EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0591

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound.

/* COM/2012/0591 final - 2012/0285 (COD) */

52012PC0591

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound. /* COM/2012/0591 final - 2012/0285 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv kif stipulat fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti ddelegati), u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti tal-implimentazzjoni).

Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 mar-regoli l-ġodda tat-TFUE, is-setgħat attwalment mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament ġew ikklassifikati mill-ġdid f’miżuri ddelegati u f’miżuri ta’ implimentazzjoni.

Skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, il-leġiżlatur jista’ jagħti lill-Kummissjoni l-kompitu li tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati biex temenda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi taż-żewġ partijiet tal-irkaptu tas-sajd li jtejbu s-selettività: l-aktar it-tieqa ta’ ħruġ tat-tip Bacoma u x-xibka fil-manka u l-biċċa tal-estenzjoni li tiddawwar għal 90° (xibka ta’ tkarkir T90). Skont l-Artikolu 291 tat-TFUE, il-leġiżlatur jista’ jagħti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005. Is-setgħat ta' implimentazzjoni huma meħtieġa biex ikun żgurat li l-Kummissjoni tkun kapaċi tadotta deċiżjoni li tkun tirrikjedi lil Stat Membru li jirtira jew jimmodifika miżuri nazzjonali meta dawn ma jkunux f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2187/2005.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma kienx hemm bżonn ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew ta' valutazzjoni tal-impatt.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

L-azzjoni legali ewlenija hija li jiġu identifiki s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li dawn jiġu kklassifikati bħala setgħat iddelegati jew setgħat ta' implimentazzjoni.

· Bażi Legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tkopri l-emenda ta' miżuri li diġà jeżistu fir-Regolament (KE) Nru 2187/2005; għalhekk ma hemm ebda tħassib fir-rigward tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

· Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament ieħor.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-miżura ma tinvolvi l-ebda nefqa addizzjonali għall-Unjoni.

2012/0285 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound[2] jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

(2)       B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jeħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)       Is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri li japplikaw biss għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom.

(4)       Is-setgħat għall-adozzjoni ta’ regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 ma għadhomx meħtieġa. Għalhekk id-dispożizzjonijiet li jagħtu dawk is-setgħat għandhom jitħassru.

(5)       Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddelegati lill-Kummissjoni biex temenda regoli dwar il-kostruzzjoni ta' ċerti rkapti. Emendi bħal dawn għandhom jirriflettu t-tibdil li qed iseħħ fil-mudelli ta’ selettività tas-sajd, għarfien teknoloġiku ġdid dwar materjali għall-kostruzzjoni jew tibdil fl-immuntar tal-irkaptu li jista’ jtejjeb is-selettività tal-irkaptu.

(6)       Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha għall-adozzjoni tal-atti ddelegati, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(7)       Ir-Regolment (KE) Nru 2187/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2187/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, hija għandha tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li titlob lill-Istat Membru jirtira jew jimmodifika l-miżuri.”

(2)          L-Artikolu 28 għandu jitħassar.

(3)          L-Artikolu 29 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 29 Emendi għall-Appendiċi 1 u 2 tal-Anness II

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 29a biex temenda jew tissupplimenta l-Appendiċi 1 u 2 tal-Anness II billi tadatta l-ispeċifikazzjonijiet tal-irkaptu għal:

(a)     tibdil fis-selettività;

(b)     titjieb fl-għarfien tekniku dwar materjali ġodda għall-kostruzzjoni tal-irkaptu;

(c)     tibdil fl-immuntar li jtejjeb is-selettività tal-irkaptu."

(4)          Għandu jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:

"Artikolu 29a

Eżerċitar tad-delega

1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 29 għandha tingħata għal perjodu indeterminat ta’ żmien.

3. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 29 tista’ tiġi rrevokata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’kull ħin. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fid-Deċiżjoni msemmija. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att iddelegat addottat skont l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn mindu tkun saret in-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]              

[2]               ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1.

Top