EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0742

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza

/* COM/2012/0742 final */

52012DC0742

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza /* COM/2012/0742 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza

1.           Introduzzjoni: Ġustizzja għat-tkabbir

Peress li l-Ewropa qed tiffaċċa kriżi ekonomika u soċjali severa, l-Unjoni Ewropea qed tieħu azzjoni biex tippromwovi l-irkupru ekonomiku, timbotta l-investiment u tħares l-impjiegi. Hija prijorità politika għolja li jittieħdu miżuri li joħolqu tkabbir u prosperità sostenibbli[1].

Il-kriżi tad-dejn għandha effett dirett fuq il-poplu, fuq l-impjiegi u fuq in-negozji. Il-kriżi ekonomika wasslet għal żieda fl-għadd ta' negozji li qed ifallu. Mill-2009 sal-2011, fallew medja ta' 200 000 kumpanija fis-sena fl-UE. Madwar kwart ta' dawn il-fallimenti għandhom element transfruntieri. Xi 50% tan-negozji l-ġodda kollha ma jaqbżux l-ewwel ħames snin ta' ħajthom. Huwa stmat li jintilfu 1,7 miljun impjieg minħabba insolvenzi kull sena.

It-tkabbir huwa l-qalba tal-aġenda għall-ġustizzja tal-Kummissjoni ("Ġustizzja għat-Tkabbir"), b'konfomità mal-istrateġija ta' tkabbir Ewropa 2020, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-Att dwar is-Suq Uniku II li għadu kif ġie adottat[2]. L-immodernizzar tar-regoli ta' insolvenza tal-UE biex tiġi ffaċilitata s-sopravivenza tan-negozji u tippreżenta ċans ieħor lill-intraprendituri ġiet identifikata bħala azzjoni ewlenija għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern. Il-Programm ta' Stokkolma 2009 għall-qasam Ewropew tal-ġustizzja[3] enfasizza l-importanza tar-regoli tal-insolvenza fis-sostenn tal-attività ekonomika.

Ir-reazzjoni Ewropea għandha tkun li toħloq sistema effiċenti għar-ristrutturazzjoni u r-riorganizzazzjoni tan-negozji ħalli jkunu jistgħu jissopravvivu l-kriżi finanzjarja, joperaw b'iktar effiċenza u fejn ikun hemm bżonn, jerġgħu jibdew mill-bidu. Dan ma japplikax biss għall-kumpaniji multinazzjonali, imma wkoll għall-20 miljun kumpanija żgħira li huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa. L-immaniġġjar b'mod effikaċi tal-kawżi ta' insolvenza huwa suġġett importanti għall-ekonomija Ewropea u t-tkabbir sostenibbli.

Ir-Regolament tal-UE dwar proċedimenti ta' falliment[4] ġie adottat biex jittratta kwistjonijiet ta' insolvenza transfruntieri permezz tar-rikonixximent u l-koordinament xieraq tal-proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza u sabiex jiġu evitati inċentivi għall-partijiet milli jittrasferixxu l-assi jew il-proċedimenti ġudizzjarji minn Stat Membru għall-ieħor, biex ifittxu li jiksbu qagħda ġuridika iktar favorevoli (għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni). Peress li għandu kamp ta' applikazzjoni transfruntieri, ir-Regolament madankollu ma armonizzax il-liġijiet ta' insolvenza użati f'kawżi nazzjonali ta' insolvenza. B'hekk, differenzi fil-liġijiet nazzjonali jibqgħu hemm u, minħabba f'hekk, jistgħu jintilfu attivitajiet ekonomiċi, kredituri jistgħu jirkupraw inqas milli kieku jirkupraw, u kredituri minn Stati Membri differenti ma jkunux ittrattati l-istess. Il-Kummissjoni bħalissa qed tipproponi l-modernizzazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar proċedimenti ta' falliment imma l-bidliet proposti jikkonċernaw biss kawżi transfruntieri.

Il-liġi moderna tal-insolvenza fl-Istati Membri għandha tgħin biex kumpaniji sodi jissopravvivu u tħeġġeġ lill-intraprendituri biex jieħdu ċans ieħor. Hija għandha tiżgura li l-proċeduri jkunu veloċi u effiċenti, fl-interess kemm tad-debituri u kemm tal-kredituri, u għandhom jgħinu biex iħarsu l-impjiegi, jgħinu lill-fornituri jżommu lill-klijenti tagħhom, u lis-sidien biex iżommu l-valur fil-kumpaniji vijabbli.

Biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Ewropa 2020, hemm bżonn li niffukaw fuq l-għan ġenerali ta' titjib tal-effiċenza tal-ġustizzja fl-UE. Sistemi ta' ġustizzja effiċenti jikkontribwixxu sew għat-tnaqqis tar-riskji u l-inċertezzi ġuridiċi u jħeġġu negozju, kummerċ u investiment transfruntieri. Fl-esperjenza tagħha mal-Istati Membri fi programm ta' rkupru ekonomiku, il-Kummissjoni identifikat ir-rwol ewlieni tar-riformi ġudizzjarji. Ir-riformi tal-liġi nazzjonali tal-insolvenza huma għodda importanti għall-promozzjoni tal-irkupru ekonomiku. Is-Semestru Ewropew 2012 irrifletta l-impatt tas-sistemi ġudizzjarji fuq l-ekonomija billi jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lil ċerti Stati Membri relatati ma' proċedimenti ta' insolvenza effiċenti. L-isfida hija li d-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur ikunu indirizzati adegwatament u malajr filwaqt li jitħarsu l-interessi leġittimi tal-kreditur u jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja għall-partijiet kollha.

Matul l-aħħar għoxrin sena, is-suq uniku żviluppa bħala żona bla fruntieri. Jekk kumpanija jkollha inkwiet finanzjarju, għandu jkun faċli li ssib għajnuna transfruntieri daqs kemm hi faċli domestikament. Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi tal-liġijiet nazzjonali ta' insolvenza għandu jwassal għal aktar kunfidenza fis-sistemi ta' Stati Membri oħra għall-kumpaniji, l-intraprendituri u l-individwi privati li lesti joperaw fis-suq intern. Regoli effiċenti tal-insolvenza jtejbu wkoll l-aċċess għall-kreditu, li jħeġġeġ l-investiment. Il-kredituri jkunu iktar lesti jsellfu meta jkunu kunfidenti li se jirkupraw is-self li jkunu taw. Aktar kompatibilità tar-regoli dwar il-proċedimenti ta' insolvenza tista' għalhekk ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern. Għalkemm id-diversità tkun parti mill-kompetizzjoni regolatorja leġittima bbażata fuq għażliet politiċi nazzjonali, ġeneralment din twassal għall-problema tal-għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni[5].

L-għoti lill-intraprendituri ta' ċans ieħor biex jerġgħu jibdew negozji vijabbli u l-ħarsien tal-impjiegi huma elementi ewlenin tal-approċċ Ewropew il-ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji. Dan l-approċċ għandu l-għan li jagħti spinta tajba lin-negozju Ewropew fis-suq intern. Il-proposta għall-aġġornament tar-Regolament tal-UE dwar proċedimenti ta' falliment fil-kuntest transfruntieri, adottati b'mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni, diġà hija bbażata fuq dan l-approċċ il-ġdid. Din se tkun appoġġata wkoll mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Intraprenditorjat Ewropew li ġej.

Din il-komunikazzjoni tenfasizza dawk l-oqsma fejn il-liġijiet tal-insolvenza domestika jkollhom l-ikbar potenzjal li jostakolaw it-twaqqif ta' qafas ġuridiku effiċenti dwar l-insolvenza fis-suq intern. Hija tfittex li tidentifika l-kwistjonijiet, li l-approċċ Ewropew il-ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozju għandu jkun iffukat fuqhom biex tiġi żviluppata kultura ta' salvataġġ u rkupru fl-Istati Membri.

2.           It-tfassil tal-approċċ il-ġdid għall-insolvenza: il-bżonn ta' ħolqien ta' ambjent iżjed faċli għan-negozji

Diġà saret ħafna riċerka u analiżi kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kummissjoni rigward il-liġijiet ta' insolvenza nazzjonali.

F'Novembru 2011, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-proċedimenti ta' insolvenza[6]. Din sejħet, qabel kollox, għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Falliment u r-reviżjoni proposta hija r-reazzjoni għal din is-sejħa. Il-Parlament Ewropew irrakkomanda wkoll l-armonizzazzjoni ta' aspetti speċifiċi tal-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza u dwar il-kumpaniji. Studju[7] kkummissjonat minnu wera li d-diskrepanzi bejn il-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza jistgħu joħolqu ostakli, vantaġġi kompetittivi u/jew żvantaġġi u diffikultajiet għall-kumpaniji b'attivitajiet jew sjieda transfruntieri fi ħdan l-UE. L-istudju sab li l-armonizzazzjoni tal-proċessi ta' insolvenza madwar l-Istati Membri tal-UE jżidu l-effiċenza tal-proċess ta' insolvenza u ta' riorganizzazzjoni tan-negozju. Mill-banda l-oħra, dan iżid ir-ritorn lill-kredituri jekk tittieħed deċiżjoni li l-assi jiġu likwidati jew li jitjiebu l-prospetti għar-riorganizzazzjoni billi iktar kredituri jitħeġġew isostnu l-pjanijiet għal ristrutturazzjoni. Dawn flimkien iżidu l-kunfidenza tas-setturi kummerċjali u finanzjarji fl-effiċenza tal-infrastruttura finanzjarja tal-UE.

Abbażi tal-istudju, il-Parlament Ewropew ikkonkluda li "l-armonizazzjoni ta' ċerti oqsma tal-liġi dwar l-insolvenza hija vallapena u tista' tinkiseb." Madankollu kull kunsiderazzjoni ulterjuri ta' riforma tal-liġi tal-insolvenza trid tqis l-impatt fuq oqsma importanti oħra tal-liġi.

Il-Kummissjoni reċentement studjat id-dinamiċi tan-negozju[8]. L-istudju ma żvela l-ebda evidenza ta' impatt fuq it-tip ta' sistema ġuridika (dritt komuni/dritt ċivili) fuq il-livell tal-intraprenditorjat (rata tat-twelid tal-kumpaniji, attività intraprenditorjali totali, rata ta' sopravivenza tal-kumpaniji). Dan ifisser li proċeduri ta' falliment effiċenti mhumiex iddeterminati bit-tip jew bil-fokus tas-sistema ġuridika, imma b'dispożizzjonijiet speċifiċi bħal soluzzjonijiet ekstraġudizzjarji, proċeduri mħaffin għall-SMEs, sistema ta' twissija bikrija u dispożizzjonijiet oħrajn li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-effiċenza tas-sistema. Il-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni għandhom qafas ġuridiku effiċenti għall-falliment u għas-sistema ta' twissija bikrija. L-istudju juri li kważi l-pajjiżi kollha li jitqiesu li għandhom sistema ġuridika effiċenti ħafna dwar il-falliment jitqiesu wkoll li għandhom għodod ta' twissija bikrija effiċenti ħafna.

Kwistjoni importanti biex jiġi sostnut ċans ieħor[9] effettiv hija ż-"żmien ta' riabilitazzjoni", jiġifieri l-ħin minn meta kumpanija tfalli (il-likwidazzjoni) sa meta tkun tista' tibda tinnegozja mill-ġdid. Ir-riabilitazzjoni spiss titqies bħala kruċjali għal opportunità ta' bidu mill-ġdid. Bħalissa, iż-żmien ta' riabilitazzjoni jvarja sew minn pajjiż għall-ieħor. F'xi pajjiżi, il-fallimenti ta' negozji onesti jingħataw riabilitazzjoni awtomatikament minnufih wara li titlesta l-likwidazzjoni. F'xi pajjiżi oħrajn, il-kumpaniji falluti jridu japplikaw għar-riabilitazzjoni; u f'terġa' oħrajn, kumpaniji falluti ma jistgħux jiksbu riabilitazzjoni.

Riflessjoni addizzjonali li tikkonċerna l-kwistjoni ta' "ċans ieħor" tirreferi għall-bidu mill-ġdid tan-negozju ta' intraprenditur li kien iddikjarat fallut. F'ħafna pajjiżi Ewropej, jeżisti impenn politiku biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-falliment tan-negozju u l-promozzjoni ta' ċans ieħor. L-Istati Membri ressqu pjanijiet għal riforma tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-insolvenza sabiex l-intraprendituri li jkunu qed ifittxu ċans ieħor jingħataw sostenn. Il-parti l-kbira tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jidhrux li jagħmluha faċli għal min ikun irid jerġa' jibda mill-ġdid. Dan iwassal għal inqas negozjanti li jerġgħu jibdew mill-ġdid, minkejja l-fatt li intraprendituri li jkunu fallew ikollhom inklinazzjoni kbira li jerġgħu jidħlu fin-negozju.

Il-Kunsill tal-Kompetittività ta' Mejju 2011 sejjaħ biex jittieħdu miżuri speċifiċi. Il-Kunsill "jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-għoti ta' ċans ieħor lill-intraprendituri billi jillimitaw, meta possibbli, iż-żmien ta' kwittanza u l-ħlas ta' dejn għal intraprenditur onest wara li jkun falla għal mhux aktar minn tliet snin sal-2013"[10].

3.           Oqsma tal-liġi nazzjonali tal-insolvenza fejn l-approssimazzjoni tista' ġġib il-benefiċċji

Fuq il-bażi ta' analiżi tas-sejbiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' oqsma fejn id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza jistgħu joħolqu inċertezza ġuridika u ambjent "ostili" għan-negozju. Dan joħloq klima inqas favorevoli għall-investiment transfruntieri.

3.1.        Ċans ieħor għall-intraprendituri f'fallimenti onesti[11]

Il-Prinċipju II tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa"[12] għandu l-għan tal-promozzjoni ta' ċans ieħor għall-intraprendituri onesti[13]. Il-falliment "onest" huwa każ fejn il-falliment tan-negozju jkun ġie bla ħtija ovvja tas-sid jew tal-maniġer, jiġifieri onest u bir-rispett tar-regoli, kuntrarjament għal każijiet fejn il-falliment ikun frodolenti jew irresponsabbli. Dan jitlob għal skambji tal-aqwa prassi bejn l-Istati Membri.

Proċeduri ta' falliment twal u għaljin huma limitu ewlieni għal ċans ieħor effettiv. Barra minn hekk, intraprendituri falluti onesti spiss ikunu suġġetti għall-istess limiti li jkunu suġġetti għalihom intraprendituri frodolenti. Dan ma jissarrafx biss f'riskju li intraprendituri onesti falluti jiffaċċaw stigma soċjali marbuta mal-falliment, imma jfisser ukoll impedimenti ġuridiċi u amministrattivi għall-bidu mill-ġdid ta' negozju. Diffikultajiet biex wieħed isib finanzjament għal proġett kummerċjali ġdid jitqiesu bħala l-problema ewlenija għan-negozjanti li jkunu jridu jibdew mill-ġdid. Imma wieħed irid iżomm f'moħħu li dawk li jipprovaw jibdew mill-ġdid, jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom u normalment jesperjenzaw tkabbir iktar mgħaġġel minn kumpaniji stabbiliti għall-ewwel darba.

Tista' tittieħed azzjoni biex ikun hemm distinzjoni ikbar bejn fallimenti onesti u oħrajn diżonesti. Reġimi ta' insolvenza jistgħu joħolqu distinzjoni bejn debituri li jkunu aġixxew onestament fl-imġiba jew fin-negozju tagħhom li wassal għad-dejn, u dawk li aġixxew diżonestament, u jistgħu pereżempju jinkludu dispożizzjoni li nonkonformità volontarja u irresponsabbli mal-obbligi ġuridiċi minn debitur iwasslu għal sanzjonijiet ċivili u, fejn xieraq, għal responsabilità penali. Kull programm ta' sostenn għall-bidu ta' negozju ġdid għandu jkun jista' jittieħed biss minn falluti onesti mingħajr ma dawk in-negozji jkunu ttrattati b’mod differenti min-negozji mhux falluti.

Il-miżuri li ġejjin għandhom jitqiesu bħala l-iktar sinifikanti li għandhom jittieħdu biex jissaħħaħ iċ-ċans ieħor:

· Proċedimenti separati ta' likwidazzjoni għal intraprendituri onesti u oħrajn diżonesti;

· Tfassil u applikazzjoni ta' proċedimenti ta' likwadazzjoni "mħeffa" għal falliment onest.

3.2.        Il-perjodi ta' riabilitazzjoni li ma jinkoraġġux ċans ieħor

Ir-riabilitazzjoni hija wkoll essenzjali għal ċans ieħor: perjodu ta' tliet snin għar-riabilitazzjoni u s-saldu tad-dejn għandu jkun limitu massimu raġonevoli għal intraprenditur onest u għandu jkun kemm jista' jkun awtomatiku. Huwa kruċjali li intraprenditur ma jispiċċax b'"sentenza għal għomru" jekk l-affarijiet imorru ħażin[14].

L-Istati Membri qablu dwar il-bżonn li jarmonizzaw iż-"żmien tar-riabilitazzjoni" għal inqas minn tliet snin fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività ta' Mejju 2011, wara t-tnedija tar-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa[15].

It-tqassir u l-allinjament taż-"żmien tar-riabilitazzjoni" jkunu pass importanti lejn il-ħolqien ta' ambjent tan-negozju iktar innovattiv u faċli, li jippermetti lill-intrapriżi Ewropej joperaw b'kundizzjonijiet ekwi. Dan jista' jkun l-ewwel pass lejn approssimazzjoni usa' tal-liġijiet nazzjonali tal-falliment.

3.3.        Diverġenzi fiċ-ċansijiet għar-ristrutturazzjoni minħabba regoli differenti dwar il-ftuħ tal-proċedimenti

Hemm differenzi sinifikanti bejn il-kriterji għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza. F'ċerti Stati Membri, il-proċedimenti ta' insolvenza jkunu jistgħu jinfetħu biss għad-debituri li jkunu diġà affettwati minn diffikultajiet finanzjarji u li huma insolventi. Fi Stati Membri oħrajn, il-proċedimenti jkunu jistgħu jinfetħu għall-kumpaniji insolventi li jantiċipaw l-insolvenza fil-futur imminenti. Differenzi oħrajn jistgħu jinstabu f'testijiet ta' insolvenza (bħat-test tal-likwidità) adottati fil-liġijiet tal-Istati Membri. Evidentement, id-differenzi bejn it-testijiet ta' insolvenza jfissru li kumpaniji f'qagħda finanzjarja simili jistgħu jgħaddu t-test tal-insolvenza fi Stat Membru imma mhux f'ieħor. Minħabba f'hekk, il-kumpaniji jista' jkollhom ċansijiet inekwi biex jirrikorru għal ristrutturazzjoni ekstraġudizzjarja informali sabiex jiġu solvuti diffikultajiet finanzjarji u jiġu evitati proċedimenti ta' insolvenza li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta' debitur u l-ħatra ta' likwidatur.

Problema oħra hija relatata mar-regoli dwar il-ftuħ obbligatorju ta' proċedimenti ta' insolvenza. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri rigward l-iskadenzi li jrid jirripetta d-debitur meta l-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza jkun obbligatorju. F'xi Stati Membri, id-debitur għandu ġimagħtejn wara li jsir insolventi biex jiftaħ proċedimenti ta' falliment, f'oħrajn id-debitur għandu xahrejn biex jiftaħ dawn il-proċedimenti li jibdew mid-data meta jsir konxju tas-sitwazzjoni ta' insolvenza. Fi Stati Membri oħrajn, id-debitur irid jiftaħ il-proċedimenti ta' fallimenti tal-inqas 45 jum wara li jieqfu l-ħlasijiet.

It-tul taż-żmien jista' jolqot il-kapaċità tad-debitur li jsolvi d-diffikultajiet finanzjarji. Filwaqt li skadenza qasira wisq tista' taffettwa negattivament din il-kapaċità, skadenzi twal jistgħu jipposponu l-konċessjoni tal-ħelsien mid-dejn fil-qafas tal-proċedimenti ta' insolvenza u jimminaw l-effiċenza tal-proċedimenti għall-kredituri kollha.

3.4.        Aspettattivi insodisfatti tal-kredituri għal kategoriji differenti ta' debituri

Il-liġijiet tal-Istati Membri jvarjaw fil-possibilitajiet mogħtija lill-kredituri biex jiftħu proċedimenti ta' insolvenza kontra debituri u fir-rigward tal-kategoriji varji ta' debituri. Dawn id-differenzi jistgħu jkunu diffiċli li jiġu rikonċiljati mal-aspettattivi leġittimi tal-kredituri. Il-kredituri jistennew li jkunu jistgħu jimponu proċedimenti ta' insolvenza fuq id-debituri tagħhom u, minflok jirrikorru għal azzjoni ta' eżekuzzjoni individwali, jistgħu jinstigaw proċedimenti ta' insolvenza kollettiva.

Qasam ieħor li jista' jkun jeħtieġ approssimazzjoni huwa l-kapaċità li jinfetħu proċedimenti kontra debitur. L-Istati Membri għandhom sistemi li jippermettu li debitur (persuna fiżika jew entità ġuridika pubblika jew privata) li jwettaq attività ta' negozju, kreditur u l-istat iressqu rikors fil-qrati biex jiftħu proċedimenti ta' insolvenza kontra debitur. Madankollu, xi ġuriżdizzjonijiet jillimitaw il-kapaċità ta' kreditur li jiftaħ proċedimenti ta' insolvenza billi jiżdiedu kundizzjonijiet speċjali. Kull limitazzjoni dwar il-kapaċità tal-kreditur li jiftaħ proċedimenti ta' insolvenza tista' twassal għal sitwazzjonijiet fejn kreditur jiġi ttrattat b'mod differenti fil-ftuħ u l-għeluq ta' proċedimenti ewlenin u sekondarji kontra l-istess debitur.

3.5.        Inċertezza għall-kredituri relatata mal-proċeduri għat-tressiq jew il-verifika tal-pretensjonijiet

Sabiex tonqos l-inċertezza u jinħoloq trattament ugwali fost il-kredituri fl-Istati Membri, għandha titqies l-approssimazzjoni ulterjuri tar-regoli dwar it-tressiq u l-verifika tal-pretensjonijiet, bħal pereżempju l-proċeduri, il-limiti taż-żmien, is-sanzjonijiet u l-konsegwenzi għan-nuqqas ta' konformità u l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-kredituri.

It-trasparenza u l-effiċenza tat-tressiq tal-pretensjonijiet u l-proċess ta' verifika jolqtu b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-kredituri li jiksbu riżultat sodisfaċenti ta' proċedimenti ta' falliment. Il-liġijiet tal-Istati Membri jirregolaw dan il-qasam b'mod differenti. Id-differenzi li nstabu jinkludu l-limiti taż-żmien għat-tressiq tal-pretensjonijiet u l-aċċertament tad-drittijiet, id-disponibilità u l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċess u l-konsegwenzi ta' dewmien żejjed fit-tressiq tal-pretensjonijiet. Spiss, il-limitu taż-żmien għat-tressiq tal-pretensjonijiet jitniżżel fid-deċiżjoni tal-falliment. Jekk wieħed jonqos milli jirripetta l-limitu taż-żmien jista' jkun hemm konsegwenzi differenti fi Stati Membri differenti. F'xi wħud, kreditur li jkun qabeż il-limitu ta' żmien jista' jitlef drittijietu li javvanza u jikseb riżultat sodisfaċenti tal-pretensjoni tiegħu fil-proċedimenti ta' falliment, filwaqt li fi Stati Membri oħra dan ma jiġrix.

Kredituri barranin huma iktar probabbli li jintlaqtu mid-differenzi sinifikanti bejn il-liġijiet tal-Istati Membri minn kredituri domestiċi, minħabba l-konsegwenzi potenzjali severi tan-nuqqas ta' osservazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-proċess. Dawn jinkludu t-telf ta' dritthom li jieħdu sehem fid-distribuzzjonijiet.

3.6.        Il-promozzjoni ta' pjanijiet ta' ristrutturazzjoni

Ir-regoli li jirregolaw il-pjanijiet ta' ristruttrazzjoni (inklużi l-kontenuti u kwistjonijiet proċedurali relatati) għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ristrutturazzjoni b'suċċess tal-proċedimenti ta' insolvenza. Regoli riġidi u imprattikabbli jistgħu jtellfu ċ-ċans li jiġi adottat pjan ta' ristrutturazzjoni, li ma jħalli l-ebda alternattiva oħra ħlief l-istralċ tal-kumpanija. Il-qafas ġuridiku għall-pjanijiet ta' ristrutturazzjoni adottati mill-Istati Membri jvarjaw b'mod sinifikanti. Id-differenzi ewlenin jikkonċernaw l-identifikazzjoni tal-partijiet li jistgħu jaġixxu bħala promoturi tal-pjan kif ukoll l-adozzjoni, il-modifika u l-verifika tal-pjanijiet.

Filwaqt li l-liġijiet tal-Istati Membri ġeneralment jaċċettaw li hija f'idejn id-debitur jipproponix pjan ta' ristrutturazzjoni, ir-regoli dwar jekk kredituri jistgħux jipproponu pjan jew jinfluwenzaw it-tħejjija tiegħu jvarjaw. Hemm ukoll differenzi ewlenin fir-regoli rigward il-proċedura għall-adozzjoni tal-pjan, inkluż jekk il-kredituri jitqassmux f'kategoriji u l-maġġoranzi meħtieġa. F'ċerti Stati Membri, dawn ma jinqasmux f'kategoriji. Il-liġijiet tal-Istati Membri fihom regoli differenti dwar il-maġġoranzi meħtieġa għall-approvazzjoni ta' pjan. Il-liġijiet tal-Istati Membri jvarjaw ukoll fl-istandards applikati mill-qrati fir-reviżjoni tal-pjan. Skont xi liġijiet, il-qrati għandhom setgħat ta' diskrezzjoni wiesgħa, skont liġijiet oħra, dawn is-setgħat huma pjuttost limitati.

4.           Il-bżonnijiet speċjali tal-SMEs biex ikun promoss ċans ieħor

L-UE tagħti attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni ffaċċata mill-SMEs u tagħtihom ċans ieħor. Il-Kummissjoni tqis li s-sostenn għall-SMEs biex jegħlbu d-diffikultajiet ekonomiċi għandhom jingħataw[16]:

· għall-prevenzjoni;

· għal wara l-falliment u għal ċans ieħor;

· għal soluzzjonijiet ekstraġudizzjarji;

· għal proċeduri fil-qrati.

Ir-ristrutturazzjoni tista' tiswa ħafna għall-SMEs, tant li spiss il-falliment ikun l-unika għażla vijabbli. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex ibaxxu l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni għall-SMEs. Soluzzjoni possibbli hija li jkun hemm limitu massimu għall-ħlas tal-onorarji. Għandu jkun hemm proċeduri alternattivi fis-seħħ biex ikun hemm soluzzjonijiet adegwati disponibbli għat-tipi kollha ta' SMEs. Il-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati mad-daqs tan-negozju. Għandhom jinfetħu proċeduri ekstraġudizzjarji għat-tipi kollha ta' debituri, irrispettivament mill-fondi disponibbli. Filwaqt li ż-żmien medju li jieħdu s-soluzzjonijiet ekstraġudizzjarji huwa relattivament qasir, ir-rata ta' suċċess fil-kisba ta' soluzzjonijiet huwa 'l fuq minn 50% fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. Għalkemm soluzzjonijiet ekstraġudizzjarji u proċedimenti ta' qabel l-insolvenza huma mekkaniżmi introdotti reċentement, dawn qed jintużaw dejjem aktar mill-SMEs fl-UE.

L-SMEs jistgħu jintlaqtu wkoll minn diffikultajiet ekonomiċi bħala kredituri. Ċerti rappreżentanti tal-SMEs iqisu li l-mikronegozji bħala kredituri jitilfu proporzjon irraġonevoli tal-pretensjoni li baqgħet pendenti fil-proċedimenti ta' insolvenza minħabba proċedimenti twal u regoli nazzjonali tal-prijorità. Ta' min jesplora x'jista' jsir biex jittejjeb l-istatus tal-SMEs bħala kredituri.

5.           Passi li jridu jittieħdu

Il-Kummissjoni, bħala l-ewwel pass, tipproponi l-modernizzazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar proċedimenti ta' falliment. Barra minn hekk, hija biħsiebha tadotta Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Intraprenditorjat li jkun jinkludi azzjoni ta' promozzjoni ta' proċeduri ta' falliment u li joffru ċans ieħor.

Bħala pass ulterjuri l-Kummissjoni qed taħseb għal modi kif tista' timxi 'l quddiem biex issolvi l-problemi ġejjin mid-diskrepanzi bejn il-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza. Azzjoni individwali fil-livell nazzjonali ma tistax tindirizza adegwatament l-isfidi posti mill-aspetti transnazzjonali tas-suq intern. Ikun utli li tittieħed azzjoni biex titnaqqas l-inċertezza u jinħoloq ambjent iktar faċli għan-negozju. L-isfida hija li d-diffikultajiet finanzjarji tad-debitur ikunu indirizzati adegwatament u malajr flimkien mal-interessi tal-kreditur, filwaqt li jiġu ffaċilitati s-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni tan-negozji.

Il-Kummissjoni se tkompli l-approċċ mibdi fiċ-ċiklu preċedenti tas-Semestru Ewropew, li fil-kuntest tiegħu xi Stati Membri diġà rriformaw il-liġijiet ta' insolvenza domestika tagħhom. Għalhekk, fejn ikun hemm bżonn, jistgħu jinħarġu rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jistiednu lill-Istati Membri jaġġornaw il-liġijiet ta' insolvenza tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tanalizza iktar fil-fond l-impatt li jiġi mid-differenzi bejn il-liġijiet ta' insolvenza nazzjonali dwar il-funzjonament tas-suq intern. Għal dan l-għan, hija se tidħol f'djalogu mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq il-bażi ta' din il-Komunikazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika biex tirċievi l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar il-kwistjonijiet identifikati f'din il-Komunikazzjoni u kull tħassib ieħor kif ukoll dwar is-soluzzjonijiet possibbli u l-alternattivi politiċi.

[1]               Ara l-ittra tal-President Barroso lill-President tal-PE fil-qafas tal-indirizz tal-Qagħda tal-Unjoni tat-12 ta' Settembru 2012.

[2]               COM(2012) 573.

[3]               ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[4]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, ĠU L 160 30.6.2000, p. 1.

[5]               Il-problema hija deskritta f'iktar dettall fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja r-Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta' falliment, COM(2012) 744.

[6]               Riżoluzzjoni tal-PE tal-15.11.2011 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta' insolvenza fil-kuntest tal-liġi tal-UE dwar il-kumpaniji.

[7]               "Harmonisation of insolvency law at EU level", il-Parlament Ewropew 2010, PE 419.633. Dan kien segwit mill-istudju "harmonisation of insolvency law at EU level with respect to opening of proceedings, claims filing and verification and reorganisation plans" EP 2011, PE 432.766

[8]               "Business dynamics: start-ups, business transfers and bankruptcy", il-Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija, Jannar 2011. Dan ir-rapport fih studju dwar l-impatt ekonomiku tal-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi għall-falliment u l-opportunitajiet għal ċans ieħor wara l-falliment fi 33 pajjiż Ewropew (27 Stat Membru tal-UE flimkien mal-Islanda, in-Norveġja, il-Kroazja, it-Turkija, is-Serbja u l-Montenegro).

[9]               Ara "A second chance for entrepreneurs: prevention of bankruptcy, simplification of bankruptcy procedures and support for a fresh start", Rapport tal-Grupp Espert, il-Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Intrapriżi u l-Industrija, Jannar 2011.

[10]             Dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 10975/11.

[11]             Hemm bżonn ċar li ssir distinzjoni bejn fallimenti "onesti" u fallimenti frodolenti u biex wieħed jevita kjarament milli jħeġġeġ lil dan tal-aħħar.

[12]             COM(2008) 394 finali. Dan ġie preċedut minn Komunikazzjoni bl-isem "Negħlbu l-istigma tal-falliment kummerċjali – lejn politika li tagħti opportunità oħra", COM(2007) 584final.

[13]             Prinċipju II: "Żgura li intraprendituri onesti li jkunu ffaċċaw il-falliment ikunu jistgħu jieħdu ċans ieħor malajr".

[14]             Din kienet rakkomandazzjoni fir-rapport imsemmi hawn fuq tal-grupp ta' esperti dwar ċans ieħor.

[15]             COM(2011) 78 finali.

[16]             "A second chance for entrepreneurs: prevention of bankruptcy, simplification of bankruptcy procedures and support for a fresh start", ara n-nota 9 f'qiegħ il-paġna.

Top