EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0705

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja

/* KUMM/2009/0705 finali - NLE 2009/0192 */

52009PC0705

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja /* KUMM/2009/0705 finali - NLE 2009/0192 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.12.2009

KUMM(2009)705 finali

2009/0192 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Ftehim għandu l-għan li jtejjeb il-proċedura ta' konsenja għall-fini ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta' sentenza bejn fuq naħa, l-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, In-Norveġja u l-Islanda, billi jieħu kont, bħala l-istandards minimi, tat-termini tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Novembru 1996 relatati mal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, il-partijiet kontraenti se jiżguraw li s-sistema ta' estradizzjoni tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta' konsenja skont il-mandat ta' arrest. Mandat ta' arrest jista' jinħareġ għal atti li huma punibbli bil-liġi tal-istat li joħroġ sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta' detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta' mill-inqas erba' xhur.

Wara l-ftuħ ta' negozjati mal-Islanda u n-Norveġja bil-għan d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-UE dwar l-Estradizzjoni tal-1996 jiġu estiżi għal dawn il-pajjiżi li m'humiex marbutin ma' Schengen, id-dikjarazzjoni tal-missjoni kienet aġġornata fl-2002 wara li ntlaħaq qbil li l-estradizzjoni fl-UE tiġi sostitwita bi proċedura ta' konsenja taħt il-mandat ta' arrest Ewropew. Minkejja d-deċiżjoni li l-mandat ta' arrest Ewropew ma jintrabatx ma' Schengen, il-Kunsill qabel li jkun utli li jiġi applikat il-mudell ta' proċedura ta' konsenja għall-pajjiżi ta' Schengen, minħabba s-sħubija privileġġjata tagħhom mal-Istati Membri tal-UE.

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja kien awtorizzat mill-Kunsill bid-Deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2006 ibbażata fuq l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Ftehim għadu ma ġiex konkluż.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti għal dan il-għan mill-Unjoni Ewropea huma rregolati bl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ftehim kien iffirmat aktar minn 3 snin ilu u għalhekk issa għandu jiġi konkluż malajr kemm jista' jkun.

L-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li fil-każ ta' ftehimiet li jkopru l-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda lill-Kunsill, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, biex jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja.

2009/0192 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

1. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2001 il-Kunsill awtorizza lill-Presidenza tal-Kunsill, assistita mill-Kummissjoni, biex tinnegozja Ftehimiet man-Norveġja u l-Islanda dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fuq il-bażi tal-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002. Il-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni nnegozjat il-ftehim tal-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja.

2. B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/697/KE tas-27 ta' Ġunju 2006[1], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja kien iffirmat fit-28 ta' Ġunju 2006, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

3. Il-Ftehim għadu ma ġiex konkluż. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-proċeduri li jridu jiġu segwiti għal dan il-għan mill-Unjoni Ewropea huma rregolati bl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4. Il-Ftehim għandu jiġi konkluż.

5. [F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.]

6. F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta b'dan il-Ftehim jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-proċedura ta' konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja, huwa hawnhekk konkluż.

It-test tal-Ftehim li għandu jiġi konkluż huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika prevista fl-Artikolu 38(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Pm: NOTIFIKI U DIKJARAZZJONIJIET LI JRIDU JSIRU FIL-ĦIN TAN-NOTIFIKA SKONT L-ARTIKOLU 38(2) U (3)

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun pubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

[Il-President]

[1] ĠU L 292, 21.10.2006, p. 1

Top