EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0491

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE

/* COM/2012/0491 final */

52012DC0491

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE /* COM/2012/0491 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE

1.           Introduzzjoni

L-ibħra u l-oċeani tal-Ewropa huma sors għani u ta' spiss sottovalutat ta' innovazzjoni, tkabbir u impjiegi. Huma jipprovdu servizzi marbuta mal-ekosistemi kif ukoll riżorsi ta' valur li fuqhom jiddependu l-attivitajiet kollha tal-baħar. Sa mill-ħolqien tagħha fl-2007, il-Politika Marittima Integrata (PMI) fittxet li ttejjeb l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija marittima Ewropea u li tħares aħjar l-ambjent tal-baħar billi tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-atturi marittimi kollha fis-setturi kollha u b’mod li jmur lil hinn mill-fruntieri.

Ħames snin wara, il-klima ekonomika nbidlet kompletament. Permezz tal-istrateġija Ewropa 2020, l-UE qed tfittex li terġa' tqiegħed lill-ekonomija Ewropea fit-triq it-tajba sabiex toffri impjiegi, kompetittività u koeżjoni soċjali. Il-potenzjal għat-tkabbir fl-ekonomija marittima huwa opportunità li l-Ewropa, bħala kontinent marittimu, jeħtieġ li taħtaf. Sa mill-2009, l-UE nediet inizjattivi ewlenin fl-oqsma kollha tal-politika marbutin mal-ibħra sabiex issaħħaħ il-kompetittività Ewropea. Il-PMI ġabet magħha benefiċċji konkreti għall-ekonomija Ewropea u għas-setturi marittimi fl-Istati Membri u dan għamlitu billi evitat l-infiq u l-isforzi doppji u billi ħeġġet l-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi.

L-Ewropa qed tnaqqas l-infiq pubbliku, għalhekk huwa kruċjali li jinkisbu l-aqwa riżultati b'mezzi limitati. Il-kooperazzjoni tagħmel l-operazzjonijiet ta’ fuq il-baħar iktar kosteffiċjenti u tippermetti l-aqwa użu tad-dejta. Minħabba li kuljum qegħdin jiżviluppaw użi ġodda tal-baħar, huwa kruċjali li l-Istati Membri jimplimentaw sistemi stabbli ta' ppjanar li jiffavorixxu l-investiment fit-tul u l-koerenza transkonfinali.

L-investiment fir-riċerka jrid jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu għall-innovazzjoni fl-ekonomija marittima. L-istrateġija tal-UE għar-riċerka tal-baħar u dik marittima għenet sabiex jinkiseb dan l-għan. Permezz tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, nistgħu niġġestixxu l-ibħra u l-oċeani tagħna b'mod sostenibbli. Is-sostenibbiltà hija prerekwiżit għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima u qed tixpruna teknoloġiji avvanzati li jsaħħu l-kompetittività fit-tul tal-Ewropa.

Fl-2009, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laqgħu l-ewwel Rapport ta' Progress li sar b’rabta mal-PMI u talbu lill-Kummissjoni tippreżenta aktar żviluppi fl-2012. Dan it-tieni Rapport jiddeskrivi l-progress li sar b’rabta mal-PMI tal-UE u mal-politiki settorjali fil-qasam marittimu bejn l-2010 u l-2012[1]. Hu jenfasizza l-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 billi jqis il-kisbiet konkreti li jgħinu l-ħolqien tat-tkabbir, itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u jiffrankaw il-flus pubbliċi.

2.           Il-kontribuzzjoni tal-ekonomija marittima għat-tkabbir u l-impjiegi

2.1.        Tkabbir blu

F'Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar It-Tkabbir Blu, opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu. L-għan huwa li titnieda inizjattiva konġunta mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati kollha rilevanti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija blu.

Studju mniedi mill-Kummissjoni fl-2010 identifika bħala diffikultajiet komuni n-nuqqas ta' ħiliet xierqa, l-aċċess għall-kapital ta' riskju, id-dejta fframmentata dwar is-settur tal-baħar, l-isfidi ambjentali u l-proċessi diffiċli ta' ppjanar. Bħalissa għaddejin azzjonijiet fl-Istati Membri biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' ħiliet bħal, pereżempju, it-tħeġġiġ ta' sħubiji bejn l-industrija u l-edukazzjoni. L-inizjattivi tal-politika marittima integrata qed jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar id-dejta u l-ippjanar. Madankollu, ċerti setturi jeħtieġu approċċ aktar immirat. Għaldaqstant, ħames oqsma li għandhom potenzjal għat-tkabbir - it-turiżmu marittimu u kostali, l-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, ir-riżorsi minerali tal-baħar, l-akkwakultura, u l-bijoteknoloġija blu - ġew analizzati f'aktar dettall sabiex jiġu ssuġġeriti l-miżuri addizzjonali meħtieġa biex jiżdied it-tkabbir u jiżdiedu l-impjiegi.

2.2.        Trasport marittimu

Is-servizzi tat-trasport marittimu huma essenzjali biex l-ekonomija Ewropea tikkompeti fuq livell globali. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat White Paper dwar it-Trasport. Din tispeċifika aktar l-orjentazzjonijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu sal-2018: il-ħila li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu kosteffikaċi; il-kompetittività fit-tul tas-settur tat-trasport marittimu tal-UE; u l-ħolqien ta' ħoloq konsistenti tat-trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija fil-modi kollha tat-trasport.

Wara l-Komunikazzjoni tal-2009 dwar Żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini, fl-2010 daħlet fis-seħħ id-Direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar. Din l-inizjattiva tissimplifika u tarmonizza l-proċeduri amministrattivi sabiex tixpruna t-trasport marittimu fl-UE stess.

Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet linji gwida ġodda għan-Netwerks Trans-Ewropej sabiex twessa' r-rwol tal-Awtostradi tal-Baħar bħala l-kurituri prinċipali Ewropej. Permezz ta' sejħiet multiannwali, il-Kummissjoni tinsab minn ta' quddiem nett fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport u fiż-żieda tal-effiċjenza fit-trasport.

2.3.        Enerġija

Iċ-ċittadini, l-industrija u l-ekonomija Ewropej jiddependu fuq enerġija sikura, sostenibbli u li tkun għall-but ta’ kulħadd. L-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta tikkontribwixxi għall-ksib tal-għan li sal-2020 ikun hemm sehem ta' 20 % tal-enerġija li tkun ġejja minn sorsi rinovabbli. Dan l-għan huwa prijorità tal-Pjan Strateġiku tal-UE għat-Teknoloġija tal-Enerġija, li permezz tiegħu l-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu fuq approċċ fit-tul għall-iżvilupp u d-dimostrazzjoni tat-teknoloġija. Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-programm imsejjaħ “Enerġija Intelliġenti” jappoġġaw ukoll l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-enerġija mir-riħ u mill-oċeani, li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir fir-reġjuni kostali.

Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet linji gwida sabiex jiġu stabbiliti regoli għall-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija. Ġew identifikati l-kurituri prijoritarji, inklużi s-Sistema ta' Distribuzzjoni fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Pjan ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku.

2.4.        Bini tal-bastimenti

L-industrija marittima Ewropea, bil-ħila kbira tagħha ta' innovazzjoni u disinn, għandha rwol strateġiku xi twettaq fl-indirizzar ta' sfidi bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta' attivitajiet lil hinn mill-kosta. Bħala tweġiba strateġika għall-isfidi tas-settur, l-inizjattiva msejħa “LeaderSHIP” trawwem il-kompetittività abbażi tal-oqsma teknoloġiċi li fihom l-UE hija minn ta' quddiem. L-inizjattiva bħalissa qed tiġi riveduta sabiex tindirizza l-opportunitajiet futuri li jista' jkun hemm meta t-trasport marittimu jsir aktar ekoloġiku u permezz tad-diversifikazzjoni f'oqsma ġodda tan-negozju bħall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

Il-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Bini tal-Bastimenti jistabbilixxi liema tipi ta' għajnuna mill-Istat huma permessi għat-tarzni. F'Diċembru 2011 ġie adottat Qafas ġdid u dan se jibqa' validu sa tmiem l-2013. Dan fih dispożizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-għajnuna għall-innovazzjoni u mal-għajnuna reġjonali għall-bini tal-bastimenti kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-krediti għall-esportazzjoni. Il-kamp ta' applikazzjoni estiż tiegħu issa japplika wkoll għal bastimenti li jbaħħru fl-ilmijiet navigabbli interni u għal strutturi li jinsabu lil hinn mill-kosta li jżommu f'wiċċ l-ilma u li jiċċaqalqu.

2.5.        Sajd u akkwakultura

Is-sajd fl-UE huwa affettwat minn diversi problemi li huma marbutin bejniethom. L-istokkijiet tal-ħut huma mistada żżejjed, is-sitwazzjoni ekonomika ta' partijiet mill-flotta hija fraġli minkejja l-livelli għolja ta' sussidji, l-impjiegi mhumiex attraenti u s-sitwazzjoni ta' bosta komunitajiet kostali li jiddependu fuq is-sajd hija prekarja.

F'Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' inizjattivi, inklużi proposti leġiżlattivi ġodda, sabiex issir riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd. Dawn l-inizjattivi kellhom l-għan li jipprovdu s-sisien bażiċi għal sajd sostenibbli filwaqt li tiġi rrispettata l-ekosistema u jiġu żgurati provvisti ta' ikel ta' kwalità, komunitajiet kostali li jkunu sejrin tajjeb ħafna, industriji bi profitt u impjiegi attraenti u aktar sikuri. Il-ġestjoni fit-tul, b'miri ċari ta' sostenibbiltà, għall-isfruttar tar-riżorsi u l-waqfien ta' prattiki ta' ħela jinsabu fil-qalba tal-proposti. Għandu jingħata appoġġ ukoll għat-titjib tad-dejta sabiex ikunu sostnuti l-għażliet tal-politika u sabiex jiġu żgurati infurzar u kontroll aħjar.

It-tranżizzjoni se tkun akkumpanjata minn Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd sabiex jittejbu s-sostenibbiltà u l-prestazzjoni tas-sajd kostali fuq skala żgħira, tkun imħeġġa l-akkwakultura, ikun appoġġat il-ħolqien tal-impjiegi fil-komunitajiet marittimi u tkun żgurata l-kosteffiċjenza fl-affarijiet marittimi.

3.           Kooperazzjoni fis-setturi kollha u lil hinn mill-fruntieri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ottimi tat-tkabbir għall-ekonomija marittima

Il-PMI tistabbilixxi strateġija koerenti sabiex jittejjeb l-iżvilupp sostenibbli tas-setturi marittimi. Il-koordinazzjoni hija meħtieġa biex ikun ġestit l-impatt dejjem jiżdied li l-attivitajiet marittimi jħallu fuq xulxin u fuq l-ambjent, biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej u biex jinżammu ħaddiema kkwalifikati.

3.1.        Nilħqu l-ogħla livell possibbli ta' twettiq sostenibbli tal-attivitajiet ta’ mal-kosta u fuq il-baħar

Is-setturi jikkompetu għall-ispazju u r-riżorsi tal-baċiri marittimi. Il-kunflitti bejn l-użi tal-baħar u d-domandi għall-ispazju tal-baħar se jkomplu jiżdiedu, b'mod partikolari minħabba l-ħolqien ta' attivitajiet ġodda lil hinn mill-kosta. Minħabba li l-Ewropa għaddejja minn kriżi ekonomika serja, neħtieġu għodda li jippermettu t-tkabbir billi jiffaċilitaw il-koeżistenza ta' attivitajiet multipli, filwaqt li jnaqqsu l-impatti ambjentali.

L-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu (Maritime Spatial Planning - MSP) u l-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (Integrated Coastal Zone Management - ICZM) jiżguraw ippjanar transsettorjali u transkonfinali effiċjenti tal-ilma baħar flimkien ma' ġestjoni taż-żoni kostali. Dawn huma kruċjali biex tkun garantita s-sostenibbiltà, biex tiġi pprovduta l-prevedibbiltà legali u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-investituri u għall-operaturi, b'mod partikolari dawk li joperaw f'żoni transkonfinali.

Seħħ progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tal-ICZM, iżda r-rapporti li waslu minn 16-il Stat Membru tal-UE fl-2011 juru li hemm differenzi kbar. Fl-2011 daħal fis-seħħ il-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' Barċellona marbut mal-ICZM, li għamel l-ICZM obbligatorju għall-Istati Membri kostali tal-Mediterran.

Il-Kummissjoni għandha r-rwol li tiffaċilita l-iżvilupp ta' qafas komuni għall-MSP fl-UE, u hija ħabbret li se toħroġ proposta leġiżlattiva dwar l-MSP u l-ICZM sa tmiem l-2012. Studji dwar il-benefiċċji ekonomiċi tal-MSP u tal-ICZM u dwar l-impatt tagħhom, żewġ proġetti pilota dwar il-kooperazzjoni transkonfinali u l-pjattaforma msejħa “Ourcoast” dwar l-aqwa prattiki fil-kuntest tal-ICZM ikkontribwixxew għal din il-proposta.

3.2.        Inħarsu liċ-ċittadini Ewropej u lill-industriji marittimi mit-theddid marbut mal-baħar

L-UE tittrasporta madwar 80 % tal-kummerċ barrani tagħha bil-baħar. It-tkabbir tal-attivitajiet ekonomiċi marittimi jeħtieġ ambjent sikur. Wara l-proċess ta' pjan direzzjonali adottat fl-2010, il-Kummissjoni qed taħdem biex ikun hemm Ambjent Komuni għall-Iskambju tal-Informazzjoni (Common Information Sharing Environment - CISE) fil-qasam marittimu tal-UE. Dan għandu jtejjeb l-effiċjenza u l-kosteffettività tas-sorveljanza marittima billi jippermetti skambju xieraq, legali, sikur u effiċjenti tad-dejta madwar is-setturi kollha u lil hinn mill-fruntieri fl-UE kollha.

Is-suċċess taż-żewġ proġetti pilota msejħin “MARSUNO” u “BluemassMed” jikkontribwixxi għal dan ix-xogħol. Il-ħolqien tas-CISE jikkostitwixxi l-ewwel pass biex ikun hemm skambju mtejjeb tad-dejta bejn madwar 400 awtorità settorjali madwar l-UE kollha. Dan huwa wkoll l-ewwel pass biex tinkiseb koordinazzjoni aħjar bejn l-attivitajiet settorjali marbutin mat-trasport marittimu, il-ħarsien tal-bastimenti kummerċjali, il-missjonijiet ta' difiża pprovduti mill-forzi navali, il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u l-kontroll tad-dwana, il-prevenzjoni tas-sajd illegali u tat-tniġġis u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar.

Sa mill-2009 ’l hawn, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu minn ta' quddiem nett fit-titjib tas-sigurtà marittima. L-għan huwa li jiġi eliminat it-trasport marittimu ta' kwalità inferjuri, li jiżdied il-ħarsien tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġi, li jiġu evitati l-aċċidenti u li jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis ambjentali. L-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima tal-2009 ttejjeb il-kwalità tal-bastimenti li jtajru bnadar Ewropej, ix-xogħol li jsir mill-għaqdiet ta' klassifikazzjoni, l-ispezzjonar tal-bastimenti fil-portijiet, il-monitoraġġ tat-traffiku, l-investigazzjoni tal-aċċidenti, u l-ħarsien tal-vittmi.

L-iżgurar tas-sigurtà tal-fruntieri marittimi Ewropej hija sfida għall-Istati Membri. Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri, bil-għan li jissaħħaħ il-kontroll tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen u li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-Istati Membri jnaqqsu l-imwiet fuq il-baħar u l-għadd ta' immigranti irregolari li jidħlu fl-UE.

3.3.        Impjiegi fis-settur marittimu u mobbiltà professjonali

Bosta industriji marittimi m’għandhomx biżżejjed nies li għandhom il-kwalifiki, il-ħiliet u l-esperjenza x-xierqa. Tnedew azzjonijiet biex jiġu stabbiliti karrieri marittimi attraenti bbażati fuq il-mobbilità bejn is-setturi u l-pajjiżi u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri.

Wara l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar it-Trasport Marittimu għall-2018, f'Ġunju 2011 Task force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività fis-settur Marittimu pprovdiet ċerti rakkomandazzjonijiet, fosthom li titlesta r-reviżjoni tal-esklużjoni tal-baħħara mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar ix-xogħol, li tiġi aġġornata d-Direttiva dwar it-taħriġ tal-baħħara u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu.

Fil-21 ta' Mejju 2012, il-kumitat tad-djalogu soċjali tal-UE adotta ftehim li jimplimenta partijiet mill-Konvenzjoni Nru 188 tal-ILO dwar ix-xogħol fis-settur tas-sajd sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda abbord. Fuq talba komuni tas-sieħba soċjali tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li dan il-ftehim jiġi implimentat permezz ta' Direttiva tal-UE skont l-Artikolu 155 tat-TFUE. L-ewwel nett, iżda, se tiġi vvalutata l-kompatibbiltà sħiħa tal-ftehim mal-liġi eżistenti tal-UE.

Mill-2007 sal-2010, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (l-FP7) ipprovda kontribuzzjoni finanzjarja ta' madwar EUR 1.4 biljun għal azzjonijiet marbutin mar-riċerka marittima u mar-riċerka dwar il-baħar, jiġifieri kontribuzzjoni ta’ madwar 6.4 % tal-fondi tiegħu. Minn dan l-ammont, EUR 89 miljun intefqu fuq il-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi.

Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-inizjattivi msejħin “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u “Żgħażagħ Attivi”, li huma żewġ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għandhom l-għan li jżidu r-rati tal-impjiegi u li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni fl-UE.

4.           Ir-riċerka, l-għarfien u l-utenti aħħarin: innaqqsu d-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni

L-industrija marittima Ewropea hija kkaratterizzata mill-innovazzjoni u minn swieq ta' kwalità għolja. Il-Kummissjoni qed issaħħaħ dan il-vantaġġ kompetittiv billi tiżviluppa programm ambizzjuż ta' riċerka dwar il-baħar u tiffaċilita l-aċċess għad-dejta marbuta mal-baħar għal skopijiet ta' innovazzjoni.

4.1.        Niżguraw li l-Ewropa tkun minn ta' quddiem nett fil-qasam marittimu permezz tal-innovazzjoni u r-riċerka

L-Istrateġija tal-UE għar-riċerka tal-baħar u dik marittima ilha tiġi implimentata mill-Kummissjoni sa minn tmiem l-2008 sabiex timmassimizza l-valur tal-ekonomija marittima b'mod sostenibbli.

Bejn l-2007 u l-2010, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għar-riċerka marbuta mal-baħar u għall-innovazzjoni ammontat għal EUR 1.4 biljun, imqassma bejn 644 proġett. Tliet talbiet konġunti tal-FP7, li jaqgħu taħt it-tikketta tal-proġett imsejjaħ “L-Oċean ta' Għada”, appoġġaw proġetti multidixxiplinari marittimi u marbuta mal-baħar biex b’hekk ingħatat kontribuzzjoni totali ta' EUR 134 miljun min-naħa tal-UE. Minbarra dan l-isforz, fl-2012 tnedew suġġetti kkoordinati sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, li b’kollox ammontaw għal kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-UE ta' EUR 42 miljun.

Il-mekkaniżmi mtejba ta' governanza, bħall-forum imsejjaħ “MARCOM+” u s-sħubija msejħa “EMAR2RES”, ukoll jikkontribwixxu għal riċerka aktar koerenti billi jtejbu l-interazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industriji u dawk li jfasslu l-politika.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC) ipprovda parir xjentifiku indipendenti bbażat fuq l-evidenza sabiex jappoġġa l-iżvilupp tal-politiki tal-UE bħal dawk tas-sajd, tal-ambjent u tas-sigurtà u s-sikurezza marittima.

4.2.        Naqsmu l-għarfien dwar il-baħar sabiex niffaċilitaw l-innovazzjoni, l-investiment u t-tfassil sod tal-politika

Biex ikun hemm tkabbir sostenibbli u oċeani b’saħħithom u produttivi, huwa ferm importanti li jkun hemm għarfien aħjar. In-natura fframmentata li bħalissa tikkaratterizza d-dejta dwar il-baħar twassal għal ħela tar-riżorsi tal-utenti ta' din id-dejta, li jeħtieġu aċċess veloċi għal gruppi ta' dejta multipli. In-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta dwar l-ibħra (European Marine Observation and Data Network - EMODnet) itejjeb l-aċċess għad-dejta u jnaqqas l-ispejjeż għall-utenti, jistimula l-innovazzjoni u jnaqqas l-inċertezza fir-rigward tan-natura tal-ibħra tagħna. Il-Green Paper “Għarfien dwar il-Baħar 2020” għandha l-għan li tipprovdi qafas komprensiv li jissimplifika l-fluss tad-dejta mill-osservazzjoni lokali inizjali sal-interpretazzjoni, l-ipproċessar u t-tixrid tagħha mal-Ewropa kollha.

Il-Kummissjoni, flimkien ma' iktar minn 50 organizzazzjoni, qed taħdem biex ikun hemm mappa diġitali b'multiriżoluzzjoni kontinwa ta’ qiegħ l-ibħra Ewropej, li għandha tkun disponibbli għall-industrija, għar-riċerkaturi u għall-awtoritajiet pubbliċi sal-2020. Il-gruppi ta' ħidma tematika dwar l-idrografija, il-ġeoloġija, il-kimika, il-bijoloġija u l-ħabitats diġà wasslu għal fehim aħjar tal-politiki marbutin mad-dejta tad-detenturi tad-dejta fl-UE. Erbgħa mill-ħames gruppi qiegħdu għad-dispożizzjoni, mingħajr ħlas, dejta li qabel kien diffiċli li wieħed jaċċessaha, fuq portalli fuq l-internet.

Dettalji estensivi dwar dan qed jiġu ppreżentati fl-evalwazzjoni interim tal-EMODNet, li ġiet adottata mill-Kummissjoni f'Awwissu 2012 flimkien ma' Green Paper imsejħa “Għarfien dwar il-Baħar 2020 - mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku”.

5.           Il-benefiċċji territorjali tal-politika marittima

Ir-reġjuni kostali għandhom riżorsi rinnovabbli essenzjali għat-tkabbir marittimu, fosthom l-enerġija mill-ilma, mill-mewġ, mir-riħ, mill-marea u tal-bijomassa. It-turiżmu kostali jiddependi fuq ambjenti tal-baħar li jkunu attraenti u b’saħħithom. Minħabba li l-esklużjoni soċjali tista' tkun partikolarment qawwija fiż-żoni kostali u fil-gżejjer, huwa essenzjali li tiġi żviluppata ekonomija marittima inklużiva.

5.1.        Politika reġjonali

L-Ewropa hija entità kemm territorjali kif ukoll marittima. Biex is-setturi marittimi jappoġġaw it-tkabbir fuq l-art, trid tiżdied il-konnettività. Il-Komunikazzjoni tal-2011 imsejħa “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” talbet lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex iwaqqfu Pjattaformi ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti dwar il-politiki tar-riċerka, reġjonali, tal-intrapriżi, tal-innovazzjoni u tal-edukazzjoni. Dan l-approċċ jista' jikkoordina aħjar l-ipprogrammar immirat lejn l-iżvilupp tar-reġjuni kostali u tal-ekonomiji tagħhom.

Il-proposta dwar Dispożizzjonijiet Komuni u dwar Qafas Strateġiku Komuni bil-għan li jingħaqdu bejniethom il-prijoritajiet tal-investiment tal-politiki li jikkonċernaw il-koeżjoni, l-iżvilupp rurali, is-sajd u l-affarijiet marittimi bejn l-2014 u l-2020 hija pass ieħor 'il quddiem f’din id-direzzjoni.

Bosta proġetti marittimi ngħataw appoġġ mill-fondi tal-UE għall-politika reġjonali. Eżempji ta’ dawn jinkludi l-unitajiet ta' desalinizzazzjoni jew il-proġetti tal-infrastruttura lil hinn mill-kosta maħsuba għad-dimostrazzjoni tal-ħolqien tal-enerġija mill-mewġ Bosta Programmi ta' Kooperazzjoni Transkonfinali tal-UE wkoll ippromwovew it-tkabbir marittimu, inklużi l-proġetti li qed jeżaminaw l-alga bħala sors potenzjali ta' bijofjuwil u li qed iħarsu lejn l-aqwa prattiki fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjuni kostali.

5.2.        Strateġiji għall-baċiri tal-baħar

Il-kooperazzjoni transnazzjonali fil-livell tal-baċiri tal-baħar tikkostitwixxi approċċ effiċjenti lejn l-iżvilupp tal-ekonomija marittima u lejn il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar. L-istrateġiji għall-baċiri tal-baħar jipprovdu għall-karatteristiċi ekonomiċi tal-baċiri tal-Ewropa, filwaqt li jippermettu użu aħjar tal-flus pubbliċi. Billi jallinjaw flimkien il-fondi Ewropej u dawk nazzjonali eżistenti fir-rigward tal-prijoritajiet tat-tkabbir miftehma, dawn jaġixxu bħala muturi ekonomiċi fir-reġjuni marittimi.

L-istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku ħolqot aktar minn 80 proġett ewlieni; l-impatt tagħhom huwa deskritt fid-dettall fir-Rapport ta' Progress adottat f'Ġunju 2011. L-Istrateġija tinkludi miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis mill-bastimenti, biex jiġi żviluppat trasport marittimu sostenibbli fuq distanzi qosra, biex tiġi ttrattata l-ewtrofikazzjoni, biex jinħolqu gruppi ġodda ta’ SMEs innovattivi, biex tiġi appoġġata r-riċerka u biex jiġu integrati s-sistemi ta' sorveljanza marittima.

F'Novembru 2011, ġiet adottata Strateġija Marittima għall-Atlantiku biex tixpruna l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fiż-żona tal-Atlantiku billi jitjieb il-potenzjal marittimu ta’ din iż-żona. Forum Atlantiku bħalissa qiegħed jidentifika l-azzjonijiet prijoritarji permezz ta' Pjan ta' Azzjoni li għandu jiġi adottat fl-2013. Dan se jippermetti l-użu strateġiku tal-fondi strutturali tal-UE biex jiġi appoġġat it-tkabbir marittimu fil-perjodu mill-2014 sal-2020.

Il-Komunikazzjoni bit-titlu “Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran” ġiet adottata fl-2009 bil-għan li ttejjeb il-governanza tal-affarijiet marittimi u l-ħarsien ambjentali. Ir-reġjuni u l-Istati Membri allokaw xi fondi tal-2007 sal-2013 li kienu allokati għall-kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-għanijiet marittimi. Permezz tal-proġett “IMP-MED”, li qed jitwettaq fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, issa qed tiġi pprovduta assistenza teknika biex ikun appoġġat it-tkabbir li jinħoloq mill-baħar u biex jittejjeb it-tfassil tal-politika marittima f'pajjiżi msieħba fil-proġett li mhumiex membri tal-UE.

L-Italja, is-Slovenja, il-Greċja u l-Kroazja kkommettew ruħhom għal kooperazzjoni marittima aktar b'saħħitha fil-livell subreġjonali fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Jonju. Qed tiġi żviluppata strateġija marittima sabiex jiġu ddefiniti l-oqsma prijoritarji għat-tkabbir u sabiex jiġu allokati l-fondi tal-UE skont dan

Qed isiru passi ’l quddiem ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, wara avveniment ta’ livell għoli organizzat mal-Bulgarija u r-Rumanija f'Ottubru 2011 li fih kien hemm skambju tal-ideat.

F'Ġunju 2012, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà adottaw Komunikazzjoni li pproponiet 28 punt ta' azzjoni favur l-impenn kostruttiv tal-UE fl-Artiku. Din il-Komunikazzjoni tappoġġa ġestjoni effettiva tal-Artiku bbażata fuq l-għarfien, ir-responsabbiltà u l-impenn biex jintlaħqu l-isfidi strateġiċi, ekonomiċi u ambjentali ta’ dan ir-reġjun, li qegħdin jiżdiedu dejjem aktar.

6.           Inħarsu l-ekosistemi tal-baħar - kundizzjoni tat-tkabbir u fattur li jwassal għalih

L-UE għandha l-ikbar territorju marittimu fid-dinja. Jeħtieġ li nħarsu s-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar għall-futur tal-bijodiversità tal-oċeani u biex nappoġġaw it-tkabbir marittimu. Minħabba li l-kumpaniji marittimi Ewropej ta’ spiss ikunu minn ta' quddiem nett fil-qasam tat-teknoloġija ambjentali innovattiva, il-liġijiet fil-qasam ambjentali wkoll jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku tagħna.

6.1.        L-isfida ta' ekosistemi tal-baħar b’saħħithom

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tal-2008 hija l-pilastru ambjentali tal-PMI. L-għan globali tagħha huwa li sal-2020 jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ilma baħar tal-UE.

Diġà ġew kompluti għadd ta' stadji ewlenin sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fl-2010, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni marbuta mal-kriterji u l-istandards metodoloġiċi għall-valutazzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb, li se jintużaw mill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-programmi ta' monitoraġġ u ta' miżuri kosteffikaċi sabiex jiġi żgurat status ambjentali tajjeb fl-ilma baħar tagħhom. Fl-2011, il-Kummissjoni ċċarat ukoll ir-relazzjoni bejn il-valutazzjoni inizjali tal-ilma baħar u l-kriterji għal status ambjentali tajjeb.

Sar progress sinifikanti fit-twaqqif tan-netwerk Natura 2000, iżda għadhom jeżistu xi nuqqasijiet, speċjalment lil hinn mill-kosta. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat il-Linji gwida dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats fl-Estwarji u ż-Żoni Kostali b’attenzjoni partikulari għall-iżvilupp tal-portijiet u t-tħammil. L-istrument finanzjarju tal-Kummissjoni msejjaħ “LIFE+” jikkontribwixxi għall-ġestjoni tan-Netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar billi jiffavorixxi miżuri innovattivi tal-ħarsien kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

6.2.        Adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha

It-tibdil fil-klima jista' jkollu konsegwenzi drammatiċi għar-reġjuni kostali, inklużi t-theddid għad-difiżi kostali, l-erożjoni, l-għargħar u ż-żieda fil-livell tal-baħar, u jista' jkollu impatti akbar meta dan jitħallat ma' pressjonijiet oħrajn fuq l-ambjent tal-baħar. F'Marzu 2012, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma Ewropea għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, li hija l-aktar websajt komprensiva għall-informazzjoni dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-vulnerabbiltajiet fl-Ewropa. Din il-pjattaforma għandha l-għan li tappoġġa lil dawk li jfasslu l-politika fl-iżvilupp ta’ miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, inkluż fiż-żoni kostali.

6.3.        Nindirizzaw it-tniġġis tal-arja li ġej mill-bastimenti

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHGs) mit-trasport marittimu internazzjonali bħalissa jirrappreżentaw madwar 3 % tal-emissjonijiet globali tal-GHGs. Dan l-ammont x'aktarx jiżdied minħabba ż-żieda fil-kummerċ dinji u fid-domanda għat-trasport marittimu. Fl-2011, il-Kummissjoni stabbiliet l-għan li l-emissjonijiet tal-GHGs mit-trasport marittimu fl-UE jitnaqqsu b'40 % sal-2050. Il-proġetti ta' kooperazzjoni biex jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet tal-GHGs mill-bastimenti fl-Ewropa tnedew mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, mill-Istitut Meteoroloġiku tal-Finlandja u mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Fl-2011, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal emenda tad-Direttiva 1999/32/KE biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-kubrit li ġejjin mit-trasport marittimu u biex jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-problemi tal-kwalità tal-arja fl-UE li jaffettwaw is-saħħa umana u tal-aċidifikazzjoni.

7.           Ġestjoni aħjar tal-affarijiet marittimi

Ġestjoni tajba, flimkien ma' koordinazzjoni tajba fl-Istati Membri, fir-reġjuni kostali, fl-industriji u fil-partijiet interessati u bejniethom, hija essenzjali biex tiġi żviluppata l-ekonomija marittima bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli possibbli. Il-fluss tal-informazzjoni, tad-dejta u tal-aqwa prattiki jista' jaċċellera l-investiment u l-innovazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxi għal ħarsien aħjar tal-ambjent.

7.1.        Żviluppi fl-Istati Membri

Kulma jmur, l-Istati Membri qegħdin japplikaw dejjem aktar approċċi kkoordinati għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima tagħhom permezz ta' strateġiji nazzjonali, bħalma jiġri, pereżempju fi Franza, il-Portugall u l-Ġermanja, jew permezz ta' inizjattivi speċifiċi bħall-Att tal-Baħar tar-Renju Unit, l-Istrateġija Marittima tad-Danimarka u l-istrateġija tax-xjenza tal-Irlanda. Fl-2011, il-Ġermanja adottat ukoll pjan sabiex tixpruna l-ekonomija marittima tagħha.

Għadd ta' Stati Membri stabbilixxew koordinazzjoni interministerjali jew ħolqu pożizzjonijiet fil-ministeri, bħal Ċipru, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja. Xi reġjuni marittimi, bħal Schleswig-Holstein, Västra Götaland u Bretagne, komplew jiżviluppaw l-istrateġiji marittimi reġjonali tagħhom mill-2009 'l hawn.

Fl-2010, 17-il Stat Membru u pajjiżi assoċjati nedew l-Inizjattiva ta' Pprogrammar Konġunt bl-isem “Oċeani u Ibħra b'saħħithom u produttivi” sabiex jippromwovu s-sinerġiji bejn ir-riżorsi u l-kapaċitajiet tar-riċerka.

7.2.        Żviluppi fil-livell tal-UE

F'Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-PMI, li kkonfermat il-validità tal-approċċ integrat fir-rigward tal-affarijiet marittimi, u huwa stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa dimensjoni marittima fl-istrateġija Ewropa 2020.

F'Diċembru 2011, daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata. Dan jipprovdi lill-PMI bl-ewwel programm operattiv tagħha għall-2012 sal-2013; l-implimentazzjoni tiegħu hija deskritta fid-dettall fil-punt 6.2.5 tad-dokument SEC li jakkumpanja ’l dan ir-rapport. Il-bażijiet legali multipli tar-Regolament jirrikonoxxu l-approċċ orizzontali tal-PMI.

Taħt il-Presidenza Svediża (f’Novembru 2009), il-Presidenza Spanjola (f’Ġunju 2010) u dik Pollakka (f’Diċembru 2011), il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali adotta Konklużjonijiet li jirrigwardaw il-PMI u li jinvolvu diversi oqsma tal-politika. Dawn jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi riċenti, filwaqt li jiddikjaraw l-appoġġ tal-Kunsill fir-rigward tal-inizjattivi li għaddejjin bħalissa, u jagħtu spinta lill-iżviluppi futuri.

F'Jannar 2011, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni li enfasizzat l-importanza li jiġi ggarantit is-suċċess tal-PMI għal raġunijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Opinjoni dwar il-PMI fi Frar 2011 li tappoġġa s-sinerġiji transsettorjali u transkonfinali għall-attivitajiet marittimi.

7.3.        Żviluppi fil-livell internazzjonali

F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-2009 dwar id-dimensjoni internazzjonali tal-PMI, il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha fix-xena marittima internazzjonali.

Fil-livell globali, l-UE talbet għal aktar ambizzjoni fir-Riżoluzzjonijiet dwar l-Oċeani u l-Liġi tal-Baħar u dwar is-Sajd Sostenibbli, filwaqt li ppromwoviet sħubija globali fi strumenti ta' governanza marittima bħal, pereżempju, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (“UNCLOS”). Suċċess partikulari ta’ din il-ħidma kien it-tnedija ta' proċess, fil-livell tan-NU, li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jwassal għan-negozjar ta' ftehim ta' implimentazzjoni tal-UNCLOS għall-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar f'żoni li jinsabu lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali. Fil-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f'Rio de Janeiro f’Ġunju 2012, l-UE saħqet ukoll fuq il-progress fil-ħarsien tal-oċeani u tal-ibħra u fuq il-progress fil-governanza marittima. Azzjoni esterna aktar kuraġġuża qed twassal għal suċċess, bi prestazzjoni aħjar tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u żieda fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

L-affarijiet marittimi saru suġġett li jiġi diskuss b’mod regolari mas-sieħba tal-UE bħaċ-Ċina, ir-Russja, il-Ġappun, il-Kanada u l-Istati Uniti. Il-firxa tad-djalogi settorjali bdiet tespandi bil-mod il-mod biex tilqa' fi ħdanha kooperazzjoni aktar vasta fir-rigward tal-affarijiet marittimi globali.

7.4.        Viżibbiltà tal-Ewropa marittima u l-għarfien pubbliku dwarha

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PMI kien li jżid il-viżibbiltà tal-identità marittima tal-Ewropa u l-potenzjal ekonomiku tagħha fost l-Ewropej. L-għarfien pubbliku huwa essenzjali f'oqsma fejn l-interessi marittimi jikkompetu ma' setturi oħrajn għall-appoġġ politiku jew għall-investiment jew fis-suq tax-xogħol.

Sa minn meta tnediet il-Politika Marittima Integrata, il-Eurostat kien involut fil-produzzjoni ta’ statistika maħsuba biex tappoġġa l-politika, bil-għan li tittejjeb id-dejta ekonomika dwar is-setturi u r-reġjuni marittimi. L-inizjattivi marittimi ġew inklużi fil-programmi ta' ħidma tal-Eurostat. Sa mill-2009 ’l quddiem ġiet ippubblikata statistika dwar ir-reġjuni kostali u s-setturi marittimi b'mod regolari.

Għodod interattivi bħall-Forum Marittimu jew l-Atlas tal-Baħar jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni marbuta mal-baħar u jgħinu sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-Ewropa marittima. Il-Jum Marittimu Ewropew, li jiġi ċċelebrat fl-20 ta' Mejju, huwa avveniment ewlieni li permezz tiegħu jiżdied l-għarfien dwar il-potenzjal tal-Ewropa marittima.

8.           Konklużjoni

Il-Politika Marittima Integrata nħolqot biex tafferma mill-ġdid id-dimensjoni marittima tal-Unjoni Ewropea. Bdiet minn din il-viżjoni u żviluppat f'għodda li trendi benefiċċji konkreti għat-tkabbir u s-sostenibbiltà marittima fl-Ewropa. Kif juri dan ir-Rapport, il-kontribut qawwi tas-setturi marittimi għall-ekonomija Ewropea u għall-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 jissaħħaħ permezz ta' azzjoni kkoordinata biex jitnaqqsu l-ispejjeż, tittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi, jitnaqqsu r-riskji, tiġi appoġġata l-innovazzjoni u jsir użu aħjar mill-flus pubbliċi.

Il-Kummissjoni qed toħloq l-aqwa kundizzjonijiet possibbli biex mill-baħar jiġi żvilupp ekonomiku sostenibbli. Abbażi ta' dawn il-kisbiet, l-għan għas-snin li ġejjin huwa t-Tkabbir Blu. Il-Konferenza Ministerjali informali dwar il-PMI, li se ssir matul il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill, se tkun pass importanti ħafna lejn l-ilħiq ta’ dan l-għan. It-Tkabbir Blu se jiftaħ kapitlu ġdid tal-Politika Marittima Integrata – it-tieni wieħed, biex b'hekk tinkiseb ekonomija marittima b'saħħitha li tkun sors ta' innovazzjoni, tkabbir u sostenibbiltà għaċ-ċittadini Ewropej.

[1]               Id-dettalji u r-referenzi ta’ kull inizjattiva msemmija fir-Rapport jinsabu fid-dokument SWD(2012) 255 finali li jakkumpanjah.

Top