EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0883

Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament [...] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

/* KUMM/2011/0883 finali - 2011/0435 (COD) */

52011PC0883

Proposta għal DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament [...] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern /* KUMM/2011/0883 finali - 2011/0435 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST U L-GĦAN TAL-PROPOSTA 1.1. Kuntest ġenerali

Il-mobilità ta’ professjonisti kwalifikati, fl-Unjoni Ewropea, hija waħda baxxa . Madankollu, jidher li hemm potenzjal kbir mhux sfruttat għall-mobilità: skont stħarriġ tal-Eurobarometer tal-2010[1], 28% taċ-ċittadini tal-UE qed jikkunsidraw jaħdmu barra pajjiżhom. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa importanti għat-tħaddim effettiv tal-libertajiet fundamentali tas-Suq Intern għaċ-ċittadini tal-UE. Fl-istess waqt, il-mobilità ma għandhiex tkun ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi, b’mod partikolari l-pazjenti li jistennew ħiliet lingwistiċi adegwati mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Barra minn hekk, il-potenzjal ta’ suq tas-servizzi aktar integrat għadu mhux sfruttat fil-qasam tas-servizzi professjonali; filwaqt li mill-2006 id-Direttiva dwar is-Servizzi[2] offriet opportunitajiet ġodda, mill-2005 l-enfasi ewlenija tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali[3] kienet fuq il-konsolidazzjoni tal-15-il Direttiva eżistenti fi strument uniku

Il-modernizzazzjoni tad-Direttiva tkun qed tindirizza wkoll il-ħtiġijiet tal-Istati Membri li qed jaffaċċjaw nuqqas dejjem akbar ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin. F’dan ir-rigward, fost ħafna oħrajn, il-mobilità taċ-ċittadini tal-UE fi ħdan is-suq uniku hija kwistjoni importanti f'dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol mhux biss se jippersisti fil-ġejjieni iżda huwa mistenni li jiżdied, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, fis-settur tal-edukazzjoni, u anki fis-setturi tat-tkabbir, bħas-servizzi ta’ kostruzzjoni u dawk kummerċjali.

Fl-istrateġija tagħha għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (Ewropa 2020), il-Kummissjoni diġà xeħtet dawl fuq il-ħtieġa li tiġi promossa l-mobilità ġewwa l-UE. L-Aġenda dwar Ħiliet u Impjiegi Ġodda[4] wissiet li qed jippersistu d-diskrepanzi fis-suq tax-xogħol tal-UE u li l-potenzjal tal-mobilità tax-xogħol mhuwiex sfruttat biżżejjed. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza[5] mill-2010 jenfasizza anki l-ħtieġa għal modernizzazzjoni f’dan il-qasam fl-interess taċ-ċittadini tal-UE.

Fl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali tagħha għall-2011 u l-2012[6] u fl-Att dwar is-Suq Uniku[7], il-Kummissjoni identifikat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali bħala problema ewlenija. L-Att dwar is-Suq Uniku xeħet dawl fuq il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-qafas eżistenti, bħala parti mit-tnax-il xprun bil-għan li jiżdied it-tkabbir u tissaħħaħ il-kunfidenza fost iċ-ċittadini. Fit-23 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew[8] stieden lill-Istituzzjonijiet sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jilħqu ftehim politiku dwar dawn it-12-il inizjattiva fl-Att dwar is-Suq Uniku, inkluż dak dwar proposta tal-Kummissjoni għal modernizzazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Parlament Ewropew sejjaħ għal azzjoni urġenti wkoll fir-Rapport tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011[9].

1.2. Għan tal-proposta

Il-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi Direttiva ġdida, iżda modernizzazzjoni mmirata sew tad-dispożizzjonijiet eżistenti xprunata mill-objettivi li ġejjin:

· Tnaqqis tal-kumplessità tal-proċeduri permezz ta’ Karta Professjonali Ewropea li tisfrutta ulterjorment il-benefiċċji tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI - Internal Market Information System) (ara t-taqsima 4.1);

· Riforma tar-regoli ġenerali għall-istabbiliment fi Stat Membru ieħor jew għat-trasferiment fuq bażi temporanja (ara t-taqsimiet 4.2., 4.3 u 4.4.);

· Modernizzazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, l-aktar għal infirmiera, qwiebel, spiżjara u periti (ara t-taqsimiet 4.5, 4.6 u 4.7);

· Jiġi pprovdut qafas legali fid-Direttiva għal professjonisti parzjalment kwalifikati u għan-nutara (ara t-taqsima 4.8);

· Kjarifika tas-salvagwardji għal pazjenti li t-tħassib tagħhom dwar il-ħiliet lingwistiċi u r-riskji ta’ mġiba ħażina għandu jiġi rifless aħjar fil-qafas legali (ara t-taqsima 4.9.);

· Il-ħolqien tar-rekwiżit legali għall-forniment ta’ informazzjoni faċli għall-utent u xprunata mill-kontenut dwar ir-regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki sostnuti minn faċilitajiet tal-gvern elettroniku komprensivi għall-proċess sħiħ ta’ rikonoxximent (ara t-taqsima 4.10);

· It-tnedija ta’ skrinjar sistematiku u eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka għall-professjonijiet irregolati kollha fl-Istati Membri (ara t-taqsima 4.11).

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

L-inizjattiva hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni ex post tad-Direttiva u ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati ewlenin kollha, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, l-organizzazzjonijiet professjonali, il-korpi akkademiċi u ċ-ċittadini.

2.1. Evalwazzjoni

L-evalwazzjoni ex post twettqet bejn Marzu 2010 u Mejju 2011. Il-Kummissjoni Ewropea kkomunikat mal-awtoritajiet kompetenti u l-koordinaturi nazzjonali għad-Direttiva u rċiviet madwar 200 rapport ta’ esperjenza, ippubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni[10].

Barra minn hekk, ġie kummissjonat studju[11] mill-GHK Consulting li jiffoka fuq l-impatti tar-riformi edukattivi riċenti fir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

2.2. Konsultazzjonijiet pubbliċi

Fis-7 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew 370 kontribuzzjoni[12].

Fit-22 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat Green Paper[13] intitolata “Nimmodernizzaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali”. Daħlu madwar 420 kontribuzzjoni. Il-Kummissjoni organizzat ukoll żewġ konferenzi pubbliċi dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva.

2.3. Eżitu tal-konsultazzjonijiet

Il-partijiet interessati kollha rrikonoxew bżonn li jiġi żgurat aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki. Ħafna miċ-ċittadini u organizzazzjonijiet professjonali appoġġjaw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ rikonoxximent filwaqt li r-rappreżentanti tas-settur tas-saħħa saħqu fuq il-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-kwalità tas-servizzi. Il-parti l-kbira tal-partijiet interessati fi ħdan il-kategoriji kollha esprimiet fehmiet pożittivi dwar l-idea ta’ Karta Professjonali Ewropea. Ħafna organizzazzjonijiet professjonali esprimew appoġġ għar-reviżjoni tal-kunċett ta’ pjattaformi komuni. Il-parti l-kbira tal-awtoritajiet kompetenti u organizzazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw il-professjonijiet ibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku miftiehem dwar il-ħtieġa ta’ modernizzazzjoni tas-sistema.

2.4. Grupp ta’ Tmexxija dwar il-Karta Professjonali Ewropea

F’Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta’ tmexxija ma’ esperti esterni sabiex tiġi diskussa l-ħtieġa ta' Karta Professjonali Ewropea u l-fattibbiltà tagħha. Il-Grupp ġabar flimkien rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet professjonali u awtoritajiet kompetenti differenti u kkonkluda għadd ta’ studji ta’ każijiet[14] ippreżentati fil-Forum dwar is-Suq Uniku li sar fi Krakovja, il-Polonja fit-3 u l-4 ta’ Ottubru. Fid-dikjarazzjoni tagħhom, il-parteċipanti tal-Forum laqgħu l-idea ta’ Karta Professjonali Ewropea.

2.5. Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt fuq diversi alternattivi ta’ politika.

L-analiżi identifikat tmien gruppi ta’ problemi, li prinċipalment jirriżultaw mill-eżitu tal-evalwazzjoni u mir-reazzjonijiet għall-Green Paper. Dawn il-gruppi ta' problemi jkopru: l-aċċess għal informazzjoni dwar proċeduri ta' rikonoxximent, l-effiċjenza tal-proċeduri ta' rikonoxximent, l-iffunzjonar tas-sistema awtomatika tar-rikonoxximent, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-istabbiliment u dawk applikabbli għall-mobbiltà temporanja u l-ambitu tad-Direttiva. Minħabba li matul l-evalwazzjoni s-saħħa pubblika dehret bħala kwistjoni partikolari, il-protezzjoni tal-pazjenti kienet imsemmija wkoll fid-definizzjoni tal-problema. L-aħħar problema hija relatata man-nuqqas ta’ trasparenza u ġustifikazzjoni tal-kwalifiki meħtieġa fi professjonijiet irregolati.

L-analiżi identifikat tliet objettivi ġenerali: l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-professjonisti u tal-kummerċ fis-servizzi fl-UE, l-indirizzar tal-isfida li jimtlew l-impjiegi li jirrikjedu ħila kbira u li jiġu offruti iktar possibbiltajiet għal dawk li jfittxu x-xogħol. Dawn l-objettivi ġew ittrasformati f’objettivi speċifiċi, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest u l-problemi identifikati.

Ġiet eżaminata firxa wiesgħa ta’ għażliet għal kull grupp ta’ problemi. Din ġietivvalutata skont il-kriterji li ġejjin: effettività, effiċjenza, konsistenza u impatti fuq il-partijiet ikkonċernati (benefiċċji u spejjeż għall-professjonisti mobbli, Stati Membri, konsumaturi u pazjenti u min iħaddem).

Fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt esplorat għażliet differenti sabiex tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u d-dokumenti meħtieġa u sabiex trawwem l-użu ta’ proċeduri elettroniċi. L-għażla preferuta kienet l-estensjoni tal-ambitu tal-Punti ta’ Kuntatt Uniku (imwaqqfa bid-Direttiva tas-Servizzi). Permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-istrutturi eżistenti, din l-għażla ma għandhiex twassal għal żidiet sinifikanti fl-ispejjeż.

Fir-rigward tal-effiċjenza tal-proċeduri ta’ rikonoxximent, ġew ikkunsidrati diversi għażliet sabiex jitqassar it-tul tal-proċeduri u biex ikun żgurat użu aħjar tal-miżuri ta' kumpens. L-għażla preferuta kienet il-ħolqien ta' karta professjonali Ewropea, abbażi ta’ involviment iktar qawwi tal-Istat Membru tad-domiċilju, peress li toħloq kundizzjonijiet favorevoli biex titħaffef il-proċedura ta’ rikonoxximent. Din l-għażla tista’ twassal għal xi spejjeż amministrattivi għal ċerti Stati Membri iżda tippermetti wkoll lill-professjonisti jibbenefikaw minn proċeduri ta’ rikonoxximent iktar mgħaġġla. Barra minn hekk, ġie identifikat sett ta’ miżuri sabiex jitjiebu l-użu u l-organizzazzjoni tal- miżuri ta’ kumpens. Fl-aħħar nett, l-analiżi qieset neċessarja l-bidla radikali tal-kunċett ta’ “pjattaformi komuni” sabiex ikun iffaċilitat iktar ir-rikonoxximent għal ċertu professjonijiet.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema awtomatika ta’ rikonoxximent, ġew eżaminati għażliet differenti sabiex tkun iffaċilitata l-proċedura li biha jiġu nnotifikati u eżaminati diplomi ġodda. It-twaqqif ta’ funzjoni nazzjonali ta’ konformità dehret li kienet l-iktar għażla effettiva u effikaċi. Ġew eżaminati settijiet differenti ta’ għażliet biex ikunu aġġustati r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjonijiet settorjali – b’mod partikolari għat-tobba, l-infermiera, il-qwiebel, l-ispiżjara u l-periti u biex tkun modernizzata l-klassifika ta’ attivitajiet ekonomiċi fl-Anness IV għad-Direttiva. Dawn l-għażliet huma ppreżentati fis-sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt.

Ġiet eżaminata firxa wiesgħa ta’ għażliet biex jiġu ssimplifikati l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-istabbiliment permanenti. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-livelli ta’ kwalifiki definiti fl-Artikolu 11 għandhom jinżammu bħala punt ta’ referenza biex jitqabblu l-kwalifiki iżda ma għandux jintuża iktar biex tkun ivvalutata l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni. L-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ aċċess parzjali fid-Direttiva kien identifikat bħala soluzzjoni oħra li tista’ tnaqqas l-ostakoli għall-mobbiltà. Ir-rekwiżiti speċifiċi li japplikaw għal professjonisti li ġejjin minn Stati Membri li ma jirregolawx ma tqiesux neċessarji skont l-iskema ta’ stabbiliment.

Fir-rigward tal-mobbiltà temporanja, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat għażliet differenti li probabbilment jiffaċilitaw din it-tip ta' mobbiltà u li jtejbu ċ-ċertezza legali għall-professjonisti. Waħda mill-għażliet magħżula tikkonsisti fis-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti imposti fuq professjonisti mill-konsumaturi mill-Istati Membri non-regolatorji. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li kull Stat Membru għandu jipproduċi lista ta’ professjonisti b’implikazzjonijiet ta’ saħħa u sikurezza (li għaliha hija meħtieġa verifika tal-kwalifiki minn qabel).

Il-valutazzjoni tal-impatt esplorat għażliet ta’ politika differenti biex tikkjarifika u testendi l-ambitu tad-Direttiva għal kategoriji ġodda ta’ professjonisti. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet favur li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva, skont kundizzjonijiet speċifiċi, għal professjonisti mhux totalment ikkwalifikati u għan-nutara. Għall-kwalifiki ta’ pajjiżi terzi, iż-żamma tal-istatus quo kienet identifikata bħala l-għażla preferuta. Madankollu, it-trattament ipprovdut skont id-Direttiva liċ-ċittadini tal-Unjoni għandu jiġi estiż mill-Istati Membri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra, safejn huwa meħtieġ minn ftehimiet internazzjonali dwar is-servizzi professjonali.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-pazjenti, ġew ivvalutati għażliet differenti li jagħtu iktar garanziji lill-istatus tal-professjonisti u fuq il-ħiliet lingwistiċi tagħhom. F’dan il-qasam l-għażliet preferuti jinkludu l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ allert flimkien ma’ iktar trasparenza bejn l-Istati Membri dwar żvilupp professjonali kontinwu u l-kjarifika tar-regoli li japplikaw għall-kontroll tal-ħiliet lingwistiċi.

Ġew kkunsidrati diversi għażliet sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-ġustifikazzjoni ta’ professjonijiet regolati. L-għażla preferuta identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt tikkonsisti f’eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproku dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għal ċertu professjonijiet.

Is-sinerġiji bejn l-għażliet differenti preferuti tqiesu li jiżguraw il-koerenza interna tal-inizjattiva.

L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt ġie skrutinizzat mill-Bord ta’ Valutazzjoni tal-Impatt (IAB), filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal titjib ġew integrati fir-rapport finali. L-opinjoni tal-IAB hija ppubblikata flimkien ma’ din il-proposta, kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt finali u s-sommarju eżekuttiv tagħha.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 3.1. Bażi legali

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 46, 53(1),62 u 114 tat-TFUE.

3.2. Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE.

L-għan tad-Direttiva ma jistax jinkiseb b’mod xieraq permezz ta’ azzjoni mill-Istati Membri hekk kif din inevitabbilment tirriżulta f’rekwiżiti diverġenti u sistemi proċedurali li jżidu l-kumplessità regolatorja u jikkaġunaw xkiel żejjed għall-mobilità ta’ professjonisti. Barra minn hekk, bidliet fis-sistema legali attwali jimplikaw il-modifika ta’ Direttiva eżistenti li tista’ tinkiseb biss permezz tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jesiġi li kull intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi. L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat funzjonament aħjar tar-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u għaldaqstant, jikkonformaw ma’ dan il-prinċipju.

3.3. Għażla tal-istrument

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 46, 53(1), 62 u 114 tat-Trattat li jipprevedu l-użu ta’ Direttiva għal rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. Barra minn hekk, Direttiva hija l-aktar mezz xieraq għal dan il-kompitu peress li tipprovdi lill-Istati Membri bil-flessibilità meħtieġa sabiex jimplimentaw ir-regoli stabbiliti billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet amministrattivi u legali nazzjonali tagħhom. Madankollu, peress li jridu jiġu modifikati għadd importanti ta’ atti leġiżlattivi nazzjonali, huwa importanti li dawn jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-parti korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

3.4. Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni relatata maż-Żona Ekonomika Ewropea u għaldaqstant, għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

4. SPJEGAZZJONI DETTALJATA DWAR IL-PROPOSTA

L-emendi proposti għad-Direttiva 2005/36/KE huma ppreżentati skont l-objettivi stabbiliti fit-taqsima 1.2.

4.1. Karta Professjonali Ewropea u Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

4.1.1.   Karta Professjonali Ewropea

Il-Karta Professjonali Ewropea se tkun għodda alternattiva li tista’ tiġi implimentata għal dawk il-professjonijiet li jilħqu diversi objettivi: domanda minn isfel għal fuq mill-membri tal-professjoni, mobilità sinifikanti u kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti permezz tal-IMI. Il-Karta Professjonali Ewropea toffri wkoll potenzjal għal dawk il-professjonijiet interessati prinċipalment fil-mobilità temporanja. Kollox ma' kollox, l-introduzzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea se tiddependi fuq jekk il-professjonijiet jitolbux l-introduzzjoni tagħha. Madankollu, l-attrattività tagħha għandha twassal għall-adozzjoni tagħha minn għadd dejjem akbar ta' professjonijiet.

Il-Karta Professjonali Ewropea għandha l-għan li tiffaċilita u tħaffef il-proċedura ta’ rikonoxximent filwaqt li fl-istess ħin, tagħmilha aktar trasparenti. Għaldaqstant, il-karta tesiġi involviment akbar mill-Istat Membru ta’ oriġini, li jimplika ċ-ċaqliq ta' ċerti spejjeż u piżijiet amministrattivi mill-Istat Membru ospitanti għall-Istat Membru ta' oriġini. Madankollu, l-użu tal-IMI għandu jnaqqas l-ispejjeż u l-proċedura ġdida tista' titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti stabbiliti li diġà huma involuti ta' spiss fit-tħejjija tal-fajl ta' rikonoxximent tal-professjonisti nazzjonali.

Safejn Karta Professjonali Ewropea tkun ġiet introdotta għal professjoni speċifika, fuq talba minn professjonist, l-Istat Membru ta’ oriġini se jivvaluta l-kompletezza tal-fajl tal-professjonist u, fil-każ ta’ talba għall-istabbiliment, joħloq karta professionjonali Ewropea. Ir-rwol tal-Istat Membru ta’ oriġini huwa saħansitra aktar importanti fil-każ ta’ mobilità temporanja, hekk kif dan kemm se joħloq kif ukoll jivvalida l-karta professjonali. L-użu tas-Sistema tas-Suq Intern isir obbligatorju peress li din se sservi għall-amministrazzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea. Kemm l-involviment tal-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll l-użu tal-IMI se jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-ispejjeż u ż-żmien meħtieġa għat-trattament ta’ talba għal rikonoxximent. Dan joħloq il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis fid-dati ta’ skadenza għat-trattament ta’ applikazzjoni abbażi tal-Karta Professjonali Ewropea meta mqabbla mal-proċedura attwali li se tkompli teżisti għall-professjonisti li jippreferu ma jużawx il-Karta Professjonali Ewropea.

4.1.2. L-IMI ssir mandatorja taħt id-Direttiva

Sa minn meta saru estensjonijiet suċċessivi tal-IMI sabiex din tkopri l-mekkaniżmi ta’ rikonoxximent kollha taħt id-Direttiva, numru sinifikanti ta’ awtoritajiet kompetenti bdew jużaw l-IMI b’mod regolari b’riżultati tajbin. Madankollu, il-potenzjal tas-sistema jiġi mxekkel meta awtorità kompetenti ma tkunx irreġistrata jew ma tkunx trid tittratta t-talbiet għal informazzjoni minħabba n-natura mhux obbligatorja tal-IMI. Barra minn hekk, il-funzjonament tal-Karta Professjonali Ewropea huwa kontinġenti fuq l-użu sistematiku tal-IMI. Għaldaqstant, il-proposta tobbliga lill-Istati Membri sabiex jużaw l-IMI għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

4.2. Forniment liberu ta’ servizzi

Permezz tad-Direttiva 2005/36/KE, ġiet introdotta sistema speċjali għall-forniment liberu ta’ servizzi fuq bażi temporanja. Din tipprevedi regoli inqas stretti għal fornituri ta’ servizzi temporanji: dawn jistgħu jipprovdu servizzi mingħajr verifiki minn qabel tal-kwalifiki professjonali (ħlief għal professjonijiet b’implikazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sikurezza) li hija r-regola skont il-mekkaniżmi ta’ rikonoxximent għall-istabbiliment.

Hemm proposti diversi emendi sabiex jiġu ċċarati r-regoli dwar il-forniment liberu ta’ servizzi.

Bit-tneħħija tar-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali impost fuq il-fornituri ta’ servizzi minn Stati Membru fejn dawn il-professjonijiet mhumiex irregolati meta l-fornitur tas-servizzi jakkumpanja r-riċevitur tas-servizz, il-proposta għandha l-għan li taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-konsumaturi li jaqsmu l-fruntieri. Fejn ir-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali jkun għadu japplika, il-proposta tipprevedi li dan jista’ jinkiseb f’wieħed jew f’diversi Stati Membri li joħloq aktar opportunitajiet għall-fornituri tas-servizzi meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali.

Għal professjonijiet b’implikazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sikurezza, l-Istati Membri implimentaw il-verifika minn qabel tal-kwalifiki b’diversi modi li wassal għal inċertezza legali għall-fornituri ta’ servizzi. Il-proposta tindirizza din il-kwistjoni billi tobbliga lill-Istati Membri li mhux biss jipprovdu lista tal-professjonijiet kollha li huma jqisu li jaqgħu taħt din il-kategorija, iżda li jiġġustifikaw ukoll ir-raġunijiet tagħhom għall-inklużjoni ta’ kull professjoni. Dan se jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi sabiex ikunu jafu r-rekwiżiti eżatti li huma jridu jissodisfaw minn qabel sabiex jipprovdu s-servizzi b’mod ħieles u, permezz ta’ trasparenza akbar, jonqos ir-riskju ta’ obbligi sproporzjonati jew żejda.

Finalment, il-proposta tiċċara l-lista ta’ dokumenti li Stat Membru jista’ jesiġi qabel l-ewwel forniment ta’ servizzi. Barra minn hekk, tistipula b’mod espliċitu li d-dikjarazzjoni li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu qabel ma jipprovdu s-servizz trid tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Istat Membru.

4.3. Sistema ġenerali

L-ewwel element tal-proposta jikkonċerna l-possibbiltà eżistenti li ċerti kwalifiki jiġu esklużi abbażi tal-Artikolu 11 mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fejn ikun hemm żewġ livelli jew aktar ta’ differenza bejn it-taħriġ tal-professjonisti u r-rekwiżiti fl-Istat Membru ospitanti. Fil-prinċipju, il-livelli ta’ kwalifiki għandhom jintużaw biss bħala għodda ta’ valutazzjoni komparattiva u mhux bħala bażi għall-esklużjoni ta’ professjonisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-unika eċċezzjoni hija relatata ma’ persuni li l-kwalifiki tagħhom huma bbażati fuq esperjenza professjonali li qed jippruvaw jiksbu aċċess għal professjoni li teħtieġ grad universitarju. Il-proposta ssaħħaħ ukoll l-obbligu fuq l-Istati Membru sabiex dawn jiġġustifikaw aħjar il-miżuri ta’ kumpens. Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi l-obbligu li l-Istati Membri jorganizzaw testijiet tal-aptitudni fuq bażi regolari.

4.4. Aċċess parzjali

Skont il-ġurisprudenza[15] tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa propost li jiġi introdott il-kunċett ta’ aċċess parzjali fid-Direttiva. Dan se jġib miegħu ċertezza akbar għall-professjonisti u se jippermetti lill-professjonisti sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess parzjali bil-għan li jistabbilixxu lilhom infushom jew sabiex jipprovdu servizzi fejn qabel kienu esklużi mill-benefiċċji tad-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma japplikawx dan il-prinċipju fejn ikun hemm raġunijiet prijoritarji bħal fil-każ ta’ professjonijiet fil-qasam tas-saħħa.

4.5. Rikonoxximent awtomatiku bbażat fuq l-esperjenza professjonali

L-emenda proposta f’dan il-qasam għandha l-għan li tintroduċi flessibilità akbar għall-Kummissjoni sabiex din tadatta l-lista ta’ attivitajiet li jinstabu fl-Anness IV. Il-lista ma għadhiex tirrefletti l-istruttura attwali tal-attivitajiet ekonomiċi. Dan jista’ joħloq diffikultajiet fl-identifikazzjoni ta’ liema professjonijiet jaqgħu taħt din is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku u tirriżulta f’inċertezzi għall-professjonisti.

Għaldaqstant, modernizzazzjoni tal-klassifika tidher li hija neċessarja. Madankollu, kull modifika fil-klassifika attwali għandha tiġi valutata bir-reqqa peress li din tista’ taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema. Għaldaqstant, l-emenda proposta tagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà ta’ reviżjoni iżda mingħajr ma tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku. Barra minn hekk, fl-2012 il-Kummissjoni beħsiebha tniedi studju li jinvolvi l-partijiet interessati.

4.6. Rikonoxximent awtomatiku abbażi ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ

Il-partijiet interessati saħqu fuq in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rekwiżiti ta’ taħriġ fl-Istati Membri li fuqhom hija msejsa s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għall-professjonijiet settorjali. Sabiex tiżdied it-trasparenza fil-livell tal-UE, il-proposta teħtieġ lil kull Stat Membru jinnotifika d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi relatati mal-ħruġ ta’ kwalifiki ġodda jew mibdula. L-Istati Membri se jkunu obbligati wkoll sabiex jinvolvu awtorità jew korp eżistenti xierqa, bħal bord ta’ akkreditazzjoni jew ministeru, sabiex jirrapportaw dwar il-konformità tal-kwalifika mar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tad-Direttiva.

L-evalwazzjoni tad-Direttiva wriet ukoll li jeħtieġ li jiġi ċċarat iż-żmien minimu għat-taħriġ għal tobba, infirmiera tal-kura ġenerali u għal qwiebel. Barra minn hekk, fid-dawl tal-progress fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), il-proposta tipprevedi numri speċifikati ta’ krediti ECTS bħala kriterji taż-żmien potenzjali għal professjonijiet li t-taħriġ tagħhom irid jingħata fil-livell universitarju.

Sabiex tiżdied il-mobilità ta’ tobba li diġà kisbu kwalifika ta’ speċjalizzazzjoni medika u li wara jixtiequ jsegwu taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni ieħor, il-proposta tippermetti lill-Istati Membri jagħtu eżenzjonijiet parzjali minn uħud mill-elementi tat-taħriġ jekk it-tabib ikun diġà lesta dawk l-elementi matul il-programm ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni medika preċedenti tiegħu jew tagħha f’dak l-Istat Membru.

Ir-rekwiżiti professjonali ġodda relatati mal-professjonijiet ta’ infirmiera ta’ kura ġenerali u ta’ qwiebel huma riflessi fil-proposta li teħtieġ li l-Istati Membri jżidu r-rekwiżit ta’ ammissjoni għat-taħriġ ta’ dawn il-professjonijiet minn 10 snin ta’ edukazzjoni ġenerali għal 12-il sena. Dan diġà hu fis-seħħ f’24 Stat Membru.

L-organizzazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku għall-infermiera matul il-proċess tal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-2004 u l-2007 kienet waħda kumplessa. Fl-2012, is-servizzi tal-Kummissjoni se jagħmlu valutazzjoni teknika dwar il-kwalifiki tal-infermiera Pollakki u Rumeni li ngħatawlhom kwalifiki formali jew li t-taħriġ tagħhom beda qabel l-1 ta’ Mejju 2004 sabiex tanalizza jekk ir-rekwiżiti addizzjonali għall-infermiera Pollakki u Rumeni skont l-Artikolu 33(2) għadhomx iġġustifikati

Iż-żmien minimu għat-taħriġ ta’ periti għandu jiżdied sabiex jirrefletti aħjar l-istandards aċċettati b’mod ġenerali fl-edukazzjoni tal-periti, b’mod partikolari l-ħtieġa li t-taħriġ akkademiku jiġi supplimentat b’esperjenza professjonali taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti kwalifikati. Konsegwentement, il-proposta tipprevedi li ż-żmien minimu tat-taħriġ ta’ periti għandu jkun tal-inqas ta’ sitt snin: jew tal-inqas erba’ snin ta’ studju full-time f’istituzzjoni ta’ livell universitarju u tal-inqas sentejn ta’ taħriġ prattiku bi ħlas jew tal-inqas ħames snin ta’ studju full-time f’istituzzjoni ta’ livell universitarju supplimentat b’tal-inqas sena ta’ taħriġ prattiku bi ħlas.

Rigward l-ispiżjara, il-proposta tipprovdi għal estensjoni tal-lista tagħhom ta’ attivitajiet iżda anke għal tħassir tad-deroga għall-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 21(4), li tippermettilhom ma jħallux lill-ispiżjara bi kwalifiki barranin jiftħu spiżeriji ġodda. Din l-eċċezzjoni ma għadhiex tintuża minn għadd ta’ Stati Membri li dejjem qed jikber (bħall-Pajjiżi l-Baxxi, l-Irlanda u r-Renju Unit). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti restrizzjonijiet territorjali biss sa fejn dawn ma jwasslux għal diskriminazzjoni.

4.7. Prinċipji ta’ taħriġ komuni – sistema ġdida għar-rikonoxximent awtomatiku

Il-kunċett ta’ “pjattaformi komuni” tad-Direttiva tal-2005 huwa sostitwit minn prinċipji ta’ taħriġ komuni: qafas ta’ taħriġ komuni jew testijiet ta’ taħriġ komuni. Dawn għandhom l-għan li jintroduċu aktar awtomatiċità fir-rikonoxximent ta’ kwalifiki li attwalment huma koperti mis-sistema ġenerali u li għandhom jwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tal-professjonijiet. Filwaqt li l-pjattaformi komuni offrew biss il-possibbiltà ta’ armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens, il-prinċipji ta’ taħriġ komuni jippermettu li l-professjonisti jiġu eżentati mill-miżuri ta’ kumpens kollha kemm huma. Il-kwalifiki miksuba taħt din is-sistema għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod awtomatiku fl-Istati Membri li madankollu, jistgħu jibbenefikaw minn derogi għall-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, huwa inqas diffiċli li jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta’ prinċipji ta’ taħriġ komuni mill-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta’ pjattaformi komuni.

Filwaqt li l-prinċipji ta’ taħriġ komuni ma jiħdux post il-programmi ta’ taħriġ nazzjonali, professjonisti bi kwalifika taħt din is-sistema jibbenefikaw mill-istess vantaġġi bħall-professjonijiet li r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tagħhom huma speċifikati fid-Direttiva.

4.8. Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fejn dan ikun neċessarju

4.8.1    Professjonisti mhux kompletament kwalifikati

Il-proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għal professjonisti li għandhom diploma, iżda li għad iridu jlestu taħriġ prattiku bi ħlas li jista’ jkun meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru fejn iggradwaw (dan jista’ japplika, pereżempju, għal avukati, periti u għalliema). Din l-emenda se tkun qed iġġib magħha ċertezza legali akbar għal din il-kategorija ta’ professjonisti, li attwalment tibbenefika mir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu iżda mhux mis-salvagwardji proċedurali tad-Direttiva. Hija bbażata fuq il-ġurisprudenza[16] tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.8.2. Nutara

F’Mejju 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet[17] li r-rekwiżiti ta’ ċittadinanza ma jistgħux jiġu imposti fuq in-nutara. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Qorti ħadet il-pożizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati, fl-għeluq tal-perjodu tal-opinjoni motivata, ma setgħux ikunu raġonevolment mistennija jikkunsidraw li d-Direttiva għandha tiġi trasposta għan-nutara. Il-Qorti ma eskludietx li hemm obbligu sabiex tiġi implimentata d-Direttiva iżda qieset li l-obbligu ma kienx ċar biżżejjed fi żmien il-proċedimenti ta’ ksur. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jrid jiġi ċċarat. Meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-professjoni, ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-forniment liberu tas-servizzi ġew imfassla b’mod tajjeb: fl-ewwel każ l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu t-testijiet tal-aptitudni meħtieġa sabiex jevitaw kull tip ta’ diskriminazzjoni fl-għażla nazzjonali u fil-proċeduri ta’ nomina. Fil-każ tal-forniment liberu tas-servizzi, in-nutara ma għandhomx ikunu jistgħu jfasslu atti awtentiċi u jwettqu attivitajiet oħrajn ta’ awtentikazzjoni li jeħtieġu s-siġill tal-Istat Membru ospitanti.

4.9. Kjarifika tal-garanziji għal pazjenti u konsumaturi ta’ servizzi professjonali

4.9.1.   Rekwiżiti tal-lingwa

Il-proposta tistipula li l-verifika tal-għarfien lingwistiku għandu jseħħ biss wara li l-Istat Membru jkun irrikonoxxa l-kwalifika. Fil-każ ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa, din tispeċifika wkoll li huwa f’idejn is-sistemi nazzjonali ta’ kura tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet ta’ pazjenti sabiex jivverifikaw jekk l-awtoritajiet kompetenti għandhomx iwettqu kontrolli lingwistiċi fejn dan ikun strettament neċessarju.

4.9.2    Mekkaniżmu ta’ twissija

B’konformità mar-reazzjonijiet li waslu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi, il-proposta tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex iwissu lil xulxin fil-każ li professjonist fil-qasam tas-saħħa jibbenefika minn rikonoxximent awtomatiku taħt id-Direttiva jkun projbit, anki jekk b’mod temporanju, milli jipprattika l-professjoni. Fil-każ ta’ professjonisti oħrajn, li mhumiex koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri fejn ikun neċessarju jridu jwissu lil xulxin ukoll.

4.10. Governanza elettronika: Aċċess għal informazzjoni u proċeduri elettroniċi

Sabiex tippermetti li jkun hemm identifikazzjoni faċli tal-awtorità kompetenti u tad-dokumenti meħtieġa għal talba ta’ rikonoxximent, il-proposta tipprevedi li l-punti uniċi ta’ servizz, maħluqa taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi, isiru l-punti ċentrali ta’ aċċess onlajn għall-professjonijiet kollha koperti mid-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti uniċi ta’ servizz huwa estiż għal kategoriji ta’ professjonisti li mhumiex koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi (professjonisti fil-qasam tas-saħħa u persuni li qed ifittxu xogħol). Permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida, il-professjonisti jistgħu jirrikorru għal struttura waħda għall-proċeduri amministrattivi kollha marbutin mal-istabbiliment jew il-forniment ta’ servizzi fi Stat Membru.

Il-proposta tipprevedi li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali li jeżistu fl-ambitu tad-Direttiva attwali jsiru ċentri ta’ assistenza, u għaldaqstant, jiġi evitat xogħol doppju ta’ strutturi ta’ informazzjoni. Dawn iċ-ċentri ta’ assistenza se jiffokaw fuq il-każijiet individwali billi jipprovdu pariri u assistenza liċ-ċittadini bħal permezz tat-telefonati jew li jkunu jippermettu anki laqgħat wiċċ imb’wiċċ. Fejn dan ikun neċessarju, dawn ikunu jikkollegaw ma’ awtoritajiet kompetenti u ċentri ta’ assistenza ta’ Stati Membri oħrajn.

4.11. Trasparenza u evalwazzjoni reċiproka

Fost is-27 Stat Membru, id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali tapplika għal madwar 800 kategorija ta’ professjonijiet irregolati. Hemm nuqqas ta’ trasparenza rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamentazzjoni u l-ġustifikazzjonijiet għaliha, u din tista’ tkun ta’ xkiel għall-mobilità.

Għaldaqstant, din il-proposta tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ obbligu sabiex l-Istati Membri jinnotifikaw lista ta’ professjonijiet li huma jirregolaw u sabiex jivvalutaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-aċċess għal professjonijiet irregolati fl-isfond tal-prinċipji ta’ neċessità (interess pubbliku), ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni. Kull Stat Membru jkun irid jirrapporta mal-Kummisjoni dwar ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni. Dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka jkun jippermetti lill-Istati Membri jqabblu l-approċċi regolatorji tagħhom u jissimplifikaw, fejn dan ikun neċessarju, l-oqsfa legali nazzjonali tagħhom għall-professjonijiet irregolati.

5. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Huwa mistenni li l-proposta jkollha implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-UE peress li l-Karta Professjonali Ewropea (EPC) se tuża s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) bħala l-bażi ta’ tħaddim tagħha. L-IMI se jkollha tiġi adattata għall-proċessi u r-rekwiżiti ta’ ħżin u supplimentata b’xi funzjonijiet addizzjonali, b’mod partikolari interfaċċja speċifika, mekkaniżmu ta’ twissija u mekkaniżmu ta’ dikjarazzjoni. L-implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE diġà huma koperti minn allokazzjonijiet ippjanati u madankollu, dawn se jkunu modesti minħabba l-fatt li l-użu tal-IMI bħala bażi tal-EPC se jipprovdi ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa importanti. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tagħhom, il-kapaċitajiet attwali eżistenti tal-IMI u dawk li attwalment qed jiġu żviluppati huma konformi mar-rekwiżiti tal-EPC. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ adattament u żvilupp se jonqsu b’mod sostanzjali.

2011/0435 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament [...] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 46, 53(1), 62 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ttrażmettew l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[18],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta[19],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali[20] kkonsolidat sistema ta’ rikonoxximent reċiproku li inizjalment kienet ibbażata fuq 15-il Direttiva. Tipprovdi għal rikonoxximent awtomatiku għal għadd limitat ta’ professjonijiet abbażi ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ (professjonijiet settorjali) armonizzati, sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ u rikonoxximent awtomatiku tal-esperjenza professjonali. Id-Direttiva 2005/36/KE waqqfet ukoll sistema ġdida għall-forniment liberu ta’ servizzi. Għandu jiġi mfakkar li membri tal-familja minn pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn trattament ugwali f’konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn trattament ugwali fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, f’konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti, skont leġiżlazzjoni speċifikat tal-Unjoni bħal atti dwar residenza fit-tul, refuġjati detentuti tal-“karti blu” u riċerkaturi xjentifiċi.

(2) Fil-Komunikazzjoni tagħha 'L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja, “Flimkien għal tkabbir ġdid”'[21], il-Kummissjoni identifikat li-ħtieġa ta’ modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam. Fil-konklużjonijiet tiegħu fit-23 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew appoġġja din il-modernizzazzjoni u sejjaħ għal ftehim sa tmiem l-2012. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta. Ir-rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”[22] jixħet dawl fuq il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

(3) Sabiex jiġi promoss il-moviment liberu tal-professjonisti, filwaqt li jiġi żgurat rikonoxximent tal-kwalifiki aktar effiċjenti u trasparenti, huwa neċessarju li tiġi pprovduta Karta Professjonali Ewropea. B’mod partikolari, din il-karta hija meħtieġa sabiex tiffaċilita l-mobilità temporanja u r-rikonoxximent taħt is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, kif ukoll sabiex jiġi promoss proċess ta’ rikonoxximent simplifikat taħt is-sistema ġenerali. Il-karta għandha tinħareġ fuq talba minn professjonist u wara li l-awtoritajiet kompetenti jissottomettu d-dokumenti meħtieġa u jlestu l-proċeduri ta’ reviżjoni u verifika relatati. Il-funzjonament tal-karta għandu jiġi appoġġjat mis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru […] dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern[23]. Dan il-mekkaniżmu għandu jgħin sabiex jittejbu s-sinerġiji u l-fiduċja bejn l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li fl-istess ħin jiġi eleminat ix-xogħol amministrattiv doppju għall-awtoritajiet u jinħolqu trasparenza u ċertezza akbar għall-professjonisti. Il-proċess għall-applikazzjoni u l-ħruġ tal-karta għandu jiġi strutturat b’mod ċar u għandu jinkorpora salvagwardji u d-drittijiet ta’ appell korrispondenti għall-applikant. Il-karta u l-volum ta’ xogħol relatat magħha fi ħdan l-IMI għandhom jiżguraw l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-dejta maħżuna u għandhom jevitaw aċċess illegali u mhux awtorizzat għall-informazzjoni li tinsab fihom.

(4) Id-Direttiva 2005/36/KE tapplika biss għal professjonisti li jixtiequ jwettqu l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor. Hemm każijiet fejn l-attivitajiet ikkonċernati jkunu parti minn professjoni b’ambitu ta’ attivitajiet akbar fl-Istat Membru ospitanti. Jekk id-differenzi bejn l-oqsma ta’ attività tant ikunu kbar li fil-verità jkun meħtieġ li l-professjonist jagħmel programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex jikkumpensa għan-nuqqasijiet u jekk il-professjonist jitlob dan, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari Stat Membru ospitanti għandu jawtorizza aċċess parzjali. Madankollu, f’każ ta’ raġunijiet prijoritarji ta’ interess ġenerali, bħal fil-każ ta’ tabib jew professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa, Stat Membru għandu jkun jista’ jiċħad talba għal aċċess parzjali.

(5) Il-forniment temporanju jew okkażjonali ta’ servizzi fl-Istati Membri għandu jkun soġġett għal salvagwardji, b’mod partikolari rekwiżit ta’ esperjenza professjonali ta’ sentejn, fl-interess tal-ħarsien tal-konsumaturi lokali fl-Istat Membru ospitanti jekk il-professjoni ma tkunx irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, dawn is-salvagwardji mhumiex meħtieġa jekk il-konsumaturi, li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-professjonist, diġà għażlu lil dan il-professjonist u ma hemm l-ebda implikazzjoni fuq is-saħħa jew is-sikurezza pubblika għal persuni terzi fl-Istat Membru ospitanti.

(6) Id-Direttiva 2005/36/KE tippermetti lill-Istati Membri jivverifikaw il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz qabel l-ewwel forniment ta’ servizz fil-każ ta’ professjonijiet irregolati li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sikurezza pubblika. Dan wassal għal inċertezza legali billi tħalla kollox għad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-ħtieġa għal verifika minn qabel bħal din. Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, il-professjonisti għandhom ikunu mgħarrfa mill-bidu dwar jekk verifika minn qabel tal-kwalifiki hijiex se tkun neċessarja u meta għandhom jistennew li tittieħed id-deċiżjoni.

(7) Id-Direttiva 2005/36/KE għandha tkopri lin-nutara wkoll. Għal talbiet ta’ rikonoxximent għall-istabbiliment, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu t-test tal-aptitudni jew perjodu ta' adattament neċessarji sabiex jevitaw kull diskriminazzjoni fil-proċedura nazzjonali tal-għażla u tan-nomina. Fil-każ ta’ forniment ħieles ta’ servizzi, in-nutara ma għandhomx ikunu jistgħu jfasslu strumenti awtentiċi u jwettqu attivitajiet oħra ta’ awtentikazzjoni li jeħtieġu s-siġill tal-Istat Membru ospitanti.

(8) Sabiex jiġi applikat il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent fis-sistema ġenerali, huwa neċessarju li l-iskemi nazzjonali varji ta’ edukazzjoni u taħriġ jitqiegħdu fi gruppi ta’ livelli differenti. Dawk il-livelli, li huma stabbiliti biss għall-finijiet ta’ tħaddim tas-sistema ġenerali, ma għandu jkollhom la effett fuq l-istrutturi nazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ u lanqas fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam, inkluża politika nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. Din tista’ tkun għodda għall-promozzjoni tat-trasparenza u l-komparabilità ta’ kwalifiki u tista’ tkun sors addizzjonali ta’ informazzjoni utli għall-awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki maħruġa fi Stati Membri oħrajn. Fil-prinċipju, il-livelli stabbiliti għat-tħaddim tas-sistema ġenerali ma għandhomx jibqgħu jintużaw bħala kriterju għall-esklużjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE meta dan ikun qed imur kontra l-prinċipju ta’ tagħlim tul il-ħajja.

(9) L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent minn professjonisti li ġejjin minn Stati Membri li ma jirregolawx il-professjonijiet tagħhom iridu jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk ta’ professjonisti li ġejjin minn Stat Membru li jirregola dawk il-professjonijiet. Il-kwalifiki tagħhom iridu jitqabblu mal-kwalifiki mitluba fl-Istat Membru ospitanti abbażi tal-livelli ta’ kwalifika fid-Direttiva 2005/36/KE. F’każ li jkunu jeżistu differenzi sostanzjali, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ timponi miżuri ta’ kumpens.

(10) Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għal aċċess għall-professjonijiet irregolati mis-sistema ġenerali, għandu jibqa’ jkun possibbli li l-Istat Membru ospitanti jimponi miżura ta’ kumpens. Din il-miżura għandha tkun proporzjonata u, b’mod partikolari, għandha tqis l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali jew permezz tat-tagħlim tul il-ħajja. Id-Deċiżjoni li timponi miżura ta’ kumpens għandha tiġi ġustifikata fid-dettall sabiex l-applikant ikun jista' jifhem aħjar is-sitwazzjoni tiegħu u sabiex ifittex li jikseb skrutinju legali quddiem il-qrati nazzjonali taħt id-Direttiva 2005/36/KE.

(11) Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2005/36/KE wriet ħtieġa li jiġu aġġornati u ċċarati bi flessibilità akbar dawk il-listi ta’ attivitajiet industrijali, kummerċjali u tal-artiġjanat fl-Anness IV, filwaqt li tinżamm sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku bbażata fuq esperjenza professjonali għal dawk l-attivitajiet. Bħalissa, l-Anness IV huwa bbażat fuq il-Klassifika Industrijali Internazzjonali Standard għall-Attivitajiet Ekonomiċi kollha (ISIC) datata fl-1958 u ma għadhiex tirrefletti l-istruttura attwali tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-klassifika tal-ISIC ġiet riveduta diversi drabi mill-1958. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadatta l-Anness IV sabiex iżomm is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku intatta.

(12) Is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku fuq il-bażi ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ armonizzati tiddependi fuq in-notifika f’waqtha ta’ provi ġodda jew mibdula ta’ kwalifiki formali mill-Istati Membri u l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Inkella, id-detenturi ta’ dawn il-kwalifiki ma jkollhom l-ebda garanzija li jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku. Sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi faċilitata l-eżaminazzjoni ta’ titli notifikati ġodda, l-Istati Membri għandhom jaħtru korp xieraq, bħal bord ta’ akkreditazzjoni jew ministeru, sabiex dawn jeżaminaw kull notifika u jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar il-konformità mad-Direttiva 2005/36/KE.

(13) Il-krediti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) diġà huma użati fil-maġġoranza tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-Unjoni u l-użu tagħhom qed isir aktar komuni anki f’korsijiet li jwasslu għall-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata. Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi introdotta l-possibbiltà li fl-ECTS jiġi espress anke it-tul ta' żmien ta' programm. Dan ma għandux jaffettwa r-rekwiżiti l-oħra għar-rikonoxximent awtomatiku. Kreditu tal-ECTS wieħed jikkorrispondi għal 25-30 siegħa ta’ studju fejn normalment ikunu meħtieġa 60 kreditu għat-tlestija ta’ sena akkademika waħda.

(14) Fl-interess tat-titjib tal-mobilità ta’ speċjalisti tal-mediċina li diġà kisbu kwalifika ta’ speċjalizzazzjoni medika u li wara segwew taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni ieħor, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu eżenzjonijiet għal xi partijiet tat-taħriġ jekk dawn l-elementi tat-taħriġ diġà tlestew matul il-programm ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni medika preċedenti f’dak l-Istat Membru kopert mir-reġim ta’ rikonoxximent awtomatiku.

(15) Il-professjonijiet ta’ infirmiera u qwiebel evolvew b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar tliet deċennji: kura tas-saħħa bbażata fuq il-komunità, l-użu ta’ terapiji aktar kumplessi u żvilupp kostanti tat-teknoloġiji jippresupponu kapaċità għal responsabbiltajiet akbar għall-infirmiera u għall-qwiebel. Sabiex ikunu ppreparati biex jilħqu dawn il-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa, l-istudenti fil-qasam tal-infermerija u fil-qasam tal-qwiebel irid ikollhom sfond edukattiv ġenerali solidu qabel ma jibdew it-taħriġ. Għaldaqstant, l-ammissjoni għal dak it-taħriġ għandu jiżdied għal tnax-il sena ta’ edukazzjoni ġenerali jew suċċess f’eżami ta’ livell ewkivalenti.

(16) Sabiex tiġi simplifikata s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ speċjalitajiet mediċi u dentali, dawn l-ispeċjalitajiet għandhom ikunu koperti mid-Direttiva 2005/36/KE jekk huma komuni għal tal-inqas terz mill-Istati Membri.

(17) Il-funzjonament tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku jiddependi fuq il-kunfidenza fil-kundizzjonijiet ta’ taħriġ li huma l-bażi tal-kwalifiki tal-professjonisti. Għaldaqstant, huwa importanti li l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ ta’ periti jirreflettu l-iżviluppi l-ġodda fl-edukazzjoni tal-periti, l-aktar fir-rigward tal-ħtieġa rikonoxxuta ta’ suppliment tat-taħriġ akkademiku b’esperjenza professjonali bis-superviżjoni ta’ periti kwalifikati. Fl-istess ħin, il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex jevitaw limitazzjoni żejda tal-abilità tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-sistemi edukattivi tagħhom.

(18) Id-Direttiva 2005/36/KE għandha tippromwovi karattru aktar awtomatiku ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki għal dawk il-professjonijiet li bħalissa ma jibbenefikawx direttament minnu. Dan għandu jqis il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-kwalifiki meħtieġa għat-twettiq tal-professjonijiet fit-territorju tagħhom kif ukoll il-kontenuti u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ professjonali tagħhom. L-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali li huma rappreżentanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jipproponu prinċipji ta’ taħriġ komuni. Għandu jieħu l-għamla ta’ test komuni bħala kundizzjoni għall-kisba ta’ kwalifika professjonali, jew programmi ta’ taħriġ ibbażat fuq sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi. Il-kwalifiki miksuba taħt dawn l-oqsfa ta’ taħriġ komuni għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod awtomatiku mill-Istati Membri.

(19) Id-Direttiva 2005/36/KE diġà tipprovdi għal obbligi ċari għall-professjonisti sabiex dawn ikollhom il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Ir-reviżjoni ta’ dak l-obbligu wriet ħtieġa li jiġi ċċarat ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti u l-impjegaturi, l-aktar fl-interess tas-sikurezza tal-pazjenti. Madankollu, il-kontrolli tal-lingwa għandhom ikunu raġonevoli u neċessarji għall-impjiegi inkwistjoni u ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet għall-esklużjoni ta’ professjonisti mis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ta’ oriġini.

(20) Il-gradwati li jixtiequ jwettqu taħriġ prattiku bi ħlas fi Stat Membru ieħor fejn dan it-taħriġ prattiku jkun possibbli għandhom ikunu koperti mid-Direttiva 2005/36/KE sabiex titrawwem il-mobilità tagħhom. Huwa anki neċessarju li jiġi previst ir-rikonoxximent tat-taħriġ prattiku tagħhom mill-Istat Membru ta’ oriġini.

(21) Id-Direttiva 2005/36/KE tipprovdi għal sistema ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali. Minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[24] u t-twaqqif ta’ punti uniċi ta’ servizz taħt dik id-Direttiva, hemm riskju ta’ sovrapożizzjoni. Għaldaqstant, il-punti uniċi ta’ kuntatt imwaqqfa mid-Direttiva 2005/36/KE għandhom isiru ċentri ta’ assistenza li għandhom jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-forniment ta’ pariri liċ-ċittadini, inklużi pariri wiċċ imb’wiċċ, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ kuljum tar-regoli tas-suq intern f’każijiet individwali ta’ ċittadini tkun segwita fil-livell nazzjonali.

(22) Filwaqt li d-Direttiva diġà tipprovdi għal obbligi dettaljati għall-Istati Membri sabiex jiskambjaw informazzjoni, dawn l-obbligi għandhom jissaħħu. L-Istati Membri ma għandhomx biss jirreaġixxu għal talba għal informazzjoni, iżda anke jwissu lill-Istati Membri l-oħra b’mod proattiv. Din is-sistema ta’ twissija għandha tkun simili għal dik tad-Direttiva 2006/123/KE. Madankollu, il-mekkaniżmu ta’ twissija speċifiku huwa meħtieġ għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku taħt id-Direttiva 2005/36/KE. Dan għandu japplika wkoll għall-kirurgi veterinarji, sakemm, l-Istati Membri ma tawx bidu għall-mekkaniżmu ta' twissija previst fid-Direttiva 2006/123/KE. L-Istati Membri kollha għandhom jiġu mwissija jekk professjonist, minħabba azzjoni dixxiplinarja jew kundanna penali ma jkunx għadu intitolat sabiex imur fi Stat Membru ieħor. Din it-twissija għandha tiġi attivata permezz tal-IMI irrispettivament minn jekk il-professjonist eżerċitax kwalunkwe dritt skont id-Direttiva 2005/36/KE jew jekk applikax għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali permezz tal-ħruġ ta' Karta Professjonali Ewropea jew permezz ta' kwalunkwe metodu ieħor previst f'din id-Direttiva. Il-proċedura ta’ twissija għandha tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u ma’ drittijiet fundamentali oħrajn.

(23) Waħda mid-diffikultajiet ewlenin li qed jiltaqa’ magħha ċittadin li huwa interessat li jaħdem fi Stat Membru, hija l-kumplessità u l-inċertezza tal-proċeduri amministrattivi li jridu jikkonformaw magħhom. Id-Direttiva 2006/123/KE diġà tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu aċċess faċli għall-informazzjoni u t-tlestija tal-proċedura permezz tal-punti uniċi ta’ servizz. Iċ-ċittadini li jfittxu li jiksbu l-kwalifiki tagħhom taħt id-Direttiva 2005/36/KE diġà jistgħu jużaw il-punti uniċi ta’ servizz jekk huma koperti mid-Direttiva 2006/123/KE. Madankollu, persuni li qed ifittxu xogħol u professjonisti fil-qasam tas-saħħa mhumiex koperti mid-Direttiva 2006/123/KE u l-informazzjoni disponibbli għadha skarsa. Għaldaqstant, hemm bżonn li tiġi speċifika dik l-informazzjoni, mill-perspettiva tal-utent, u li jiġi żgurat li din l-informazzjoni hija faċilment disponibbli. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri mhux biss ikunu responsabbli fil-livell nazzjonali iżda anke jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-professjonisti madwar l-Unjoni jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni li hija faċli għall-utent u f'iktar minn lingwa waħda u għat-tlestija tal-proċedura permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz. Il-ħoloq għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz ta’ siti elettroniċi oħrajn, bħall-portal Your Europe.

(24) Sabiex jiġu supplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2005/36/KE, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward l-aġġornar tal-Anness I, it-tfassil tal-kriterji għall-kalkolu tat-tariffi relatati mal-Karta Professjonali Ewropea, l-istabbiliment tad-dettalji tad-dokumentazzjoni meħtieġa għall-Karta Professjonali Ewropea, l-adattamenti tal-lista ta’ attivitajiet stabbilita fl-Anness IV, l-adattamenti tal-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7.1 tal-Anness V, il-kjarifika tal-għarfien u l-ħiliet għat-tobba, l-infirmera responsabbli mill-kura ġenerali, id-dentisti, il-kirurgi veterinarji, il-qwiebel, l-ispiżjara l-periti, l-adattament tal-perjodi minimi ta’ taħriġ għat-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni medika u t-taħriġ għad-dentisti, l-inklużjoni ta’ speċjalitajiet mediċi ġodda fil-punt 5.1.3 tal-Anness V, l-emendi għal-lista stabbilita fil-punti 5.2.1, 5.3.1, 5.4.1, 5.5.1 u 5.6.1 tal-Anness V, l-inklużjoni ta’ speċjalitajiet dentali ġodda fil-punt 5.3.3 tal-Anness V, l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ oqsfa ta’ taħriġ komuni, l-ispeċifikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ testijiet ta’ taħriġ komuni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25) Sabiex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[25].

(26) Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża sabiex jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti regoli komuni u uniformi rigward l-ispeċifikazzjoni ta’ Karti Professjonali Ewropej għal professjonijiet speċifiċi, il-format tal-Karta Professjonali Ewropea, it-traduzzjonijiet meħtieġa sabiex jappoġġjaw applikazzjoni għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea, id-dettalji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għal Karta Professjonali Ewropea, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinsab fil-Karta Professjonali Ewropea u fil-fajl tal-IMI, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ Karta Professjonali Ewropea, dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-fajl tal-IMI, il-mezzi tekniċi u l-proċeduri għall-verifika tal-awtentiċità u l-validità ta’ Karta Professjonali Ewropea u dwar l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twissija minħabba n-natura teknika ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.

(27) Wara l-esperjenza pożittiva bl-evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva 2006/123/KE, sistema ta’ evalwazzjoni simili għandha tiġi inkluża fid-Direttiva 2005/36/KE. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw liema professjonijiet iridu jirregolaw, ir-raġunijiet għal dan, u jiddiskutu s-sejbiet tagħhom bejniethom. Sistema bħal din tkun qed tikkontribwixxi għal trasparenza akbar fis-suq tas-servizzi professjonali.

(28) Peress li l-objettivi tal-azzjoni li għandha tittieħed, b’mod partikolari r-razzjonalizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-titjib tar-regoli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li dan jirriżulta b’mod inevitabbli f’rekwiżiti diverġenti u reġimi proċedurali li jżidu l-kumplessità regolatorja u jikkawżaw xkiel żejjed għall-mobilità ta’ professjonisti u għaldaqstant, minħabba l-koerenza, it-trasparenza u l-kompatibilità jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawn l-objettivi.

(29) B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni ta’ [data], l-Istati Membri ħadu l-impenn li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala waħda ġustifikata.

(30) Għaldaqstant, id-Direttiva 2005/36/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/36/KE

Id-Direttiva 2005/36/KE hija emendata kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, huwa miżjud it-tieni paragrafu li ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni rregolata u l-aċċess għal taħriġ prattiku bi ħlas u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku bi ħlas li jsir fi Stat Membru ieħor.”.

(2) Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru li jixtiequ jwettqu professjoni rregolata jew jattendu taħriġ prattiku bi ħlas fi Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għal professjonijiet liberali, ħlief dawk li fih huma kisbu l-kwalifika professjonali tagħhom, jew fuq bażi ta’ ħaddiem għal rasu jew fuq bażi ta’ impjieg.”

(3) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f) ‘esperjenza professjonali’: it-twettiq attwali u legali full-time jew part-time ekwivalenti tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru;”

(ii) Huma miżjuda l-punti li ġejjin:

“(j) ‘taħriġ prattiku bi ħlas’: it-twettiq ta’ attivitajiet b’superviżjoni u bi ħlas, bil-għan ta’ aċċess għal professjoni rregolata mogħtija abbażi ta’ eżami;

(k) ‘Karta Professjonali Ewropea’: ċertifikat elettroniku maħruġ għall-professjonist li juri r-rikonoxximent tal-kwalifiki tiegħu għall-istabbiliment fi Stat Membru ospitanti jew li hu laħaq il-kundizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex jipprovdi s-servizzi fi Stat Membru ospitanti fuq bażi temporanja jew okkażjonali;

(l) ‘tagħlim tul il-ħajja’: l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali kollha li ttieħdu tul il-ħajja, li jirriżultaw f’titjib fl-għarfien, fil-ħiliet u l-kompetenzi.”.

(b) Fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’kull okkażjoni fejn Stat Membru jagħti rikonoxximent lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-aġġornar tal-Anness I fejn dak ir-rikonoxximent ikun konformi ma’ din id-Direttiva.

Fejn il-Kummissjoni tqis li r-rikonoxximent imsemmi fit-tielet subparagrafu mhuwiex konformi ma’ din id-Direttiva, din għandha tadotta Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar dak in-nuqqas ta’ konformità, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa kollha.”.

(4) Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarju sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedi għall-istess professjoni jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4f, għal parti mill-istess professjoni, bħal dik li huwa kkwalifikat għaliha fl-Istat Membru ta’ orġini u sabiex iwettaq din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.”.

(5) L-Artikoli 4a sa 4f li ġejjin huma mdaħħla:      

“Artikolu 4a

Karta Professjonali Ewropea

1.       L-Istati Membri għandhom jipprovdu detentur ta’ kwalifika professjonali b’Karta Professjonali Ewropea fuq talba tiegħu u bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun adottat l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti speċifikati fil-paragrafu 6.

2.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jibbenefika mid-drittijiet kollha mogħtija mill-Artikoli 4b sa 4e, wara l-validazzjoni tal-Karta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti kif speċifikat fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

3.       Fejn id-detentur ta’ kwalifika jkun beħsiebu jipprovdi servizzi taħt it-Titolu II għajr dawk koperti mill-Artikolu 7(4), il-Karta Professjonali Ewropea għandha tinħoloq u tiġi validata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini skont l-Artikoli 4b u 4c.

4.       Fejn id-detentur ta’ kwalifika jkun beħsiebu jistabbilixxi lilu nnifsu fi Stat Membru ieħor skont il-Kapitoli I sa IIIa tat-Titolu III jew li jipprovdi servizzi skont l-Artikolu 7(4), il-Karta Professjonali Ewropea għandha tinħoloq mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u għandha tiġi validata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikoli 4b u 4d.

5.       L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ ta’ Karti Professjonali Ewropej. Dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw ipproċessar imparzjali, oġġettiv u tempestiv tal-applikazzjonijiet għal Karti Professjonali Ewropej. Iċ-Ċentri ta’ Assistenza msemmija fl-Artikolu 57b jistgħu jaġixxu wkoll fil-kapaċità ta’ awtorità kompetenti sabiex joħorġu Karta Professjonali Ewropea. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jgħarrfu liċ-ċittadini, inklużi lill-applikanti prospettivi, dwar il-vantaġġi ta’ Karta Professjonali Ewropea fejn din tkun disponibbli.

6.       Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-Karti Professjonali Ewropej għal professjonijiet speċifiċi, li jistabbilixxu l-format tal-Karta Professjonali Ewropea, it-traduzzjonijiet meħtieġa sabiex jappoġġjaw kull applikazzjoni għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea u d-dettalji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ kull professjoni kkonċernata. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni imsemmija fl-Artikolu 58.

7.       Kull tariffa li l-applikanti jistgħu jġarrbu fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati meta mqabbla mal-ispejjeż imġarrb mill-Istati Membri ta' oriġini u dawk ospitanti u ma għandhomx jaġixxu bħala disinċentiv għal min irid japplika għal Karta Professjonali Ewropea. Il-Kummissjoni għanda tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a fir-rigward tal-iffissar tal-kriterji għall-kalkolu u d-distribuzzjoni tat-tariffi.

8.       Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki permezz ta’ Karta Professjonali Ewropea għandu jservi bħala alternattiva proċedurali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali taħt il-proċeduri pprovduti fit-Titolu II u III ta’ din id-Direttiva.

Id-disponibbiltà ta’ Karta Professjonali Ewropea għal professjoni speċifika ma għandhiex tipprekludi detentur ta’ kwalifika professjonali għal dik il-professjoni milli jfittex li jikseb rikonoxximent għall-kwalifiki tiegħu taħt il-proċeduri, il-kundizzjonijiet, ir-rekwiżiti u d-dati ta’ skadenza previsti f’din id-Direttiva ħlief dawk għall-Karta Professjonali Ewropea.

Artikolu 4b

Applikazzjoni għal Karta Professjonali Ewropea u l-ħolqien ta’ fajl tal-IMI

1.       L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li detentur ta’ kwalifika professjonali jista’ japplika għal Karta Professjonali Ewropea bi kwalunkwe mezz, anki permezz ta’ għodda onlajn, mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

2.       L-applikazzjonijiet għandhom jiġu appoġġjati mid-dokumentazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7(2) u l-Anness VI, kif inhu xieraq. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-istabbiliment tad-dettalji tad-dokumentazzjoni.

3.       L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tikkonferma li rċiviet l-applikazzjoni u tgħarraf lill-applikant dwar kwalunkwe dokument nieqes, mingħajr dewmien, mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Għandha toħloq fajl tal-applikazzjoni li jkun fih id-dokumenti ta’ prova kollha fi ħdan is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*). Fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti mill-istess applikant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew tal-Istat Membru ospitanti jistgħu ma jitolbux is-sottomissjoni mill-ġdid tad-dokumenti li diġà jinstabu fil-fajl tal-IMI u li jkunu għadhom validi.

4.       Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinstab fil-Karta Professjonali Ewropea u fil-fajl tal-IMI, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ Karta Professjonali Ewropea lid-detentur tagħha, inkluża l-possibbiltà ta’ tniżżil tagħha jew tas-sottomissjoni tal-aġġornamenti għall-fajl. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 58.

Artikolu 4c

Karta Professjonali Ewropea għall-forniment temporanju ta’ servizzi ħlief dawk koperti mill-Artikolu 7(4)

1.       L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tivverifika l-applikazzjoni, toħloq u tivvalida Karta Professjonali Ewropea fi żmien ġimagħtejn mid-data li tirċievi applikazzjoni sħiħa. Għandha tgħarraf lill-applikant u lill-Istat Membru li fih l-applikant beħsiebu jipprovdi s-servizzi, dwar il-validazzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea. It-trażmissjoni tal-informazzjoni ta’ validazzjoni għall-Istati Membri ospitanti kkonċernati għandha tikkostitwixxi d-dikjarazzjoni speċifikata fl-Artikolu 7. L-Istat Membru ospitanti jista’ ma jkunx jeħtieġ dikjarazzjoni oħra skont l-Artikolu 7 għas-sentejn ta’ wara.

2.       Id-Deċiżjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini, jew in-nuqqas ta’ Deċiżjoni fi żmien il-perjodu ta’ ġimagħtejn imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali.

3.       Jekk detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jixtieq jipprovdi servizzi fi Stati Membri li mhumiex dawk inizjalment mgħarrfa skont il-paragrafu 1 jew jixtieq ikompli jipprovdi s-servizzi wara l-perjodu ta’ sentejn imsemmi fil-paragrafu 1, dan jista’ jkompli juża l-Karta Professjonali Ewropea msemmija fil-paragrafu 1. F'dawk il-każijiet, id-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea għandu jagħmel id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 7.

4.       Il-Karta Professjonali Ewropea għandha tkun valida sakemm id-detentur jibqa’ jkollu d-dritt li jipprattika fl-Istat Membru ta’ oriġini fuq il-bażi tad-dokumenti u l-informazzjoni li tinstab fil-fajl tal-IMI.     

Artikolu 4d

Karta Professjonali Ewropea għall-istabbiliment u għall-forniment temporanju tas-servizzi taħt l-Artikolu 7 (4)

1.       Fi żmien ġimgħatejn minn meta tirċievi applikazzjoni kompleta għal Karta Professjonali Ewropea, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tivverifika u tikkonferma l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti ta’ prova sottomessi, toħloq il-Karta Professjonali Ewropea, tittrażmettiha għall-validazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u tgħarraf lil dik l-awtorità dwar il-fajl korrispondenti tal-IMI. L-applikant għandu jiġi mgħarraf mill-Istat Membru ta’ oriġini dwar l-istadju li tinsab fih il-proċedura.

2.       Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16, 21 u 49a, Stat Membru ospitanti għandu jiddeċiedi dwar il-validazzjoni ta’ Karta Professjonali Ewropea skont il-paragrafu 1 fi żmien xahar mid-data li fiha jirċievi l-Karta Professjonali Ewropea trażmessa mill-Istat Membru ta’ oriġini. F’każ ta’ dubju ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru ta’ oriġini. Din it-talba ma għandhiex tissospendi t-terminu ta’ xahar.

3.       Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7(4) u 14, Stat Membru ospitanti għandu jiddeċiedi dwar jekk jirrikonoxxix il-kwalifiki tad-detentur jew jekk dan għandux jiġi soġġett għal miżuri ta’ kumpens fi żmien xahrejn mid-data ta’ riċevuta għal validazzjoni tal-Karta Professjonali Ewropea trażmessa mill-Istat Membru ta’ oriġini. F’każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mill-Istat Membru ta’ oriġini. Dik it-talba ma għandhiex tissospendi t-terminu ta’ xahrejn.

4.       Fil-każ li l-applikant ikun soġġett għal test tal-aptitudni mill-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 7(4), l-applikant għandu jkun jista’ jipprovdi s-servizz fi żmien xahar mid-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 3.

5.       Fejn l-Istat Membru ospitanti jonqos milli jieħu Deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 jew milli jitlob informazzjoni addizzjonali fi żmien xahar mid-data li fiha jirċievi l-Karta Professjonali Ewropea mill-Istat Membru ta’ oriġini, il-Karta Professjonali Ewropea għandha titqies li hija validata mill-Istat Membru ospitanti u li tikkostitwixxi rikonoxximent tal-kwalifika professjonali għall-professjoni rregolata kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti.

6.       L-azzjonijiet meħuda mill-Istat Membru ta’ oriġini skont il-paragrafu 1 għandhom jieħdu post kull applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

7.       Id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti taħt il-paragrafi 1 sa 5 jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru ta' oriġini skont il-paragrafi 1 sa 5 għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4e

Ipproċessar u aċċess għad-dejta li tikkonċerna l-Karta Professjonali Ewropea

1.       L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti għandhom jaġġornaw fil-ħin il-fajl tal-IMI korrispondenti bl-informazzjoni li tikkonċerna l-azzjoni dixxiplinari jew is-sanzjonijiet penali meħuda jew kwalunkwe ċirkustanzi speċifiċi serji oħrajn li x’aktarx jkollhom konsegwenzi fuq it-twettiq tal-attivitajiet tad-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea taħt din id-Direttiva. Dawn l-aġġornamenti jinkludu t-tħassir ta’ informazzjoni li ma tkunx għadha meħtieġa. Id-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti involuti fil-fajl tal-IMI korrispondenti għandhom jiġu mgħarrfa bi kwalunkwe aġġornamenti mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

2.       Aċċess għall-informazzjoni fil-fajl tal-IMI għandha tkun limitata għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti u għad-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(**)

3.       L-informazzjoni dwar l-applikanti individwali għandha tiġi pproċessata biss mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti għall-finijiet tal-Karta Professjonali Ewropea skont id-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa pubblika u skont id-Direttiva 95/46/KE.

4.       L-informazzjoni inkluża fil-Karta Professjonali Ewropea għandha tkun limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġi aċċertat id-dritt tad-detentur li jeżerċita l-professjoni li nħarġet għaliha, b'mod partikolari, l-isem, il-kunjom, id-data u l-post tat-twelid, il-professjoni, is-sistema applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti involuti, in-numru tal-karta, il-karatteristiċi marbuta mas-sigurtà u r-referenza għal prova valida ta' identità.

5.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’kull mument, id-detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jkollu d-dritt li jista’ jitlob ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar tal-fajl tiegħu ġewwa s-sistema tal-IMI u li jkun mgħarraf b’dan id-dritt fil-mument ta’ ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea, u għandu jiġi mfakkar dwar dan kull sentejn wara l-ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea tiegħu.

6.       Fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali fil-Karta Professjonali Ewropea u l-fajls kollha fl-IMI, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri fit-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha skont il-paragrafi 1 sa 4 u l-ipproċessar tad-dejta personali involut fihom, il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(***).

7.       Mingħajr ħsara għall-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li l-impjegaturi, il-klijenti, il-pazjenti u partijiet interessati oħrajn jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità ta’ Karta Professjonali Ewropea ppreżentata lilhom mid-detentur tal-karta.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-fajl tal-IMI, il-mezzi tekniċi u l-proċeduri għall-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 58.

Artikolu 4f

Aċċess parzjali

1.       L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħti aċċess parzjali għal attività professjonali fit-territorju tagħha dejjem jekk jiġu Ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) id-differenzi bejn l-attività professjonali mwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti tant huma kbar li fil-verità, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens ikunu jirriżultaw fi ħtieġa li l-applikant ilesti programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikollu aċċess għall-professjoni rregolata sħiħa fl-Istat Membru ospitanti;

(b) l-attività professjonali tista’ tiġi separata b’mod oġġettiv minn attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti.

Għall-finijiet tal-punt (b), attività għandha titqies li hija separabbli jekk titwettaq bħala attività awtonoma fl-Istat Membru ta’ oriġini.

2.       Aċċess parzjali jista’ ma jingħatax jekk ċaħda bħal din tkun ġustifikata minn raġuni prijoritarja ta’ interess ġenerali, bħas-saħħa pubblika, tkun tiggarantixxi l-kisba tal-objettiv mixtieq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju.

3.       L-applikazzjonijiet għall-istabbiliment fl-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu eżaminati skont il-Kapitoli I u IV tat-Titolu III fil-każ ta’ stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti.

4.       L-applikazzjonijiet għall-forniment ta’ servizzi temporanji fl-Istat Membru ospitanti li jikkonċernaw attivitajiet professjonali b’implikazzjonijiet fuq is-saħħa u s-sikurezza pubblika għandhom jiġu eżaminati skont it-Titolu II.

5.       Permezz ta’ deroga mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 52(1), l-attività professjonali għandha titwettaq bit-titlu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini ladarba jingħata aċċess parzjali.

-------------

(*) ĠU [Regolament IMI]

(**) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

(***) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1

(6) L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) fejn il-fornitur tas-servizzi jittrasferixxi ruħu, jekk wettaq dik il-professjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar għal minimu ta’ sentejn matul l-aħħar 10 snin qabel il-forniment tas-servizzi meta l-professjoni ma tkunx irregolata fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-kundizzjoni li tesiġi twettiq ta’ attività għal sentejn ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:

(a) il-professjoni u l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-professjoni huma rregolati;

(b) il-fornitur tas-servizz qed jakkumpanja r-riċevitur tas-servizz, dejjem jekk ir-residenza abitwali tar-riċevitur tas-servizz tkun fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizz u l-professjoni ma tidhirx fuq il-lista msemmija fl-Artikolu 7(4).

(b) Il-paragrafu 4 li ġej huwa miżjud:

“4. Fil-każ ta’ nutara, l-istrumenti awtentiċi u attivitajiet oħra ta’ awtentikazzjoni li jeħtieġu s-siġill tal-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu esklużi mill-forniment tas-servizzi.”.

(7) L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) Il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) għal professjonijiet fis-settur tas-sigurtà u fis-settur tas-saħħa, fejn l-Istat Membru jkun jeħtieġ dan għaċ-ċittadini tiegħu, prova ta’ ebda sospensjoni temporanja jew finali mit-twettiq tal-professjoni u l-ebda kundanna penali”.

(ii) Huwa miżjud il-punt (f) li ġej:

(f) “fil-każ ta’ prova tal-kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 21 (1) u fil-każ ta’ ċertifikati ta’ drittijiet miksuba msemmija fl-Artikoli 23, 26, 27, 30, 33, 33a, 37, 39, u 43, provi li jikkonfermaw l-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti”.

(b) Huwa mdaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Dikjarazzjoni pprovduta minn fornitur ta’ servizz għandha tkun valida ġewwa t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.”.

(c) Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Għall-ewwel forniment ta’ servizzi, fil-każ ta’ professjonijiet irregolati li jkollhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, li ma jibbenefikawx minn rikonoxximent awtomatiku taħt il-Kapitolu II jew III tat-Titolu III, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tivverifika l-kwalifiki professjonali tal-fornitur ta’ servizz qabel l-ewwel forniment ta’ servizzi. Verifika minn qabel bħal din għandha tkun possibbli biss meta l-iskop tal-verifika jkun li tevita dannu serju għas-saħħa jew għas-sikurezza tar-riċevitur tas-servizz minħabba nuqqas ta’ kwalifika professjonali tal-fornitur tas-servizz u fejn din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak l-iskop.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-lista ta’ professjonijiet li għalihom hija meħtieġa verifika minn qabel tal-kwalifiki sabiex jiġi evitat dannu serju għas-saħħa jew għas-sikurezza tar-riċevitur tas-servizz skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni speċifika għall-inklużjoni ta’ kull waħda minn dawn il-professjonijiet fil-lista.

Fi żmien massimu ta’ xahar minn meta tiġi riċevuta d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-fornitur tas-servizz jew bid-Deċiżjoni tagħha li mhijiex se tivverifika l-kwalifiki tiegħu jew inkella bir-riżultat ta’ verifika bħal din. Fejn ikun hemm diffikultà li tkun se tirriżulta f’dewmien, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-fornitur tas-servizz fi żmien xahar bir-raġuni għad-dewmien. Id-diffikultà għandha tiġi solvuta fi żmien xahar wara dik in-notifika u d-Deċiżjoni trid tiġi finalizzata fi żmien it-tieni xahar wara r-riżoluzzjoni tad-diffikultà.

Fejn ikun hemm differenza sostanzjali bejn il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, tant li d-differenza tkun ta’ dannu għas-saħħa jew is-sikurezza pubblika, u ma tistax tiġi kkumpensata minn esperjenza professjonali jew tagħlim tul il-ħajja tal-fornitur tas-servizz, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti lill-fornitur tas-servizz l-opportunità li juri, b’mod partikolari permezz ta’ test tal-aptitudni, li hu kiseb l-għarfien jew il-kompetenza neqsin. Fi kwalunkwe każ, irid ikun possibbli li jiġi pprovdut is-servizz fi żmien xahar minn meta tittieħed Deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu.

Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti fi ħdan id-dati ta’ skadenza stabbiliti fit-tielet u r-raba’ subparagrafi, jista’ jiġi pprovdut is-servizz.

Fil-każijiet fejn il-kwalifiki jkunu ġew verifikati skont l-ewwel sal-ħames subparagrafi, is-servizz għandu jiġi pprovdut bit-titlu professjonali tal-Istat Membru ospitanti.”.

(8) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, f’każ li jkun hemm dubji, sabiex jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għal-legalità tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizz u tal-kondotta tajba tiegħu, kif ukoll għan-nuqqas ta’ kull sanzjoni dixxiplinarja jew penali ta’ natura professjonali. Fil-każ ta’ kontroll tal-kwalifiki, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment informazzjoni dwar il-korsijiet ta’ taħriġ tal-fornitur tas-servizz sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu valutati d-differenzi sostanzjali li x’aktarx jkunu ta’ dannu għas-saħħa jew is-sikurezza pubblika. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 56.”.

(9) L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a) Is-sentenza introduttorja tal-ewwel subparagrafu hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(6), il-kwalifiki professjonali għandhom jinġabru skont il-livelli li ġejjin:”.

(b) Fil-punt (c), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii) l-edukazzjoni u t-taħriġ irregolati jew, fil-każ ta’ professjonijiet irregolati, taħriġ vokazzjonali bi struttura speċjali, b’kompetenzi li jmorru lil hinn minn dak li huwa speċifikat fil-livell b, ekwivalenti għal-livell ta’ taħriġ speċifikat fil-punt (i), jekk dan it-taħriġ jipprovdi standard professjonali komparabbli u jipprepara lill-apprentist għal livell komparabbli ta’ responsabbiltajiet u funzjonijiet, dejjem jekk id-diploma tkun akkumpanjata minn ċertifikat mill-Istat Membru ta’ oriġini;”.

(c) Il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d) diploma li tiċċertifika tlestija b’suċċess tat-taħriġ fil-livell post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin u mhux aktar minn erbgħa’, jew tul ta' żmien ekwivalenti fuq bażi part-time, jew, jekk applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, għal numru ekwivalenti ta’ krediti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti u, fejn dan ikun xieraq, li hu lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali flimkien mal-kors post-sekondarju;

(e) diploma li tiċċertifika li d-detentur lesta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ aktar minn erba’ snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti fuq bażi part-time, jew jekk dan ikun applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, għal għadd ekwivalenti ta’ krediti ECTS, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti u, fejn dan ikun xieraq, li hu lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ flimkien ma l-kors post-sekondarju.”.

(d) It-tieni paragrafu huwa mħassar.

(10) Fl-Artikolu 12, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull prova ta’ kwalifika formali jew sett ta’ provi ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, li jiċċertifikaw it-tlestija b’suċċess ta’ taħriġ fl-Unjoni, fuq bażi full-time jew part-time, fi ħdan jew barra l-programmi formali, li jkun rikonoxxut minn dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u li jagħti lid-detentur l-istess drittijiet ta’ aċċess jew għat-twettiq ta’ professjoni jew li jippreparah għat-twettiq ta’ dik il-professjoni, għandhom jiġu ttrattati bħala prova ta’ kwalifiki formali ta’ tip kopert mill-Artikolu 11, inkluż il-livell inkwistjoni.”

(11) L-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent

1. Jekk l-aċċess għal professjoni rregolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tagħti aċċess għal dik il-professjoni u għat-twettiq tagħha, bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, lill-applikanti li għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor, sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

2. L-aċċess għal jew it-twettiq ta’ professjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi awtorizzat ukoll għal applikanti li għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11 maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

(b) jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għat-twettiq tal-professjoni kkonċerata.

3. Fil-każ ta’ attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jew ċertifikat li jiċċertifika edukazzjoni u taħriġ irregolati jew taħriġ vokazzjonali bi struttura speċjali ekwivalenti għal-livell speċifikat fl-Artikolu 11(c)(i), l-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta l-livell attestat jew ċertifikat mill-Istat Membru ta’ oriġini.

4.       Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jista’ jiċħad aċċess għal u t-twettiq tal-professjoni lil detenturi ta’ attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza fejn il-kwalifika nazzjonali meħtieġa għat-twettiq tal-professjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru tkun klassifikata fil-punti (d) jew (e) tal-Artikolu 11.”.

(12) L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Artikolu 13 ma għandux jipprekludi l-Istat Membru ospitanti milli jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament sa tliet snin jew sabiex jagħmel test tal-aptitudni jekk it-taħriġ li jkun irċieva ikopri suġġetti sostanzjalment differenti fir-rigward tal-attivitajiet professjonali differenti minn dawk koperti mit-taħriġ fl-Istat Membru ospitanti.”

(b) Fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn il-Kummissjoni tqis li d-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu ma tkunx xierqa jew li mhijiex konformi mal-liġi tal-Unjoni, din għandha tadotta Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur minn meta rċiviet l-informazzjoni neċessarja kollha, sabiex titlob lill-Istat Membru biex joqgħod lura milli jieħu l-miżuri prevista. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-Kummissjoni fi żmien dik id-data ta’ skadenza, id-deroga tista’ tiġi applikata.”.

(c) Fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej huwa mdaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

“Għall-professjoni ta’ nutar, l-Istat Membru ospitanti jista’ jikkunsidra l-attivitajiet speċifiċi ta’ din il-professjoni fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi li trid tiġi applikata, meta jiddetermina l-miżura ta’ kumpens.”.

(d) Il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 5, ‘suġġetti sostanzjalment differenti’ għandha tfisser suġġetti li l-għarfien tagħhom huwa essenzjali għat-twettiq tal-professjoni u li fir-rigward tagħha t-taħriġ irċivut mill-immigrant juri differenzi importanti f’termini ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti.

5. Il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament jew jieħu test tal-aptitudni, l-ewwel irid jaċċerta ruħu jekk l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew waqt it-tagħlim tul il-ħajja fi kwalunkwe Stat Membru jew f’pajjiż terz huwiex tat-tip li jkopri bis-sħiħ jew f’parti minnhom, dawk is-suġġetti sostanzjalment differenti msemmija fil-paragrafu 4.”.

(e) Huma miżjuda l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6. Id-Deċiżjoni li timponi perjodu ta’ adattament jew test tal-aptitudni għandha tkun motivata kif xieraq. B’mod partikolari, din għandha tinkludi l-motivazzjoni li ġejja:

(a) tindika l-livell tal-kwalifika meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti u l-livell ta’ kwalifika miżmum mill-applikant skont il-klassifika stabbilita fl-Artikolu 11;

(b) tindika s-suġġett jew is-suġġetti li ġew identifikati fihom differenzi sostanzjali;

(c) tispjega d-differenzi sostanzjali f’termini ta’ kontenut;

(d) tispjega għalfejn minħabba dawn id-differenzi sostanzjali, l-applikant ma jistax iwettaq il-professjoni tiegħu b’mod sodisfaċenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti;

(e) tispjega għalfejn dawn id-differenzi sostanzjali ma jistgħux jiġu kumpensati mill-għarfien, mill-ħiliet u l-kompetenzi tal-applikant miksuba matul l-esperjenza professjonali tiegħu u waqt it-tagħlim tul il-ħajja.

7. It-test tal-aptitudni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi organizzat tal-inqas darbtejn fis-sena u l-applikanti għandhom ikunu awtorizzati li jerġgħu joqogħdu għal test tal-inqas darba jekk ma jgħaddux mill-ewwel test.”.

(13) L-Artikolu 15 huwa mħassar.

(14) L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Adattament tal-listi ta’ attivitajiet fl-Anness IV

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-adattamenti tal-listi ta’ attivitajiet stabbiliti fl-Anness IV li huma s-suġġett ta’ rikonoxximent tal-esperjenza professjonali skont l-Artikolu 16 bil-għan li tiġi aġġornata jew iċċarata n-nomenklatura, dejjem jekk dan ma jinvolvi l-ebda tnaqqis tal-ambitu tal-attivitajiet relatati mal-kategoriji individwali.”.

(15) Il-paragrafi 4, 6 u 7 tal-Artikolu 21 huma mħassra.

(16) Huwa mdaħħal l-Artikolu 21a li ġej:

“Artikolu 21a

Proċedura ta’ notifika

1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li jadotta fir-rigward tal-ħruġ ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-qasam kopert minn dan il-Kapitolu.

Fil-każ tal-provi ta’ kwalifiki formali msemmija fit-Taqsima 8, notifika skont l-ewwel subparagrafu għandha tiġi indirizzata lill-Istati Membri l-oħra wkoll.

2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn rapport li juri l-konformità tal-provi nnotifikati ta’ kwalifiki formali mar-rekwiżiti rilevanti ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jinħareġ minn awtorità jew korp xierqa li jkunu ntgħażlu mill-Istat Membru u li għandu l-kapaċità li jivvaluta l-konformità tal-provi tal-kwalifiki formali ma’ din id-Direttiva.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tadatta l-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7.1 tal-Anness V, billi jiġu elenkati u aġġornati t-titli adottati mill-Istati Membri bħala prova ta’ kwalifiki formali u, fejn dan ikun xieraq, il-korp li joħroġ il-provi ta’ kwalifiki formali, iċ-ċertifikat li jakkumpanjahom u t-titlu professjonali korrispondenti.

4. Fejn il-Kummissjoni tqis li l-atti notifikati msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva, din għandha tadotta Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar dak in-nuqqas ta’ konformità, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa kollha.”.

(17) Fl-Artikolu 22, huwa miżjud it-tieni paragrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, minn [daħħal id-data - il-jum wara d-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3] u kull ħames snin wara din id-data, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti disponibbli pubblikament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-proċeduri ta’ tkomplija tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom relatati mat-tobba, l-ispeċjalisti mediċi, l-infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali, id-dentisti, id-dentisti speċjalizzati, il-kirurgi veterinarji, il-qwiebel u l-ispiżjara.”.

(18) L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. It-taħriġ mediku bażiku għandu jinkludi total ta’ tal-inqas ħames snin ta’ studju, li jistgħu jingħataw anki f’termini ta' krediti tal-ECTS ekwivalenti, u għandu jikkonsisti f’tal-inqas 5500 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u prattiku pprovdut minn, jew inkella taħt is-superviżjoni ta’ università.

Għall-persuni li bdew l-istudji tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 1972, il-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jinkludi sitt xhur ta’ taħriġ prattiku full-time f’livell universitarju taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.”.

(b)     Huwa miżjud il-paragrafu 4 li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a) l-adegwatezza tal-għarfien tax-xjenzi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-kompetenzi meħtieġa li dan l-għarfien għandu jinkorpora;

(b) il-grad ta’ suffiċjenza ta’ fehim tal-elementi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa għal dan il-fehim b’konformità mal-progress xjentifiku u l-iżviluppi fl-edukazzjoni fl-Istati Membri

(c) l-adegwatezza tal-għarfien ta’ dixxiplini u l-prattiki kliniċi, kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li għandhom jirriżultaw minn dan l-għarfien fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku

d) l-idoneità tal-esperjenza klinika msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li għandhom jirriżultaw minn tali esperjenza fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku kif ukoll l-iżviluppi fl-edukazzjoni fl-Istati Membri

(19) L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-ammissjoni għal taħriġ mediku ta’ speċjalizzazzjoni għandu jkun kontinġenti fuq it-tlestija u l-validazzjoni ta’ programm ta’ taħriġ mediku bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 24(2) li matulu l-apprentist ikun kiseb l-għarfien meħtieġ ta’ mediċina bażika.”.

(b) Huwa mdaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu eżenzjonijiet parzjali minn partijiet tat-taħriġ mediku ta’ speċjalizzazzjoni, jekk dik il-parti tkun diġà ġiet segwita matul it-tlestija ta’ programm ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni ieħor li huwa elenkat fil-punt 5.1.3 tal-Anness V u dejjem jekk il-kwalifika ta’ speċjalizzazzjoni preċedenti diġà tkun inkisbet mill-professjonist f’dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżenzjoni mogħtija mhijiex ta’ aktar minn terz mit-tul ta' żmien minimu ta’ korsijiet ta’ taħriġ mediku speċjalizzat kif imsemmi fil-punt 5.1.3 tal-Anness V.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata flimkien ma’ ġustifikazzjoni dettaljata għal dawn l-eżenzjonijiet parzjali.”.

(c) Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-adattamenti tal-perjodi minimi ta’ taħriġ imsemmija fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għall-progress xjentifiku u tekniku.”

(20) Fl-Artikolu 26, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-inklużjoni fil-punt 5.1.3 tal-Anness V ta’ speċjalitajiet mediċi ġodda komuni għal tal-inqas terz mill-Istati Membri bil-għan li tiġi aġġornata din id-Direttiva fid-dawl tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.”.

(21) Fl-Artikolu 28, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. Ammissjoni għal taħriġ speċifiku fil-prattika medika ġenerali għandha tkun kontinġenti fuq it-tlestija u l-validazzjoni ta' programm bażiku ta' taħriġ mediku kif imsemmi fl-Artikolu 24(2).".

(22) L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-ammissjoni għat-taħriġ għal infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali għandha tkun kontinġenti mat-tlestija tal-edukazzjoni ġenerali ta’ 12-il sena, kif għandu jkun muri minn diploma, ċertifikat jew prova oħra maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-korpi fi Stat Membru jew minn ċertifikat li jikkonferma s-suċċess f’eżami, ta’ livell ekwivalenti, għall-ammissjoni fi skola għall-infirmiera.”.

(b) Fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-emendi għal-listi stabbiliti fil-punt 5.2.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress edukattiv, xjentifiku u tekniku.”.

(c) Fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-taħriġ tal-infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jinvolvi tal-inqas tliet snin ta’ studju li jikkonsisti f’tal-inqas 4 600 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u kliniku, it-tul ta' żmien tat-taħriġ teoretiku jirrappreżenta tal-inqas terz u t-tul ta' żmien tat-taħriġ kliniku tal-inqas nofs id-dewmien minimu tat-taħriġ. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet parzjali lil persuni li diġà rċivew parti mit-taħriġ tagħhom f’korsijiet li huma tal-inqas ta’ livell ekwialenti.”.

(d)     Huwa miżjud il-paragrafu 7 li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien tax-xjenzi dwar l-infermerija ġenerali, kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 6, b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku kif ukoll il-kompetenzi meħtieġa li dan l-għarfien ikun jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(b)     il-grad ta’ suffiċjenza ta’ fehim tal-elementi msemmija fil-paragrafu 6a u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan il-fehim b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(c)      il-grad ta’ suffiċjenza ta’ għarfien dwar l-elementi msemmija fil-paragrafu 6b u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan l-għarfien b’konformità mal-progress xjentifiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(d)     l-adegwatezza tal-esperjenza klinika msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 6 u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn din l-esperjenza klinika adegwata b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni.".

(23) L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a) Huwa mdaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b’mod awtomatiku dawk il-kwalifiki tal-infirmiera ta’ kura ġenerali fejn l-applikant beda t-taħriġ qabel [daħħal id-data – id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendata], u r-rekwiżit ta’ ammissjoni kien ta’ għaxar snin jew livell ekwivalenti ta’ edukazzjoni ġenerali, iżda li fil-bqija, il-kwalifika tikkonforma mar-rekwiżiti kollha ta’ taħriġ stipulati fl-Artikolu 31.".

(b) Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu provi ta’ kwalifiki formali ta’ infirmiera mogħtija fil-Polonja, lil infirmiera li lestew it-taħriġ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li ma kkonformawx mar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 31, attestati mid-diploma ta’ ‘baċċelerat’ li nkisbet fuq il-bażi ta’ programm speċjali ta’ titjib li jinstab fl-Artikolu 11 tal-Att tal-20 ta’ April 2004 dwar l-emenda tal-Att dwar il-professjonijiet ta’ infirmiera u qwiebel u dwar xi atti legali oħrajn (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tat-30 ta’ April 2004 Nru 92, pos. 885), u r-Regolament tal-Ministeru tas-Saħħa tat-12 ta’ April 2010 li jemenda r-Regolament tal-Ministeru tas-Saħħa tal-11 ta’ Mejju 2004 dwar il-kundizzjonijiet dettaljati tal-għoti ta’ studji għal infirmiera u qwiebel, li għandhom ċertifikat ta’ skola sekondarja (eżami finali — imsejjaħ “matura”) u li ggradwaw minn liċeo mediku u skejjel vokazzjonali tal-mediċina li jgħallmu dwar il-professjoni ta’ infirmiera u qwiebel (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-21 ta’ April 2010, Nru 65, pos. 420), bil-għan li jiġi verifikat li l-persuna kkonċernata għandha livell ta’ għarfien u kompetenza komparabbli għal dak tal-infirmiera li għandhom kwalifiki li, fil-każ tal-Polonja, huma definiti fil-punt 5.2.2. tal-Anness V.”.

(24) L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti minn dan li ġej:

“It-taħriġ dentali bażiku għandu jinkludi total ta’ mill-inqas ħames snin ta’ studju full-time teoretiku u prattiku, li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, li tal-inqas jinvolvi l-programm spjegat fl-Anness V, punt 5.3.1 u pprovdut f’università, f’istitut ogħla li jipprovdi taħriġ rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti jew taħt is-superviżjoni ta’ università.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-adattament tal-lista stabbilita fil-punt 5.3.1. tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.”.

(b)     Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien tax-xjenza u d-dentistrija u l-grad ta’ fehim tal-metodi xjentifiċi, kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan il-grad ta’ għarfien u l-fehim konformi mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(b)     l-adegwatezza tal-fehim tal-elementi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan il-grad ta’ għarfien b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(c)      l-adegwatezza tal-għarfien tal-elementi msemmija fil-punt (c) tal-3, u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan il-grad b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(d)     l-adegwatezza tal-għarfien tad-dixxiplini u l-metodi kliniċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minnhom b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(e) l-adattabilità tal-esperjenza klinika kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3 b’konformità mal-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni.”.

(25) L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Korsijiet full-time ta’ speċjalizzazzjoni dentali għandhom idumu minimu ta’ tliet snin, li jistgħu jingħataw anki f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, u għandhom jiġu sorveljati mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti. Għandhom jinvolvu l-parteċipazzjoni personali tal-professjonist tad-dentistrija li qed jitħarreġ sabiex isir speċjalist fl-attività u fir-responsabbiltajiet tal-istabbiliment ikkonċernat.”.

(b) Fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa mħassar.

(c) Huwa miżjud il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-adattamenti tal-perjodu minimu ta’ taħriġ imsemmi fil-paragrafu 2 bil-għan li tadattah għall-progress xjentifiku u tekniku.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex fil-punt 5.3.3. tal-Anness V tinkludi l-ispeċjalitajiet il-ġodda fid-dentistrija komuni għal tal-inqas terz mill-Istati Membri, bil-għan li taġġorna din id-Direttiva fid-dawl tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.”.

(26) L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)      Fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“It-taħriġ ta’ kirurgi veterinarji għandu jinkludi total ta’ mill-inqas ħames snin ta’ studju teoretiku u prattiku full-time, li jista’ jingħata f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, f’università jew istitut ta’ edukazzjoni ogħla li jipprovdi taħriġ rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti, jew taħt is-superviżjoni ta’ università, li tal-inqas ikopri l-programm ta’ studju msemmi fl-Annes V, punt 5.4.1.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-adattamenti tal-lista fil-punt 5.4.1. tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.”.

(b)     Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien dwar ix-xjenzi, kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li jirriżultaw minn dan il-grad ta’ għarfien b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(b)     l-adegwatezza tal-għarfien dwar l-istruttura u l-funzjonijiet tal-annimali b’saħħithom, kif stabbilit fil-punt (b) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(c)      l-adegwatezza tal-għarfien dwar l-imġiba, l-ħarsien u l-mard tal-annimali, kif stabbilit punti (c) u (d) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(d)     l-adegwatezza tal-għarfien dwar il-mediċina preventiva, kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(e)      l-adegwatezza tal-għarfien tal-elementi stabbiliti punt (f) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(f)      l-adegwatezza tal-għarfien dwar l-esperjenza klinika u prattika oħra kif imsemmi fil-punt (h) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien għandu jinvolvi b’konformità mal-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni.

(27) L-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-emendar tal-lista fil-punt 5.5.1. tal-Anness V bil-għan li tiġi adattata għall-progress edukattiv, xjentifiku u tekniku.”.

(b) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-aċċess għat-taħriġ bħala qabla għandu jiġi kontinġenti fuq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-tlestija ta’ mill-inqas 12-il sena ta’ edukazzjoni ta’ skola ġenerali jew ċertifikat li jikkonferma suċċess f’eżami, ta’ livell ekwivalenti, għall-ammissjoni għall-iskola għall-qwiebel għar-rotta I;

(b) il-pussess ta’ prova ta’ kwalifiki formali bħala infermiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fil-punt 5.2.2. tal-Anness V għar-rotta II.”.

(c)      Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien tax-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-qwiebel, kif stabbilit punt (a) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(b)     il-grad ta’ għarfien tal-elementi stabbiliti fil-punt (c) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(c)      l-adegwatezza tal-esperjenza klinika, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mar-riformi riċenti fl-edukazzjoni kif ukoll il-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(d)     l-adegwatezza tal-fehim tat-taħriġ tal-persunal fil-qasam tas-saħħa u l-esperjenza ta’ ħidma ma’ dawn, kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ fehim jinvolvi b’konformità mar-riformi riċenti fl-edukazzjoni kif ukoll il-progress xjentifiku u teknoloġiku.”.

(28) Fl-Artikolu 41, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-provi ta’ kwalifiki formali bħala qabla msemmija fl-Anness V, punt 5.5.2 għandhom ikunu soġġetti għal rikonoxximent awtomatiku skont l-Artikolu 21 meta jkunu jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a) taħriġ full-time ta’ mill-inqas tliet snin bħala qabla;

(b) taħriġ full-time bħala qabla ta’ mill-inqas sentejn li jikkonsistu f’tal-inqas 3 600 siegħa, li jkun kontinġenti fuq il-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali bħala infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fl-Anness V, punt 5.2.2;

(c) taħriġ full-time bħala qabla ta’ mill-inqas 18-il xahar li jikkonsisti f’tal-inqas 3 000 siegħa, li jkun kontinġenti fuq il-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali bħala infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fl-Anness V, punt 5.2.2 u segwit minn sena ta’ prattika professjonali li għaliha jkun inħareġ ċertifikat skont il-paragrafu 2.”.

(29) Fl-Artikolu 43, huwa mdaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Fir-rigward ta’ provi ta’ kwalifiki formali ta’ qwiebel, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu dawk il-kwalifiki b’mod awtomatiku fejn l-applikant ikun beda t-taħriġ qabel [daħħal id-data - id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendata], u r-rekwiżiti ta’ ammissjoni għal dan it-taħriġ ikun ta’ għaxar snin jew ta’ livell ekwivalenti ta’ edukazzjoni ġenerali għar-rotta I, jew li lesta t-taħriġ għall-infirmiera ta’ kura ġenerali b’rekwiżit ta’ ammissjoni ta’ 10 snin jew ekwivalenti qabel ma jibda t-taħriġ għall-qwiebel li jaqa’ taħt ir-rotta II.”.

(30) L-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-provi ta’ kwalifiki formali bħala spiżjar għandhom jikkonfermaw taħriġ ta’ mill-inqas ħames snin, li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, inklużi tal-inqas:

(a) erba’ snin ta’ taħriġ teoretiku u prattiku full-time f’università jew istitut ta’ edukazzjoni ogħla ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, jew taħt is-superviżjoni ta’ università;

(b) fi tmiem it-taħriġ teoretiku u prattiku, taħriġ prattiku għal sitt xhur fi spiżerija li hija miftuħa għall-pubbliku jew fi sptar taħt is-superviżjoni ta’ dak id-dipartiment farmaċewtiku tal-isptar.

Iċ-ċiklu ta’ taħriġ imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jinkludi tal-inqas il-programm deskritt fil-punt 5.6.1 tal-Anness V. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a rigward l-emendar tal-lista fil-punt 5.6.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.

Għal kwalunkwe Stat Membru, l-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhomx jinvolvu xi emenda tal-prinċipji leġiżlattivi eżistenti relatati mal-istruttura tal-professjonijiet fir-rigward tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ aċċess minn persuni fiżiċi.”.

(b)     Jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien dwar il-mediċini u s-sustanzi użati fil-manifattura tal-mediċini, kif stipulat fil-punt (a) tal-paragrafu 3 u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(b)     l-adegwatezza tal-għarfien tal-elementi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(c)      l-adegwatezza tal-għarfien tal-elementi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku;

(d)     l-adegwatezza tal-għarfien dwar l-evalwazzjoni ta’ dejta xjentifika, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress xjentifiku u teknoloġiku.

(31) Fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 45, huwa miżjud il-punt (h) li ġej:

“(h) ir-rappurtar tar-reazzjonijiet avversi tal-prodotti farmaċewtiċi lill-awtoritajiet kompetenti.”.

(32) L-Artikolu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Taħriġ ta’ periti

1. It-tul ta' żmien tat-taħriġ bħala perit irid ikun tal-inqas sitt snin li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti. It-taħriġ fi Stat Membru għandu jinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) tal-inqas erba’ snin ta’ studju full-time f’università jew istituzzjoni ta’ tagħlim komparabbli li jwasslu għat-tlestija b’suċċess ta’ eżami ta’ livell universitarju u tal-inqas sentejn ta’ taħriġ prattiku bi ħlas;

(b) tal-inqas ħames snin ta’ studju full-time f’università jew istituzzjoni ta’ tagħlim komparabbli li jwassal għat-tlestija b’suċċess ta’ eżami ta’ livell universitarju u tal-inqas sena ta’ taħriġ prattiku bi ħlas.”

2. L-istudju, li jrid ikun ta’ livell universitarju, u li l-istudju tal-arkitettura huwa l-komponent prinċipali tiegħu, irid iżomm bilanċ bejn l-aspetti teoretiċi u prattiċi tat-taħriġ fl-istudju tal-arkitettura u jiggarantixxi l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li ġejjin:

(a) il-ħila li wieħed joħloq disinji arkitettoniċi li jissodisfaw kemm ir-rekwiżiti estetiċi kif ukoll dawk tekniċi;

(b) għarfien adegwat tal-istorja u t-teoriji tal-arkitettura u l-arti, it-teknoloġiji u x-xjenzi umani relatati;

(c) għarfien tal-arti fina bħala influwenza fuq il-kwalità tad-disinn arkitettoniku;

(d) għarfien adegwat tad-disinjar u l-ippjanar urban u l-ħiliet involuti fil-proċess ta’ ppjanar;

(e) il-fehim tar-relazzjoni bejn il-persuni u l-bini, u bejn il-bini u l-ambjent tiegħu, u l-ħtieġa li l-bini u l-ispazji jiġu relatati flimkien għall-ħtiġijiet tal-bniedem u l-iskala;

(f) il-fehim tal-professjoni ta’ perit u r-rwol tal-perit fis-soċjetà, b’mod partikolari fit-tħejjija ta’ struzzjonijiet li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatturi soċjali;

(g) il-fehim tal-metodi ta’ investigazzjoni u t-tħejjija tal-istruzzjonijiet għal proġett ta’ disinjar;

(h) il-fehim tad-disinn strutturali, il-problemi ta’ bini u ta’ inġenerija assoċjati mad-disinn tal-bini;

(i) għarfien adegwat tal-problemi fiżiċi u t-teknoloġiji u tal-funzjoni tal-bini sabiex dawn jiġi pprovduti b’kundizzjonijiet interni għall-kumdità u protezzjoni kontra l-klima;

(j) il-ħiliet ta’ disinjar meħtieġa sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-utenti tal-bini fi ħdan il-limiti imposti minn fatturi ta’ spejjeż u regolamenti ta’ bini;

(k) għarfien adegwat tal-industriji, l-organizzazzjonijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri involuti fit-trasformazzjoni ta’ kunċetti ta’ disinn f’bini u l-integrazzjoni ta’ pjanijiet fil-pjan ġenerali.

3. It-taħriġ prattiku bi ħlas jrid jitwettaq fi Stat Membru, taħt is-superviżjoni ta’ persuna li tipprovdi garanziji adegwati rigward l-abilità tagħha sabiex tipprovdi taħriġ prattiku. Dan għandu jitwettaq wara t-tlestija tal-istudju msemmi fil-paragrafu 1. It-tlestija tat-taħriġ prattiku bi ħlas jrid jiġi kkonfermat f’ċertifikat li jakkumpanja l-provi ta’ kwalifiki formali.

4.       Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a sabiex tispeċifika:

(a)      l-adegwatezza tal-għarfien tal-elementi kif stipulat fil-punt (i) tal-paragrafu 2, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ għarfien jinvolvi b’konformità mal-progress tekniku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni;

(b)     il-ħtieġa għal ħiliet ta’ disinjar kif imsemmi fil-punt (j) tal-paragrafu 2, u l-kompetenzi meħtieġa li dan il-grad ta’ ħiliet jinvolvi b’konformità mal-progress tekniku u l-iżviluppi riċenti fl-edukazzjoni.”.

(33) L-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47

Derogi mill-kundizzjonijiet għat-taħriġ ta’ periti

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 46, anki dawn li ġejjin għandhom jitqiesu li jissodisfaw l-Artikolu 21: it-taħriġ bħala parti minn skemi ta’ titjib soċjali jew studji universitarji part-time li jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 46, kif ikkonfermati minn eżami fl-arkitettura li tkun għaddiet minnu l-persuna li ilha taħdem għal seba’ snin jew aktar fil-qasam tal-arkitettura taħt is-superviżjoni ta’ perit jew uffiċċju ta’ periti. L-eżami jrid ikun ta’ livell universitarju u għandu jkun ekwivalenti għall-eżami finali msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(1).".

(34) Fl-Artikolu 49, huwa mdaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għal provi ta’ kwalifiki formali bħala perit elenkat fl-Anness V, fejn it-taħriġ ikun beda [daħħal id-data – sentejn wara d-data stipulata fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3].”.

(35) Fit-Titolu III, huwa mdaħħal il-Kapitolu IIIA li ġej:

“Kapitolu IIIA

Rikonoxximent awtomatiku abbażi ta’ prinċipji ta’ taħriġ komuni

Artikolu 49a

Qafas ta’ taħriġ komuni

1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, "qafas ta’ taħriġ komuni" għandu jfisser sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi meħtieġa għat-twettiq ta’ professjoni speċifika. Għall-finijiet ta’ aċċess għal professjoni u għat-twettiq tagħha, Stat Membru għandu jagħti prova tal-kwalifiki miksuba abbażi ta’ qafas bħal dan bl-istess effett fit-territorju tiegħu bħala prova ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess, bil-kundizzjoni li tali qafas jissodisfa l-kriterji stabbiliti skont il-paragrafu 2. Tali kriterji għandhom jirrispettaw l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

2. Qafas ta’ taħriġ komuni għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin

(a) Il-qafas ta’ taħriġ komuni jippermetti iktar professjonisti biex jiċċaqilqu madwar l-Istati Membri meta mqabbel mas-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ evidenza ta’ taħriġ kif ipprovdut fil-Kapitolu I tat-Titolu III;

(b) il-professjoni kkonċernata diġà hija rregolata f’tal-inqas terz mill-Istati Membri kollha;

(c) is-sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi jikkombina l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi definiti fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ applikabbli f’tal-inqas terz mill-Istati Membri kollha;

(d) l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi għal dan il-qafas ta’ taħriġ komuni għandhom jirreferu għal livelli tal-Qafas tal-Kwalifiki Ewropej, kif definit fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Qafas ta’ Kwalifiki Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja(*);

(e) il-professjoni kkonċernata mhijiex la koperta minn qafas ta’ taħriġ komuni ieħor u lanqas diġà rregolata skont il-Kapitolu III tat-Titolu III

(f) il-qafas ta’ taħriġ komuni tħejja wara proċess korrett trasparenti, inkluż ma’ partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri fejn il-professjoni mhijiex irregolata;

(g) il-qafas ta’ taħriġ komuni jippermetti liċ-ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru sabiex ikunu eliġibbli li jiksbu l-kwalifika taħt dan il-qafas mingħajr ma jkunu meħtieġa jkunu membri ta’ organizzazzjoni professjonali jew li jkunu rreġistrati ma’ organizzazzjoni bħal din.

3. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a li jispeċifikaw is-sett komuni ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi kif ukoll il-kwalifiki fuq il-qafas komuni ta' taħriġ.

4. L-Istati Membri għandhom għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-titlu professjonali li għandu jinkiseb skont il-qafas komuni ta' taħriġ imsemmi fil-paragrafu 3.

5. Stat Membru jista’ jitlob deroga milli japplika l-qafas komuni ta' taħriġ imsemmi fil-paragrafu 3 fit-territorju tiegħu jekk kien beħsiebu jintroduċi professjoni rregolata ġdida fit-territorju tiegħu, jekk kien meħtieġ li jemenda l-prinċipji domestiċi eżistenti relatati mal-istruttura tal-professjonijiet fir-rigward tat-taħriġ u tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali professjonijiet jew jekk l-Istat Membru ma jixtieqx jirrelata s-sistema ta' kwalifiki nazzjonali tiegħu mal-kwalifiki stabbiliti fil-qafas komuni ta' taħriġ. Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex tagħti dawn id-derogi lill-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 49b

Testijiet ta’ taħriġ komuni

1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, test ta’ taħriġ komuni għandu jfisser test tal-aptitudni li jivvaluta l-ħila ta' professjonist li japplika bl-għan li tiġi vvalutata l-abilità ta’ dan il-professjonist sabiex jaħdem fi professjoni fl-Istati Membri kollha li jirregolawha. It-tlestija b’suċċess ta’ test ta' taħriġ komuni għandu jippermetti li jingħata aċċess u t-twettiq tal-attivitajiet professjonali kkonċernati fi Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tad-detenturi ta’ kwalifiki professjonali miksuba f’dak l-Istat Membru.

2. It-test ta' taħriġ komuni għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-test tat-taħriġ komuni jippermetti lil aktar professjonisti li jiċċaqalqu madwar l-Istati Membri meta mqabbel mas-sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-evidenza tat-taħriġ prevista fil-Kapitolu I tat-Titolu III;

(b) il-professjoni kkonċernata hija rregolata f’tal-inqas terz mill-Istati Membri kollha;

(c) it-test ta’ taħriġ komuni tħejja wara proċess trasparenti b'mod xieraq, inklużi l-partijiet interessati mill-Istati Membri fejn il-professjoni mhijiex irregolata;

(d) it-test ta’ taħriġ komuni jippermetti liċ-ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru li jipparteċipaw f'tali test u fl-organizzazzjoni prattika ta' tali testijiet fl-Istati Membri mingħajr il-ħtieġa li jkunu membri ta’ xi organizzazzjoni professjonali jew li jkunu rreġistrati ma’ organizzazzjoni bħal din.

3. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 58a fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal tali test ta’ taħriġ komuni.

-----------

(*) ĠU C 111, 6.5.2008, p.1.".

(36) Fl-Artikolu 50, huwa mdaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Fil-każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru konferma dwar il-fatt li l-applikant mhuwiex sospiż jew projbit milli jwettaq il-professjoni minħabba kondotta professjonali ħażina u serja jew ikkundannat għal reati relatati mat-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet tiegħu/tagħha.”.

(37) Fl-Artikolu 52, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Stat Membru ma jistax jirriżerva l-użu tat-titlu professjonali għad-detenturi ta’ kwalifiki professjonali jekk ma jkunx innotifika l-assoċjazzjoni u l-organizzazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 3(2).”.

(38) Fl-Artikolu 53, huwa miżjud it-tieni paragrafu li ġej:

“Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe verifika tal-għarfien ta’ lingwa titwettaq minn awtorità kompetenti wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 4d, 7(4) u 51(3) u jekk ikun hemm dubju serju u konkret dwar jekk huwiex biżżejjed l-għarfien lingwistiku tal-professjonist fir-rigward tal-attivitajiet professjonali li dik il-persuna beħsiebha twettaq.

Fil-każ ta’ professjonijiet b’implikazzjonijiet fuq is-saħħa tal-pazjenti, l-Istati Membri jistgħu jagħtu d-dritt lill-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu verifiki tal-għarfien tal-lingwa li jkopru l-professjonisti kollha kkonċernati jekk dan ikun espressivament mitlub mis-sistema tal-kura tas-saħħa nazzjonali, jew fil-każ ta’ professjonisti li jaħdmu għal rashom mhux affiljati mas-sistema ta’ kura tas-saħħa nazzjonali, minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-pazjenti li jkunu rappreżentanti.

Kull verifika tal-għarfien lingwistiku għandha tkun limitata għall-għarfien ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru skont l-għażla tal-persuna kkonċernata, għandha tkun proporzjonata mal-attività li għandha titwettaq u mingħajr ħlas għall-professjonist. Il-persuna kkonċernata għandha titħalla tappella dawn il-verifiki quddiem qrati nazzjonali.”.

(39) Fit-Titolu IV, huwa mdaħħal l-Artikolu 55a li ġej:

“Artikolu 55a

Rikonoxximent tat-taħriġ prattiku bi ħlas

Bil-għan li jingħata aċċess għal professjoni rregolata, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jirrikonoxxi t-taħriġ prattiku bi ħlas imwettaq fi Stat Membru ieħor u ċertifikat minn awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.”.

(40) It-titlu tat-Titolu V huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Titolu V

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA U RESPONSABBILTÀ LEJN IĊ-ĊITTADINI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI”.

(41) Fl-Artikolu 56, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u ta’ oriġini għandhom jiskambjaw informazzjoni rigward l-azzjoni dixxiplinarja jew is-sanzjonijiet penali meħuda jew kwalunkwe ċirkustanza serja u speċifika oħra li x’aktarx ikollha konsegwenzi fuq it-twettiq tal-attivitajiet taħt din id-Direttiva, filwaqt li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali stipulata fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

---------

(*) ĠU L 201, 31.07.2002, p. 37.

(42) Huwa mdaħħal l-Artikolu 56a li ġej:

“Artikolu 56a

Mekkaniżmu ta’ twissija

1.       L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha u l-Kummissjoni dwar l-identità ta' professjonist li ġie projbit mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-qrati milli jwettaq, anki b’mod temporanju, l-attivitajiet professjonali li ġejjin fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru:

(a) tabib tal-familja li jkollu l-provi tal-kwalifika formali msemmija fil-punt 5.1.4 tal-Anness V;

(b) tabib speċjalist li jkollu t-titlu msemmi fil-punt 5.1.3 tal-Anness V;

(c) infirmier responsabbli mill-kura ġenerali li jkollu l-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.2.2 tal-Anness V;

(d) dentist li jkollu l-kwalifiki professjonali elenkati fil-punt 5.3.2 tal-Anness V;

(e) dentisti speċjalizzati li għandhom il-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.3.3 tal-Anness V;

(f) kirurgu veterinarju li jkollu l-prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-punt 5.4.2 tal-Anness V sakemm ma nnotifikawhiex diġà taħt l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*);

(g) qabla li jkollha l-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.5.2 tal-Anness V;

(h) spiżjar li jkollu l-prova ta’ kwalifika formali elenkata fil-punt 5.6.2 tal-Anness V;

(i) detenturi ta’ ċertifikati msemmija fil-punt 2 tal-Anness VII li jikkonfermaw li d-detentur lesta taħriġ li jissodisfa r-rekwiżiti minimi elenkati fl-Artikoli 24, 25, 31, 34, 35, 38, 40, jew 44 rispettivament, iżda li bdew aktar kmieni mid-dati ta’ referenza tal-kwalifiki elenkati fil- punti 5.1.3, 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 tal-Anness V

(j) id-detenturi ta’ ċertifikati ta’ drittijiet miksuba kif stipulat fl-Artikoli 23, 27, 29, 33, 37 u 43.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintbagħat sa mhux aktar tard minn tliet ijiem mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni li tipprojbixxi l-professjonist ikkonċernat milli jwettaq attività professjonali.

2.       Fil-każijiet mhux koperti mid-Direttiva 2006/123/KE, fejn professjonist stabbilit fi Stat Membru jwettaq attività professjonali b’titlu professjonali ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u fi ħdan il-qafas ta’ din id-Direttiva, mingħajr dewmien minn meta jikseb informazzjoni attwali dwar kwalunkwe kondotta, Stat Membru għandu jgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra u lill-Kummissjoni bl-atti jew biċ-ċirkustanzi speċifiċi li huma relatati ma’ din l-attività u li jistgħu jikkaġunaw dannu serju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persuni jew għall-ambjent fi Stat Membru ieħor. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju biex jiġi identifikat il-professjonist ikkonċernat u għandha tinkludi referenza għad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tipprojbixxi lilu jew lilha milli twettaq attivitajiet professjonali. Stat Membru ieħor jista’ jitlob aktar informazzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 56.

3.       L-ipproċessar ta’ dejta personali bil-għan ta’ skambju ta’ informazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jitwettaq skont id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

4.       L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li l-professjonisti li jintbagħtu twissijiet fuqhom lill-Istati Membri l-oħra jiġu mgħarrfa bil-miktub bid-deċiżjonijiet ta’ twissija fl-istess ħin tat-twissija sabiex b’hekk, ikunu jistgħu jappellaw quddiem il-qrati nazzjonali kontra d-Deċiżjoni jew japplikaw rettifika għal dawn id-deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għar-rimedji fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu kkaġunat minn twissijiet foloz lil Stati Membri oħrajn u f’dawn li-każijiet, id-Deċiżjoni għandha tiġi kkwalifikata sabiex tindika li din hija soġġetta għal proċeduri mill-professjonist.

5.       Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija. L-att ta' implimentazzjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-awtoritajiet kompetenti intitolati li jibagħtu u/jew jirċievu t-twissijiet, dwar l-ikkomplimentar tat-twissijiet b’informazzjoni addizzjonali, dwar l-irtirar u l-għeluq ta’ twissijiet, dwar id-drittijiet ta’ aċċess għad-dejta, mezzi ta' korrezzjoni tal-informazzjoni li tinsab fit-twissijiet, u miżuri li jiżguraw is-sigurtà tal-perjodi ta’ pproċessar u żamma. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 58.

----------------

(*) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.".

(43) L-Artikolu 57 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 57

Aċċess ċentrali onlajn għall-informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli onlajn u aġġornata b’mod regolari minn punti uniċi ta’ servizz:

(a) lista tal-professjonijiet irregolati kollha fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) fl-Istat Membru inklużi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti għal kull professjoni rregolata u ċ-ċentru ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 57b;

(b) lista tal-professjonijiet li għalihom hija disponibbli Karta Professjonali Ewropea, il-funzjonament u l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tal-karta;

(c) lista tal-professjonijiet kollha li għalihom l-Istat Membru japplika l-Artikolu 7(4) fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

(d) lista ta’ edukazzjoni u taħriġ irregolati u taħriġ bi struttura speċjali, imsemmija fl-Artikolu 11(c)(ii);

(e) ir-rekwiżiti, il-proċeduri u l-formalitajiet kollha msemmija f’din id-Direttiva għal kull professjoni rregolata fl-Istat Membru, inklużi t-tariffi relatati kollha li għandhom jitħallsu miċ-ċittadini u d-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi miċ-ċittadini;

(f) kif tappella deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija pprovduta b’mod ċar u komprensiv għall-utenti, li tkun faċilment aċċessibbli mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi u li din tinżamm aġġornata.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti uniċi ta’ servizz u l-awtoritajiet kompetenti jwieġbu malajr kemm jista’ jkun għal kwalunkwe talba ta’ informazzjoni indirizzata lill-punt uniku ta’ servizz. Għal dan il-għan, jistgħu jirreferu din it-talba għal informazzjoni anke liċ-ċentri ta’ assistenza msemmija fl-Artikolu 57b u jgħarrfu liċ-ċittadin ikkonċernat.

4. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu miżuri kumplimentarji sabiex jiżguraw li l-punti uniċi ta’ servizz iqiegħdu l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni f’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni. Dan ma għandux jaffettwa l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi fit-territorju tagħhom.

5. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni bil-għan li jimplimentaw il-paragrafi 1, 2 u 4.”.

(44) Huwa mdaħħal l-Artikolu 57a li ġej:

“Artikolu 57a

Proċeduri b’mezzi elettroniċi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti, il-proċeduri u l-formalitajiet kollha relatati ma’ kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva jistgħu jiġu faċilment kompletati, mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi, minn punt uniku ta’ servizz rilevanti.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-twettiq ta’ test tal-aptitudni jew għall-perjodu ta’ adattament fit-tifsira tal-Artikolu 14(1).

3. Fejn ikun ġustifikat li l-Istati Membri jitolbu għal firem elettroniċi avvanzati, fit-tifsira tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), għat-tlestija tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw firem elettroniċi b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE(**) u jipprovdu għal miżuri tekniċi sabiex jipproċessaw formati ta’ firem elettroniċi avvanzati definiti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE(***).

4. Il-proċeduri kollha għandhom jitwettqu skont id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE rigward il-punti uniċi ta’ servizz. Kull limitu ta’ żmien li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħhom, il-proċeduri u l-formalitajiet stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom jibdew fil-punt meta l-applikazzjoni tkun ġiet sottomessa minn ċittadin għand punt uniku ta’ servizz.

(*)     ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

(**)   ĠU L 274, 20.10.2009, p. 36.

(***) ĠU L 53, 26.2.2011, p. 66.”.

(45) Huwa mdaħħal l-Artikolu 57b li ġej:

“Artikolu 57b

Ċentri ta’ assistenza

1. Sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data – id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni], kull Stat Membru għandu jagħżel ċentru ta’ assistenza li l-mandat tiegħu jkun li jipprovdi liċ-ċittadini u liċ-ċentri tal-Istati Membri l-oħra bl-assistenza rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali speċifikati f’din id-Direttiva, inkluża informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-professjonijiet u t-twettiq ta’ dawk il-professjonijiet, il-leġiżlazzjoni soċjai, u fejn dawn ikunu applikabbli, ir-regoli tal-etika.

2. Iċ-ċentri ta’ assistenza fi Stati Membri ospitanti għandhom jassistu liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-Direttiva, f’kooperazzjoni, fejn dan ikun xieraq, maċ-ċentru ta’ assistenza fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-awtoritajiet kompetenti u l-punti uniċi ta’ servizz fl-Istat Membru ospitanti.

3. Kull awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tkun meħtieġa tikkoopera bis-sħiħ ma’ ċentru ta’ assistenza fl-Istat Membru ospitanti u fuq talba tagħhom, tipprovdi informazzjoni dwar każijiet individwali lil dawn iċ-ċentri ta’ assistenza fl-Istati Membri ospitanti.

4. Fi żmien xahrejn minn meta jirċievu talba bħal din u fuq talba tal-Kummissjoni, iċ-ċentri ta’ assistenza għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-mistoqsijiet li l-Kummissjoni tkun qed tittratta.”.

(46) L-Artikolu 58 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 58

Proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

(47) Huwa mdaħħal l-Artikolu 58a li ġej:

“Artikolu 58a

Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa li tadotta atti ddelegati huwa mogħti lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 3(2), 4a(7), 4b(2), 20, 21a(3), 24(4), 25(5), 26(2), 31(2), 31(7), 34(2), 34(4), 35(4), 38(1), 38(4), 40(1), 40(4), 44(2), 44(4), 46(4) 49a(3) u 49b(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [daħħal id-data - id-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Direttiva ta' emenda].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), 4a(7), 4b(2), 20, 21a(3), 24(4), 25(5), 26(2), 31(2), 31(7), 34(2), 34(4), 35(4), 38(1), 38(4), 40(1), 40(4), 44(2), 44(4), 46(4) 49a(3) u 49b(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti ddelegati diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 3(2), 4a(7), 4b(2), 20, 21a(3), 24(4), 25(5), 26(2), 31(2), 31(7), 34(2), 34(4), 35(4), 38(1), 38(4), 40(1), 40(4), 44(2), 44(4), 46(4), 49a(3) u 49b(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se jressqu l-ebda oġġezzjoni. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(48) L-Artikolu 59 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59

Trasparenza

1.       L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista ta’ professjonijiet irregolati eżistenti skont il-liġi nazzjonali sa [daħħal id-data – tmiem il-perjodu ta’ traspożizzjoni]. Kull bidla f’din il-lista ta’ professjonijiet irregolati għandha tiġi nnotifikata wkoll lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ dejta pubblikament disponibbli għal din l-informazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk skont is-sistema legali tagħhom, ir-rekwiżiti li jillimitaw l-aċċess għal professjoni jew għat-twettiq tagħha għal detenturi ta’ kwalifika professjonali speċifika, inkluż l-użu ta’ titli professjonali u l-attivitajiet professjonali permessi għal titlu bħal dan, humiex kompatibbli mal-prinċipji li ġejjin:

(a) ir-rekwiżiti ma jistgħux jkunu la direttament u lanqas indirettament diskriminatorji skont in-nazzjonalità jew ir-residenza;

(b) ir-rekwiżiti jridu jkunu ġustifikati minn raġuni prijoritarji relatata ma’ interess pubbliku;

(c) ir-rekwiżiti jridu jkunu adattati sabiex jiggarantixxu l-kisba tal-objettivi fil-mira u ma jridux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu l-objettiv.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għal professjonijiet irregolati fi Stat Membru minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) u kwalunkwe rekwiżit relatat mal-ħtieġa ta’ sħubija.

4. Sa [daħħal id-data - tmiem il-perjodu għat-traspożizzjoni], l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li beħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għalfejn jikkunsidraw li r-rekwiżiti tagħhom jikkonformaw mal-paragrafu 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li introduċew sussegwentement u r-raġunijiet għalfejn iqisu dawk ir-rekwiżiti bħala konformi mal-paragrafu 2 fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tal-miżura.

5. Sa [daħħal id-data - tmiem il-perjodu għat-traspożizzjoni], u kull sentejn minn din id-data l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll rapport dwar ir-rekwiżiti li tneħħew jew li saru inqas stretti.

6. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapporti lill-Istati Membri l-oħra li għandhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien sitt xhur. Fi ħdan l-istess perjodu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati, inklużi l-professjonisti kkonċernati.

7. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport ta’ sinteżi bbażat fuq l-informazzjoni speċifikata mill-Istati Membri lill-Grupp ta’ Koordinaturi mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/172/KE*, li jista’ jagħmel xi osservazzjonijiet.

8. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 u 7, il-Kummissjoni għandha [daħħal id-data – sena wara tmiem il-perjodu għat-traspożizzjoni] tissottometti s-sejbiet finali tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, flimkien mal-proposti għal inizjattivi ulterjuri, fejn dawn ikunu xierqa

(*) ĠU L 79, 20.3.2007, p. 38.”.

(49) Fl-Artikolu 61, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni sabiex tippermetti lill-Istat Membru inkwistjoni sabiex jidderoga mid-dispożizzjoni rilevanti għal perjodu ta’ żmien limitat.”.

(50) L-Annessi II u III huma mħassra.

(51) Fil-punt 1 tal-Anness VII, huwa miżjud il-punt (g) li ġej:

“(g) fejn l-Istat Membru jeħtieġ dan miċ-ċittadini tiegħu stess, prova li ma jkun hemm l-ebda sospensjoni temporanja mit-twettiq ta’ professjoni u lanqas kundanni penali.”.

Artikolu 2

Emenda għar-[Regolament IMI]

Il-punt 2 tal-Anness I għar-[Regolament IMI] huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*): l-Artikoli 4a sa 4e, l-Artikolu 8, l-Artikolu 21a, l-Artikolu 50, l-Artikolu 51, l-Artikolu 56 u l-Artikolu 56a.

(*) ĠU L 255, 30.09.2005, p. 22.”.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [daħħal id-data – sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Minn din id-data ’l quddiem, għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.           QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

              1.1.    Titlu tal-proposta/inizjattiva

              1.2.    Il-qasam/l-oqsma politiku/politiċi fl-istruttura AMB/ABB

              1.3.    Natura tal-proposta/inizjattiva

              1.4.    Objettiv(i)

              1.5.    Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

              1.6.    It-tul ta’ żmien u l-impatt finanzjarju

              1.7.    Metodu/i ta’ ġestjoni previst(i)

2.           MIŻURI TA’ ĠESTJONI

              2.1.    Regoli ta’ monitoraġġ u rappurtar

              2.2.    Sistema ta’ kontroll u ġestjoni

              2.3.    Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

3.           IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

              3.1.    Intestatura/i tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-intestatura/i tan-nefqa tal-baġit affettwata/i

              3.2.    Impatt stmat fuq in-nefqa

              3.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

              3.2.2. Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali

              3.2.3. Impatt stmat fuq approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

              3.2.4. Kompatibilità mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

              3.2.5. Parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fil-finanzjament

              3.3.    Impatt stmat fuq id-dħul

DIKAJRAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

6. QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA 6.1. Titlu tal-proposta/inizjattiva

Id-Direttiva Nru xxx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

6.2. Il-qasam/l-oqsma politiku/politiċi fl-istruttura AMB/ABB[26]

Suq Intern – Ekonomija tal-għarfien

Suq Intern — Servizzi

6.3. Natura tal-proposta/inizjattiva

¨ Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida

6.4. Objettivi 6.4.1. L-objettiv(i) strateġiċi multiannwali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/inizjattiva

Fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja” (COM(2011) 206 finali), il-Kummissjoni pproponiet li tiġi modernizzata l-leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxximenti ta’ kwalifiki professjonali. F’dak il-kuntest, l-Att dwar is-Suq Uniku semma b’mod ċar il-ħolqien ta’ Karta Professjonali Ewropea (“EPC”) bħala għodda (f’termini ta’ ċertifikat elettroniku) sabiex tiffaċilita l-mobilità ta’ professjonisti, filwaqt li ssaħħaħ il-kunfidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u finalment tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-impjegaturi.

Il-ħolqien tal-EPC għandu jżid l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ rikonoxximent attwali u se jgħin sabiex jonqsu l-ispejjeż. Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-EPC se tkun l-użu ta’ funzjonalità ta’ uffiċċju amministrattiv komuni tal-UE, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) li se tittejjeb ulterjorment bil-funzjonalità l-ġdida tal-EPC.

L-EPC għandha ssir għodda volontarja għall-professjonisti interessati iżda mandatorja għall-awtoritajiet kompetenti. Minbarra l-EPC, il-funzjoni ta’ uffiċċju amministrattiv tal-IMI għandha tintuża anki sabiex jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ twissija madwar l-Ewropa, sabiex l-Istati Membri jwissu lil xulxin dwar professjonisti li ma għadhomx jistgħu jipprattikaw minħabba sanzjoni dixxiplinarja jew penali, u sabiex tiġi appoġġjata n-notifika ta’ diplomi ġodda.

L-IMI hija għodda ta’ komunikazzjoni onlajn żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea u offruta bħala servizz mingħajr ħlas lill-Istati Membri sa mill-2008. Bħalissa tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

L-IMI tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jikkomunikaw malajr u faċilment mal-kontraparti transkonfinali tagħhom, billi jiġu segwiti metodi ta’ ħidma uniformi maqbula bejn l-Istati Membri kollha. L-IMI tgħin lill-utenti tagħha (i) sabiex isibu l-awtorità korretta li jridu jikkuntattjaw, (ii) jikkomunikaw magħhom billi jintużaw settijiet ta’ mistoqsijiet u tweġibiet tradotti minn qabel u (iii) jsegwu l-progress tat-talba ta’ informazzjoni permezz ta’ mekkaniżmu ta’ traċċar.

Il-proposta li l-IMI tintuża bħala uffiċċju amministrattiv għall-ħruġ u l-monitoraġġ kurrenti tal-EPCs, u mekkaniżmu ta’ twissija hija konformi mal-politika li ġiet espressa mill-Kummissjoni. Għalhekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni indikat li għandu jsir użu preferenzjali minn din is-sistema bħala għodda ta’ sħubija sabiex jiġu implimentati r-regoli dwar is-Suq Uniku fi proposti tal-Kummissjoni fil-ġejjieni.

Taħt l-istrateġija ta’ espansjoni għall-IMI kif adottata mill-Kummissjoni, fl-IMI se tiġi żviluppata għodda għan-notifika mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra. Din għandha tintuża wkoll għal notifiki ta’ diplomi ġodda taħt id-Direttiva.

6.4.2. Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi u l-attività(jiet) tal-ABM/ABB ikkonċernata/i

Objettiv speċifiku Nru. 8: Jiġi faċilitat il-moviment liberu ta’ professjonisti kwalifikati ġewwa l-UE

Attività ewlenija fi ħdan dan l-objettiv hija l-iżvilupp ta’ proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali bil-għan li tintlaħaq simplifikazzjoni u modernizzazzjoni sinifikanti fil-proċess sħiħ, inkluża t-tnedija u l-użu tal-Karti Professjonali Ewropej.

L-għan ġenerali ta’ din il-miżura huwa li żżid l-ammont u tħaffef id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

Sabiex niksbu dawn l-objettivi, aħna nipprevedu l-attivitajiet li ġejjin:

1.       inżidu t-trasparenza tal-proċedura sħiħa permezz tal-implimentazzjoni ta’ interfaċċja pubblika sabiex tippermetti lill-professjonisti (i) jaraw lista ta’ dokumenti meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom, (ii) japplikaw onlajn għal EPC u jiksbuha mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

2.       intejbu l-involviment tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-proċedura sabiex jiġi faċilitat it-trattament tal-applikazzjonijiet mill-Istati Membri ospitanti permezz tal-użu mandatorju tal-IMI bħala funzjonalità ta’ uffiċċju amministrattiv mill-awtoritajiet kompetenti kollha. Sabiex tlaħħaq mar-rwol akbar tagħha fil-proċedura, l-IMI għandha tiġi żviluppata ulterjorment ħalli tappoġġja l-EPC;

3.       niffaċilitaw it-tixrid tat-twissijiet li jikkonċernaw lill-professjonisti.

4.       niffaċilitaw in-notifiki ta’ provi ta’ kwalifiki formali (diplomi) permezz tal-IMI.

Objettiv speċifiku Nru 12: L-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni mtejba tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku.

L-użu tal-IMI huwa mandatorju skont id-Direttiva dwar is-Servizzi u se jsir hekk skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali riveduta. Il-proposta attwali għall-użu tas-Sistema IMI għall-ħruġ u l-ġestjoni tal-EPC, mekkaniżmu ta’ twissija u skema ta’ notifika għad-diplomi l-ġodda hija konformi mal-politika tal-Kummissjoni għall-espansjoni futura tal-IMI għal oqsma oħrajn ta-liġi tal-Unjoni (kif iddikkjarat fil-Komunikazzjoni tagħha ‘Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (COM(2011) 75 finali) (‘il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tal-IMI’).)

Attività(jiet) tal-ABM/ABB ikkonċernati

12/02 01: Mise en oeuvre et développement du marché intérieur

6.4.3. Riżultat(i) u impatt mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/inizjattiva għandu jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

Il-proposta se tipprovdi:

1.       Livell għoli ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-ipproċessar tat-talbiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali taċ-ċittadini tal-UE permezz tal-IMI;

2.       Livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ talbiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali taċ-ċittadini tal-UE;

3.       Faċilitar u tnaqqis tal-piż amministrattiv mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

4.       Iffrankar ta’ spejjeż billi terġa’ tintuża u terġa’ tiġi mfassla għodda tal-IT eżistenti f’oqsma ġodda minflok l-iżvilupp ta’ għodod ġodda bi skop wieħed, jew fil-livell tal-UE jew nazzjonali sabiex jittieħed benefiċċju mill-ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa;

6.       L-eliminazzjoni tad-diskrepanzi fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri peress li d-Direttiva dwar is-Servizzi diġà tipprevedi mekkaniżmu ta’ twissija dwar diversi professjonisti ħlief għal professjonisti fil-qasam tas-saħħa fejn ir-riskju għas-saħħa pubblika jkun ferm sinifikanti.

6.4.4. Indikaturi tar-riżultati u l-impatt

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proposta/inizjattiva.

Il-proposta se tikkontribwixxi għal applikazzjoni aktar effettiva tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-kwalifiki professjonali u se tiffranka mill-ispejjeż ta’ żvilupp, manutenzjoni u ta’ tħaddim tal-IT.

L-impatt dirett tagħha jista’ jitkejjel billi jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

-        l-għadd ta’ professjonijiet li jkunu jiddependu fuq il-mekkaniżmu tal-EPC/IMI għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fl-UE. Fil-fatt, l-EPC ma għandhiex tiġi mnedija jew imposta fuq il-professjonijiet irregolati kollha b’mod awtomatiku;

-        l-għadd ta’ talbiet tal-EPC li jsiru permezz tal-IMI fuq bażi annwali;

-        il-veloċità medja tal-proċedura tal-EPC

-        l-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti li jużaw is-sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni b’mod attiv (jiġifieri mhux sempliċiment irreġistrati bħala utenti);

-        l-għadd ta’ notifiki li saru għal diplomi ġodda.

-        is-sodisfazzjoni tal-utent kif imkejla permezz ta’ stħarriġ.

6.5. Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva 6.5.1. Rekwiżit(i) li għandhom jintlaħqu f’perjodu qasir jew fit-tul

Il-proposta se żżid l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ rikonoxximent tal-kwalifika professjonali u l-mobilità temporanja għall-professjonisti peress li proċedura waħda biss se tapplika b’mod globali u se tkun ibbażata fuq pjattaforma tal-IT pan-Ewropea komuni. Is-sistema tal-EPC/IMI se tapplika għal professjonijiet li talbu li jkunu koperti minn dan il-proċess ġdid u se tiġi estiża b’mod progressiv għal professjonijiet addizzjonali. F’dak ir-rigward, l-ispejjeż inizjali se jkunu aktar limitati u l-espansjonijiet futuri se jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala.

Barra minn hekk, irid jiġi stabbilit it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ twissija għall-professjonisti projbiti milli jipprattikaw.

Fl-istess ħin, minħabba l-eżistenza preċedenti tas-sistema tal-IMI, il-proċessi l-ġodda se jiżguraw livell għoli ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali fl-IMI, b’konformità mar-Regolament IMI li qed jiġi diskuss bħalissa fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Se tibbenefika wkoll minn ekonomiji ta’ firxa.

6.5.2. Valur miżjud tal-involviment tal-UE

Minħabba n-natura tal-IMI bħala għodda ta’ komunikazzjoni ċentralizzata żviluppata u ospitata mill-Kummissjoni, huwa ċar li din se tiffaċilita l-introduzzjoni u t-tħaddim mingħajr xkiel tal-ħruġ tal-EPC kif ukoll mekkaniżmu ta’ twissija effiċjenti bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se toffri l-IMI bħala servizz mingħajr ħlas lill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura l-manutenzjoni u l-iżvilupp, helpdesk u tospita l-infrastruttura informatika. Dawn il-kompiti ma setgħux jitwettqu b’mod deċentralizzat.

L-IMI tegħleb ix-xkiel għall-kompetizzjoni transkonfinali, bħall-ostakli lingwistiċi, kulturi amministrattivi u ta’ ħidma differenti u n-nuqqas ta’ proċeduri stabbiliti għall-iskambju ta’ informazzjoni. Minħabba l-involviment tal-Istati Membri fit-tfassil tas-sistema, l-IMI toffri metodi ta’ ħidma uniformi maqbula mill-Istati Membri kollha.

6.5.3. Lezzjonijiet minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

L-IMI tnediet fl-2008. Bħalissa hemm madwar 6.700 awtorità kompetenti u 11.000 utent irreġistrati fis-sistema. Fl-2010, seħħew madwar 2.000 skambju ta’ informazzjoni.

L-IMI ilha tintuża fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali sa mill-2008. L-esperjenza kienet ferm pożittiva, kif muri mill-għadd ta’ talbiet, eċċ., u l-ftehim eżistenti mal-Istati Membri sabiex testendi għall-professjonijiet kollha. Hemm talba mill-Istati Membri sabiex jużawha ulterjorment fil-livelli kollha possibbli fejn il-kooperazzjoni mill-qrib titqies bħala indispensabbli.

Ir-raġuni għal din it-talba hija l-fatt li l-proċeduri attwali ta’ rikonoxximent jieħdu wisq fit-tul u fihom wisq intoppi. Barra minn hekk, huwa nieqes mekkaniżmu ta’ twissija għall-professjonijiet relatati mal-qasam tas-saħħa. L-indirizzar ta’ din il-lakuna hija talba mill-parti l-kbira tal-partijiet interessati. Finalment, il-ġestjoni effettiva ta’ sistema ta’ notifika mingħajr għodda tal-IT hija kumplessa u fiha wisq intoppi.

6.5.4. Koerenza u sinerġija possibbli ma’ strumenti rilevanti oħra

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’)’ (COM(2011) 75 finali) fasslet pjanijiet għall-espansjoni futura tal-IMI għal oqsma oħra tal-liġi tal-UE.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Att dwar is-Suq Uniku’ enfasizzat l-importanza ta’ rikonoxximenti effiċjenti tal-kwalifiki professjonali u l-ħolqien ta’ Karta Professjonali Ewropea[27]. Rigward mekkaniżmu ta’ twissija, id-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE) diġà tipprevedi obbligi ta’ twissija għal ċerti professjonisti, iżda mhux kollha, li jipprovdu servizzi professjonali. L-aktar diskrepanza importanti tikkonċerna l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li għalihom ma tapplikax id-Direttiva dwar is-Servizzi.

Aċċess għall-interfaċċja pubblika għal talbiet għal Karti Professjonali Ewropej tista’ tingħata, fost l-oħrajn, permezz ta’ Punti Uniċi ta’ Servizz.

6.6. It-tul ta’ żmien u l-impatt finanzjarju

¨ Proposta/inizjattiva ta’ tul ta' żmien illimitat

– Implimentazzjoni b’perjodu ta’ bidu mill-2013 sal-2014,

– segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa. L-ispejjeż ta’ hosting, dawk operazzjonali u ta’ manutenzjoni huma inklużi fl-ispejjeż rilevanti għat-tħaddim tas-Sistema IMI.

6.7. Mod(i) ta’ ġestjoni previst(i)[28]

¨ Ġestjoni ċentralizzata diretta mill-Kummissjoni

7. MIŻURI TA’ ĠESTJONI 7.1. Regoli ta’ monitoraġġ u rappurtar

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

Il-Kummissjoni tipprovdi rapport annwali dwar l-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-IMI. F’dak ir-rigward, l-użu tal-IMI u għal talbiet tal-EPC, twissijiet u notifiki tad-diplomi se jiġu rrappurtati b’mod adegwat. Barra minn hekk, b’mod perjodiku, se jiġi sottomess rapport dwar il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta tal-IMI, inkluża s-sigurtà, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

7.2. Sistema ta’ kontroll u ġestjoni 7.2.1. Riskju/i identifikat(i)

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-proposta hija li l-EPC, il-mekkaniżmu ta’ twissija u d-dikjarazzjoni se jkunu bbażati fuq il-funzjonalitajiet tal-IMI. Il-Kummissjoni hija s-‘sid tas-sistema’ tal-IMI, u hija responsabbli mit-tħaddim ta’ kuljum, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tagħha. Ir-riskju operazzjonali f’dak ir-rigward diġà ġew identifikati fil-kuntest tat-tħaddim tal-IMI u fil-proposta għal Regolament tal-IMI.

Minbarra r-riskji operazzjonali identifikati aktar ’il fuq, riskji addizzjonali jistgħu jkunu n-nuqqas ta’ adozzjoni tal-faċilità EPC minn professjonijiet u l-professjonisti. Fi kliem ieħor, ir-riskju li l-EPC tkun kompletament żviluppata u operazzjonali iżda jkollha domanda baxxa jew ineżistenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jsibu li l-adattament ikun diffiċli u jistgħu ma jipprovdux riżorsi adegwati sabiex jipproċessaw it-talbiet kif inhu xieraq u fil-ħin.

It-tnedija tal-Karta Professjonali Ewropea u mekkaniżmu ta’ twissija jqajmu wkoll kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta, inkluż it-trattament ta’ twissijiet mhux ġustifikati. Qafas legali ġdid u tajjeb jeħtieġ ġestjoni ta’ kuljum bir-reqqa wkoll.

7.2.2. Metodu/i ta’ kontroll previst(i)

Rigward l-aspetti tal-EPC, il-mekkaniżmu ta’ twissija u d-dikjarazzjonijiet li jiddependu fuq it-tħaddim tal-IMI, dawn iridu jitqiesu fil-kuntest tat-tħaddim tal-IMI u l-abbozz tar-regolament tal-IMI.

Sabiex tindirizza r-riskji li jifdal kif identifikati fit-taqsima 2.2.1 aktar ’il fuq, il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza (eż. workshops, eċċ.) lill-partijiet interessati (eż. lill-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-korpi professjonali eċċ.) kollha u se tippromwovi b’mod attiv l-introduzzjoni u l-attirazzjoni tas-sistema l-ġdida.

7.3. Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri eżistenti jew previsti ta’ prevenzjoni u protezzjoni.

Għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet normalment applikabbli għall-attivitajiet tal-Kummissjoni, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), se japplikaw fil-kuntest tal-IMI mingħajr ebda restrizzjoni.

8. IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA 8.1. Intestatura/i tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-intestatura/i tan-nefqa tal-baġit affettwata/i

· Intestaturi tan-nefqa tal-baġit eżistenti

Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali || Intestatura tal-baġit || Tip ta’ nefqa || Kontribuzzjoni

Numru [Deskrizzjoni……………………...……….] || DA/NDA ([29]) || minn pajjiżi tal-EFTA[30] || minn pajjiżi kandidati[31] || minn pajjiżi terzi || fit-tifsira tal-Artikolu 18(1)(aa) tar-Regolament Finanzjarju

1A || 12.02.01 Implimentazzjoni u żvilupp tas-Suq Intern || DA || IVA || LE || LE || LE

1A || 12.01.04 Implimentazzjoni u żvilupp tas-Suq Intern – Nefqa fuq il-ġestjoni amministrattiva || NDA || IVA || LE || LE || LE

1A || 26.03.01.01 Soluzzjonijiet ta’ Interoperabilità għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA) || DA || IVA || IVA || LE || LE

8.2. Impatt stmat fuq in-nefqa 8.2.1. Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali: || 1B || Implimentazzjoni u żvilupp tas-Suq Intern

DĠ: <…….> || || || Sena 2013 || Sena 2014 || || || || TOTAL

Ÿ Appropazzjonijiet operazzjonali || || || || || || || ||

12.02.01 || Impenji || (1) || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Ħlasijiet || (2) || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet għad-DĠ MARKT || Impenji || =1+1a +3 || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Ħlasijiet || =2+2a +3 || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Din il-proposta u l-ispejjeż ta’ żvilupp rilevanti huma mistennija jidħlu fis-seħħ fl-2013 u jestendu sal-2014.

Għal dettalji dwar il-finanzjament ġenerali tal-IMI, jekk jogħġbok irreferi għad-dikjarazzjoni finanzjarja mehmuża mal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’) (COM(2011) 522 finali. F’dan il-kuntest, se tiġi mistħarrġa l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż ta’ żvilupp permezz tal-programm ISA.

Ÿ TOTAL ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali || Impenji || (4) || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Ħlasijiet || (5) || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Ÿ TOTAL ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett għal programmi speċjali || (6) || || || || || || || ||

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 1A tal-qafas finanzjarju multiannwali || Impenji || =4+ 6 || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

Ħlasijiet || =5+ 6 || 362.500 || 362.500 || || || || || || 725.000

8.2.2. Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali

– ¨  Il-proposta/inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:

Approprjazzjonijiet għal impenji f’miljuni ta’ EUR (sa 3 punti deċimali)

Indika l-objettivi u r-riżultati ò || || || Sena 2013 || Sena 2014 || Sena N+2 || Sena N+3 || … daħħal kemm-il sena hemm bżonn sabiex turi d-dewmien tal-impatt (ara l-punt 1.6) || TOTAL

RIŻULTATI

Tip ta’ riżultat[32] || Spiża medja tar-riżultat || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd ta’ riżultati || Spiża || Għadd totali ta’ riżultati || Spiża totali

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 Trasparenza akbar || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Riżultat || Interfaċċja pubblika || 380.000 || || 190.000 || || 190.000 || || || || || || || || || || || || 380.000

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 1 || || 190.000 || || 190.000 || || || || || || || || || || || || 380.000

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 2 Funzjonalità ta’ uffiċċju amministrattiv || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Riżultat || Funzjonalità ta’ uffiċċju amministrattiv || 124.000 || ||  62.000 || || 62.000 || || || || || || || || || || || || 124.000

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 2 || || 62.000 || || 62.000 || || || || || || || || || || || || 124.000

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 3 Mekkaniżmi ta’ twissija || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Riżultat || Mekkaniżmu ta’ twissija ||  160.000 || || 80.000 || || 80.000 || || || || || || || || || || || || 160.000

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru 3 || || 80.000 || || 80.000 || || || || || || || || || || || || 160.000

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 4 Faċilitajiet ta’ notifika … || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Riżultat || Faċilitajiet ta’ notifika ||  61.000 || ||  30.500 || || 30.500 || || || || || || || || || || || || 61.000

Subtotal għall-objettiv speċifiku Nru4 || || 30.500 || || 30.500 || || || || || || || || || || || || 61.000

NEFQA TOTALI || || 362.500 || || 362.500 || || || || || || || || || || || || 725.000

8.2.3. Impatt stmat fuq approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva 8.2.3.1. Sommarju

– ¨  Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi

8.2.3.2. Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani

– ¨  Il-proposta/inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani

8.2.4. Kompatibilità mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

– ¨  Il-proposta/inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali (2013).

– Il-proposta/inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju multiannwali tal-ġejjieni (2014-2020). Il-proposta se tkun koperta mill-allokazzjonijiet diġà previsti fl-intestatura tal-baġit tas-suq intern. Rigward l-eżerċizzju tal-2013, l-approprjazzjonijiet huma inklużi fl-ipprogrammar finanzjarju uffiċjali tal-Kummissjoni; rigward l-2014 u s-snin ta’ wara huma inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss.

8.2.5. Kontribuzzjonijiet minn partijiet terzi

– Il-proposta/inizjattiva ma tipprovdix għal kofinanzjament minn partijiet terzi

8.3. Impatt stmat fuq id-dħul

– ¨  Il-proposta/inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

[1]               Eurobarometer Nru 363

[2]               Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36)

[3]               Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p.22)

[4]               “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa”, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2008)868, 16.12.2008

[5]               Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”, COM(2010)603, 27.10.2010

[6]               “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, COM(2011)11, 12.1.2010

[7]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja, “Flimkien għal tkabbir ġdid”, COM(2011)206, SEC(2011)467

[8]               EUCO 52/11

[9]               A7-0373/2011

[10]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/policy_developments/evaluation_en.htm

[11]             L-istudju, ippubblikat fil-31 ta’ Ottubru 2011, huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/docs/policy_developments/final_report_en.pdf

[12]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2011/professional_qualifications_en.htm

[13]             COM(2011)367 finali

[14]             Ara http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/policy_developments/european_professional_card_en.htm

[15]             Ara, pereżempju l-Kawża C-330/03, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos

[16]             Ara l-kawża C-313/01, Morgenbesser; C-345/08, Pesla

[17]             Il-Kawżi C-47/08, C-50/08, C-51/08, C-52/08, C-53/08, C-54/08 u C-61/08.

[18]             ĠU C , , p. .

[19]            

[20]             ĠU L 255, 30.9.2005, p.22.

[21]             COM(2011)206 finali, 13.4.2011.

[22]             COM(2010) 603 finali

[23]             ĠU L […].

[24]             ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[25]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[26]             ABM: Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività – ABB: Ibbaġitjar Ibbażat fuq l-Attività.

[27]             Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6 aktar ’il fuq

[28]             Dettalji tal-modalitajiet ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit elettroniku BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html

[29]             DA= Approprjazzjonijiet differenzjati / DNA= Approprjazzjonijiet Mhux Differenzjati.

[30]             EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

[31]             Pajjiżi kandidati u, fejn applikabbli, pajjiżi potenzjalment kandidati mill-Balkani tal-Punent.

[32]             Ir-riżultati huma prodotti u servizzi li għandhom jiġu pprovduti (eż.: in-numru ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, in-numru ta’ km ta’ toroq mibnija, eċċ.).

Top