EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0159
Report from the European Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Final Report on the implementation and impact of the second phase (2000-2006) of the Community action programmes in the field of education (Socrates) and vocational training (Leonardo da Vinci) and the multiannual programme (2004-2006) for the effective integration of information and communication technologies (ICT) in education and training systems in Europe (eLearning)
Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport finali dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tat-tieni fażi (2000-2006) tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni (Socrates) u tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-program multiannwali (2004-2006) għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning)
Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport finali dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tat-tieni fażi (2000-2006) tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni (Socrates) u tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-program multiannwali (2004-2006) għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning)
/* KUMM/2009/0159 finali */
Rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport finali dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tat-tieni fażi (2000-2006) tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni (Socrates) u tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-program multiannwali (2004-2006) għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning) /* KUMM/2009/0159 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.4.2009 KUMM(2009) 159 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport finali dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tat-tieni fażi (2000-2006) tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni (Socrates) u tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-program multiannwali (2004-2006) għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport finali dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tat-tieni fażi (2000-2006) tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-edukazzjoni (Socrates) u tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-program multiannwali (2004-2006) għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning) 1. INTRODUZZJONI 1.1. Preżentazzjoni tar-rapport. Dan ir-rapport kien miktub skont ir-rekwiżiti stipulati fid-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwaqqfu programmi ta' azzjoni tal-Komunità fl-oqsma tal-edukazzjoni (Socrates 2000-2006)[1], tat-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci 2000-2006)[2] u tal-integrazzjoni tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunkiazzjoni (ICT) fl-edukazzjoni u fis-sistemi tat-taħriġ fl-Ewropa (eLearning 2004-2006)[3]. Flimkien, dawn il-programmi rċevew aktar minn EUR 3 biljun ta' fondi Komunitarji. Dawn ikkumplimentaw lil xulxin, ikkontribwew għall-ħolqien ta' Ewropa tal-għarfien u taw lill-Kummissjoni Ewropea għodod b'saħħithom biex jgħinu fil-ksib tal-għanijiet tal-miri ta' Liżbona dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ[4]. Għall-perjodu 2007-2013 l-inizjattivi varji skont dawn it-tliet programmi ġew integrati taħt kappa waħda, il-Progamm il-ġdid ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP - Lifelong Learning Programme )[5]. Id-deċiżjoni li ssir stima konġunta u li jkun ippreżentat dan ir-rapport konġunt issegwi l-istess bixra bħal din l-integrazzjoni. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq valutazzjoni konġunta esterna tat-tliet programmi li tinkludi analiżi tar-rapporti nazzjonali mill-pajjiżi li qed jipparteċipaw fihom[6]. 1.2. Deskrizzjoni tal-programmi 1.2.1. Socrates Il-programm Socrates, b'baġit totali ta' EUR 2 093 biljun, kellu erba' għanijiet speċifiċi: li jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, li jippromwovi l-għarfien tal-lingwi tal-UE, li jippromwovi l-kooperazzjoni u l-mobilità fil-qasam tal-edukazzjoni u li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni fl-edukazzjoni. Il-programm kien jikkonsisti minn tliet skemi prinċipali - Comenius, Erasmus u Grundtvig li jkopru l-iskejjel, l-edukazzjoni ogħla u t-tagħlim tal-adulti rispettivament. Dawn kienu kkumplimentati minn żewġ skemi oħra – Lingua, li tippromwovi l-lingwi, u Minerva li tippromwovi t-tagħlim mill-bogħod u l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għal għanijiet pedagoġiċi. L-azzjoni konġunta ma' programmi relatati kienet ukoll prevista. 1.2.2. Leonardo da Vinci Il-progamm Leonardo da Vinci kellu tliet għanijiet prinċipali: li jtejjeb il-ħiliet, b'mod speċjali taż-żgħażagħ fit-taħriġ vokazzjonali inizjali, li jtejjeb il-kwalità u l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali kontinwu u l-akkwist tul il-ħajja ta' ħiliet u kwalifiki u li jippromwovi u jkabbar il-kontribuzzjoni tat-taħriġ vokazzjonali għall-proċess tal-innovazzjoni bil-għan li titjieb il-kompetittività u l-intraprenditorija u jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' xogħol. Il-baġit totali għall-programm Leonardo da Vinci kien ta' EUR 1 270 biljun. Il-programm kien jinkludi sitt oqsma ta' attività: il-mobilità, il-proġetti pilota, il-ħiliet tal-lingwi, in-netwerks transnazzjonali, il-materjal ta' referenza u l-miżuri li jakkumpanjawhom. L-azzjoni konġunta ma' programmi relatati kienet ukoll prevista. 1.2.3. eLearning Il-programm eLearning kellu l-għan li jappoġġja u jiżviluppa aktar l-użu effettiv tal-ICT fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għan kienu li jikkontribwixxi għal edukazzjoni ta' kwalità għolja u li jpoġġi l-bżonnijiet tas-soċejtà tat-tagħrif f'kuntest ta' tagħlim tul il-ħajja. Il-baġit disponibbli għall-perjodu 2004-2006 kien ta' EUR 44 miljun, 45 % mil-liema kienu għal proġetti ta' ġemellaġġi u netwerking bejn l-iskejjel permezz tal-ICT (eTwinning). Kienu żviluppati mudelli ġodda ta' organizzazzjoni biex jinħolqu kampusis virtwali biex tiżdied dimensjoni virtwali għall-kooperazzjoni Ewropea bejn l-universitajiet. Kien ukoll inkoraġġut titjib fil-ħiliet diġitali permezz ta' inkoraġġiment għall-akkwist ta' ħiliet ġodda bżonnjużi f'soċjetà bbażata fuq l-informazzjoni. 2. ID-DEJTA PRINċIPALI DWAR IL-PROġETTI U L-PARTEċIPANTI[7] Il-programmi valutati appoġġjaw diversi attivitajiet u ma ffukawx kollha fuq l-istess aspetti u gruppi ta' mira. Madankollu, l-iskemi tal-mobilità, il-proġetti ta' kooperazzjoni bejn is-sħab minn pajjiżi differenti u l-iżvilupp ta' netwerks u għodod kienu riżultati prinċipali kważi mill-programmi kollha. Il-perjodi ta' tagħlim f'pajjiżi barranin iffurmaw parti kemm mill-programm Socrates u Leonardo da Vinci: 943 000 student universitarju kienu involuti fil-mobilità tal-istudenti, 135 000 għalliem tal-università kienu mibgħuta jgħallmu barra u madwar 2 500 istituzzjoni kienu involuti fil-programm Erasmus. Aktar minn 311 000 apprentist u student u madwar 56 000 edukatur ipparteċipaw f'aktar minn 19 300 proġett tal-mobilità għat-taħriġ vokazzjonali. Il-mobilità tal-persunal u tal-għalliema kienet iffinanzjata kemm mill-programm Comenius u Grundtvig (56 329 u 5 500 parteċipant rispettivament). Xi organizzazzjonijiet ikkoperaw fi proġetti żgħar ta' sħubija: aktar minn 74 000 għotja kienu mogħtija lil skejjel mogħnija biex jipparteċipaw f'Comenius u 7 800 skola kienu involuti fil-programm eTwinning. 20 000 għotja oħra għamluha possibbli biex istituzzjonijet tal-edukazzjoni tal-adulti jikkoperaw f'dan il-qasam. Proġetti u netwerks multilaterali appoġġjaw il-kooperazzjoni bejn in-numru kbir ta' sħab minn Stati Membri differenti u pajjiżi oħra li pparteċipaw: 434 f'Comenius u 455 fi Grundtvig. Diversi kurrikuli komuni kienu żviluppati f’520 proġett fil-programm Erasmus u aktar minn 2 000 proġett pilota fil-programm Leonardo da Vinci wasslu għal innovazzjonijiet fit-taħriġ vokazzjonali. Il-programm Lingua ippromwova 144 proġett fit-tagħlim tal-lingwi u fl-iżvilupp ta' għodda biex jikber l-aċċess għal korsijiet fil-lingwi u taħt il-programm Minerva kienu mogħtija 347 għotja għall-appoġġ tal-użu tal-ICT fl-edukazzjoni. 3. L-IMPATT TAL-PROGRAMMI[8] Il-valutazzjoni wriet li dawn il-programmi tal-UE kienu relevanti għall-bżonnijiet tas-setturi kkonċernati u li ħafna mill-attivitajiet ma kinux isiru mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-programmi. 3.1. L-impatt fuq is-setturi speċifiċi 3.1.1. L-edukazzjoni skolastika L-iskemi prinċipali b'impatt fuq l-iskejjel kienu Comenius u eTwinning. Is-sħab appoġġjati mill-programmi Comenius u eLearning taw lill-iskejjel dimensjoni u ħarsa aktar Ewropea u tejbu l-klima skolastika, f'termini ta' kooperazzjoni bejn l-għalliema u l-istudenti u bejn is-suġġetti differenti fl-iskejjel li pparteċipaw[9]. Għenu biex jinħoloq sens aktar ċar ta' identità Ewropea billi għen lill-iskejjel jikkoperaw ma' skejjel f'pajjiżi oħra tal-UE. Is-sħab bejn l-iskejjel għen lill-għalliema jtejbu l-ħiliet ta' tagħlim tagħhom u ta kemm lill-istudenti u lill-għalliema ċans biex itejbu l-ħiliet fl-ilsna barranin u fl-ICT, u biex jesperjenzaw proġetti ta' kooperazzjoni Ewropea u joħolqu ħoloq sostenibbli ma' studenti u għalliema oħrajn bħalhom f'pajjiżi oħra. Madwar 85 % ta' dawk li rrispondew li pparteċipaw f'Comenius ħassew li l-attività tagħhom ma kinitx issir mingħajr fondi mill-Kummissjoni. It-titjib fil-mobilità fl-edukazzjoni fl-iskejjel kellha l-aktar impatt evidenti mill-attivitatjiet kollha tal-programm. L-impatt dirett fuq il-kurrikuli skolaistiċi b'mod ġenerali u fuq il-politika fl-iskola u fuq l-iżvilupp tal-edukazzjoni fl-iskejjel kien aktar limitat. Madankollu, fuq livell lokali l-kurrikuli u l-prattiċi ta' tagħlim esperjenzaw titjib. Il-proġetti, is-sħab u l-iskemi ta' mobilità individwali influwenzaw il-prattika tal-edukazzjoni ta' dawk involuti b'mod dirett. B'mod partikolari, 64 % tal-benefiċjarji kollha rrappurtaw tkabbir fit-tagħrif u fil-ħiliet u nofshom ikkunsidraw l-iskambju ta' prattiċi tajba madwar l-Ewropa bħala l-benefiċċju ewlieni. L-awtoritajiet tal-iskejjel u l-amministraturi kellhom il-potenzjal li jkabbru l-impatt tal-programm fuq l-amministrazzjoni tal-iskola. Madankollu, spiss dawn ma kinux f'pożizzjoni li jxerrdu r-riżultati u l-esperjenza għal udjenza aktar wiesgħa u/jew għal-livell ta' politika tal-edukazzjoni. 3.1.2. L-edukazzjoni ogħla[10] Il-maġġoranza l-kbira tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla pparteċipaw fil-programm Erasmus u għalhekk għenu biex l-iskema tistimula d-dimensjoni Ewropea u l-innovazzjoni fl-edukazzjoni ogħla u għamluha possibbli biex ikun hemm impatt fuq livelli personali, istituzzjonali u ta' politika. L-akbar impatt pożittiv kien it-tkabbir tal-kapaċità tal-mobilità. Dan influwenza l-iżvilupp personali u professjonali tal-parteċipanti u kkontribwixxa għal attitudni aktar miftuħa u perspettiva aktar ċara u aktar infurmata għall-istudji sussegwenti u l-ħajja professjonali tagħhom u għat-titjib tal-fehim tagħhom tal-Ewropa u tal-kunċett ta' “appartenenza lill-familja Ewropea”. It-tagħrif tal-lingwi tal-UE tjieb u kienu stabbiliti kuntatti aktar b'saħħithom mal-kollegi Ewropej. Il-parteċipanti fl-iskemi ta' mobilità saru aktar impjegabbli[11], grazzi għall-esperjenza internazzjonali u ħiliet aqwa fil-lingwi, kif 89 % ta' dawk li rrispondew ikkonfermaw. Il-programm Erasmus kellu effett konsiderevoli fuq livelli istituzzjonali nazzjonali u internazzjonali. 94 % tal-parteċipanti fl-istħarriġ qablu li l-programm Erasmus żied u sostna l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. L-effett fuq l-istrateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet u l-iżvilupp ta' servizzi ta' appoġġ internazzjonali huwa sinifikanti, filwaqt li l-effett fuq it-tagħlim u r-riċerka fuq livell dipartimentali jidher aktar indirett, pereżempju permezz tan-netwerks internazzjonali maħluqa. Il-programm Erasmus aġixxa wkoll ta' mutur għall-bidla fil-politika nazzjonali tal-edukazzjoni ogħla u f'dik Ewropea. Dan nebbaħ ħamsa mis-sitt linji ta' azzjoni fid-Dikjarazzjoni ta' Bolonja[12] u pprovda appoġġ għall-isforzi biex l-għanijiet stipulati fil-proċess ta' Bolonja jintlaħqu. Il-proċess ta' Bolonja wassal għall-konverġenza tal-istrutturi tal-korsijiet, filwaqt li l-programm Erasmus fittex li jipprovdi l-għodod u jappoġġja l-implimentazzjoni tagħhom (pereżempju s-Sistema Ewropea tat-Trasferimenti tal-Krediti), jistimula l-iżvilupp ta' programmi konġunti u jiżviluppa l-approċċ kollaborattiv għat-tagħlim. Għalkemm l-attivitajiet ta' riċerka tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla mhumiex mira prinċipali tal-programm Erasmus, il-programm kellu effetti pożittivi fuq ir-riċerka. Il-programm ikkontribwixxa għal żieda fil-parteċipazzjoni tal-istabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla fil-proġetti konġunti ta' riċerka internazzjonali, ippromwova n-netwerking bejn l-istituzzjonijiet u beda tendenza pożittiva lejn tkabbir fl-attendenza u/jew fl-organizzazzjoni ta' konferenzi internazzjonali mill-persunal akkademiku. 3.1.3. L-edukazzjoni għall-adulti L-akbar impatti rrappurtati fuq l-edukazzjoni għall-adulti kienu l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha u sostnuta bejn l-istituzzjonijiet (93 % tal-organizzazzjonijiet parteċipanti), aktar opportunitajiet għall-mobilità u bixra aktar Ewropea min-naħa tal-individwi u l-istituzzjonijiet (90 %). Il-programm Grundtvig għalhekk irnexxielu bis-sħiħ iferrrex iż-żerriegħa għal dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għall-adulti – settur bi tradizzjoni ta' kooperazzjoni Ewropea fqira ħafna sa issa u magħruf għal infrastruttura istituzzjonali relattivament fqira, proporzjon għoli ta persunal part-time u volontarju u ta' profili differenti ferm minn pajjiż għal ieħor. Il-valutazzjoni rrappurtat impatt sinifikanti f'termini ta' titjib tal-kwalità tat-tagħlim u tal-kurrikulu u tal-approċċi għat-tagħlim u l-amministrazzjoni (74 %). It-titjib fil-ħiliet professjonali u netwerking aktar b'saħħtu bejn il-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti fl-Ewropa kienu benefiċċji oħrajn, u aktar minn nofs minn dawk li wieġbu (56 %) ħassew li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Grundtvig għamilhom aktar impjegabbli u adattabbli. Fl-aħħar nett, il-programm Grundtvig kellu impatt relattivament qawwi fit-titjib tal-opportunitajiet għall-edukazzjoni għal gruppi soċjalment żvantaġġati: kważi nofs il-parteċipanti rrappurtaw li l-attivitajiet tagħhom kellhom impatt fis-sens li rnexxielhom jindirizzaw persuni b'ħiliet baxxi jew bi bżonnijet speċjali u gruppi “li diffiċli jintlaħqu”. 3.1.4. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) Il-programm Leonardo da Vinci laqa' l-bżonnijiet tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, inkoraġġixxa aktar kooperazzjoni fuq livell Komunitarju u għen biex tintlaħaq konverġenza bejn l-Istati Membri billi armonizza b'mod ċar il-prijoritajiet multiannwali mal-għanijiet tal-politika indirizzati fil-proċess ta' Kopenħagen. Kienu miksuba numru sinifikanti ta' benefiċċji soċjoekonomiċi fir-rigward ta' żgħażagħ fil-VET. Il-proġetti kkontribwew għal titjib fit-tagħrif u l-kapaċità tagħhom għal akkwist ta' ħiliet tul il-ħajja. It-titjib fil-ħiliet fl-ilsna barranin kien benefiċċju kbir ieħor għaż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-parti tal-mobilità tal-programm, billi għamilhom aktar impjegabbli u adattabbli għall-iżviluppi tas-suq tax-xogħol. L-iskemi tal-mobilità u l-proġetti pilota ta' kooperazzjoni influwenzaw b'mod konsiderevoli l-iżvilupp ta' kurrikuli u metodi ta' tagħlim ta' kwalità għolja fl-istituzzjonijiet li pparteċipaw, kif 63 % ta' dawk li rrispondew ikkonfermaw. Permezz ta' kooperazzjoni u stazzjonar transnazzjonali, il-programm ikkontribwixxa għall-ftuħ ulterjuri tas-sistemi tal-VET u, għalhekk, għal aktar trasparenza fil-kurrikuli u l-kwalifiki. Il-programm kellu impatt ukoll fuq il-politika tal-VET billi żviluppa standards, metodi u għodod li kienu integrati fil-politika u fil-prattika nazzjonali jew reġjonali. L-impatt tal-politika kien l-aktar b'saħħtu fuq livelli lokali (71 % ta' dawk li rrispondew) u reġjonali (57 %), minħabba li ħafna mis-sħab fil-proġetti huma attivi f'dawn il-livelli. L-effetti nħassu wkoll fuq il-livell ta' politika nazzjonali, imma fuq skala iżgħar (46 %). Analiżi pajjiż-pajjiż wrew li l-impatt kien akbar fil-pajjiżi b'sistemi ta' VET sottożviluppati, jiġifieri l-aktar fost il-parteċipanti l-ġodda. B'kollox, il-programm ikkontribwixxa għall-ħolqien ta' żona Ewropea tal-VET li kieku ma kinitx tiżviluppa jew kienet tiżviluppa b'rata ħafna aktar baxxa. L-aktar kontribuzzjoni sinifikanti tal-programm lejn l-għanijiet ta' Liżbona kienet it-titjib fil-ħiliet u, għalhekk, l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ. 3.1.5. eLearning Il-programm eLearning kien effettiv b'mod partikolari fil-produzzjoni ta' riżultati fuq medda qasira ta' żmien għall-organizzazzjonijiet. Aktar minn 98 % tal-koordinaturi tal-programm eLearning ikkonsultati kkunsidraw li l-proġett tagħhom għamel impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. Il-benefiċċji istituzzjonali li kienu prominenti b'mod speċjali jinkludu l-involviment fil-kooperazzjoni transnazzjonali, it-twaqqif ta' kuntatti u l-iskambju ta' prattika tajba. Il-programm eLearning kien effettiv ukoll fil-produzzjoni ta' riżultati sinifikanti għall-persunal u għall-għalliema. 75 % ta' dawk li rrispondew qablu jew qablu bis-sħiħ li l-proġett tagħhom kien għamel impatt pożittiv fuq il-kwalità tat-tagħlim u tal-kurrikuli. Kollox ma kollox, il-programm eLearning ikkontribwixxa b'mod pożittiv ħafna għall-għanijiet tal-programm Edukazzjoni u Taħriġ 2010. Dan mar tajjeb b'mod speċjali fl-iżvilupp ta' ħiliet għall-ekonomija tat-tagħrif u fit-titjib biex l-aċċess għall-ICTs ikun żgurat. Bejn 67 % u 75 % qablu jew qablu bis-sħiħ li l-proġett tagħhom kien ipproduċa standards ogħla ta' ħiliet diġitali. Il-programm eTwinning kien effettiv b'mod partikolari fil-provvista ta' mudell innovattiv u interessanti li joffri lill-iskejjel aċċess liberu għall-portal tal-programm eTwinning, servizz ta' sejbien ta' sħab, appoġġ għall-proġetti fuq livell skolastiku, pariri pedagoġiċi u prattika tajba. Dan l-approċċ kien popolari mal-udjenza li għaliha kien immirat u effettiv fl-infiq. L-approċċ mar aħjar mill-aspettattivi tal-partijiet interessati u tal-parteċipanti. L-attivitajiet tal-programm eLearning issa ġew armonizzati fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, b'mod speċifiku bil-programm eTwinning fil-programm Comenius u kampusis virtwali fil-programm Erasmus. 3.2. Il-forom komuni tal-impatt tat-tliet programmi 3.2.1. Il-ħolqien ta' żona Ewropea tal-edukazzjoni Il-ħolqien ta' “żona Ewropea tal-edukazzjoni” li twaqqaf kultura sostenibbli ta' kooperazzjoni Ewropea huwa aċċettat bħala l-aktar impatt sinifikanti. B'mod partikolari, il-programm Erasmus ħoloq infrastruttura li fiha kważi kull università Ewropea tipparteċipa u l-programm Leonardo da Vinci għen biex titwaqqaf pjattaforma għall-kooperazzjoni transnazzjonali dwar il-VET. Dawn il-programmi kkontribwew ukoll għall-implimentazzjoni tal-"ħames libertà tal-għarfien"[13]. 3.2.2. It-titjib fil-prattika tat-tagħlim u fl-amministrazzjoni It-titjib fit-tagħlim u fl-amministrazzjoni kien it-tieni l-aktar impatt komuni. Il-professjonisti rkupraw lura t-tagħlim tagħhom u applikawh b'mod estensiv u b'mod parallel mal-kontribuzzjonijiet sinifikanti min-netwerks ta' disseminazzjoni u l-impatt fuq l-amministrazzjoni. 3.2.3. L-impatt fuq l-individwi u s-soċjetà: l-impatt soċjoekonomiku Il-programmi tejbu l-“kapital soċjali professjonali”[14] jiġifieri r-riżorsi eżistenti u l-assi f'qafas, organizzazzjoni jew istituzzjoni partikolari. Dan il-valur miżjud kellu effetti sinifikanti kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet permezz ta' skemi ta' mobilità, netwerks u sħab. Bħala regola ġenerali, kien irrappurat titjib fil-ħiliet soċjali tal-individwi (bħall-ħiliet ta' komunikazzjoni, il-kunfidenza tal-individwu, l-għarfien tal-individwu dwaru stess u l-abilità li wieħed jaħdem mal-oħrajn), fil-ħiliet fil-lingwi, fl-għarfien kulturali u l-kompetenza professjonali. L-impatt soċjoekonomiku prinċipali ħa l-forma tal-mobilità, li kellha parti prominenti b'mod speċjali fil-programmi Erasmus u Leonardo. Il-programm Erasmus kien strumentali fl-istituzzjonalizzar tal-mobilità u fl-inklużjoni bis-sħiħ ta' din fil-ħajja universitarja. Fil-programm Leonardo, l-iskemi ta' mobilità kienu l-aktar miżuri ta' suċċess u effettivi fl-infiq fil-programm. Wieħed mill-aktar impatti ċari tal-programm Comenius kien dak li jagħmel il-mobilità possibbli għall-persunal tal-iskejjel. L-għotjiet tal-programmi Erasmus u Leonardo da Vinci, madankollu, ma kinux dejjem biżżejjed biex jagħmluha possibbli biex persuni minn sfond soċjoekonomiku aktar baxx jipparteċipaw. Il-programmi Grundtvig u eLearning għalhekk kellhom l-akbar impatt fil-kwistjoni tal-iżvantaġġ soċjoekonomiku. 3.2.4. L-impatt fuq il-politika u l-prattika fuq il-livell tal-UE u tal-Istati Membri Il-politika u l-prattika kienu influwenzati l-aktar mill-isforzi ta' proġetti individwali biex ixerrdu r-riżultati. L-impatt fuq il-politika kien l-akbar fuq livell lokali, għalkemm il-programmi Leonardo u Erasmus għamlu impatt sinifikanti anki fuq livelli nazzjonali u Ewropej, b'mod partikolari billi apoġġjaw l-implimentazzjoni tal-għodod Ewropej bħas-Sistema Ewropea għat-Trasferimenti tal-Krediti (ECTS - European Credit Transfer System), il-Qafas Ewropej tal-Kwalifiki (EQF - European Qualifications Framework) u l-Krediti Ewropej fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET - European Credits in Vocational Education and Training). 3.2.5. Iż-żieda fil-ħiliet fl-ilsna tal-UE Il-programmi kellhom impatt wiesa' fuq it-tagħlim tal-lingwi bl-iżvilupp u d-disseminazzjoni ta' metodi ġodda u permezz tal-parteċipazzjoni fil-proġett innifsu, għalkemm dan kien ixaqleb lejn l-aktar lingwi użati b'mod komuni, b'mod speċjali l-Ingliż. 3.2.6. Il-kontribuzzjoni għall-għanijiet relatati mal-istrateġija ta' Liżbona Għalkemm il-programmi kienu mfassla qabel l-istrateġija ta' Liżbona, dawn ikkontribwew għall-kisba tal-għanijiet, l-aktar billi għamlu s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ disponibbli għall-bqija tad-dinja u tejbu l-kwalità u l-effettività tagħhom. 3.2.7. L-għodod għall-iżvilupp strutturali Fir-rigward ta' kwistjonijiet speċifiċi ta' konverġenza, trasparenza u rikonoxximent il-programmi appoġġjaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' għodod li jistgħu jtejbu l-iżvilupp “strutturali” bħas-Sistema Ewropea għat-Trasferimenti tal-Kreditu (ECTS), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF), il-Krediti Ewropej fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Europass. 4. IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET PRINċIPALI GħALL-PROGRAMM TA' TAGħLIM TUL IL-ĦAJJA L-evalwaturi għamlu firxa ta' rakkomandazzjonijiet strateġiċi sabiex jitjieb l-appoġġ għall-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP - Lifelong Learning Programme). Huma ressqu wkoll proposti operazzjonali intiżi biex itejbu l-kontenut u l-amministrazzjoni tal-LLP u l-valutazzjoni tal-impatt tiegħu. Il-Kummissjoni se tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet ikunu indirizzati b'mod effettiv permezz ta' pjan ta' azzjoni. Se jsiru rapporti regolari dwar il-progress tal-implimentazzjoni ta' dan. Madankollu, xi risposti huma diġà provduti hawn taħt. 4.1. It-tfassil u l-prijoritajiet Il-valutazzjoni wriet li l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jikkapitalizza kemm jista' jkun fuq l-akkwisti tal-perjodu preċedenti u jirrakkomanda titjib fil-partijiet settorjali tal-programm. Fil-każ tal-programm Erasmus, il-kwalità tal-mobilità għandha tiżdied, il-kwalifiki miksuba permezz ta' esperjenzi ta' tagħlim f’pajjiż barrani għandhom ikunu rikonoxxuti aħjar, u n-negozji, l-intrapriżi u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu aktar involuti biex l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol ikunu aktar relatati. Għandhom jittieħdu passi biex ikun żgurat li l-programm Leonardo da Vinci jkompli jagħti prijorità lis-setturi elenkati bħala l-aktar importanti fil-proċess ta' Kopenħagen, bħall-kwalità u l-attrazzjoni fil-VET flimkien mar-rikonoxximent u t-trasparenza. Il-prijorità għat-tagħlim fl-iskejjel u dak tal-adulti għandu jkun l-iżvilupp ta' miżuri li jagħtu kontribut akbar għall-istrateġija ta' Liżbona u l-kisba ta' livelli ta' referenza relevanti (it-tnaqqis fit-tluq minn kmieni mill-iskola u t-tkabbir fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja). Il-Kummissjoni Ewropea hija diġà impenjata għal monitoraġġ aktar qawwi tal-kwalità u r-rikonoxximent tal-perjodi ta' mobilità f’pajjiż barrani u se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ECTS u tal-EQF. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll issaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-programm u l-iżviluppi tal-politika. Is-suġġetti ta' prijorità dwar liema l-applikanti huma mistiedna jissottomettu proposti skont il-programm huma definiti fis-sejħa għall-proposti ta' kull sena. Dawn il-prijoritajiet huma mfassla b'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti. 4.2. L-amministrazzjoni u l-monitoraġġ Għalkemm kien irreġistrat xi progress fl-iżvilupp ta' għodod tal-informazzjoni f'kull programm, kien diffiċli biex wieħed jikseb dejta robusta, preċiża u f'waqtha dwar ir-riżultati tal-programmi preċedenti. L-iżvilupp ta' sistema informatika ta' amministrazzjoni integrata biex jinġabru r-riżultati b'mod sistematiku u jkunu mmonitorjati aħjar huwa ferm irrakkomandat. Il-Kummissjoni Ewropea indirizzat din il-kwistjoni diġà bl-introduzzjoni ta' “LLP Link”, għodda amministrattiva komuni biex tintuża mill-aġenziji nazzjonali tal-LLP kollha (NA). Din is-sistema se tippermetti l-ġbir ta' dejta aġġornata, kompluta u konsistenti hekk kif prodotta fil-kors tal-amministrazzjoni ta' kuljum tal-programm mill-aġenziji nazzjonali. 4.3. L-istima tal-impatt Il-valutazzjoni wriet li għanijiet, indikaturi u miri speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li possibbli jinkisbu, realistiċi u definiti b'termini ta' żmien (normalment riferuti bl-akronimu SMART) għandhom ikun żviluppati, għaliex kważi l-programmi kollha kellhom għanijiet wesgħin ħafna li ma tantx jistgħu jkunu kkunsidrati SMART. Kien hemm ukoll nuqqasijiet fl-indikaturi u fil-miri. Il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn għal monitoraġġ xieraq tal-LLP u tar-riżultati tiegħu sabiex tkejjel u tistma l-impatt tiegħu u diġà ħadet azzjoni biex tiżviluppa grupp ta' indikaturi xierqa biex tkejjel l-impatt tiegħu. 4.4. Id-disseminazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżultati Il-valutazzjoni wriet il-bżonn li jitjiebu d-disseminazzjoni u l-esplojtazzjoni ta' prattika tajba kif ukoll is-sostenibbiltà u l-armonizzazzjoni tar-riżultati f'kull livell tal-programmi u minn dawk kollha involuti. Il-proġetti għandhom jallokaw riżorsi speċifiċi biex jiddisseminaw u jipprovdu pjan ta’ sostenibbiltà. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta' prattika tajba fuq il-livell ta' UE u tipprovdi gwida. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaddottaw strateġiji effettivi biex jiddisseminaw u japplikaw riżultati f'pajjiżhom, jiżguraw allinjament bejn ir-riżultati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u l-politika nazzjonali u jimmonitorjaw il-potenzjal tagħha biex tmexxi 'l quddiem l-aġenda tal-UE. L-LLP diġà jistipula għanijiet biex jinkoraġġixxi l-aħjar użu tar-riżultati u l-iskambju ta' prattika tajba sabiex itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Attività prinċipali speċifika fl-iżvilupp tal-politika kienet ukoll inkluża fil-programm trasversali. L-aġenziji nazzjonali tal-LLP huma marbuta b'kuntratt li jorganizzaw attivitajiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni. Il-Premijiet Ewropej għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jingħataw għall-aħjar skemi. Fuljetti li jiddeskrivu “stejjer Ewropej ta' suċċess” jippreżentaw prattiċi tajba bil-potenzjal ta' adattament għal użu ulterjuri. L-aħjar użu tar-riżultati, prodotti u proċessi huwa inkoraġġut u appoġġjat minn serje ta' bażijiet ta’ dejta eżistenti u pjattaformi li qed ikunu żviluppati fl-LLP u fid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura. 5. IL-KONKLUżJONIJIET Il-valutazzjoni tal-programmi Socrates, Leonardo da Vinci u eLearning turi li dawn kellhom impatt sinifikanti fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, kemm b'mod kwantitattiv u b'mod kwalitattiv. Dan jidher fuq livelli personali, istituzzjonali u fit-tfassil tal-politika. Fuq livell personali, l-impatt pożittiv kien osservat kemm fuq il-persunal u fuq l-istudenti li żiedu l-ħiliet tagħhom (inklużi l-ħiliet lingwistiċi), saħħew l-għarfien tagħhom, żviluppaw sens qawwi ta' netwerking 'il barra mill-fruntieri nazzjonali u żviluppaw sens aktar qawwi taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom. L-iskemi tal-mobilità, jiġifieri l-perjodi ta' tagħlim f’pajjiż barrani, kienu l-aktar ta' suċċess f'dan l-aspett. L-iskemi tal-mobilità mhux biss tejbu l-ħiliet tal-individwi iżda wkoll wasslu għal progress fuq livell istituzzjonali. Il-programm Erasmus b'mod partikolari wassal biex il-mobilità ssir parti mill-ħajja universitarja u wassal għal tibdil strutturali u l-immodernizzar tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa. Bħala riżultat tat-tipi diversi ta' sħab u proġetti, kien osservat ukoll titjib fit-tagħlim, fl-amministrazzjoni u fit-tibdil strutturali tal-kurrikuli jew tas-sistemi, b'mod partikolari fl-ambjent tax-xogħol tal-parteċipanti u f’livell lokali. Hemm anqas evidenza ta' impatt usa' fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali u l-pajjiżi parteċipanti naqsu millu jagħmlu biżżejjed użu strateġiku mir-riżultati tal-programmi biex jadattaw is-sistemi tagħhom. Fuq il-livell tat-tfassil tal-politika, l-impatt tal-programmi Erasmus u Leonardo huwa evidenti fl-iżvilupp ta' strumenti tal-UE biex itejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, b'mod partikolari għodod bħas-Sistema Ewropea għat-Trasferimenti tal-Krediti (ECTS), il-Qafas Ewropej tal-Kwalifiki (EQF) u l-Krediti Ewropej fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Madankollu, l-impatt tal-programmi Comenius u Grundtvig baqa' aktar lokali. Kollox ma kollox, il-programmi kellhom kontribut ċar għall-ħolqien taż-żona Ewropea għall-edukazzjoni u wasslu biex bnew kultura ta' kooperazzjoni Ewropea fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Il-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (LLP) adottat għall-perjodu 2007-13 jibni fuq l-esperjenza u l-qawwa tal-predeċessuri tiegħu fuq naħa u jipprova jsib rimedji għan-nuqqasijiet identifikati min-naħa l-oħra. Bħala programm umbrella, dan jintegra azzjoni mmirata għal gruppi differeni b'mod koerenti, bi proċeduri amministrattvi simplifikati u sottoprogrammi settorjali armonizzati, sabiex jassigura vantaġġ akbar mis-sinerġiji maħluqa. L-LLP huwa mfassal ukoll biex jappoġġja l-edukazzjoni tal-UE u l-politika tat-taħriġ stipulata fl-istrateġija ta' Liżbona b'mod aktar effettiv u l-programm ta' ħidma tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010. Dan jagħmel hekk mhux biss fil-livelli settorjali dwar l-iskejjel (Comenius), l-edukazzjoni ogħla (Erasmus), it-taħriġ vokazzjonali (Leonardo) u l-edukazzjoni għall-adulti (Grundtvig), iżda wkoll fuq livell ġdid intersettorjali. Il-Kummissjoni għandha l-flessibbiltà li taġġusta l-prijoritajiet tas-sejħa annwali għall-proposti tal-LLP għall-iżviluppi kurrenti tal-politika, bħall-aġenda għal Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda u s-Sena Ewropea għall-Kreatività u l-Innovazzjoni, it-tnejn li huma fl-2009. Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb is-sistema ta' amministrazzjoni komuni (LLP Link) u tipprovdi għodod għall-konsolidazzjoni tal-ġbir tad-dejta u l-istima tal-impatt tal-programm. Il-progress dwar il-kwalità tar-riżultati, pereżempju dwar il-mobilità, u dwar l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-LLP sal-2013 se jkun immonitorjat mill-qrib b'kooperazzjoni mal-pajjiżi rrappreżentati fuq il-Kumitat uniku tal-Programm. L-attenzjoni se tiffoka wkoll fuq l-applikazzjoni u l-armonizzazzjoni aħjar tar-riżultati tal-LLP sabiex ikun appoġġjat l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa. Anness: Ir-riżultat tal-programmi Socrates, Leonardo da Vinci u eLearning - Id-dejta prinċipali dwar il-proġetti u l-parteċipanti N.B. Mhux il-programmi kollha appoġġjaw l-istess tip ta' azzjonijiet. Entrata vojta tfisser li din it-tip ta' attvitià ma kinitx iffinanzjata skont dan il-programm relevanti. Iċ-ċifri għall-programmi Socrates u Leonardo da Vinci huma għall-perjodu 2000-2006 u l-figuri għall-programm eLearning għall-perjodu 2004-2006. Iċ-ċifri msemmija f'dan ir-rapport u fit-tabella kienu aġġornati skont l-aħħar statistiċi mill-Kummissjoni Ewropea. [pic] 1 Żjajjar ta' studju għall-esperti tal-edukazzjoni u persunal li jieħu d-deċiżjonijiet. [1] Id-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 885/2004; l-Artikolu 14(4) jirrikjedi rapport ta' evalwazzjoni ex post . [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/382/KE, kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 885/2004; l-Artikolu 13(5) jirrikjedi rapport finali dwar l-implimentazzjoni. [3] Id-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE; l-Artikolu 12(2) jirrikjedi rapport ta' evalwazzjoni ex post . [4] Ara, pereżempju, ir-rapport mill-Kunsill tal-Edukazzjoni dwar L-għanijiet futuri konkreti tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ :http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/rep_fut_obj_en.pdf. [5] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja. [6] Id-dokumenti huma disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm#postsoc2. [7] Ara l-anness għal ħarsa ġenerali tar-riżultati tat-tliet programmi. Il-figuri msemmija f'dan ir-rapport u fit-tabella kienu aġġornati skont l-aħħar statistiċi mill-Kummissjoni Ewropea. [8] Iċ-ċifri provduti fit-Taqsima 3 huma bbażati fuq risposti għal stħarriġ li kien imniedi matul il-valutazzjoni esterna. [9] Ir-rapport dwar l-impatt tas-Sħab bejn l-Iskejjel fil-programm Comenius dwar l-iskejjel li pparteċipaw, ippubblikat fuq: http://ec.europa.eu/education/doc/reports/index_en.html. [10] Informazzjoni bbażata wkoll fuq l-istudju "L-impatt ta' Erasmus fuq l-edukazzjoni ogħla Ewropea: il-kwalità, il-ftuħ u l-internazzjonalizzazzjoni" minn konsorzju mmexxi minn Cheps fi sħab ma' INCHER – Kassel u Ecotec (2008). [11] “Impjegabilità aħjar” kienet ukoll sejba fl-“Istudju dwar il-Valur Professjonali tal-Mobilità tal-Erasmus” miċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar l-Edukazzjoni Ogħla (INCHER-Kassel) u l-Università ta' Kassel, il-Ġermanja (Novembru 2006). [12] Ara l-istudju msemmi fin-nota 10. [13] Kif mitlub mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-13-14 ta' Marzu 2008. Għal aktar informazzjoni ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell 7652/08, Rev. 1, 20 ta' Mejju 2008, punt 8, disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/99410.pdf [14] “Il-kapital soċjali professjonali” jirreferi għall-valur derivat min-netwerks u attività ta' netwerking minn professjonisti (għalliema u dawk li jipprovdu t-taħriġ) involuti fil-programmi.