EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0416

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura

/* KUMM/2011/0416 finali - 2011/0194 (COD) */

52011PC0416

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura /* KUMM/2011/0416 finali - 2011/0194 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura ilha fis-seħħ mill-1970. Hija waħda mill-pilastri tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Il-bażi legali attwali tagħha hija r-Regolament 104/2000, adottat fl-1999. Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tipprovdi opportunità mill-aqwa għall-analiżi u possibbilment ir-reviżjoni tal-għanijiet u l-istrumenti tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

Problemi identifikati u għanijiet għar-riforma

Il-Kummissjoni ilha mill-2008 twettaq evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet estensivi biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-qafas legali attwali, biex tagħraf u tanalizza żviluppi u xejriet fis-suq tal-UE matul l-aħħar għaxar snin u biex tisma' l-opinjonijiet tal-partijiet konċernati.

L-analiżi wasslet għall-identifikazzjoni ta' ħames oqsma problematiċi ewlenin, li jistgħu jitqassru kif ġej.

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tal-UE ma kienetx tikkontribwixxi biżżejjed għall-produzzjoni sostenibbli: waqt li bosta sajd tal-UE mhux sfruttat b'mod sostenibbli, sa dan l-aħħar, kien hemm primjums tas-suq verament limitati għal prassi sostenibbli jew ebda sanzjoni tas-suq għal prassi potenzjalment jew realment mhux sostenibbli. Il-politika attwali ma pprovdietx is-sinjali għal politika tajba b'mod suffiċjenti.

Il-pożizzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-UE marret għall-agħar: il-produtturi tal-UE qed jiffaċċjaw opportunitajiet limitati jew imnaqqsa tal-produzzjoni (sajd u akkwakultura). Barra minn hekk, in-naħa tal-produzzjoni hija frammentata minħabba l-għadd ta' speċijiet, il-ħatt l-art u s-siti tal-bejgħ, waqt li n-naħa tad-domanda hija kkonċentrata ħafna. Il-produzzjoni tal-UE hija wkoll nieqsa mill-kompetittività f'suq li dejjem qed isir iżjed globalizzat.

Aħna ma konniex kapaċi nbassru jew nimmaniġġaw iċ-ċaqliq fis-suq: Is-sajd, aktar minn settur ieħor tal-produzzjoni tal-ikel, huwa kkaratterizzat minn inċertezza fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta' produzzjoni u aċċess. Madankollu l-provvista tal-UE ma tistax titbassar f'termini ta' volum u kwalità mitluba min-naħa tad-domanda. Min-naħa l-oħra, il-produtturi tal-UE, il-biċċa l-kbira ma jantiċipawx id-domanda tas-suq fl-ippjanar tal-produzzjoni tagħhom. Dan iwassal għal differenzi kbar fil-prezzijiet tal-ewwel bejgħ.

Il-potenzjal tas-suq tagħna huwa fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat: il-konsum li qed jiżdied madwar l-UE joffri opportunitajiet ekonomiċi tanġibbli għall-produtturi tal-UE. Iżda l-kosti tal-informazzjoni u t-tranżazzjonijiet huma għoljin matul il-katina tal-kummerċjalizzazzjoni. Mill-perspettiva tal-konsumatur, l-informazzjoni limitata li tingħata ma tippermettix li ssir għażla infurmata u responsabbli.

L-implimentazzjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq qed tinżamm lura minn qafas ikkumplikat u kumpless iżżejjed.

F'dan il-kuntest il-proposta għal riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tiffoka fuq l-għanijiet li ġejjin:

It-titjib fil-livell tal-inċentivi tas-suq bħala appoġġ għal prassi ta' produzzjoni sostenibbli: il-produtturi tal-UE (sajd u akkwakultura) fi ħdan l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi huma l-ewwel li jħabbtu wiċċhom mal-produzzjoni, l-immaniġġar ta' kuljum tar-riżorsi u l-kwistjonijiet tas-suq. Jeħtieġ li r-rwol, ir-responsabbiltà u l-mandat tagħhom jiġu analizzati skont l-għanijiet tar-riforma tal-PKS sabiex l-attivitajiet tal-produzzjoni jingħataw direzzjoni lejn is-sostenibbiltà. Għandhom jiġu mmirati wkoll operaturi oħra iktar ’il fuq fil-katina f'dan is-settur sabiex ikabbru l-impenn tagħhom u jsiru iżjed responsabbli għas-sostenibbiltà tal-provvista tagħhom.

It-titjib tal-pożizzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-UE: Meta jiġu indirizzati l-imperfezzjonijiet tas-suq, il-kosti għoljin tal-informazzjoni u t-tranżazzjonijiet, kif ukoll kwistjonijiet tal-organizzazzjoni, wieħed irid jiffoka fuq l-attivitajiet ta' produzzjoni (ir-raggruppament tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni aħjar fl-ewwel bejgħ), fuq iż-żieda fil-kompetittività tal-produzzjoni tal-UE (kwalità, innovazzjoni u valur miżjud), fuq li jissaħħaħ il-poter tal-innegozjar tal-produtturi u fuq li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti kollha kkumerċjalizzati fl-Unjoni.

L-istrateġiji tal-produtturi għandhom jagħtu iżjed każ ta' titjib fir-rabta bejn il-produzzjoni tal-UE u l-bidliet strutturali fis-suq tal-UE, u l-varjazzjonijiet fuq medda qasira. Dan jappoġġa l-iżvilupp tal-għarfien dwar is-suq u l-analiżi tan-naħa tad-domanda u tal-provvisti li jikkompetu. Trasparenza aħjar matul il-katina tal-kummerċjalizzazzjoni tas-swieq għandha tiffaċilita li l-provvista tilħaq id-domanda u ttejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-politika. Id-differenzi fil-prezzijiet tal-ewwel bejgħ jistgħu jitnaqqsu permezz ta' kundizzjonijiet imtejba għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u billi jiġi żgurat li l-produzzjoni tiġi ppjanata u aġġustata għad-domanda f'termini ta' kwalità, kwantità u preżentazzjoni.

It-titjib tal-potenzjal tas-suq tal-prodotti tal-UE: It-tħaddim tas-suq intern tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura huwa 'l bogħod mill-ideali b'mod partikulari minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni. Il-vantaġġ komparattiv tal-produzzjoni tal-UE (freskezza, lokali, varjetà, eċċ) jista' jiġi sfruttat aħjar billi jkun hemm aktar diversifikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-konsumaturi tal-UE għandhom id-dritt li jingħataw informazzjoni aktar preċiża u affidabbli biex tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

L-appoġġ għal governanza aħjar, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-qafas legali: Id-dispożizzjonijiet u l-istrumenti eżistenti għandhom jiġu rriveduti, issimplifikati u ċċarati. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandhom tiġi appoġġata fil-kuntest ta' fond finanzjarju ġdid li ser jiġi implimentat fi ħdan il-PKS riformata.

L-interazzjoni mar-riforma tal-PKS

L-għan ewlieni tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tippromwovi l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' settur ekonomikament vijabbli, li mbagħad għandu jiggwadanja dejjem aktar saħħa mill-immaniġġar tiegħu stess. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-PKS ikkonkludiet li, meta jitqiesu l-għanijiet u l-istrumenti l-ġodda tal-PKS, kienet meħtieġa riforma estensiva tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq: l-istrumenti orjentati lejn is-suq għandhom jikkontribwixxu, direttament jew indirettament, biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-PKS .

Biex tindirizza s-sajd żejjed u l-prassi mhux sostenibbli u titbiegħed mill-istrateġiji tal-produzzjoni bbażati biss fuq il-volum, l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq il-ġdida se tappoġġa:

l-għoti tas-setgħa lil organizazzjonijiet tal-produtturi u tal-koimmaniġġar tagħhom tad-drittijiet tal-aċċess kif ukoll tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni;

miżuri tas-suq li jżidu l-poter tan-negozjar tal-produtturi (fis-sajd u l-akkwakultura), itejbu t-tbassir, il-prevenzjoni u l-immaniġġar ta’ kriżi tas-suq u jrawmu t-trasparenza u l-effiċjenza tas-suq;

inċentivi tas-suq u primjums għal prassi sostenibbli; sħubijiet għal produzzjoni, għal provvista tagħhom u għal konsum sostenibbli; ċertifikazzjoni (l-ekotikketti), promozzjoni, informazzjoni lill-konsumaturi;

miżuri tas-suq addizzjonali dwar il-ħut skartat.

Id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-UE f'dan il-qasam

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 li jistabbilixxi Organizzazzjoni Komuni tas-Suq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura huwa l-qafas regolatorju attwali. Din il-proposta għandha l-għan li tieħu post dan ir-Regolament.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Sa mill-2008 saru konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati f'diversi livelli.

Konsultazzjoni pubblika bbażata fuq l-internet dwar kwistjonijiet tas-suq u l-kummerċ twettqet mid-9 ta' April 2009 sal-31 ta' Diċembru 2009 fil-qafas tal-Green Paper għar-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (COM(2009)163 finali). Kważi l-400 kontribuzzjoni kollha li saru dwar il-Green Paper indirizzaw kwistjonijiet relatati ma' riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Dawn huma miġburin f'sinteżi f'kapitolu speċifiku (3.4) fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar "Sinteżi tal-Konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd" SEC(2010)428 finali – April 2010.

Konsultazzjoni wiesgħa tas-settur (produtturi, importaturi, proċessuri, bejjiegħa bl-imnut) u ta' atturi mhux governattivi (NGOs għall-iżvilupp u l-ambjent, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi) fi ħdan l-entitajiet konsultattivi eżistenti fi ħdan il-PKS u seminars tematiċi. Sar djalogu estensiv mal-Istati Membri inkluż laqgħat bilaterali ma' rappreżentanti nazzjonali mis-settur, l-amministrazzjoni nazzjonali u reġjonali, u l-Kumitat ta’ Ġestjoni. Il-Parlament Ewropew, b'mod partikulari il-Kumitat tas-Sajd, kien assoċjat mil-qrib ma' dawn il-konsultazzjonijiet u avvenimenti.

Valutazzjonijiet tal-impatt

Twaqqaf grupp tat-tmexxija b'rappreżentazzjoni minn diversi servizzi fi ħdan il-Kummissjoni li kkontribwixxa matul il-proċess tal-valutazzjonijiet tal-impatt. L-analiżi tal-qafas politiku attwali u tal-iżvilupp tas-suq tal-UE għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura ġiet segwita bl-identifikazzjoni tal-għanijiet preliminari għal Organizzazzjoni tas-Suq Komuni riformata. Skont dawn l-għanijiet ġew ikkunsidrati diversi għażliet alternattivi ta' politika għar-riforma.

It-tkomplija tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq attwali għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Din tfisser li jkun hemm enfasi prinċipalment fuq interventi fis-suq biex jappoġġaw l-istabbilità tal-prezzijiet.

Ir-reviżjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq attwali għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura billi jitnaqqsu l-mekkaniżmi ta' intervent għal għajnuna unika għall-ħżin ta' prodotti tas-sajd intenzjonati għal konsum mill-bniedem u billi strumenti oħra jsiru aktar issimplifikati, xierqa, u flessibbli (standards tal-kummerċjalizzazzjoni u informazzjoni lill-konsumaturi).

Titjib fl-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura billi l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u l-Organizzazzjonijiet interprofessjonali jingħataw aktar setgħa b'għanijiet ġodda u jingħataw appoġġ finanzjarju biex ifasslu u jimplimentaw pjanijiet sostenibbli għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni. Il-kontenut u l-ambitu tal-informazzjoni obbligatorja tal-konsumatur jiġu estiżi. Jiġu kkunsidrati l-eżattezza u l-kontroll tat-tikkettar volontarju.

Titwettaq id-deregolazzjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq attwali għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Din l-għażla trażżan l-appoġġ finanzjarju kollu (l-intervent u l-appoġġ għal azzjonijiet kollettivi) u kwalunkwe strument legali speċifiku għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

L-għażla tal-istatus quo ġiet evalwata bħala pjuttost ineffiċjenti u kumplessa wisq biex tilħaq l-għanijiet attwali tagħha. Illum, 12-il sena wara l-adozzjoni tagħha, l-OKS attwali tidher bħala mhux adattata għall-isfidi tas-suq tal-UE. Se tirriżulta aktar ineffettiva fil-PKS riformata, u possibbilment inkonsistenti mal-għanijiet tagħha.

Il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet ewlenin tal-OKS eżistenti permezz ta' aġġustamenti u simplifikazzjonijiet proposti għandha ttejjeb it-tħaddim tagħha. Ir-rilevanza għall-għanijiet ewlenin tar-riforma tal-PKS tibqa’ madankollu limitata.

It-tneħħija għal kollox tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tal-UE, anke jekk wieħed jikkunsidra li l-iżviluppi u l-inċentivi tas-suq proprju lejn is-sostenibbiltà żdiedu, ma tindirizzax kompletament il-problemi ewlenin identifikati, jiġifieri s-settur frammentat u kumpless tal-provvista tal-UE u r-riskji ta' informazzjoni li tisgwida jew tħawwad lill-konsumatur.

Għalhekk il-Kummissjoni tappoġġa it-titjib tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq sabiex takkumpanja lis-settur tas-sajd u l-akkwakultura filwaqt li tersaq lejn prassi sostenibbli ta' produzzjoni. Jista’ jsir ħafna f'termini ta’ organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni biex jitjieb it-tbassir tal-provvista u jitnaqqsu l-kosti tat-tranżazzjonijiet. Din l-għażla tenfasizza r-rwol ta' kull parti interessata ewlenija fil-preferenza ta’ prassi sostenibbli. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tgħin biex jiżdied il-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura f'kuntest fejn l-appoġġ finanzjarju jitbiegħed mill-flotta (speċjalment l-iskrappjar u l-waqfien temporanju), favur soluzzjonijiet intelliġenti, ekoloġiċi, innovattivi u orjentati lejn is-suq għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Bażi legali

L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt kompetenza kondiviża, u għalhekk japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġuni li ġejja:

Il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni u għalhekk għandha tiġi implimentata permezz ta' Regolament adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Huwa meħtieġ u xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar sabiex jintlaħaq l-għan sottostanti li jiġu żgurati industriji tas-sajd u l-akkwakultura li jipprovdu kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli fuq medda twila u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Din ir-Regolament ma jmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

2011/0194 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Wara li għaddew l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[2],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) L-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd jestendi għal miżuri dwar is-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura fl-Unjoni. L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, minn hawn 'il quddiem "Organizzazzjoni Komuni tas-Suq", hija parti integrali tal-Politika Komuni tas-Sajd u għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Billi l-Politika Komuni tas-Sajd qed tiġi riveduta, l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tiġi adattata skont dan.

(2) Jeħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura[3] jiġi rivedut biex jitqiesu n-nuqqasijiet misjuba fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ attwalment, l-iżviluppi riċenti fl-Unjoni u s-swieq dinjija, u l-evoluzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura.

(3) Għandhom jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq skont l-impenji internazzjoni tal-Unjoni, partikularment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(4) L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(5) Peress li dawn l-għanijiet ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura komuni tas-suq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, u jistgħu għalhekk, minħabba l-ħtieġa għal azzjoni komuni ulterjuri, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, min-naħa tagħha din tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx 'l hinn minn dak li huma meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(6) Huwa importanti li l-immaniġġar tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq jitmexxa fuq il-prinċipji ta' governanza tajba tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(7) L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma l-atturi ewlenin għall-applikazzjoni xierqa tal-Politika Komuni tas-Sajd u tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Huwa għalhekk meħtieġ li jsaħħu l-għanijiet tagħhom biex jiżguraw li l-membri tagħhom iwettqu attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura b'mod sostenibbli, itejbu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti, u jiġbru informazzjoni ekonomika dwar l-akkwakultura. Filwaqt li jilħqu dawn l-għanijiet, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jikkunsidraw il-kundizzjonijiet differenti tas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura li jeżistu fl-Unjoni, b'mod partikulari l-ispeċifiċitajiet tas-sajd fuq skala żgħira.

(8) L-organizzazzjonijiet interprofessjonali billi jiġbru kategoriji differenti ta' operaturi jistgħu jgħinu biex itejbu l-koordinazzjoni ta' attivitajiet tal-kummerċjalizzajoni matul il-katina tal-attivitajiet u biex jiżviluppaw miżuri ta' interess għas-settur kollu.

(9) Huwa xieraq li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet komuni għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali mill-Istati Membri, biex ir-regoli adottati mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-produtturi jiġu estiżi, u biex il-kosti li jirriżultaw minn din l-estensjoni jiġu kondiviżi. Il-proċedura għall-estensjoni ta' regoli għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni.

(10) Sabiex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jidderiġu lill-membri lejn attivitajiet ta' sajd u akkwakultura sostenibbli, huma għandhom jiddefinixxu u jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni bil-miżuri meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.

(11) Id-diffikulta biex jitbassru l-attivitajiet tas-sajd teżiġi li jitwaqqaf mekkaniżmu għal ħżin ta' prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem bil-għan li titrawwem stabbilità akbar tas-suq u jiżdied ir-redditu fuq il-prodotti, partikularment billi jinħoloq valur miżjud. Dan il-mekkaniżmu għandu jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni u l-konverġenza tas-swieq lokali tal-Unjoni bil-għan li jinħoloq is-suq uniku.

(12) L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu joħolqu fond kollettiv biex jiffinanzja l-pjanijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u l-mekkaniżmu ta' ħżin.

(13) Biex tiġi kkunsidrata d-diversità fil-prezzijiet madwar l-Unjoni, kull organizzazzjoni tal-produtturi għandha tkun intitolata li tagħmel proposta għal prezz li jiskatta l-mekkaniżmu ta' ħżin. Dan il-prezz ma għandux iwassal biex jiġu ffissati prezzijiet minimi li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni.

(14) Billi l-istokkijiet tal-ħut huma riżorsi kondiviżi, l-isfruttar sostenibbli u effiċjenti tagħhom jista', f'xi ċirkustanzi, jintlaħaq aħjar permezz ta' organizzazzjoniiet magħmula minn membri minn Stati Membri differenti. Għalhekk jeħtieġ li tiġi prevista wkoll il-possibbiltà li jitwaqqfu organizzazzjonijiet ta' produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi fuq livell transnazzjonali, li jibqgħu soġġetti għal regoli tal-kompetizzjoni kif previst fir-regolament preżenti.

(15) L-applikazzjoni ta' standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni għandha tippermetti li s-suq ikun fornut bi prodotti sostenibbli, li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-suq intern tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, u li jiġi ffaċilitat il-kummerċ fuq bażi ta' kompetizzjoni ġusta, u b'hekk tgħin biex tintlaħaq il-profitabbiltà tal-produzzjoni.

(16) Minħabba l-varjetà wiesgħa tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, jeħtieġ li l-konsumaturi jingħataw ammont minimu ta' informazzjoni obbligatorja dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodotti. Għall-promozzjoni tad-divrenzjar tal-prodotti, jeħtieġ ukoll li titqies informazzjoni addizzjonali li tista' tiġi indikata fuq bażi volontarja.

(17) Ir-regoli dwar il-kompetizzjoni relatata ma' ftehimiet, deċiżjonijiet u prassi msemmija fl-Artikolu 101 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, sakemm l-applikazzjoni tagħhom ma tfixkilx it-tħaddim tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq jew thedded li jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-Trattat.

(18) Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura, inklużi l-frammentazzjoni tas-settur, il-fatt li l-ħut huwa riżorsa kondiviża u l-ammont estensiv tal-importazzjoni. Minħabba raġunijiet ta' simplifikazzjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta' Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta' kompetizzjoni għall-produzzjoni ta', u l-kummerċ f'ċerti prodotti agrikoli[4] għandhom jiġu inkorporati fir-regolament preżenti. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1184/2006 ma għandux jibqa' japplika għal prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

(19) Jeħtieġ li tittejjeb l-informazzjoni ekonomika dwar is-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura fl-Unjoni.

(20) Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 24, 33, 41 u 46, sabiex tkun tista' tissupplimenta jew temenda l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tissupplima jew temenda l-kontenut tal-pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, tiddefinixxi u temenda l-istandards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni, tissupplimenta jew temenda informazzjoni obbligatorja u tistipula kriterji minimi għall-informazzjoni pprovduta volontarjament minn operaturi lill-konsumaturi.

(21) Huwa ta’ importanza partikulari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ssir trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22) Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 25, 31, 34 u 37 ta' dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

(23) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 għandu jiġi rrevokat iżda l-Artikoli 9, 10, 11, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 34, 35, 36, 37, 38 u 39 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 Suġġett

1. B'dan qed tiġi stabbilita organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, minn hawn 'il quddiem "Organizzazzjoni Komuni tas-Suq".

2. L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tħaddan l-istrumenti li ġejjin:

(a)     organizzazzjonijiet professjonali;

(b)     standards ta' kummerċjalizzazzjoni;

(c)     informazzjoni għall-konsumatur;

(d)     regoli dwar il-kompetizzjoni;

(e)     għarfien intelliġenti dwar is-suq.

Artikolu 2 Ambitu

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tapplika għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, li jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni.

Artikolu 3 Għanijiet

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

Artikolu 4 Prinċipji

L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq għandha tipproċedi fuq il-prinċipji ta' governanza tajba stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

Artikolu 5 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 'prodotti tas-sajd' tfisser organiżmi akwatiċi li jirriżultaw minn kwalunkwe attività tas-sajd jew prodotti li ġejjin minnhom, kif elenkat fl-Anness I;

(b) 'prodotti tal-akkwakultura' tfisser organiżmi akwatiċi, fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li jirriżultaw minn kwalunkwe attività tal-akkwakultura jew prodotti li ġejjin minnhom, kif elenkat fl-Anness I;

(c) 'produttur' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża mezzi ta' produzzjoni biex tikseb prodotti ta' sajd jew akkwakultura bl-intenzjoni li tqiegħdhom fis-suq;

(d) 'settur tas-sajd jew l-akkwakultura' tfisser is-settur tal-ekonomija li jinkludi l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;

(e) 'tagħmel disponibbli fis-suq' tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott tas-sajd jew l-akkwakultura għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(f) 'tqegħid fis-suq' tfisser l-ewwel darba li prodott tas-sajd jew l-akkwakultura jsir disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

Kapitolu II Organizzazzjonijiet professjonali

Taqsima I Stabbiliment, Għanijiet u Miżuri

Artikolu 6 Stabbiliment ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd

Organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd jistgħu jiġu stabbiliti bħala grupp imwaqqaf fuq l-inizjattiva proprja ta' produtturi ta' prodotti tas-sajd fi Stat Membru wieħed jew aktar u li huma rikonoxxuti skont it-Taqsima II.

Artikolu 7 Għanijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd

L-organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd għandu jkollhom l-għanijiet li ġejjin:

(a) jippromwovu attivitajiet vijabbli tas-sajd mill-membri tagħhom, b'konformità sħiħa mal-politika ta' konservazzjoni stipulata fir-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u l-leġiżlazzjoni ambjentali;

(b) jieħdu ħsieb qabdiet ta' stokkijiet kummerċjali li ma hemmx domanda għalihom;

(c) itejbu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd tal-membri tagħhom;

(d) jistabbilixxu s-swieq;

(e) itejbu l-profittabbiltà tal-produtturi.

Artikolu 8 Miżuri li jittieħdu minn organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd

Organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd jistgħu jużaw l-miżuri li ġejjin biex jilħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 7:

(a) jippjanaw l-attivitajiet tas-sajd tal-membri tagħhom;

(b) jagħmlu l-aħjar użu ta' qabdiet ta' stokkijiet kummerċjali li ma hemmx domanda għalihom billi:

-        jiddisponu minn prodotti li jkunu nħattu l-art li mhumiex konformi mad-daqsijiet minimi ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2)(a) għal użi oħrajn għajr konsum mill-bniedem;

-        jqiegħdu fis-suq prodotti li jkunu nħattu l-art li huma konformi mad-daqsijiet minimi ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(2)(a);

-        jiddistribwixxu mingħajr ħlas prodotti li jkunu nħattu l-art għal finijiet filantropiċi jew karitatevoli.

(c) jaġġustaw il-produzzjoni għall-bżonnijiet tas-suq;

(d) jidderiġu l-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom;

(e) jimmaniġġaw ħżin temporanju ta' prodotti tas-sajd b'konfomità mal-Artikoli 35 u 36;

(f) jikkontrollaw u jieħdu miżuri biex l-attivitajiet tal-membri tagħhom ikun konformi mar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni tal-produtturi.

Artikolu 9 Stabbiliment ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura

Organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura jistgħu jiġu stabbiliti bħala grupp imwaqqaf fuq l-inizjattiva proprja ta' produtturi ta' prodotti tal-akkwakultura fi Stat Membru wieħed jew aktar u li huma rikonoxxuti skont it-Taqsima II.

Artikolu 10 Għanijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura

L-organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura għandu jkollhom l-għanijiet li ġejjin:

(a) jippromwovu attivitajiet sostenibbli tal-akkwakultura tal-membri tagħhom billi jipprovdu opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom;

(b) jikkontribwixxu għall-provvista tal-ikel u għall-impjieg f'żoni kostali u rurali;

(c) jaċċertaw li l-attivitajiet tal-membri tagħhom huma konsistenti mal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd;

(d) itejbu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-akkwakultura tal-membri tagħhom;

(e) itejbu l-profittabbiltà tal-produtturi.

Artikolu 11 Miżuri li jittieħdu minn organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura

Organizzazzjonijiet ta' produtturi tal-akkwakultura jistgħu jużaw il-miżuri li ġejjin biex jilħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 10:

(a) jippromwovu akkwakultura responsabbli u sostenibbli, notevolment f'termini ta' ħarsien tal-ambjent, saħħa u benessri tal-annimali;

(b) jaġġustaw il-produzzjoni għall-bżonnijiet tas-suq;

(c) jidderiġu l-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħhom;

(d) jikkontrollaw u jieħdu miżuri biex l-attivitajiet tal-membri tagħhom ikunu konformi mar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

(e) jiġbru informazzjoni dwar il-prodotti kkumerċjalizzati inkluża informazzjoni ekonomika dwar l-ewwel bejgħ u t-tbassir ta' produzzjoni.

Artikolu 12 Stabbiliment ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi

1. Assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd jew akkwakultura tista' tiġi stabbilita bħala grupp imwaqqaf fuq l-inizjattiva proprja ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti fi Stat Membru wieħed jew aktar.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament applikabbi għal organizzazzjonijiet ta' produtturi għandhom japplikaw għal assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi ħlief jekk indikat mod ieħor.

Artikolu 13 Għanijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi

Assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd jew l-akkwakultura għandu jkollhom l-għanijiet li ġejjin:

(a) iwettqu b'mod iktar effiċjenti kwalunkwe għan tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri stipulati fl-Artikoli 7 u 10;

(b) jikkoordinaw u jiżviluppaw attivitajiet ta' interess komuni għall-organizzazzjonijiet ta' produtturi membri.

Artikolu 14 Stabbiliment ta' organizzazzjonijiet minn diversi oqsma

Tista' tiġi stabbilita organizzazzjoni interprofessjonali bħala grupp imwaqqaf fuq l-inizjattiva proprja ta' operaturi ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura fi Stat Membru wieħed jew aktar u li hija rikonoxxuta skont it-Taqsima II.

Artikolu 15 Għanijiet ta' organizzazzjonijiet minn diversi oqsma

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandu jkollhom l-għanijiet li ġejjin:

(a) itejbu l-kundizzjonijiet biex prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jkunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

(b) jgħinu biex jikkoordinaw aħjar it-tqegħid fis-suq u d-disponibbiltà fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-Unjoni.

Artikolu 16 Miżuri li jittieħdu minn organizzazzjonijiet minn diversi oqsma

Organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jużaw il-miżuri li ġejjin biex jilħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 15:

(a) it-tfassil ta’ kuntratti standard li huma kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni;

(b) il-promozzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-Unjoni b'mod mhux diskriminatorju permezz tal-użu tal-potenzjal ta' ċertifikazzjoni, partikularment denominazzjonijiet tal-oriġini, siġilli ta' kwalità, indikazzjonijiet ġeografiċi u merti ta' sostenibbiltà;

(c) l-istipular ta' regoli dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura li huma iktar stretti minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni;

(d) it-titjib fil-kwalità, tal-għarfien dwar u t-trasparenza tal-produzzjoni u tas-suq;

(e) it-twettiq ta' riċerka u studji tas-suq, u l-iżvilupp ta' tekniki li jwasslu għall-aqwa livell tal-operat tas-suq, inklużi l-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni;

(f) il-forniment ta' informazzjoni u t-twettiq ta' riċerka meħtieġa biex twassal għal provvisti sostenibbli b'ammont, kwalità u prezz skont il-ħtiġijiet tas-suq u l-aspettattivi tal-konsumatur;

(g) il-kontroll u t-teħid ta' miżuri biex l-attivitajiet tal-membri tagħhom ikun konformi mar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni minn diversi oqsma.

Taqsima II Rikonoxximent

Artikolu 17 Rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet ta' produtturi

L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu bħala organizzazzjonijiet ta' produtturi tas-sajd u l-akkwakultura kull grupp tas-sajd jew l-akkwakultura li japplikaw għal dan ir-rikonoxximent, bil-kundizzjoni li:

(a) ikun attiv b'mod suffiċjenti ekonomikament fit-territorju tiegħu jew parti minnu, partikularment fir-rigward ta' għadd ta' membri u volum ta' produzzjoni kummerċjabbli;

(b) għandu personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru, għandu l-kwartieri ġenerali uffiċjali tiegħu u huwa stabbilit fit-territorju tiegħu;

(c) huwa kapaċi li jsegwi l-għanijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 10;

(d) huwa konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fil-Kapitolu VI;

(e) jista' ma jkollux pożizzjoni dominanti f’suq partikolari ħlief jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tal-Artikolu 39 tat-Trattat.

Artikolu 18 Rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet minn diversi oqsma

L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu kwalunkwe grupp stabbilit fit-territorju tagħhom li jagħmel applikazzjoni xierqa, bħala organizzazzjoni minn diversi oqsma, waqt li jqisu r-regoli tal-Unjoni partikularment fir-rigward tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li:

(a) jirrappreżenta sehem sinifikanti talanqas ta' tnejn mill-attivitajiet li ġejjin f'żona/i partikulari: produzzjoni, kummerċjalizzazzjoni u pproċessar ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jew prodotti pproċesstati minn prodotti tas-sajd u l-akkwakultra;

(b) mhuwiex huwa nnifsu impenjat f'attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jew ta' prodotti pproċessati minn prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;

(c) għandu personalità ġuridika skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membri, għandu l-kwartieri ġenerali uffiċjali tiegħu u huwa stabbilit fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

(d) jista' jwettaq l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 15;

(e) jikkunsidra l-interess tal-konsumaturi;

(f) ma jfixkilx t-tħaddim tajjeb tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq.

Artikolu 19 Verifiki u rtirar tar-rikonoxximenti mill-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki f'intervalli regoli biex jiżguraw jekk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jikkonformawx mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent stipulati fl-Artikoli 17 u 18, u għandhom fejn xieraq, jirtiraw ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew minn diversi oqsma.

Artikolu 20 Organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-produtturi fil-livell transnazzjonali

L-Istati Membri li għandhom ċittadini li huma membri ta' organizzazzjoni ta' produtturi jew organizzazzjoni interprofessjonali fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u dawk l-Istati Membri li jospitaw il-kwartieri ġenerali uffiċjali ta' assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuta fi Stati Membri differenti, għandhom jistabbilixxu, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri rilevanti, il-kooperazzjoni ammistrattiva meħtieġa biex jitwettqu l-verifiki fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni konċernata.

Artikolu 21 Allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd

Organizzazzjoni tal-produtturi li l-membri tagħha huma ċittadini ta' Stati Membri differenti jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuta fi Stati Membri differenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

Artikolu 22 Komunikazzjoni lill-Kummissjoni,

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi, kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata jew jiġi rtirat ir-rikonoxximent.

Artikolu 23 Verifiki mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki u tista' meta jkun xieraq, titlob li l-Istati Membri jirtiraw ir-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi jew organizzazzjonijiet minn diversi oqsma, sabiex tiżgura konformità mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi jew organizzazzjonijiet interprofessjonali stipulati fl-Artikoli 17 u 18.

Artikolu 24 Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 sabiex

(a) temenda jew tissupplimenta l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent imsemmija fl-Artikoli 17 u 18. Dawk ir-regoli jistgħu jikkonċernaw it-tħaddim intern ta' organizzazzjoni ta' produtturi jew organizzazzjonijiet minn diversi oqsma, ir-regoli ta' assoċjazzjoni, dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji, obbligi għall-membri tagħhom u l-infurzar tal-applikazzjoni tar-regoli tagħhom inkluż penali;

(b) jistabbilixxu regoli dwar il-frekwenza, il-kontenut u l-metodi prattiċi tal-verifiki li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri skont l-Artikoli 20 u 21.

Artikolu 25 Atti ta’ implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar

(a)     l-iskadenzi taż-żmien u l-proċeduri li l-Istati Membri għandhom japplikaw għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikoli 17 u 18 jew għall-irtirar ta' tali rikonoxximent skont l-Artikolu 19;

(b)     il-format, l-iskadenzi taż-żmien u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata jew jiġi rtirat ir-rikonoxximent skont l-Artikolu 22.

2. L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 51.

Taqsima III Estensjoni tar-Regoli

Artikolu 26 Estensjoni tar-regoli ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi

1.           Stat Membru jista' jeżiġi li r-regoli miftiehma f'organizzazzjoni tal-produtturi jsiru vinkolanti għal produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni u li jbiegħu kwalunkwe prodott fiż-żona li fiha l-organizzazzjoni tal-produtturi hija rrapreżentata bil-kundizzjoni li:

(a) l-organizzazzjoni tal-produtturi hija kkunsidrata li tirrappreżenta l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru wieħed u tressaq applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali;

(b) ir-regoli li se jiġu estiżi jikkonċernaw kwalunkwe miżura għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi stipulata fl-Artikolu 8(a), (b), (c), (d), (e).

2.           Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) organizzazzjoni tal-produtturi tas-sajd titqies bħala rappreżentattiva meta tkun responsabbli għal talanqas 65 % tal-kwantitajiet ikkummerċjalizzati tal-prodott rilevanti matul is-sena ta' qabel fiż-żona fejn huwa propost li jiġu estiżi r-regoli.

3.           Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) organizzazzjoni tal-produtturi tas-sajd titqies bħala rappreżentattiva meta tkun responsabbli għal talanqas 40 % tal-kwantitajiet ikkummerċjalizzati tal-prodott rilevanti matul is-sena ta' qabel fiż-żona fejn huwa propost li jiġu estiżi r-regoli.

4.           Ir-regoli li se jiġu estiżi għal dawk li mhumiex membri għandhom japplikaw għal perjodu ta' bejn 90 jum u 12-il xahar.

Artikolu 27 Estensjoni tar-regoli ta' organizzazzjonijiet minn diversi oqsma

1. Stat Membru jista' jeżiġi li xi wħud mill-ftehimiet, deċiżjonijiet jew prassi ġenerali miftiehma fi ħdan organizzazzjoni interprofessjonali tkun vinkolanti f'żona speċifika jew f'żoni speċifiċi għal operaturi oħra li mhumiex affiljati mal-organizzazzjoni bil-kundizzjoni li:

(a) l-organizzazzjoni interprofessjonali hija responsabbli għal talanqas 65 % ta' talanqas tnejn minn dawn l-attivitajiet: produzzjoni, kummerċjalizzazzjoni jew ipproċessar tal-prodott rilevanti matul is-sena ta' qabel fiż-żona jew iż-żoni kkonċernati ta' Stat Membru, u tressaq applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(b) ir-regoli li ser jiġu estiżi għal operaturi oħra jikkonċernaw kwalunkwe miżura għall-organizzazzjonijiet interprofessjonali stipulata fl-Artikolu 16(a), (b), (c), (d), (e), (f) u ma jikkawżaw l-ebda dannu lil operaturi oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fl-Unjoni.

2. L-estensjoni tar-regoli tista' ssir vinkolanti għal mhux iktar minn tliet snin.

Artikolu 28 Responsabbiltà

Meta r-regoli jiġu estiżi għal dawk li mhumiex membri skont l-Artikoli 26 u 27, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiddeċiedi li dawk li mhumiex membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-produtturi jew għall-organizzazzjoni minn diversi oqmsa għall-ekwivalenti tal-kosti kollha, jew parti minnhom, li tħallsu minn membri li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-estensjoni tar-regoli.

Artikolu 29 Awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni dwar ir-regoli li huma beħsiebhom jagħmlu vinkolanti għall-produtturi jew l-operaturi kollha f’żona speċifika jew f'żoni speċifiċi skont l-Artikoli 26 u 27.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-estensjoni tar-regoli nnotifikati minn Stat Membru jekk:

(a) id-disposizzjonijiet tal-Artikoli 26 u 27 huma mħarsa;

(b) hemm konformità mal-Kapitolu VI dwar regoli ta' kompetizzjoni;

(c) l-estensjoni ma tipperikolax il-kummerċ ħieles;

(d) l-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-Trattat mhumiex mhedda.

3. Fi żmien xahrejn minn meta l-Kummissjoni tirċievi n-notifika, għandha tieħu deċiżjoni tawtorizzax jew tirrifjutax l-awtorizzazzjoni għall-estensjoni tar-regoli u għandha tinforma lill-Istati Membri. Meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni fil-perjodu ta' xahrejn, l-estensjoni tar-regoli titqies li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni.

Artikolu 30 Irtirar ta' awtorizzazzjoni

Il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki u tista' tirtira l-awtorizzazzjoni ta' estensjoni ta' regoli fil-każ li tistabbilixxi li kwalunkwe rekwiżit għall-awtorizzazzjoni ma jitħarisx. Il-Kummissjoni għandhom tinforma lill-Istati Membri.

Artikolu 31 Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-format u l-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikolu 29(1) permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 51.

Taqsima IV Ippjanar tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni

Artikolu 32 Pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni

1.           Kull organizzazzjoni tal-produtturi għandha tissottometti pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3.

2.           L-Istat Membru għandu japprova l-pjan. Ladarba jiġi approvat, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha immedjatament timplimenta l-pjan.

3.           L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jirrevedu l-pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni u għandhom jibagħtu r-reviżjoni għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

4.           L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tistabbilixxi rapport annwali tal-attivitajiet tagħha skont il-pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, u għandha tibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

5.           L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki biex jiżguraw li kull organizzazzjoni ta' produtturi twettaq l-obbligi previsti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 33 Atti delegati

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 biex tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-kontenut tal-pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 32(1).

Artikolu 34 Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli tal-proċedura u l-iskadenzi taż-żmien biex jintbagħtu mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u r-regoli tal-approvazzjoni mill-Istati Membri tal-pjan ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 32 permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 51.

Taqsima V Stabbilizzazzjoni tas-swieq

Artikolu 35 Mekkaniżmu ta' ħżin

L-organizzazzjonijiet ta' produtturi jistgħu jiffinanzjaw il-ħżin ta' prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament, sakemm:

(a) il-prodotti jkunu tqiegħdu għall-bejgħ mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, iżda ma kienx hemm bejgħ tagħhom bil-prezz skattatur imsemmi fl-Artikolu 36.

(b) il-prodotti jilħqu l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni adottati skont l-Artikolu 39 u huma ta' kwalità adegwata għal konsum mill-bniedem.

(c) il-prodotti huma stabbilizzati jew proċessati u maħżuna billi jiġu ffriżati, jew abbord bastimenti jew f'faċilitajiet fuq l-art, immellħa, imnixxfa, immarinati, u, fejn rilevanti, mgħollija u pasturizzati. Jistgħu jiġu mqatta' fi fletti jew maqtugħin f'biċċiet, u fejn xieraq, tinqata' rashom, flimkien mal-proċessi msemmija qabel;

(d) il-prodotti maħżuna jerġgħu jitqiegħdu mill-ġdid fis-suq għal konsum tal-bniedem fi stadju aktar tard.

Artikolu 36 Prezzijiet li jiskattaw il-mekkaniżmu tal-ħżin

1.           Qabel il-bidu ta' kull sena, kull organizzazzjoni tal-produtturi tista' tagħmel individwalment proposta għal prezz li jiskatta l-mekkaniżmu tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 35 għall-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness II.

2.           Il-prezz skattatur ma jistax jaqbeż it-80 % tal-prezz medju peżat irreġistrat għall-prodott ikkonċernat fiż-żona tal-attività tal-organizzazzjoni tal-produtturi rilevanti matul it-tliet snin li jiġu immedjatament qabel is-sena li għaliha qed jiġi ffissat il-prezz skattatur.

3.           Meta jiġi ffissat il-prezz skattatur, għandhom jitqiesu:

(a) ix-xejriet fil-produzzjoni u d-domanda;

(b) l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tas-suq;

(c) il-konverġenza tas-swieq;

(d) l-introjtu tal-produtturi;

(e) l-interessi tal-konsumaturi.

4.           L-Istati Membri, meta jeżaminaw il-proposti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fit-territorju tagħhom, għandhom jiddeterminaw il-prezzijiet skattaturi li għandhom jiġu applikati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu ffissati abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Il-prezzijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 37 Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-format tan-notifika mill-Istati Membri tal-prezzijiet skattaturi msemmija fl-Artikolu 36(4) permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 51.

Taqsima VI

Fond Kollettiv

Artikolu 38 Fond Kollettiv

Kull organizzazzjoni tal-produtturi tista' toħloq fond kollettiv, li għandu jintuża biss biex jiffinanza l-miżuri li ġejjin:

(a) il-pjanijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni approvati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 32;

(b) il-mekkaniżmu ta' ħżin stipulat fl-Artikoli 35 u 36.

Kapitolu III L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni

Artikolu 39 Stabbiliment tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni

1. Jistgħu jiġu stabbiliti standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti elenkati fl-Anness I intenzjonati għal konsum mill-bniedem.

2. Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu relatati partikularment ma':

(a) daqsijiet minimi ta' kummerċjalizzazzjoni li jqisu l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u b'konformità mad-daqsijiet ta' referenza tal-konservazzjoni għall-prodotti tas-sajd kif imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd;

(b) speċifikazzjonijiet ta' prodotti fil-landi skont ir-rekwiżiti ta' konservazzjoni u l-obbligi internazzjonali.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal:

(a)     Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali[5].

(b)     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat[6]. kif ukoll

(c)     Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd[7].

Artikolu 40 Konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni

1.           Il-prodotti li għalihom ikunu ġew stabbiliti standards tal-kummerċjalizzazzjoni jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss fl-Unjoni għal konsum mill-bniedem skont dawk l-istandards.

2.           L-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk il-prodotti soġġetti għal standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni jikkonformawx ma' dawk l-istandards. Il-verifiki jistgħu jitwettqu fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni u waqt it-trasport.

3.           Il-prodotti tas-sajd kollha li jinħattu l-art, inkluż dawk li mhumiex konformi mal-istandards ta' kummerċjalizzazzjoni, jistgħu, taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, jitqassmu bla ħlas lill-istituzzjonijiet filantropiċi jew karitatevoli stabbiliti fl-Unjoni jew lill-persuni li huma rikonoxxuti bil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat bħala li huma intitolati għall-assistenza pubblika.

Artikolu 41 Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 sabiex tiddefinixxi l-istandards komuni ta' kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 39(1) fir-rigward ta' kwalità, daqs jew piż, imballaġġ, preżentazzjoni u tikkettar, u, jekk l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-istandards hekk tirrekjedi, li temendahom, filwaqt li tiżgura li l-istandards jiġu definiti b'mod ġust u transparenti.

Kapitolu IV Informazzjoni għall-konsumatur

Artikolu 42 Informazzjoni obbligatorja

1. Prodotti tas-sajd u l-akkwakultura msemmija fil-punti (a), (b), (c) u (e) tal-Anness I li jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ lill-konsumatur finali meta jiġu mmarkati jew ittikkettati b'mod xieraq b'indikazzjoni ta':

(a) l-indikazzjoni kummerċjali tal-ispeċi;

(b) il-metodu ta' produzzjoni, partikularment bil-kliem li ġej "...maqbud..." jew "...maqbud f'ilma frisk ..." jew "...imrobbi...";

(c) iż-żona fejn il-prodott inqabad jew trabba;

(d) id-data tal-qabda tal-prodotti tas-sajd jew tal-ħsad tal-prodotti tal-akkwakultura;

(e) jekk il-prodott hux frisk jew kienx iddifrostjat.

2. Prodotti tas-sajd u l-akkwakultura msemmija fil-partijiet (h) u (i) tal-Anness I li jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, jistgħu jiġu offruti biss għall-bejgħ lill-konsumatur finali meta jiġu mmarkati jew ittikkettati b'mod xieraq b'indikazzjoni ta':

(a) l-indikazzjoni kummerċjali tal-ispeċi;

(b) il-metodu ta' produzzjoni, partikularment bil-kliem li ġej "...maqbud..." jew "...maqbud f'ilma frisk ..." jew "...imrobbi...";

(c) iż-żona fejn il-prodott inqabad jew trabba.

3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintwera b'mod ċar u distint.

4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal:

(a)     Id-Direttiva 2000/13/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel[8].

(b)     Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 tal-21 ta' Ġunju 1989 li jistabbilixxi ċerti standards komuni dwar il-marketing [kummerċjalizzazzjoni] tas-sardin ippriservat[9].

(c)     Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 tad-9 ta' Ġunju 1992 li jippreskrivi l-istandards ta' marketing [kummerċjalizzazzjoni] komuni għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat[10].

Artikolu 43 Indikazzjoni kummerċjali

Għall-finijiet tal-Artikolu 42, il-paragrafi 1(a) u 2(a), l-Istati Membri għandhom ifasslu u jippubblikaw lista tal-indikazzjonijiet kummerċjali aċċettati fit-territorju tagħhom. Il-lista għandha tindika:

(a)     l-isem xjentifiku għal kull speċi skont is-Sistema ta' Informazzjoni FishBase;

(b)     l-isem tagħha bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru;

(c)     fejn applikabbli, kwalunkwe isem jew ismijiet oħra aċċettati jew permessi lokalment jew reġjonalment.

Artikolu 44 Indikazzjoni taż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni

1.           L-indikazzjoni taż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni skont l-Artikolu 42(1)(c) u 2(c) għandha tkun tikkonsisti f'dan li ġej:

(a) fil-każ ta' prodotti tas-sajd maqbuda fil-baħar, l-isem ta' waħda miż-żoni, is-subżoni jew id-diviżjonijiet elenkati fiż-Żoni tas-Sajd tal-FAO;

(b) fil-każ ta' prodotti tas-sajd maqbuda fl-ilma ħelu, referenza għall-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-oriġini tal-prodott;

(c) fil-każ ta' prodotti tal-akkwakultura, referenza għall-Istat Membru jew il-pajjiż terz li fih il-prodott jgħaddi mill-aħħar stadju ta' trobbija jew kultivazzjoni ta' talanqas 3 xhur.

2.           Barra mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-operaturi jistgħu jindikaw żona ta' qbid jew produzzjoni aktar preċiża.

Artikolu 45 Informazzjoni addizzjonali volontarja

1. Barra mill-informazzjoni obbligatorja meħtieġa skont l-Artikolu 42, tista' tingħata l-informazzjoni li ġejja fuq bażi volontarja:

(a)     informazzjoni dwar l-ambjent;

(b)     informazzjoni etika jew soċjali;

(c)     informazzjoni dwar tekniki ta' produzzjoni;

(d)     informazzjoni dwar tekniki ta' produzzjoni;

(e)     informazzjoni dwar il-kontenut nutrittiv tal-prodott.

2. L-informazzjoni volontarja m'għandhiex tintwera għad-detriment tal-ispazju li hemm provdut għall-informazzjoni obbligatorja fuq il-marka jew it-tikketta.

3. Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għal:

(a)     Id-Direttiva 2000/13/KE;

(b)     Id-Direttiva 90/496/KEE tal-24 ta’ Settembru 1990 dwar l-ittikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti tal-ikel[11];

(c)     Ir-Regolament (KE) 1924/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel[12];

(d)     Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel[13];

(e)     Ir-Regolament (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti[14], u

(f)      Ir-Regolament Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi.

Artikolu 46 Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 50 sabiex

(a)     tissupplimenta jew temenda r-rekwiżiti obbligatorji tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 42(1), 42(2), 43 u 44, filwaqt li tiżgura li l-informazzjoni obbligatorjia tingħata b'mod preċiż u trasparenti;

(b)     tistabbilixxi kriterji minimi għall-informazzjoni volontarja mogħtija mill-operaturi msemmija fl-Artikolu 45(1), waqt li tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-wiri tal-informazzjoni volontarja huma preċiżi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

Kapitolu V Regoli dwar il-kompetizzjoni

Artikolu 47 Applikazzjoni ta’ regoli ta’ kompetizzjoni

L-Artikoli 101 sa 106 tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom japplikaw għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prassi msemmija fl-Artikoli 101(1) u 102 tat-Trattat li huma relatati mal-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

Artikolu 48 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni

1.           Minkejja l-Artikolu 47 ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prassi ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi li jikkonċernaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, jew l-użu ta' faċilitajiet konġunti għall-ħżin, it-trattament jew l-ipproċessar ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, u li

(d) huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 39 tat-Trattat u,

(b)     ma jimplikaw l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi;

(c)     ma jwasslux għal separazzjoni ta' kwalunkwe għamla ta’ swieq fl-Unjoni,

(d)     ma jeskludux il-kompetizzjoni

(e)     ma jheddux il-kisba tal-għanijiet tal-Artikolu 39 tat-Trattat.

2.           Minkejja l-Artikolu 47 ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prassi ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali li

(a) huma meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 39 tat-Trattat u,

(b) ma jeżiġu l-ebda obbligu li jiġi applikat prezz fiss;

(c) ma jwasslux għal separazzjoni ta’ kwalunkwe għamla ta’ swieq tal-Unjoni;

(d) ma japplikawx kundizzjonijiet mhux simili għal xulxin għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' sħab oħra tal-kummerċ, u b'hekk ipoġġuhom fi żvantaġġ kompetittiv;

(e) ma jeliminawx il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti kkonċernati;

(f) ma jxekklux il-kompetizzjoni b’mod li huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Kapitolu VI Intelliġenza dwar is-Suq

Artikolu 49 Intelliġenza dwar is-Suq

1. Il-Kummissjoni għandha:

(a) tiġbor, tanalizza u tqassam għarfien u fehim ekonomiku tas-suq tal-Unjoni għal prodotti tas-sajd u l-akkwakultura matul il-katina tal-provvista, waqt li tqis il-kuntest internazzjonali;

(b) tistħarreġ il-prezzijiet regolarment għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura matul il-katina tal-provvista tal-Unjoni u tmexxi l-analiżi tax-xejriet tas-suq;

(c) tipprovdi studji ad hoc u metodoloġija għal stħarriġ dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet.

2. Sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu minn dawn il-miżuri:

(a) tiffaċilita l-aċċess għal dejta disponibbli dwar prodotti tas-sajd u l-akkwakultura miġbura skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(b) tagħmel l-informazzjoni dwar is-suq disponibbli fil-livell adegwat għal partijiet interessati.

3. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Kapitolu VII Dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 50 Eżerċizzju tad-delega

1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 41 u 46 għandha tingħata għal perjodu ta' żmien indeterminat minn […]

3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 24, 33, 41 u 46 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ il-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikoli 24, 33, 41 u 46 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn (2) ta’ notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 51 Implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Kapitolu VIII Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 52 Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1184/2006

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1184/2006, għandhom jiżdiedu l-kliem li ġejjin:

"u r-Regolament (UE) Nru …. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' …. dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (*)

(*) ĠU …"

Artikolu 53 Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 huwa b'dan irrevokat. Madankollu l-Artikoli 9, 10, 11, 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 34, 35, 36, 37, 38 u 39 għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2013.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni mogħtija fl-Anness III.

54 Reviżjoni

Il-Kummmissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolalment qabel tmiem l-2022.

Artikolu 55 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 32, 35 u 36, li għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President […]                                            Il-President […]

ANNESS I

Il-kodiċi tan-NM || Deskrizzjoni tal-prodotti

(a)           0301                 0302                 0303                 0304 || Ħut ħaj Ħut, frisk jew imkessaħ, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut ta' titlu 0304 Ħut, friżat, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut ta’ titlu 0304 Qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut (kapuljat jew mhuwiex), frisk, imkessaħ jew friżat

(b)           0305 || Ħut, imnixxef, immellaħ jew fis-salmura; ħut affumikat, kemm jekk imsajjar jew le qabel jew waqt il-proċess ta’ affumikar; dqiq, pasti u gerbub ta' ħut, tajbin għal konsum uman

(c)           0306                 0307 || Krustaċji, kemm jekk fil-qoxra jew le, ħajjin, friski, imkessħin, iffriżati, immellħin, jew fis-salmura; krustaċji, fil-qoxra, imsajrin bl-istim jew mgħollijin fl-ilma, kemm jekk imkessħin jew le, friżati, imnixxfa, immellħin jew fis-salmura; dqiq, pasti u gerbub tal-krustaċji, tajbin għal konsum uman Molluski, kemm jekk fil-qoxra jew le, ħajjin, friski, imkessħin, friżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; invertebrati akkwatiċi għajr krustaċji u molluski, ħajjin, friski, imkessħin, friżati, imnixxfin, immellħin jew fis-salmura; dqiq, pasti u gerbub ta’ invertebrati akkwatiċi għajr krustaċji, tajbin għal konsum uman

(d)       0511 91 10       0511 91 90 || Prodotti ġejjin mill-annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra; annimali mejtin tal-Kapitolu 1 jew 3, mhux tajbin għall-konsum uman: -Oħrajn Prodotti ta' ħut jew krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn; annimali mejta tal-Kapitolu 3: - - - Skart tal-ħut - - - Oħrajn

(e)  1212 20 00 || - Alka tal-baħar u alki oħrajn

(f)                  1504 10       1504 20 || Xaħmijiet u żjut u l-frazzjonijiet tagħhom, ta’ ħut jew mammiferi tal-baħar, raffinati jew le, iżda mhux modifikati kimikament: - Żjut tal-fwied tal-ħut u l-frazzjonijiet tagħhom - Xaħmijiet u żjut u l-frazzjonijiet tagħhom, tal-ħut, ħlief żjut tal-fwied

(g)    1603 00 || Estratti u sugu ta’ laħam, ħut jew krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn

(h)           1604 || Ħut preparat jew preservat; kavjar jew sostituti tal-kavjar imħejjija minn bajd tal-ħut

(i)            1605 || Krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn, preparati jew preservati

(j)       1902 20       1902 20 10 || Għaġin, imsajjar jew le jew mimli (bil-laħam jew sustanzi oħrajn) jew preparat mod ieħor, bħal spagetti, imqarrun, taljarini (noodles), lasanji, njokki, ravjul, kannelloni; kuskus, ippreparat jew le -Għaġin mimli, imsajjar jew ippreparat mod ieħor jew le: - - Li fih iktar minn 20 % tal-piż ħut, krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn

(k)       2301 20 00 || Dqiq, pasta u gerbub, ta’ laħam jew fdal ta’ laħam, tal-ħut jew ta’ krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħra, mhux tajbin għal konsum uman; skart tax-xaħam ta’ dam (greaves): Dqiq, pasta u gerbub, ta’ ħut jew ta’ krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn

(l)                  2309 90       ex 2309 90 10 || Preparazzjonijiet ta’ tip użati għall-għalf tal-annimali Oħrajn: Materjali li jinħallu ta’ ħut

ANNESS II

Kodiċi NM || Deskrizzjoni tal-prodotti

0302 22 00 || Barbun tat-tbajja’ (Pleonectes platessa)

ex 0302 29 90 || Dab (Limanda limanda)

0302 29 10 || Megrim (Lepidorhombus spp.)

ex 0302 29 90 || Barbun (Platichthys flesus)

0302 31 10 kif ukoll 0302 31 90 || Alonga jew tonn tal-ġwienaħ twal (Thunnus alalunga)

ex 0302 40 || Arringa tal-ispeċi Clupea harengus

0302 50 10 || Merluzz tal-ispeċi Gadus morhua

0302 61 10 || Sardin tal-ispeċi Sardina pilchardus

0302 62 00 || Haddock (Melanogrammus aeglefinus)

0302 63 00 || Pollakju (saithe) (Pollachius virens)

ex 0302 64 || Kavalli tal-ispeċijiet Scomber scombrus u Scomber japonicus

0302 65 20 kif ukoll 0302 65 50 || Mazzola (Squalus acanthias u Scyliorhinus spp)

0302 69 31 kif ukoll 0302 69 33 || Redfish (Sebastes spp.)

0302 69 41 || Merlangu (Merlangius merlangus)

0302 69 45 || Lipp (Molva spp.)

0302 69 55 || Inċova (Engraulis spp.)

ex 0302 69 68 || Marlozz tal-ispeċi Merluccius merluccius

0302 69 81 || Xkatlu komuni (Lophius spp.)

ex 0307 41 10 || Siċċ (Sepia officinalis u Rossia macrosoma)

ex 0306 23 10 ex 0306 23 31 ex 0306 23 39 || Gambli tal-ispeċi Crangon crangon u gambli tal-fond (Pandalus borealis)

0302 23 00 || Lingwata (Solea spp.)

0306 24 30 || Granċijiet li jittieklu (Cancer pagurus)

0306 29 30 || Ksampu (Nephrops norvegicus)

0303 31 10 || Ħalibatt miż-żgħir jew tal-Groenlandja (Reinhardtius hipoglossoides)

0303 78 11 0303 78 12 0303 78 13 0303 78 19 kif ukoll 0303 29 55 0304 29 56 0304 29 58 || Marlozz tal-ġeneru Merluccius

0303 79 71 || Denċi (Dentex dentex u Pagellus spp.)

0303 61 00 0304 21 00 0304 91 00 || Pixxispad (Xiphias Gladius)

0306 13 40 0306 13 50 ex 0306 13 80 || Gambli tal-familja Penaeidae

0307 49 18 0307 49 01 || Siċċ tal-ispeċijiet Sepia officinalis, Rossia macrosoma u Sepiola rondeletti

0307 49 31 0307 49 33 0307 49 35 kif ukoll 0307 49 38 || Klamari (Loligo spp.)

0307 49 51 || Klamari (Ommastrephes sagittatus)

0307 59 10 || Qarnit (Octopus spp.)

0307 99 11 || Illex spp.

0303 41 10 || Alonga jew tonn tal-ġwienaħ twal (Thunnus alalunga)

0302 32 10 0303 42 12 0303 42 18 0303 42 42 0303 42 48 || Tonna safra(Thunnus albacares)

0302 33 10 0303 43 10 || Palamit jew plamtu bl-istrixxi fuq iż-żaqq (Katsuwomus pelamis)

0303 45 10 || Tonn (Thunnus thynnus)

0302 39 10 0302 69 21 0303 49 30 0303 79 20 || Speċijiet oħra tal-ġeneri Thunnus u Euthynnus

ex 0302 29 90 || Lemon sole (Microstomus kitt)

0302 35 10 kif ukoll 0302 35 90 || Tonn tax-xewka kaħla (Thunnus thynnus)

ex 0302 69 51 || Pollakkju (Pollachius pollachius)

0302 69 75 || Pixxiluna (Brama spp.)

ex 0302 69 82 || Stokkafixx (Micromesistius poutassou jew Gadus poutassou)

ex 0302 69 99 || Pout (Trisopterus luscus) u mankana (Trisopterus minutus)

ex 0302 69 99 || Vopi (Boops boops)

ex 0302 69 99 || Arżnell (Spicara smaris)

ex 0302 69 99 || Gringu (Conger conger)

ex 0302 69 99 || Gallina (Trigla spp.)

ex 0302 69 91 ex 0302 69 99 || Sawrell (Trachurus spp.)

ex 0302 69 99 || Mulett (Mugil spp.)

ex 0302 69 99 kif ukoll ex 0304 19 99 || Rebekkin skur (Raja spp.)

ex 0302 69 99 || Xabla (Lepidopus caudatus u Aphanopus carbo)

ex 0307 21 00 || Moxt il-baħar komuni (Pecten maximus)

ex 0307 91 00 || Bronja komuni (Buccinum undatum)

ex 0302 69 99 || Trilja tal-faxxi jew bla faxxi (Mullus surmuletus, Mullus barbatus)

ex 0302 69 99 || Tannuta (Spondyliosoma cantharus)

ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 || Dan ir-Regolament

Artikolu 1 || Artikoli 1, 2, 3, 4, 5

Artikoli 2, 3 || Artikoli 39, 40, 41

Artikolu 4 || Artikoli 42, 43, 44, 45, 46

Artikolu 5(1) || Artikoli 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13

Artikoli 5(2), 5(3), 5(4), 6 || Artikoli 17, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25

Artikolu 7 || Artikoli 26, 28, 29, 30, 31

Artikolu 8 || -

Artikoli 9, 10, 11, 12 || Artikoli 32, 33, 34, 38

Artikolu 13 || Artikoli 14, 15, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 24, 25

Artikolu 14 || Artikolu 48(2)

Artikolu 15 || Artikolu 27

Artikolu 16 || Artikoli 28, 29, 30, 31

Artikoli 17, 18, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27 || Artikoli 35, 36, 37, 38

Artikoli 28, 29, 30, 31, 32, 33 || -

Artikolu 34 || Artikoli 22, 25, 37

Artikolu 35 || -

Artikolu 36 || -

Artikolu 37 || Artikoli 50, 51

Artikoli 38, 39 || Artikolu 51

Artikolu 40 || -

Artikolu 41 || Artikolu 54

Artikolu 42 || Artikoli 52, 53

Artikolu 43 || Artikolu 55

- || Artikolu 47

- || Artikolu 48(1)

- || Artikolu 49

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               ĠU C , , p. .

[3]               ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.

[4]               ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7

[5]               ĠU L 139, 30.4..2004, p. 55

[6]               ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1

[7]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1

[8]               ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29

[9]               ĠU L 212, 22.07.1989, p.79

[10]             ĠU L 163, 17.06.1992, p. 1

[11]             ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40

[12]             ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9

[13]             ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12

[14]             ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1

Top