Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0649

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE

/* COM/2012/0649 final */

52012DC0649

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE /* COM/2012/0649 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE

Illum, il-Kummissjoni hija mistiedna tadotta żewġ testi importanti fil-qasam tal-politika dwar il-viżi:

– Proposta għal Regolament li jemenda l-listi ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża u dawk eżentati minn viża (ir-Regolament 539/2001); u

– Rapport dwar il-funzjonament tal-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen.

Din hi l-okkażjoni, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tar-raba’ laqgħa tat-T20 li saret f’Mérida, il-Messiku, fis-16 ta’ Mejju 2012 u approvata minn ministri tal-G20, biex jikkunsidraw l-impatt ekonomiku tal-politika dwar il-viżi fuq l-ekonomija usa' tal-UE, u b'mod partikolari fuq it-turiżmu, u biex tesplora kif dan jista’ jitqies sabiex tiġi żgurata aktar koerenza mal-għanijiet ta’ tkabbir tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Politika aktar intelliġenti tal-viżi għandha tkompli tipprovdi sigurtà lill-fruntieri esterni tagħna u l-iffunzjonar tajjeb taż-żona ta’ Schengen filwaqt li fl-istess ħin tiffaċilita l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar għall-vjaġġaturi leġittimi, inklużi turisti. Jista’ jinkiseb ħafna diġà fi ħdan il-qafas legali eżistenti tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Minħabba l-kriżi ekonomika attwali, għandna naħdmu biex jiżdiedu l-flussi turistiċi lejn l-Ewropa. L-Istati Uniti, pereżempju, għalkemm hija ferm sensittiva fir-rigward tas-sigurtà, diġà rrikonoxxiet il-gwadanji ekonomiċi potenzjali permezz tal-iffaċilitar tal-viżi u reċentement ippromulgat strateġija nazzjonali f'dan ir-rigward[1]. Fl-UE dan l-aħħar kellna talbiet mingħand il-Ministri tat-Turiżmu tal-Italja, tal-Irlanda[2] kif ukoll mill-awtoritajiet Ġermaniżi għal miżuri għall-faċilitazzjoni tal-viżi li għandhom jittieħdu.

Dan id-dokument huwa maħsub biex iniedi dibattitu bħal dan fil-livell tal-UE. L-ewwel nett, jidentifika ċerti nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ proċeduri attwali u jesplora inizjattivi li jistgħu jiġu previsti biex jiżguraw l-implimentazzjoni ottimizzata tal-Kodiċi dwar il-Viżi. It-tieni nett, jissuġġerixxi wkoll xi ideat lejn emendi futuri għar-regoli tal-viżi li għandhom jiġu mistħarrġa aktar fil-fond.

1.           L-impatt tal-iffaċilitar tal-viżi fuq l-industrija tat-turiżmu tal-UE

It-turiżmu sar wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta' impjiegi u qligħ fl-Unjoni Ewropea u xprun ewlieni għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku. Il-kontribut totali tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għall-impjiegi hu stmat għal 18,8 miljun impjieg fl-2011 u huwa probabbli li dan jiżdied għal 20,4 miljun impjieg sal-2022. L-infiq minn viżitaturi barranin ammonta għal USD 423 biljun fl-2011 u huwa mistenni li jikber għal USD 547 biljun fl-2022[3].

Madankollu, hemm potenzjal kbir mhux sfruttat għal tkabbir minn turisti minn swieq emerġenti. L-għadd ta’ turisti li jżuru l-Ewropa mill-Brażil u mir-Russja rdoppja f’dawn l-aħħar snin u l-flussi ta’ turisti miċ-Ċina u mill-Indja qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla wkoll[4]. Dan huwa ċar ukoll fl-istatistika tal-viżi: madwar 460 000 viża ta’ Schengen ġew maħruġa fl-Indja fl-2011; in-numru kien 340 000 fl-2007. Fiċ-Ċina, hemm ukoll żieda sinifikanti, minn 560 000 viża maħruġa fl-2008 għal 1 026 000 fl-2011. Fir-Russja nħarġu madwar 5 152 000 viża fl-2011, kontra 3 500 000 fl-2007. Din hija xejra madwar id-dinja kollha. S'issa din is-sena, in-numru tal-applikazzjonijiet għal viżi tal-Istati Uniti minn ċittadini Ċiniżi u Brażiljani fl-2011 żdied b’madwar 40%[5].

Jinħass li hemm aktar x'jista' jsir. Għandna nimmiraw li nżidu b'mod sostanzjali l-flussi tat-turiżmu minn dawk il-pajjiżi li jippreżentaw potenzjal għoli li jiġġeneraw ħafna turisti kif ukoll b’kapaċità għall-infiq li qed tiżdied minn segment akbar tal-popolazzjonijiet tagħhom. Madankollu, l-istimi tas-suq[6] jindikaw li 21% tat-turisti potenzjali minn swieq emerġenti irrinunċaw il-pjanijiet ta' vjaġġar tagħhom lejn l-Ewropa minħabba rekwiżiti ta’ viżi.

Riċerka minn Tourism Economics[7] dwar l-impatti ta’ faċilitazzjoni tal-viżi fuq il-ħolqien tax-xogħol fl-ekonomiji tal-G20 (Mejju 2012) tiżvela, bl-użu ta’ mudell ta’ dejta bbażat fuq il-benefiċċji osservati f’bidliet politiċi storiċi f'diversi pajjiżi[8], li l-faċilitazzjoni tal-viżi storikament żiedet il-wasla ta’ aktar turisti internazzjonali ta’ swieq affettwati b’5-25%. Din tiġġenera dħul u għandha effett immedjat u dirett fuq l-impjiegi.

Skont stimi tat-Tourism Economics ibbażati fuq xenarji differenti, iż-żona Schengen tal-UE[9] għandha l-potenzjal li tikseb bejn 8 u 46 miljun turist addizzjonali internazzjonali li jidħlu f’din iż-żona sal-2015 jekk il-flessibbiltà tar-regoli tal-viżi attwali tiġi sfruttata bis-sħiħ, li jistgħu jiġġeneraw dħul addizzjonali ta’ bejn EUR 11-60 biljun f'irċevuti ta’ turiżmu internazzjonali (esportazzjonijiet) u joħolqu bejn 100 000 sa 500 000 impjieg addizzjonali direttament fis-settur tat-turiżmu. Skont dawn l-istess stimi tat-Tourism Economics, il-ħolqien tal-impjiegi totali (inklużi kemm b’impatt indirett u b’impatt ikkaġunat) jista’ jammonta għal bejn 200 000 u 1,1 miljun sal-2015.

L-industrija tal-kruċieri wkoll tirrappreżenta segment li ħaqqu jitqies. Minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, il-kontribuzzjoni totali tal-industrija tal-kruċieri globali għall-ekonomija Ewropea għoliet għal ċifra rekord ta’ EUR 36,7 biljun fl-2011 (minn EUR 35,2 biljun fl-2010)[10]. Madwar 5,6 miljun passiġġier imbarkaw fl-Ewropa waħedha (żieda ta’ 7,1% mis-sena preċedenti). Il-bastimenti tal-kruċieri daħlu wkoll madwar 14,3 miljun membru tal-ekwipaġġ lejn il-portijiet Ewropej, li minnhom madwar 5,7 miljun żbarkaw u xtraw għal ammont ta’ madwar EUR 120 miljun. Għandu jkun żgurat li l-Istati Membri jkomplu joħorġu viżi għal dħul multiplu lil turisti u membri tal-ekwipaġġ ta’ kruċieri sabiex in-nefqa tagħhom fil-portijiet Ewropej u l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-industrija tal-kruċieri għall-ekonomija Ewropea tkompli tikber.

Diġà fl-2010, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet ser teżamina l-possibbiltajiet u l-istrumenti differenti skont il-politika dwar il-viżi u għall-qsim tal-fruntieri esterni sabiex jagħmlu l-aħjar użu minnhom[11]. Is-sena ta’ wara l-PE stieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proċedura aktar ikkoordinata u ssimplifikata għall-proċedura tal-viża. L-impatt tal-politika dwar il-viżi fuq il-flussi tat-turiżmu ġie indirizzat ukoll mill-Ministri tat-turiżmu tal-UE f'Madrid fl-2010 u fi Krakovja fl-2011.

Aktar reċentement, dan is-suġġett kien fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Ministri tat-Turiżmu tal-G20 (l-hekk imsejħa T-20) f’Mérida, il-Messiku fis-16 ta’ Mejju. F'dik l-okkażjoni, ġiet adottata dikjarazzjoni li tiffoka fuq it-“Turiżmu bħala mezz ta’ ħolqien ta’ impjiegi". Hija tirrikonoxxi li l-proċessi ta’ faċilitazzjoni tal-viżi jistgħu jwasslu għal żieda ta' USD 206 biljun fi dħul filwaqt li joħolqu 5,1 miljun impjieg ġdid fil-pajjiżi tal-G20. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tat-T-20 titlob, fost l-oħrajn, għal kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali fuq arranġamenti għall-faċilitazzjoni tal-viżi u oħrajn sabiex jippermettu lil viżitaturi internazzjonali jiċċaqalqu b'mod iktar liberu u effiċjenti. Fil-fatt, din hija xi ħaġa li ż-żona Schengen diġà qed tikkontribwixxi għaliha u għandha ttejjeb aktar sabiex tagħti spinta lill-attività ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi.

Il-faċilitazzjoni tal-viżi mhux biss iġġib benefiċċji ekonomiċi iżda tagħmilha wkoll aktar faċli għaċ-ċittadini tal-UE li jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom li mhumiex fl-UE u jivvjaġġaw fi ħdan l-UE.

Issa huwa ż-żmien biex tesplora kif l-UE tista tagħti spinta 'l quddiem b'azzjoni konkreta f’dan ir-rigward.

2.           Titjib fil-faċilitazzjoni tal-viżi skont il-Kodiċi dwar il-Viżi

Meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel l-adozzjoni tagħha, il-Kodiċi dwar il-Viżi[12] tirrappreżenta progress fundamentali li jtejjeb sostanzjalment il-proċeduri rigward il-viżi.

Aktar titjib sostanzjali jinkludi: skadenzi ċari għall-istadji ewlenin, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, ir-regolamentazzjoni ta' esternalizzazzjoni lil fornituri esterni tas-servizzi, il-possibbiltà ta' twaqqif ta’ ċentri komuni ta' applikazzjoni, id-determinazzjoni ta’ każijiet meta għandhom jinħarġu viżi ta’ dħul multiplu, il-motivazzjoni għal rifjut ta' viżi u l-possibbiltà għal appell għal dawn id-deċiżjonijiet, ir-rekwiżit biex jingħataw formuli tal-applikazzjoni fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti, u l-obbligu legali li jistabbilixxu kooperazzjoni lokali ta’ Schengen.

Jekk tiġi implimentata kif xieraq, il-Kodiċi dwar il-Viżi timmodernizza u tistandardizza ħafna l-proċeduri tal-viżi. Hemm, madankollu, lok għal titjib, hekk kif l-aħjar implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi għadha ma ntlaħqitx kullimkien.

L-industrija tat-turiżmu tal-UE identifikat il-miżuri li ġejjin, relatati ma’ dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, biex jiffaċilitaw il-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi. Ħafna minn dawn l-ostakli jistgħu jitneħħew bl-implimentazzjoni korretta mill-konsulati tal-Istati Membri tal-Kodiċi dwar il-Viżi biex jiġu mmonitorjati mill-Kummissjoni:

1) L-iskadenza għall-għoti ta' appuntament

→ L-infurzar tal-iskadenza ta’ 15-il jum għall-għoti ta’ appuntament skont l-Art. 9 (2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi;

2) Applikazzjonijiet minn intermedjarji kummerċjali

→ L-użu aħjar tal-possibbiltà li jintroduċu applikazzjonijiet għall-viżi permezz ta' intermedjarji kummerċjali (l-aġenti tal-ivvjaġġar, pereżempju, jekk huma ta' min jafdahom), mingħajr ħsara għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS)[13], skont l-Artikolu 9 (4) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

3) L-iskadenza għal deċiżjoni

→ L-infurzar tal-iskadenza ta’ 15-il jum għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-viża skont l-Artikolu 23 tal-Kodiċi dwar il-Viżi wkoll qabel il-perjodi tal-akbar intensità tal-vaganzi;

4) Disponibbiltà ta’ formoli meħtieġa fil-lingwi meħtieġa

→ L-iżgurar li fil-konsulati kollha l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti skont l-Artikolu 11 (3) tal-Kodiċi dwar il-Viżi;

5) Dokumenti ta’ prova

→ Il-valutazzjoni tal-ħtieġa għal lista komuni mnaqqsa ta’ dokumenti ta' prova f'Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen;

6) Validità u viżi għal dħul multiplu (MEVs)

Mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kien hemm żieda importanti fl-għadd ta’ MEVS maħruġa (34% fl-2010, kważi 39% fl-2011). Madankollu, hemm lok għal titjib ulterjuri tal-ħruġ obbligatorju ta’ MEVs li jkollhom perjodu twil ta' validità (bejn 6 xhur u 5 snin) taħt il-kondizzjonijiet definiti bl-Artikolu 24 (2)(a) u (b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi u tal-ħruġ ta’ viżi ma' perjodu ta' validità iqsar imma bi dħul multiplu skont l-Artikolu 24(1).

7) Trattament ta’ viżitaturi

→ It-titjib tal-aċċessibbiltà tal-uffiċċji mill-pubbliku, b'mod partikolari f'termini ta' preżenza konsolari mtejba mit-territorju tal-pajjiż terz ikkonċernat. F’dan ir-rigward, it-twaqqif ta’ Ċentri Komuni għall-Applikazzjoni tal-Viżi ġodda għandu jkun imħeġġeġ.

Xi Stati Membri u bosta pajjiżi terzi diġà introduċew miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-viżi li jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi (ara l-Anness).

F'dan il-kuntest, il-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen (LSC) hija essenzjali għall-implimentazzjoni armonizzata tal-politika komuni tal-UE dwar il-viżi u l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE hija indispensabbli biex tiġi żgurata koerenza u kontinwità fil-qasam ta’ mobbiltà li huwa ta’ importanza dejjem akbar fir-relazzjonijiet esterni.

L-ewwel rapport dwar l-LSC, adottat mill-Kulleġġ simultanjament mad-diskussjoni ta’ dan id-dokument, jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-atturi kollha (l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri u l-persunal konsulari tagħhom; Delegazzjonijiet tal-UE u l-Kummissjoni) fid-dawl ta’ ottimizzazzjoni tal-LSC.

3.           Tibdil possibbli fir-regoli tal-viżi fil-ġejjieni

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi matul l-ewwel tliet snin, li għandu jinħareġ fl-2013, se joffri opportunità oħra biex ikomplu jesploraw modi biex itejbu u jiffaċilitaw il-proċeduri għal vjaġġaturi bona fide filwaqt li jkomplu jippermettu li jiġu indirizzati r-riskji ppreżentati għal migrazzjoni rregolari jew sigurtà minn xi vjaġġaturi:

– simplifikazzjoni u tqassir tal-proċeduri (fir-rikonsiderazzjoni tal-passi kollha tal-proċedura inkluż akkomodazzjoni tal-applikazzjoni tal-viżi minn intermedjarji/aġenziji tal-ivvjaġġar, u konsultazzjoni minn qabel),

– kjarifika tad-definizzjoni tal-konsulat kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viżi,

– simplifikazzjoni tal-formola tal-applikazzjoni,

– simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-dokumenti ta’ prova,

– kjarifika tar-regoli għal rinunzji mill-miżati għal viżi,

– kjarifika tar-regoli dwar il-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu,

– sabiex titjieb il-kopertura konsulari, it-titjib fl-organizzazzjoni konsulari u l-kooperazzjoni, eż. billi jiddefinixxu mill-ġdid il-qafas legali għal Ċentri Komuni ta’ Applikazzjoni, li jiffaċilita t-twaqqif ta’ dawn iċ-ċentri u l-funzjonament tagħhom,

– titjib fil-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen sabiex issir aktar effiċjenti,

Meta jiġi esplorat titjib bħal dan, il-benefiċċji li jiġu kemm għal konsulati u għal applikanti mill-implimentazzjoni tal-VIS għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq.

L-iktar faċilitazzjoni effettiva tal-viżi, naturalment, hija r-rinunzja tal-ħtieġa ta’ viżi għal ċittadini ta’ pajjiż terz billi pajjiżi terzi jiġu trasferiti mil-lista negattiva għal-lista pożittiva mehmuża mar-Reg. 539/2001.

Fir-rigward tar-reviżjoni tal-listi tal-pajjiżi tar-Regolament 539/2001 fuq l-inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni tradizzjonalment għamlet valutazzjoni ta’ każ b'każ ta’ varjetà ta' kriterji relatati, fost l-oħrajn, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, u fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi, jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità. Għalkemm din il-lista ta’ kriterji mhijiex eżawrjenti, l-impatt ekonomiku tal-politika tal-viżi qatt ma ġie realment ikkunsidrat fil-passat. Din ix-xejra teħtieġ li titreġġa’ lura jekk l-UE trid tibbenefika minn żieda fil-flussi ta’ turiżmu minn ekonomiji emerġenti. Għal din ir-raġuni, se tiġi żviluppata metodoloġija mill-Kummissjoni sabiex ir-reviżjoni li jmiss tal-listi ta’ pajjiżi (ippjanata għall-2013) tikkunsidra b'mod aħjar il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Fl-aħħar, madankollu, jinħtieġ li jinstab bilanċ li jilħaq ukoll il-ħtiġijiet tal-politika komuni dwar il-viżi bħala strument biex jiżgura l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni.

Għal ħafna pajjiżi terzi, il-liberalizzazzjoni tal-viżi se tkun l-għan aħħari li jeħtieġ livell għoli ta’ impenn u b’impatt politiku għoli – huwa l-punt ta’ tmiem ta’ proċess twil. F’każ li eżenzjoni mill-viża ma tkunx immedjatament fattibbli, ta’ min jinnota wkoll il-benefiċċji ta’ ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-istruttura u l-kontenut tagħhom sabiex jiġu mfassla apposta għaċ-ċirkostanzi tal-pajjiż terz ikkonċernat u jkunuu iktar effettivi għall-benefiċjarji maħsuba tagħhom. Għandu jiġi nnutat li proposta li temenda r-Regolament 539/2001 li bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi, tipprevedi mekkaniżmu ġdid għas-sospensjoni ta’ viżi li jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mill-obbligu tal-viża f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b’mod urġenti biex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jiffaċċjaw wieħed jew aktar Stati Membri li jinħolqu minn abbuż ta’ sistema ta’ vvjaġġar mingħajr viża.

Barra minn hekk, l-iżviluppi teknoloġiċi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-politika tal-viżi. Pereżempju, l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU tqis li s-sistema tal-viżi elettronika wriet vantaġġi konsiderevoli mill-perspettivi kemm tas-sigurtà kif ukoll tal-iffaċilitar, meta applikata b’mod robust[14]. L-iżviluppi tal-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi f’dak il-qasam jistgħu jkollhom potenzjal sinifikanti, kif rikonoxxut fid-dikjarazzjoni tal-laqgħa tat-T20.

ANNESS

Prattiki tajbin attwali fuq il-ħruġ ta’ viżi fl-Istati Membri u pajjiżi terzi

L-Eżempju Taljan

Fi Frar 2011 l-ENIT (Il-Bord tat-Turiżmu Nazzjonali) u l-Ministeru Taljan tal-Affarijiet Barranin iffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni sabiex iżidu l-flussi turistiċi lejn l-Italja bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari li jirrispondu malajr u b’mod effiċjenti għal talbiet ta’ viżi. Il-postijiet ta’ prijorità inkludew Moska, Beijing u New Delhi, St. Petersburg, Guangzhou, Shanghai u Mumbai.

Skont stqarrija għall-istampa tal-ANSA ta’ Ottubru 2011, fil-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2011, viżi maħruġa fiċ-Ċina żdiedu b’100% meta mqabbla mal-istess perjodu fis-sena preċedenti, wara l-isforzi li saru għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u ż-żmien ta’ stennija.

Skont l-Osservatorju Taljan tat-Turiżmu Nazzjonali (li jelabora dejta mill-Banca d’Italia), din ix-xejra pożittiva hija kkonfermata mill-istimi proviżorji li ġejjin:

# vjaġġaturi (f’000):      2010: 149        2011: 225

# iljieli mqattgħin f’akkomodazzjoni (f’000):       2010: 1 768     2011: 1 971

Nefqa (f’miljuni ta’ EUR):         2010: 199        2011: 249

Bidla (% 2010/2011)    Vjaġġaturi: 51%

            Iljieli: 11,5%

            Nefqiet: 25,1%

L-Eżempju Pollakk

Eżempju ta’ simplifikazzjoni, li għandu jiġi analizzat aktar sabiex jinftiehmu kompletament il-benefiċċji konkreti li jġib miegħu, hija l-‘proċedura rapida’ stabbilita mill-awtoritajiet Pollakki għall-Kampjonat Ewropew tal-Futbol, li ġie ospitat kemm mill-Polonja kif ukoll mill-Ukraina f'Ġunju/Lulju 2012.

Kemm il-parteċipanti fit-turnament mill-Ukraina kif ukoll dawk mir-Russja (plejers, referìs, tobba, attivisti, FIFA, UEFA, u l-federazzjonijiet nazzjonali) u l-UEFA akkreditati rċevew viża li tkopri l-perjodu tat-turnament bid-dritt ta' dħul multiplu. Il-viżi ġew maħruġa skont proċedura simplifikata, mingħajr l-obbligu li jmorru personalment fil-Konsulat u bl-ebda tariffi konsulari.

Kemm il-partitarji Ukraini kif ukoll dawk Russi rċevew viżi fuq il-bażi tal-biljett validu oriġinali għal-logħob, jew xi dokument li jikkonferma d-dritt tagħhom li jirċievu biljett fid-daħla tal-grawnd. Dawn kellhom l-opportunità li jissottomettu l-applikazzjonijiet tal-viżi tagħhom elettronikament fuq websajt uffiċjali u jiksbu appuntament aktar mgħaġġel fil-konsulat. Dawk li ma rnexxilhomx jiksbu appuntament onlajn, ibbenefikaw minn prijorità fil-"kurituri ħodor" stabbiliti sabiex jiġi minimizzat il-perjodu taż-żmien ta’ stennija (sorsi: il-websajt uffiċjali tal-Gvern Pollakk u tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin – Il-Post ta’ Għajnuna Russu (Russian desk)).

Is-sistema tal-"Istatus tad-Destinazzjoni Approvata taċ-Ċina"

L-iskema tal-Istatus tad-Destinazzjoni Approvata (ADS) hija arranġament bilaterali tat-turiżmu bejn l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu Ċiniż u destinazzjoni barranija. Ċiniżi li jivvjaġġaw lejn l-UE jistgħu japplikaw għal viża bħala grupp permezz ta’ Aġenti tal-Ivvjaġġar approvati li jressqu l-applikazzjonijiet għall-viżi għal grupp ta’ klijenti. Il-ftehim bejn CNTA u l-KE ġie ffirmat fl-2004.

L-aħħar figuri kif miġbura mid-Delegazzjoni tal-UE għaċ-Ċina juru li l-għadd ta’ viżi tal-ADS maħruġa fiċ-Ċina minn korpi ta' Schengen qed jiżdied b'mod stabbli.

Viżi tal-ADS maħruġa fl-2009 kienu 96 093, u saru 209 981 fl-2010. Sa Settembru 2011, l-SM kienu ħarġu 170 141 viżi tal-ADS, li jfisser li aktar minn 80% tal-ammont totali tas-sena ta’ qabel diġà kien intlaħaq.

Matul l-aħħar snin ir-rata tar-rifjut baqgħet konsistentement baxxa (kienet irreġistrata rata ta' madwar 5% madwar l-Istati Membri kollha).

Spanja u Franza organizzaw korsijiet speċifiċi għal Aġenti tal-Ivvjaġġar ADS fl-2010 f'Beijing megħjuna mid-Delegazzjoni tal-UE, li kkontribwixxiet għat-tħaffif tal-proċeduri.

L-Eżempju Awstraljan

L-Awstralja toffri varjetà ta’ tipi ta’ viżi, skont l-għan preċiż/it-tul tas-soġġorn. Għal turisti potenzjali jeżistu tliet tipi ta’ viżi elettroniċi (e-visa):

(1) L-Awtorizzazzjoni Elettronika tal-Ivvjaġġar jew l-ETA

(2) Viżitatur elettroniku (E-visitor);

(3) E-676

It-Tip 1 jiswa AUD 20, jippermetti dħul multiplu għal perjodi mhux itwal minn tliet xhur kull wieħed, u huwa valida għal sena. Il-linji tal-ajru u l-aġenti tal-ivvjaġġar wkoll jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b'din il-viża elettronika, flimkien mal-biljetti tal-ajru tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE apparti xi Stati Membri ġodda jistgħu japplikaw.

It-Tip 2 huwa eżattament l-istess bħat-tip 1, l-unika differenza hija li ċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu japplikaw għaliha, u huwa mingħajr ħlas. Ir-raġuni għaliex ċittadin tal-UE li huwa intitolat li japplika għat-Tip 2 japplika għat-Tip 1 hu għaliex l-informazzjoni kollha disponibbli fuq il-websajt hija biss bl-Ingliż, u mhux kulħadd hu kapaċi japplika/jehmeż dokumenti skanjati bl-Ingliż.

It-Tip 3 huwa maħsub għal ċittadini mhux Ewropej jew Ewropej lesti li jdumu aktar minn tliet xhur f’okkażjoni waħda, jew l-Ewropej ta’ iktar minn 75 sena, jew persuni li għandhom rekord kriminali.

It-tliet tipi jistgħu jintalbu u jinkisbu onlajn; il-proċess jista’ jieħu minn ftit minuti sa 10 ijiem.

L-eżempju tal-Istati Uniti

Fid-19 ta’ Jannar 2012, is-Sur Obama ffirma Ordni Eżekuttiva li twaqqaf Task Force ġdid fuq l-ivvjaġġar u l-kompetittività, inkarigat bl-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu, li tiddeskrivi l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu, fost affarijiet oħra, għaż-żieda fil-kapaċità tal-ipproċessar ta’ viżi fiċ-Ċina u fil-Brażil b'40 fil-mija matul is-sena li ġejja.

B'din l-istrateġija, li għadha kemm ġiet imnedija, l-Istati Uniti għandha l-għan li ttejjeb l-ivvjaġġar u t-turiżmu lejn u ġewwa l-Istati Uniti biex jinkoraġġixxu vjaġġaturi li jagħżlu l-Amerika bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja.

L-Istrateġija tat-Turiżmu tistqarr li fl-2011, kienu pproċessati 1,1 miljun aktar applikazzjonijiet ta’ viżi. Għaċ-Ċina u l-Brażil iż-żieda kienet rispettivament 46 % u 34 %. U meta mqabbla mal-2011, fl-ewwel sitt xhur tal-2012 dan it-tkabbir kien ta’ 46% u 59% għal darb’oħra.

Il-kapaċità tal-ħruġ ta’ viżi qed tiġi estiża biż-żieda ta’ persunal ta' aġġudikazzjoni ta’50% fiċ-Ċina u aktar minn 100% fil-Brażil fl-2012. Il-ftuħ ta’ konsulati ġodda huwa wkoll ippjanat. Titjib diġà wassal għall-eliminazzjoni tax-xogħol pendenti kemm fiċ-Ċina kif ukoll fil-Brażil u ż-żmien ta’ stennija niżel għal 10 ijiem u inqas f'ħafna postijiet.

Xi karti mmirati biex isir titjib fil-proċess tal-viżi qed ikunu diskussi bħalissa fil-Kungress tal-Istati Uniti. Il-"Visa Improvements to Stimulate International Tourism to the United States of America", jew l-Att VISIT USA, jipproponi d-direttivi ewlenin li ġejjin:

(a) Viżi ta’ Ħames Snin għal Dħul Multiplu għal Ċittadini Ċiniżi;

(b) Proċess Primjum ta’ Viżi maħluq biex jippermetti lill-vjaġġaturi l-għażla li jħallsu miżata ferm ogħla għall-ipproċessar ta’ viżi sabiex jirċievu intervista għall-viża fi żmien tliet ijiem ta’ negozju. Dan japplika kemm għal viżi tal-ivvjaġġar turistiċi kif ukoll dawk tan-negozju. Il-miżata vvalutata għal proċessar primjum ta’ viżi tħallas għall-persunal addizzjonali, iżda tista’ tintuża wkoll biex tħallas għal approċċi innovattivi bħal teknoloġija tal-vidjokonferenzi u timijiet mobbli għal intervisti biex jilħqu d-domanda tas-suq fi kwalunkwe pajjiż;

(c) Espansjoni tal-Programm tal-Eżenzjoni ta’ Viżi għal pajjiżi addizzjonali (li jippermetti l-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti taħt il-Programm tas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA), minflok ma wieħed jgħaddi mill-proċess tradizzjonali għal applikazzjoni ta’ viża turistika tal-Istati Uniti).

(d) Il-Programm Pilota għal Vidjokonferenzi li jawtorizza programm pilota għal vidjokonferenzi għal intervisti ta’ viżi, u b'hekk jinżamm ir-rekwiżit ta’ intervista għal viżi, filwaqt li jippermetti aċċess akbar għat-twettiq tal-intervista permezz ta’ teknoloġija tal-vidjokonferenzi.

Abbozzi oħra ta’ karti huma l-"Welcoming Business Travellers and Tourists to America Act of 2011" u l-"International Tourism Facilitation Act". L-ewwel att għandu l-għan li jnaqqas l-ostakoli fl-Istati Uniti fis-sistema ta’ viżi tal-Istati Uniti, iwaqqaf standard li jeħtieġ id-Dipartiment tal-Istat biex jipproċessa viżi fi żmien 12-il jum, u jimplimenta programm li juża teknoloġija tal-vidjokonferenzi sabiex jitmexxew l-intervisti ta’ viżi. It-tieni att jitlob lid-Dipartiment tal-Istat biex juża r-riżorsi konsulari tiegħu b’mod aktar effettiv biex iwieġeb aħjar għad-domanda li qed tiżdied għall-ivvjaġġar internazzjonali.

L-Istati Uniti trid tħaffef il-proċeduri ta’ reviżjoni li għaddejjin u tkompli "... tinnova u tagħmel titjib fi proċessi, teknoloġiji, persunal, u l-infrastruttura biex tissimplifika l-proċess għal applikazzjonijiet għal viżi u d-dħul fil-pajjiż permezz tal-qsim tal-fruntieri u portijiet tad-dħul, għal vjaġġaturi leġittimi."

[1]               L-Ordni Eżekuttiva tal-President Obama tad-19 ta’ Jannar 2012. Il-“Visa Improvements to Stimulate International Tourism to the United States of America Act” attwalment qed jiġi diskuss fil-Kungress tal-Istati Uniti.

[2]               Madankollu, l-Irlanda ma tieħux sehem fil-politika komuni dwar il-viżi tal-UE.

[3]               Il-Kunsill tal-Ivvjaġġar Dinji u t-Turiżmu, l-Impatt Ekonomiku tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu 2012, l-Unjoni Ewropea.

[4]               Minn dawn l-4 pajjiżi emerġenti, il-Brażil huwa l-uniku wieħed li ċ-ċittadini tiegħu m'għandhomx bżonn viża biex jidħlu fiż-żona Schengen bħalissa. Madankollu diġà hemm faċilitazzjonijiet tal-viżi għal vjaġġaturi Russi, formalizzat fi Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża li bħalissa qed jiġi mtejjeb.

[5]               Stqarrija għall-Istampa tal-White House tad-19 ta’ Jannar 2012.

[6]               ETOA Origin Market Report 2010 "Europe: Open for Business?".

[7]               Tourism Economics, Rapport dwar “The Impact of Visa Facilitation on Job Creation in the G20 Economies”, Mejju 2012 (rapport imħejji għar-raba’ Laqgħa tal-Ministri tat-T20 tat-Turiżmu, il-Messiku, il-15 u s-16 ta' Mejju).

[8]               Espansjoni tal-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti, il-Programm ETA tal-Awstralja, il-politika tal-viżi tar-Renju Unit għat-Tajwan u l-Afrika t’Isfel, il-programm ta’ viża mal-wasla tal-Indja, il-politika tal-viżi tal-Kanada għall-Messiku, il-politika tal-viżi tar-Repubblika tal-Korea għaċ-Ċina,

[9]               EU-Schengen = AT, BE, CZ, DE, DK, EE, EL (GR), ES, FI, FR, HU, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, PT, SE, SI, SK u 4 pajjiżi assoċjati mhux tal-UE: CH, NO, IS, LI.

[10]             The Cruise Industry, Contribution of Cruise Tourism to the Economics of Europe, ir-Rapport tal-Kunsill Ewropew tal-Kruċieri, 2012.

[11]             COM (2010) 352 finali “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew", taqsima 5.4.

[12]             Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi). Daħal fis-seħħ fil-5 ta’ April 2010.

[13]             Dawn l-intermedjarji ma jistgħux jiġbru identifikaturi bijometriċi, allura dawk li japplikaw għall-ewwel darba taħt il-VIS ikunu jeħtieġu li jidhru personalment f'konsulat jew fornitur tas-servizz estern awtorizzat biex jiġbru l-identifikaturi bijometriċi tal-applikanti tal-viża f'isem il-konsulati tal-Istati Membri.

[14]             L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, "eVisas: A pressing need for global standards, specifications and interoperability", Dokument ta’ Ħidma ppreżentat fis-37 Assemblea tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (2010).

Top