EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0153

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE

/* COM/2012/0153 final */

52012DC0153

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE /* COM/2012/0153 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE

Daħla

F'ambjent ta' ekonomija globalizzata, il-mobilità tax-xogħol kemm fi ħdan l-UE kif ukoll bejn l-UE u l-bqija tad-dinja hija realtà u ħtieġa li kulma jmur qed issir aktar tanġibbli. Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali hija sistema ta' regoli maħsuba biex jiffaċilitaw tali mobilità. Is-sistema tal-UE ta' regoli għall-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-mobilità fi ħdan l-UE ilha 'l fuq minn 50 sena[1]. Aktar riċentement, dawn ir-regoli ġew estiżi biex ikopru l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera[2].

Il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali bejn l-UE u l-bqija tad-dinja hija ttrattata b'żewġ modi. Minn naħa, hemm l-approċċ nazzjonali, li permezz tiegħu l-Istati Membri jagħmlu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi magħżula. Dan l-approċċ huwa inkonsistenti: hemm netwerk inkomplut ta' ftehimiet, u l-ftehimiet spiss ikollhom kontenut differenti minn pajjiż għall-ieħor.

Min-naħa l-oħra, bħalissa qed jiżviluppa approċċ tal-UE komuni fir-rigward tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi.

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni għandha erba' għanijiet:

– li tenfasizza li l-emigranti u n-negozji minn pajjiżi terzi, li ġeneralment jaraw lill-UE bħala entità waħda, isibu sistemi frammentati ta' sigurtà soċjali li joħolqu ostakli f''dak li għandu x'jaqsam mad-dħul fl-Unjoni, iċ-ċaqliq fi ħdanha u l-ħruġ minnha;

– li tiġġustifika l-promozzjoni u t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex ikun jista; jiġi żviluppat approċċ inqas frammentat għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

– li tistabbilixxi d-diversi modi li bihom ir-regoli tal-UE diġà jolqtu d-dimensjoni esterna u li toffri gwida ċara dwar ir-relazzjoni legali bejn il-liġi tal-UE u l-ftehimiet bilaterali nazzjonali;

– li tiddeskrivi l-komponenti eżistenti ta' approċċ komuni tal-UE u li tagħmel proposti biex dawn jiġu żviluppati aktar.

1.           il-ftehimiet bilaterali tal-istati membri ma' pajjiżi terzi

1.1.        Il-ftehimiet bilaterali nazzjonali xi jkopru?

Id-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta' persuni li jidħlu ġewwa l-UE u joħorġu minnha għadhom, fil-biċċa l-kbira jiġu ttrattati skont ir-regoli nazzjonali. L-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi, u dawn l-arranġamenti jistabbilixxu sistema ta' regoli ta' kordinazzjoni għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żewġ pajjiżi. Ir-raġunijiet wara tali arranġamenti huma diversi: tradizzjonalment huma maħsuba biex jipproteġu liċ-ċittadini li jaħdmu fi stati oħra; madankollu, kulma jmur, qegħdin jitqiesu bħala mezz kif jiġi attirat in-negozju u x-xogħol minn pajjiżi terzi. Li jsir ftiehem tista' wkoll tkun espressjoni ta' ħbiberija politika bejn żewġ pajjiżi. L-Istati Membri tal-UE huma wkoll parti mill-ftehimiet multilaterali tas-sigurtà soċjali, pereżempju l-Konvenzjoni Ibero-Amerikana dwar il-Konvenzjoni tas-Sigurtà Soċjali, fejn Spanja u l-Portugall it-tnejn li huma jagħmlu parti minnha.

Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ma' pajjiżi terzi tipikament fihom regoli dwar il-leġiżlazzjoni applikabbbli, it-trattament indaqs u l-pensjonijiet. Id-dispożizzjonijiet tal-pensjoni jipproteġu d-drittijiet miksuba tal-emigranti meta dawn jitilqu t-territorju nazzjonali u jippermettu l-ħlas tal-pensjoni fit-territorju l-ieħor. F'xi każijiet, issir dispożizzjoni għall-aggregazzjoni tal-perjodi tal-assigurazzjoni, l-impjieg u r-residenza. Ir-regoli tal-leġiżlazzjoni applikabbli ġeneralment jinkludu dispożizzjonijiet ta' 'kollokament'. Dawn jippermettu lill-ħaddiema li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li jibqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-pajjiżi li jibgħathom u li jeżentahom milli jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż fejn ikunu qed jaħdmu. Il-prinċipju ta' trattament indaqs jiggarantixxi l-istess trattament lill-ħaddiema emigranti bħalma jingħata lin-nies tal-pajjiż tax-xogħol.

L-Istati Membri tal-UE ġeneralment jinnegozjaw ftehimiet bilaterali mingħajr referenza għal dak li l-pajjiżi msieħba tal-UE tagħhom ikunu qegħdin jagħmlu. Il-proċess huwa ferm frammentat. Fil-prattika, ċerti pajjiżi tal-UE jistgħu jintagħżlu mill-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE għat-tmiem ta' ftehimiet, filwaqt li pajjiżi oħrajn jibqgħu barra. M’hemm l-ebda mekkaniżmu għall-armonizzazzjoni tal-approċċi, u bl-istess mod l-ebda mekkaniżmu li permezz tiegħu l-pajjiżi tal-UE jistgħu jingħaqdu biex isolvu problemi komuni li jiltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ pajjiż partikolari.

Barra minn hekk, in-natura speċifika għall-pajjiż ta' dawn il-ftehimiet bilaterali nazzjonali tfisser li l-emigranti u n-negozji bbażati f'pajjiżi terzi mhux talli jħabbtu wiċċhom ma' sistemi tas-sigurtà soċjali frammentati meta jkunu qegħdin jiċċaqalqu bejn pajjiżi fl-UE, iżda jsibu wkoll ftehimiet nazzjonali bilaterali distinti meta jidħlu fl-UE u joħorġu minnha. In-netwerk ta' ftehimiet bilaterali mhuwa bl-ebda mod komplut: skont il-pajjiż terz inkwistjoni, jista' ma jkunx hemm ftehim bilaterali fis-seħħ mal-pajjiż tal-UE rilevanti. Dan jista' jwassal għal telf ta' drittijiet miksuba tas-sigurtà soċjali għal persuni li joħorġu mill-UE jew jerġgħu lura fiha. Dan jista' jaffettwa liċ-ċittadini emigranti tal-UE daqs kemm jista' jaffettwa lill-emigranti minn pajjiżi terzi. Ġeneralment hemm nuqqas ta' trasparenza f'dak li huma drittijiet taċ-ċittadini.

1.2.        L-impatt tal-liġi tal-UE fuq ftehimiet bilaterali nazzjonali

Is-Sentenza Gottardo

Il-ftehimiet bilaterali nazzjonali, bħal kwalunkwe tip ieħor ta' liġi ta' Stat Membru, huma soġġetti għas-supremazija tal-liġi tal-UE. Dan kien ċar fil-qasam tas-sigurtà soċjali fl-2002 meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tenniet, li skont l-Artikolu 39 KE (issa l-Artikolu 45 TFEU), li l-Istati Membri jistgħu ma jillimitawx l-applikazzjoni tal-ftehimiet tas-sigurtà soċjali li ntlaħqu ma' pajjiżi terzi għaċ-ċittadini tagħhom stess u għandhom jittrattaw liċ-ċittadini l-oħrajn tal-UE bl-istess mod skont it-termini tal-ftehim[3]. Ir-riżultat ta' din is-sentenza, magħruf bħala s-sentenza Gottardo, ifisser li l-Istati Membri tal-UE li joperaw ftehimiet skont in-nazzjonalità, għandhom bżonn jaġġustaw l-applikazzjoni tal-ftehimiet tagħhom ma' pajjiżi terzi sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra jkunu jistgħu jibbenefikaw fl-istess mod[4].

Regolament Nru 1231/2010

Ir-regoli tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE jolqtu wkoll l-abilità tal-Istati Membri li japplikaw regoli li jkunu stabbilixxew fi ftehimiet bilaterali. Ir-regoli tal-UE, li jinsabu fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, fihom sistema ta' kordinazzjoni għall-persuni li jiċċaqalqu fi ħdan l-UE. Ir-regoli ġew estiżi fl-2003 sabiex ikunu jkopru ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kollha li huma legalment residenti fl-UE u "f’sitwazzjoni li mhix konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed". Ir-regolament fis-seħħ huwa r-Regolament (UE) Nru 1231/2010[5]. Huwa infatti "pont" li jippermetti lill-persuni kollha li huma legalment residenti f'pajjiż wieħed tal-UE, iżda li jkollhom xi tip ta' element transkonfinali, jibbenefikaw minn regoli ta' kordinazzjoni tal-UE. Dan ikopri kwistjonijiet prattiċi bħal pereżempju li wieħed igawdi mill-istess drittijiet bħal dawk taċ-ċittadini tal-UE sabiex jirċievi l-kura medika kollha li tkun meħtieġa matul waqfa temporanja fi Stat Membru ieħor (liema intitolament huwa evidenzjat bil-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea)[6].

L-eżistenza tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tagħti lill-UE l-kompetenza esklussiva fir-rigward tad-drittijiet tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jinsabu f'sitwazzjoni transkonfinali fi ħdan l-UE. F'każijiet ta' kunflitt, ir-Regolamenti UE jkollhom prijorità fuq regoli nazzjonali fil-ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi. Fejn, pereżempju, ċittadin ta' pajjiż terz jintbagħat fi Stat tal-UE skont it-termini tal-ftehim bilaterali ma' pajjiż terz u mbagħad imur f'pajjiż jaħdem fi Stat Membru ieħor, jibda japplika r-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Barra minn hekk, meta ċittadin ta' pajjiż terz ikun jaħdem f'żewġ Stati Membri jew aktar għal impjegatur stabbilit barra mill-UE, ikunu japplikaw ir-regoli tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli[7].

1.3.        Sfidi u kwistjonijiet prattiċi komuni.

L-Istati Membri għandhom, skont "l-obbligu ta' koperazzjoni leali" fl-Artikolu 4(3) TUE u skont l-Artikolu 351 TFUE jieħdu l-passi xierqa sabiex jeliminaw l-inkompatibilitajiet bejn il-ftehimiet li jkollhom ma' pajjiżi terzi u l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Fir-rigward tal-impatt tas-sentenza Gottardo u r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 dwar il-ftehimiet bilaterali, jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw koperazzjoni min-naħa tal-pajjiż terz ikkonċernat sabiex jiżguraw li l-obbligi tal-UE jiġu ssodisfati. Dan iwassal għal numru ta' sfidi komuni.

Sabiex ikun konformi mas-sentenza Gottardo, il-ftehim bilaterali jeħtieġ li jkun applikat skont il-prinċipju tal-UE tan-nondiskriminazzjoni. Dan jista' jinvolvi n-negozjazzjoni mill-ġdid tal-ftehim, jew sempliċiment li jinkiseb kunsens għall-inklużjoni ta' klawżola ta' nondiskriminazzjoni fil-ftehim. F'termini prattiċi, l-Istati Membri jista' jkollhom bżonn jiksbu dokumentazzjoni tas-sigurtà soċjali minn pajjiżi terzi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri għajr dak tagħhom stess. Dan spiss joħloq diffikultajiet amministrattivi u legali. Tibqa' l-problema fundamentali li, filwaqt li l-Istat Membru tal-UE huwa obbligat jikkonforma mal-liġi tal-UE, il-pajjiż terz ġeneralemtn ma jkunx marbut li jikkopera fuq dawn il-kwistjonijiet.

Li jiġi żgurat li l-mod kif il-ftehimiet bilaterali jiġu applikati jkun kompatibbli mar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 iqajjem kwistjonijiet simili. Huwa bżonn li jiġi spjegat lill-pajjiżi terzi li, f'ċerti ċirkostanzi, il-ftehimiet bilaterali ma jistgħux jiġu applikati għaliex il-liġi tal-UE tiġi qabel. Din hija problema għall-Istati Membri kollha, iżda bħalissa mhemm l-ebda mekkaniżmu komuni għall-Istati Membri biex jittrattawha. Soluzzjoni sempliċi waħda li hija possibbli hi dik li tiġi inkluża klawżola fil-ftehimiet kollha sabiex, f'każijiet ta' kunflitt, il-liġi tal-UE jkollha l-preċedenza fuq it-termini tal-ftehim.

F'termini ta' tħassib sostantiv komuni għall-Istati Membri, wieħed minn dawn it-tħassib huwa dwar kif tirreżisti l-pressjoni biex jintlaħaq ftehim dwar perjodi twal ta' stazzjonament, li għandhom l-effett li lill-ħaddiema mill-pajjiż terzi jeżentawhom milli jikkontribwixxu fis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru. Fl-UE, il-perjodu massimu li għalih ħaddiem jista' jibqa' assigurat fl-Istat Membru tal-oriġini huwa ta' sentejn[8]. Madankollu, ħaddiema stazzjonati ġewwa l-UE minn pajjiżi terzi jistgħu jibqgħu assigurati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom għal perjodi ħafna itwal, u din l-eżenzjoni mill-affiljazzjoni fi ħdan l-UE hija spiss punt sensittiv fil-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali.

Fl-aħħar nett, il-kisba ta' dejta minn pajjiż terz hija tħassib ewlieni għall-maġġoranza tal-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi. Fir-regoli tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE hemm dispożizzjonijiet legali li jippermettu li Stat Membru jitlob verifika tal-informazzjoni mill-Istat Membru fejn il-benefiċjarju jkun qed joqgħod[9]. Dan jippermetti lill-istuzzjonijiet tal-ħlas jiżguraw, pereżempju, li l-benefiċjarju ta' pensjoni għadu ħaj jew li persuna għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tirċievi pensjoni ta' invalidità. Mhumiex ħafna dawk il-ftehimiet bilaterali li għandhom dan it-tip ta' mekkaniżmu ta' verifika. Bosta Stati Membri jilqgħu sew l-introduzzjoni ta' approċċ effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi.

1.4.        Insaħħu l-koperazzjoni fil-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi.

– Fid-dawl tal-isfidi u l-kwistjonijiet prattiċi msemmija hawn fuq, huwa ċar li koperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri fuq il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi hija ta' vantaġġ minn ħafna lati. Jekk l-Istati Membri jikkoperaw u, fejn xieraq, jaħdmu flimkien, dawn se jgawdu minn pożizzjoni aktar soda fin-negozjar vis-à-vis il-pajjiżi terzi, se jkunu f'pożizzjoni aħjar biex isolvu problemi komuni u jiżguraw flimkien li l-mod kif japplikaw il-ftehimiet bilaterali jkun konformi mal-liġi tal-UE. F'termini ġenerali, aktar koperazzjoni għandha twassal għal approċċ ġenerali aktar koerenti min-naħa tal-pajjiżi tal-UE.

– F'dan is-sens, jinħtieġ mekkaniżmu fil-livell tal-UE biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri. B'kunsiderazzjoni ta' dan, il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ tagħha għal grupp ta' ħidma magħmul minn esperti u orjentat lejn ir-riżultat mill-Istati Membri —laqgħa annwali — sabiex tiffaċilita t-tali koperazzjoni. Il-grupp ta' ħidma se jagħti l-opportunità għall-Kummissjoni li taqsam l-informazzjoni dwar l-istat tan-negozjati tal-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi. Il-mekkaniżmu l-ġdid se jiżgura wkoll l-kumplimentarjetà bejn l-approċċ bilaterali nazzjonali u l-iżvilupp ta' approċċ tal-UE għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi.

2.           l-iżvilupp ta' approċċ komuni tal-UE

2.1.        Ir-Regolament(UE) Nru 1231/10

Ir-Regolament (UE) 1231/10 japplika r-regolamenti tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti b'mod legali li jinsabu "f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed". Effett wieħed tar-Regolament hu li ċ-ċittadini fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jistgħu jgawdu mill-prinċipju ta' trattament indaqs li jinsab fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Dan ifisser li kwalunkwe ċittadin ta' pajjiż terz f'sitwazzjoni transkonfinali li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010, li huwa intitolat għall-pensjoni tal-età avvanzata minn stat tal-UE, se jgawdu minn trattament indaqs maċ-ċittadini tal-istat li jħallas fir-rigward tal-ħlas tal-pensjoni barra l-UE[10].

Il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn li l-prinċipju ta' trattament indaqs jiġu infurzat effettivament f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħlas tal-pensjonijiet f'pajjiż terz. Dan huwa aktar u aktar importanti fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sal-punt li d-dritt għal pensjoni bbażata fuq l-impjieg jista' f'ċerti ċirkostanzi jiġi assimilat għal dritt tal-proprjetà mħares mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem[11]. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tuża n-netwerk tagħha ta' esperti nazzjonali tas-sigurtà soċjali biex tiġbor informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u miżuri oħra fil-livell nazzjonali dwar il-ħlas tal-pensjonijiet f'pajjiżi terzi. Din l-informazzjoni se tiddaħħal fil-profili tas-sigurtà soċjali speċifiċi għall-pajjiżi fis-sit tal-Kummissjoni, u se tiġi supplimentata b'informazzjoni dwar il-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi, għal darb'oħra bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-esperti nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

2.2.        Id-drittijiet mogħtija bl-istrumenti tal-emigrazzjoni tal-UE

Ir-regoli tal-emigrazzjoni tal-UE imponew standards li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali għandha tissodisfa fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiż terz li joqogħdu fi Stat Membru. Pereżempju, wara residenza legali ta' ħames snin fi Stat Membru tal-UE, u bil-preżunzjoni li ċerti kundizzjonijiet ġew sodisfatti, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiksbu l-istess drittijiet taċ-ċittadini fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-ħarsien soċjali kif definit bil-liġi nazzjonali[12]. Barra minn hekk, hemm tliet direttivi tal-UE dwar l-emigrazzjoni, l-hekk imsejħa Direttiva tal-"Permess Waħdieni"[13], l-hekk imsejħa Direttiva tal-"Karta l-Blu"[14] u Direttiva li tittratta r-riċerkaturi ta' pajjiż terz[15], li jiggarantixxu liċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jidħlu fl-Istati Membri – soġġetti għal ċerti eċċezzjonijiet limitati – trattament indaqs fis-sigurtà soċjali ma' ċittadini tal-istat fejn dawn ikunu joqogħdu. Din il-garanzija tinkludi trattament indaqs fir-rigward tat-trasferiment tal-pensjonijiet tal-istat tagħhom għal pajjiż terz u mhix dipendenti fuq l-eżistenza ta' ftehimiet bilaterali[16]. Il-proposti tal-Kummissjoni għal direttivi tal-emigrazzjoni tal-UE fihom klawsoli simili dwar it-trattament indaqs[17].

2.3.        Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Ġeneralment, il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (inklużi l-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li ġew konklużi mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent) fihom numru ta' prinċipji li għandhom jirregolaw il-kordinazzjoni tar-regoli tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, li jiċċaqalqu minn pajjiż tal-UE u l-pajjiż assoċjat. Barra minn hekk, il-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni li twaqqfu b'dawn il-Ftehimiet jingħataw il-kompitu li jadottaw dispożizzjonijiet biex jimplimentaw dawn il-prinċipji.

Fl-Ottubru tal-2010, il-Kunsill għamel l-ewwel pass f'dan il-proċess billi ddeċieda dwar il-pożizzjoni li l-UE għandha tieħu fi ħdan il-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni li twaqqfu permezz tal-Ftehimiet mal-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, Iżrael, il-Kroazja u Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar l-adozzjoni min-naħa ta' dawk il-Kunsilli tad-deċiżjonijiet rigward il-kordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali[18].

Il-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandhom ikopru dawn id-drittijiet li ġejjin għall-ħaddiema impjegati legalment: trattament indaqs mal-ħaddiema fl-istat ospitanti; esportazzjoni tal-ammont sħiħ tal-pensjonijiet tal-età avvanzata, tas-sopravissuti u tal-invalidità fir-rigward ta' aċċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali 'l barra mit-territorju tal-pajjiż li jħallas; u trattament indaqs għall-membri tal-familja residenti legalment. Id-drittijiet għandhom ikunu reċiproċi — il-ħaddiema tal-UE jgawdu mill-istess drittijiet fil-pajjiżi assoċjati u meta jerġgħu lura fl-UE. Li wieħed igawdi minn dawn id-drittijiet ma għandux jiddependi mill-moviment intern fi ħdan l-UE. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jipprovdu wkoll qafas reċiproku ta' koperazzjoni u mekkaniżmi ta' verifika biex jiġġieldu kontra l-frodi. Id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali li ġew konklużi bejn pajjiżi assoċjati u Stati Membri individwali, li jipprevedu t-trattament aktar favorevoli taċ-ċittadini ta' pajjiżi assoċjati jew Stati Membri, se jibqgħu japplikaw (b'kunsiderazzjoni, skont il-każ, tal-ġurisprudenza Gottardo tal-Qorti msemmija hawn fuq).

Ladarba d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiġu adottati, l-approċċ komuni tal-UE għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali se jiġi implimentat effettivament, b'effett dirett fil-liġi nazzjonali. Bħala kontinwazzjoni ta' dan, il-Kummissjoni se tipproponi ċerti arranġamenti amministrattivi prattiċi mhux ta' natura leġiżlattiva biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dawn id-Deċiżjonijiet ta' Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri japplikaw dawn id-Deċiżjonijiet: hija se torganizza laqgħat annwali biex tiddiskuti l-arranġamenti ta' kordinazzjoni mal-pajjiżi assoċjati u biex tiffaċilita l-koperazzjoni b'mod ġenerali; se timmonitorja mill-qrib il-mod kif l-Istati Membri jkunu qed japplikaw id-Deċiżjonijiet.

Fl-aħħar nett, l-ebda diskussjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE u ta' kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma jkunu kompluti mingħajr aċċenn għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mat-Turkija, u b'mod partikolari l-Protokoll Addizzjonali tal-1970[19] ta' ma dak il-Ftehim, li bħala għan li għandu jintlaħaq fi stadji progressivi, il-moviment ħieles tal-ħaddiema bejn it-Turkija u l-UE. F'dan il-kuntest, l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jirrikjedi li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jadotta miżuri ta' sigurtà soċjali għall-ħaddiema Torok li jiċċaqalqu ġewwa l-UE. Din id-dispożizzjoni twettqet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 3/80[20]. Għalkemm il-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa għal din id-deċiżjoni qatt ma ġew adottati, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-prinċipju ta' trattament indaqs u l-klawżola tal-esportazzjoni tal-pensjoni fid-Deċiżjoni Nru 3/80 huma direttament applikabbli[21]. Għaldaqstant, permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, diġà hemm fis-seħħ ċertu approċċ komuni tal-UE għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema Torok tal-UE.

2.4.        L-Użu tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni biex jiġi żviluppat aktar approċċ komuni tal-UE.

L-UE u l-Istati Membri tagħha ma ntrabtux biss b'obbligi tal-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward tat-Turkija, iżda wkoll fi ftehimiet mal-Albanija, il-Montenegro u San Marino. L-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għadha pendenti. Il-Kummissjoni temmen li l-obbligi legali stipulati f'dawn il-ftehimiet għandhom jiġu osservati, u għalhekk se tkun qed tipproponi t-tieni pakkett ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li l-UE għandha tieħu fi ħdan il-Kunsilli ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, Assoċjazzjoni u Koperazzjoni fir-rigward tal-kordinazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali ma' dawn il-pajjiżi.

Għat-Turkija, b'mod partikolari, il-Kummissjoni temmen li jridu jsir passi biex id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 3/80[22] tiġi sostitwita u aġġornata. Dan huwa aktar u aktar meħtieġ fid-dawl tas-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizza fil-każ C-485/07, Akdas. Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-aspetti tas-sigurtà soċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni se, pereżempju, jikkunsidraw il-prinċipju tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 li "benefiċċji speċjali mhux kontributorji fi flus" mhumiex esportabbli.

Fir-rigward tan-negozjazzjoni ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tfittex li tinkludi klawsola standard ta' kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, imsejsa fuq il-prinċipji ta' trattament indaqsx, esportazzjoni tal-pensjonijiet u koperazzjoni amministrattiva.

2.5.        Ftehimiet ġodda tas-sigurtà soċjali tal-UE

.Sabiex tikkunsidra l-ħtiġijiet ta' suq tax-xogħol globalizzat, il-Kummissjoni se tiftaħ dibatittu fil-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali sabiex tikkunsidra jekk, f'ċerti ċirkostanzi, l-Istati Membri jkollhomx bżonn jaħdmu flimkien fuq il-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-pajjiż terz li jkun Din il-ħtieġa tista' tiġi indirizzata permezz ta' strument ġdid — ftehim tas-sigurtà soċjali tal-UE. Dawn il-ftehimiet se jippermettu approċċ għall-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali aktar flessibbli minn dak li hu possibbli taħt ftehimiet ta' assoċjazzjoni u jistgħu jiġu konklużi ma' pajjiżi terzi ma' liema ma jkun hemm l-ebda ftehim ta' assoċjazzjoni jew koperazzjoni. Jista' jsir ftehim tal-UE xħin u meta jkun hemm bżonn — pereżempju, biex jiġu trattati d-diffikultajiet li jirriżultaw ma' pajjiż terz partikolari mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 jew jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-kontribuzzjonijiet doppji tas-sigurtà soċjali. Ftehimiet bħal dawn se joffru l-possibilità li jiġu integrati partikolaritajiet bilaterali possibbli bejn Stat Membru u l-pajjiż terz ikkonċernat u l-applikazzjoni tagħhom tista' tkun volontarja għall-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tbassar li jsiru tali ftehimiet magħmulin apposta ma' wħud mill-imsieħba strateġiċi tal-UE, b'mod partikolari ma' dawk li hemm movimenti sinifkanti ta' ħaddiema. Jista' jiġi kkunsidrat ukoll ftehim mal-pajjiżi ta' organizzazzjoni ta' integrazzjoni reġjonali. L-għan ġenerali ta' dawn il-ftehimiet se jkun wieħed li jippromwovi approċċ koerenti tal-UE vis-à-vis il-pajjiż terz ikkonċernat.

2.6.        Insaħħu l-profil estern tal-UE dwar is-sigurtà soċjali.

Finalment, hekk kif enfasizzat sew l-Istrateġija Ewropa 2020, huwa essenzjali għall-UE li tħares 'il barra u tipparteċipa f'diskussjonijiet u azzjonijiet ewlenin dwar il-kwistjonijiet regolatorji fuq livell globali. Hekk kif kulma jmur l-istati jaħdmu aktar ma' xulxin fuq kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali transkonfinali, l-UE għandha tieħu rwol ewlieni, minħabba l-esperjenza fit-tul li għandha fil-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Din għandha tinkludi l-koperazzjoni ma organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħall-ILO. Il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol fl-2011 sejħet lill-istati Membri tal-ILO biex jikkunsidraw il-konklużjoni tal-ftehimiet biex jipprovdu trattament indaqs, kif ukoll l-aċċess għall-preservazzjoni u/jew il-portabilità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema emigranti. L-importanza tat-taħdit dwar il-ħarsien soċjali u l-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' reġjuni oħra tad-dinja, qiegħda kulma jmur tiżdied. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tippromwovi l-koperazzjoni fil-kordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u ma' naħat oħra tad-dinja.

[1]               Attwalment ir-regoli jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament ta' implimentazzjoni (KE) Nru 987/2009, ĠU L 166, 30.5.2004, p. 1 tiegħu; ĠU L284, 30.10.2009, p. 1.

[2]               Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994 (iżda għal-Liechtenstein beda japplika biss fl-1 ta' Mejju 1995), ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. Il-Ftehim UE-Svizzera daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002, ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.

[3]               Każ C-55/00.

[4]               Ir-rakkomandazzjoni Nru P1 tat-12 ta' Ġunju 2009 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Kordinament tas-sistemi tas-Sigurtà Soċjali, ĠU C106, 24.4.2010, P. 47.

[5]               ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1. Madankollu, ir-Renju Unit jibqa' kemm marbut bl-applikazzjoni tar-Regolament preċedenti (KE) Nru 859/2003, kif ukoll suġġett għaliha. Id-Danimarka mhix marbuta bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 u r-Regolament (KE) Nru 859/2003 u lanqas mhi soġġetta għaliha. L-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera ma japplikaw l-ebda Regolament minn dawk.

[6]               Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

[7]               Ara, pereżempju, l-Artikolu 14(11) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

[8]               Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

[9]               Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

[10]             Ara l-Premessa 13 tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010.

[11]             KEDB, Klein v Austria (Nru tal-app 57028/00), it-3 ta' Marzu 2011.

[12]             Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

[13]             Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/98/UE dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.

[14]             Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.

[15]             Direttiva tal-Kunsill 2005/71/EC dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika, ĠU L 289, 12.10.05, p. 15.

[16]             Dan id-dritt huwa mogħti espliċitament permezz tal-Artikolu 14(1)(f) tad-Direttiva 2009/50/KE, iżda għandu jiġi inferit mit-termini tal-Artikolu 12(c) tad-Direttiva 2005/71/KE.

[17]             Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz għal skopijiet ta' impjieg staġonali, COM(2010) 379 finali; Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' impjegat rasferit bejn il-kumpaniji, COM(2010) 378 finali;

[18]             ĠU L 306, 23.11.2010.

[19]             Il-Protokoll Addizzjonali ta' 23.11.1970 għall-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija, ĠU L 293, 29.12.1972, p. 3.

[20]             Deċiżjoni 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom (ĠU C110, 25.4.1983, p. 60),

[21]             Każ C-262/96, Sürül; Każ C-485/07, Akdas; ara wkoll is-sentenzi fil-Każ C-18/90, Kziber; C-103/94, Krid, dwar il-klawżola ta' trattament ugwali fil-ftehimiet ta' koperazzjoni mal-pajjiżi tal-Maghreb, li issa ġew sostitwiti mill-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni.

[22]             Il-Kummissjoni se tirtira il-proposta preċedenti tagħha li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni Nru 3/80 (COM(83) 13).

Top