjalment in-numru ta' nisa fil-bordijiet korporattivi madwar l-UE billi tistabbilixxi objettiv minimu ta' preżenza ta' 40% tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fuq il-borża u billi tobbliga lil kumpaniji b'sehem iżgħar tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi sabiex jintroduċu kriterji prestabbiliti, ċari, formulati b'mod newtrali u mhux ambigwi fil-proċeduri tal-għażla għal dawk il-pożizzjonijiet sabiex jiksbu dak l-għan.

Il-proposta tfittex li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u li tutilizza b’mod sħiħ ir-riżorsa ta' talent eżistenti ta' kandidati għal rappreżentazzjoni aktar ugwali bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, u b'hekk tikkontribwixxi għall-miri tal-Ewropa 2020. Id-Direttiva proposta se twassal biex jitneħħew l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nisa meta jimmiraw għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet u għal governanza korporattiva mtejba, kif ukoll prestazzjoni mtejba tal-kumpaniji.

Armonizzazzjoni minima fir-rigward kemm tar-rekwiżit għall-kumpaniji elenkati sabiex jieħdu deċiżjonijiet ta' ħatra abbażi ta' valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kwalifiki tal-kandidati kif ukoll it-twaqqif ta' objettiv kwantitattiv għall-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi jidhru li huma essenzjali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet kompetittivi ġusti u biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati fis-suq intern.

L-objettiv kwantifikat ta' 40% stabbilit minn din id-Direttiva japplika biss għad-diretturi mhux eżekuttivi sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiżdied id-diversità tas-sessi tal-bordijiet minn naħa u l-ħtieġa li jitnaqqsu l-interferenzi mal-amministrazzjoni ta' kuljum ta' kumpanija min-naħa l-oħra. Diretturi mhux eżekuttivi u bordijiet superviżorji għandhom rwol essenzjali fil-ħatra tal-ogħla livell tal-maniġment u l-formazzjoni tal-politika tar-riżorsi umani tal-kumpanija. Preżenza aktar qawwija tas-sess l-anqas irrappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi għalhekk se jkollha effetti anċillari pożittivi għad-diversità tas-sessi fis-sellum kollu tal-karrieri.

Il-proposta tiffoka fuq kumpaniji elenkati pubblikament, minħabba l-importanza ekonomika u l-viżibilità għolja tagħhom. Huma jiffissaw l-istandards għas-settur privat inġenerali. Barra minn hekk, huma għandhom tendenza li jkollhom bordijiet akbar u jkollhom status legali simili madwar l-UE, li jipprovdi l-komparabilità tas-sitwazzjonijiet li hi meħtieġa.

L-għan propost ta' 40% għas-sehem minimu taż-żewġ sessi huwa konformi mal-miri li qed jiġu diskussi u stabbiliti bħalissa f'numru ta' Stati Membri tal-UE/pajjiżi taż-ŻEE. Din iċ-ċifra tinsab bejn il-minimu tal-"massa kritika" ta' 30%, li nstab bħala meħtieġ sabiex ikun hemm impatt sostenibbli fuq il-prestazzjoni tal-bord u parità sħiħa bejn is-sessi (50%).

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri li huma s-sisien tal-UE u wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħha skont l-Artikoli 2 u 3(3) TUE. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 8 TFUE, l-Unjoni għandha timmira li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha.

Hemm diversi miżuri legali importanti fis-seħħ għall-promozzjoni tat-trattament u l-opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, inkluż impjieg għal rashom[12].

Il-proposta hija konsistenti mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"). Hija se tgħin biex tippromovi d-drittijiet fundamentali, partikolarment dawk relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23) u mal-libertà tal-għażla tal-mestier (l-Artikolu 15). Il-proposta tmiss ukoll il-libertà tal-impriża (l-Artikolu 16) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Hija tagħmel dan b’mod ġustifikat: f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità l-enfasi tal-proposta huwa fuq il-membri mhux eżekuttivi tal-bord li – filwaqt li huma atturi importanti partikolarment fir-rigward tal-governanza korporattiva – mhumiex involuti fl-operazzjonijiet ta' kuljum.

L-Artikolu 21(1) tal-Karta jipprojbixxi, fil-prinċipju, kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess. L-Artikolu 23 jirrikonoxxi, madankollu, li l-prinċipju ta' ugwaljanza ma għandux jostakola ż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.

Dan il-prinċipju ta' azzjoni pożittiva huwa wkoll rikonoxxut fl-Artikolu 157(4) TFUE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) stabbilixxiet il-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġu rrikonċiljati ż-żewġ kunċetti formali tal-ugwaljanza fit-trattament u l-azzjoni pożittiva mmirata biex twassal għall-ugwaljanza de facto, li t-tnejn li huma huma rikonoxxuti fil-Karta kif ukoll fl-Artikolu 157 TFUE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54/KE.

Il-kriterji huma:

(1) il-miżuri għandhom jikkonċernaw settur li fih in-nisa huma sottorappreżentati;

(2) huma jistgħu biss jagħtu prijorità lil kandidati nisa fuq kandidati rġiel fejn huma kwalifikati daqshom:

(3) huma m'għandhomx jagħtu prijorità awtomatika u bla kundizzjoni lil kandidati ugwalment kwalifikati, imma għandhom jinkludu "klawżola tas-salvezza" li tinkludi l-possibilità li jingħataw eċċezzjonijiet f'każijiet ġustifikati li jqisu s-sitwazzjoni individwali, b’mod partikolari s-sitwazzjoni personali ta' kull kandidat.

Il-proposta hija f’konformità ma' dawn il-kriterji (ara l-Artikolu 4(3)).

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni u għarfien espert

Mill-5 ta' Marzu sat-28 ta' Mejju 2012, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika biex tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar jekk għandhiex tittieħed xi azzjoni biex jiġi ttrattat l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi, u, jekk iva, x’tip ta' azzjoni. Min-numru totali ta' 485 risposta, 161 kienu mibgħuta minn ċittadini individwali u 324 kienu mibgħuta minn organizzazzjonijiet. Dawn kienu jinkludu 13-il Stat Membru, 3 gvernijiet reġjonali, 6 ibliet jew muniċipalitajiet, 79 kumpanija (kemm kumpaniji elenkati kbar kif ukoll SMEs), 56 assoċjazzjoniji kummerċjali fuq livell tal-UE u nazzjonali, 53 NGOs (ħafna minnhom organizzazzjonijiet tan-nisa), trejdjunjins, assoċjazzjonijiet professjonali, partiti politiċi, assoċjazzjonijiet tal-investituri u azzjonisti, atturi involuti fil-governanza korporattiva u oħrajn.

Kien hemm kunsens wiesa’ dwar il-bżonn urġenti biex jiżdied is-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji. Il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li wieġbu qablu li forza tax-xogħol u struttura tal-bord b’diversità bejn is-sessi huwa mutur tal-innovazzjoni, il-kreattività, il-governanza tajba u l-espansjoni tas-suq għall-kumpaniji u li jkun nieqes mill-viżjoni li wieħed iħalli mhux sfruttat il-potenzjal ekonomiku ta' nisa kwalifikati. L-opinjonijiet varjaw fost il-partijiet interessati dwar il-mezzi xierqa biex ikun hemm bidla. Filwaqt li xi wħud, fil-biċċa l-kbira l-partijiet interessati tan-negozju, ippreferew li tkompli l-awtoregolamentazzjoni, partijiet interessati oħra, inklużi t-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, NGOs oħra u għadd ta' awtoritajiet reġjonali u muniċipali, kienu favur approċċ aktar ambizzjuż fil-forma ta' objettivi vinkolanti. Xi partijiet interessati ssuġġerew li l-ewwel għandu jsir enfasi fuq il-membri tal-bord mhux eżekuttivi u l-bords superviżorji, billi dan ikun jinvolvi interferenza inqas sinifikanti fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji, filwaqt li l-membri eżekuttivi tal-bordijiet għandhom isegwu aktar tard.

Stħarriġ tal-2011 tal-Eurobarometer[13] żvela li 88% tal-Ewropej jaħsbu li n-nisa għandhom ikunu rappreżentati b'mod ugwali f'pożizzjonijiet ta' tmexxija fil-kumpaniji. Meta ngħataw il-possibilità li jagħżlu bejn tliet għażliet sabiex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, l-opinjoni hija maqsuma bejn l-awtoregolamentazzjoni mill-kumpaniji (31%), miżuri legali vinkolanti (26%), u miżuri li ma jorbtux bħal Kodiċijiet u Karti ta' Governanza Korporattiva (20%). Madankollu, 75% tal-Ewropej huma favur leġiżlazzjoni sakemm jitqiesu l-kwalifiki u ma jiġux awtomatikament favoriti l-membri ta' sess wieħed.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt (IA) analizzat ħames għażliet ta' politika, deskritti b'mod sħiħ fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt:

– Alternattiva 1: Ix-xenarju bażi (jiġifieri l-ebda azzjoni oħra fil-livell tal-UE);

– Alternattiva 2: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiksbu l-objettiv ta' mill-inqas 40% tal-membri tal-bord ta' kull sess sal-2020;

– Alternattiva 3: Direttiva li tintroduċi objettiv li jorbot ta' mill-inqas 40% minn kull sess sal-2020 għal diretturi mhux eżekuttivi;

– Alternattiva 4: Direttiva li tintroduċi objettiv li jorbot ta' mill-inqas 40% tal-membri tal-bord ta' kull sess sal-2020 għal diretturi mhux eżekuttivi u objettiv flessibbli għad-diretturi eżekuttivi oġġettivi, li jkun stabbilit mill-kumpaniji nfushom;

– Alternattiva 5: Direttiva li tintroduċi objettiv vinkolanti ta' mill-inqas 40% tal-membri tal-bord ta' kull sess sal-2020 kemm għad-diretturi eżekuttivi kif ukoll għal dawk mhux eżekuttivi.

Ir-riżultat tat-tqabbil tal-konsegwenzi tal-għażliet ta' politika differenti kien li (i) miżuri vinkolanti huma aktar effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika minn miżuri li ma jorbtux, (ii) il-miżuri li jkollhom fil-mira l-membri tal-bord kemm eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi huma aktar effettivi mill-miżuri mmirati biss lejn grupp wieħed u (iii) miżuri vinkolanti joħolqu aktar benefiċċji għas-soċjetà u ekonomiċi minn miżuri mhux vinkolanti.

Fl-istess ħin, l-effikaċja tad-diversi alternattivi ta' politika hija direttament marbuta mal-grad ta' interferenza mad-drittijiet tal-kumpaniji u tal-azzjonisti tagħhom bħala s-sidien tagħhom, inklużi d-drittijiet fundamentali tagħhom. Meta mqabbla ma' miżura mhux vinkolanti b'effett tanġibbli iżda limitat, żieda sostanzjali fl-impatt f'termini tal-għanijiet ta' politika tkun teħtieġ strument li jorbot, li jippreskrivi rekwiżiti minimi għall-kompożizzjoni tal-bordijiet.

Miżuri vinkolanti jinvolvu komparattivament aktar spejjeż u piżijiet amministrattivi li, madankollu, jibqgħu pjuttost modesti meta mqabbla mal-benefiċċji ekonomiċi proġettati. Il-piż amministrattiv huwa mistenni li jkun minimu għall-għażliet kollha ta' politika, minħabba li dawn l-għażliet għandhom ikopru biss kumpaniji elenkati pubblikament li huma mistennija li jkunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmi eżistenti tar-rappurtar.

Il-proposta attwali tagħżel l-effikaċja miżjuda ta' objettivi fissi u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali usa’ li jirriżultaw fir-rigward tal-membri tal-bord mhux eżekuttivi li jiġġustifikaw grad ogħla ta' interferenza fid-drittijiet fundamentali. Il-proposta tibqa' lura milli tistabbilixxi objettiv vinkolanti fiss għall-membri eżekuttivi tal-bordijiet, minħabba l-ħtieġa ikbar għal għarfien u esperjenza speċifiċi għas-setturi fil-ġestjoni ta' kuljum ta' kumpanija. Madankollu, il-kumpaniji għandhom ikunu obbligati li jagħmlu impenji fir-rigward tad-diretturi eżekuttivi li jirriflettu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, u li jirrapportaw dwar il-konformità ma' dawn l-impenji. Il-proposta hija għalhekk ibbażata fuq l-Għażla 4.

3.           ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

L-Artikolu 157(3) TFUE huwa l-bażi legali għal kull miżura vinkolanti mmirata sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol, inkluża azzjoni pożittiva.

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 157(3) TFUE.

Sussidjarjetà

Il-miżuri introdotti minn xi Stati Membri biex isaħħu l-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji jvarjaw ħafna, u numru sostanzjali ta' Stati Membri, b'mod partikolari dawk fejn is- sehem tan-nisa fost id-diretturi huwa partikolarment baxx, ma ħadu l-ebda azzjoni f'dan il-qasam. Huma ma huma qed juru l-ebda rieda jew qed jiffaċċjaw reżistenza biex jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess. Fl-istess ħin, hemm diskrepanzi f'termini tal-għadd ta' nisa fuq il-bordijiet fl-Istati Membri, bl-indikatur ewlieni jvarja minn 3% sa 27% - sitwazzjoni li thedded il-ksib tal-għan fundamentali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi madwar l-Unjoni.

Il-projezzjonijiet fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ibbażati fuq informazzjoni komprensiva dwar inizjattivi leġiżlattivi u awtoregolatorji eżistenti jew ippjanati f’dan il-qasam fl-Istati Membri kollha juru li mingħajr l-azzjoni tal-UE, ir-rappreżentanza femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati pubblikament hija mistennija li tevolvi minn 13,7% fl-2012 għal 20,4% (20,84% l-eċċezzjoni tal-SMEs) fl-2020 għall-UE. Stat Membru wieħed biss (Franza) se jkun kiseb rappreżentanza femminili ta' 40% fil-bordijiet sal-2020 bħala r-riżultat ta' leġiżlazzjoni vinkolanti nazzjonali ta' kwota. Biss 7 Stati Membri oħra - il-Finlandja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, Spanja, id-Danimarka u l-Isvezja – huma stmati li jilħqu l-40% qabel 2035. Minbarra li ma jkunx sodisfaċenti mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, dan mhux ser ikun biżżejjed sabiex jipprovdi l-“massa kritika” ta' nisa fuq il-bordijiet madwar l-Unjoni li, kif turi r-riċerka, hija meħtieġa biex jinħolqu effetti pożittivi fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji. Abbażi ta' dan ix-xenarju, l-UE kollha kemm hi saħansitra mhijiex mistennija li tikseb 40% tan-nisa fil-bordijiet sal-2040. Irrispettivament mill-possibilità ġenerali għall-Istati Membri biex jaġixxu b’mod effiċjenti, l-indikazzjonijiet konkreti tal-Istati Membri rigward l-intenzjonijiet tagħhom, inklużi t-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika u l-projezzjonijiet ibbażati fuq l-informazzjoni kollha disponibbli, juru ċar li azzjoni mill-Istati Membri individwalment mhux se tilħaq l-għan ta' rappreżentazzjoni aktar bilanċjata bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-kumpaniji f'konformità mal-għanijiet tal-politika stabbiliti f’din il-proposta sal-2020 jew f’xi punt fil-futur prevedibbli.

Din is-sitwazzjoni tinvolvi ċertu numru ta' riskji għall-kisba tal-għan fundamentali tal-ugwaljanza bejn is-sessi madwar l-Unjoni. It-Trattati Kostituttivi kellhom il-ħsieb li joħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri billi jnaqqxu l-prinċipju tal-pagi ndaqs u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, sabiex tiġi evitata kwalunkwe kompetizzjoni 'l isfel bejn l-Istati Membri fl-oqsma tax-xogħol u t-trattament ugwali. L-Istati Membri jistgħu tabilħaqq jaħsbuha darbtejn biex jirregolaw f'dan il-qasam u waħedhom, għaliex jistgħu jipperċepixxu riskju li jqiegħdu l-kumpaniji tagħhom stess fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji minn Stati Membri oħra. Din il-perċezzjoni, imsaħħa minn pressjoni mill-komunità tan-negozju, tirrappreżenta ostakolu maġġuri addizzjonali li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jieħdu azzjoni xierqa.

Barra minn hekk, wieħed jista' jistenna li regolamentazzjoni mifruxa u diverġenti fil-livell nazzjonali toħloq problemi prattiċi għall-funzjonament tas-suq intern. Regoli differenti tal-liġi tal-kumpaniji u sanzjonijiet għan-nuqqas ta' osservanza ta' kwota nazzjonali vinkolanti, bħall-esklużjoni mill-akkwist pubbliku, jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet għall-ħajja kummerċjali u jkollhom effett ta' deterrent fuq l-investimenti transkonfinali tal-kumpaniji u l-istabbiliment ta' sussidjarji fi Stati Membri oħra. Regoli diverġenti jew in-nuqqas ta' regoli dwar il-proċedura ta' selezzjoni għall-pożizzjonijiet ewlenin ta' membri tal-bord mhux eżekuttivi mingħajr ebda standards minimi u l-impatt ta' dawn id-differenzi fuq il-governanza korporattiva u l-valutazzjoni tal-governanza korporattiva mill-investituri jistgħu jkomplu jwasslu għal problemi fil-funzjonament tas-suq intern.

Il-potenzjal għall-kompetittività u t-tkabbir inerenti f'li wieħed jagħmel użu sħiħ mit-talenti tal-aktar nisa kwalifikati għal pożizzjonijiet fil-bordijiet jista' jitwettaq b'mod iktar effettiv, permezz ta' raġunijiet ta' skala, jekk l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom f'dik id-direzzjoni, partikolarment dawk fejn iċ-ċifri huma bħalissa baxxi u mhi qed tittieħed l-ebda azzjoni u lanqas mhu previst li tittieħed tali azzjoni. Biss miżura fuq il-livell tal-UE tista' effettivament tgħin biex jiġi żgurat ambjent kompetittiv ekwu madwar l-Unjoni u jiġu evitati kumplikazzjonijiet prattiċi fil-ħajja kummerċjali permezz tal-armonizzazzjoni minima tar-rekwiżiti tal-governanza korporattiva relatati ma' deċiżjonijiet ta' ħatra bbażati fuq kriterji oġġettivi dwar il-kwalifiki sabiex jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi.

Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu jintlaħqu aħjar permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-UE aktar milli permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' firxa, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Miżuri mhux vinkolanti bħar-rakkomandazzjonijiet u s-sejħiet għall-awtoregolamentazzjoni fil-livell tal-UE li saru fil-passat ma kisbux u ma jistgħux ikunu mistennija li jiksbu l-għan li tittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi madwar l-UE. Azzjoni iktar mifruxa li tittieħed fil-livell tal-UE hija għalhekk meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Madankollu, din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex jinkiseb progress sostenibbli fis-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, mingħajr ma jkollha effett fuq il-funzjonament ta' kumpaniji privati u l-ekonomija tas-suq.

Din il-proposta ta' armonizzazzjoni minima hija limitata għat-twaqqif ta' objettivi komuni, u tagħti lill-Istati Membri biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif għandhom jinkisbu l-aħjar fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali jew lokali li jinkludu l-liġi nazzjonali tal-kumpaniji u l-prattiki tar-reklutaġġ tal-bordijiet tal-kumpaniji. B'mod partikolari, il-proposta teħtieġ biss dawk il-bidliet għal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji li huma strettament meħtieġa għall-armonizzazzjoni minima tar-rekwiżiti għad-deċiżjonijiet tal-ħatra u tirrispetta l-istrutturi differenti tal-bordijiet madwar l-Istati Membri. Hija ma tkoprix impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li għalihom dawn il-miżuri jistgħu jirrappreżentaw piż sproporzjonat. Barra minn hekk, kif spjegat hawn fuq, il-proposta tistabbilixxi għanijiet kwantitattivi biss għall-membri tal-bord mhux eżekuttivi, u b’hekk tillimita konsiderevolment l-interferenza fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpaniji. Billi d-diretturi mhux eżekuttivi prinċipalment iwettqu kompiti superviżorji, huwa wkoll aktar faċli biex jiġu reklutati kandidati kwalifikati minn barra l-kumpanija jew is-settur speċifiku – konsiderazzjoni li hija importanti għall-oqsma tal-ekonomija fejn il-membri ta' sess partikolari huma partikolarment sottorappreżentati fil-forza tax-xogħol.

In-natura temporanja tad-Direttiva proposta (ara l-Artikolu 10) isaħħaħ il-konformità tagħha mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

Għażla tal-istrument

Direttiva hija l-istrument li l-aħjar jiżgura livell minimu koerenti ta' diversità tas-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri biex jaġġustaw ir-regolamentazzjoni dettaljata għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom f'termini tal-liġi nazzjonali tal-kumpaniji u biex jagħżlu l-aħjar mezz ta' infurzar u sanzjonijiet. Hija tippermetti wkoll lill-Istati Membri individwali sabiex imorru lil hinn mill-istandard minimu, fuq bażi volontarja.

Żona Ekonomika Ewropea

Dan huwa test ta' rilevanza għaż-Żona Ekonomika Ewropea u d-Direttiva se tkun applikabbli għall-Istati Membri li mhumiex fl-UE taż-Żona Ekonomika Ewropea wara deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.           Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 1: Għan

Din id-dispożizzjoni tiddikjara l-għan ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2: Definizzjonijiet

Dan l-Artikolu jistipula d-definizzjonijiet ewlenin, li huma bbażati fuq dawk fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/162/KE dwar ir-rwol ta' diretturi mhux-eżekuttivi jew superviżorji ta' kumpaniji elenkati fil-borża u dwar il-kumitati tal-bord (superviżorju)[14], dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[15] fir-rigward tad-definizzjoni tal-SMEs, u dwar id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi[16] fir-rigward tad-definizzjoni ta' impriżi pubbliċi.

Id-definizzjonijiet jiżguraw b'mod partikolari li d-Direttiva hija applikabbli bl-istess mod għal diversi sistemi tal-istrutturi tal-bordijiet għall-kumpaniji elenkati li jeżistu fl-Istati Membri, jiġifieri għal sistema "ta' żewġ livelli" li fiha jkun hemm bordijiet separati tal-ġestjoni u superviżorji, għal sistema unitarja ("ta' livell wieħed") li tikkombina l-funzjonijiet maniġerjali u superviżorji f'bord uniku wieħed, kif ukoll għas-sistemi mħalltin li għandhom elementi tas-sistema "ta' livell wieħed" u "ta' żewġ livelli" jew jagħtu lill-kumpaniji għażla bejn mudelli differenti.

Id-definizzjoni ta' "direttur" tiċċara li l-objettivi stabbiliti mid-direttiva jkopru d-diretturi mhux eżekuttivi kollha, inklużi rappreżentanti tal-ħaddiema f'dawk l-Istati Membri fejn ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew għandhom jiġu appuntati jew eletti mill-ħaddiema tal-kumpanija u/jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali filwaqt li l-proċeduri prattiċi sabiex jiġi żgurat li l-objettivi stipulati f'din id-Direttiva jinkisbu għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri kkonċernati (ara l-Premessa 21).

Artikolu 3: Esklużjoni ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju

Dan l-Artikolu jeskludi mill-ambitu tad-Direttiva kumpaniji elenkati li huma żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[17].

Artikolu 4: L-objettivi fir-rigward ta' diretturi mhux eżekuttivi

Il-paragrafu 1 jimponi fuq il-kumpaniji elenkati li ma għandhomx preżenza tas-sess sottorappreżentat ta' mill-inqas 40 fil-mija tad-diretturi mhux eżekuttivi obbligu li jagħmlu l-ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta' analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat, billi japplikaw kriterji prestabbilti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi, sabiex jintlaħaq il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020. Skadenza iqsar (l-1 ta' Jannar 2018) hija stabbilita għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi[18]. L-Istati Membri jeżerċitaw influwenza dominanti fuq tali kumpaniji u għalhekk għandhom iktar strumenti biex iwettqu l-bidla aktar malajr.

Il-paragrafu 2 jispeċifika l-metodu ta' kalkolu tal-għadd eżatt ta' pożizzjonijiet ta' diretturi mhux eżekuttivi meħtieġa għall-konformità mal-għan imsemmi fil-paragrafu 1. In-numru eżatt ta' pożizzjonijiet fuq il-bord meħtieġa għall-konformità mal-għan għandu jkun in-numru l-eqreb għal 40 fil-mija, kemm jekk taħt kif ukoll jekk fuq dak il-limitu minimu, iżda fl-istess ħin il-kumpaniji elenkati ma għandhomx ikunu obbligati li jaħtru l-membri tas-sess l-anqas irrappreżentat għal nofs jew aktar mill-pożizzjonijiet mhux eżekuttivi tal-bord, sabiex jiġu evitati ostakli eċċessivi.

Il-paragrafu 3 jimponi regola ta' preferenza li għandha l-għan li tilħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1. Din ir-regola ta' preferenza tistipula li, fil-preżenza ta' kandidati kwalifikati ndaqs taż-żewġ sessi għandha tingħata prijorità lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat sakemm valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi għall-kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ favur il-kandidat tas-sess l-ieħor. Dan ir-rekwiżit proċedurali huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-għanijiet ikunu konformi mal-ġurisprudenza[19] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-azzjoni pożittiva. Ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-paragrafu għandhom jintlaħqu fi stadju xieraq tal-proċess tal-għażla skont il-liġi nazzjonali u l-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-kumpaniji elenkati.

Il-paragrafu 4 jimponi obbligu ta' divulgazzjoni u regola tal-oneru tal-prova applikabbli f'każijiet ta' sfidi għall-proċedura tal-għażla minn kandidati li ma jirnexxux.

Il-paragrafu 5 jipprovdi għall-possibilità li n-nuqqas ta' konformità mal-objettiv jiġi ġġustifikat fejn il-membri tas-sess l-anqas irrappreżentat jirrappreżentaw inqas minn 10 fil-mija tal-forza tax-xogħol.

Il-paragrafu 6 jipprovdi li l-objettiv stabbilit fil-Paragrafu 1 jista' jintlaħaq ukoll fejn il-membri tas-sess l-anqas rappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet kollha ta' direttur, irrispettivament minn jekk humiex eżekuttivi jew mhux eżekuttivi.

Artikolu 5: Miżuri addizzjonali minn kumpaniji u rappurtar

Il-paragrafu 1 jimponi obbligu għall-kumpaniji elenkati sabiex jagħmlu impenji individwali rigward ir-rappreżentazzjoni taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jintlaħqu sal-1 ta' Jannar 2020, jew sal-1 ta' Jannar 2018 fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi.

Il-paragrafu 2 jimponi obbligu għall-kumpaniji elenkati sabiex jipprovdu u jippubblikaw informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom u dwar il-konformità mal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) fuq bażi annwali.

Il-paragrafu 3 jimponi fuq kumpaniji elenkati li jonqsu milli jilħqu l-għanijiet li jikkonċernaw diretturi mhux eżekuttivi jew impenji li jikkonċernaw diretturi eżekuttivi obbligu addizzjonali biex jispjegaw ir-raġunijiet u jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri meħuda u ppjanati sabiex jintlaħqu l-għanijiet jew l-impenji fil-ġejjieni.

Il-paragrafu 4 huwa dwar il-kompetenzi tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza stabbiliti skont id-Direttiva 2006/54/KE.

Artikolu 6: Sanzjonijiet

Dan l-Artikolu jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' ksur ta' din id-Direttiva. Dawn is-sanzjonijiet iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Lista mhux eżawrjenti ta' miżuri konkreti possibbli hija stipulata fil-paragrafu 2.

Artikolu 7: Rekwiżiti minimi

Din id-dispożizzjoni tiddikjara n-natura ta' armonizzazzjoni minima tad-Direttiva.

Artikolu 8: Implimentazzjoni

L-Istati Membri huma taħt l-obbligu li jadottaw il-miżuri tat-traspożizzjoni rilevanti fi żmien sentejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva. L-Artikolu jispeċifika wkoll l-obbligi li jikkonċernaw dawk il-miżuri u l-komunikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Paragrafu 3 jippermetti lill-Istati Membri li qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva diġà ħadu miżuri sabiex jiżguraw rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati sabiex jissospendu l-applikazzjoni tal-obbligi proċedurali relatati mal-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5), sakemm jistgħu juru li l-miżuri meħuda huma ta' effikaċja ekwivalenti sabiex jiksbu l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 4(1).

Artikoli 9, 10 u 11: Reviżjoni; Dħul fis-seħħ u skadenza; Destinatarji

Din id-Direttiva timponi obbligu ta' rappurtar fuq l-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq valutazzjoni u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva kull sentejn, b'mod partikolari dwar jekk l-għanijiet tad-Direttiva ntlaħqux.

L-għanijiet vinkolanti jibqgħu fis-seħħ biss sakemm jinkiseb progress sostenibbli fil-kompożizzjoni tal-bordijiet bejn is-sessi u d-Direttiva tinkludi "klawsola ta' estinzjoni" f'dak is-sens.

2012/299 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[20]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri ta' bażi u l-għanijiet ewlenin tal-UE skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont it-termini tal-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ it-Trattat), l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa fl-attivitajiet kollha tagħha. L-Artikolu 157(3) tat-Trattat hu l-bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta' miżuri tal-Unjoni mmirati biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol.

(2)       Il-prinċipju tal-azzjoni pożittiva u l-importanza tiegħu biex tintlaħaq ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel, fil-prattika huma rikonoxxuti fl-Artikolu 157(4) tat-Trattat u fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha u li l-prinċipju tal-ugwaljanza ma għandux jimpedixxi li jinżammu jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.

(3)       Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 84/635/KEE tat-13 ta' Diċembru 1984 dwar il-promozzjoni ta' azzjoni pożittiva għan-nisa[21] rrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li azzjoni pożittiva tinkludi, safejn possibbli, azzjonijiet li għandhom effett fuq parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-korpi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 96/694/KE tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar is-sehem bilanċjat tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet[22] irrakkomandat li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lis-settur privat biex iżid il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, notevolment bl-adozzjoni ta' pjanijiet tal-ugwaljanza, u programmi ta' azzjoni pożittiva, jew fil-qafas tagħhom.

(4)       F'dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat bosta rapporti li janalizzaw is-sitwazzjoni dwar id-diversità tas-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi[23]. Il-Kummissjoni inkoraġġiet kumpaniji elenkati fil-borża fl-Unjoni Ewropea biex iżidu l-għadd ta' nisa fuq il-bordijiet tagħhom b'miżuri awtoregolatorji u sabiex jagħmlu impenji volontarji konkreti f'dak ir-rigward. [24] Fil-Karta tan-Nisa tagħha[25] tal-5 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li n-nisa għad ma għandhomx aċċess sħiħ għall-qsim tas-setgħa u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika u ekonomika u rriaffermat l-impenn tagħha li tuża l-poteri tagħha biex tippromwovi rappreżentazzjoni aktar ġusta tan-nisa u l-irġiel f’pożizzjonijiet ta' responsabilità. It-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ġie definit mill-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015[26] bħala waħda mill-kompiti prijoritarji tagħha.

(5)       Fil-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020, li ġie adottat fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill irrikonoxxa li politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma vitali għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività, irriafferma l-impenn tiegħu li jagħlaq id-distakk bejn is-sessi bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment fi tliet oqsma ta' rilevanza kbira għall-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u ħeġġeġ azzjoni għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha, sabiex isir użu sħiħ mit-talent kollu disponibbli.

(6)       Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju tas-6 ta' Lulju 2011[27], ħeġġeġ lill-kumpaniji biex jilħqu l-limitu kritiku ta' sehem femminili ta' 30 fil-mija fil-korpi tal-ġestjoni sal-2015 u 40 fil-mija sal-2020. Hu stieden lill-Kummissjoni, jekk il-passi meħuda mill-kumpaniji u mill-Istati Membri jinstabu li huma inadegwati, li tipproponi leġiżlazzjoni sal-2012, inklużi kwoti. Il-Parlament Ewropew tenna dik is-sejħa għal-leġiżlazzjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011[28].

(7)       L-użu effiċjenti tal-kapital uman huwa l-aktar fattur determinanti importanti tal-kompetittività tal-ekonomija u huwa essenzjali għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi tal-UE, biex nikkompetu b'suċċess f'ekonomija globalizzata u biex niżguraw vantaġġ komparattiv fir-rigward ta' pajjiżi terzi. Ir-riżerva ta' nisa kwalifikati u mħarrġa ħafna qiegħda tikber b'mod kostanti kif inhu kkonfermat mill-fatt li 60% tal-gradwati mill-universitajiet huma nisa. Nuqqas issoktat li nużaw din ir-riżerva fil-ħatriet għal pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi jammonta għal nuqqas li nisfruttaw b'mod sħiħ il-kapital uman imħarreġ.

(8)       Fil-livell tal-kumpaniji, huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet ittejjeb il-governanza korporattiva, minħabba li l-prestazzjoni tat-tim u l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma msaħħa minħabba mod ta' ħsieb aktar varjat u kollettiv li jinkorpora firxa wiesgħa ta' perspettivi u għalhekk jilħaq deċiżjonijiet iktar bilanċjati. Bosta studji wrew ukoll li hemm relazzjoni pożittiva bejn id-diversità tas-sessi fl-ogħla livell tal-maniġment u l-prestazzjoni finanzjarja u l-profittabilità ta' impriża. It-tisħiħ tar-rappreżentazzjoni femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-Unjoni għalhekk jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni tal-kumpaniji kkonċernati.

(9)       L-evidenza eżistenti turi wkoll li l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol tista' ttejjeb it-tkabbir ekonomiku b’mod sostanzjali. It-tisħiħ tal-preżenza femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fl-Unjoni mhux biss jaffettwa n-nisa maħtura fuq il-bordijiet, iżda jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġi attirat talent femminili lejn il-kumpanija u tiġi żgurata preżenza ikbar tan-nisa fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u fost il-ħaddiema. Għalhekk, sehem akbar ta' nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji għandu impatt pożittiv fuq it-tnaqqis kemm tad-distakk fl-impjiegi bejn is-sessi u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Li nagħmlu użu sħiħ mit-talenti eżistenti tan-nisa jikkostitwixxi titjib notevoli f'termini tar-rendiment fuq l-edukazzjoni kemm għall-individwi kif ukoll għas-settur pubbliku. Is-sottorappreżentazzjoni femminili fil-bordijiet ta' kumpaniji elenkati fil-borża fl-UE hija opportunità mitlufa f'termini ta' kisba ta' tkabbir sostenibbli fit-tul għall-ekonomiji tal-Istati Membri inġenerali.

(10)     Minkejja l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni mmirata lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill immirati speċifikament biex iżidu l-preżenza tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jinkoraġġixxu l-awtoregolamentazzjoni, in-nisa għadhom ferm inqas mill-irġiel fl-ogħla korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpaniji madwar l-Unjoni. Fis-settur privat u speċjalment f'kumpaniji elenkati dan l-iżbilanċ bejn is-sessi huwa partikolarment sinifikanti u akut. L-indikatur ċentrali tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tas-sessi fil-bordijiet korporattivi juri li l-proporzjon ta' nisa involuti f’deċiżjonijiet kummerċjali tal-ogħla livell jibqa' baxx ħafna. F’Jannar 2012, in-nisa okkupaw bħala medja biss 13,7 fil-mija tal-postijiet fil-bordijiet tal-ikbar kumpaniji elenkati pubblikament fl-Istati Membri. Fost id-diretturi mhux eżekuttivi 15 fil-mija biss kienu nisa.

(11)     Il-proporzjon tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji miexi bil-mod ħafna, b'żieda annwali medja ta' biss 0,6 punti perċentwali matul l-aħħar snin. Ir-rata ta' titjib fl-Istati Membri individwali kienet tvarja u wasslet għal riżultati diverġenti ħafna. Ġie nnotat progress ħafna iktar sinifikanti fl-Istati Membri fejn ġew introdotti miżuri vinkolanti. Id-diskrepanzi li dejjem jikbru bejn l-Istati Membri x’aktarx li jiżdiedu minħabba l-approċċi differenti ħafna segwiti mill-Istati Membri individwali biex iżidu r-rappreżentazzjoni tan-nisa fil-bordijiet li qed jiġu segwiti minn Stati Membri individwali.

(12)     Ir-regolamentazzjoni mferrxa u diverġenti jew in-nuqqas ta' regolamentazzjoni fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati mhux biss twassal għal diskrepanzi fl-għadd ta' nisa fost id-diretturi mhux eżekuttivi u rati differenti ta' titjib madwar l-Istati Membri, iżda wkoll toħloq ostakoli għas-suq intern billi timponi rekwiżiti diverġenti dwar il-governanza korporattiva fuq il-kumpaniji elenkati Ewropej. Dawk id-differenzi fir-rekwiżiti ġuridiċi u awtoregolatorji għall-kompożizzjoni tal-bordijiet korporattivi jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet prattiċi għall-kumpaniji elenkati li joperaw bejn il-fruntieri, notevolment meta jistabbilixxu sussidjarji jew f'fużjonijiet u akkwisti, kif ukoll għall-kandidati għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet.

(13)     In-nuqqas attwali ta' trasparenza fil-proċeduri tal-għażla u l-kriterji ta' kwalifika għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet f'ħafna mill-Istati Membri jirrappreżenta ostakolu sinifikanti għal aktar diversità tas-sessi fost il-membri tal-bordijiet u jaffettwa b'mod negattiv kemm il-karrieri u l-libertà tal-moviment tal-kandidati għall-bordijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-investituri. Dan in-nuqqas ta' trasparenza jwaqqaf lil kandidati potenzjali għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet milli japplikaw għal bordijiet fejn il-kwalifiki tagħhom ikunu l-aktar meħtieġa u milli jisfidaw deċiżjonijiet ta' ħatra bbażati fuq is-sess, u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles tagħhom fi ħdan is-suq intern. Min-naħa l-oħra, l-investituri jkollhom strateġiji differenti ta' investiment li jirrikjedu informazzjoni marbuta wkoll mal-ħila u l-kompetenza tal-membri tal-bord. Aktar trasparenza fil-kriterji dwar il-kwalifiki u l-proċedura tal-għażla għall-membri tal-bordijiet tippermetti lill-investituri jevalwaw aħjar l-istrateġija kummerċjali tal-kumpanija u jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

(14)     Filwaqt li din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-proċeduri tal-għażla u l-kriterji ta' kwalifika għall-pożizzjonijiet fuq il-bordijiet fid-dettall, l-introduzzjoni ta' ċerti standards minimi fir-rigward tar-rekwiżit li l-kumpaniji elenkati mingħajr rappreżentanza bbilanċjata tas-sessi jieħdu deċiżjonijiet ta' ħatra għal diretturi mhux eżekuttivi fuq il-bażi ta' valutazzjoni komparattiva oġġettiva tal-kwalifiki tal-kandidati f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali hija meħtieġa sabiex jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi. Hija biss miżura fuq il-livell tal-UE li tista' effettivament tgħin biex ikunu żgurati kundizzjonijiet kompetittivi ugwali madwar l-Unjoni u jiġu evitati kumplikazzjonijiet prattiċi fil-ħajja tan-negozju.

(15)     L-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv[29] aċċertat li parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-forza tax-xogħol hija prekondizzjoni għat-tisħiħ tat-tkabbir u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-Ewropa. L-Istrateġija stabbilixxiet mira ewlenija li tintlaħaq rata ta' impjiegi ta' 75% għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena sal-2020, li tista' tintlaħaq biss jekk ikun hemm impenn ċar favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u sforz imsaħħaħ biex jiġu indirizzati l-ostakoli kollha għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-kriżi ekonomika attwali amplifikat il-ħtieġa dejjem tiżdied tal-Ewropa li tistrieħ fuq l-għarfien, il-kompetenza u l-innovazzjoni u li tagħmel użu sħiħ mir-riżerva ta' talent disponibbli. Li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi, b'mod partikolari fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, huwa mistenni li jkollu effett residwu pożittiv fuq l-impjiegi tan-nisa fil-kumpaniji kkonċernati u fl-ekonomija kollha.

(16)     Għalhekk l-Unjoni għandha l-għan li żżid il-preżenza ta' nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, kemm sabiex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej kif ukoll biex tintlaħaq ugwaljanza effettiva bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. Dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta' rekwiżiti minimi dwar l-azzjoni pożittiva fil-forma ta' miżuri vinkolanti bil-għan li jintlaħaq objettiv kwantitattiv għall-kompożizzjoni bejn is-sessi tal-bordijiet ta' kumpaniji elenkati, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri u pajjiżi oħra li għażlu dan il-metodu jew metodu simili kisbu l-aħjar riżultati fit-tnaqqis tas-sottorappreżentazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi.

(17)     Kumpaniji elenkati fil-boroż igawdu importanza ekonomika, viżibilità u impatt partikolari fis-suq kollu kemm hu. Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva għandhom għalhekk japplikaw għal kumpaniji elenkati, li huma definiti bħala kumpaniji inkorporati fi Stat Membru li t-titoli tagħhom huma ammessi għan-negozju f'suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(1) (14) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji[30], fi Stat Membru wieħed jew aktar. Dawn il-kumpaniji jistabbilixxu standards għall-ekonomija kollha kemm hi u l-prattiki tagħhom jista' jiġi mistenni li jiġu segwiti minn tipi oħra ta' kumpaniji. In-natura pubblika tal-kumpaniji elenkati tiġġustifika li huma jiġu rregolati aktar fl-interess pubbliku.

(18)     Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal impriżi mikro, żgħar u medji (SMEs), kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju[31], anke jekk huma kumpaniji elenkati.

(19)     Hemm diversi sistemi tal-istrutturi tal-bordijiet għal kumpaniji elenkati fl-Istati Membri, u d-distinzjoni prinċipali hi bejn sistema b'żewġ livelli b’bord maniġerjali u bord superviżorju u sistema unitarja (“b’livell wieħed") li tikkombina l-funzjoni tal-maniġment u tas-sorveljanza f'bord uniku. Jeżistu wkoll sistemi mħallta, li jinvolvu aspetti taż-żewġ sistemi jew li jagħtu lill-kumpaniji għażla bejn mudelli differenti. Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-sistemi kollha tal-bordijiet fl-Istati Membri.

(20)     Is-sistemi kollha jiddistingwu bejn id-diretturi eżekuttivi, li huma involuti fil-ġestjoni ta' kuljum ta' kumpanija, u d-diretturi mhux eżekuttivi li mhumiex involuti fl-amministrazzjoni ta' kuljum, iżda jwettqu funzjoni ta' superviżjoni. L-għanijiet kwantitattivi stipulati f'din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għal diretturi mhux eżekuttivi sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiżdied id-diversità tas-sessi tal-bordijiet u l-ħtieġa li jiġi mminimizzat l-indħil fit-tmexxija ta' kuljum tal-kumpanija. Billi d-diretturi mhux eżekuttivi jwettqu ħidmiet ta' sorveljanza, huwa wkoll aktar faċli li jiġu ingaġġati kandidati kwalifikati minn barra l-kumpanija u sa ċertu punt anke minn barra s-settur speċifiku li fih topera l-kumpanija - konsiderazzjoni li hija importanti għal oqsma tal-ekonomija fejn il-membri ta' sess partikolari huma partikolarment sottorappreżentati fil-forza tax-xogħol.

(21)     F'bosta Stati Membri, ċertu proporzjon tad-diretturi mhux eżekuttivi jistgħu jew għandhom jinħatru jew jiġu eletti mill-ħaddiema tal-kumpanija u/jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali. L-objettivi kwantitattivi stipulati taħt din id-Direttiva għandhom japplikaw għad-diretturi mhux eżekuttivi kollha inklużi r-rappreżentanti tal-impjegati. Madankollu, il-proċeduri prattiċi biex jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu, filwaqt li jitqies il-fatt li xi diretturi mhux eżekuttivi huma r-rappreżentanti tal-impjegati, għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri kkonċernati.

(22)     Il-kumpaniji elenkati fl-Unjoni għandu jkollhom imposti fuqhom obbligi ta' mezzi li jipprovdu għal proċeduri xierqa bil-għan li jissodisfaw objettivi speċifiċi rigward il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom. Dawk il-kumpaniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom inqas minn 40% tal-pożizzjonijiet ta' diretturi mhux eżekuttivi għandhom jagħmlu l-ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta' analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat, billi japplikaw kriterji prestabbiliti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi, sabiex jintlaħaq il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020. Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi l-objettiv li mill-inqas 40 fil-mija tad-diretturi mhux eżekuttivi għandhom ikunu mis-sess l-anqas rappreżentat sa dik id-data. Dan l-objettiv fil-prinċipju jikkonċerna biss id-diversità globali bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi u ma għandux ifixkel l-għażla konkreta ta' diretturi individwali minn riżerva wiesgħa ta' kandidati rġiel u nisa f’kull każ individwali. B’mod partikolari, dan ma jeskludi l-ebda kandidati partikolari għal pożizzjonijiet ta' direttur, u lanqas ma jimponi xi diretturi individwali fuq il-kumpaniji jew l-azzjonisti. Id-deċiżjoni dwar il-membri tal-bord xierqa għalhekk tibqa' tal-kumpaniji u l-azzjonisti.

(23)     L-Istati Membri jeżerċitaw influwenza dominanti fuq kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi[32]. Minħabba din l-influwenza dominanti, huma jkollhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex iġibu l-bidla meħtieġa aktar malajr. Għalhekk, f'kumpaniji bħal dawn, l-objettiv li jkun hemm mill-inqas 40 fil-mija tad-diretturi mhux eżekuttivi li jiġu mis-sess l-anqas rappreżentat għandu jiġi stabbilit għal data aktar bikrija.

(24)     Id-determinazzjoni tan-numru ta' pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv meħtieġa għall-konformità mal-objettiv titlob aktar speċifikazzjoni billi għal bosta daqsijiet tal-bordijiet huwa matematikament possibbli biss jew li wieħed imur lil hinn jew jibqa' taħt is-sehem eżatt ta' 40 fil-mija. Għalhekk, in-numru ta' pożizzjonijiet fuq il-bordijiet meħtieġa għall-konformità mal-objettiv għandu jkun in-numru l-eqreb għal 40 fil-mija. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra s-sess oriġinarjament irrappreżentat iżżejjed, il-kumpaniji elenkati ma għandhomx ikunu obbligati li jaħtru l-membri mis-sess l-anqas irrappreżentat għal nofs il-pożizzjonijiet tal-bord mhux eżekuttivi jew aktar. Għalhekk, pereżempju, il-membri tas-sess l-anqas rappreżentat għandhom ikollhom mill-inqas pożizzjoni waħda fuq il-bordijiet bi tliet jew erba diretturi mhux eżekuttivi, mill-inqas żewġ pożizzjonijiet fuq il-bordijiet b’ħames jew sitt diretturi mhux eżekuttivi, u mill-inqas tliet pożizzjonijiet fuq il-bordijiet b’seba’ jew tmien diretturi mhux eżekuttivi.

(25)     Fil-ġurisprudenza tagħha[33] dwar l-azzjoni pożittiva u l-kompatibilità tagħha mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess (issa stabbilit ukoll fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea aċċettat li l-prijorità f'ċerti każijiet tista' tingħata lis-sess l-anqas irrappreżentat fl-għażla għal impjieg jew promozzjoni, sakemm il-kandidat mis-sess l-anqas irrappreżentat ikun ugwalment ikkwalifikat bħall-kompetitur tas-sess l-ieħor f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, li l-prijorità ma tkunx awtomatika u bla kundizzjonijiet iżda tista' tiġi megħluba jekk raġunijiet speċifiċi għal kandidat individwali tas-sess l-ieħor ixaqilbu l-bilanċ favur dak il-kandidat, u li l-applikazzjoni ta' kull kandidat tkun suġġetta għal valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi dwar kandidati individwali.

(26)     Skont din il-ġurisprudenza, l-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-għażla tal-aħjar kandidati kwalifikati għal diretturi mhux eżekuttivi tkun ibbażata fuq analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat fuq il-bażi ta' kriterji prestabbiliti, ċari, fformulati b’mod newtrali u mhux ambigwi. Eżempji ta' tipi ta' kriterji ta' għażla li l-kumpaniji jistgħu japplikaw jinkludu esperjenza professjonali f'kompiti maniġerjali u/jew ta' sorveljanza, għarfien f'oqsma rilevanti speċifiċi bħall-finanzi, il-kontroll jew il-ġestjoni tar-riżorsi umani, it-tmexxija u ħiliet ta' komunikazzjoni u netwerking. Għandha tingħata prijorità lill-kandidat tas-sess l-anqas rappreżentat jekk dak il-kandidat huwa ugwalment ikkwalifikat bħall-kandidat tas-sess l-ieħor f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, u jekk valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi għall-kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ favur kandidat tas-sess l-ieħor.

(27)     Il-metodi tar-reklutaġġ u l-ħatra ta' diretturi jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn kumpanija għal oħra. Huma jistgħu jinvolvu preselezzjoni ta' kandidati li jkunu ppreżentati lill-assemblea tal-azzjonisti, pereżempju minn kumitat ta' nominazzjoni, il-ħatra diretta tad-diretturi minn azzjonisti individwali jew vot li jittieħed fl-assemblea tal-azzjonisti fuq kandidati individwali jew listi ta' kandidati. Ir-rekwiżiti dwar l-għażla tal-kandidati għandhom ikunu milħuqa fi stadju xieraq tal-proċess tal-għażla skont il-liġi nazzjonali u l-artikoli ta' assoċjazzjoni tal-kumpaniji elenkati kkonċernati. F'dan ir-rigward, din id-Direttiva tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima tal-proċeduri tal-għażla, li tagħmilha possibbli li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stipulati mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' rappreżentanza tas-sessi iżjed ibbilanċjata fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati.

(28)     Din id-Direttiva timmira biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi ta' kumpaniji elenkati f'borża u b’hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-Unjoni. Kumpaniji elenkati għandhom għalhekk ikunu meħtieġa li jiddivulgaw, fuq talba ta' kandidati li ma jintgħażlux, mhux biss il-kriterji ta' kwalifiki li l-għażla kienet ibbażata fuqhom, iżda wkoll il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva ta' dawk il-kriterji u, fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet li xaqilbu l-bilanċ favur kandidat li mhux mis-sess sottorappreżentat. Dawn il-limitazzjonijiet għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u l-obbligi għall-kumpaniji elenkati sabiex jipprovdu dak it-tagħrif, fuq talba, lil kandidati li ma jintgħażlux, huma meħtieġa u, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ġenwinament jilħqu objettivi rikonoxxuti ta' interess ġenerali. Għalhekk huma konformi mar-rekwiżiti għal tali limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(29)     Fejn kandidat li ma jintgħażilx mis-sess l-anqas irrappreżentat jistabbilixxi l-preżunzjoni li kien ikkwalifikat daqs il-kandidat maħtur tas-sess l-ieħor, il-kumpanija elenkata għandha tkun meħtieġa turi l-korrettezza tal-għażla.

(30)     L-Istati Membri għandhom jistipulaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur ta' din id-Direttiva, li għandhom jinkludu, inter alia, multi amministrattivi u nullità jew annullament iddikjarati minn korp ġudizzjarju tal-ħatra jew tal-elezzjoni ta' diretturi mhux eżekuttivi magħmula kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 4(1).

(31)     Peress li l-kompożizzjoni bejn is-sessi tal-forza tax-xogħol għandha impatt dirett fuq id-disponibilità ta' kandidati mis-sess l-anqas rappreżentat, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fejn il-membri tas-sess sottorappreżentat jirrappreżentaw inqas minn 10 fil-mija tal-ħaddiema, il-kumpanija kkonċernata ma għandhiex tkun meħtieġa li tissodisfa l-għan stabbilit f'din id-Direttiva.

(32)     Billi kumpaniji elenkati għandhom jimmiraw li jżidu l-proporzjon tas-sess l-anqas irrappreżentat fil-pożizzjonijiet kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għan stabbilit f'din id-Direttiva għandu jitqies li ntlaħaq fejn il-kumpaniji elenkati jkunu jistgħu juru li l-membri tas-sess l-anqas rappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet kollha ta' diretturi, irrispettivament jekk humiex eżekuttivi jew mhux eżekuttivi.

(33)     Minbarra l-miżuri li jirrigwardaw id-diretturi mhux eżekuttivi, u bil-ħsieb li jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi wkoll fost diretturi involuti f'kompiti ta' ġestjoni ta' kuljum, il-kumpaniji elenkati għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu impenji individwali rigward ir-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi, li jridu jinkisbu sal-1 ta' Jannar 2020. Dawn l-impenji għandhom jimmiraw li jiksbu progress tanġibbli mill-pożizzjoni attwali tal-kumpanija individwali lejn bilanċ aħjar bejn is-sessi.

(34)     L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-kumpaniji elenkati kollha sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet tagħhom kif ukoll informazzjoni dwar kif irnexxielhom jilħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva, fuq bażi annwali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jippermettulhom jivvalutaw il-progress ta' kull kumpanija elenkata lejn bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi. Tali informazzjoni għandha tkun ippubblikata u, fejn il-kumpanija inkwistjoni ma tkunx laħqet l-objettiv, għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri li ħadet sa issa u li bi ħsiebha tieħu fil-ġejjieni sabiex tilħaq l-objettiv.

(35)     L-Istati Membri jistgħu diġà jkunu ħadu miżuri li jipprovdu għal mezzi sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-bordijiet tal-kumpaniji qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Dawn l-Istati Membri għandu jkollhom l-opportunità li japplikaw dawn il-miżuri li jinsabu minflok l-obbligi proċedurali li jirrigwardaw il-ħatriet fejn jistgħu juru li l-miżuri meħuda huma ta' effikaċja ekwivalenti sabiex jiksbu l-objettiv ta' preżenza tas-sess sottorappreżentat ta' mill-anqas 40% fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020 jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi.

(36)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, tikkontribwixxi għat-twettiq tad-dritt għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 23 tal-Karta), il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt li taħdem (l-Artikolu 15 tal-Karta). Din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali (l-Artikolu 47 tal-Karta). Il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertà li wieħed imexxi negozju (l-Artikolu 16 tal-Karta) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17(1) tal-Karta) jirrispettaw l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet u huma meħtieġa u proporzjonati. Huma ġenwinament jilħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u l-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

(37)     Filwaqt li xi Stati Membri ħadu azzjoni regolatorja jew inkoraġġew l-awtoregolamentazzjoni b'riżultati mħalltin, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ħadux azzjoni jew indikaw ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod li jwassal għal titjib suffiċjenti. Projezzjonijiet ibbażati fuq analiżi kumplessiva tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar ix-xejriet tal-imgħoddi u dawk attwali kif ukoll l-intenzjonijiet juru li rappreżentazzjoni bbilanċjata tas-sessi fost il-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet madwar l-Unjoni f'konformità mal-għanijiet stabbiliti f’din id-Direttiva mhix ser tinkiseb mill-Istati Membri meta jaġixxu individwalment fl-ebda punt fil-futur prevedibbli. Fid-dawl ta' dawk iċ-ċirkostanzi u minħabba d-diskrepanzi li dejjem qed jikbru bejn l-Istati Membri f'termini ta' rappreżentazzjoni tan-nisa u l-irġiel fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi madwar l-Unjoni jista' jittejjeb biss permezz ta' approċċ komuni, u l-potenzjal għall-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kompetittività u t-tkabbir jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni aktar milli permezz ta' inizjattivi nazzjonali ta' firxa, ambizzjoni u effikaċja varjabbli. Ġaladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

(38)     Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-istess Artikolu, din id-Direttiva hija limitata għall-iffissar ta' għanijiet u prinċipji komuni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. L-Istati Membri jingħataw biżżejjed libertà biex jiddeterminaw kif l-objettivi stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinkisbu l-aħjar meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli u prattiċi li jikkonċernaw ir-reklutaġġ għal pożizzjonijiet fuq il-bordijiet. Din id-Direttiva ma tinterferix mal-possibilità għall-kumpaniji biex jaħtru l-membri tal-bordijiet l-aktar kwalifikati, u tagħti perjodu twil biżżejjed ta' adattament għall-kumpaniji elenkati kollha.

(39)     Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-objettiv li jrid jiġi ssodisfat mill-kumpaniji elenkati għandu jkun limitat fiż-żmien u jibqa' fis-seħħ biss sakemm jintlaħaq progress sostenibbli dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-bordijiet. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha regolarment tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-Direttiva mistennija tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2028. Il-Kummissjoni għandha teżamina, fir-reviżjoni tagħha, jekk hemmx il-ħtieġa li testendi t-tul tad-Direttiva lil hinn minn dak il-perjodu.

(40)     Skont id-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar dokumenti ta' spjegazzjoni[34], l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jakkumpanjaw, f'każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dokumenti bħal dawn hija ġustifikata.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Materja

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri biex tiżgura rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tal-irġiel u n-nisa fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati billi tistabbilixxi miżuri mmirati lejn progress aktar mgħaġġel lejn il-bilanċ bejn is-sessi filwaqt li tħalli lill-kumpaniji biżżejjed żmien biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “kumpaniji elenkata” tfisser kumpanija inkorporata fi Stat Membru li t-titoli tagħha huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) il-punt 14 tad-Direttiva 2004/39/KE, fi Stat Membru wieħed jew aktar;

(2) “bord” tfisser kull korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' kumpanija;

(3) “direttur”, tfisser kwalunkwe membru ta' bord, inkluż rappreżentant tal-impjegati;

(4) "direttur eżekuttiv”, tfisser kwalunkwe membru ta' bord unitarju li hu involut fil-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpanija u kwalunkwe membru ta' bord maniġerjali f'sistema b'żewġ bordijiet;

(5) "direttur mhux eżekuttiv" tfisser kwalunkwe membru ta' bord unitarju li mhux direttur eżekuttiv u kwalunkwe membru ta' bord ta' sorveljanza f'sistema ta' żewġ bordijiet;

(6) “bord unitarju” tfisser bord uniku li jikkombina l-funzjonijiet tal-ġestjoni u superviżorji ta' kumpanija;

(7) “sistema b'żewġ bordijiet” tfisser sistema li fiha l-funzjonijiet amministrattivi u ta' superviżjoni ta' kumpanija jkunu mwettqa minn bordijiet separati;

(8) “intrapriżi żgħar u ta' daqs medju” jew “SME” tfisser kumpanija li timpjega inqas minn 250 persuna u li għandha fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun, jew, għal SME li hija inkorporata fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro, l-ammonti ekwivalenti fil-munita ta' dak l-Istat Membru;

(9) "impriża pubblika" tfisser intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu direttament jew indirettament jeżerċitaw influwenza dominanti minħabba li din tkun proprjetà tagħhom, jew minħabba fil-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha. Jitqies li hemm influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fil-konfront tal-impriża:

– ikollhom il-parti ewlenija tal-kapital sottoskritt tal-impriża; jew

– jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin ma' ishma maħruġa mill-impriżi; jew

– jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta' sorveljanza tal-impriża.

Artikolu 3 Esklużjoni ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal impriżi żgħar u ta' daqs medju ("SMEs").

Artikolu 4 L-objettivi fir-rigward ta' diretturi mhux eżekuttivi

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati li fil-bordijiet tagħhom il-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom inqas minn 40% tal-pożizzjonijiet ta' diretturi mhux eżekuttivi għandhom jagħmlu l-ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta' analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat, billi japplikaw kriterji prestabbilti, ċari, ifformulati b'mod newtrali u mhux ambigwi, sabiex jintlaħaq il-perċentwal imsemmi sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020 jew mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi.

2.           In-numru ta' pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv neċessarji biex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun in-numru l-eqreb lejn il-proporzjon ta' 40 fil-mija, iżda mhux aktar minn 49 fil-mija.

3.           Sabiex jiksbu l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-għażla tad-diretturi mhux eżekuttivi, għandha tingħata prijorità lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat jekk dak il-kandidat huwa ugwalment ikkwalifikat bħall-kandidat tas-sess l-ieħor f'termini ta' adegwatezza, kompetenza u prestazzjoni professjonali, sakemm valutazzjoni oġġettiva li tqis il-kriterji kollha speċifiċi għal kandidati individwali ma xxaqlibx il-bilanċ favur il-kandidat tas-sess l-ieħor.

4.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati jkunu obbligati li jiżvelaw, fuq talba ta' kandidati mhux magħżula, il-kriterji tal-kwalifiki li fuqhom l-għażla kienet ibbażata, il-valutazzjoni komparattiva oġġettiva ta' dawk il-kriterji u, fejn rilevanti, il-kunsiderazzjonijiet li xaqilbu l-bilanċ favur kandidat tas-sess l-ieħor.

5.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw li fejn kandidati mis-sess l-anqas irrappreżentat li ma jintgħażlux jistabbilixxu fatti minn fejn jista jkun maħsub li dak il-kandidat kien kwalifikat daqs il-kandidat maħtur tas-sess l-ieħor, għandu jkun id-dmir tal-kumpanija elenkata li tipprova li ma kienx hemm ksur tar-regola stabbilita fil-paragrafu 3.

6.           L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-kumpaniji elenkati fejn il-membri tas-sess l-anqas irrappreżentat jirrappreżentaw inqas minn 10 fil-mija tal-forza tax-xogħol ma jkunux suġġetti għall-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1.

7.           L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1 ikun issodisfat fejn il-kumpaniji elenkati jkunu jistgħu juru li l-membri tas-sess sottorappreżentat ikollhom mill-inqas terz tal-pożizzjonijiet ta' direttur kollha, irrispettivament minn jekk humiex eżekuttivi jew mhux eżekuttivi.

Artikolu 5 Miżuri addizzjonali minn kumpaniji u rappurtar

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati jintrabtu b'impenji individwali rigward ir-rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn iż-żewġ sessi fost id-diretturi eżekuttivi li jridu jintlaħqu sal-1 ta' Jannar 2020, jew sal-1 ta' Jannar 2018 fil-każ ta' kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi.

2.           L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kumpaniji elenkati jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, darba fis-sena minn [sentejn wara l-adozzjoni], dwar ir-rappreżentazzjoni bejn is-sessi fuq il-bordijiet tagħhom, b’distinzjoni bejn diretturi eżekuttivi u mhux eżekuttivi u dwar il-miżuri li ttieħdu fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u li jippubblikaw dik l-informazzjoni f'manjiera xierqa u aċċessibbli fuq il-websajt tagħhom.

3.           Fejn kumpanija elenkata ma tissodisfax l-objettivi stipulati fl-Artikolu 4(1) jew l-impenji individwali tagħha meħuda skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi r-raġunijiet li għalihom ma laħqitx l-objettivi jew l-impenji u deskrizzjoni tal-miżuri li l-kumpanija adottat jew bi ħsiebha tadotta biex tilħaq l-objettivi jew l-impenji.

4.           L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[35] ikunu wkoll kompetenti għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet ta' kumpaniji elenkati.

Artikolu 6 Sanzjonijiet

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati.

2.           Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jistgħu jinkludu l-miżuri li ġejjin:

(a) multi amministrattivi;

(b) nullità jew annullament iddikjarati minn korp ġudizzjarju tal-ħatra jew tal-elezzjoni ta' diretturi mhux eżekuttivi magħmula kuntrarju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 4(1).

Artikolu 7 Rekwiżiti minimi

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva biex tiġi assigurata rappreżentazzjoni iktar bilanċjata tal-irġiel u n-nisa fir-rigward ta' kumpaniji kostitwiti fit-territorju nazzjonali tagħhom, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma joħolqux diskriminazzjoni mhux ġustifikata, u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Artikolu 8 Implimentazzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [sentejn wara l-adozzjoni], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.           Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

3.           Bla ħsara għall-Artikolu 4(6) u (7), l-Istati Membri li qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva diġà kienu ħadu miżuri sabiex jiżguraw rappreżentazzjoni aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fost id-diretturi mhux eżekuttivi tal-kumpaniji elenkati jistgħu jissospendu l-applikazzjoni tal-obbligi proċedurali li jirrigwardaw il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5), sakemm ikun jista' jintwera li dawk il-miżuri jippermettu lill-membri tas-sess sottorappreżentat sabiex ikollhom mil—anqas 40% tal-pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv ta' kumpaniji elenkati sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2020, jew sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2018 għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika din l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

4.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 9 Analiżi

1.           L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2017 u kull sentejn wara dan, rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, informazzjoni komprensiva dwar il-miżuri meħuda sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1), informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 5(2) u informazzjoni dwar impenji individwali meħuda mill-kumpaniji elenkati skont l-Artikolu 5(1).

2.           L-Istati Membri li jkunu ssospendew skont l-Artikolu 8(3) l-applikazzjoni tal-obbligi proċedurali li jirrigwardaw il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5) għandhom jinkludu informazzjoni fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 li juru r-riżultati konkreti miksuba mill-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8(3). Il-Kummissjoni għandha mbagħad toħroġ rapport speċifiku li jaċċerta jekk dawk il-miżuri effettivament jippermettu lill-membri tas-sess sottorappreżentat sabiex ikollhom mill-anqas 40% tal-pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv sal-1 ta' Jannar 2018 għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi, u sal-1 ta' Jannar 2020 għall-kumpaniji elenkati li mhumiex impriżi pubbliċi. L-ewwel rapport ta' dan it-tip għandu jinħareġ mill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2017, u rapporti sussegwenti għandhom jinħarġu fi żmien sitt xhur min-notifika tar-rapporti nazzjonali rispettivi taħt il-paragrafu 1.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-kumpaniji elenkati, li bl-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(3) ma jkunux appuntaw jew eliġġew membri tas-sess sottorappreżentat f'mill-anqas 40% tal-pożizzjonijiet ta' direttur mhux eżekuttiv tal-bordijiet tagħhom sal-1 ta' Jannar 2018, fejn huma impriżi pubbliċi, jew sal-1 ta' Jannar 2020, fejn mhumiex impriżi pubbliċi, japplikaw l-obbligi proċedurali li jirrigwardaw il-ħatriet li jinsabu fl-Artikolu 4(1), (3), (4) u (5) b'effett rispettivament minn dawk id-dati.

3.           Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2021 u kull sentejn wara dan. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari jekk l-għanijiet ta' din id-Direttiva ntlaħqux.

4.           Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-iżviluppi fir-rappreżentanza tal-irġiel u nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati u fil-livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-ekonomija kollha u filwaqt li tqis jekk il-progress huwiex suffiċjentement sostenibbli, hemmx il-ħtieġa li testendi t-tul ta' din id-Direttiva lil hinn mid-data speċifikata fl-Artikolu 10(2) jew li temendaha.

Artikolu 10 Dħul fis-seħħ u skadenza

1.           Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.           Hija għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2028.

Artikolu 11 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Dan l-iżbilanċ bejn is-sessi huwa impressjonanti fl-Istati Membri kollha tal-UE, b'medji nazzjonali li jvarjaw minn madwar 5% f 'MT, CY, HU, LU, LU, PT, IT, EE u EL għal madwar 25% fi SE, LV u FI. Is-sehem tan-nisa jvarja fl-Istati Membri bejn madwar 3% u madwar 28% għad-diretturi mhux eżekuttivi u bejn 0% u madwar 21% għad-diretturi eżekuttivi. Ara r-Rapport ta' Progress: In-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE, Marzu 2012 (http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/women-on-boards_en.pdf).

[2]               Xi eżempji: In-nisa huma 30% fl-ogħla livell tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, u jikkostitwixxu 33% mill-membri tal-qrati supremi. Fl-istituzzjonijiet ta' riċerka, 22% tal-membri tal-bordijiet huma nisa (2007). Huma biss il-banek ċentrali nazzjonali li baqgħu, kontra x-xejriet kollha, fortizzi kważi esklussivament iddominati mill-irġiel: 83% tal-membri tal-bordijiet tagħhom huma rġiel u bħalissa ma hemm l-ebda Gvernatur femminili ta' bank ċentrali fl-UE.

[3]               ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34 u ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11.

[4]               Ara r-Rapport ta' progress, nota ta' qiegħ il-paġna 1.

[5]               Minn Ottubru 2010 sa Jannar 2012, bil-bosta l-akbar żieda tas-sehem tan-nisa fuq il-bordijiet tal-kumpaniji ġiet irreġistrata fi Franza (żieda ta' 10 punti perċentwali għal 22%), fejn il-kumpaniji laħqu l-ewwel mira introdotta minn liġi ġdida f’Jannar 2011 (20% sal-2014, 40% sal-2017) qabel iż-żmien. In-Norveġja żiedet is-sehem tan-nisa fost il-membri tal-bordijiet minn 18% fl-2006, meta ġiet introdotta mira vinkolanti, sa 40% fi żmien tliet snin biss.

[6]               L-aktar reċentement: Credit Suisse Research Institute (Awwissu 2012), "Gender diversity and corporate performance". Studji oħra importanti jinkludu: Catalyst (2004), "The Bottom Line: Connecting Corporate Performance and Gender Diversity"; McKinsey (rapporti tal-2007, 2008 u 2010), "Women Matter"; Deutsche Bank Research (2010), "Towards gender-balanced leadership"; Ernst & Young (2012), "Mixed leadership".

[7]               In-nisa jirrappreżentaw madwar 60% tal-gradwati universitarji fl-UE. Iktar importanti, l-inizjattiva Nisa Abbord tal-Iskejjel tal-Kummerċ Ewropej kienet kapaċi tidentifika malajr aktar minn 7000 mara lesti biex iservu fuq il-bordijiet u li huma kwalifikati ħafna, għandhom esperjenza professjonali u lesti biex jokkupaw pożizzjoni fuq bord (http://www.edhec.com/html/Communication/womenonboard.html).

[8]               COM(2010) 78 finali.

[9]               COM(2010) 491 finali.

[10]             Ara r-rapport tal-Kummissjoni "Iktar nisa f'pożizzjonijiet għolja", Jannar 2010; Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-Bilanċ tas-Sessi fit-Tmexxija tan-Negozju", Marzu 2011 (SEC(2011) 246 finali); Rapport ta 'progress "In-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE", Marzu 2012; Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2011", April 2012 (SWD(2012) 85 finali).

[11]             Ara pereżempju, ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tan-negozju (2010/2115(INI)), ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011 (2011/2244(INI)).

[12]             B 'mod partikolari d-Direttivi 2006/54/KE u 2010/41/UE.

[13]             Ewrobarometru speċjali 376 (2012), in-nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet (http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_379_360_en.htm#376).

[14]             ĠU L 52, 25.2.2005, p. 51.

[15]             ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[16]             ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

[17]             ĠU L 124, 20.05.2003, p. 36

[18]             ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

[19]             C-450/93: Kalanke (1995 Ġabra I-3051), C-409/95: Marschall (1997 Ġabra I-6363), C-158/97: Badeck (2000 Ġabra I-1875), C-407/98: Abrahamsson (2000 Ġabra I-5539).

[20]             ĠU C , , p. .

[21]             ĠU L 331, 19.12.1984, p. 34.

[22]             ĠU L 319, 10.12.1996, p. 11.

[23]             Rapport tal-Kummissjoni "Iktar nisa f'pożizzjonijiet għolja" (2010); Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Il-Bilanċ tas-Sessi fit-Tmexxija tan-Negozju" tal-1.3.2011 (SEC(2011) 246 finali); Rapport ta' progress "In-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE" tal-5.3.2012; Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2011" tas-16.4.2012 (SWD(2012) 85 finali).

[24]             "L-Impenn għall-Ewropa Nisa fuq il-Bord”, IP/11/242.

[25]             COM(2010) 78 finali.

[26]             COM(2010) 491 finali.

[27]             2010/2115(INI).

[28]             2011/2244(INI).

[29]             COM(2010) 2020 finali.

[30]             ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

[31]             ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[32]             ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17.

[33]             C-450/93: Kalanke (1995 Ġabra I-3051), C-409/95: Marschall (1997 Ġabra I-6363), C-158/97: Badeck (2000 Ġabra I-1875), C-407/98: Abrahamsson (2000 Ġabra I-5539).

[34]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[35]             ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

Top