Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0680

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Fruntieri intelliġenti - alternattivi u t-triq 'il quddiem

/* KUMM/2011/0680 finali */

52011DC0680

/* KUMM/2011/0680 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Fruntieri intelliġenti - alternattivi u t-triq 'il quddiem


INTRODUZZJONI

Il-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-UE u t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni taż-żona Schengen huma fost il-kisbiet l-aktar tanġibbli tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni dan l-aħħar għamlet proposti biex issaħħaħ il-governanza globali taż-żona Schengen[1] sabiex tiżgura li dan l-akkwist kbir huwa mtejjeb u żviluppat aktar f'Qafas Ewropew komuni ta' veru.

L-integrità tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija prerekwiżit għaż-żona Schengen kif nafuha llum u se tibqa' prerekwiżit anki fil-ġejjieni. Miżuri biex jiġu mmaniġġjati l-fruntieri esterni għandhom jissodisfaw l-għanijiet doppji tat-tisħiħ tas-sigurtà u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar. Il-potenzjal offrut mit-teknoloġiji l-ġodda f'dan ir-rigward kien indirizzat fil-Komunikazzjoni tal-2008 tal-Kummissjoni "Inħejju l-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea"[2], li tistabbilixxi l-komponenti possibbli ta' dik li saret magħrufa bħala l-inizjattiva "fruntieri intelliġenti" u tistieden il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Aktar konsultazzjonijiet mal-Istati Membri kemm fil-livell tal-esperti u fil-livell Ministerjali, kif ukoll mal-membri tal-Parlament Ewropew, saru fl-2011. Fis-7 ta’ Lulju 2011 il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (EDPS), fl-opinjoni tiegħu[3] dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni[4], enfasizza l-ħtieġa li jkun ivvalutat l-użu tas-sistemi eżistenti u li tkun ippruvata l-ħtieġa għal sistema ta' dħul/ħruġ b' mod partikolari.

B'kunsiderazzjoni ta' dawn il-fehmiet, il-Kummissjoni issa laħqet stadju fejn fi żmien qasir tista' tkun lesta biex tipproponi miżuri speċifiċi. Madankollu, fid-dawl tal-impenn fit-tul u investiment sinjifikanti li jista' jkun involut, il-Kummissjoni l-ewwel se tippreżenta din il-Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-alternattivi ewlenin, tiġbor fil-qosor l-implikazzjonijiet ewlenin u t-triq possibbli 'il-quddiem. B’dan l-approċċ, il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tippromwovi fehim komuni tal-kwistjonijiet involuti u d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Ma tippreġudikax proposti futuri speċifiċi, li se jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni sħiħa tal-impatt.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi wkoll l-ewwel tweġiba lill-Kunsill Ewropew li sejjaħ, fil-laqgħa tiegħu fit-23 u l-24 ta' Ġunju 2011[5], għax-xogħol biex tingħata spinta malajr lill-“fruntieri intelliġenti".

Fl-aħħarnett, kif previst ukoll mill-Komunikazjoni tal-2008, u kif mitlub mill-Kunsill, il-Kummissjoni eżaminat il-fattibbiltà ta’ Sistema Elettronika Ewropea għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA). Din il-Komunikazzjoni għalhekk isservi wkoll biex tirrifletti r-riżultati ta' dan l-eżami u s-segwitu maħsub.

L-GħANIJIET TAL-INIZJATTIVA TAL-FRUNTIERI INTELLIġENTI

Kull sena, issir madwar 700 miljun qasma tal-fruntieri esterni bil-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru. Madwar terz ta' dawn il-qasmiet tal-fruntieri huma magħmula minn ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu ċċekkjati bir-reqqa fil-punt tal-qsim tal-fruntiera[6]. Il-promozzjoni tal-qsim tal-fruntieri bil-ħeffa u sikur hija tħassib komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha u ma hemm l-ebda dubju li l-qsim tal-fruntiera se jkompli joktor b'mod notevoli, speċjalment fl-ajruporti. Fl-aktar xenarju probabbli, il-Eurocontrol tistenna żieda ta' minn 400 miljun fl-2009 għal 720 miljun qsim tal-fruntieri fuq il-fruntieri tal-ajru fl-2030[7]. Dan ifisser li fl-ajruporti Ewropej fl-2030, 720 miljun vjaġġatur għandhom jiġu ċċekkjati. Din iż-żieda maġġuri ma tistax tiġi indirizzata biss bl-ingaġġ addizzjonali ta' gwardji tal-fruntiera.

L-iżvilupp tal-politiki tal-Unjoni dwar il-viżi u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi iridu jiġu kkunsidrati wkoll. Matul dawn l-aħħar snin l-Unjoni neħħiet b'suċċess l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta’ għadd ta’ pajjiżi terzi, ikkonkludiet diversi ftehimiet ta' ffaċilitar tal-viża, u mmodernizzat l-acquis inkluż fost l-oħrajn il-provvediment għal użu aktar estiż ta’ viżi għal dħul multiplu. Il-liberalizzazzjoni tal-viża fil-Balkani tal-Punent ġiet akkumpanjata minn sistema ta' monitoraġġ bl-appoġġ tal-FRONTEX u l-Europol biex tinġabar statistika dwar flussi tal-ivvjaġġar u biex jiġi evalwat kwalunkwe riskju ta’abbuż. Dawn l-isforzi jagħmlu ħafna biex jitjieb l-aċċess għat-territorju tal-Unjoni għal gruppi kbar ta’ vjaġġaturi, iżda s’issa ma ġewx korrisposti minn xi sforz sabiex jiġi ssimplifikat il-qsim attwali tal-fruntieri għal dawk il-gruppi. Dan iqajjem diversi mistoqsijiet:

- jekk l-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar il-kontroll fuq il-fruntieri jistax f’dan iż-żmien jappoġġja l-politiki tagħha tal-viża;

- jekk l-Istati Membri għandhomx il-kapaċità li jmexxu l-flussi akbar tal-ivvjaġġar u li dawn l-isforzi ma jirriżultawx f'aktar dewmien fuq il-fruntiera; u

- jekk l-Unjoni għandhiex bżonn ittejjeb fuq l-għodod għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tinġabar iktar informazzjoni dettaljata fuq il-flussi tal-ivvjaġġar fiż-żona Schengen u 'il barra minnha.

Hemm żewġ sfidi b'mod partikolari: Kif jiġu mmonitorjati b'mod effiċjenti l-flussi tal-ivvjaġġar u l-movimenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mill-fruntiera esterna taż-żona ta' Schengen kollha kemm hi, bħala parti minn approċċ komprensiv għall-governanza ġenerali taż-żona Schengen u kif jiġi żgurat li l-qsim tal-fruntieri jkun rapidu u sempliċi għal numru dejjem jikber ta' vjaġġaturi regolari li jikkostitwixxu l-maġġoranza vasta ta' dawk li jaqsmu l-fruntieri, jiġifieri dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tad-dħul.

Taħt ir-regoli kurrenti:

- L-istess verifiki huma applikati għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jidħlu fiż-żona Schengen indipendentement tal-livell ta’ riskju eż. il-permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta ta’ kull vjaġġatur individwali;

- Ma hemm l-ebda mezz biex wieħed jirreġistra l-movimenti transkonfinali tal-vjaġġaturi. Il-permanenza awtorizzata hija kkalkulata abbażati ta' timbri manwali fuq il-passaport tal-vjaġġatur jew dokumenti tal-ivvjaġġar u d-dati tad-dħul u tal-ħruġ m'humiex rreġistrati ċentralment.

Bħala konsegwenza, dewmien fil-postijiet tal-qsim tal-fruntiera jista' jkun fit-tul u informazzjoni dwar persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta, b'referenza għal vjaġġaturi li joqogħdu hemm iżjed milli jkunu awtorizzati, hija spiss nieqsa. Din hija problema ta' veru minħabba li dawk li jkun skadielhom il-permess huma s-sors ewlieni tal-emigrazzjoni irregolari fl-UE. Dejta affidabbli dwar numru ta’ immigranti irregolari fl-UE mhijiex disponibbli, iżda stimi konservattivi jvarjaw bejn 1.9 u 3.8 miljun[8]. Fl-2010 l-Istati Membri (UE27) ħarġu 540 000 ordni għat-tluq mit-territorju tagħhom iżda kienu biss 226 000 li effettivament twettqu[9].

Il-fatt li ċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi jridu jgħaddu mill-istess kontroll fuq il-fruntieri, irrispettivament tal-livell ta’ riskju li huma jippreżentaw jew il-frekwenza tal-ivvjaġġar, ma jirrappreżentax użu effiċjenti tal-gwardji tal-fruntiera. L-isforzi biex tiżdied is-sigurtà u biex jitħaffu l-flussi tal-ivvjaġġar sempliċiment billi jiżdied l-għadd ta' gwardji tal-fruntiera mhix għażla vijabbli għal ħafna Stati Membri hekk huma u jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkontrollaw id-defiċit tal-baġit.

Il-kjuwijiet twal, speċjalment fl-ajruporti, jidhru koroh f'għajnejn dawk li jżuru l-Unjoni Ewropea u kemm l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpaniji tal-ajru konsistentement jitolbu li l-flussi tal-passiġġieri jkunu eħfef u mingħajr intoppi għal dawk il-konnessjonijiet li dejjem qed jieħdu anqas ħin biex isiru .

L-inizjattiva Fruntieri Intelliġenti se ttejjeb il-ġestjoni u l-kontroll tal-flussi tal-ivvjaġġar fil-fruntiera billi tirrinforza l-kontrolli filwaqt li jitħaffef il-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi regolari. Dan jippermetti lill-gwardji tal-fruntiera biex ilaħħqu ma’ numru dejjem jikber tal-qsim tal-fruntieri – mingħajr żieda mhux realistika fir-riżorsi umani meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u mingħajr kompromessi mas-sigurtà. Hi tikkonsisti f'żewġ komponenti: sistema ta' dħul/ħruġ (EES) u programm ta' vjaġġaturi rreġistrati (RTP):

L-EES tippermetti kalkolu preċiż u affidabbli tal-permanenza awtorizzata kif ukoll il-verifika tal-istorja tal-ivjaġġar tal-individwu kemm għad-detenturi tal-viża u kemm għal vjaġġaturi eżenti mill-viża bħala parti essenzjali tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ewwel linja. Se tagħmel hekk billi tissostitwixxi s-sistema attwali tal-ittimbrar tal-passaporti b'reġistru elettroniku tad-dati u postijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiddaħħlu għal permanenzi qosra. Filwaqt li l-iskop ewlieni tas-sistema jkun li tkun immonitorjata l-permanenza awtorizzata ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biex din tiġi rrispettata, is-sistema tikkontribwixxi wkoll biex ittejjeb il-proċeduri tal-kontroll fuq il-fruntieri u tittejjeb is-sigurtà fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni.

L-RTP se jiffaċilita b'mod notevoli l-qsim tal-fruntieri esterni ta' Schengen għal vjaġġaturi ta' pajjiżi terzi frekwenti u vvettjati u skrinjati minn qabel. Dan se jnaqqas il-ħin imqatta' fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u jiffaċilita l-ivvjaġġar u l-kuntatti transkonfinali. Safejn ikun possibbli, isir użu ta' teknoloġiji ġodda bħalma huma sistemi ta' Kontroll Awtomatizzat tal-Fruntieri (użati wkoll għal għall-vjaġġaturi tal-UE).

IL-MIXJA LEJN FRUNTIERI INTELLIġENTI TAL-UE

Qabel ma nħarsu lejn sistemi ġodda possibbli, u bil-ħsieb li safejn ikun possibbli nillimitaw l-ispejjeż, l-ewwel għandu jiġi kkunsidrat jekk l-għanijiet tal-fruntieri intelliġenti jistgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi jew l-għodod eżistenti:

L-użu tas-sistemi u l-għodod Ewropej nazzjonali jew eżistenti

Il-Politika dwar il-viża u l-VIS

Il-Politika dwar il-viża

L-użu akbar mill-possibbiltajiet offruti skont il-Kodiċi tal-Viża biex jinħarġu viżi għal dħul multiplu, kif ukoll minn ftehimiet għall-faċilitazzjoni tal-viża, fejn rilevanti, jistgħu jikkontribwixxu biex jissimplifikaw u jiffaċilitaw l-ivvjaġġar għal numri akbar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Madankollu, din il-faċilitazzjoni hi rilevanti biss fl-istadju ta’ qabel it-tluq, li tiffranka liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi milli jmorru l-konsulat biex jiksbu viża ġdida għal kull żjara lejn l-UE. Viżi għal dħul multiplu ma jħaffux il-qsim attwali tal-fruntiera.

Il-VIS

Is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) bħala tali mhix se tħaffef il-proċeduri tad-dħul u lanqas tgħin fl-identifikazzjoni tal-persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. Madankollu, il-fatt li d-dejta biometrika tad-detenturi kollha tal-viża se tiġi rreġistrata fil-VIS ifisser li kwalunkwe detentur tal-viża mingħajr dokumenti li jinstab fit-territorju jista’ jiġi identifikat b'mod aktar faċli, u b'hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet għar-ritorn. Wara perjodu tranżitorju, id-dejta bijometrika se tintuża wkoll għall-proċess tal-iċċekkjar fil-fruntieri, biex jiġi vverifikat li l-persuna hija l-istess waħda li tkun inħarġitilha l-viża.

L-espansjoni tal-VIS biex tinkorpora l-EES u l-RTP mhijiex alternattiva mixtieqa għal tliet raġunijiet. L-ewwel hemm l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta u l-potenzjal lis-sistema li tinkludi kemm detenturi tal-viża u persuni mingħajr viża tista' twassal għal "function creep". It-tieni l-limitazzjonijiet preżenti tal-kapaċità tal-VIS jistgħu biss jiġu megħluba b'aktar investimenti sinjifikanti. It-tielet, ir-restrizzjonijiet tal-limitazzjoni tal-fini ma jippermettux lill-VIS li taħżen dejta dwar ċittadini minn pajjiżi terzi eżentati mill-viża. Madankollu, fl-iżvilupp tas-sistemi ta' fruntieri intelliġenti jkun jista' jsir użu għaqli mis-sinerġiji possibbli ma tagħmir tekniku li qed jaqdi l-għanijiet tal-VIS.

Sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen (SIS)

Id-dipendenza fuq twissijiet fis-SIS dwar dawk b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta se jkollha valur limitat. Mhix se tgħin fl-identifikazzjoni persuni preżenti fiż-żona Schengen li jkollhom permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. Is-sors ewlieni tal-informazzjoni biex jiddaħħlu dawn it-twissijiet ikun l-kontrolli tal-ħruġ, fejn sitwazzjoni ta' permanenza wara li tkun skadiet l-awtorizzazzjoni tista' tiġi skoperta minn gwardja tal-fruntiera billi jiċċekkja t-timbri fil-passaport ta’ vjaġġatur partikolari. Madankollu, permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta waħdeha ma tistax twassal għall-ħruġ ta' projbizzjoni fuq id-dħul ta' dak l-individwu għal perjodu partikolari ta’ żmien. Għandha tiġi meqjusa l-istorja tal-ivjaġġar kollha tal-individwu, flimkien mal-fatturi l-oħra kollha rilevanti, meta jiġi deċiż fil-fruntiera esterna jekk il-persuna għandhiex tingħata viża u d-dħul.

Għalhekk l-użu tas-SIS (u s-SIS II futura) mhuwiex alternattiva għas-sistema ta' dħul/ħruġ.

Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri u r-Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri

Id-dejta miġbura dwar il-vjaġġaturi permezz tal-Informazzjoni minn Qabel dwar il-Passiġġieri (API) u Rekord tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mhijiex direttament rilevanti għal sistema ta' dħul/ħruġ u tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati.

It-trasportaturi għandhom l-obbligu li jikkomunikaw id-dejta tal-API fuq talba tal-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri tal-Istati Membri sabiex jtejbu l-kontroll fuq il-fruntieri u jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari. Id-dejta tal-passiġġieri hi trażmessa malli tintemm ir-reġistrazzjoni. Peress li d-dejta ppreżentata hi limitata wisq u f'ħafna każi mibgħuta diġà wara t-tluq ma tippermettix xi kontroll xieraq minn qabel li jagħti aċċess għall-proċeduri faċilitati ta’ kontroll fuq il-fruntieri. Id-dejta tinġabar minn trasportaturi jew tiddaħħal mill-vjaġġatur innifsu; għalhekk il-kwalità tad-dejta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sistema ta' dħul/ħruġ u tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li s-sistema tiġi applikata għall-fruntieri tal-art.

Id-dejta PNR hija miġbura u mibgħuta lilll-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, partikolarment lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mit-trasportaturi tal-ajru. Id-dejta tinġabar fl-istess ħin meta t-titjira tkun prenotata permezz ta’ sistemi ta' prenotazzjoni tat-trasportaturi. L-għan tal-PNR huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja; Il-PNR mhux strument ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Id-dejta tintbagħat minn 48 sa 24 siegħa qabel it-tluq skedat tat-titjira u immedjatament wara tmiem it-titjira. Id-dejta tal-PNR mhix rilevanti għal sistema ta' dħul/ħruġ u tal-Programm tal-Vjaġġatur Reġistrat għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq. Il-PNR ma tagħti l-ebda informazzjoni kkonfermata dwar jekk il-persuna tkunx attwalment qasmet il-fruntiera.

Sistemi nazzjonali ta' Dħul/Ħruġ u Programmi nazzjonali ta' Vjaġġaturi Rreġistrati

Ħdax-il Stati Membru[10] bħalissa qegħdin jimplimentaw sistemi nazzjonali dwar dħul/ħruġ, li sistematikament jiġbru r-rekords kollha tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni rispettivi tagħhom. Madankollu, ir-rekords tad-dħul u l-ħruġ jistgħu jiġu mqabbla biss meta persuna tkun teżisti legalment fl-istess Stat Membru li minnu daħlet. Dawn is-sistemi nazzjonali mhumiex marbuta ma' sistemi simili fi Stati Membri oħra.

Xi Stati Membri qed iħaffu l-kontrolli fuq il-fruntiera għal ċittadini tal-UE billi jimplimentaw kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri (eż. fuq bażi ta' passporti elettroniċi) jew jistabbilixxu sistemi oħra għal vjaġġaturi rreġistrati minn qabel[11]. Seba' Stati Membri implimentaw formola RTP nazzjonali għal ċittadini tal-UE[12].

Dawn is-sistemi ma jistgħux jintużaw għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ir-regoli attwali tal-UE jirrikjedu lill-gwardji tal-fruntiera li jintervistaw il-vjaġġatur u manwalment jittimbraw id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu/tagħha, proċessi li ma jistgħux jiġu awtomatizzati.

Għalhekk l-uniċi inizjattivi eżistenti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinvolvu kontroll fuq il-fruntieri semiawtomatizzati, jiġifieri taħlita ta' kanċelli awtomatizzati u element manwali li jinkludi l-ittimbrar u l-possibbiltà li jsiru mistoqsijiet bħala parti minn kontroll bir-reqqa fil-fruntieri.

Limitazzjoni oħra hija li s-sħubija ta' RTP nazzjonali fi Stat Membru wieħed ma tippermettix lill-vjaġġatur li jibbenefika minn qsim tal-fruntiera ffaċilitat fi Stat Membru ieħor. Ċittadin ta' pajjiż terz li spiss jivvjaġġa lejn bosta Stati Membri kull sena għalhekk ikollu japplika għal sħubija tal-RTP nazzjonali ta' kull Stat Membru, din tiġi għalja u ineffiċjenti.

Sistema Elettronika ta' Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA)

Sistema bħal din tkun tfisser li vjaġġatur ikollu bżonn japplika, permezz tal-Internet, għal awtorizzazzjoni biex jivvjaġġa abbażi ta' ċerti kriterji. Erba' alternattivi għal UE ESTA ġew eżaminati fl-istudju mwettaq għall-Kummissjoni:

- ESTA għal ċittadini ta' pajjiżi terzi eżentati mill-viża;

- ESTA għal ċerti pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-viża;

- Kumbinazzjoni ta' ESTA ma viżi elettroniċi;

- Is-sostituzzjoni tal-ħtieġa tal-viża minn ESTA.

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-istudju, il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-istabiliment ta' ESTA għal ċittadini ta' pajjiżi terzi eżentati mill-viża għandha tiġi skartata f' dan l-istadju peress li l-kontribut potenzjali biex tittejjeb is-sigurtà tal-Istati Memri la jiġġustifika l-ġbir tad-dejta personali fi skala bħal din u lanqas l-ispiża finanzjarja u l-impatt fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali. Fir-rigward għas-sostituzzjoni gradwali tar-rekwiżit tal-viża minn ESTA tal-UE, ma jidhirx fattibbli fil-futur prevedibbli, minħabba d-diffikultà biex jiġi vvalutat ir-riskju migratorju u l-problemi marbuta mal-aċċess għall-internet u l-użu tal-identifikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, biex tiġi stabbilita ESTA, ikun hemm bżonn EES li tiffuzjonana kif imiss.

Huwa ċar li kwalunkwe ESTA tal-UE mhijiex alternattiva għal sistema ta' dħul/ħruġ għaliex ma tistax tintuża biex tissorvelja qsim tal-fruntiera attwali. Lanqas hija rilevanti sabiex ikun iffaċilitat tali qsim tal-fruntieri, peress li l-użu tal-bijometrika tirrendi sistema elettronika tal-applikazzjonijiet mhux prattika. Barra minn hekk, skont il-ħsieb wara l-RTP, il-vjaġġaturi rreġistrati għandhom fil-prinċipju jkunu eżentati mir-rekwiżit tal-ESTA.

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni li l-ESTA tal-UE tista' tagħti għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika komuni tal-viża, il-Kummissjoni biħsiebha terġa’ lura għal din il-kwistjoni fi stadju aktar tard kif previst mill-Progamm ta’ Stokkolma. Għalhekk mhux ser tipproċedi aktar bi preparazzjonijiet għall-iżvilupp tal-ESTA tal-UE f'dan l-istadju.

L-iżviluppar ta' sistemi speċifiċi: l-EES u l-RTP

It-taqsima ta' hawn fuq uriet għaliex is-sistemi u l-għodod eżistenti ma' jistgħux jilħqu l-għajnijiet tal-fruntieri intelliġenti. Din it-taqsima tindirizza l-implikazzjonijiet, l-ispejjeż u l-benefiċċji u l-alternattivi, fejn rilevanti, tal-iżviluppar tal-EES u l-RTP.

Aspetti legali

Iż-żewġ sistemi jkunu mwaqqfa fuq ir-Regolamenti bbażati fuq l-Artikolu 77 tat-TFUE (u għalhekk jeħtieġu li jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja). Għaż-żewġ sistemi d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen[13] dwar l-kontrolli fuq il-fruntieri fuq il-persuni jeħtieġ li jiġu emendati.

L-aspetti tekniċi

VIS żviluppata u operazzjonali bis-sħiħ hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta' Fruntieri Intelliġenti. Tabilħaqq, l-EES u l-RTP jistgħu jagħmlu użu massimu tas-sistemi u l-għodod eżistenti, bħas-Sistema tat-Tqabbil Bijometriku li tirfed il-VIS u l-iskaners tal-marki tas-swaba’ li huma użati għal din is-sistema.

Mill-aspett legali kif ukoll mil-lat tekniku, ikun possibbli li wieħed jipproċedi għas-Sistema tad-Dħul/Ħruġ qabel il-Programm tal-Vjaġġaturi Rreġistrati. Madankollu, dak ikun jirrappreżenta żvilupp żbilanċjat tal-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE fis-sens li jservi biss biex isaħħaħ is-sigurtà mingħajr ma jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għal dak li jirrigwardja l-RTP l-iffaċilitar hu marbut mal-użu aktar mifrux tal-kontrolli awtomatiċi fuq il-fruntiera. L-uniku mod biex wieħed jissorvelja l-permanenza awtorizzata ta' vjaġġaturi rreġistrati waqt li jippermetti kontroll tal-fruntieri awtomatizzat kompletament hu li wieħed jirreġistra d-dati tad-dħul u tal-ħruġ elettronikament. Dan jeħtieġ li jseħħ fil-livell tal-UE biex ikun possibbli t-tqabbil ta' rekord ta' dħul minn Stat Membru wieħed ma' rekord ta' ħruġ minn Stat Membru ieħor. Għalhekk, it-twaqqif ta' RTP effettivament tiddependi fuq it-twaqqif tal-EES. Hemm ukoll ekonomiji sinjifikanti fl-ispejjeż totali għall-iżvilupp jekk iż-żewġ sistemi huma mibnija simultanjament, bl-użu ta' infrastruttura simili fil-livell ċentrali (ara l-anness 1).

Fit-tfassil tas-sistemi, jeħtieġ li jsiru numru ta' għażliet determinanti:

Sistemi interoperabbli ċentralizzati jew deċentralizzati

Arkitettura ċentralizzata tinkludi bażi ta' dejta ċentrali u interfaces nazzjonali tal-Istati Membri marbutin miegħu, filwaqt li arkitettura deċentralizzata tirrikjedi t-twaqqif ta' 27 + sistemi nazzjonali u l-interkonnessjoni tagħhom flimkien.

Fil-każ tal-EES, ir-reġistrazzjoni elettronika tal-informazzjoni tad-dħul u l-ħruġ fil-livell ċentrali tippermetti l-kalkolu awtomatiku tat-tul awtorizzat ta’ permanenza ta’ persuna u tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha fl-istess ħin b'informazzjoni preċiża fuq fejn persuna tkun daħlet fiż-żona Schengen u minn fejn tkun ħarġet. Ir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni tad- dħul u l-ħruġ fil-livell nazzjonali l-ewwel tkun tirrikjedi replika ta' din l-informazzjoni f'27 + sistemi nazzjonali oħra sabiex iżżommhom kollha aġġornati bir-rekords tad-dħul u l-ħruġ li jkunu jaqblu. Dan jista' jkun piż żejjed u jtellef il-ħin meta persuni jidħlu u jħallu Schengen minn Stati Membri differenti.

Bl-istess mod, fil-każ ta’ RTP, arkitettura deċentralizzata timplika li r-reġistrazzjoni tal-vjaġġatur tista’ sseħħ f’sistema nazzjonali u mbagħad tiġi replikata f'27 + sistemi nazzjonali oħra biex jitqies li l-vjaġġatur jista’ jidħol fiż-żona Schengen minn kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Schengen.

Bħala konklużjoni, arkitettura deċentralizzata ma tkunx teknikament effettiva.

RTP: ħażna ċentralizzata jew deċentralizzata tad-dejta?

Hemm żewġ alternattivi bażiċi għall-ħażna tad-dejta ta' vjaġġaturi rreġistrati, dejta li għandha tkun disponibbli f'kull punt ta' qsim tal-fruntiera taż-żona Schengen biex tippermetti l-verifika awtomatika tal-identità tal-vjaġġatur: jew li tinħażen id-dejta alfanumerika u bijometrika f’bażi tad-dejta ċentrali jew fuq token maħruġa lil vjaġġatur.

Iż-żewġ approċċi għandhom vantaġġi u żvantaġġi f'termini tal-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta. Bit-token, ma jkun hemm l-ebda bżonn li tiġi żviluppata bażi tad-dejta ċentrali fil-livell tal-UE. Madankollu, għandha żvantaġġi sinjifikanti marbuta mar-riskji ta' tokens nieqsa, mitlufa jew misruqa, kif ukoll ikkuppjati. L-alternattiva tat-token xorta tkun trid tiġi kkombinata ma' ħażna ta' ċerta dejta f'bażi tad-dejta biex wieħed ikun f'pożizzjoni li jimmaniġġja b'mod globali l-applikazzjonijiet u t-tokens. Skont stimi riċenti, għalkemm l-ispiża totali tal-alternattiva tat-token tkun madwar EUR 30 miljun irħas biex tiżviluppaha, fuq medda medja sa twila ta' żmien kienet ser tkun aktar għalja biex titħaddem peress li jkollha spejjeż operazzjonali ogħla għall-Istati Membri ta' madwar EUR 20 miljun fis-sena (għall-Istati Membri flimkien)[14].

Mod kif jiġu evitati l-effetti negattivi u jiġu kkombinati l-vantaġġi ta' dawn iż-żewġ alternattivi hu li tingħażel kombinazzjoni ta' bażi tad-dejta ċentrali ma' token li fih biss identifikatur uniku (jiġifieri numru tal-applikazzjoni) tal-Vjaġġatur Reġistrat. Dejta alfanumerika u bijometrika tkun maħżuna ċentralment imma separatament u bi drittijiet ta' aċċess separati u distinti għal awtoritajiet kompetenti magħżulin. Id-dejta bijometrika tkun marbuta mal-identifikatur uniku tat-token u tintuża biss sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-vjaġġaturi meta jaqsmu l-fruntiera.

Din it-tielet alternattiva tillimita d-dgħufijiet tal-protezzjoni tad-dejta u tas-sikurezza tad-dejta li għandhom l-alternattivi l-oħra, iżda tiswa madwar EUR 50 miljun aktar biex wieħed jiżviluppaha mill-alternattiva tar-reġistru ċentralizzat.

l-EES: bil-bijometrika u mingħajrha u ta' liema tip?

Is-sistema tista' jew tirreġistra biss dejta alfanumerika (eż. l-isem, in-nazzjonalità u n-numru tal-passaport) jew wkoll tinkludi l-identifikaturi bijometriċi.

L-inklużjoni tal-bijometrijka tagħmilha eħfef għal sistema biex tidentifika persuni mhux dokumentati li ma jeħtiġux viża (kif id-detenturi tal-viża jistgħu jiġu identifikati bl-użu tal-VIS). Hija tipprovdi wkoll tqabbil aktar preċiż tar-rekords tad-dħul u tal-ħruġ (eż. fil-każ tal-persuni li jivvjaġġaw b'żewġ passaporti) billi tgħaqqad l-istorja ta' individwu speċifiku abbażi ta’ proprjetà unika murija mill-identifikatur bijometriku.

Min-naħa l-oħra jista' jkun hemm ċertu impatt negattiv fuq il-ħinijiet tal-qsim tal-fruntieri jistgħu jiġru minħabba r-rekwiżit tal-bijometrika mill-vjaġġaturi kollha li mhumiex suġġetti għall-obbligu tal-viża.

L-aħjar triq 'il-quddiem għaldaqstant hi li wieħed jibda fl-ewwel fażi b'dejta alfanumerika biss. L-identifikaturi bijometriċi jistgħu jiġu attivati fi stadju aktar tard, fuq il-bażi tal-ewwel riżultati tal-evalwazzjoni kemm f’termini tal-impatt globali tas-sistema u kemm fuq il-ġestjoni tal-fruntieri. L-ispejjeż tal-iżvilupp ta' tali approċċ tranżizzjonali huma b'mod ġenerali komparabbli mal-attivazzjoni tal-bijometrika mill-bidu u marġinalment biss aktar għalja milli wieħed jeskludi l-bijometrika mill-bidu, għażla li ma tistax titreġġa’ lura fi stadju aktar tard.

Dwar l-għażla ta’ identifikatur bijometriku, b'konformità mal-identifikatur użat għal EURODAC, VIS, SIS II, il-passaporti u l-permessi tar-residenza, l-iktar identifikaturi komunement użati u affidabbli huma l-marki tas-swaba' u (ukoll fil-każ fejn il-marki tas-swaba' ma jkunx disponibbli) l-immaġni diġitali tal-wiċċ. Din l-għażla se tfisser ukoll li jkun jista' jsir użu sħiħ tat-tagħmir diġà installat, li jwassal għal iffrankar sinjifikanti tal-ispejjeż.

Spejjeż

L-ispejjeż għall-iżviluppar tas-sistemi se jiġi influwenzat minn dawk l-alernattivi ta' implimentazzjoni li jintgħażlu u, speċjalment, jekk is-sistemi jiġux żviluppati flimkien jew separatament. Filwaqt li wieħed għandu jistenna l-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni finanzjarja li takkumpanja l-proposti leġiżlattivi futuri fuq l-EES u l-RTP f'kull każ wieħed jista' jinnota li l-ispejjeż tal-investiment inizjali se jkunu sinjifikanti . Ara l-anness 1.

Għall-EES, l-ispejjeż totali tal-iżvilupp (tliet snin) jistgħu jkunu ta’ madwar EUR 200 miljun. Aktar minn 75% ta' dawn l-ispejjeż huma marbuta mal-iżvilupp u t-twaqqif tal-infrastruttura meħtieġa f’kull Stat Membru. L-ispejjeż operazzjonali annwali jistgħu jkunu ta' madwar EUR 100 miljun, b'sehem simili tal-ispejjeż merfugħa fil-livell nazzjonali.

Għal RTP, il-kalkoli huma simili, għalkemm l-ispejjeż għal din is-sistema huma iktar influwenzati mill-alternattivi ta’ implimentazzjoni magħżula; dan japplika kemm għall-ispejjeż totali iżda b’mod partikolari s-sehem tal-ispejjeż relatati ma’ investimenti u operazzjonijiet fil-livell nazzjonali u Ewropew rispettivament.

Dawn il-kalkoli ma jinkludux l-ispejjeż għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-istatus tal-Vjaġġaturi Rreġistrati: l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Vjaġġaturi Rreġistrati tipprevedi tariffa għall-applikazzjoni, li għandha tkopri l-ispiża amministrattiva tal-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet RTP mill-Istati Membri.

Fil-prattika l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati jkun ifisser ukoll li l-Istati Membri jżidu l-investimenti tagħhom f'kanċelli awtomatizzati fil-fruntieri. Ma jkun hemm l-ebda ħtieġa li jiġi deċiż fuq livell Ewropew fejn u kemm għandhom jiġu installati kanċelli bħal dawn, u għalhekk l-ispejjeż totali jistgħu jiġu stmati biss ladarba l-Istati Membri jkunu ddeċidew dwar l-għadd totali ta' dawn il-kanċelli. Madankollu, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jinstallaw kanċelli bħal dawn kull fejn ikun possibbli u raġonevoli biex jiġu mmassimizzati fil-prattika l-benefiċċji tal-RTP. Investimenti f'kanċelli bħal dawn, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jkunu kofinanzjati mill-fond futur tas-sigurtà interna.

L-ispejjeż sostanzjali previsti f'dan l-istadju jeħtieġ li jkunu kkunsidrati flimkien mal-benefiċċji: pereżempju, flimkien mal-awtomatizzazzjoni ta' sehem sostanzjali tal-qsim kollu tal-fruntiera, l-RTP tista' tnaqqas ir-riżorsi meħtieġa għall-kontroll fuq il-fruntieri b' madwar 40% (ekwivalenti għal EUR 500 miljun kull sena). Anke jekk il-kalkolu huwa bbażat fuq iffrankar aktar modest ta’ EUR 250 miljun kull sena, l-Istati Membri jkollhom iffrankar nett tal-ispejjeż diġà wara t-tieni sena ta' operazzjoni[15].

L-allokazzjoni proposta għall-perjodu 2014-2020 fil-proposti tal-Kummissjoni għall-MFF li jmiss għall-fond tas-sigurtà interna tikkunsidra wkoll it-twaqqif, l-iżvilupp u l-operazzjoni inizjali taż-żewġ sistemi. Il-firxa u s-sehem li l-baġit tal-UE għandu jkopri mill-ispejjeż li jintrefgħu mil-livell nazzjonali għall-iżvilupp u/jew l-operat tas-sistemi l-ġodda jeħtieġ li jkunu ivvalutati aktar, u se jkunu diskussi mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Implimentazzjoni prattika: l-ivvalutar tal-effettività u l-impatt

Il-Komunikazzjoni tas-sena li għaddiet dwar ħarsa ġenerali tal-ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja stabbiliet il-kundizzjonijet li l-Kummissjoni se tapplika għal kwalunkwe sistema ġdida tal-ġestjoni tal-informazzjoni[16]. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi li l-iżvilupp ma għandux jibda sakemm l-għan, l-ambitu, il-funzjonijiet u dettalji tekniċi tas-sistema ma jkunux ġew deċiżi fil-leġiżlazzjoni sottostanti. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll proċessi sostantivi u tal-proċess[17] biex iservu bħala kejl f'dan il-qasam.

L-aktar prinċipji relevanti biex tkun ivvalutata s-sistema tad-dħul/ħruġ jkunu, fl-ewwel post, in-neċessità. Il-fatt li sistema ta' dħul/ħruġ bħala tali tista' ssolvi l-kwistjoni bil-monitoraġġ tal-permanenza awtorizzata tal-vjaġġaturi rreġistrati mhijiex ġustifikazzjoni biżżejjed fiha nnifisha għat-twaqqif tal-EES, billi din teħtieġ il-ħażna tad-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ tal-vjaġġaturi kollha. Barra minn hekk, bħala riżultat ta' dan, l-ammont ta’ dejta li jkun maħżun se jkun sinjifikanti.

Sistema ta' dħul/ħruġ għandha tippermetti għal żieda fl-għadd ta’ ritorn b'suċċess ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta, peress li s-sistema se tidentifika dawk li għandhom awtorizzazzjoni tal-permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. Madankollu, se jkun diffiċli sabiex wieħed ibassar kif ħafna persuni jkunu attwalment maqbuda bħala riżultat. Madankollu, hemm bżonn li l-impatt potenzjali jitqies kontra n-nuqqas assolut ta' dejta disponibbli bħalissa għand l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli dwar dawk b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. Barra minn hekk, is-sistema għandha tintuża flimkien ma’ miżuri oħra, partikolarment il-kontrolli tal-identità fit-territorju ta' Schengen u l-possibbiltà li jiġu identifikati persuni mhux dokumentati bl-użu tal-VIS.

Fl-aħħarnett, sistema ta' dħul/ħruġ iġġib benefiċċji fis-sens li tippermetti aktar it-tfassil tal-politika fuq il-bażi tal-evidenza, pereżempju, fir-rigward ta' politika tal-viża u l-faċilitazzjoni tal-viża, iżda wkoll fil-qafas tas-Sħubija għall-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u s-Sigurtà ma' ċerti pajjiżi ġirien. Tista' titqies bħala responsabbiltà tal-UE, pereżempju, li tiġi ġġustifikata ż-żamma tal-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz partikolari billi wieħed juri li hemm problema ta' permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta u/jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' viżi fil-każ ta’abbuż minn reġim ħieles mill-viżi.

L-aktar prinċipji rilevanti għal programm ta' vjaġġaturi rreġistrati se jkunu, l-ewwelnett, ġestjoni preċiża tar-riskju. Il-prescreening hemm bżonn li jkun eżawrjenti biżżejjed biex jikkumpensa għat-trattib tal-proċess tal-verifika fuq il-fruntiera. It-tieni l-prinċipju ewlieni għal dan il-programm se jkun l-kost-effettività. L-għan għandu jkun il-faċilitazzjoni tal-ivjaġġar għall-akbar numru ta' persuni; il-kriterji tal-eliġibbiltà għandhom għalhekk ikunu wiesgħa, filwaqt li l-kriterji ta' prekontroll jeħtieġ li jassiguraw livell għoli ta' sigurtà.

Il-protezzjoni tad-dejta

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tittratta dejta personali għandha tirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha. L-EES u l-RTP jeħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi kollha inkluż id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-dejta sa l-istess punt. Għalhekk l-leġiżlazzjoni dwar il-fruntieri intelliġenti trid tikkonforma mal-leġiżlazzjoni u l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Il-fatt li jkunu utli mhuwiex biżżejjed biex ikunu ġġustifikati l-implimentazzjoni ta' sistemi bħall-EES u l-RTP. Sistemi li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali inkluż id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta għandhom jissodisfaw l-istandard tal-ħtieġa f'soċjetà demokratika u jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Barra minn hekk l-ipproċessar tad-dejta għandu jkun limitat sal-punt li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-sistema. Il-kunċett ta' "privacy by design" għandu jkun wieħed mill-prinċipji prinċipali fit-tfassil tal-EES u l-RTP. L-alternattiva proposta li jkun hemm kombinazzjoni ta' token ma' dejta maħżuna ċentralment kif deskritt fit-taqsima 3.2.2.2 għal RTP tista' titqies bħala eżempju tal-implementazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-prattika.

Kemm għall-EES u għall-RTP id-dejta tinġabar u tiġi pproċessata biss mill-awtoritajiet kompetenti nominati dwar il-viża u l-fruntieri f'postijiet konsulari u fil-punti tal-qsim tal-fruntieri sal-livell meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom. Aċċess għad-dejta se jkun strettament definit u limitat b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Rekords tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-dejta se jinżammu u jkunu disponibbli għal monitoraġġ tal-protezzjoni tad-dejta. Miżuri għal rimedju se jitqiegħdu fis-seħħ sabiex jiżguraw li vjaġġaturi jistgħu jikkontrollaw u jekk neċessarju, jikkoreġu d-dejta li tkun fl-applikazzjoni tagħhom tal-Vjaġġatur Rreġistrat jew fir-rekord tagħhom ta' dħul/ħruġ. Se jittieħdu miżuri biex jiżguraw li d-dejta tinħażen b'mod sikur u biex jiġi evitat kull użu ħażin. L-ipproċessar tad-dejta jkun issorveljat mis-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta, safejn ikunu involuti l-istituzzjonijiet u entitajiet tal-UE, u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, safejn ikunu involuti l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Aċċess għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (għall-EES) seta' biss jiġi previst f'każijiet definiti b' mod ċar mil-leġiżlazzjoni fil-futura tal-UE u taħt l-istess regoli stretti.

IL-PASSI LI JMISS

L-Unjoni għandha tkompli ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha. Il-Kunċett tal-fruntieri intelliġenti kif spjegat f'din il-Komunikazzjoni jistgħu jkunu parti minn dan.

L-implimentazzjoni tal-EES se jipprovdi lill-Unjoni b'dejta preċiża dwar il-flussi tal-ivvjaġġar fiż-żona Schengen u barra minnha fil-partijiet kollha tal-fruntieri esterni tagħha u dwar dawk li jibqgħu meta jkun skadielhom il-permess. Evalwazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta' miżuri ta' liberalizzazzjoni tal-viża, ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-viża, u pjanijiet direzzjonali għal tali inizjattivi futuri se jkunu possibbli. Flimkien mal-VIS, dan jagħmel l-isforzi tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-migrazzjoni irregolari u jiżdied l-għadd ritorni b'suċċess, aktar effettivi.

L-RTP se tħaffef il-qsim tal-fruntiera ta' 4-5 miljun vjaġġatur kull sena[18] u tfassal bażi għal aktar investimenti f’teknoloġiji awtomatizzati tal-kontroll tal-fruntieri f’punti ta’qsim tal-fruntiera. Fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Istati Membri li ttestjaw il-kontrolli awtomatizzati fuq il-fruntieri għaċ-ċittadini tal-UE, iż-żmien medju għall-qsim tal-fruntiera jista' jitnaqqas minn minuta (1) jew tnejn (2) kif inhu bħalissa, għal inqas minn 30 sekonda. Filwaqt li ħafna pajjiżi terzi qed jinvestu f'teknoloġija ta' kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, ħadd ma ħa pass ekwivalenti għall-RTP tal-UE deskritta f'din il-Komunikazzjoni: li toffri qsim tal-fruntiera awtomatizzat u simplifikat lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li jissodisfa kriterji definiti ta' prescreening, li tipprovdi konferma tanġibbli ta' kemm l-UE hi miftuħa għad-dinja u l-impenn li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar u l-kuntatti transkonfinali inkluż għan-negozju.

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni inizjali tal-alternattivi f'din il-Komunikazzjoni, u mingħajr preġudizzju għal valutazzjoni kompluta tal-impatt li se takkumpanja proposti speċifiċi, jidher li l-aħjar triq 'il-quddiem tinvolvi l-iżvilupp tas-sistema tad-Dħul/Ħruġ u l-Programm tal-Vjaġġaturi Rreġistrati flimkien, biex jiġi attivat l-użu tal-bijometrika fis-sistema ta' Dħul/Ħruġ wara perjodu tranżitorju, u l-użu ta' kombinazzjoni ta' token u bażi tad-dejta ċentrali għall-programm tal-Vjaġġaturi Rreġistrati. L-għażla ta' identifikatur bijometriku għaż-żewġ sistemi se jkunu l-marki tas-swaba' u x-xbiha diġitali tal-wiċċ, wara l-għażliet li diġà saru fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill mill-UE għal EURODAC, il-VIS, is-SIS II, il-passaporti u l-permessi tar-residenza.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ebda xogħol mhu se jsir fuq l-iżvilupp tal-EES u l-RTP sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jkunux adottaw il-bażi legali għas-sistemi li jistipulaw b'mod ċar l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-ogħla kwalità u biex jiġu limitati riskji possibbli bħal dawk li qamu matul l-iżvilupp tas-SIS II u l-VIS, l-Aġenzija l-ġdida tal-IT stabbilita reċentement tkun responsabbli għall-iżvilupp u t-tmexxija operattiva tas-sistemi.

Il-kobor tas-sistemi l-ġodda jkun jitlob investiment sostanzjali mill-UE u mill-Istati Membri fejn jidħol l-użu tal-IT u n-nefqa pubblika, u sforzi konsiderevoli biex jiġu żgurati l-ogħla livelli tal-protezzjoni ta’ dejta personali. It-tagħlimiet li ttieħdu mill-iżvilupp ta' proġetti tal-IT fuq skala kbira bħas-SIS II u l-VIS għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll fl-iżvilupp ġejjieni tas-sistemi. Fl-istess ħin, dawn is-sistemi l-ġodda se joffru opportunitajiet sinjifikanti għall-kontribut biex jintlaħaq l-għan doppju tat-tisħiħ tas-sigurtà u l-iffaċilitar tal-qsim tal-fruntieri. Barra minn hekk, bit-tkabbir mistenni fin-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, inklużi dawk li ma għandhomx bżonn viża, is-sistemi jistgħu jippermettu lill-Istati Membri jżommu qsim tal-fruntieri effiċjenti mingħajr il-bżonn li jerfgħu żieda mhux realistika u għalja ħafna fil-livelli tal-persunal.

L-UE trid tipprepara ruħha biex tilħaq l-isfidi ta' għadd dejjem jikber ta' vjaġġaturi f'dinja li kull ma jmur qed tiġi aktar globalizzata. Teknoloġiji ġodda jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda biex jegħlbu dawn l-isfidi. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa aktar diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u s-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta u biħsiebha tippreżenta proposti għall-EES u RTP fl-ewwel nofs l-2012.

L-Anness – Stima tal-ispejjeż tas-sistemi

Valutazzjoni sħiħa tal-ispejjeż ta' għadd ta' alternattivi se tkun fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja proposti speċifiċi. It-tabella t'hawn taħt, ibbażata fuq studju li sar għall-Kummissjoni fl-2010, tistabbilixxi l-ispejjeż tal-iżvilupp ta' darba għal waħda mill-alternattivi, l-ispejjeż rikorrenti annwali għal operazzjonijiet u spejjeż totali akkumulati għal tliet snin tal-iżvilupp segwiti minn ħames snin ta’ operazzjonijiet. Hija bbażata fuq l-alternattiva ta' implimentazzjoni tal-RTP b'dejta alfanumerika maħżuna f’token u dejta bijometrika maħżuna f’repożitorju ċentrali u l-implimentazzjoni tal-EES bħala sistema ċentralizzata bl-użu tal-bijometrika miżjud iktar tard,

Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jistgħu jiġu ppreżentati fl-2012; jekk il-koleġiżlaturi jaqblu fuqhom sal-2014, l-iżvilupp tas-sistemi jista' jibda fl-2015. Dawn l-istimi huma pprovduti fuq bażi indikattiva biss. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-koleġiżlaturi dwar in-natura tas-sistemi jistgħu iżidu jew inaqqsu l-ispejjeż.

L-ispiża ta' darba għall-iżvilupp fil-livell nazzjonali u ċentrali (tliet (3) snin ta' żvilupp) (f’miljuni ta’ Euro) | L-ispejjeż operattivi annwali fil-livell nazzjonali u ċentrali (ħames (5) snin ta' żvilupp) (f’miljuni ta’ Euro) | L-ispejjeż totali fil-livell nazzjonali u ċentrali (f’miljuni ta’ Euro) |

RTP: Alternattiva – Dejta (numru uniku) maħżun f’token u (bijometrika u dejta minn applikazzjonijiet) f'repożitorju | 207 (SM- 164 – Ċentrali- 43) | 101 (SM- 81 – Ċentrali- 20) | 712 |

EES: Alternattiva – Sistema ċentralizzata bil-bijometrika miżjuda iktar tard | 183 (SM- 146 – Ċentrali- 37) | 88 (SM- 74 – Ċentrali- 14) | 623 |

L-ispejjeż totali madankollu għandhom ikun madwar 30% inqas jekk dawn iż-żewġ sistemi kellhom jiġu mibnija flimkien (jiġifieri fuq l-istess pjattaforma teknika).

[1] COM(2011)559 finali, COM(2011)560 finali,COM(2011) 561 finali

[2] COM(2008)69 finali.

[3] C(2011)-0445

[4] COM(2011) 248 finali

[5] EUCO 23/11

[6] Ċifri bbażati fuq l-istatistika il-Fond għall-Fruntieri Esterni u fuq dejta minn eżerċizzju ta’ġbir ta’dejta imwettaq f’punti ta’qsim tal-fruntieri esterni kollha bejn il-31 ta' Awissu u 6 ta’ Settembru 2009.

[7] Eurocontrol "previżjoni fit-tul għall-20 sena li ġejjin (sa l-2030)" kien ippubblikat fis-17.12.2010: (http://www.eurocontrol.int/statfor/gallery/content/public/forecasts/Doc415-LTF10-Report-Vol1.pdf),

[8] Ir-riżultati tal-proġett Clandestino sponsorjat mill-UE u implimentat miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Migrazzjoni l-iżvilupp tal-politika. Iċ-ċifri, huma total akkumulat fiż-żmien tal-istudju (2008, l-UE 27). http://clandestino.eliamep.gr

[9] SEC (2011) 620, Tabella 2; Dejta pprovduta mill-Eurostat u n-network Ewropew għall-Migrazzjoni (EMN). Ir-raġuni għad-diskrepanza taċ-ċifri mhix biss in-nuqqas ta’ informazzjoni fuq dawk li jaqbżu t-tul tal-perjodu intitolati għalih imma wkoll fatturi oħrajn bħalma huma n-nuqqas ta’kooperazzjoni ta’ċerti pajjiżi terzi, raġunijiet umanitarji eċċ.

[10] Il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija, Ċipru, l-Portugal

[11] il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Olanda, il-Portugal, , il-Finlandja u r-Renju Unit.

[12] Pereżempju, l-Olanda (Privium), Franza (PARAFES), ir-Renju Unit (Iris) u l-Ġermanja (ABG) għandhom dan it-tip ta’ programm.

[13] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 562/2006

[14] Għal 28 pajjiż – it-22 Stat Membru u 3 pajjiżi assoċjati bħalissa li jipparteċipaw bis-sħiħ f 'Schengen kif ukoll ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Liechtenstein.

[15] Kalkolu tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażat fuq esperjenzi u dejta pprovduta mill-Istati Membri li diġà qed iħaddmu RTP pilota.

[16] COM(2010) 385 finali

[17] (1) Salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta; (2) neċessità; (3) sussidjarjetà; (4) Ġestjoni preċiża tar-riskju ; (5) il-kosteffettività; (6) politika mfassla minn taħt għall-fuq; (7) allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet; (8) u klawżoli ta' reviżjoni u tat-tmiem

[18] Fuq is-suppożizzjoni li mill-inqas 20% tal-persuni kollha li nħarġitilhom viża multipla – madwar 10 miljun kull sena – ser japplikaw għal status tal-RT, u numru ekwivalenti ta' persuni li ma jinħteġux viża japplikaw ukoll.

Top