EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0828

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

/* KUMM/2011/0828 finali - 2011/0398 (COD) */

52011PC0828

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* KUMM/2011/0828 finali - 2011/0398 (COD) */


MEMORANDUM TA 'SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

1. L-istorbju mill-inġenji tal-ajru fl-ajruporti u madwarhom huwa ta' fastidju għal għadd dejjem jikber ta' ċittadini Ewropej, speċjalment bil-lejl, kif indikat fit-Tabella 1 hawn taħt. Strateġija attiva tal-ġestjoni tal-istorbju hija għalhekk meħtieġa biex ittaffi effetti mhux mixtieqa. Tali strateġija dwar l-istorbju għandha, madankollu, tibbilanċja b'attenzjoni l-interessi taċ-ċittadini affettwati ma’ interessi oħra u tqis b'mod xieraq effetti b'riperkussjonijiet fuq il-kapaċità tan-netwerk kollu tal-avjazzjoni.

Tabella 1: Previżjonijiet mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tal-għadd ta’ persuni affettwati mill-istorbju (f'miljuni) fl-Ewropa – mingħajr titjib operattiv u teknoloġiku sostanzjali[1]

Livell ta' storbju/Sena || 2006 || 2016 || 2026 || 2036

> 55 DNL || 2.63 || 3.47 || 4.48 || 5.79

> 60 DNL || 0.799 || 1.14 || 1.53 || 2.12

> 65 DNL || 0.23 || 0.32 || 0.43 || 0.66

2. L-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi, jista' jkollhom impatt sostanzjali fuq in-negozju u l-operazzjonijiet, peress li jirrestrinġu l-aċċess lejn ajruport. Għaldaqstant, il-proċess li jwassal għal deċiżjoni dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandu jkun konsistenti, imsejjes fuq l-evidenza u robust biex ikun aċċettabbli għall-partijiet interessati kollha.

3. Fi sforz biex tiżgura approċċ konsistenti għall-applikazzjoni ta' miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju fl-ajurporti, l-ICAO adottat sett ta’ prinċipji u gwida li jikkostitwixxu l-hekk imsejjaħ "Approċċ Bilanċjat" dwar il-ġestjoni tal-istorbju li jħeġġeġ lill-Istati Kontraenti tal-ICAO:

· biex jimmitigaw l-istorbju mill-avjazzjoni permezz ta' għażla tal-kombinazzjoni lokali ottimali minn firxa ta' miżuri li (1) inaqqsu l-istorbju mis-sors (bl-użu ta' inġenji tal-ajru li jagħmlu inqas storbju), (2) jagħmlu l-aħjar użu tal-art (ippjanar u ġestjoni tal-art madwar l-ajruporti; (3) jintroduċu proċeduri operattivi ta' tnaqqis tal-istorbju (billi jużaw runways, rotot u proċeduri speċifiċi); u (4) li jimponu restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju (bħall-projbizzjoni bil-lejl jew it-tneħħija gradwali tal-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-iżjed storbju).

· biex jagħżlu l-firxa ta' miżuri l-aktar kosteffikaċi.

· biex ma jintroduċux restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju, sakemm l-awtorità tkun f'pożizzjoni, abbażi ta’ studji u konsultazzjonijiet, li tiddetermina jekk teżistix problema ta' storbju u jekk restrizzjoni operattiva hijiex mod kosteffikaċi kif tiġi indirizzata l-problema.

4. L-għan ta' dan ir-regolament huwa li japplika fl-UE r-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju tal-Approċċ Bilanċjat b’mod konsistenti li għandu jnaqqas sew ir-riskju ta’ tilwim internazzjonali f’każ li trasportaturi ta' pajjiż terz ikunu affettwati minn miżuri ta' tnaqqis tal-istorbju fl-ajruporti fl-Unjoni. Minbarra dan, l-awtoritajiet kompetenti se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jeliminaw gradwalment l-inġenji tal-ajru fil-flotta li jagħmlu l-iżjed storbju. Ir-regolament propost se jirrevoka d-Direttiva 2002/30/KE li kienet strumentali biex ittemm tilwima internazzjonali u tistabbilixxi l-ewwel passi lejn l-armonizzazzjoni tal-politiki ta' ġestjoni tal-istorbju, inkluż l-indirizzar tal-inġenji tal-ajru li kienu jagħmlu l-iżjed storbju dak iż-żmien. Madankollu, l-istrument jeħtieġ li jiġi adattat għar-rekwiżiti attwali tas-sistema tal-avjazzjoni u l-problema dejjem akbar tal-istorbju.

5. Dan ir-regolament se jiżgura li l-proċess ta' valutazzjoni tal-istorbju jsir aktar robust. Il-passi kollha fil-proċess ta’ valutazzjoni se jiġu ċċarati sabiex jiżguraw applikazzjoni aktar konsistenti tal-approċċ bilanċjat madwar l-Unjoni. Din il-proposta ma tistipulax, madankollu, miri għall-kwalità tal-istorbju li se jibqgħu joħorġu minn regoli nazzjonali u lokali eżistenti. Minflok, l-għan huwa li jkun hemm sistema li tiffaċilita l-ksib ta' dawn il-miri għall-kwalità tal-istorbju bl-iktar mod kosteffikaċi.

6. Fuq livell ta' ICAO l-UE tappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp ta’ standards ġodda tal-istorbju għall-inġenji tal-ajru u tinvesti f’teknoloġiji ġodda permezz tal-Programmi ta’ Qafas u l-proġett Sema Nadif[2]. Iżda l-ippjanar tal-użu tal-art, flimkien mal-programmi assoċjati ta' iżolazzjoni u kumpens, huma kompetenza nazzjonali jew lokali.

7. Proċeduri operattivi ta' tnaqqis tal-istorbju jintużaw fl-ajruporti kollha f’forom differenti: rotot preferenzjali għall-istorbju (fejn l-inġenji tal-ajru jtiru, pereżempju, fuq iż-żoni l-anqas popolati), ġestjoni tal-ġibda (akbar ma tkun il-ġibda, akbar ikun l-istorbju ġġenerat iżda akbar ir-rata tat-tlugħ li l-inġenju tal-ajru jkun jista' jitla' biha) jew miżuri speċifiċi fuq l-art (pereżempju l-użu ta' taxiways u runways speċifiċi). L-UE tikkontribwixxi permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-Ajru Uniku Ewropew, li għandha l-għan li tistabbilixxi miri ta' prestazzjoni fil-qasam ambjentali għal fornituri tas-servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru, u permezz tal-programmi ta’ riċerka assoċjati bħal SESAR u Sema Nadif.

8. Kif muri fil-Grafika 1, il-miżuri l-aktar applikati fl-ajruporti Ewropej huma l-proċeduri ta' tnaqqis tal-istorbju. Madankollu, flimkien ma' dan, ta' spiss huma użati restrizzjonijiet operattivi. Ir-restrizzjonijiet li ġejjin ġew introdotti fil-224 ajurport tal-UE li ġew ivvalutati[3] għal dan ir-rapport: 116–il kerfju[4], 52 limitu tal-istorbju, 51 restrizzjoni mmirata lejn inġenji tal-ajru bl-istandard ta' storbju 'Kapitolu 3', 38 kwota tal-istorbju u 7 baġits tal-istorbju.

Grafika 1: Ħarsa ġenerali lejn restrizzjonijiet attwali relatati mal-istorbju f'ajruporti Ewropej (tal-UE u dawk mhux tal-UE).

Sors: Il-bażi ta' dejta Boeing Nota: APU: użu regolat ta' unità ta' potenza awżiljara (biex jitqabdu l-magni); NAP: pjan ta' azzjoni dwar l-istorbju; Stg3-ch3: tneħħija gradwali tal-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-iżjed storbju li jissodisfaw biss l-istandard qadim tal-ICAO dwar l-istorbju, kif deskritt fil-Kapitolu 3 tal-Anness rilevanti tal-ICAO.

· Dispożizzjonijiet Ewropej dwar il-ġestjoni tal-istorbju permezz ta' restrizzjonijiet operattivi

9. Din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ ir-raġunament bażiku tal-Approċċ Bilanċjat tal-ICAO billi tagħmel rabta aqwa bejn il-pilastri tiegħu u billi tiċċara l-passi differenti tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta jitqiesu restrizzjonijiet operattivi

10. Applikazzjoni konsistenti tal-approċċ għandha tidentifika l-aktar soluzzjonijiet kosteffikaċi, adatti speċifikament għas-sitwazzjoni tal-ajruport inkwistjoni. Il-metodu ta' valutazzjoni se jqis ukoll b'mod xieraq l-effetti fuq in-netwerk kollu ta' miżuri ta' mitigazzioni tal-istorbju.

11. Ir-regoli attwali jkopru madwar 70 ajruport Ewropew b'aktar minn 50 000 moviment ta' inġenji tal-ajru jet subsoniċi ċivili kull sena kalendarja.

· Konsistenza mal-politika tal-avjazzjoni ċivili u għanijiet oħra tal-Unjoni

12. Din l-inizjattiva hija konsistenti ma' partijiet oħra tal-politika Ewropea tal-avjazzjoni ċivili u l-politiki ambjentali usa'.

13. L-industrija Ewropea tal-avjazzjoni għandha tikber b'mod sostenibbli fejn l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali huma bbilanċjati b’mod xieraq. Miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju jistgħu jkollhom impatt sostanzjali fuq il-kapaċità tan-netwerk tal-avjazzjoni fl-art u fl-ajru. Il-proposti se jiżguraw iktar konsistenza bejn azzjonijiet relatati mal-istorbju, il-kapaċità tal-ajruporti u r-rekwiżiti tal-effiċjenza tat-titjiriet fl-ambitu tal-Ajru Uniku Ewropew, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-proposti jsegwu l-loġika ta’approċċ 'gate-to-gate'.

14. Il-proposta se tikkontribwixxi fit-twettiq tal-"Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali" dwar l-istorbju tat-traffiku tal-ajru li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw abbażi tad-Direttiva 2002/49/KE.

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu

15. L-aktar partijiet interessati affettwati fir-rigward tal-istorbju u l-avjazzjoni huma ċ-ċittadini li jgħixu madwar l-ajruporti rrappreżentati fi gruppi ta' komunitajiet lokali, l-ajruporti, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru (bit-trasport tal-merkanzija bl-ajru bħala niċċa speċifika), il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru, l-awtoritajiet lokali (inklużi l-awtoritajiet ta’ ppjanar li jirrappreżentaw ukoll l-interessi ekonomiċi usa') u l-kunsilli indipendenti dwar l-istorbju. Dawn il-partijiet interessati kienu kkonsultati b'mod intensiv:

· fl-2007 il-konsulent estern ġabar tweġibiet għall-kwestjonarji u għamel intervisti ma' firxa ta' partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/30/KE;

· fl-2008 il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni miftuħa dwar modi kif temenda id-Direttiva;

· fl-2010, il-partijiet interessati kollha li qabel kienu kkontribwew għall-proċess ta' konsultazzjoni ġew ikkuntattjati u twessgħet il-firxa tal-partijiet interessati.

Sommarju tat-tweġibiet

16. L-Istati Membri enfasizzaw il-bżonn li tiġi ppreservata l-flessibbiltà fil-valutazzjoni tal-problemi tal-istorbju u l-ħtieġa li jiġu pprovduti arranġamenti transizzjonali, biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi (pereżempju, valutazzjonijiet ambjentali li jintużaw mill-ġdid) u perfezzjonament tar-relazzjoni bejn iż-żewġ Direttivi 2002/30/KE u 2002/49/KE, sabiex l-istess valutazzjonijiet jissodisfaw lit-tnejn li huma; u jqisu l-kuntest internazzjonali, fir-rigward tal-użu ta' metodi u miżuri.

17. Ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' komunitajiet lokali, jiġifieri l-Federazzjoni tal-Ambjent tal-Avjazzjoni li tirrappreżenta gruppi ta' azzjoni dwar l-istorbju u dawk ambjentali mir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, enfasizzaw il-ħtieġa li jkun irregolat b’mod xieraq (jiġifieri mhux sempliċement jiddependu fuq linji gwida) abbażi ta’ limitu ta' protezzjoni mill-istorbju; ir-rwol ewlieni ta’ restrizzjonijiet operattivi għat-titjib tas-sitwazzjoni marbuta mal-fastidju mill-istorbju u inċentivi biex jissostitwixxu l-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-aktar storbju; u t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi sabiex ikun hemm impatt reali.

18. L-operaturi[5], jiġifieri l-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej, li tirrappreżenta l-linji tal-ajru tradizjonali, u l-Assoċjazzjoni Ewropea Express argumentaw li l-prinċipji tal-Approċċ Bilanċjat tal-ICAO għandhom ikunu applikati korrettament (abbażi ta' ajruporti individwali); li r-restrizzjonijiet operattivi għandhom jintużaw għall-mitigazzjoni tal-problemi ta' storbju identifikati u bħala l-aħħar għażla; li dak il-metodu għandu jipprovdi l-aktar miżuri kosteffikaċi; u li l-ippjanar tal-użu tal-art jkun integrat fid-deċiżjonijiet dwar restrizzjonijiet operattivi. L-operaturi talbu ukoll kjarifika ulterjuri tad-Direttiva, u tennew il-bżonn li tiġi kkunsidrata emenda tad-definizzjoni ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi abbażi ta' regolamentazzjoni internazzjonali sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq. Jekk azzjoni regolatorja tkun meqjusa bħala neċessarja, l-operaturi ppreferew regolament minflok direttiva.

19. L-ajruporti[6], irrappreżentatati mill-ACI, enfasizzaw li l-firxa sħiħa ta' miżuri ta' Approċċ Bilanċjat għandha tkun sfruttata u li hemm skop biex titwessa' d-definizzjoni ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi.

20. Il-kunsill indipendenti Franċiż dwar l-istorbju (ACNUSA)[7] argumenta favur twessigħ tad-definizzjoni ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi, l-użu ta' parametri li ġenwinament jiġbru l-fehmiet tal-popolazzjoni affettwata, immudellar imtejjeb tal-istorbju fl-ajruporti u użu aktar sistematiku ta’ proċeduri operattivi li jagħmlu inqas storbju, bħal "approċċi ta' nżul kontinwu".

21. L-industrija aeronawtika hija speċjalment involuta fl-iżvilupp tal-istandards ġodda dwar l-istorbju fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tekniċi tal-ICAO u tiffoka fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-interdipendenzi bejn għanijiet possibbilment konfliġġenti bħat-tnaqqis tal-istorbju u s-CO2 u l-perspettiva fuq perjodu itwal ta' żvilupp ta' standards, fejn tar-ritmu tal-istabbiliment tal-istandards irid iżomm il-pass mal-fattibbiltà teknoloġika, u l-valur tal-flotta matul il-ħajja tal-inġenji tal-ajru u għandu jkun newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni.

22. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet lokali tal-Konferenza tar-Reġjuni tal-Ajruporti, li huma prinċipalment responsabbli għall-użu tal-art, enfasizzaw l-approċċ tagħhom minn perspettiva tal-kapaċità ambjentali ta' reġjun, li tinkludi l-ippjanar tal-użu tal-art, l-użu ta’ indikaturi xierqa, proċess ta' medjazzjoni, u l-ħtieġa ta' integrazzjoni aħjar tar-rekwiżiti skont id-direttiva dwar l-istorbju ambjentali mad-direttiva dwar l-istorbju fl-ajruporti (2002/30/KE).

23. Kollox ma' kollox, il-proposti huma ġeneralment qrib il-fehmiet espressi fir-rawnd ta' konsultazzjoni. Il-proposti formali se jisħqu fuq l-interdipendenza ta' miżuri differenti ta' mitigazzjoni tal-istorbju, fejn ir-restrizzjonijiet operattivi fuq l-istorbju ma għandhomx jitqiesu l-ewwel u qabel kollox, imma, jekk ikunu meqjusa bħala meħtieġa, għandhom jitqiesu bħala kontributur importanti u komplimentari f'kombinazzjoni usa' ta' miżuri kosteffikaċi. Id-definizzjoni ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi issir ukoll aktar stretta, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jerġgħu jkollhom strument effiċjenti ta' mitigazzjoni tal-istorbju għad-dispożizzjoni tagħhom.

· Ġbir u użu ta' għarfien espert

Oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati

24. Studju ta' sfond ġenerali twettaq sabiex tiġi pprovduta analiżi kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva tal-impatt ta' din ir-reviżjoni. Minbarra dan, il-Eurocontrol kienet qed tipprovdi informazzjoni aktar riċenti u dettaljata dwar l-għadd ta' titjiriet imwettqa minn 'inġenji tal-ajru marġinalment konformi'.

Metodoloġija użata

25. Il-konsulent organizza konsultazzjoni intensiva, prinċipalment fl-għamla ta’ intervisti ma' partijiet interessati differenti, kif ukoll riċerka abbażi ta' dokumenti. Minbarra dan, Eurocontrol pprovdiet informazzjoni aġġornata minn ħażniet rilevanti tad-dejta.

Sommarju tal-pariri li waslu u użati

26. Il-konklużjonijiet ewlenin kienu li d-Direttiva, minkejja li l-valur tagħha fil-kapaċità li ttemm tilwim internazzjonali huwa rikonoxxut[8] u fl-introduzzjoni ta' kompetenza tal-UE dwar restrizzjonijiet operattivi, ma kinitx daqshekk effettiva fl-armonizzazzjoni tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif kien mistenni. Kien hemm il-ħtieġa li tiġi aġġornata d-Direttiva sabiex titqies il-kompożizzjoni li qed tevolvi tal-flotta, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-elementi differenti tal-Approċċ Bilanċjat u biex jiddaħħlu strumenti legali ġodda dwar il-ġestjoni tal-istorbju, bħad-direttiva dwar l-istorbju ambjentali (2002/49/KE), l-iżvilupp ta’ standards ġodda tal-istorbju jew ir-regolamentazzjoni tal-prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

Mezzi użati biex il-parir espert ikun disponibbli għall-pubbliku

27. Ir-rapport sħiħ tal-istudju ġie ppubblikat fuq il-websajt ta' DĠ MOVE.

3. Elementi legali tal-proposta

· Sommarju tal-azzjoni proposta

28. Il-proposta tintroduċi regolament ġdid li jissostitwixxi d-Direttiva 2002/30/KE. Dan ir-Regolament jikkjarifika u jikkompleta r-rekwiżiti ta' dik id-direttiva.

1.           Speċifikazzjoni tal-għanijiet li jenfasizzaw ir-rabta ma’ elementi oħrajn tal-Approċċ Bilanċjat u strumenti oħra għall-ġestjoni tal-istorbju tat-traffiku tal-ajru.

2.           Definizzjoni tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet.

3.           Elenkar ta’ rekwiżiti ġenerali għall-ġestjoni tal-istorbju.

4.           Għoti ta' aktar dettalji dwar il-proċess ta' valutazzjoni tal-istorbju .

5.           Speċifikazzjoni ta’ partijiet interessati li għandhom jiġu kkonsultati.

6.           Armonizzazzjoni tad-dejta u l-metodi.

7.           Speċifikazzjoni tar-rekwiżiti ta' notifikazzjoni u introduzzjoni .

8.           Il-komitoloġija tkun tista' tadatta r-referenza għall-istandards tal-istorbju għall-progress teknoloġiku ġdid.

9            Għoti ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti.

· Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju tas-sussidjarjetà

29. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri individwalment.

30. Azzjoni Ewropea se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin:

31. Approċċ armonizzat għar-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju bħala parti mill-proċess ta' ġestjoni tal-istorbju madwar l-ajruporti Ewropej jikkontribwixxi għat-titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru u joħloq ambjent operattivi aktar prevedibbli għall-operaturi tal-linji tal-ajru u l-ajruporti. Barra minn hekk, il-metodu ta' valutazzjoni armonizzat għandu jnaqqas ir-riskju ta' preġudizzju fil-kompetizzjoni bejn l-ajruporti jew bejn il-linji tal-ajru u ta' implimentazzjoni prattika dgħajfa, li jistgħu jkollhom impatt mhux biss fuq il-kapaċità tal-ajruport ikkonċernat, iżda fuq l-effiċjenza ġenerali tan-netwerk tal-avjazzjoni.

32. Tali approċċ joffri soluzzjonijiet aktar kosteffikaċi għall-problemi ambjentali madwar l-ajruporti u jevita frammentazzjoni ta' rekwiżiti differenti tal-istorbju għall-operaturi li, skont id-definizzjoni, joperaw netwerk internazzjonali.

· Il-Prinċipju tal-proporzjonalità

33. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Filwaqt li regolament strettament jarmonizza l-metodu li għandu jiġi rispettat, jippermetti wkoll lill-Istati Membri jqisu sitwazzjonijiet speċifiċi għall-ajruporti bil-ħsieb li jiżviluppaw soluzzjonijiet xierqa għall-problemi ta' storbju abbażi ta' ajurporti individwali. Il-proposti ma jippreġudikawx l-għanijiet ambjentali mixtieqa jew il-miżuri konkreti meħuda.

· Għażla ta’ strumenti

34. Strument propost: Regolament.

35. Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin.

· Is-suġġett tar-regolament huwa metodu ta' valutazzjoni tal-istorbju. Regolament biss jiggarantixxi armonizzazzjoni sħiħa ta’ dan il-metodu.

· Il-metodu ta' valutazzjoni propost huwa flessibbli biżżejjed biex jindirizza kwalunkwe sitwazzjoni speċifika ta' ajruport u ma jippreġudikax il-livell mixtieq ta' ħarsien li l-Istati Membri jixtiequ jiggarantixxu għaċ-ċittadini tagħhom, jew l-għażla konkreta ta' miżuri kosteffikaċi.

4. Implikazzjoni baġitarja

36. Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni addizzjonali għall-baġit Ewropew. L-ispejjeż assoċjati mad-dritt ta' skrutinju ma jinvolvux spejjeż addizzjonali mqabbla mal-piż finanzjarju attwali tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inkluż ir-rimborż għal-laqgħat tal-kumitat. Bażijiet tad-dejta ta' informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-istorbju diġà jeżistu. Il-proposta tintroduċi referenza aktar formali biex tiżgura l-kwalità tad-dejta u l-aċċess garantit tal-partijiet interessati. Fl-aħħarnett, din il-proposta tifforma parti integrali tal-ħidma dwar il-ġestjoni tal-istorbju – b'baġits assoċjati - li diġà titwettaq f’oqsma oħra, bħall-iżivilupp tal-ICAO ta' limitazzjoni tal-istorbju, l-Ajru Uniku jew SESAR.

5. Informazzjoni addizzjonali

· Iż-Żona Ekonomika Ewropea

37. L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2011/0398 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[9],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[10],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[11],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[12],

Billi:

(1) Għan ewlieni tal-politika komuni dwar it-trasport huwa l-iżvilupp sostenibbli. Dan jesiġi metodu integrat bl-għan li jiżgura kemm il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' trasport tal-Unjoni u l-ħarsien tal-ambjent.

(2) L-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru jeħtieġ l-introduzzjoni ta' miżuri maħsuba biex jitnaqqas il-fastidju mill-istorbju tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti bi problemi partikolari ta' storbju. Għadd kbir ta' ċittadini tal-UE huma esposti għal livelli għolja ta' storbju li jistgħu jwasslu għal effetti negattivi fuq is-saħħa.

(3) Wara t-tneħħija tal-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-aktar storbju skont id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta 'Marzu 2002 dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss [storbju] fl-ajruporti tal-Komunità[13] u id-Direttiva 2006/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar ir-regolament tal-operazzjoni tal-inġenji tal-ajru koperta mill-Parti II, il-Kapitolu 3, il-Volum 1 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, it-tieni edizzjoni (1988)[14], aġġornament ta’ miżuri ġodda huwa meħtieġ biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jindirizzaw l-inġenji tal-ajru li jagħmlu l-aktar storbju sabiex titjieb il-klima tal-istorbju fl-ajruporti fl-Unjoni fi ħdan il-qafas internazzjonali ta' Approċċ Bilanċjat ta' Ġestjoni tal-Istorbju.

(4) Ir-Riżoluzzjoni A33/7 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tintroduċi l-kunċett ta' "Metodu Bilanċjat" għall-ġestjoni tal-istorbju u tistabbilixxi metodu koerenti li jindirizza l-istorbju mill-inġenji tal-ajru. L-"Approċċ Bilanċjat" tal-ICAO għandu jibqa' l-pedament tar-regolazzjoni tal-istorbju għall-avjazzjoni, bħala industrija globali. L-Approċċ Bilanċjat jirrikonoxxi l-valur ta' obbligi legali rilevanti, ftehimiet eżistenti, liġijiet attwali u poltiki stabbiliti u ma jippreġudikahomx. L-inkorporazzjoni tar-regoli internazzjonali tal-Approċċ Bilanċjat f'dan ir-Regolament għandha tnaqqas sostanzjalment ir-riskji ta' tilwim internazzjonali f'każ li trasportaturi ta' pajjiżi terzi jiġu affettwati minn restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju.

(5) Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-restrizzjonijiet operattivi tal-istorbju fl-Ajruporti tal-UE[15] indika l-ħtieġa li tkun iċċarata, fit-test tad-Direttiva, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-obbligi preċiżi u d-drittijiet tal-partijiet interessati matul il-proċess tal-valutazzjoni tal-istorbju sabiex jiġi ggarantit li jittieħdu miżuri kosteffikaċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' tnaqqis tal-istorbju.

(6) L-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi mill-Istati Membri fl-ajruporti tal-Unjoni abbażi ta' każijiet individwali, filwaqt li tillimita l-kapaċità, tista' tikkontribwixxi għat-titjib tal-klima tal-istorbju madwar l-ajruporti. Madankollu, hemm il-possibilità li jiġu introdotti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew xkiel għall-effiċjenza ġenerali tan-netwerk tal-avjazzjoni tal-Unjoni permezz tal-użu ineffiċjenti tal-kapaċità eżistenti. Peress li l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk ikunu aktar effettivament milħuqa mill-Unjoni permezz ta' regoli armonizzati fuq l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi bħala parti mill-proċess ta' ġestjoni tal-istorbju, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Tali metodu armonizzat ma jimponix miri għall-kwalità tal-istorbju, li jkomplu joħorġu mid-Direttiva 2002/49/KE jew regoli oħra Ewropej, nazzjonali jew lokali, u ma jippreġudikax l-għażla konkreta ta' miżuri.

(7) Filwaqt li valutazzjonijiet tal-istorbju għandhom iseħħu fuq bażi regolari, tali valutazzjonijiet għandhom iwasslu biss għal miżuri addizjonali ta' tnaqqis tal-istorbju jekk il-kombinazzjoni attwali tal-miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju ma tilħaqx l-għanijiet tat-tnaqqis tal-istorbju.

(8) Filwaqt li analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tipprovdi indikazzjoni tal-effetti totali fuq il-benesseri ekonomiku billi tqabbel l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha, valutazzjoni tal-kosteffikaċja tiffoka fuq il-kisba ta' għan stabbilit bl-aktar mod kosteffikaċi, u b'hekk teħieġ biss tqabbil tal-ispejjeż.

(9) Sospensjoni tal-miżuri tal-mitigazzjoni tal-istorbju hija importanti biex jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa għas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-kapaċità tal-ajruporti u l-kompetizzjoni. Filwaqt li proċedura ta' appell kontra restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju jistgħu jikkonċernaw miri ta' tnaqqis tal-istorbju, metodi ta' valutazzjoni u għażla ta’ miżuri kosteffikaċi, l-appell ma jistax jissospendi l-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għanda tkun kapaċi, ferm qabel l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, li tuża d-dritt ta' skrutinju u tissospendi l-miżuri meqjusa li jipproduċu konsegwenzi mhux meħtieġa jew irriversibbli. Huwa rikonoxxut li s-sospensjoni għandha tkun għal perjodu limitat.

(10) Il-valutazzjonijiet tal-istorbju għandhom ikunu msejsa fuq informazzjoni eżistenti disponibbli u jiżguraw li din l-informazzjoni hija affidabbli u aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-għodod ta' monitoraġġ u infurzar meħtieġa.

(11) Huwa rikonoxxut li l-Istati Membri ddeċidew dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju skont leġiżlazzjoni nazzjonali msejsa fuq metodi marbuta mal-istorbju rikonoxxuti fuq livell nazzjonali, li jistgħu ma jkunux (għadhom) totalment konsistenti mal-metodu kif deskritt fid-Dokument 29 tar-Rapport awtorevoli tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili dwar il-‘Metodu Standard ta’ Kkomputar ta' Profili tal-Istorbju madwar l-Ajruporti Ċivili" u lanqas jużaw informazjoni rikonoxxuta internazzjonalment dwar il-prestazzjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, l-effiċjenza u l-effettività ta' restrizzjoni operattiva, flimkien mal-effiċjenza u l-effettività tal-pjan ta’ azzjoni rilevanti li r-restrizzjoni hija parti minnu, għandhom jiġu vvalutati skont il-metodi preskritti fid-Dok 29 tal-ECAC u l-Approċċ Bilanċjat tal-ICAO. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-valutazzjonijiet tagħhom tar-restrizzjonijiet operattivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex ikun f'konformità sħiħa mad-Dok 29 tal-ECAC.

(12) Ċentralizzazzjoni ta' informazzjoni dwar l-istorbju se tnaqqas sostanzjalment il-piż amministrattiv kemm għall-inġenji tal-ajru kif ukoll għall-operaturi tal-ajruporti. Tali informazzjoni hija attwalment ipprovduta u mmaniġġjata fuq il-livell individwali tal-ajruport. Din id-dejta jeħtiġilha titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għal finijiet operattivi. Huwa importanti li wieħed juża l-bank tad-dejta tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-Aġenzija) li jikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-istorbju bħala għodda ta' validazzjoni mad-dejta tal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni tal-Ajru (Eurocontrol) dwar titjiriet individwali. Tali dejta bħalissa hija diġà sistematikament mitluba għal finijiet ta’ ġestjoni ċentrali tal-fluss, iżda jeħtieġ li tiġa speċifikata għall-fini ta’ dan ir-Regolament u għar-regolazzjoni tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Aċċess tajjeb għal dejta tal-immudellar ivvalidata għandu jtejjeb il-kwalità tal-immappjar ta' profili tal-istorbju ta' ajruporti individwali u l-immappjar strateġiku biex jiġu appoġġati deċiżjonijiet ta' politika.

(13) Sabiex jiġi rifless il-progress teknoloġiku kontinwu fit-teknoloġiji tal-magni u l-oqfsa tal-inġenji tal-ajru u l-metodi użati għall-immappjar tal-profili tal-istorbju, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-aġġornament regolari tal-istandards tal-istorbju għal inġenji tal-ajru msemmija f’dan ir-Regolament u r-referenza għal metodi ta' ċertifikazzjoni assoċjati; l-emendar tad-definizzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi u tal-inġenji tal-ajru ċivili skont dan, u l-aġġornar tar-referenza għall-metodu għall-komputazzjoni tal-profili tal-istorbju. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell espert. Il-Kummissjoni, waqt li tkun qed tipprepara u tfassal atti delegati, għandha tiżgura, trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(14) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċitar mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[16].

(15) Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni dwar jekk l-Istati Membri li qed jippjanaw li jintroduċu restrizzjonijiet operattivi jistgħux jipproċedu bl-introduzzjoni tagħhom f'każ li l-Kummissjoni tkun issospendiet r-restrizzjonijiet operattivi peress li dawk id-deċiżjonijiet għandhom kamp ta' applikazzjoni limitat.

(16) Fid-dawl tal-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti tal-metodu ta' valutazzjoni tal-istorbju fi ħdan is-suq tal-avjazzjoni tal-UE, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tar-restrizzjonijiet operattivi tal-istorbju. Id-Direttiva 2002/30/KE għandha għaldaqstant tiġi revokata,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett, għanijiet u kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju b'mod konsistenti abbażi ta' ajurporti individwali sabiex jgħin fit-titjib tal-klima tal-istorbju u biex jillimita jew inaqqas l-għadd ta' persuni li jkunu affettwati b'mod sinifikanti mill-effetti ta' ħsara tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru, skont l-Approċċ Bilanċjat.

2.           L-għanijiet ta' dan ir-Regolament huma

(a) li tiġi ffaċilitata l-kisba ta' għanijiet speċifiċi ta' tnaqqis tal-istorbju ambjentali, kif stabbilit f'regoli tal-Unjoni, nazzjonali u lokali, u biex tiġi vvalutata l-interdipendenza tagħhom ma' għanijiet ambjentali oħra, fil-livell ta' ajruporti individwali;

(b) li tkun possibbli l-għażla tal-miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju l-aktar kosteffikaċi skont l-Approċċ Bilanċjat sabiex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli tal-kapaċita tan-netwerk ta' ġestjoni tal-ajruporti u t-traffiku tal-ajru minn perspettiva gate-to-gate.

3.           Dan ir-Regolament għandu japplika għal inġenji tal-ajru mħaddma fl-avjazzjoni ċivili.

Ma għandux japplika għal inġenji tal-ajru fis-servizzi militari, doganali, tal-pulizija jew servizzi simili.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1) “Ajruport ” tfisser ajruport li għandu movimenti ta' aktar minn 50 000 inġenju tal-ajru ċivili kull sena kalendarja (moviment ifisser it-tluq jew l-inżul), billi jitqies l-għadd medju ta' movimenti tal-aħħar tliet snin kalendarji qabel il-valutazzjoni tal-istorbju;

(2) “Approċċ Bilanċjat” tfisser il-metodu li, skont din il-firxa ta’ miżuri disponibbli, partikolarment it-tnaqqis tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru mis-sors, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-art, il-proċeduri operattivi u r-restrizzjonijiet operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju, jitiqes b’mod konsistenti bl-għan li tiġi indirizzata l-problema tal-istorbju bl-aktar mod kosteffikaċi abbażi ta' ajurporti individwali.

(3) "Inġenji tal-ajru" tfisser inġenji tal-ajru bi ġwienaħ fissi b'massa tat-tluq massima ċċertifikata ta' 34 000 kg jew aktar, jew b'akkomodazzjoni interna massima ċċertifikata għat-tip ta' inġenju tal-ajru inkwistjoni li tikkonsisti minn aktar minn 19-il passiġġier, minbarra kwalunkwe post riżervat għall-ekwipaġġ;

(4) “Inġenji tal-ajru marġinalment konformi” tfisser inġenji tal-ajru ċivili li jissodisfaw il-limiti ta' ċertifikazzjoni tal-Kapitolu 3 stipulati fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 3 tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago) b'marġni kumulattiva ta’ inqas minn 10EPNdB (Storbju Effettivament Ipperċepit f'deċibel), fejn il-marġni kumulattiva hija ċ-ċifra espressa f'EPNdB miksuba billi jiġu magħduda l-marġini individwali (jiġifieri differenzi bejn il-livell ta' storbju ċċertifikat u l-livell massimu ta' storbju permess) f’kull wieħed mit-tliet punti ta' referenza għall-kejl tal-istorbju kif iddefinit fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 4 tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(5) “Azzjoni relatata mal-istorbju" tfisser kwalunkwe miżura li jkollha impatt fuq il-klima tal-istorbju madwar l-ajruporti, li għaliha japplikaw il-prinċipji tal-Approċċ Bilanċjat tal-ICAO, inklużi azzjonijiet mhux operattivi oħra li jistgħu jaffettwaw l-għadd ta' nies esposti għall-istorbju tal-inġenji tal-ajru;

(6) “Restrizzjonijiet operattivi" tfisser azzjoni relatata mal-istorbju li tillimita l-aċċess jew tnaqqas l-użu ottimali tal-kapaċità ta' ajruport, inklużi r-restrizzjonijiet operattivi mmirati għall-irtirar mill-operat ta' inġenji tal-ajru marġinalment konformi f'ajruporti speċifiċi kif ukoll restrizzjonijiet operattivi ta' natura parzjali, li jaffettwaw it-tħaddim ta' inġenji tal-ajru ċivili skont il-perjodu ta' żmien.

Artikolu 3

Awtoritajiet kompetenti

1.           L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-adozzjoni ta' miżuri dwar restrizzjonijiet operattivi, kif ukoll korp ta’ appell indipendenti.

2.           L-awtoritajiet kompetenti u l-korp ta' appell għandhom ikunu indipendenti minn kwalunkwe organizzazzjoni li tista' tiġi affettwata minn azzjoni relatata mal-istorbju.

3.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati u l-korp ta' appell imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Regoli ġenerali dwar l-immaniġjar tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru

1.           L-Istati Membri għandhom jadottaw Approċċ Bilanċjat fir-rigward tal-immaniġjar tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru. Għal dan il-għan, huma għandhom:

(a)          jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-istorbju f'ajruport individwali;

(b)          jiddefinixxu l-mira għat-tnaqqis tal-istorbju ambjentali;

(c)          jidentifikaw il-miżuri disponibbli biex inaqqsu l-impatt tal-istorbju;

(d)          jevalwaw l-kosteffikaċja probabbli tal-miżuri disponibbli;

(e)          jagħżlu l-miżuri;

(f)           jikkonsultaw il-partijiet interessati b'mod trasparenti dwar l-azzjonijiet previsti;

(g)          jiddeċiedu dwar il-miżuri u jipprovdu għal notifkazzjoni suffiċjenti;

(h)          jimplimentaw il-miżuri; u

(i)           jipprovdu għas-soluzzjoni tat-tilwim.

2.           L-Istati Membri għandhom iqisu, meta jieħdu azzjoni relatata mal-istorbju, il-kombinazzjoni li ġejja tal-miżuri disponibbli, bl-għan li jiddeterminaw l-aktar kombinazzjoni kosteffikaċi ta' miżuri:

(a)          l-effett prevedibbli ta' tnaqqis tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru mis-sors;

(b)          l-ippjanar u l-ġestjoni tal-użu tal-art ;

(c)          proċeduri operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju;

(d)          restrizzjonijiet operattivi, iżda mhux bħala l-ewwel soluzzjoni.

Il-miżuri disponibbli jistgħu jinkludu l-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi, jekk dan jitqies bħala meħtieġ.

3.           L-Istati Membri jistgħu, fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat, jagħmlu distinzjoni fil-miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju skont it-tip ta' inġenju tal-ajru, użu tar-runway u/jew qafas ta' żmien kopert.

4.           Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3, restrizzjonijiet operattivi li jieħdu l-għamla ta’ rtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi minn operazzjonijiet tal-ajruporti ma għandhomx jaffettwaw inġenji tal-ajru subsoniċi ċivili li jikkonformaw, permezz taċ-ċertifikazzjoni oriġinali jew taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, mal-istandard tal-istorbju fil-Volum 1, Parti II, Kapitolu 4 tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta’Chicago.

5.           Miżuri jew kombinazzjoni ta' miżuri meħuda skont dan ir-Regolament għal ajruport partikolari ma għandhomx ikunu aktar ristrettivi milli meħtieġ biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-istorbju ambjentali stabbilit għal dak l-ajruport. Restrizzjonijiet operattivi għandhom ikunu mhux diskriminatorji, partikolarment abbażi ta' nazzjonalità, identità jew attività tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

6.           Il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu għall-"Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali" dwar l-istorbju tat-traffiku tal-ajru, kif imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17].

Artikolu 5

Regoli dwar il-valutazzjoni tal-istorbju

1.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-istorbju fl-ajruporti fit-territorju tagħhom fuq bażi regolari, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/49/KE u r-regoli nazzjonali jew lokali. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu l-appoġġ tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010[18].

2.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-metodu, l-indikaturi u l-informazzjoni deskritti fl-Anness I għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u futura tal-istorbju.

3.           Meta l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-istorbju turi li miżuri ġodda huma meħtieġa biex jintlaħaq jew jinżamm l-livell tal-miri għat-tnaqqis tal-istorbju, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu b'mod xieraq il-kontribuzzjoni ta' kull tip ta' miżura fl-ambitu tal-Approċċ Bilanċjat, skont l-Anness I.

4.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, fil-livell xieraq, jiġi stabbilit forum għall-kooperazzjoni teknika bejn l-operatur tal-ajruport, l-operatur tal-inġenju tal-ajru u l-fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, għal azzjonijiet li dawn l-operaturi huma responsabbli għalihom, u jqisu b'mod xieraq l-interdipendenza bejn miżuri li jimmitgaw l-istorbju u dawk biex inaqqsu l-emissjonijiet. Il-membri ta' dan il-forum għall-kooperazzjoni teknika għandhom jikkonsultaw regolarment lir-residenti lokali jew rappreżentanti tagħhom, u jipprovdu informazzjoni u konsulenza teknika dwar miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju lill-awtoritajiet kompetenti.

5.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-kosteffikaċja tal-miżuri ġodda, kif imsemmi fil-paragrafu 3 skont l-Anness II. Emenda teknika minuri għall-miżuri eżistenti mingħajr implikazzjonijiet sostantivi fuq il-kapaċitajiet jew operat ma titqiesx bħala restrizzjoni operattiva ġdida.

6.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jorganizzaw il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati fil-waqt u b’mod sostantiv, filwaqt li jiżguraw il-ftuħ u t-trasparenza fir-rigward tad-dejta u l-metodoloġija ta' komputazzjoni. Il-partijiet interessati għandhom ikollhom mill-inqas tliet xhur qabel l-adozzjoni ta' miżuri ġodda biex jipprovdu kummenti. Il-partijiet interessati għandhom mill-inqas jinkludu:

(a) rappreżentanti ta' residenti lokali li jgħixu fl-inħawi tal-ajruporti affettwati mill-istorbju tat-traffiku bl-ajru;

(b) operaturi rilevanti tal-ajruporti;

(c) rappreżentanti tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jistgħu jkunu affettwati minn azzjonijiet relatati mal-istorbju;

(d) fornituri rilevanti ta' servizz ta' navigazzjoni tal-ajru;

(e) il-Maniġer tan-Netwerk, kif iddefinit fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 677/2011[19].

7.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom isegwu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni tal-istorbju u jieħdu azzjoni kif xieraq. Għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti tiġi pprovduta fuq bażi regolari lir-residenti lokali li jgħixu fl-inħawi tal-ajruporti.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-istorbju

1.           Deċiżjonijiet dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandhom ikunu msejsa fuq il-prestazzjoni tal-istorbju tal-inġenji tal-ajru skont il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni mwettqa skont il-Volum 1 tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-ħames edizzjoni ta' Lulju 2008.

2.           Fuq talba tal-Kummissjoni, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li ġejja dwar l-Istorbju fir-rigward tal-inġenji tal-ajru tagħhom li jużaw ajruporti fl-Unjoni:

(a) in-numru tad-denb tal-inġenji tal-ajru;

(b) iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-istorbju jew ċertifikati tal-inġenji użati, flimkien mal-piż massimu attwali assoċjat għat-tluq;

(c) kwalunkwe modifika tal-inġenji tal-ajru li tinfluwenza l-prestazzjoni tal-istorbju tagħhom;

(d) informazzjoni dwar l-istorbju u l-prestazzjoni tal-inġenji tal-ajru għall-finijiet tal-immudellar tal-istorbju.

Għal kull titjira bl-użu ta' ajruport tal-Unjoni, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jikkomunikaw iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-istorbju użat u n-numru tad-denb.

Id-dejta għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas, f’għamla elettronika u billi jintuża l-format speċifikat, fejn applikabbli.

3.           L-Aġenzija għandha tivverifika l-istorbju tal-inġenji tal-ajru u d-dejta tal-prestazzjoni għall-finijiet ta' immudellar skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill[20].

4.           Id-dejta għandha tkun maħżuna f'bażi tad-dejta ċentrali u tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, operaturi tal-inġenji tal-ajru, fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti għal finijiet operattivi.

Artikolu 7

Regoli fuq l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi

1.           Qabel l-introduzzjoni ta' restrizzjoni operattiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu avviż ta' sitt xhur, li jintemm mill-inqas xahrejn qabel id-determinazzjoni tal-parametri ta’ koordinazzjoni tal-islott kif iddefnit fl-Artikolu 2, punt m) tar-Regolament tal-Kunsill KEE Nru 95/93[21] għall-ajruport ikkonċernat għall-perjodu tal-iskedar rilevanti, lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati rilevanti.

2.           Wara l-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5, in-notifikazzjoni tad-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn rapport miktub li jispjega r-raġunijiet għall-introduzzjoni ta' restrizzjoni operattiva, il-mira ambjentali stabbilita għall-ajruport, il-miżuri li tqiesu biex tintlaħaq dik il-mira, u l-evalwazzjoni tal-kosteffikaċja probabbli tal-miżuri differenti meqjusa, inkluż, fejn rilevanti, l-impatt transfruntier tagħhom.

3.           Fejn restrizzjoni operattiva tikkonċerna l-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi minn ajruport, l-ebda servizzi ġodda ma għandhom ikunu permessi b'inġenji tal-ajru marġinalment konformi f'dak l-ajruport sitt xhur wara n-notifikazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu dwar ir-rata annwali għat-tneħħija ta' inġenji tal-ajru marġinalment konformi mill-flotta ta' operaturi affettwati f’dak l-ajruport, filwaqt li titiqies l-età tal-inġenju tal-ajru u il-kompożizzjoni tal-flotta totali. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 4, din ir-rata ma għandhiex tkun iktar minn 20 % tal-flotta ta' dak l-operatur ta' inġenji tal-ajru li jkunu marġinalment konformi li jużaw dak l-ajruport.

4.           Kwalunkwe appell kontra deċiżjonijiet dwar restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju għandu jiġi organizzati skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 8

Nazzjonijiet li qed jiżviluppaw

1.           L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżentaw l-inġenji tal-ajru marġinalment konformi reġistrati f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn restrizzjonijiet operattivi tal-istorbju sakemm tali mezzi tal-ajru:

(a) huma mogħtija ċertifikat tal-istorbju skont l-istandards speċifikati fil-Kapitolu 3, Volum 1 tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(b) kienu jitħadmu fl-Unjoni matul perjodu ta' ħames snin li jippreċedi d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kienu fuq ir-reġistru tan-nazzjon li qed jiżviluppa konċernat u għadhom jiġu mħaddma minn persuna naturali jew legali stabbilita f'dak in-nazzjon.

2.           Fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-eżenzjonijiet li jkun ta.

Artikolu 9

Eżenzjonijiet għall-operazzjonijiet ta' inġenji tal-ajru ta’ natura eċċezzjonali

Abbażi ta' każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw operazzjonijiet individwali ta' inġenji tal-ajru marġinalment konformi li ma setgħux isiru abbażi tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, f'ajruporti fit-territorju tagħhom.

L-eżenzjoni għandha tkun limitata għal:

(a) inġenji tal-ajru li t-tħaddim individwali tagħhom huwa ta' natura tant eċċezzjonali li ma jkunx raġonevoli li ma tingħatalhomx eżenzjoni temporanja;

(b) inġenji tal-ajru fuq titjiriet li ma jiġġenerawx dħul għall-finijiet ta' alterazzjonijiet, tiswija jew manutenzjoni.

Artikolu 10

Dritt ta' skrutinju

1.           Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u mingħajr ħsara għal proċedura pendenti ta' appell, il-Kummissjoni tista’ tiskrutinja d-deċiżjoni dwar restrizzjoni operattiva, qabel l-implimentazzjoni tagħha. Fejn il-Kummissjoni ssib li d-deċiżjoni ma tirrispettax ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, jew inkella tkun kontra l-liġi tal-Unjoni, tista' tissosspendi d-deċiżjoni.

2.           L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li turi konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.           Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skont il-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 13(2), parikolarment billi jitqiesu il-kriterji fl-Anness II, jekk l-awtorità kompetenti konċernata tistax tipproċedi bl-introduzzjoni ta' restrizzjoni operattiva. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill u l-Istat Membru kkonċernat.

4.           Fejn il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni fi żmien sitt xhur wara li tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tista' tapplika d-deċiżjoni prevista dwar restrizzjoni operattiva.

Artikolu 11

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12 dwar:

(a) emendi tad-definizzjonijiet ta' inġenji tal-ajru fl-Artikolu 2, punt (3) u ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi fl-Artikolu 2, punt (4);

(b) emendi u aġġornamenti tal-istandards ta’ ċertifikazzjoni tal-istorbju previsti fl-Artikoli 4 u 8; u tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1).

(c) emendi għall-metodu u r-rapport tekniku stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 12

Eżerċitar tad-delega

1.           Is-setgħat ta' adozzjoni ta' atti delegati huma kkonferiti lill-Kummissjoni suġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11 għandha tiġi kkonferita għal perjodu indeterminat ta’ żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11 tista' tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ mill-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.           Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma joġġezzjonawx. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 13

Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat istitwit bl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[22].

Dan il-kumitat huwa kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.           Fejn l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat titlob hekk.

Artikolu 14

Informazzjoni u reviżjoni

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fuq talba tagħha.

Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Revoka

Id-Direttiva 2002/30/KE hija revokata b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I

Valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-istorbju f'ajruport

Metodoloġija:

1.           L-awtoritajiet kompetenti se użaw metodi ta' valutazzjoni tal-istorbju li ġew żviluppati skont id-Dok 29 tar-Rapport tal-ECAC "Rapport dwar il-Metodu Standard ta' Kkomputar tal-Profili tal-Istorbju madwar l-Ajruporti Ċivili", it-Tielet (3) Edizzjoni.

Indikaturi:

1.           L-impatt tal-istorbju tat-traffiku tal-ajru se jiġi deskritti, mill-inqas, f’termini tal-indikaturi Lden u Lnight li huma ddefiniti u kkalkulati skont l-Anness I għad-Direttiva 2002/49/KE.

2.           L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw indikaturi tal-istorbju addizzjonali li jkollhom bażi xjentifika biex jirriflettu l-fastidju mill-istorbju tat-traffiku tal-ajru.

Informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-istorbju:

1.           Inventarju attwali

1.1         Deskrizzjoni tal-ajruport inkluża l-informazzjoni dwar id-daqs tiegħu, il-lok, l-inħawi madwaru, il-volum tat-traffiku tal-ajru u t-taħlita tiegħu.

1.2         Deskrizzjoni tal-miri tas-sostenibbiltà ambjentali għall-ajruport u l-kuntest nazzjonali. Din se tinkludi deskrizzjoni tal-miri għall-istorbju mill-inġenji tal-ajru għall-ajruport.

1.3         Id-dettalji tal-profili tal-istorbju għas-sena attwali u dawk preċedenti - inkluża valutazzjoni tal-għadd ta' nies affettwati mill-istorbju tal-inġenji tal-ajru.

1.4         Deskrizzjoni tal-miżuri eżistenti u ppjanati biex jiġi mmaniġġjat l-istorbju tal-inġenji tal-ajru li diġà ġew implimentati fil-qafas tal-Approċċ Bilanċjat u l-impatt u l-kontribuzzjoni tagħhom għas-sitwazzjoni tal-istorbju, li se tinkludi:

1.4.1. Għat-tnaqqis mis-sors:

-           Evoluzzjoni tal-flotta tal-inġenji tal-ajru u t-titjib teknoloġiku;

-           Pjanijiet speċifiċi ta' mmodernizzar tal-flotta;

1.4.2. Għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-użu tal-art:

-           Strumenti ta' ppjanar fis-seħħ, bħal ippjanar komprensiv jew it-tqassim f'zoni tal-istorbju;

-           Miżuri ta' mitigazzjoni fis-seħħ, bħal kodiċijiet ta' bini, programmi ta' iżolazzjoni tal-istorbju jew miżuri biex jitnaqqsu ż-żoni ta' użu ta' art sensittiva;

-           Proċess ta’ konsultazzjoni tal-miżuri tal-użu tal-art;

-           Segwitu wara li tibda tintuża l-art;

1.4.3. Għal miżuri operattivi għat-tnaqqis tal-istorbju, safejn dawn il-miżuri ma jirrestrinġux il-kapaċità ta’ ajruport:

-           Użu ta' runways preferenzjali;

-           Użu ta' rotot preferenzjali tal-istorbju;

-           Użu ta' proċeduri għat-tnaqqis tal-istorbju waqt it-tlugħ u l-avviċinament

-           Indikazzjoni safejn dawn il-miżuri jkunu rregolati skont indikaturi ambjentali, imsemmija fl-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010.

1.4.4.     Għal restrizzjonijiet operattivi:

-           Użu ta’ restrizzjonijiet globali, bħal regoli ta' limitu dwar movimenti jew kwoti tal-istorbju;

-           Strumenti finanzjarji fis-seħħ, bħal imposti tal-ajruport relatati mal-istorbju;

-           Użu ta' restrizzjonijiet speċifiċi għall-inġenji tal-ajru, bħall-irtirar ta’ inġenji tal-ajru marġinalment konformi;

-           Użu ta’ restrizzjonijiet parzjali, fejn issir distinzjoni bejn miżuri matul il-jum u dawk matul il-lejl.

2.           Tbassir mingħajr miżuri ġodda

2.1         Deskrizzjonijiet tal-iżviluppi fl-ajruporti (jekk ikun hemm) li diġà ġew approvati u ppjanat li jitwettqu, pereżempju, żieda fil-kapaċità, espansjoni tar-runways u/jew tat-terminals, u t-taħlita futura tat-traffiku pproġettata u t-tkabbir stmat.

2.2         Fil-każ tal-estensjoni tal-kapaċità tal-ajruporti, il-benefiċċji li jirriżultaw jekk dik il-kapaċità addizzjonali titqiegħed għad-dispożizzjoni fi ħdan in-netwerk usa' tal-avjazzjoni u r-reġjun.

2.3         Deskrizzjoni tal-effett fuq il-klima tal-istorbju mingħajr miżuri ulterjuri, u ta' dawk il-miżuri diġà ppjanati għat-titjib tal-impatt tal-istorbju fuq l-istess perjodu.

2.4         Profili tal-istorbju mbassra - inkluża valutazzjoni tal-għadd ta' nies li x' aktarx ikunu affettwati mill-istorbju tal-inġenji tal-ajru - jagħmlu distinzjoni bejn iż-żoni residenzjali stabbiliti u ż-żoni residenzjali li jkunu għadhom kemm inbnew.

2.5         Evalwazzjoni tal-konsegwenzi u l-ispejjeż possibbli talli ma titteħidx azzjoni sabiex jitnaqqas l-impatt ta' żieda fl-storbju – jekk tkun mistennija sseħħ..

3.           Valutazzjoni tal-miżuri addizzjonali

3.1         Skema tal-miżuri addizjonali disponibbli u indikazzjoni tar-raġunijiet ewlenin għall-għażla tagħhom. Deskrizzjoni ta' dawk il-miżuri magħżula għal analiżi ulterjuri u informazzjoni dwar l-eżitu tal-analiżi tal-kosteffikaċja, partikolarment l-ispiża tal-introduzzjoni ta' dawn il-miżuri; l-għadd ta' nies li mistennija jibbenefikaw u l-qafas ta' żmien; u klassifikazzjoni tal-effikaċja ġenerali ta' miżuri partikolari.

3.2         Ħarsa ġenerali lejn l-effetti ambjentali u kompetittivi possibli tal-miżuri proposti fuq ajruporti oħra, operaturi u l-partijiet interessati oħra.

3.3         Raġunijiet għall-għażla tal-alternattiva ppreferuta.

3.4         Sommarju mhux tekniku.

ANNESS II

Valutazzjoni tal-kosteffikaċja ta' restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju

Il-kosteffikaċja tar-restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju se jiġu vvalutati filwaqt li se jitqiesu, b'mod xieraq, l-elementi li ġejjin, safejn hu possibbli, f'termini kwantifikabbli:

1)         Il-benefiċċju antiċipat marbut mal-istorbju tal-miżuri previsti, issa u fil-futur;

2)         Is-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-avjazzjoni, inkluż ir-riskji għal partijiet terzi;

3)         Kapaċità tal-ajruport;

4)         Effetti fuq in-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni.

Barra minn hekk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jqisu l-fatturi li ġejjin:

1)         Is-saħħa u s-sikurezza tar-residenti lokali li jgħixu fl-inħawi tal-ajruport;

2)         Is-sostenibbiltà ambjentali, inkluż interdipendenzi bejn l-istorbju u l-emissjonijiet;

3)         Effetti diretti, indiretti u katalitiċi fuq l-impjiegi.

[1]               Sors: CAEP/8 – Dokument ta' Informazzjoni 8 – espress f 'livelli medji ta' storbju Billejl-Binhar (Day-Night average noise levels - DNL) – xenarju ta’bażi, mingħajr titjib teknoloġiku jew operattiv sostanzjali – ICAO tar-Reġjun Ewropew

[2]               L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta Sema Nadif se tkun waħda mill-ikbar proġetti Ewropej ta’ riċerka li qatt kien hemm, b'baġit stmat ta' EUR 1,6 biljun, maqsum b'mod indaqs bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija, matul il-perjodu 2008 - 2013.

[3]               Il-bażi ta' dejta Boeing 'Airports with Noise Restrictions' hija pubblikament disponibbli fuq: http://www.boeing.com/commercial/noise/listcountry.html. Għalkemm 69 ajurport biss huma attwalment koperti mid-Direttiva, aktar ajruporti se jkunu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni biż-żieda fit-traffiku prevista għall-ġejjieni. Għalhekk hija pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-224 ajruport kollha.

[4]               Kerfjus li jillimitaw l-operat matul ċertu perjodu ta’ ħin (restrizzjonijiet relatati mal-istorbju fuq it-traffiku).

[5]               Filwaqt li din hija dikjarazzjoni tal-AEA, il-pożizzjoni tagħha għandha tirrappreżenta l-operaturi kollha, jiġifieri l-ERA(reġjonali), IACA (inġenji tal-ajru ta' divertiment) u ELFAA (low cost), peress li huma affettwati f’modi pjuttost simili. L-IACA biss jista' jkollha relattivament aktar titjiriet bil-lejl għall-operazzjonijiet tagħhom.

[6]               Il-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti (Airports Council International – ACI) għandu grupp ta’ ħidma speċifiku dwar il-kwistjoni.

[7]               ACNUSA (flimkien mal-organizzazzjoni korrispondenti tagħha fil-Wallonja) huwa forum uniku biex jiġu indirizzati, f'kapaċita konsultattiva, il-fastidji tal-istorbju indipendentement mill-awtoritajiet u l-ajruporti.

[8]               L-Istati Ewropej kienu mhedda b'proċedura ta' lment uffiċjali fl-ICAO.

[9]               ĠU C , , p. .

[10]               ĠU C , , p. .

[11]               ĠU C , , p. .

[12]               ĠU C , , p. .

[13]               ĠU L85, 28.3.2002, p.40.

[14]               ĠU L 374, 27.12.2006; p.1.

[15]               COM(2008)66

[16]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[17]               ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

[18]             ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

[19]             ĠU L 185 ,15.7.2011, p. 1.

[20]             ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

[21]             ĠU L 14 22.01.1993.

[22]             ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

Top