EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0433

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu

/* COM/2012/0433 final */

52012DC0433

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu /* COM/2012/0433 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu

1. Introduzzjoni

Is-settur tal-kostruzzjoni għandu rwol importanti fl-ekonomija Ewropea. Jiġġenera kważi 10 % tal-PDG u jipprovdi 20 miljun impjieg, prinċipalment f'intrapriżi żgħar u mikro. Il-kostruzzjoni hija wkoll konsumatur ewlieni ta’ prodotti intermedji (materja prima, kimiċi, tagħmir elettriku u elettroniku, eċċ.) u ta’ servizzi relatati. Minħabba l-importanza ekonomika tiegħu, l-andament fis-settur tal-kostruzzjoni jista’ jinfluwenza b'mod sinifikanti l-iżvilupp tal-ekonomija inġenerali.

Il-kwalità tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni għandha wkoll impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej. Aktar minn hekk, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi fil-manifattura, it-trasport u l-użu tal-prodotti tal-kostruzzjoni tal-bini u l-infrastrutturi għandhom impatt importanti fuq l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

Il-kompetittività ta' kumpaniji tal-kostruzzjoni hija għalhekk kwistjoni importanti mhux biss għat-tkabbir u l-impjiegi b’mod ġenerali iżda wkoll biex tassigura s-sostenibbiltà tas-settur.

Is-settur jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi[1] billi tiżdied l-attività tiegħu f'xi oqsma promettenti ħafna, bħalma hu dak tar-rinnovazzjoni tal-bini u fl-infrastruttura, b’appoġġ li jasal, pereżempju, minn politiki adegwati biex jippromwovu d-domanda iżda wkoll sabiex ikun inkoraġġit l-investiment. Għaldaqstant, is-settur tal-kostruzzjoni għandu rwol importanti fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050”[2] tgħid li żieda fl-effiċjenza tal-enerġija f’bini ġdid u eżistenti hija kruċjali għal trasformazzjoni fis-sistema tal-enerġija tal-UE.

Settur tal-kostruzzjoni sostenibbli għandu rwol kruċjali biex jintlaħaq l-għan fit-tul ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bi 80-95 %. Skont il-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050[3] il-kontribut tas-settur tal-bini għandu jkun tnaqqis ta' madwar 40 sa 50 % fl-2030 u ta' madwar 90 % fl-2050. L-investimenti meħtieġa għandhom jikkontribwixxu sostanzjalment għall-kompetittività tas-settur tal-kostruzzjoni Ewropew. Is-settur għandu wkoll rwol importanti fl-adattament għall-bdil fil-klima u l-flessibilità għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem billi jippromwovi l-investimenti fit-tul li jifilħu għad-diżastri.

Madankollu, is-settur tal-kostruzzjoni għandu ma’ wiċċu għadd ta’ problemi strutturali, bħan-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa f’bosta kumpaniji, il-problema li ż-żgħażagħ ma jarawx is-settur attraenti minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kapaċità għall-innovazzjoni limitata u l-fenomenu ta’ xogħol mhux iddikjarat. B’mod iktar ġenerali, is-sitwazzjoni attwali ta’ din l-industrija tista’ tiġi kkaratterizzata minn tliet elementi bażiċi.

L-ewwel nett, is-settur tal-kostruzzjoni huwa wieħed mill-iktar li ntlaqtu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika (ix-xogħlijiet ta’ bini u infrastrutturali naqsu b'16 % bejn Jannar 2008 u Novembru 2011 madwar l-UE-27[4]). It-tieni, hemm żieda fil-kompetizzjoni minn operaturi mhux Ewropej mhux biss fis-swieq internazzjonali, iżda wkoll fis-suq intern, b’mod partikulari fir-rigward ta’ proġetti ta' infrastruttura. Din il-kompetizzjoni esterna mhux dejjem topera b’mod ġust; Il-kumpaniji tal-UE spiss iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż ferm ikbar minn dawk ta’ kumpaniji mhux Ewropej. Fl-aħħar, il-kwistjonijiet tal-enerġija u dawk ambjentali ħolqu dinamika ġdida fost il-kumpaniji u stimulaw inizjattivi varji fis-settur pubbliku li saru fatturi ewlenin tal-kompetizzjoni tas-suq. Min-naħa tal-intrapriżi ta’ kostruzzjoni diġà sar progress sinifikanti iżda l-ilħuq tal-objettivi tal-UE dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent jeħtieġu bidliet sinifikanti li s-settur se jbati biex jindirizzahom mingħajr appoġġ politiku xieraq.

Din il-Komunikazzjoni tidentifika l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur bejn illum u l-2020 fejn jidħlu l-investiment, il-kapital uman, il-ħtiġijiet ambjentali, ir-regolamentazzjoni u l-aċċess għas-swieq, u tipproponi inizjattivi biex tappoġġa s-settur għal dan il-għan. Fiż-żmien li ġej, l-enfasi trid titqiegħed fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati t-tkabbir u l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni bi tweġiba għall-kriżi. Aktar fit-tul, l-isfidi li qed taffaċċja l-industrija se jkunu qed jirrikjedu strateġija miftiehma u kkoordinata fil-livell Ewropew sabiex jitjieb il-funzjonament tal-katina tal-valur, b’mod partikulari permezz ta’ sħubiji volontarji bejn is-settur privat u dak pubbliku kif ukoll permezz ta’ qafas regolatorju adegwat, fejn meħtieġ.

2. Il-qagħda preżenti u l-isfidi ewlenin

Id-diversità tal-attivitajiet fi ħdan kull fergħa fis-settur tal-kostruzzjoni tirriżulta f'realtajiet kontrastanti fejn jidħlu kwistjonijiet soċjoekonomiċi, organizzattivi, kulturali u teknoloġiċi u l-adattament għal regolamenti u opportunitajiet tas-suq ġodda.

Hemm sfidi globali li jistgħu jsiru fatturi li jinstigaw it-tkabbir sostenibbli fil-perjodu medju kemm-il darba l-miżuri xierqa jittieħdu issa. Dan jista’ jirriżulta fl-iżvilupp ta' firxa ta’ servizzi li jindirizzaw kwistjonijiet bħas-saħħa u s-sigurtà, l-effiċjenza fl-enerġija, il-kostruzzjoni li tirrispetta l-ambjent (green building), il-flessibilità f’każ ta’ diżastri, il-klima ta’ ġewwa l-bini, l-użu mill-ġdid/l-irkupru/riċiklaġġ u l-iddisinjar tal-bini skont l-eżiġenzi. Jekk jiġu indirizzati tajjeb, dawn l-isfidi jistgħu wkoll jiftħu opportunitajiet ġodda tas-suq.

2.1 Il-kuntest makroekonomiku ġenerali

Il-kriżi finanzjarja affettwat b’mod partikulari s-settur tal-kostruzzjoni; kien hemm tnaqqis kbir fid-domanda speċjalment fis-suq tar-residenzi privati iżda wkoll fi swieq oħra, eż. fis-suq tal-infrastruttura. Ix-xejriet ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. F'xi wħud, it-tifqigħ tal-bużżieqa tas-settur tad-djar kien wieħed mill-fatturi li ta bidu għall-kriżi u kompla jnaqqas l-attività b’mod sinifikanti fis-settur[5]. F’oħrajn, is-settur qed ibati b’mod partikulari mill-kontrazzjoni tas-swieq tal-kreditu. Ir-restrizzjonijiet fuq l-infiq pubbliku minħabba l-kriżi se jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq l-investimenti fix-xogħlijiet tal-infrastruttura.

Xi pajjiżi investew f’pakketti ta’ stimulu bħala rispons għall-kriżi, pereżempju b’investimenti fi proġetti tal-infrastruttura, rata mnaqqsa tal-VAT għal kostruzzjonijiet ġodda u/jew għar-rinnovazzjoni tal-bini, rati tal-imgħax preferenzjali għall-ipoteki, eċċ. Madankollu, huma biss dawk l-approċċi li jinkludi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet u l-kwalifiki, l-innovazzjoni u l-ekonomija “ħadra” li se jkollhom ukoll effetti fit-tul fuq il-kompetittività tas-settur. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal formulazzjoni xierqa ta’ politika li tistimula t-tkabbir u l-impjiegi fiż-żmien li ġej iżda wkoll ristrutturar fis-settur tal-kostruzzjoni aktar fit-tul.

2.2 Ir-riżultati tal-katina tal-valur

Is-swieq tas-settur tal-kostruzzjoni tal-UE kif ukoll is-settur fih innifsu huma frammentati ħafna, b’ħafna mikrointrapriżi, differenzi kbar bejn l-Istati Membri fl-andament tas-settur u diffikultajiet konsiderevoli fit-tixrid ta’ prassi tajba. Integrazzjoni aħjar tal-katina tal-valur iżżid b’mod sinifikanti l-ambitu tal-effetti li jinfirxu fl-innovazzjoni b’riżultat tal-kollaborazzjoni.

Il-kostruzzjoni fuq il-post, u sa ċertu punt il-manifatturi tal-prodotti tal-kostruzzjoni, se jkunu qegħdin jaffaċċjaw dejjem iżjed il-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa. Irid jiġi sostitwit ukoll l-għadd enormi ta' nies tas-sengħa li se jkunu qed jirtiraw bejn illum u l-2020[6], li jirrappreżenta żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-industrija u tat-trasport. In-nuqqas kroniku ta’ skarsezza ta' ħaddiema tas-sengħa jista’ jiġi spjegat, fuq naħa waħda, mill-fatt li ż-żgħażagħ ma jarawx is-settur attraenti u, fuq l-oħra, mill-ħtieġa dejjem tikber għal ħiliet li jikkorrispondu ma’ kwalifiki speċifiċi, xi ħaġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ (kif ukoll is-suq tax-xogħol) isibuha diffiċli jindirizzaw. It-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fir-riżorsi se ġġib ukoll bidliet strutturali importanti fis-settur tal-kostruzzjoni, li se jkollu jadatta u jantiċipa l-ħtiġijiet għall-ħiliet u l-kompetenzi f'dawn l-oqsma. Dan huwa l-każ, b’mod speċjali, fir-rigward tal-preparazzjoni tal-forza tax-xogħol għall-kostruzzjoni ta’ “bini b'konsum ta' enerġija kważi żero”, sew jekk qed nitkellmu fuq bini ġdid u sew jekk dak irrinovat. L-użu ta' teknoloġiji li jiffaċilitaw ix-xogħol u l-użu ta’ prattiki flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol ukoll se jkunu qed jitolbu bidliet fil-ħiliet u l-kwalifiki fil-kostruzzjoni.

L-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għadu pjuttost baxx meta mqabbel mal-industrija b’mod ġenerali. Madankollu, dan jista’ jiġi spjegat mit-talbiet kbar għal ħaddiema tal-id u mill-fatt li l-interess prinċipali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni huwa li jintegraw l-iżviluppi teknoloġiċi disponibbli esternament fl-attivitajiet tagħhom. Is-settur probabbilment se jintensifika l-isforzi tiegħu fir-riċerka u l-innovazzjoni biex ilaħħaq mal-konsum għoli tal-inputs (bħall-minerali metalliċi u mhux metalliċi, il-kimiċi u l-injam) u l-produzzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ skart. Barra minn hekk, l-industrija qed tiżviluppa aktar u aktar materjali li huma aktar faċli biex jinġabru u jintużaw mill-ġdid u sistemi tal-bini jew “soluzzjonijiet għall-bini” li jiffaċilitaw “it-twaqqigħ” tax-xogħlijiet u l-użu mill-ġdid tal-materjali. Dawn l-isforzi huma f'konformità mar-rekwiżit bażiku ġdid elenkat fir-Regolament tal-Prodotti tal-Kostruzzjoni dwar l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, kif ukoll mal-Inizjattiva tal-Materja Prima (RMI), permezz tal-possibbiltà li tiġi żviluppata l-aħjar prassi fil-ġbir u t-trattament tal-iskart, speċjalment fl-irkupru/l-użu mill-ġdid ta’ materjali ta’ valur mill-iskart, u permezz tal-appoġġ għar-riċerka dwar inċentivi ekonomiċi għall-irkupru/għar-riċiklaġġ. Madankollu, l-inizjattivi tal-UE u dawk nazzjonali jeħtieġ jaċċelleraw l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u tal-aħjar prassi.

2.3 L-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

Kif imħabbar fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[7], l-introduzzjoni ta’ Bini b'Konsum ta’ Enerġija Kważi Żero (NZEB)[8] se tkun sfida ewlenija għas-settur tal-kostruzzjoni. Is-suq għandu diversi snin biex jadatta iżda hemm bżonn ta’ appoġġ lill-atturi kollha tas-suq, li jvarjaw minn korpi pubbliċi (li jridu jimplimentaw sentejn bil-quddiem) sa kumpaniji tal-kostruzzjoni, disinjaturi, żviluppaturi, eċċ. L-adattament se jkun meħtieġ ukoll għal oqsma bħal dak tal-istruttura ta’ finanzjament, l-akkwist, l-edukazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

Filwaqt li l-għadd ta’ bini “b’konsum baxx tal-enerġija” qed jikber, għadha ma ntlaħqitx il-massa kritika u l-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mexjin bil-mod wisq. L-infurzar tal-qafas regolatorju, flimkien ma’ politiki fiskali adegwati, għandhom jgħinu biex tintlaħaq il-massa kritika.

Hekk ukoll, fil-qasam tar-rinnovament tal-binjiet eżistenti, hemm bżonn li jsir iżjed biex jiżdied l-iffrankar tal-enerġija. Barra minn hekk, l-għadd ta' bini eżistenti li għaddej minn rinnovament estensiv huwa relattivament modest. “L-Istrateġija għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u b’sigurtà”[9], “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”[10] u “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050”[11] għaldaqstant jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ aktar azzjoni fil-qasam tal-bini, speċjalment favur ir-rinnovazzjoni. Irridu nkomplu mexjin f’dil-linja.

L-infrastruttura tat-trasport għandha impatt ambjentali enormi kif ukoll konsum sostanzjali tal-enerġija u ta’ materja prima li tiġġenera ħafna skart. In-netwerks tal-infrastruttura għandhom jagħtu kontribuzzjoni kbira għal Ewropa aktar sostenibbli.

2.4 Il-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi tal-kostruzzjoni fl-UE u fis-swieq internazzjonali

Il-kompetizzjoni fis-swieq tal-UE tjiebet permezz tal-applikazzjoni tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, l-implimentazzjoni tad-direttiva tas-servizzi u l-adozzjoni tal-istandards Ewropej dwar l-iddisinjar tal-bini u dwar il-kostruzzjoni (“Eurocodes”). Madankollu, il-kumpaniji tal-UE involuti f'din il-kompetizzjoni ma jkunux dejjem fuq l-istess livell, speċjalment ma’ kumpaniji mhux Ewropej li huma spiss soġġetti għal rekwiżiti soċjali u ambjentali inqas stretti u li jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji tal-UE u l-kumpaniji li mhumiex mill-UE jikkompetu għall-kuntratti pubbliċi fuq l-istess livell mingħajr ma jipperikolaw il-kisbiet soċjali u ambjentali tal-UE.

Is-sitwazzjoni fis-swieq internazzjonali hija terġa’ aktar diffiċli. L-industrija spiss tiffaċċja diffikultajiet serji mhux biss mill-aspett tekniku iżda wkoll f’dawk li huma l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’pajjiżi oħra, eż. iċ-Ċina, li jillimitaw l-opportunitajiet ta’ aċċess f’dawn is-swieq. Madankollu, filwaqt li s-swieq Ewropej tal-kostruzzjoni huma mistennija jikbru b’rata aktar bil-mod mis-swieq il-ġodda, is-settur se jeħtieġlu jiżviluppa u jżomm perspettiva globali aktar f’saħħitha. Huwa importanti għall-kumpaniji tal-kostruzzjoni tal-UE li l-pajjiżi terzi jiftħu s-swieq tagħhom għal kumpaniji tal-UE biex ikunu jistgħu jikkompetu fil-kuntratti. L-UE għandha ssaħħaħ is-setgħa tagħha li tingaġġa pajjiżi mhux mill-UE f’negozjati biex jiftħu aktar is-swieq kummerċjali kif ukoll dawk tal-akkwisti tagħhom, li tinvestiga l-possibbiltà ta’ prattiki tal-akkwisti diskriminatorji u li tibda konsultazzjonijiet mal-pajjiż ikkonċernat biex issolvi t-tilwim marbut mal-aċċess għas-suq.

3. l-istrateġija ewropea għall-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-kostruzzjoni

Bi tweġiba għall-isfidi ewlenin deskritti hawn fuq, tfasslet strateġija Ewropea għall-10 snin li ġejjin. Hija maħsuba biex tikkomplimenta l-istrateġiji żviluppati mill-intrapriżi fis-settur tal-kostruzzjoni stess sabiex itejbu l-kompetittività tagħhom u sabiex jirrispondu għall-isfidi tas-soċjetà.

Din l-istrateġija tiffoka fuq ħames objettivi ewlenin: (a) tistimula kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment; (b) ittejjeb il-bażi tal-kapital uman fis-settur tal-kostruzzjoni; (c) ittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi, il-prestazzjoni ambjentali u l-opportunitajiet ta’ negozju; (d) issaħħaħ is-Suq Intern għall-kostruzzjoni; (e) trawwem il-pożizzjoni kompetittiva globali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE. Kull objettiv ikopri sfidi ewlenin differenti; pereżempju, kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment huma meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bl-istess mod, bażi tajba ta’ kapital uman hija essenzjali għat-titjib tar-riżultati tal-katina tal-valur u biex jiġu adottati soluzzjonijiet innovattivi, b’mod partikulari għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Fuq naħa waħda, l-istrateġija tissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet li jistgħu jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u dawk tal-impjiegi fil-perjodu qasir u dak medju li għandu ma’ wiċċu s-settur tal-kostruzzjoni. Min-naħa l-oħra, tippreżenta għadd ta’ rakkomandazzjonijiet b’perspettiva fit-tul biex tiżgura effetti fit-tul fuq il-kompetittività tas-settur.

3.1 L-istimolu ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment

Ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-proġetti marbuta man-Netwerks Trans-Ewropej jistgħu jaġevolaw it-tkabbir tas-settur tal-kostruzzjoni, u dan filwaqt li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politiki Ewropej tal-Enerġija, tat-Trasport u dawk ta' Koeżjoni. Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-pagamenti li jidħlu tard se ttejjeb il-vijabbiltà finanzjarja tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni, speċjalment tal-bennejja ż-żgħar u tal-artiġjanat, kif ukoll l-aċċess tagħhom għall-kreditu. Fit-tul, is-settur tal-kostruzzjoni għandu jżid il-kapaċità tiegħu tal-innovazzjoni bil-għan li jtejjeb il-produttività tiegħu kif ukoll il-valur miżjud u l-prestazzjoni ambjentali tal-fergħat kollha tal-katina tal-valur.

3.1.1 Miżuri għaż-żmien li ġej

Għandu jkun hemm enfasi partikulari fuq l-inkoraġġiment tal-attività ta’ rinnovazzjoni tal-bini u l-manutenzjoni infrastrutturali, li tirrappreżenta sehem importanti mit-total ta’ impjiegi u produzzjoni tal-kostruzzjoni. B’mod partikulari, ir-rati attwali ta’ rinnovazzjoni tal-bini[12] u l-prattiki f’termini ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huma biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020 għall-iffrankar tal-enerġija. L-adozzjoni tal-miri proposti ta' rinnovament ta’ 3 % tal-bini tal-gvern ċentrali[13] (id-doppju tar-rata annwali ta' rinnovazzjoni) kif ukoll ta’ 2 % tal-bini kollu inġenerali[14] għal livelli kostottimali mhux biss tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi msemmija iżda wkoll tassigura tkabbir ekonomiku u impjiegi fil-livell lokali fl-UE kollha. Madankollu, biex dan it-titjib iħalli r-riżultati mixtieqa jeħtieġ ukoll jingħelbu għadd ta’ ostakli regolatorji, ekonomiċi u finanzjarji.

L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jinfurzaw sewwa d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[15]. F’xi Stati Membri, l-ambizzjoni fqira u n-nuqqas ta’ infurzar tal-kodiċi dwar l-enerġija tal-bini jfixklu l-effiċjenza enerġetika fil-bini u għalhekk jonqsu milli jistimulaw is-settur tal-kostruzzjoni.

L-inċentivi fiskali[16] u l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju huma aċċettati sew mill-operaturi tas-suq u jagħtu spinta lir-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti. Madankollu, l-iskemi nazzjonali u l-impatt tagħhom ivarjaw ħafna. Għaldaqstant, l-iskambju ta’ esperjenzi jista’ jkun utli ħafna biex jinftiehmu l-effetti potenzjali minn angoli differenti kif ukoll ir-riskji tal-implimentazzjoni mhux perfetta u l-konsegwenzi mhux intenzjonati. Wieħed għandu jara li jkun hemm fatturi kumplimentari bejn dawn l-iskemi nazzjonali fuq naħa, u fondi u strumenti finanzjarji tal-UE u dawk privati fuq in-naħa l-oħra, hekk li jkun ottimizzat l-effett ta' ekwità.

L-UE tipprovdi appoġġ u finanzjament permezz ta’ mekkaniżmi varji u l-Istati Membri għandhom jagħmlu iktar użu minnhom. Il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni (2007-2013) jistgħu jintużaw għall-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli mhux biss f'bini kummerċjali u pubbliku imma wkoll fid-djar eżistenti. Barra minn hekk, l-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja bħal JESSICA joffru l-possibbiltà li jsir investiment fi proġetti żgħar għall-iżvilupp u r-riġenerazzjoni ta’ żoni urbani li ma jkunux iffinanzjati permezz ta’ mekkaniżmi normali tas-suq. Il-fondi ta’ ekwità u l-garanziji ta’ self mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u mill-Fond Ewropew għall-Effiċjenza tal-Enerġija (FEEE) flimkien mal-assistenza li tingħata fl-iżvilupp ta’ proġetti lil destinatarji finali, bħal ELENA, jipprovdu wkoll opportunitajiet biex jingħataw għotjiet pubbliċi.

Skema li tista’ tistimula investimenti f'rinnovazzjoni effiċjenti fir-riżorsi hi l-iżvilupp ta’ servizz ta’ operat fl-iddisinjar tal-bini għal proġetti żgħar ta’ rinnovazzjoni b’garanziji kuntrattwali dwar ir-rendiment tal-bini. Dan is-settur tas-suq qed isir interessanti mhux biss għall-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs) iżda wkoll għal kuntratturi żgħar speċjalizzati li jistgħu potenzjalment joffru wkoll garanziji fuq il-prestazzjoni għal firxa ta’ servizzi marbuta mal-bini. L-intervent pubbliku jista’ jsostni l-iżvilupp ta' servizzi bħal dawn, b'mod partikulari fis-settur tal-akkwist pubbliku u dak residenzjali, flimkien mal-iżvilupp ta’ prodotti tal-assigurazzjoni li jistgħu jkopru r-riskji tekniċi relatati mal-garanziji fuq il-prestazzjoni. B'mod partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw l-integrazzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija attiva u l-użu ta' miters intelliġenti.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li l-intrapriżi ta’ kostruzzjoni jkunu jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom stess fi żmien raġonevoli. Id-Direttiva l-ġdida dwar il-Ħlas Tard[17] tintroduċi dispożizzjonijiet aktar stretti, b’mod partikulari billi tarmonizza l-perjodu ta’ ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi lin-negozji, iżżid ir-rata ta' mgħax statutorja għal ħlas tard u tagħmilha possibbli għan-negozji li jiksbu r-rimborż tal-ispejjeż ta’ rkupru tagħhom. Fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistipulaw li s-sottokuntratturi jistgħu jitolbu ħlas dirett mill-awtorità kontraenti għall-provvisti, ix-xogħlijiet u s-servizzi fornuti lill-kuntrattur ewlieni fil-kuntest tal-prestazzjoni tal-kuntratt.

Il-Kummissjoni: · sal-aħħar tal-2012 se tippreżenta analiżi tad-diversi strumenti finanzjarji tal-UE u dawk nazzjonali li jappoġġaw l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini, bil-possibbiltà li tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif il-finanzjament pubbliku jista’ jintuża aħjar biex jistimula r-rinnovazzjoni tal-bini; · fl-2013 se tippreżenta l-konklużjonijiet preliminari ta’ proġett bi prova li jinsab għaddej bħalissa bil-għan li jinvestiga l-ambitu għall-użu ta’ skemi tal-assigurazzjoni li jistgħu jkopru l-garanziji kuntrattwali fuq il-prestazzjoni u s-servizzi transkonfinali, speċjalment għal kuntratturi żgħar tal-bini; · fl-2012 se tvara kampanja ta' informazzjoni għall-intrapriżi dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali fl-Istati Membri kollha · fl-2012 se timplimenta, b'konnessjoni mad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, proġett bi prova għall-infurzar rapidu u effiċjenti ta' talbiet pendenti minn SMEs li joperaw bejn il-fruntieri. L-Istati Membri huma mistiedna: · jiżviluppaw jew isaħħu programmi adegwati għal proġetti ta’ tiswija, manutenzjoni u rinnovazzjoni b’miri ambizzjużi dwar is-sostenibbiltà, inkluż l-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti fiskali u finanzjarji rilevanti (rata mnaqqsa tal-VAT, sussidji speċifiċi, eċċ.) u għal mekkaniżmi ta’ kreditu għal proġetti ta’ rinnovazzjoni b’miri ambizzjużi dwar is-sostenibbiltà. · jippromwovu l-użu ta’ strumenti finanzjarji u ta’ skemi ta’ assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti offruti mill-Fondi Strutturali, il-BEI, il-BERŻ u l-FEEE għal proġetti żgħar ta’ rinnovazzjoni b’garanziji kuntrattwali fuq il-prestazzjonijiet tal-bini, inkluża l-antiċipazzjoni tal-Fondi Strutturali għal bini b'enerġija effiċjenti.

3.1.2 Miżuri għall-perjodu medju u aktar fit-tul

Il-proposta l-ġdida għal Politika ta’ Koeżjoni tal-UE għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020[18] tqiegħed enfasi akbar fuq is-sostenn lil investimenti relatati mal-miri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima u tissuġġerixxi kważi d-doppju tal-ammont allokat għall-enerġija sostenibbli fil-perjodu attwali. Huwa propost li sehem sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni jiġi allokat għal investimenti li jsostnu l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’mod partikolari l-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż għar-rinnovazzjoni tal-bini, u l-istrumenti finanzjarji aktarx ikollhom rwol aktar importanti fil-futur għal proġetti speċifiċi dwar l-effiċjenza tal-enerġija u dwar l-enerġiji rinnovabbli fl-infrastruttura urbana u fis-settur tal-bini.

L-iżvilupp ta’ “Netwerk Ċentrali”, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea, li jiżgura konnessjonijiet tat-trasport effiċjenti u multimodali bejn il-bliet kapitali tal-UE u bliet ewlenin oħra, il-portijiet, l-ajruporti u ċentri ekonomiċi ewlenin oħra, huwa essenzjali għall-ekonomija. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet pakkett ġdid ta' miżuri fid-19 ta’ Ottubru 2011 imfassal biex joħloq qafas favorevoli għall-iżvilupp ta' Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T). Dan il-pakkett jinkludi l-Linji Gwida riveduti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport, il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” b'baġit totali ta' EUR 50 biljun u proposta għall-implementazzjoni minn kmieni ta’ bonds għall-proġetti mal-Bank Ewropew għall-Investiment.

L-objettiv hu li sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2050 ikun hemm fis-seħħ netwerk “komprensiv”, u dan filwaqt li n-netwerk ċentrali jiġi implimentat bħala prijorità sal-31 ta’ Diċembru 2030. Il-passaġġi tan-netwerk ċentrali, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Ottubru 2011, u l-pjattaformi “ tagħhom ” se jlaqqgħu flimkien lill-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll lill-partijiet interessati rilevanti, eż. l-amministraturi tal-infrastruttura u l-utenti, biex jiggarantixxu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u t-trasparenza. Flimkien ma’ dawn il-proposti, se jkun neċessarju allinjament minimu tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tat-taqsimiet transkonfinali tan-netwerks.

L-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni għandhom jgħaqqdu l-attivitajiet ta’ natura teknoloġika[19] mar-riċerka soċjoekonomika fi strumenti bbażati fuq is-suq u fuq in-naħa tad-domanda (it-taħriġ, l-akkwist pubbliku, l-istandardizzazzjoni, l-assigurazzjoni, eċċ.) sabiex iħaffu t-tranżizzjoni mir-riċerka għall-isfruttament ta’ soluzzjonijiet innovattivi. Dan jitlob sħubija usa’ ma’ diversi interessi fl-attivitajiet li jkunu se jiġu ffinanzjati minn diversi strumenti finanzjarji tal-UE sabiex tinkiseb perspettiva usa’ tas-suq u sabiex tinħoloq massa kritika. F’dan ir-rigward, inizjattivi diġà fis-seħħ bħal The Energy-efficient Buildings Public Private Partnership, Culture Heritage, Smart Cities and Communities u reFINE (research for Future Infrastructure Networks in Europe) kapaċi jirrappreżentaw bażi rilevanti fuq xiex jiġu żviluppati dawn is-sħubijiet. Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE tista’ tkun ta’ sostenn għar-riċerka u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma fi programmi nazzjonali u se tkompli wkoll tagħmel enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs, inkluż dwar l-użu tagħhom tal-ICT. B'mod partikolari, l-iżvilupp ta' strateġiji għall-innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, kif propost mill-Kummissjoni bħala prekundizzjoni għall-użu tal-Fondi Strutturali fil-perjodu ta’ programmar li jmiss għal bejn l-2014 u l-2020, se jkun qed jikkontribwixxi biex jagħti appoġġ aktar immirat mill-Fondi Strutturali kif ukoll approċċ strateġiku sabiex nutilizzaw il-potenzjal għat-tkabbir intelliġenti fir-reġjuni kollha[20].

Il-Kummissjoni: · fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni għal bejn l-2014 u l-2020 ipproponiet li sehem sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni jkun effettivament allokat għal investimenti li jappoġġaw il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’mod partikolari l-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż għar-rinnovazzjoni tal-bini, u se tkompli tħeġġeġ l-użu ta’ fondi ta’ rotazzjoni f'dan il-qasam biex tiżgura kontribuzzjoni akbar; · se tiżviluppa sett ċentrali ta’ rekwiżiti għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jridu jiġu ssodisfati minn taqsimiet transkonfinali ta' proġetti tat-TENs sabiex jiżguraw allinjament minimu f'livell tekniku tal-proċessi nazzjonali għal għoti tal-permessi rispettivi; · fir-rebbiegħa tal-2013 se torganizza konferenza dwar l-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni sabiex jiġu identifikati d-diskrepanzi teknoloġiċi tul il-katina kollha tal-valur u biex tiddefinixxi pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati. L-Istati Membri huma mistiedna: · ma’ Stati Membri oħra u mas-settur privat jiżviluppaw inizjattivi koordinati b’mod konġunt li jikkombinaw ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, l-akkwisti innovattivi, iċ-ċertifikazzjoni, l-assigurazzjoni, ir-ragruppamenti interreġjonali, eċċ. biex is-suq ikun ħafif fil-ksib ta' għarfien u teknoloġiji ġodda fil-livell tal-UE u fil-livelli reġjonali. L-UE se tappoġġa dawn l-inizjattivi tal-“Horizon 2020” u tal-“Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju” (COSME) għas-snin 2014-2020, mhux biss permezz ta’ għotjiet diretti iżda wkoll bi strumenti finanzjarji għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi mill-SMEs fl-għamla ta' ekwità u debitu. L-awtoritajiet nazzjonali u dawk reġjonali huma mistiedna jiżguraw użu effiċjenti u komplementari tad-diversi sorsi tal-UE ta’ appoġġ, inklużi l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni sakemm il-programmi operattivi relatati jkunu jippermettu miżuri bħal dawn.

3.2. It-titjib tal-bażi ta’ kapital uman fis-settur tal-kostruzzjoni

Illum il-ġurnata hemm nuqqas sinifikanti ta’ ħaddiema kkwalifikati biex jaħdmu f’intrapriżi ta’ kostruzzjoni fuq il-post u, għalkemm f'livell ftit inqas, dan huwa minnu wkoll fil-każ ta’ prodotti marbuta mal-industrija tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-Ewropa juru varjetà kbira fil-grad ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ diċentralizzazzjoni, fl-istruttura tal-forniment tat-taħriġ, fir-rwol tal-imsieħba soċjali, fl-istrutturi finanzjarji u fil-kontenut tal-kurrikulu.

Hemm bżonn li jsir ippjanar aħjar għall-ħiliet u għall-kwalifiki li se jkun hemm bżonn fil-ġejjieni, li jkun attirat għadd suffiċjenti ta' studenti lejn il-professjonijiet tal-kostruzzjoni rilevanti u li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal titjib fl-ambjent tax-xogħol u fil-ġestjoni tal-karrieri, li jkun hemm aktar mobilità ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni, u li jingħataw aktar servizzi transkonfinali. Dan kollu għandu jqis l-impatt tat-tixjiħ tal-forza tax-xogħol tal-UE u tal-qagħda speċifika tal-aspett tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fis-settur.

3.2.1 Miżuri fiż-żmien li ġej

L-inizjattiva “BUILD UP Skills” li ttieħdet fil-kuntest tal-Programm Ewropew tal-Enerġija Intelliġenti għandha l-għan li tadatta s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet u kwalifiki fejn tidħol l-enerġija effiċjenti u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-“BUILD UP Skills” se twassal għad-definizzjoni ta’ pjani direzzjonali nazzjonali tal-kwalifiki għall-2020 u ssostni t-twaqqif ta’ skemi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni fuq skala kbira kif ukoll it-tfassil tal-kwalifiki hekk li jiġu aġġornati l-istrutturi eżistenti, fejn rilevanti, bl-appoġġ mill-istrumenti ta' finanzjament bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-programm li hemm propost warajh, l-Erasmus Għal Kulħadd. Din għandha twassal għal żieda fl-għadd ta' ħaddiema fis-suq li huma kwalifikati biex jaħdmu fuq il-post u tkabbar il-fiduċja tas-sidien tal-bini biex jinvestu f’titjib fl-enerġija.

Din l-inizjattiva tista’ sservi wkoll bħala bażi għall-identifikazzjoni tal-kurrikuli, il-programmi ta’ taħriġ jew il-ħtiġiet ta’ kwalifiki f'oqsma oħra marbuta mal-kostruzzjoni u l-iżvilupp sostenibbli (eż. l-industrijalizzazzjoni tal-proċess tal-kostruzzjoni, l-użu ta' prodotti u tekniki għall-kostruzzjoni li jkunu innovattivi jew mhux konvenzjonali, ir-rikors għall-ICT fis-sistemi tal-ġestjoni tal-bini, eċċ.).

Il-Kummissjoni: · se tevalwa l-inizjattiva “BUILD UP Skills” u b'mod partikolari se tara jekk għandhiex testendi l-ambitu tal-ewwel inizjattiva biex jinkludi kategoriji addizzjonali ta' professjonisti fl-industrija tal-bini jew ħtiġijiet ta’ kwlalifiki oħrajn b’rabta mal-proċess tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp sostenibbli. L-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-kostruzzjoni u l-istituzzjonijiet edukattivi huma mistiedna: · jinnegozjaw ftehimiet kollettivi li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet b’rabta mal-inizjattiva “BUILD UP Skills” jew ma’ skemi simili oħrajn.

3.2.2 Miżuri għall-perjodu medju u aktar fit-tul

Is-settur tal-kostruzzjoni għandu jtejjeb l-abbiltà tiegħu li jidentifika u jantiċipa xi ħtiġijiet ikun hemm bżonn minn perspettiva strateġika u biex jaħseb għal programmi ta’ taħriġ u għat-tfassil tal-kwalifiki fis-settur skont dan. F’xi pajjiżi jeżistu pjattaformi biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tal-impjiegi u tal-ħiliet fil-ġejjieni b’impatt indirett fuq is-settur tal-kostruzzjoni. Inizjattiva fil-livell Ewropew sostnuta mid-djalogu soċjali kapaċi ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar dawn il-ħtiġijiet, inkluż dwar kemm is-settur ikun lest jadotta prattiki ta' effiċjenza tar-riżorsi u jiġġenera bini sostenibbli, kif ukoll l-abbiltà tas-sistemi edukattivi biex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qed issostni studju mwettaq mill-imsieħba soċjali Ewropej dwar il-fattibilità tat-twaqqif ta’ Kunsilli tal-Ħiliet Settorjali Ewropej. Il-Kunsilli tal-Ħiliet Settorjali Ewropej huma netwerks ta’ osservatorji nazzjonali li janalizzaw lis-suq tax-xogħol u lill-ħiliet fil-livell settorjali, li taħt it-tmexxija tar-rappreżentanti tas-setturi, l-imsieħba soċjali Ewropej, u bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta' min jipprovdi edukazzjoni u taħriġ, jiskambjaw informazzjoni u prassi tajba sabiex joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-evoluzzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi.

Fl-2012 ukoll, il-Kummissjoni se tittestja wkoll il-fattibbiltà fil-kostruzzjoni sostenibbli tal-Alleanzi fil-Ħiliet Settorjali bejn il-fornituri tal-ETV, in-negozji u partijiet interessati oħra, bil-għan li jiġu pprovduti u aġġornati kurrikuli u korsijiet ġodda kif ukoll modi innovattivi ta' kif jitwasslu l-ETV.

Il-promozzjoni u l-użu ta' strumenti żviluppati fil-kuntest tal-politika tal-UE dwar l-edukazzjoni kontinwa għandhom jaġevolaw il-mobbiltà tal-ħaddiema tas-sengħa. Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tistabbilixxi qalba ta' termini u kundizzjonijiet definiti tax-xogħol u l-impjiegi għall-protezzjoni minima tal-ħaddiema li min qed jipprovdi s-servizz fil-pajjiż irid jimxi magħhom. Id-Direttiva b'hekk tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni għall-ħaddiema stazzjonati. Sabiex ikun evitat l-abbuż u l-ksur tar-regoli, u biex jiġi evitat id-“dumping soċjali” fejn il-fornituri tas-servizzi ta’ Stat Membru mhux ospitanti jkunu jistgħu jżommu inqas mill-fornituri tas-servizzi lokali minħabba li l-istandards tax-xogħol tagħhom huma iktar baxxi, l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema trid tittejjeb, b'mod partikolari permezz ta’ informazzjoni aħjar dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli, kooperazzjoni amministrattiva u ta’ skambju ta' tagħrif aktar effiċjenti bejn l-awtoritajiet tal-ispezzjonijiet, spezzjonijiet iktar effettivi u l-introduzzjoni ta' obbligazzjoni in solidum għall-pagi tal-ħaddiema stazzjonati.

Fl-aħħar nett, is-settur qiegħed jiffaċċja sfida doppja minħabba l-bidliet demografiċi. Minn naħa, l-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE għandhom ifittxu strateġiji biex jikkontrobilanċjaw l-għadd dejjem nieżel ta’ ħaddiema żgħażagħ mill-UE li jidħlu fis-settur u l-għadd konsiderevoli ta' ħaddiema li se jirtiraw fis-snin li ġejjin; min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jittejbu hekk li tkun żgurata stennija ogħla tal-għomor. Din l-isfida doppja titlob ambjent tax-xogħol aktar attraenti u attenzjoni akbar għall-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u s-sigurtà fil-ġejjieni, hekk li jiġi evitat l-irtirar bikri minħabba l-inċidenti jew il-mard marbuta max-xogħol.

Il-Kummissjoni: · fil-kuntest tad-Djalogu Soċjali tal-UE, se tkun qed tippromwovi inizjattivi mmirati li jadattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni fejn jidħlu kwalifiki u ħiliet b’rabta mas-settur tal-kostruzzjoni, inkluż rigward l-effiċjenza tar-riżorsi, l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti bażiċi għall-ħiliet fi friegħi speċifiċi u l-iffaċilitar f’dak li hu r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki; · se ssostni l-imsieħba soċjali settorjali Ewropej tal-industrija tal-bini sabiex joħolqu kunsill tal-ħiliet tas-settur Ewropew għas-settur tal-kostruzzjoni; · se tħeġġiġhom jiżviluppaw inizjattivi f'oqsma bħalma huma l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi fil-bini, is-saħħa u s-sigurtà, l-istandards tal-kwalità u t-taħriġ, inkluż l-apprendistat għaż-żgħażagħ. Dawn l-inizjattivi jistgħu jieħdu l-forma ta’ kampanji tal-informazzjoni u ta’ taħriġ u jinkludu, skont il-kuntest nazzjonali, l-immaniġġar konġunt tal-fondi · permezz tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, se tkun qed tittestja l-fattibbiltà tal-alleanzi tal-ħiliet settorjali fil-kostruzzjoni sostenibbli, jiġifieri sħubijiet bejn il-fornituri tal-ETV, in-negozji u partijiet interessati oħra, bil-għan li jiġu pprovduti kurrikuli jew kwalifiki tal-ETV adegwati kif ukoll modi innovattivi ta’ kif jitwasslu l-ETV. L-Istati Membri, l-imsieħba soċjali fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-istituzzjonijiet edukattivi huma mistiedna: · jaġixxu malajr biex jadottaw id-Direttiva proposta riċentement[21] dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta' servizzi; · jistabbilixxu sħubiji li jsostnu skemi adegwati tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli nazzjonali u reġjonali, li jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u dawk li qed jixirfu fis-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikulari biex itejbu l-kapaċità maniġerjali u l-użu tal-ICT; · ivaraw u jsostnu kampanji bil-ħsieb li jagħmlu s-settur tal-kostruzzjoni aktar attraenti għal persuni tal-qatgħa.

3.3 Progress fl-effiċjenza tar-riżorsi, fil-prestazzjoni ambjentali u fl-opportunitajiet kummerċjali

Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[22] jagħti idea ġenerali tal-impatt sinifikanti li l-kostruzzjoni għandha fuq ir-riżorsi naturali, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Titjib sinifikanti fl-attivitajiet tal-kostruzzjoni u fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni tul iċ-ċiku kollu tal-ħajja tagħhom għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għal settur tal-kostruzzjoni u għall-iżvilupp ta' binjiet effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, bil-binjiet il-ġodda kollha jkunu qrib li ma jikkunsmaw xejn enerġija u jkunu effiċjenti fir-riżorsi materjali.

Titjib fl-attivitajiet tal-kostruzzjoni u fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni jiftaħ aktar opportunitajiet ta' negozju, inkluż għall-SMEs, minħabba li l-azzjoni meħtieġa kapaċi tkun tiddependi mill-kundizzjonijiet lokali u tkun waħda li tirrikjedi soluzzjonijiet individwali. Kif diġà ntqal fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, fl-2013 il-Kummissjoni se tippreżenta komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli, fejn se jkomplu jiġu definiti u żviluppati azzjonijiet ta' appoġġ għal settur effiċjenti fir-riżorsi.

Sabiex il-kunċett ta’ kostruzzjoni sostenibbli jinftiehem aħjar u jintuża b'mod aktar wiesa', jeħtieġ jiġu żviluppati indikaturi, kodiċijiet u metodi armonizzati fil-valutazzjonijiet tal-prestazzjonijiet ambjentali fil-każ ta’ prodotti, proċessi u xogħlijiet tal-kostruzzjoni. Dawn għandhom jiżguraw metodu koerenti u li rikonoxxut b’mod reċiproku tal-interpretazzjoni tal-prestazzjonijiet u jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-Suq Intern għall-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni.

Il-Kummissjoni se tipproponi approċċi għar-rikonoxximent reċiproku jew l-armonizzazzjoni tad-diversi metodi ta' valutazzjoni eżistenti, anki bil-għan li tirrendihom iktar operazzjonali u affordabbli għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni, l-industrija tal-assigurazzjoni u l-investituri. Din l-inizjattiva se tibni fuq il-pjattaformi eżistenti, bħalma hu s-CEN Construction Network, il-gwidi bħal dik tal-JRC dwar il-Life Cycle Thinking and Assessment, u l-proġetti Ewropej ta’ riċerka bħas-Superbuildings u l-Open House.

Dan ix-xogħol se jkompli jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' approċċ iktar sistematiku biex ikunu evalwati d-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà ta' proġetti li jridu jiġu ffinanzjati permezz ta’ skemi ta' appoġġ pubbliku, inklużi mudelli minn madwar l-UE dwar l-analiżi ta’ bejn il-kosti u l-benefiċċji. Il-proġetti bi prova żviluppati fil-kuntest tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u tal-politika reġjonali jistgħu jipprovdu lill-awtoritajiet tal-ippjanar u dawk kontraenti l-għodod xierqa, speċjalment għar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti u l-aġġornar tal-infrastruttura tat-trasport.

Partijiet interessati tal-industrija, matul il-konsultazzjoni pubblika, irrappurtaw li xi proġetti tal-kostruzzjoni jistgħu jiġu mfixkla mill-proċess nazzjonali tal-awtorizzazzjonijiet, eż. dewmien minħabba l-oppożizzjoni pubblika, kwistjonijiet marbuta mal-esproprjazzjoni u l-ħtieġa biex jinkisbu bosta permessi varji, inklużi dawk ambjentali. Dawn il-kwistjonijiet ġew identifikati fil-kuntest tar-reviżjoni kontinwa tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (Environmental Impact Assessment, EIA)[23] li fost l-oħrajn għandha l-għan li tissimplifika u tirrazzjonalizza l-proċeduri eżistenti, u għaldaqstant se jkollha impatt pożittiv f'dan ir-rigward, minħabba li l-EIA tagħmel parti mill-proċess tal-awtorizzazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-ostakli jirriżultaw mid-diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u proċeduri amministrattivi li jirregolaw il-proċess tal-għoti tal-permessi. Dan jista’ jxekkel il-formazzjoni ta’ ambjent ekwu u t-tixrid tat-teknoloġiji ambjentali. Filwaqt li huwa fatt rikonoxxut li dawn il-leġiżlazzjonijiet sikwit jinkludu oqsma bil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri (eż. kwistjonijiet marbuta mal-proprjetà), il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prassi, eż. permezz tal-adozzjoni volontarja tal-kodiċijiet ta' kwistjonijiet li jkopru l-kondotta bħalma huma t-tul u l-passi tal-proċess tal-għoti tal-permessi jew it-twaqqif ta’ proċess ta' arbitraġġ bejn l-amministrazzjonijiet.

Fl-aħħar nett, l-għan tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u/jew tal-irkuprar ta’ 70 % tal-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ tal-bini sal-2020 skont id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart tirrappreżenta opportunità kummerċjali siewja għall-katina tal-valur tas-settur tal-kostruzzjoni. Definizzjonijiet aħjar u aktar ċari tal-iskart, kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni armonizzati għat-trasport tal-iskart u regoli armonizzati dwar il-karatteristiċi tal-prodotti tal-kostruzzjoni rigward l-użu tal-materjal, id-durabilità u l-kompatibbiltà ambjentali jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-industrija.

Il-Kummissjoni: · se tressaq inizjattivi li jtejbu r-rikonoxximent reċiproku tal-prestazzjonijiet ambjentali u tal-metodi għall-valutazzjoni tar-riskju, b’mod partikulari fil-kuntest tal-attivitajiet ta' standardizzazzjoni u tal-iskemi ta’ assigurazzjoni tal-UE; · se ssostni l-iżvilupp ta’ mudell ta’ evalwazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji taċ-ċiklu tal-ħajja fil-livell tal-UE għall-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku u għall-prinċipji fil-każ tal-iżvilupp sostenibbli fil-politika reġjonali; · se tanalizza l-ostakli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-proċess tal-awtorizzazzjoni għal proġetti kbar tal-kostruzzjoni bil-ħsieb li tkun identifikata prassi tajba għar-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri (eż. kodiċijiet ta’ kondotta fil-proċess tal-għoti tal-permessi, il-proċess ta’ arbitraġġ bejn l-amministrazzjonijiet); · se tiżviluppa regoli armonizzati dwar id-dikjarazzjoni tal-karatteristiċi tal-prestazzjoni tal-prodotti tal-kostruzzjoni b’rabta mal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni. L-Istati Membri huma mistiedna: · Jevalwaw il-prestazzjoni ta’ diversi subsetturi tal-kostruzzjoni fejn tidħol il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

3.4 It-tisħiħ tas-Suq Intern għall-Kostruzzjoni

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa regolat ħafna u f’bosta livelli (eż. il-prodotti, ix-xogħlijiet, il-kwalifiki professjonali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-impatt ambjentali) u ħafna aspetti jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat funzjonament aħjar tas-Suq Intern għall-prodotti tal-kostruzzjoni u s-servizzi, huwa importanti li l-qafas legali jkun ċar u prevedibbli kemm jista’ jkun u li l-ispejjeż amministrattivi jkunu proporzjonati mal-objettivi stabbiliti.

Dan jirrikjedi analiżi iktar sistematika tad-diversi strateġiji regolatorji u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-settur tal-kostruzzjoni. Din l-analiżi għandha turi kif diversi atti legali tal-UE jinteraġixxu fil-livelli Ewropej u dawk nazzjonali u jekk ikunx hemm bżonn ta’ kjarifika jew ta’ miżuri addizzjonali sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi tal-kostruzzjoni u biex jitjieb il-funzjonament tas-Suq Intern fis-settur tal-kostruzzjoni. Rigward is-servizzi transkonfinali, il-“kontrolli tal-prestazzjoni” li saru fl-2011-2012, ivvalutaw it-transimpatt ta’ diversi atti legali tal-UE li jaffettwaw l-intrapriżi tal-kostruzzjoni, hekk li tiġi identifikata ċerta applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE u bżonnijiet ta' kjarifika u miżuri ġodda li jridu jittieħdu. Din għandha tiġġenera rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi aċċellerat il-proċess ta’ konverġenza tal-approċċi regolatorji differenti, sew nazzjonali kif ukoll reġjonali.

Il-Eurocodes għandhom jiffaċilitaw dan il-proċess ta’ konverġenza. Dawn jikkostitwixxu sett ta' standards tal-iddisinjar tal-bini u l-aktar kodiċijiet aġġornati ta’ prassi applikabbli għall-materjali tal-kostruzzjoni prinċipali kollha, għall-oqsma tal-inġinerija strutturali maġġuri kollha u għal firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ strutturi u prodotti. Hija għodda flessibbli minħabba li kull pajjiż għandu l-għażla li jadatta l-Eurocodes għall-kundizzjonijiet speċifiċi u għall-valutazzjoni tar-riskji tiegħu rigward il-klima, ir-riskji sismiċi, it-tradizzjonijiet, eċċ. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri tal-UE biex jadottaw il-Eurocodes bħala l-kodiċijiet tal-iddisinjar nazzjonali tal-bini tagħhom[24] biex jiġi żgurat li l-bini jiflaħ għal kontra d-diżastri.

L-attivitajiet marbuta mal-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni, bħalma hu l-portal tal-web BUILD UP[25], jistgħu wkoll isostnu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda li jfiġġu fis-suq.

Il-Kummissjoni: · se tadotta “fitness checks” tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex tidentifika l-piżijiet amministrattivi eċċessivi, id-duplikazzjoni, id-diskrepanzi, l-inkonsistenzi u l-miżuri obsoleti; · se jkollha l-kostruzzjoni fil-mira bħala prijorità fis-segwitu tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi "Sħubija għal tkabbir ġdid fis-servizzi"[26]; · se tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Eurocodes fl-Istati Membri bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/887/KE; fuq il-bażi tar-riżultati ta' dan ir-rapport, imbagħad, se tipproponi azzjoni sabiex issaħħaħ jew, jekk ikun hemm bżonn, tinforza, l-użu tal-Eurocodes fl-Akkwist Pubbliku u strumenti oħra, bħall-istimi tar-riskju nazzjonali u programmi ta’ ġestjoni. L-Istati Membri huma mistiedna: · jiżviluppaw għodod effettivi għas-sorveljanza tas-suq b’rabta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea, bħala parti mill-applikazzjoni tar-Regolament 765/2008/KE.

3.5 It-trawwim tal-pożizzjoni kompetittiva globali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE

Fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali internazzjonali tagħha, l-UE ilha mill-2006 tipprova tikseb dejjem iżjed impenji ambizzjużi għall-aċċess għas-suq minn imsieħba oħra fil-kummerċ dwar il-kummerċ fis-servizzi u l-akkwist pubbliku, speċjalment fil-qasam tax-xogħlijiet pubbliċi. Waħda mill-aktar kisbiet riċenti hija l-ftuħ tal-kuntratti ta' konċessjoni Koreani għall-fornituri tal-UE fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea.

Il-fora speċifiċi interkontinentali mal-Afrika u l-Amerika Latina dwar il-kostruzzjoni sostenibbli jistgħu jistimulaw trasformazzjoni tal-akkwist pubbliku f'dawn is-swieq lejn il-kriterji tal-prestazzjoni, is-sostenibbiltà u l-kosteffettività.

Is-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika għall-infrastruttura tat-trasport[27] jipprovdi opportunitajiet biex jitjiebu l-konnessjonijiet transkontinentali u biex tinħoloq sistema tat-trasport aktar affidabbli u aktar sikura.

Rigward il-finanzjament tal-infrastruttura, hemm diversi strumenti finanzjarji u fondi għall-kooperazzjoni tal-UE li wkoll jistgħu jsostnu l-implimentazzjoni tal-miżuri relevanti.

L-inizjattiva tal-UE “Negozji Żgħar, Dinja Kbira” se toffri informazzjoni relevanti, pariri u assistenza lill-kuntratturi żgħar speċjalizzati fit-tentattiv tagħhom li jkollhom aċċess għas-swieq internazzjonali u biex isibu msieħba potenzjali fin-negozju. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta' mudelli ta’ negozju ġodda għall-SMEs, b’mod partikulari għal internazzjonalizzazzjoni.

Barra l-UE jeżisti interess konsiderevoli fl-użu tal-EN Eurocodes minn pajjiżi li jixtiequ jissostitwixxu jew jaġġornaw l-istandards nazzjonali tagħhom abbażi ta’ kodiċijiet avvanzati teknikament, inkella huma interessati fil-kummerċ mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tal-EFTA. Id-djalogu regolatorju bejn l-UE u r-Russja għamel progress sinifikanti f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni: · ipproponiet inizjattiva leġiżlattiva[28] bil-għan li tiżgura li jinfetħu s-swieq tal-akkwist tal-pajjiżi terzi u livell ekwu bejn kumpaniji tal-UE u l-kompetituri tagħhom minn barra; · se tkompli tħabrek biex tiżgura impenji ta' aċċess għas-suq minn pajjiżi sħab fin-negozjati kummerċjali, rigward l-aċċess kemm għas-swieq kummerċjali kif ukoll għal dawk tal-akkwisti; · se taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex issaħħaħ l-ambitu biex jintużaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE hekk li jiġu sostnuti l-konnessjonijiet transkontinentali; · se tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-assistenza teknika fl-għajnuna għall-internazzjonalizzazzjoni ta’ kuntratturi żgħar speċjalizzati; · se tiżviluppa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b'mod partikulari mal-Afrika u l-Amerika Latina, iżda wkoll fil-kuntest tad-djalogu regolatorju bejn l-UE u r-Russja, il-politika tal-UE tal-Viċinat u s-Sħubija Ewro-Mediterranja, rigward il-kostruzzjoni sostenibbli fl-akkwist pubbliku, notevolment billi dawn l-imsieħba jiġu inkoraġġiti jużaw il-Eurocodes bħala għodda għall-implimentazzjoni tar-regolamenti tagħhom dwar il-kostruzzjoni. L-Istati Membri huma mistiedna: · jaġixxu malajr biex jadottaw ir-regolament propost reċentement[29] dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi fis-suq intern tal-UE fl-akkwist pubbliku u fi proċeduri li jappoġġaw in-negozjati dwar l-aċċess ta’ oġġetti u servizzi mill-UE fis-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi.

4. Il-governanza u l-implimentazzjoni tal-istrateġija

Mehmuża ma' din il-Komunikazzjoni hemm pjan ta' azzjoni li jipprovdi dettalji dwar ir-riżultat mistenni għal kull rakkomandazzjoni, il-qsim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-għaqdiet tas-settur u skeda għall-implimentazzjoni.

L-implimentazzjoni tal-istrateġija tirrikjedi r-razzjonalizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-bosta inizjattivi li hemm għaddejjin fil-livelli tal-UE, dawk nazzjonali u dawk settorjali biex jinħolqu aktar sinerġiji u biex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fiż-żmien li ġej, fil-perjodu medju u aktar fit-tul. Hija għandha tkun ibbażata fuq struttura ta’ governanza li tlaqqa’ l-koordinazzjoni mal-monitoraġġ kemm minn perspettiva tematika u kemm minn waħda strateġika, inkluż:

· Forum strateġiku tripartitiku ta’ livell għoli (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-rappreżentanti settorjali) li jikkummentaw dwar l-inizjattivi tal-UE li jaffettwaw il-kostruzzjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, hekk li joħorġu b’rakkomandazzjonijiet dwar l-aġġustament li jidhrilhom li hemm bżonn fl-istrateġija jew dwar xi inizjattivi ġodda li jħossu li hemm bżonn jiġu varati.

· Il-ħolqien ta’ gruppi tematiċi magħmula mill-Istati Membri u mir-rappreżentanti settorjali b’interess fil-prijoritajiet speċifiċi tal-istrateġija, li jridu jikkomunikaw man-netwerks u l-proġetti Ewropej eżistenti. Dawn il-gruppi jiġu sorveljati mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mis-suġġett speċifiku indirizzat minn kull grupp.

Din l-istruttura se tippermetti kemm gwida strateġika mill-UE u kemm inizjattiva minn isfel għal fuq mill-Istati Membri flimkien mas-subsetturi tal-kostruzzjoni. Il-kooperazzjoni għandha tkun imsaħħa bejn is-subsetturi u tul il-katina tal-valur sabiex jintlaqgħu l-isfidi globali.

5. Konklużjonijiet

Minħabba l-importanza tas-settur tal-bini għall-PDG u l-impjiegi tal-UE, kif ukoll ir-rwol tiegħu fil-ksib ta’ xi wħud mill-objettivi l-aktar importanti b’rabta mal-klima, l-ambjent u l-enerġija, il-kompetittività ta’ dan is-settur hija prijorità politika permanenti.

Barra minn hekk, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, il-politiki tal-UE fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli, b'mod partikulari fil-kuntest ta' politika għall-inkoraġġiment sostnut tar-rinnovazzjoni tal-bini, għandhom jitqiesu bħala opportunità biex in-negozju u l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni jingħataw il-ħajja mill-ġdid.

Din il-komunikazzjoni tidentifika oqsma b’potenzjal ta’ tkabbir għall-intrapriżi fis-settur tal-kostruzzjoni, ħafna drabi fi strateġiji ta’ politika u fi strumenti eżistenti. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn l-istrateġiji tal-UE għandha, ngħidu aħna, tinkoraġġixxi l-investiment fuq perjodu twil fin-Netwerks Trans-Ewropej, fir-riċerka u l-innovazzjoni u f’bażi ta’ kapital uman aktar b’saħħitha, hekk li tkun rinfurzata l-kompetittività tas-settur tal-kostruzzjoni kemm fis-Suq Intern tal-UE u kemm fis-swieq internazzjonali. Din għandha tkun akkumpanjata minn qafas legali ċar u koerenti u minn metodi armonizzati dwar il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fejn tidħol is-sostenibbiltà sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-Suq Intern għall-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni.

Is-suċċess tal-istrateġija proposta tiddependi mill-impenn tal-Istati Membri u mill-partijiet interessati fis-settur tal-kostruzzjoni f’livelli varji:

· il-forum strateġiku tripartitiku ta’ livell għoli għandu jkollu mandat ċar biex imexxi valutazzjoni kritika tal-prestazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni;

· L-Istati Membri u l-partijiet interessati fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom jiżguraw rabtiet xierqa mal-aġendi nazzjonali u settorjali għall-kostruzzjoni;

· L-Istati Membri u l-partijiet interessati fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom jiffaċilitaw it-trasferiment tal-esperjenza u tal-prassi t-tajba mill-gruppi tematiċi sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni operattiva tagħhom fin-negozji tal-kostruzzjoni;

· Kull intervent ta’ politika għandu jiġi sorveljat u evalwat skont numru ta’ indikaturi.

ANNESS – PJAN TA' AZZJONI

Azzjonijiet għal terminu qasir (2012-2014) – referenza fit-Taqsimiet 3.1.1 u 3.2.1 tal-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza ewlenija || Orizzont ta' żmien

Analiżi tal-istrumenti finanzjarji nazzjonali varji li jappoġġaw l-effiċjenza enerġetika fil-bini || Rapport tal-Kummissjoni Ewropea u rakkomadazzjonijiet dwar l-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini || Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija/ il-Pjan ta' Azzjoni 2011 dwar l-Effiċjenza Enerġetika || Il-Kummissjoni Ewropea || Għaddej bħalissa – tmiem l-2013

Strumenti fiskali u mekkaniżmi ta' kreditu għal proġetti ta' rinnovazzjoni proporzjonali għall-miri ta' sostenibilità li jridu jintlaħqu || Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta' miżuri ta' effiċjenza enerġetika (fosthom strumenti fiskali u mekkaniżmu ta' kreditu fis-settur tal-bini) ibbażat fuq Pjanijiet ta' Azzjoni ta' Effiċjenza Enerġetika Nazzjonali || Id-Direttiva 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija/Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija || Il-Kummissjoni Ewropea || 2012-2013

Proġett bi prova dwar l-assikurazzjoni u l-garanzija tal-prestazzjoni || Rakkomandazzjonijiet preliminari dwar l-iskemi tal-assikurazzjoni biex ikopru garanziji tal-prestazzjoni minn kutratturi żgħar tal-bini || Proġett bi prova ġdid appoġġat mill-Parlament Ewropew (beda fl-2012) || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013

Kampanja ta' informazzjoni dwar Direttiva ġdida dwar il-Ħlas Tard || Sensibilizzazzjoni tad-drittijiet tal-kuntratturi f'termini ta' ħlas || Id-Direttiva 2011/7/UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2012

Proġett bi prova għall-infurzar rapidu u effiċjenti ta' pretensjonijiet mhux imħallsa mill-SMEs li joperaw b'mod transkonfinali || Sensibilizzazzjoni tad-drittijiet tal-kuntratturi f'termini ta' ħlas || Id-Direttiva 2011/7/UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2012-2013

Valutazzjoni tal-inizjattiva BUILD UP Skills bil-ħsieb li l-inizjattiva tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' professjonisti tal-bini u bżonnijiet ta' kwalifiki oħra || Rapport ta’ Valutazzjoni || Programm Ewropew tal-Enerġija Intelliġenti || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2014

Strumenti ta' inġinerija finanzjarja u għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti għal proġetti ta' rinnovament fuq skala żgħira b'garanziji kuntrattwali dwar il-prestazzjonijiet tal-bini || Rapport mill-Istat Membru dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-mekkaniżmi finanzjarji || Fondi Strutturali || L-Istati Membri || 2012-2014

L-inklużjoni ta' pjanijiet direzzjonali għal Build-up skills skont il-prijoritajiet għall-2014-2020 finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew || Pjanijiet direzzjonali għal Build-up skills varati permezz tal-finanzjament mill-FSE || Il-politika dwar l-enerġija Il-politika reġjonali Il-politika tal-impjiegi || Il-Kummissjoni Ewropea L-Istati Membri || 2012-2013

Azzjonijiet għat-terminu medju u għat-tul (2014-2020)

1. Stimulazzjoni ta' kundizzjonijiet ta' investiment favorevoli – referenzi għat-Taqsima 3.1.2 tal-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza || Orizzont ta' żmien

Allinjament minimu fil-livell tekniku tal-proċess ta' ħruġ ta' permessi nazzjonali għat-taqsimiet transkonfinali TENs || Speċifikazzjoni teknika komuni tal-UE || Netwerks Trans-Ewropej għat-Trasport || Il-Kummissjoni Ewropea || 2014 - 2016

Identifikazzjoni ta' lakuni teknoliġiċi fil-katina tal-valur tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni li jindirizza dawn il-lakuni || Konferenza u rakkomandazzjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-innovazzjoni għall-kostruzzjoni || Il-politika tal-innovazzjoni || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013

Inizjattivi kkoordinati konġunti bejn l-Istati Membri u atturi privati li jikkombinaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-akkwisti, iċ-ċertifikazzjoni, l-assikurazzjoni, ir-ragruppamenti interreġjonali, eċċ. biex jitħaffef il-ksib ta' għarfien u teknoloġiji ġodda fil-livell tal-UE u fil-livelli reġjonali || Proġetti || Orizzont 2020 COSME Il-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE || L-Istati Membri || 2014 - 2020

2. Titjib tal-bażi ta’ kapital uman – referenzi fit-Taqsima 3.2.2 fil-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza || Orizzont ta' żmien

Inizjattivi tal-UE għal Djalogu Soċjali biex jiġu adattati edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għall-bżonnijiet ta' kwalifiki futuri tas-settur tal-kostruzzjoni, għall-identifikazzjoni tar-rekwiżiti bażiċi għall-ħiliet f'fergħat speċifiċi u għall-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki || Studju għall-iżvilupp ta' pjattaforma tal-informazzjoni || Id-djalogu soċjali tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2012 - 2014

Ħolqien ta' Kunsill għall-Ħiliet skont is-Settur tal-UE għall-kostruzzjoni biex jiġu żviluppati inizjattivi fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi tal-bini, is-saħħa u s-sigurtà, l-istandards tal-kwalità, l-apprendistat, il-ġestjoni konġunta tal-fondi minn imsieħba soċjali, eċċ. || Il-Kunsill tal-Ħiliet skont is-Settur tal-UE || Id-djalogu soċjali tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2016

Alleanza tal-Ħiliet skont is-Settur tal-UE fil-kostruzzjoni sostenibbli || Sħubijiet biex ikun hemm kurrikuli adatti jew Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (ETV) || Impjiegi ġodda għal ħiliet ġodda || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013 - 2016

Azzjoni malajr għall-adozzjoni tad-Direttiva proposta reċentement dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema || Adozzjoni ta' Direttiva tal-UE ġdida || Id-Direttiva 96/71 || Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew : || 2012-2014

Sħubiji għal skemi għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-livelli nazzjonali u reġjonali, li jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u dawk li qed jixirfu fis-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikulari fil-qasam tal-ICT || Sħubijiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) fil-mira || Politiki tal-ETV nazzjonali || Organizzazzjonijiet settorjali || 2013-2016

Kampanji biex is-settur tal-kostruzzjoni jsir aktar attraenti għat-talenti || Kampanji ta' sensibilizzazzjoni || || Organizzazzjonijiet settorjali || 2012-2020

3. Titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi, fil-prestazzjoni ambjentali u fl-opportunitajiet tan-negozju - referenzi fit-Taqsima 3.3 tal-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza || Orizzont ta' żmien

Rikonoxximent reċiproku tal-metodi għal valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini[30] || Skema tal-UE għal valutazzjoni ambjentali tal-bini u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE || Il-politika tal-effiċjenza fir-riżorsi tal-UE u l-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2014-2016

Rikonoxximent reċiproku tal-metodi ta' valutazzjoni tar-riskju filwaqt li titqies il-prestazzjoni ambjentali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-attivitajiet ta' standardizzazzjoni u l-iskemi ta' assikurazzjoni || Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE || Il-politika ta' standardizzazzjoni tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2014-2018

Metodoloġija ta' spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja (LCC) mal-UE kollha għal bini għal Akkwist Pubbliku Ekoloġiku[31] || Gwida tal-UE dwar l-Ispejjeż taċ-Ċiklu tal-Ħajja fl-akkwist pubbliku || Akkwist Pubbliku Ekoloġiku || Il-Kummissjoni Ewropea || 2014-2016

Żieda fl-użu ta' Akkwist Pubbliku Ekoloġiku fil-politika reġjonali fil-perjodu ta' programmazzjoni li ġej[32] || Promozzjoni ikbar għall-kriterji tal-APE relatat mal-kostruzzjoni fi proġetti ffinanzjati mill-UE || Il-Politika Reġjonali || Il-Kummissjoni Ewropea || 2014-2020

Valutazzjoni tax-xkiel li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-proċess ta' awtorizzazzjoni għal proġetti ta' kostruzzjoni ewlenin || Konklużjonijiet operattivi mill-proċess ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali Gwida għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' valutazzjoni ambjentali tal-proġetti infrastrutturali tal-enerġija ta' interess komuni || Valutazzjoni ambjentali u proċeduri nazzjonali ta' għoti ta' permessi || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2016

Regoli armonizzati dwar id-dikjarazzjoni tal-karatteristiċi ta' prestazzjoni tal-prodotti tal-kostruzzjoni f'relazzjoni għall-użu sostenibbli tar-riżorsi[33] || Regoli armonizzati tal-UE u standards armonizzati tal-UE || ENTR/ir-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2018

Valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ subsetturi tal-kostruzzjoni fejn jidħlu l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli fil-livelli nazzjonali u reġjonali. || Rapporti || Politiki ta' kostruzzjoni nazzjonali || L-Istati Membri ||

4. Tisħiħ tas-Suq Intern għall-Kostruzzjoni - referenzi fit-Taqsima 3.4 tal-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza ewlenija || Orizzont ta' żmien

“Fitness checks” tal-leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu identifikati l-piżijiet amministrattivi eċċessivi, id-duplikazzjoni, il-lakuni, l-inkonsistenzi u l-miżuri obsoleti; || Rapport ta' valutazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE || Regolamentazzjoni Intelliġenti || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2015

Revżjoni tal-implimentazzjoni tal-Eurocodes fl-Istati Membri u proposti għall-infurzar tal-użu tal-Eurocodes fl-Akkwist Pubbliku u strumenti oħra, bħal stimi tar-riskju nazzjonali u programmi ta’ ġestjoni. || Rapport u mandat ta' standardizzazzjoni possibbli għal standards tal-iddisinjar tal-kostruzzjoni ċentrali oħrajn || Rakkomnadazzjoni tal-KE Eurocodes 2003/887/KE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2014

Sorveljanza tas-suq marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea || Inqas ilmenti mill-industrija || Ir-Regolament 765/2008/KE || L-Istati Membri ||

5 Trawwim tal-pożizzjoni kompetittiva globali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE - referenzi fit-Taqsima 3.5 fil-Komunikazzjoni

Azzjonijiet || Riżultat || Kuntest tal-politika || Kompetenza ewlenija || Orizzont ta' żmien

Negozjar ta' impenji kummerċjali rigward l-aċċess għal swieq kummerċjali u ta' akkwist ta' pajjiżi terzi || Ftehimiet kummerċjali li jiżguraw aċċess għas-suq għall-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni || Il-Politika tal-Kummerċ tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || Għaddej bħalissa

Żieda fl-opportunitajiet ta' użu tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, eż. mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'appoġġ għall-konnessjonijiet transkontinentali || Informazzjoni fil-mira dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji tal-UE || Eż. Sħubija bejn l-UE u l-Afrika għall-infrastruttura tat-trasport || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2016

Appoġġ finanzjarju għall-għajnuna teknika għall-internazzjonalizzazzjoni ta’ kuntratturi żgħar speċjalizzati || Għajnuna teknika għall-kuntratturi żgħar tal-UE || Il-Komunikazzjoni "Negozji Żgħar, Dinja Kbira" || Il-Kummissjoni Ewropea || 2012-2015

Żvilupp ta' kooperazzjoni mal-Afrika, l-Amerika Latina, ir-Russja, il-Pajjiżi Ġirien rigward kostruzzjoni sostenibbli fl-akkwist pubbliku || Forum internazzjonali || Djalogu barrani u regolatorju tal-UE || Il-Kummissjoni Ewropea || 2013-2015

Azzjoni malajr biex jiġi adottat ir-regolament propost reċentement dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi fl-akkwist pubbliku u fi proċeduri li jappoġġaw in-negozjati tal-UE dwar l-aċċess ta’ oġġetti u servizzi mill-UE fis-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi || Adozzjoni ta' regolament tal-UE || Proposta għal regolament dwar ir-reċiproċità tal-aċċess għas-suq || L-Istati Membri || 2012-2014

[1]               Huwa stmat li sal-2020 fis-settur jistgħu jinħolqu 275 000 impjieg ġdid. CEDEFOP ‘Skills, Demand and Supply’ 2010, p. 96 - http://www.cedefop.europa.eu/en/Files/3052_en.pdf

[2]               COM(2011) 885/2.

[3]               COM(2011) 112.

[4]               Stqarrija għall-istampa tal-Eurostat 169/2011 tas-17 ta' Novembru 2011.

[5]               Pereżempju, l-indiċi tal-produzzjoni aġġustat skont il-ġranet ta’ xogħol naqas b’49 % fi Spanja u b’76 % fl-Irlanda matul il-perjodu ta’ bejn l-ewwel kwart tal-2007 u t-tieni kwart tal-2011 – Sors: Eurostat.

[6]               CEDEFOP “Skills, demand and Supply” 2010 p. 93 http://www.cedefop.europa.eu/en/Files/3052_en.pdf .

[7]               Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

[8]               Għal aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti, ara d-Direttiva 2010/31/UE, l-Artikoli 2.2 u 9.

[9]               COM(2010) 639 finali.

[10]             COM(2011) 112 finali.

[11]             COM(2011) 885 finali.

[12]             Ir-rata medja tal-UE ta’ rinnovazzjoni tal-bini eżistenti hija ta’ 1,2 % fis-sena.

[13]             Il-kompromess tat-test bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għal Direttiva ġdida dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (għad irid jiġi approvat)

[14]             Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi [COM(2011) 571].

[15]             Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni), ĠU L 153 18.6.2010, p. 13.

[16]             Bħal rati mnaqqsa tal-VAT, rati tal-imgħax preferenzjali, taxxi marbuta mas-CO2 u mal-enerġija, sussidji speċifiċi, eċċ.

[17]             Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 48/1, 23.2.2011.

[18]             COM(2011) 615 finali.

[19]             Dawn għandhom ikopru firxa wiesgħa ta’ oqsma bħalma huma l-materjali ġodda, l-użu tal-ICT, l-irkupru/ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ tal-bini, il-kumdità fil-bini, eċċ.

[20]             http://ipts.jrc.ec.europa.eu/activities/research-and-innovation/s3platform.cfm.

[21]             COM(2012) 131 finali.

[22]             COM(2011) 571 finali.

[23]             Id-Direttiva 85/337/KEE, kif emendata, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

[24]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/887/KE tal-11 ta’ Diċembru 2003.

[25]             www.buildup.eu .

[26]             COM(2012) 261 finali

[27]             COM(2009) 301 finali

[28]             COM(2012) 124 finali

[29]             Ibid.

[30]             azzjoni li trid tiġi żviluppata iktar fil-Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli fl-2013

[31]             azzjoni li trid tiġi żviluppata iktar fil-Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli fl-2013

[32]             azzjoni li trid tiġi żviluppata iktar fil-Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli fl-2013

[33]             azzjoni li trid tiġi żviluppata iktar fil-Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli fl-2013

Top