EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0125

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew It-tielet rapport ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-azzar fil-Bulgarija

/* KUMM/2010/0125 finali */

52010DC0125

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew It-tielet rapport ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-azzar fil-Bulgarija /* KUMM/2010/0125 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.3.2010

KUMM(2010)125 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tielet rapport ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-azzar fil-Bulgarija

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tielet rapport ta' monitoraġġ dwar ir-ristrutturar tal-azzar fil-Bulgarija

INTRODUZZJONI

Fil-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa[1], l-Unjoni Ewropea qablet dwar l-arranġamenti tranżizzjonali għall-għajnuna ta' ristrutturar sabiex il-Bulgarija tkun tista' tlesti l-proċess ta' ristutturar fl-industrija tal-azzar. Il-Bulgarija ġiet permessa tagħti għajnuna mill-Istat għal għanijiet ta' ristrutturar, sakemm:

- din twassal għall-vijabilità fit-tul tal-azjendi benefiċjarji fil-kundizzjonijiet normali tas-suq ma' tmiem il-perjodu ta' ristrutturar, u

- l-ammont u l-intensità ta' din l-għajnuna jkunu strettament limitati għal dak biss li hu assolutament meħtieġ sabiex jerġa' jkun hemm din il-vijabbiltà u l-għajnuna għandha tkun imnaqqsa progressivament;

- il-programm ta' ristruttrar kien marbut mar-razzjonalizzazzjoni u t-tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni globali fil-Bulgarija.

Il-perjodu oriġinali ta' ristrutturar kien mistenni li jdum sat-tmiem tal-2006. Madankollu, il-Bulgarija indikat li ma tkunx tista' tlaħħaq ir-rekwiżiti tal-Protokoll 2 taħt il-Programm Nazzjonali ta' Ristrutturar eżistenti (NRP) u l-Pjan Individwali tan-Negozju (IBP). Għaldaqstant, qabel l-adeżjoni mal-UE, il-Bulgarija ppreżentat programm ta' ristrutturar immodifikat u pjan ta' negozju u talbet estensjoni tal-perjodu ta' ristrutturar. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija Nru 3/2006 tad-29 ta' Diċembru 2006[2] emendat il-Protokoll 2 sabiex jiġi estiż il-perjodu ta' ristrutturar sat-tmiem tal-2008 u waqqfet l-obbligazzjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtar għall-Kummissjoni. L-unika kumpanija koperta mill-NRP estiż kienet Kremikovtzi AD.

Il-Kummissjoni adottat iż-żewġ rapporti ta' monitoraġġ tagħha għas-snin 2006[3] u 2007[4].

IR-RIŻULTATI TAL-MONITORAĠĠ

Dan it-tielet rapport finali ta' monitoraġġ jissupplimenta r-rapporti tal-Kummissjoni ta' qabel u jevalwa r-riżultati miksuba sat-tmiem tal-2008, l-aħħar sena tar-ristrutturar. Fir-rapporti ta' qabel tagħha, il-Kummissjoni nnutat nuqqas ta’ konformità mal-obbjettivi ta’ ristrutturar elenkati fil-Protokoll fir-rigward tal-vijabilità, l-investimenti teknoloġiċi u ambjentali, il-bejgħ, it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-produttività. Minn dan iż-żmien, l-awtoritajiet Bulgari infurmaw lill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni tal-IBP għal Kremikovtzi AD twaqqfet fis-6 ta’ Awwissu 2008 wara t-tħabbir tal-insolvenza u l-ftuħ tal-proċedura tal-falliment mill-Qorti tal-Belt ta’ Sofia. L-operazzjonijiet tal-kumpanija bħalissa qed jiġu mmexxija minn riċevitur maħtur mill-Qorti.

Monitoraġġ tal-punti ewlenin tar-ristrutturar

Għajnuna mill-Istat

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni 3/2006 tistipula limitu fuq l-ammont ta' għajnuna mill-Istat li tista' tiġi mogħtija lil Kremikovtzi AD u ma tippermettix l-għoti ta' appoġġ pubbliku lil kwalunkwe kumpanija oħra fis-settur tal-azzar. L-għajnuna massima mill-Istat permessa għal Kremikovtzi AD kienet BGN 432.6 miljun. Madankollu, minħabba li l-kumpanija ma użatx, u għaldaqstant ma rċevietx, parti mill-għajnuna għar-ristrutturar tal-impjiegi, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat mogħtija kien BGN 431.1 miljun.

L-ebda għajnuna mill-Istat oħra ma kienet mogħtija fl-2008, jew lil Kremikovtzi AD jew xi fabbrikant tal-azzar ieħor fil-Bulgarija.

Tnaqqis tal-kapaċità

Sabiex jitpatta l-vantaġġ tal-kompetittività tal-għajnuna mill-Istat li ġiet mogħtija, Kremikovtzi AD intalbet sabiex tagħlaq b'mod permanenti fabbrika tal-vireg b'kapaċità ta' 500 000 tunnellata ta' prodotti ffinalizzati. Il-monitoraġġ stabbilixxa li l-fabbrika ngħalqet f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE[5] sat-tmiem tal-perjodu ta' ristrutturar.

Vijabilità

Fit-tmiem tal-perjodu ta' ristrutturar fl-2008, Kremikovtzi AD kien mistenni li jilħaq vijabilità fit-tul[6]. Madankollu, minn nofs l-2008, is-sitwazzjoni tal-kumpanija diġà kienet kompliet sejra lura sa tali punt li ma setgħetx iktar tħallas l-imgħax fuq id-dejn tagħha u kellhom jinbdew il-proċedimenti ta' falliment. Skont l-istandards tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, kumpanija falluta mhijiex vijabbli.

Is-sejba ta' iktar nonvijabbiltà hija ssosjtanzjata wkoll mir-riżultati finanzjarji tal-kumpanija. Id-dejta finanzjarja mogħtija mill-kumpanija ma tistax titqies li tkun stampa preċiża tas-sitwazzjoni billi għadd ta' kwistjonijiet sinifikanti ma ġewx iċċarati u l-awdituri ma aċċettawx li jagħtu opinjoni dwar l-ammonti mhux konsolidati ta' Kremikovtzi għall-2006, l-2007 u l-2008. Madankollu, l-istqarrijiet finanzjarji mhux verifikati wrew li r-rendiment fl-2008 kien negattiv, u dan jikkostittwixxi nuqqas ta’ konformità mal-impenji tal-vijabilità, li kienu adottati fil-Pjan Individwali tan-Negozju (IBP - Individual Business Plan). Ir-riżultati — -33.1 % EBITDA/fatturat (mira: 13.5 %) u -107.1 % EBIT/fatturat (mira: 1.5 %) — kienu agħar milli fl-2007.

Ir-raġuni ewlenija għal din is-sitwazzjoni kienet nuqqas ta' likwidità minħabba l-falliment tas-sidien tal-kumpanija li jinjettaw fondi bħala 'kontibuzzjoni tagħhom' kif miftiehem fl-IBP. Wieħed mill-effetti tan-nuqqas ta' likwidità kien impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-kreditu imposti mill-fornituri tal-materja prima, u b'hekk jiżdiedu l-prezzijiet li l-kumpanija kellha tħallas għall-materja prima (minbarra ż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq globali tal-azzar).

Aktar tard fl-2008, il-kumpanija ma xtratx materja prima fis-suq dinji iżda għamlet kummerċ bi tpartit (b'riżultat tal-issuktar tal-problemi tal-likwidità) permezz ta' ftehimiet biex tipprovdi prodotti lesti minflok materja prima. B'konsegwenza, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima kellha effett limitat ħafna fuq il-vijabilità tal-kumpanija billi l-prezzijiet tax-xiri effettivi ma kinux soġġetti għall-fluttwazzjonijiet tas-suq globali iżda kienu jiddependu minflok fuq il-kundizzjonijiet operattivi ta' Kremikovtzi AD.

Fl-istess ħin, il-vijabilità kienet affettwata ħażin mill-istrateġija tal-kumpanija li titlob kundizzjonijiet ta' prefinanzjament (pagamenti bil-quddiem) mill-klijenti minflok prezzijiet tal-bejgħ orħos. Hawnekk, il-kumpanija ffukat fuq il-kummerċjanti milli fuq l-utenti aħħarija, minkejja l-marġnijiet iktar baxxi. Minħabba l-kundizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet kummerċjali, il-kumpanija kisbet prezzijiet tal-bejgħ iktar baxxi mill-medja tas-suq.

Tnaqqis fl-ispejjeż

Impatt ieħor tan-nuqqas tal-likwidità kien li l-investiment fil-modernizzazzjoni meħtieġ ma setax jiġi implimentat biex il-kumpanija ssir kompetittiva, partikolarment fil-fażi likwida tal-produzzjoni tal-azzar, fejn l-aktar tagħmir tekniku avvanzat huwa ta' importanza partikolari. F’xi oqsma, bħall-konsum tal-enerġija u l-materjali, it-tnaqqis meħtieġ fl-ispejjeż seta’ jinkiseb biss fit-tul permezz tal-investiment fil-modernizzazzjoni miftiehma fl-IBP. Fil-perjodu 2006-2008, madankollu, dan l-investiment kien jirrappreżenta 43 % tal-mira tal-IBP. Fl-2008, l-investiment teknoloġiku rrappreżenta biss 1.7 % tal-mira tal-IBP għal dik is-sena.

Raġuni oħra għaliex l-ispejjeż ma tnaqqsux sakemm intlaħqet il-vijabilità kienet l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità fl-2008 (il-produzzjoni tal-azzar – 30 %, prodotti parzjalment lesti u lesti – 20 %), Bir-riżultat li Kremikovtzi AD ma rnexxilhiex tnaqqas il-konsum tagħha ta' utilitajiet u materja prima għal kull unità prodotta.

Fil-perjodu 2006-2008, l-investiment ambjentali kien jirrappreżenta biss 23 % tal-mira tal-IBP.

Produttività u impjiegi

Matul l-2008, Kremikovtzi AD impjegat 5190 persuna, li huwa 8 % inqas mill-mira tal-IBP għal dik is-sena. Madankollu, ir-rata tal-produttività ma tjibitx meta mqabbla mal-2007 minħabba volumi baxxi tal-produzzjoni. Anki fl-ewwel nofs tas-sena tal-2008, qabel il-kriżi, il-produttività laħqet 20 % tal-mira tal-IBP. Sat-tmiem il-perjodu tar-ristrutturar, il-produttività laħqet 26 % tal-mira tal-IBP (inqas minn 20 % tal-istandard internazzjonali) u 13 % biss tal-produttività medja miksuba minn kumpaniji oħra tal-azzar Bulgari. Dan kellu impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-effettività tan-negozju tal-kumpanija.

Il-Protezzjoni Ambjentali

Il-Bulgarija applikat għal perjodu tranżizzjonali għall-applikazzjoni tad-direttiva IPPC[7]. Permezz ta' deroga, Kremikovtzi AD kellha tikseb permess ikkoordinat bis-sħiħ sat-30 ta’ Ottubru 2007, li fih skeda ta' żmien vinkolanti biex tinkiseb konformità sħiħa sal-31 ta' Diċembru 2011. F’April 2007, EMEPA ppreżentat id-deċiżjoni tagħha li ma toħroġx permess integrat lil Kremikovtzi AD . Il-kumpanija reġgħet ressqet applikazzjoni f’Mejju 2007. Madankollu, il-proċedura ma tlestietx minħabba d-dikjarazzjoni ta' falliment.

KONKLUŻJONIJIET

Sat-tmiem il-perjodu inizjali tar-ristrutturar fl-2006, Kremikovtzi kienet diġà falliet milli tikseb il-miri tar-ristrutturar. Bħala avveniment eċċezzjonali ħafna, il-kumpanija kellha l-perjodu tar-ristrutturar tagħha estiż b'sentejn. Madankollu, is-sitwazzjoni ma marritx għall-aħjar f'dan iż-żmien u fl-aħħar spiċċa biex il-kumpanija falliet.

Il-Kummissjoni tqis li kundizzjoni ewlenija għall-għoti ta' għajnuna għar-ristrutturar huwa sforz kbir mill-kumpanija u s-sidien. Għaldaqstant, il-kumpanija għandha tagħmel kontribut finanzjarju min-naħa tagħha lill-appoġġ finanzjarju mogħti minn fondi pubbliċi. L-ammont ta' investiment min-naħa tagħha li l-IBP għal Kremikovtzi kien ibbażat fuqu ma wasalx. In-nuqqas ta' kapital għall-investiment fil-modernizzazzjoni u n-nuqqas ta' kapital ta' ħidma kienu r-raġunijiet ewlenin għaliex il-kumpanija ma saritx vijabbli.

Il-Kummissjoni tenfasizza li dawn l-iżviluppi ma kinux riżultat tal-kriżi ekonomika. Fl-ewwel nofs tal-2008 u fl-2007, il-kumpanija diġà kienet qed topera diversi faċilitajiet taħt il-miri għall-kapaċità tal-IBP, l-aktar minħabba nuqqas ta' kapital ta' ħidma. L-istess raġuni fixklet l-implimentazzjoni tal-programm tal-investiment. Fl-ewwel nofs tal-2008, ir-rendiment operattiv għadda minn tnaqqis qawwi fil-volumi u l-ammonti tal-bejgħ, flimkien ma' deterjorament dejjem ikbar fil-kundizzjonijiet operattivi, li kkawżaw it-telf. Iż-żewġ punti ta' riferiment għall-vijabilità, EBIT u EBITDA, kienu diġà negattivi. Konsegwentement, is-sitwazzjoni ma tistax tiġi spjegata mill-kriżi globali, billi l-kundizzjonijiet tal-kumpanija diġà kienu sejrin lura fl-2007, meta s-suq tal-azzar kien għaddej minn tkabbir eċċezzjonali. Ukoll, il-proċediment tal-falliment inbeda f'Awwissu 2008, qabel il-kriżi finanzjarja f'Settembru 2008.

Fid-dawl tas-sejbiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa[8] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija Nru 3/2006 tad-29 ta' Diċembru 2006[9] li temenda dan il-Protokoll ġew rispettati biss fir-rigward tal-ammont ta' għajnuna għar-ristrutturar li ngħata u t-tnaqqis tal-kapaċità netta. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-punti ta' riferiment għar-ristrutturar (il-vijabilità, il-produttività u t-tnaqqis tal-ispejjeż) ma nkisbux u kienu ħafna iktar baxxi mill-miri miftiehma.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-NRP u l-IPB ma ġewx implimentati bis-sħiħ u li, għalhekk, mhumiex konformi mar-rekwiżiti tal-Protokoll 2.

Bħala konsegwenza legali tal-falliment tal-benefiċjarju li jikseb l-għanijiet tar-ristrutturar, il-Bulgarija impenjat ruħha li tikklejmja r-rimborż tal-għajnuna kif imniżżel fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 kif stipulat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 3/2006 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija tad-29 ta' Diċembru 2006 li jemenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa.

'Fil-każ li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm tar-ristrutturar u l-pjanijiet juru li l-kundizzjonijiet relevanti tal-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa u l-miżuri ewlenin tar-ristrutturar, inklużi l-investimenti kollha implimentati, ma jkunux ġew sodisfatti jew li matul l-andament tal-perjodu tar-ristrutturar il-Bulgarija tkun tat għajnuna tal-Istat addizzjonali favur l-industrija tal-azzar, u lil Kremikovtzi AD b'mod partikolari, il-Bulgarija għandha tirkupra mill-benefiċjarju kull għajnuna li ngħatat bi ksur ta' dawn il-kundizzjonijiet qabel jew wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.'

L-obbligu tal-irkupru li jirriżulta minn dan l-impenn ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet Bulgari tal-għajnuna mill-Istat, li taw bidu għal proċedimenti tal-irkupru. L-ordni tal-irkupru ġiet sfidata matul il-proċedura tal-falliment. Il-Kummissjoni spjegat fid-dettall il-konsegwenzi prattiċi u legali li jirriżultaw għall-awtoritajiet Bulgari. Dan ir-rapport finali jikkonferma l-evalwazzjoni inizjali tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata dwar l-iżviluppi fil-proċedura tal-falliment u partikolarment dwar il-klejm għar-rifużjoni tal-għajnuna mill-Istat.

Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni se toħroġ deċiżjoni sui generis skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 kif stipulat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-UE u l-Bulgarija Bulgarija 3/2006 tad-29 ta' Diċembru 2006 li jemenda l-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa, li skontu:

‘Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-programm tar-ristrutturar u l-pjanijiet ġewx implimentati bis-sħiħ u jekk humiex f'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim tal-Ewropa.'

[1] ĠU L 358, 31.12.1994, p. 3-222.

[2] UE-BG 1908/06 — http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st01/st01908-re01.en06.pdf.

[3] COM/2008/511.

[4] COM/2009/146.

[5] Id-Deċiżjoni 3010/91/KEE ĠU L 286, tas-16.10.1991, p. 20.

[6] ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.Il-vijabilità timplika li l-kumpaniji jmorru lura għal profittabilità sostenibbli fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar. Skont il-prassi stabbiliti, il-Kummissjoni tqis li l-kumpaniji għandhom jiksbu:- riżultat operattiv gross: jiġifieri l-perċentwali tal-EBITDA (id-dħul qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament u l-ħlas lura) ta’ fatturat ta’ mill-inqas 10 % għal kumpaniji tal-azzar mhux integrati u 13.5 % għal fabbriki integrati;- dħul minimu: jiġifieri l-perċentwali ta’ EBIT (id-dħul qabel l-interessi u t-taxxi) ta’ fatturat ta’ mill-inqas 1.5 %

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996, ĠU L 1257, 10.10.1996, p. 26.

[8] ĠU L 358, 31.12.1994, pp. 3–222.

[9] UE-BG 1909/06 — Deċiżjoni tal-Adozzjoni 3/2006.

Top