EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0811
Green Paper on the management of bio-waste in the European Union {SEC(2008) 2936}
Green Paper Dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea {SEG(2008) 2936}
Green Paper Dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea {SEG(2008) 2936}
/* KUMM/2008/0811 finali */
Green Paper Dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea {SEG(2008) 2936} /* KUMM/2008/0811 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 3.12.2008 KUMM(2008) 811 finali GREEN PAPER Dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea {SEG(2008) 2936} GREEN PAPER Dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea 1. Introduzzjoni It-tkabbir fl-UE għadu jiġġenera ammonti dejjem jiżdiedu ta’ skart, li jikkawżaw telf bla bżonn ta’ materjali u enerġija, ħsara ambjentali u effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja. L-UE għandha mira strateġika li tnaqqas dawn l-impatti negattivi, li tibdel l-UE f’’“Soċjetà li Tirriċikla” bl-użu effiċjenti ta’ riżorsi[1]. Il-ġestjoni tal-iskart huwa diġà amministrat minn korp sostanzjali ta' regolamenti imma għad hemm lok għal opportunitajiet sabiex isir iktar titjib fil-ġestjoni ta' xi flussi ewlenin ta' skart. Bijoskart ifisser skart bijodegredabbli tal-ġonna u tal-parks, skart ta' ikel u li jiġi mill-kċejjen tad-djar, ristoranti, fornituri tal-ikel u postijiet tal-bejgħ, u skart li jista’ jitqabbel ma’ skart li jiġi minn impjanti li jipproċessaw l-ikel; Ma jinkludix fdalijiet mill-foresti jew fdalijiet agrikoli, demel tar-raba’, il-materjal li jġorr id-drenaġġ miegħu, jew skart bijodegredabbli ieħor bħal tessuti naturali, karti jew injam ipproċessat. Jeskludi wkoll dawk il-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-ikel li qatt ma jsiru skart[2]. Il-kwantità ta' kull sena tal-bijoskart fl-UE hi stmata li hi bejn 76.5 u 102 Mt ta’ skart tal-ikel u tal-ġonna inkluż skart solidu muniċipali[3] mħallat u sa 37 Mt skart mill-industrija tal-ikel u x-xorb. Il-bijoskart huwa skart li jinten, ġeneralment umdu. Hemm żewġ flussi ewlenin – skart ambjentali mill-parks, ġonna, eċċ, u skart tal-kċina. L-ewwel wieħed normalment jinkludi bejn 50% u 60% ilma u iktar injam (lignoċellulosi), tal-aħħar ma jinkludix injam imma jista’ jinkludi sa 80% ilma. L-għażliet għall-ġestjoni tal-bijoskart jinkludu, flimkien mal-prevenzjoni fis-sors, ġbir (separat jew flimkien ma' skart imħallat), diġestjoni anerobika u l-bdil ta’ materjal organiku f’kompost, inċinerazzjoni u r-rimi ta’ skart fil-miżbliet. Il-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi ta' metodi differenti tat-trattament jiddependu b'mod sinifikanti minn kondizzjonijiet lokali bħad-densità tal-popolazzjoni, l-infrastruttura u l-klima kif ukoll mis-swieq għall-prodotti assoċjati (enerġija u kompost). Illum, japplikaw politiki nazzjonali ħafna differenti għall-ġestjoni tal-bijoskart, li jvarjaw minn azzjoni limitata ħafna f'xi Stati Membri għal politiki ambizzjużi fi Stati oħrajn. Dan jista’ jwassal għal impatti ambjentali ikbar u jista’ jfixkel jew jittardja l-użu sħiħ tat-tekniki avvanzati għall-ġestjoni tal-bijoskart. Għandha ssir investigazzjoni dwar jekk azzjoni fuq livell nazzjonali hijiex biżżejjed sabiex tiżgura ġestjoni xierqa tal-bijoskart fl-UE, jew jekk hijiex meħtieġa azzjoni Komunitarja. L-għan ta’ din il-Green Paper hu li tiddiskuti dawn il-mistoqsijiet u li tħejji bażi għall-valutazzjoni tal-impatt li ġejja li se tindirizza wkoll l-prinċipju tas-sussidjarjetà. 2 Miri tal-Green Paper Id-Direttiva ta’ Qafas riveduta dwar l-Iskart[4] titlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-ġestjoni tal-bijoskart, sabiex, jekk xieraq, tressaq proposta. Il-ġestjoni tal-bijoskart fil-Komunità diġà ġiet diskussa f'żewġ dokumenti ta' ħidma maħruġa mill-Kummissjoni bejn l-1999 u l-2001. Minn dakinhar is-sitwazzjoni nbidlet sostanzjalment: Daħal 12-il Stat Membru ġdid fl-UE, bi prattiki speċifiċi dwar il-ġestjoni tal-iskart, għandhom jitqiesu l-progress teknoloġiku u r-riżultati ġodda tar-riċerka, għandhom jitqiesu xejriet ġodda (eż. fil-politika tal-ħamrija u tal-enerġija). L-għan ta' din il-Green Paper hu li tiskopri għażliet għal iktar żvilupp fil-ġestjoni tal-bijoskart. Tagħti taqsira tat-tagħrif importanti ta’ sfond dwar il-politiki li hemm bħalissa dwar il-ġestjoni tal-bijoskart u s-sejbiet ġodda tar-riċerki fil-qasam, tippreżenta kwistjonijiet ewlenin għal dibattitu, u tistieden lill-partijiet interessati jaqsmu l-għarfien u l-ideat tagħhom dwar id-direzzjoni għall-ġejjieni. L-għan tagħha hu li tħejji dibattitu dwar il-ħtieġa possibbli ta’ azzjoni politika għall-ġejjieni, li tħuf għal ideat ta' kif tista' ttejjeb il-ġestjoni tal-bijoskart skont il-ġerarkija tal-iskart, akkwisti ekonomiċi, soċjali u ambjentali possibbli, kif ukoll l-istrumenti tal-politika mill-iktar effiċjenti sabiex jintlaħaq dan il-għan. Huwa ċar li jeżistu diffikultajiet ewlenin tad-dejta u inċertezzi fir-rigward tal-għażliet tal-ġestjoni tal-bijoskart, li huma spjegati f'dan id-Dokument. Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq tistieden lill-partijiet kollha interessati sabiex jipprovdu kwalunkwe dejta disponibbli sabiex jiffaċilitaw il-Valutazzjoni tal-Impatt li ssir wara dwar l-għażliet differenti għall-ġestjoni tal-bijoskart. 3 Is-sitwazzjoni attwali dwar il-ġestjoni tal-bijoskart 3.1. Tekniki użati bħalissa Skemi ta' ġbir separat jaħdmu tajjeb f'bosta pajjiżi speċjalment għall-iskart ambjentali. Ħafna drabi l-iskart tal-kċina jinġabar u jiġi ttrattat bħala parti mill-Iskart Solidu Muniċpali (MSW) mħallat. Il-benefiċċji tal-ġbir separat jista’ jwarrab faċilment l-iskart bijodegradabbli mill-miżbliet, jgħolli l-valur kalorifiku tal-MSW li jibqa’, u jiġġenera parti iktar nadifa ta’ bijoskart li tippermetti l-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja u tiffaċilita l-produzzjoni tal-bijogass. Il-ġbir separat tal-bijoskart hu wkoll mistenni li jgħin forom oħra ta’ riċiklaġġ li aktarx isiru disponibbli fis-suq fil-ġejjieni qarib (eż. produzzjoni ta’ kimiki fil-bijoraffineriji). Għalkemm ir-rimi fil-miżbliet skont il-ġerarkija tal-iskart hija l-agħar għażla, hija xorta waħda l-iktar metodu ta' rimi tal-MSW użat fl-UE. Jeħtieġ li l-miżbliet jinbnew u joperaw skont id-Direttiva tal-UE dwar Terraferma [il-Miżbliet][5] (b’ħitan li ma jgħaddi xejn minnhom, b’tagħmir li jaqbad il-metanu) sabiex tiġi evitata ħsara ambjentali li tiġġenera mill-metanu u l-iskariki. L-Inċinerazzjoni: il-bijoskart huwa normalment inċinerat bħala parti mill-MSW. L-inċinerazzjoni, skont l-effiċjenza tal-enerġija[6]tagħha, tista’ titqies bħala mezz li jirkupra l-enerġija jew li tarmi. Hekk kif l-effiċjenza tal-inċinerazzjoni hija mnaqqsa permezz tal-bijoskart umdu, it-tneħħija tal-bijoskart mill-iskart muniċipali jista’ jkun ta’ vantaġġ[7]. Min-naħa l-oħra, il-bijoskart inċinerat huwa meqjus bħala fjuwil “rinnovabbli” mingħajr karbonju fit-tifsira tad-direttiva dwar l-elettriku rinnovabbli[8] u tad-Direttiva proposta dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Direttiva dwar l-RES)[9]. It-trattament bijoloġiku (inkluż il-bdil f’kompost u d-diġestjoni anerobika) jista’ jkun ikklassifikat bħala riċiklaġġ meta l-kompost (jew id-diġestat) jintuża fuq l-art jew għall-produzzjoni ta’ materjal għat-tkabbir. Jekk ma jkun se jseħħ l-ebda użu ta’ dan it-tip għandu jkun ikklassifikat bħala trattament li jsir qabel ma dan jintrema fil-miżbla jew jintbagħat għall-inċinerazzjoni. Barra minn hekk, id-diġestjoni anerobika (li tipproduċi l-bijogass għall-fini tal-enerġija) għandha titqies bħala dak l-element li jirkupra l-enerġija. Il-proċess tal-kompost huwa l-iktar għażla komuni għat-trattament bijoloġiku (xi 95% tal-ħidmiet ta’ trattamenti bijoloġiċi ta’ bħalissa)[10]. Huwa adattat l-iktar għall-iskart ambjentali u għall-materjal tal-injam. Hemm metodi differenti li fosthom il-"metodi magħluqa" huma iktar għaljin imma jirrikjedu inqas spazju, huma iktar mgħaġġla, u iktar riġidi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll tal-emissjonijiet li joħorġu matul il-proċess (irwejjaħ, ajrusols bijoloġiċi). Id-diġestjoni aneronika hija adattata b’mod speċjali għat-trattament tal-bijoskart umdu, inkluż ix-xaħam (eż. skart tal-kċina). Tipproduċi taħlita ta’ gass (l-iktar metanu – bejn 50% u 75% - u dijossidu karboniku) f’reatturi kkontrollati. Il-bijogass jista’ jnaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra (GHG) b’mod mill-iktar sinifikanti f'każ li dan jintuża bħala bijofjuwil għat-trasport jew jiġi injettat direttament f'netwerk ta' distribuzzjoni tal-gass. L-użu tiegħu bħala bijofjuwil jista’ jirrizulta fi tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet tal-GHG, li juri vantaġġ nett fuq il-fjuwils l-oħra tat-trasport[11]. Ir-residwu mill-proċess, id-diġestat, jista’ jinbidel f’kompost u jintuża għall-istess skop bħala kompost, b'hekk itejjeb l-irkuprar ġenerali tar-riżorsi mill-iskart. Jekk ma jkunx iddikjarat b'mod ieħor, it-terminu "kompost" f'dan id-dokument jirreferi kemm għall-kompost prodott direttament mill-bijoskart kif ukoll għad-diġestat mibdul f’kompost. It-Trattament Mekkaniku Bijoloġiku (MBT) jiddeskrivi t-tekniki li jgħaqqdu t-trattament bijoloġiku mat-trattament mekkaniku (separazzjoni). F’dan id-dokument it-terminu jirreferi biss għat-trattament tal-iskart imħallat li jsir minn qabel bil-għan li jkun prodott materjal iktar stabbli għall-miżbliet jew prodott b'karatteristiċi mtejba ta’ kif jinħaraq. Madankollu, l-MBT li juża diġestjoni anerobika jiġġenera l-bijogass u b’hekk jista’ jservi wkoll ta' proċess li jirkupra l-enerġija. Skart li jista’ jinħaraq imqiegħed skont il-proċessi tal-MBT jista’ jkun iktar inċinerat minħabba l-potenzjal tiegħu li jirkupra l-enerġija. 3.2. Il-ġestjoni ntużata bħalissa fl-Istati Membri tal-UE Fl-Istati Membri hemm differenzi kbar bejn kif jitmexxew l-MSW u l-bijoskart. Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent[12] tiddistingwi bejn tliet approċċi ewlenin. - Pajjiżi li jserrħu sew fuq l-inċinerazzjoni sabiex iwarrbu l-fatt li l-iskart ma jibqax jintrema’ fil-miżbliet, għandhom ukoll livell għoli ta’ rkuprar ta’ materjal u strateġiji spiss avvanzati li jippromwovu t-trattament bijoloġiku tal-iskart: DK, SE, BE (il-Fjandri), NL, LU, FR. - Pajjiżi li għandhom rati għolja ta’ rkuprar ta’ materjal imma b’rati pjuttost baxxi ta’ inċinerazzjoni: DE, AT, ES, IT, xi wħud jiksbu l-iktar rati għoljin ta’ kompost fl-UE (DE, AT), oħrajn jiżviluppaw malajr il-kapaċitajiet tagħhom fil-proċessi tal-kompost u tal-MBT. - Pajjiżi li jserrħu fuq il-miżbliet, fejn is-separazzjoni fil-miżbliet tibqa’ sfida ewlenija minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità: għadd ta’ Stati Membri ġodda. Pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jserrħu wkoll primarjament fuq ir-rimi fil-miżbliet u fil-każ tagħhom is-separazzjoni ta’ skart bijodegredabbli minn dak li jintefa’ fil-miżbliet hija sfida ewlenija. Ir-rimi fil-miżbliet: Fl-UE l-bijoskart normalment ikopri bejn 30% u 40% (imma jvarja minn 18% sa 60%) tal-MSW[13], b’ħafna minnu hu ttrattat permezz ta’ għażliet li jinsabu f’livell baxx tal-ġerarkija tal-iskart. Medja ta’ 41% tal-MSW jintrema' fil-miżbliet[14], filwaqt li f'xi Stati Membri (eż. PL, LT) dan il-perċentwal jaqbeż d-90%. Madankollu, bħala riżultat tal-politiki nazzjonali u tad-Direttiva dwar il-Miżbliet li titlob separazzjoni tal-bijoskart minn dak li jintrema fil-miżbliet, l-ammont medju fl-UE tal-iskart MSW mormi fil-miżbliet niżel minn 288 għal 213 kg/kapita/sena (minn 55 għal 41%) mis-sena 2000. L-inċinerazzjoni tilħaq sehem ta' 47% fl-Iżvezja u 55% fid-Danimarka[15]. Fiż-żewġ pajjiżi, l-inċinerazzjoni tal-bijoskart li ma jinġabarx b'mod separat normalment issir permezz ta’ mezzi ta' koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana u bil-kondensazzjoni tal-gassijiet li joħroġu minn kanali, li jwasslu għal effiċjenza għolja u rkuprar għoli ta’ enerġija netta. It-Trattament Mekkaniku Bijoloġiku, ilu jintuża madwar l-UE f'dawn l-aħħar 10 snin bħala trattament li jsir minn qabel sabiex ikun hemm konformità mal-kriterji tal-aċċettazzjoni tal-miżbliet jew sabiex jitjieb il-valur kalorifiku għall-inċinerazzjoni. Fl-2005, kienu jeżistu mhux inqas minn 80 faċilità kbira b’kapaċità bejniethom ta’ iktar minn 8.5 miljun tunnellata, l-iktar f’DE, ES u IT[16]. Kienu identifikati b’kollox total ta’ 6 000 installazzjoni, inkluż 3 500 li jipproduċu kompost u 2 500 faċilitajiet ta’ diġestjoni anerobika (AD) (l-iktar fuq skala żgħira fil-farms) għal trattament bijoloġiku tal-iskart organiku (mhux biss għall-bijoskart). Fl-2006 kienu jaħdmu 124 installazzjoni AD għat-trattament tal-bijoskart u/jew tal-iskart muniċipjali (inklużi installazzjonijiet MBT imsejsa fuq l-AD) b’kapaċità totali ta' 3.9 miljun tunnellata, u dan l-għadd hu mistenni jikber[17]. Ir- riċiklaġġ hu megħjun minn ġbir separat f’ċerti Stati Membri (AT, NL, DE, SE u partijiet mill-BE (il-Fjandri), ES (il-Katalunja) u IT (reġjuni fit-trammuntana), filwaqt li oħrajn (CZ, DK, FR) jiffokaw fuq l-iskart ambjentali li jinbidel f’kompost u l-ġbir tal-iskart tal-kċina bl-MSW. Fir-reġjuni kollha fejn kien imniedi, il-ġbir ta’ skart separat huwa meqjus bħala għażla ta’ suċċess fil-ġestjoni tal-iskart[18]. Il-potenzjal ġenerali tal-bijoskart li jinġabar separatament hu stmat sa 150kg/abitant/sena, inkluż l-iskart tal-kċina u tal-ġonna mid-djar, parks u l-iskart tal-ġonna minn żoni pubbliċi, u skart mill-industrija tal-ikel[19] (80 Mt għall-UE27). Madwar 30% ta' dan il-potenzjal (24 Mt) bħalissa qiegħed jinġabar separat u ttrattat b'mod bijoloġiku[20]. Il-produzzjoni totali tal-kompost kienet ta' 13.2 Mt fl-2005. Ħafna minnu kien prodott minn bijoskart (4.8 Mt) u rimi ambjentali (5.7 Mt), il-bqija minn materjal li jġorr id-drenaġġ miegħu (1.4 Mt) u skart imħallat (1.4 Mt). Il-potenzjal tal-produzzjoni tal-kompost magħmul minn materjal ta' kwalità tajba ħafna (bijoskart u skart ambjentali) hu stmat li hu bejn 35 u 40 Mt[21]. Il-kompost użat fl-agrikoltura (madwar 50%), għall-pajsaġġar (sa 20%), għall-produzzjoni ta’ materjal għat-tkabbir (taħlitiet) u ħamrija maħduma (madwar 20%), u minn konsumaturi privati (sa 25%)[22]. Pajjiżi li jipproduċu kompost b’mod predominanti minn skart imħallat u għandhom swieq ta’ kompost mhux żviluppat għandhom it-tendenza li jużawh fl-agrikoltura (ES, FR) jew għar-ristorazzjoni tal-art jew bħala għata tal-miżbla (FI, IE, PL)[23]. Id-domanda għall-kompost tvarja fl-Ewropea u tiddependi l-iktar mill-ħtiġijiet tal-ħamrija, u l-fiduċja tal-konsumatur. Il-politika tal-UE dwar il-ħamrija li titlob lill-Kummissjoni u lill-Parlament sabiex jaġixxu kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija[24] u jżidu l-fiduċja tal-konsumaturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu protett tal-kompost mill-iskart tista’ tgħin id-domanda b’mod sinifikanti. Madankollu, l-użu tal-kompost u tad-diġestat mill-iskart illimita l-ħila li tissolva l-problema fil-kwalità tal-ħamrija fl-UE minħabba li rata tipika t'applikazzjoni tal-kompost ta' 10 tunnellati ta' kompost kull ettaru u fis-sena, 3.2% biss tal-art agrikola tista’ togħla fil-grad anke jekk il-bijoskart kollu jkun mibdul f’kompost u użat[25], filwaqt li jkun meħtieġ ġarr fuq distanzi twal sinifikanti li jħalli implikazzjonijiet negattivi minħabba l-piżijiet tal-ispejjeż u dawk ambjentali. 3.3. Strumenti legali tal-UE li jirregolaw it-trattament tal-bijoskart Għadd ta' strumenti legali tal-UE jindirizzaw il-kwistjoni tat-trattament tal-bijoskart. Ir-rekwiżiti għall-ġestjoni ġenerali tal-iskart bħall-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa umana waqt it-trattament tal-iskart u l-prijorità għar-riċiklaġġ tal-iskart huma mniżżla fid-Direttiva riveduta ta’ Qafas dwar l-Iskart li fiha wkoll elementi speċifiċi relatati mal-bijoskart (miri ġodda għar-riċiklaġġ għall-iskart tad-djar, li jistgħu jinkludu l-bijoskart) u mekkaniżmu li jippermetti l-iffissar ta’ kriterji tal-kwalità tal-kompost. Ir-rimi tal-bijoskart fil-miżbliet huwa indirizzat fid-Direttiva dwar il-miżbliet li titlob li l-iskart muniċipjali bijodegredabbli ma jibqax jintrema fil-miżbliet. Id-Direttiva riveduta dwar l-IPPC tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin biex jitħallew u jiġu kkontrollati l-installazzjonijiet għat-trattament tal-bijoskart se tkopri t-trattament bijoloġiku kollu tal-iskart organiku b’kapaċità ta' iktar minn 50 tunnellata kull ġurnata. L-inċinerazzjoni tal-bijoskart huwa regolat bid-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart filwaqt li r-regoli dwar is-saħħa fil-proċess tal-kompost u tal-impjanti tal-bijogass li jittrattaw il-prodotti sekondarji magħmula mill-annimali huma mniżżla fir-Regolament dwar il-prodotti sekondarji magħmula mill-annimali. Id-Direttiva proposta dwar ir-RES fiha wkoll miżuri dwar kif il-bijoskart għandu jersaq lejn il-miri tal-enerġiji rinnovabbli. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tillimitax l-għażliet tal-Istati Membri għall-possibilitajiet ta’ trattamenti tal-bijoskart sakemm dawn jirrispettaw ċerti kondizzjonijiet ta’ qafas, speċjalment dawk iffissati mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart. L-għażla fil-possibbiltajiet tat-trattamenti għandha tiġi spjegata u ġġustifikata fil-Pjanijiet ta' Ġestjoni tal-Iskart u l-Programmi ta' Prevenzjonijiet nazzjonali u reġjonali. Din il-libertà tal-għażla flimkien ma’ definizzjoni tal-iskart li, qabel ir-reviżjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-iskart ma ffissatx konfini ċari f’każ meta l-iskart ikun ġie ittrattat kif suppost u għandu jitqies bħala prodott, wasslet għal varjetà wiesgħa ta’ politiki u metodi ta’ trattament fl-UE, inklużi interpretazzjonijiet differenti ta’ Stati Membri bħal meta l-bijoskart jista' ma jibqax skart u jsir prodott li jista' jiċċirkola b'mod ħieles fis-suq intern jew jiġi esportat mill-UE. 3.4. Strumenti legali tal-UE li jirregolaw l-użu tal-bijoskart Kompost: Jeżistu standards dwar l-użu u l-kwalità tal-kompost fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, imma dawn ivarjaw ħafna, parzjalment minħabba differenzi fil-politiki dwar il-ħamrija. Filwaqt li ma hemmx leġiżlazzjoni Komunitarja komprensiva, ċerti regoli jirregolaw aspetti speċifiċi dwar it-trattament tal-bijoskart, il-produzzjoni tal-bijogass u l-użu tal-kompost. Ir- Regolament dwar il-Biedja Organika [26] jistabbilixxi kondizzjonijiet għall-użu tal-kompost fil-biedja organika. L- ekotikketti fuq sustanzi li jtejbu l-ħamrija[27] u fuq materjal għat-tkabbir[28] jispeċifikaw il-limiti għall-kontaminanti u jirrikjedu li l-kompost ikun magħmul mill-iskart biss. L-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija[29] titlob għall-użu tal-kompost bħala wieħed mill-aħjar sorsi tal-materjal organiku stabbli minn xiex jista’ jifforma ħumus ġdid fil-ħamrija degradata. Madwar 45% tal-ħamrija Ewropea għandha kontenut ta’ materjal organiku baxx, l-aktar fl-Ewropea ta’ Isfel iżda anki f’żoni fi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. L-irkuprar tal-enerġija: Imsejsa fuq impenn tal-Komunità kollha li tintlaħaq mira ta' 20% bħala sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum aħħari tal-enerġija sal-2020[30], il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Direttiva dwar ir-RES li tieħu post id-Direttivi li hemm bħalissa dwar il-promozzjoni tal-elettriku rinnovabbli (id-Direttiva 2001/77/KE) u l-bijofjuwils (id-Direttiva 2003/30/KE)[31]. Il-proposta tappoġġja bis-sħiħ l-użu tat-tipi kollha tal-bijomassa, inkluż il-bijoskart għall-iskopijiet ta' enerġija, u titlob lill-Istati Membri jiżviluppaw Pjanijiet t'Azzjoni Nazzjonali sabiex ifasslu politiki nazzjonali sabiex jiżviluppaw riżorsi eżistenti tal-bijomassa u jċaqilqu riżorsi ġodda tal-bijomassa għal użi differenti. Il-Pjan ta’ Direzzjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli[32] bassar li madwar 195 miljun tunnellata ta' żejt ekwivalenti (Mtoe) ta’ bijomassa se jintużaw fl-2020 sabiex tinkiseb il-mira ta' 20% tal-enerġija rinnovabbli. Rapport mill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent[33] sab li l-potenzjal tal-bijoenerġija mill-MSW huwa ta’ 20 Mtoe – jagħmel tajjeb għal madwar 7% tal-enerġija rinnovabbli kollha fl-2020), dejjem jekk l-iskart kollu li qed jintefa’ fil-miżbla jsir disponibbli għall-inċinerazzjoni u l-irkuprar tal-enerġija u l-iskart li huma mibdula f'kompost għandhom ikunu l-ewwel suġġett għad-diġestjoni anerobika imbagħad jinbidlu f’kompost. 4. Kwistjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali relatati mal-ġestjoni tal-bijoskart 4.1. Impatti ambjentali Ir-rimi fil-miżbliet: L-iskart bijodegredabbli jista’ jiddekomponi fil-miżbliet u jipproduċi gass tal-miżbla u skular. Il-gass tal-miżbliet, jekk ma jinqabadx, jikkontribwixxi sew għall-effett serra minħabba li jikkonsisti l-biċċa l-kbira f'metanju, li huwa 23 darba iktar b'saħħtu mill-karbonju dijossidu f’dak li għandu x’jaqsam mal-effetti fil-bidla tal-klima fuq medda ta’ 100 sena kif meqjus mill-Bord Intergovernmentali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC)[34]. Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Miżbliet, l-emissjonijiet tal-metanju mill-miżbliet ammontaw għal 30% tal-emissjonijiet antropoġeniċi kollha tal-metanju fl-atmosfera[35]. Meta wieħed jassumi li l-pajjiżi kollha jirrispettaw id-Direttiva dwar il-Miżbliet, anke jekk l-ammont totali tal-MSW jiżdied, sal-2020 l-emissjonijiet mistennija tal-metanju ekwivalenti għal CO2 se jkunu 10 Mt inqas minn dawk fl-2000[36]. L-iskular, jekk ma jinqabadx skont id-Direttiva tal-Miżbliet, jista’ jikkontamina l-ilma ta’ taħt l-art u l-ħamrija. Il-miżbliet jistgħu jkunu sors ta' inkonvinjenza għaż-żoni ta' ħdejhom minħabba li jiġġeneraw ajrusols bijoloġiċi, irwejjaħ u jdejqu l-għajnejn. Madankollu impatt negattiv ieħor tar-rimi fil-miżbliet hija l-medda ta' art użata, li hija ikbar minn dik użata għal metodi oħra tal-ġestjoni tal-iskart. Kważi ma hemm l-ebda aspetti pożittivi għar-rimi tal-iskart bijodegredabbli fil-miżbliet għajr għall-possibilità tal-kapaċità ta’ “ħżin” tal-karbonju issekwestrat fi skart ittrattat minn qabel[37] u produzzjoni ta’ enerġija limitata ħafna minn gass tal-miżbliet miġbur jekk il-miżbla hija amministrata b'attenzjoni. Il-fatt li wieħed jirrispetta d-Direttiva tal-UE dwar il-Miżbliet għandu jnaqqas l-impatti negattivi prinċipali tar-rimi fil-miżbliet, iżda mhux jeleminahom. Ir-rimi fil-miżbliet ifisser ukoll telf ta' riżorsi u art li ma jiġux irkuprati, fuq perjodu ta' żmien medju, kif ukoll għat-tul ma jitqiesx bħala soluzzjoni sostenibbli għall-ġestjoni tal-iskart u mhux rrakkommandat. L-inċinerazzjoni tal-bijoskart bħala parti mill-iskart muniċipjali mħallat tista' tintuża sabiex tkopri l-enerġija minn sors newtru mingħajr karbonju, tipprovdi alternattiva, eż. fjuwils fossili, u tikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. Madankollu, l-effiċjenza tal-enerġija tal-inċineraturi tal-MSW li hemm bħalissa tvarja sew bejniethom, tiddependi prinċiparjament minn jekk l-impjant tal-inċinerazzjoni jipprovdix sħana, elettriku, jew it-tnejn li huma f’impjanti tas-sħana u l-enerġija[38] kif ukoll teknoloġija wżata (e.ż. kondensazzjoni ta’ gassijiet li joħorġu minn kanal li jkun hemm fuq l-impjant jippermetti l-ksib ta’ effiċjenza iktar għolja). Id-Direttiva riveduta ta’ Qafas tal-Iskart tħeġġeġ konverżjoni lejn impjanti ġodda li huma iktar effiċjenti. Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ta’ skema ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa, fejn l-effiċjenza tal-użu aħħari li tikkonverti l-bijomassa għas-sħana u l-elettriku hija kwistjoni ċentrali[39]. L-impatti ambjentali tal-inċinerazzjoni tal-MSW li fih skart bijodegredabbli huma relatati prinċiparjament mal-emissjonijiet tal-inċineraturi fl-ajru, inklużi l-emissjonijiet tal-gass serra, nuqqas ta’ materja organika u riżorsi oħra li fihom il-bijomassa. Id-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni tal-Iskart titlob li wieħed jillimita l-emissjonijiet ta’ ċerti metalli tqal u firxa ta’ emissjonijiet oħra li jinkludu d-dijossini sakemm ikun prattiku u tirrikjedi tnaqqis ta’ kwalunkwe riskji tas-saħħa. Madankollu, iseħħu xi emissjonijiet. Se jkun hemm ukoll xi tfixkil ambjentali minħabba r-rimi tal-irmied u l-metall imdewweb, per eżempju r-residwi għat-tindif tal-gassijiet li joħorġu mill-kanali ta’ fuq l-impjanti, li ħafna drabi jkollhom jintremew bħala rimi perikoluż. L-emissjonijiet mill-inċinerazzjoni tal-MSW huma mnaqqsa kemm jista’ jkun permezz tad-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni. Il-prestazzjoni kollha ambjentali tal-inċinerazzjoni tal-MSW, inkluż il-bijoskart, tiddependi minn diversi fatturi (speċjalment il-kwalità tal-fjuwil, l-effiċjenza enerġetika tal-installazzjonijiet u s-sors tal-enerġija mibdula). It-trattament bijoloġiku : Il-bdil ta’ materjal organiku f'kompost, id-diġestjoni anerobika u t-trattament mekkaniku bijoloġiku jipproduċu wkoll emissjonijiet (inklużi l-gassijiet serra CH2, N2O u CO2). Wara l-istabilizzazzjoni permezz tat-trattament bijoloġiku, il-materjal li jirriżulta jgħaqqad karbonji b’ċikli qosra għal perjodu limitat: hu stmat li f'medda ta’ 100 sena madwar 8% tal-materjal organiku li jinsab fil-materjal mibdul f’kompost jibqa’ fil-ħamrija f’forma ta’ ħumus[40]. L-użu tal-kompost u d-diġestat bħala prodotti li jtejbu l-ħamrija u fertilizzanti joffru benefiċċji agronomiċi[41] bħat-titjib fl-istruttura tal-ħamrija, l-infiltrazzjoni tal-umdità, il-kapaċità taż-żamma tal-ilma, il-mikroorganiżmi li hemm fil-ħamrija u l-provvista bin-nutrittivi (il-kompost iġġenerat mill-iskart tal-kċina fih medja ta’ madwar 1% N, 0.7% P2O5 u 6.5% K20). B’mod partikolari r-riċiklaġġ tal-fosforu jista’ jnaqqas il-bżonn li wieħed jimporta fertilizzant minerali filwaqt li l-bdil tal-pit għandu jnaqqas il-ħsara fl-ekosistemi taż-żoni umdi. Il-kapaċità aħjar għaż-żamma tal-ilma ttejjeb il-prattiċità tal-ħamriji, b’hekk tnaqqas il-kwantità ta’ enerġija li hemm bżonn għall-ħrit. Iż-żamma aħjar tal-ilma (il-materjal organiku tal-ħamrija jista' jixrob sa 20 darba l-piż tiegħu fl-ilma) tista’ tgħin sabiex tingħeleb id-dissertifikazzjoni tal-ħamriji Ewropej u tevita l-għargħar. Fl-aħħar, l-użu tal-kompost jikkontribwixxi sabiex jingħeleb it-tnaqqis drastiku tal-materjal organiku fil-ħamrija fir-reġjuni bi klima medja. L-impatt ambjentali tal-bdil ta’ materjal organiku f'kompost huwa prinċiparjament illimitat għal xi emissjonijiet tal-gass serra u taħlit organiku volatili. L-impatt fuq il-bidla fil-klima minħabba s-sekwestrazzjoni tal-karbonju huwa llimitat u ħafna minnu huwa temporanju. Il-benefiċċji agrikoli tal-użu tal-kompost huma evidenti imma hemm dibattitu dwar il-kwantifikazzjoni tagħhom (e.ż. permezz ta' tqabbil ma’ sorsi oħra ta’ sustanzi li jtejbu l-ħamrija), filwaqt li r-riskju prinċipali huwa t-tniġġis tal-ħamrija minn kompost ta' kwalità ħażina. Hekk kif il-bijoskart faċilment jiġi kkontaminat waqt il-ġbir tal-iskart imħallat, l-użu tiegħu mal-ħamrija jista’ jwassal biex jinġemgħu sustanzi perikolużi fil-ħamrija u l-pjanti. Kontaminanti tipiċi tal-kompost jinkludu metalli tqal u impuritajiet (e.ż. ħġieġ imkisser), imma hemm ukoll riskju potenzjali ta' kontaminazzjoni permezz ta' sustanzi organiċi persistenti bħal PCDD/F, PCB jew PAHs. Huwa importanti li jkun hemm kontroll xieraq tal-materjal tal-produzzjoni flimkien mal-monitoraġġ tal-kwalità tal-kompost. Ftit Stati Membri biss jippermettu l-produzzjoni tal-kompost minn skart imħallat. Ħafna minnhom jirrikjedu ġbir separat tal-bijoskart, ħafna drabi f'forma ta' lista pożittiva ta' skart li jista' jinbidel f'kompost. Dan l-approċċ jillimita r-riskji u jnaqqas l-ispejjeż dovuti għall-ittestjar tal-konformità billi jippermetti inqas monitoraġġ estensiv tal-produzzjoni u tal-użu tal-kompost. Il-bdil f’kompost fid-djar kultant jitqies bħala l-mod l-iktar vantaġġjuż min-naħa ambjentali ta’ kif wieħed jamministra l-iskart domestiku bijodegredabbli, hekk kif inaqqas l-emissjonijiet u l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mat-trasport, jiżgura kontroll tal-materjal tal-produzzjoni b'attenzjoni u jrawwem l-għarfien ambjentali ta' dawk li jużawh. Minħabba li d-diġestjoni anerobika ssir f’reatturi magħluqa l-emissjonijiet fl-arja huma ħafna inqas u iktar faċli biex jiġu kkontrollati mill-emissjonijiet li joħorġu fil-proċess ta’ bdil ta' prodotti organiċi f'kompost[42]. Kull tunnellata ta’ bijoskart mibgħut għat-trattament bijoloġiku jista’ jipproduċi bejn 100 u 200m3 ta' bijogass. Minħabba l-potenzjal għall-irkuprar tal-enerġija mill-bijogass flimkien mal-potenzjal tas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija tar-residwi (b’mod speċjali meta jiġi ttrattat il-ġbir tal-bijoskart għalih) jista’ ħafna drabi jirrappreżenta l-iktar teknika vantaġġjuża min-naħa ambjentali u ekonomika[43]. Billi ħafna mill-emissjonijiet li joħorġu mill-operazzjonijiet tat- Trattament Mekkaniku Bijoloġiku jirriżultaw minn trattament bijoloġiku tal-iskart bijodegredabbli, l-emissjonijiet fl-arja huma l-istess bħal dawk li joħorġu fil-proċess ta’ bdil tal-materjal organiku f’kompost jew waqt id-diġestjoni anerobika. Madankollu l-prodott aħħari huwa normalment ikkontaminat sa livell li ma jkunx jista’ jintuża iktar. Minkejja dan, dawn it-tekniki għandhom il-vantaġġ li jippurifikaw il-frazzjoni kombustibbli għall-inċinerazzjoni permezz tal-irkuprar tal-enerġija. Tqabbil bejn l-għażliet għall-ġestjoni tal-bijoskart Hekk kif il-bijoskart huwa kunċett ġdid fil-leġiżlazzjoni – il-maġġoranza tal-istudji jirreferu għall-ġestjoni tal-iskart bijodegredabbli. Id-differenza hija li l-bijoskart ma jinkludix il-karta u għandu kontenut ogħla ta’ umdità, li jista’ jkollu impatt b’mod speċjali fuq it-tqabbil bejn l-għażliet li jinkludu t-trattament termali tal-iskart. Jidher li ma hemmx l-aħjar għażla unika favur l-ambjent għall-ġestjoni tal-iskart bijodegredabbli li jiġi mill-miżbliet. Il-bilanċ ambjentali tal-għażliet diversi disponibbli għall-ġestjoni ta' dan l-iskart jiddependi minn għadd ta' fatturi lokali, fost l-oħrajn is-sistemi ta' ġbir, il-kompożizzjoni u l-kwalità tal-iskart, il-kondizzjonijiet tal-klima, il-potenzjal tal-użu ta’ diversi prodotti li ġejjin mill-iskart bħall-elettriku, is-sħana, il-gass li fih ħafna metanju jew il-kompost. Għalhekk l-istrateġiji għall-ġestjoni ta’ dan l-iskart għandhom ikunu ffissati fuq skala xierqa msejsa fuq approċċ strutturat u komprensiv bħall-Kunċett taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCT) u l-għodda assoċjata tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA)[44] biex ikun evitat li ma jitqiesux l-aspetti kollha rilevanti u kwalunkwe preġudizzju. Is-sitwazzjoni naturalment tiddependi mill-kondizzjonijiet li jvarjaw bejn pajjiż u ieħor. Saru firxa ta’ studji msejsa fuq il- Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) fuq skali nazzjonali u reġjonali[45] . Dan l-aħħar ukoll, f’isem il-Kummissjoni, saru Valutazzjonijiet dwar il-Kunċett taċ-Ċiklu tal-Ħajja għall-ġestjoni tal-MSW fl-istati membri ġodda[46]. Filwaqt li dawn waslu għal riżultati differenti li jiddependu mill-kondizzjonijiet lokali, fil-biċċa l-kbira juru mudell komuni li l-benefiċċji tas-sistema ta’ ġestjoni magħżula għall-bijoskart jiddependu sew minn: - L-ammont ta' enerġija li tista’ tkun irkuprata – hija parametru importanti, li tagħti vantaġġ ċar lill-għażliet l-iktar effiċjenti fl-enerġija. Eż. l-inċinerazzjoni tista’ tkun iġġustifikata fid-Danimarka[47] filwaqt li f’Malta[48] d-diġestjoni anerobika flimkien mal-proċess tal-bdil tal-materjal organiku f'kompost tad-diġestat jagħtu riżultati ambjentali aħjar mill-inċinerazzjoni bl-irkuprar tal-enerġija. Dan minħabba l-użu aħjar tal-enerġija tal-iskart bijodegredabbli umdu permezz tad-diġestjoni anerobika meta mqabbel ma’ dak permezz tal-inċinerazzjoni. - Is-sors tal-enerġija li hu mibdul bl-enerġija rkuprata - jekk l-enerġija mibdula hija msejsa primarjament fuq fjuwils fossili, il-vantaġġi tal-irkupru għoli tal-enerġija tas-sistema tal-bijoskart isiru iktar importanti. Madankollu, jekk l-enerġija mibdula hija msejsa fil-biċċa l-kbira fuq sorsi b’emissjonijiet baxxi, eż. l-idroenerġija, l-enerġija rkuprata mill-bijoskart hija naturalment assoċjata ma’ inqas benefiċċji ambjentali. - L-ammont, il-kwalità u l-użu tal-kompost riċiklat u l-prodotti li huma mibdula permezz tal-użu tal-kompost – Jekk il-kompost hu użat għall-pajsaġġar jew bħala għata tal-miżbliet kwalunkwe benefiċċji ambjentali jkunu limitati ħafna. Madankollu, jekk il-kompost ta’ kwalità għolja qiegħed jieħu post fertilizzanti industrijali, normalment il-benefiċċji jkunu importanti[49]. Hekk ukoll, il-bdil tal-pit irendi vantaġġi ambjentali kbar. - Il-profil tal-emissjoni tal-impjanti ta’ trattament bijoloġiku – l-impjanti jista' jkollhom mudelli ta' emissjoni differenti ħafna li jwasslu għal impatti ftit jew wisq ambjentali. L-istudji juru l-importanza b’mod speċifiku tal-emissjonijiet ta’ N2O u NH3[50]. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda taħdem sabiex tiżviluppa linji gwida dwar l-użu tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja fil-ġestjoni tal-iskart bijodegredabbli[51]. 4.2. Impatti ekonomiċi L-ispejjeż tal-kapital u tat-tħaddim tal-ġestjoni tal-MSW u tat-trattament bijoloġiku tal-iskart jiddependu minn bosta fatturi u jvarjaw fuq livelli reġjonali u lokali, u għalhekk huwa diffiċli biex wieħed jasal għal ċifri medji li għandhom tifsira qawwija jew biex wieħed iqabbel. L-iktar ċifri varjabbli importanti għal dawn l-ispejjeż jinkludu d-daqs tal-impjant, it-teknoloġija użata, il-kondizzjonijiet ġeoloġiċi (għall-miżbliet), l-ispejjeż tal-enerġija disponibbli fuq livell lokali, it-tip ta’ skart disponibbli, l-ispejjeż tal-ġarr u oħrajn. Dan jeskludi spejjeż indiretti li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u s-saħħa. Ir-rimi fil-miżbliet huwa normalment meqjus bħala l-iktar għażla rħisa, speċjalment jekk il-prezz tal-art huwa baxx, jew fejn l-ispejjeż ambjentali għar-rimi fil-miżbliet u l-ispejjeż għall-ġejjieni għall-għeluq tal-miżbliet u għall-kura sussegwenti għadhom ma ddaħħlux fit-tariffi għad-dħul fil-miżbliet (speċjalment fl-Istati Membri ġodda). Iż-żieda fl-ispejjeż minħabba d-Direttiva dwar il-Miżbliet flimkien mat-trawwim tal-għarfien dwar l-ispejjeż "reali" tal-miżbliet fuq medda twila ta' żmien għandhom l-possibilità li jibdlu din is-sitwazzjoni. Bl-istess mod, id-dħul mill-irkuprar tal-enerġija u mill-prodotti jistgħu għall-anqas jaqtgħu l-ispejjeż tal-għażliet ta’ ġestjoni oħra. Dawn imbagħad jistgħu joqorbu tant li kważi jaqtgħu lil xulxin, u jagħmluhom ekonomikament iktar interessanti mir-rimi fil-miżbliet. L-inċinerazzjoni titlob investiment ikbar imma tista’ toffri ekonomiji tal-kobor u ma titlobx tibdil fl-iskemi eżistenti għall-ġbir tal-MSW sabiex jintrema fil-miżbliet, filwaqt li l-qligħ mill-irkuprar tal-enerġija speċjalment meta l-effiċjenza hija fl-aqwa tagħha billi tuża l-iskart f’unitajiet ta’ koġenerazzjoni effiċjenti ħafna għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana. B’firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji tat-trattament bijoloġiku, huwa iktar diffiċli li wieħed jikkwota spiża unika għal dan it-trattament u dan għandu jiddependi wkoll mis-suq għall-prodotti. Hekk kif għandu jkun applikat it-trattament bijoloġiku fir-rigward tal-iskart ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jipproduċi kompost mingħajr periklu, l-ispejjeż għall-ġbir separat tal-bijoskart għandhom jiżdiedu mal-ispejjeż tal-proċess tat-trattament. Il-bejgħ tal-kompost jista' jkun sors ta' dħul ieħor u barra dan, l-irkuprar tal-enerġija li tuża d-diġestjoni anerobika tista' tħalli aktar dħul. Fl-istudju tal-Kummissjoni Ewropea[52] l-estimi tal-ispejjeż finanzjarji tal-ġestjoni tal-bijoskart li ġejjin kienu proposti bħala assunzjonijiet rappreżentattivi għall-UE-15 (2002). - Ġbir separat tal-bijoskart segwit mill-bdil ta’ materjal orgnaniku f’kompost: 35 sa 75 €/tunnellata; - Ġbir separat tal-bijoskart segwit mid-diġestjoni anerobika: 80 sa 125 €/tunnellata; - Ir-rimi tal-iskart imħallat fil-miżbliet: 55 €/tunnellata; - L-inċinerazzjoni tal-iskart imħallat: 90 €/tunnellata. Skont l-Eunomia l-ispejjeż l-oħra għall-ġbir tal-iskart separat huma bejn 0-15 €/tunnellata, filwaqt li l-ipperfezzjonar tas-sistemi tal-ġbir ta’ skart separat (eż. billi jitwalu l-perjodi bejn il-ġbir tal-iskart mhux bijodegredabbli) jista' jnaqqas dawn l-ispejjeż taħt iż-żero tant li jħalli l-qligħ. Min-naħa l-oħra, COWI (2004) jagħti eżempji ta' spejjeż ħafna iktar għolja tal-ġbir tal-iskart separat li jammontaw għal 37-135 €/tunnellata u skont dan huwa possibbli li wieħed jikseb benefiċċji netti mill-ġbir separat tal-bijoskart, saħansitra f'każ li l-ġbir ikun żgħir jew jiddependi minn għadd ta' fatturi (l-ispiża tal-ġbir separat, l-effiċjenza tal-enerġija ta' inċineratur alternattiv, it-tip ta' enerġija spostata minn enerġija li toħroġ minn inċineratur alternattiv). L-ispejjeż tal-investiment tal-impjanti tat-trattament bijoloġiku jvarjaw, skont it-tip ta’ installazzjoni, it-tekniki użati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u r-rekwiżiti għall-kwalità tal-prodott. L-istudju li jappoġġja l-Valutazzjoni tal-Impatt għar-reviżjoni tad-direttiva dwar l-IPPC jikkwota bejn 60–150 €/tunnellata għall-proċess miftuħ tal-kompost u bejn 350-500 €/tunnellata għall-proċess magħluq tal-kompost u d-diġestjoni fl-installazzjonijiet fuq skala kbira[53]. Il-prezzijiet tal-kompost fis-suq huma relatati mill-viċin mal-perċezzjoni pubblika u mal-fiduċja tal-konsumatur fil-prodott. Normalment, il-kompost li jintuża fl-agrikoltura jinbiegħ għall-prezz simboliku (e.ż. 1 €/tunnellata, il-prezz jista’ jinkludi wkoll il-ġarr u t-tqassim). Madankollu, kompost ta’ kwalità magħrufa u mqiegħed sew fis-suq jista’ jitla' sa 14 €/tunnellata, filwaqt li għall-ammonti żgħar ta’ kompost ippakkjat jew ta’ taħlit li jinkludi l-kompost, il-prezz jista’ jitla' sa 150-300€/tunnellata. Fis-swieq tal-kompost li huma żviluppati sew il-prezzijiet huma ogħla (ara l-Kapitolu 3.2). Minħabba prezzijiet għoljin tal-ġarr u l-valur baxx tas-suq, il-kompost normalment jintuża fl-inħawi ta’ ħdejn is-siti fejn jiġi pproċessat il-kompost u bħalissa l-ġarr fuq distanzi twal u l-kummerċ internazzjonali huma limitati u b'hekk inaqqsu l-impatt mis-Suq Intern fuq il-kompetittività ta' dan il-prodott. Ma hemm l-ebda problema bis-suq tal-bijogass jew tal-gass tal-miżbliet. Il-gass jista' jinħaraq fuq il-post sabiex jiġġenera s-sħana u/jew l-elettriku jew jitnaddaf u jittejjeb sabiex jilħaq il-kwalità tal-fjuwil awtomatiku jew tal-gass naturali ppumpjat fin-netwerk. Dawn l-użi għandhom iżidu l-potenzjal tad-diġestjoni anerobika kemm jista’ jkun sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG, u jgħinu sabiex jiksbu l-miri kemm ta' Kyoto u kemm tad-Direttiva dwar l-RES. L-iskemi ta’ ġbir separat jistgħu jgħinu jwarrbu l-fatt li l-iskart bijodegredabbli jintefa’ fil-miżbliet, jipprovdu materjal għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jtejbu l-effiċjenza tal-irkuprar tal-enerġija. Madankollu, hemm sfidi fit-twaqqif ta’ skemi ta' ġbir separat li jinkludu: - Il-ħtieġa li jiġu ddisinjati sistemi tal-ġbir tal-iskart mill-ġdid u li jinbidlu d-drawwiet taċ-ċittadini. Filwaqt li s-sistemi l-oħra ta’ ġbir separat li huma ddisinjati kif xieraq mhux bilfors ikunu għolja ħafna[54], id-disinn u l-mod kif jiġu amministrati kif xieraq jirrikjedu sforz ikbar mis-sistemi tal-ġbir ta' skart imħallat. - Diffikultajiet biex wieħed jidentifika żoni adatti għall-ġbir tal-iskart. F’żoni b’popolazzjoni densa huwa diffiċli li wieħed jiżgura l-purità meħtieġa tal-materjal. F’żoni li ma tantx huma ppopolati l-ġbir separat jista' jkun wisq għali u soluzzjoni aħjar tista' tkun l-bdil tal-prodotti organiċi f'kompost fid-djar stess. - Il-problemi biex wieħed iqabbel l-iskart li jiġi ġġenerat mal-użu tal-materjal riċiklat – minħabba l-ispejjeż tal-ġarr u l-prezzijiet baxxi, l-użu tal-kompost huwa ħafna drabi limitat għall-inħawi viċin l-impjant tat-trattament. Dan jista’ joħloq problemi fiż-żoni b’popolazzjoni densa. - Kwistjonijiet relatati mal-iġjene u l-irwejjaħ – speċjalment fi klimi sħan u li jaħarqu. 4.3. Impatti soċjali u li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa Iktar riċiklaġġ tal-bijoskart hu mistenni jkollu impatti pożittivi limitati fuq l-impjiegi. Impjiegi ġodda jistgħu jinħolqu fil-ġbir tal-iskart u f’impjanti żgħar fejn isir il-kompost. Il-ġbir separat tal-bijoskart jista’ jirrekjedi xogħol tliet darbiet iktar mill-ġbir ta' skart imħallat[55]. Aktarx hu probabbli li l-abitanti taż-żoni koperti mill-ġbir separat se jkollhom jibdlu d-drawwiet tagħhom ta’ kif jisseparaw l-iskart; madankollu, ma hemmx dejta għall-assessjar tal-ispejjeż soċjali tal-ġbir separat. Hemm nuqqas ġenerali fil-kwalità tad-dejta dwar l-impatti fuq is-saħħa ta’ għażliet varji għall-ġestjoni tal-iskart imsejsa fuq studji dwar l-epidemjoloġija. Studju li sar mid-DEFRA[56] ma wera l-ebda effetti ovvji fuq is-saħħa tan-nies li jgħixu biswit il-faċilitajiet għall-ġestjoni tal-MSW. Ma’ dan l-istudju, jista’ jkun hemm bżonn ta' riċerka oħra li għad trid tiġi fil-ġejjieni sabiex tiżgura n-nuqqas ta’ riskji għas-saħħa umana li jiġu minn dawn il-faċilitajiet. Madankollu, ġew identifikati riskji żgħar ta’ difetti fit-twelid f’familji li jgħixu biswit is-siti tal-miżbla u ta’ bronki u mard ħafif għar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi ta’ impjanti (speċjalment miftuħa) li jipproduċu l-kompost. Ma ġie identifikat l-ebda effett ovvju fuq is-saħħa mill-impjanti tal-inċinerazzjoni. 5. Kwistjonijiet għad-diskussjoni 5.1. Prevenzjoni aħjar ta' skart L-ammont tal-bijoskart, għalkemm ġie stabbilit fl-aħħar snin, għandu l-potenzjal li jiżdied (speċjalment fl-UE12)[57]. Dan jista’ juri li hemm il-ħtieġa ta' politiki dwar il-prevenzjoni tal-iskart. Ir-riċerka tar-Renju Unit[58] stmat li jintremew 6.7 miljun tunnellati ta’ ikel mid-djar kull sena fir-Renju Unit biss. Il-prevenzjoni ta’ dan l-iskart jista’ jiffranka għall-anqas 15 miljun tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti f’emissjonijiet kull sena milli jintrema. Madankollu ma hemmx soluzzjonijiet amministrattivi faċli, hekk kif l-azzjonijiet possibbli huma relatati mal-bidla fl-imġieba tal-konsumatur u l-politiki dwar il-bejgħ. Skont Id-Direttiva riveduta dwar l-iskart (WFD), l-Istati Membri se jkollhom ifasslu programmi nazzjonali dwar il-prevenzjoni, li se jindirizzaw ukoll din il-kwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni SCP/SIP se jikkontribwixxi wkoll għal dan l-objettiv[59]. Mistoqsija 1: Il-prevenzjoni tal-iskart hija fil-quċċata tal-ġerarkija tat-trattament tal-iskart fl-UE. Mill-esperjenza tiegħek, x’tista’ tkun azzjoni speċifika ta’ prevenzjoni tal-bijoskart fuq il-livell tal-UE? 5.2. Il-limitazzjoni tar-rimi fil-miżbliet Kif diskuss fit-Taqsimiet 3 u 4, ir-rimi tal-bijoskart fil-miżbliet huwa b'mod ġenerali l-inqas soluzzjoni mixtieqa għall-ġestjoni tal-iskart u dan għandu jitnaqqas. F’ħafna Stati Membri, xorta waħda jistgħu jkunu meħtieġa iktar sforzi ta’ implimentazzjoni u miżuri oħra ta’ infurzar għal ħafna snin sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Miżbliet. Għalhekk jista’ jkun ta’ ġid li wieħed jevalwa jekk it-tisħiħ tal-qafas regolatorju ta’ bħalissa hux se jwassal benefiċċji oħra ambjentali. Dan jista’ jinvolvi iktar azzjoni fuq il-livell tal-UE dwar l-infurzar tal-provvedimenti li hemm bħalissa jew, jekk meħtieġ, tissaħħaħ id-Direttiva. Bl-istess mod, għarfien ikbar tal-alternattivi u d-dħul li għandu x’jaqsam ma’ dan jistgħu jippromwovu bidla, speċjalment jekk il-bdil fl-infrastruttura huma appoġġati finanzjarjament. Mistoqsija 2: Tara benefiċċji jew żvantaġġi li wieħed ikompli jillimita l-ammont tal-iskart bijodegredabbli li jitħalla fuq il-miżbliet lil hinn mill-miri li huma diġà ffissati fid-Direttiva dwar il-Miżbliet fl-UE? Jekk iva, dan għandu jsir fuq il-livell tal-UE jew jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu? 5.3. Għażliet għat-trattament tal-bijoskart li ma jibqax jintrema fil-miżbliet Ladarba l-bijoskart ma jibqax jintrema fil-miżbliet, jista' jgħaddi minn bosta għażliet ta' trattamenti kif deskritt fit-Taqsimiet 3 u 4. Huwa diffiċli li wieħed jiddeċiedi dwar l-għażla unika l-iktar vantaġġjuża għall-ġestjoni tal-bijoskart fiċ-ċirkostanzi kollha minħabba għadd kbir ta’ varjabbli u konsiderazzjonijiet lokali li għandhom jitqiesu. Il-ġestjoni tal-bijoskart li ma għadux jintrema fil-miżbliet għandu jiġi indirizzat permezz ta' miżuri oħra li jappoġġjaw iċ-ċaqliq minn trattament sempli ċi li jsir qabel ma jintrema l-iskart fil-miżbliet għal inċinerazzjoni bi ftit jew l-ebda rkuprar ta' enerġija, diġestjoni anerobika bil-produzzjoni tal-bijogass u riċiklaġġ tal-bijoskart. Minbarra l-valutazzjonijiet li jenfasizzaw il-benefiċċji, dan jista’ jissaħħaħ billi jintlaħqu l-miri għall-ikbar ammont ta' skart residwu li jista' jitħalla jintrema (ir-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni mingħajr irkuprar ta' enerġija) jew miżuri oħra sabiex jgħin iktar bijoskart jersaq lejn l-irkuprar tal-materjal u tal-enerġija. Mistoqsija 3: Liema għażliet għat-trattament tal-bijoskart li ma għadux jintrema fil-miżbliet tippreferi tara jissaħħu u x’tara bħala benefiċċji prinċipali fihom? Taħseb li l-għażla tat-trattament tal-bijoskart li ma għadux jintrema fil-miżbliet għandu jibbenefika minn użu iktar wiesa’ u iktar konsistenti tal-istudji dwar il-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja? 5.4. It-titjib fl-irkuprar tal-enerġija Sabiex wieħed jilħaq il-miri tal-enerġija rkuprata, l-irkuprar tal-enerġija jista’ jkun imħeġġeġ sew permezz tal-iżviluppi fiż-żona tad-diġestjoni anerobika għall-produzzjoni tal-bijogass u billi ttejjeb l-effiċjenza tal-inċinerazzjoni tal-iskart, per eżempju bl-użu tal-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. Kull tunnellata ta’ bijoskart mibgħut għat-trattament bijoloġiku jista’ jwassal bejn 100-200m3 ta’ bijogass li jista’ jogħla grad skont l-istandards tal-gass naturali bl-użu ta' bejn 3 u 6% ta’ din l-enerġija. Id-diġestjoni anerobika tal-iskart imħallat iġib l-istess akkwisti tal-enerġija imma jagħmel l-użu ta’ iktar residwi diffiċli. Ħafna mill-enerġija miksuba permezz tal-inċinerazzjoni tal-MSW tirriżulta mill-ħruq ta’ frazzjonijiet b’livell kalorifiku għoli bħall-karta, plastika, tajers, u materjali sintetiċi filwaqt li “l-frazzjoni umda” tal-iskart bijodegredabbli inaqqas l-effiċjenza tal-enerġija globali[60]. Madankollu, il-frazzjoni bijodegredabbli tal-iskart muniċipjali (imma li jinkludi l-karta) għadu jwassal madwar 50% tal-enerġija li tiġi mill-impjant tal-inċinerazzjoni u iktar riċiklaġġ tal-bijoskart jista’ jillimita l-ammont ta’ bijoskart disponibbli għall-inċinerazzjoni. Mistoqsija 4: Taħseb li l-irkuprar tal-enerġija mill-bijoskart jista’ jagħmel kontribuzzjoni iktar siewja lir-riżorsi sostenibbli u lill-ġestjoni tal-iskart fl-UE u jilħaq il-miri tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli b’mod sostenibbli u, jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet? 5.5. Iż-żieda tar-riċiklaġġ Kif diskuss fil-kapitolu 4 ir-riċiklaġġ tal-bijoskart (e.ż. il-kompost użat għall-ħamrija u għall-produzzjoni ta’ materjal għat-tkabbir) jista’ jirriżulta f'xi benefiċċji, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib tal-ħamriji li ma’ fadlilhomx karbonju. Barra mill-valutazzjonijiet, azzjoni ġdida li ssaħħaħ r-riċiklaġġ tal-bijoskart tista’ għalhekk tikkompremetti tliet kwistjonijiet relatati bejniethom: il-miri tar-riċiklaġġ, ir-regoli tal-kwalità u l-użu tal-kompost u l-appoġġ ta’ azzjoni fil-forma ta’ ġbir separat. 5.5.1. Miri komuni għar-riċiklaġġ tal-bijoskart Fil-prinċipju, dawn il-miri jistgħu jiġu introdotti kemm fil-leġiżlazzjoni separata dwar il-bijoskart jew fil-ħarsa mill-ġdid lejn il-miri tar-riċiklaġġ fl-2004 li huma ffissati fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart. Minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri dwar dak li għandu x’jaqsam mad-domanda għall-kompost u l-enerġija, il-ġenerazzjoni ta’ skart, id-densità tal-popolazzjoni, eċċ, tista’ tkun diffiċli jew mhux xierqa li wieħed jiffissa mira ta’ “kejl li jgħodd għal kulħadd” filwaqt li jevita effetti negattivi ambjentali, ekonomiċi u amministrattivi u jista’ jkun hemm il-ħtieġa li wieħed jagħti lok lill-flessibbiltà nazzjonali sabiex tidentifika l-aħjar għażla ta’ ġestjoni f’kull sitwazzjoni. 5.5.2. Miri nazzjonali għar-riċiklaġġ tal-bijoskart Din l-għażla tista’ tkun varjant ta’ mira ġenerali għall-bijoskart iffissata fuq il-livell ta’ Komunità. L-Istati Membri għandhom jitħallew iressqu l-proposti tal-miri nazzjonali tagħhom fl-aqwa livell possibbli għal kull pajjiż li jqis il-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart u l-Kunċett taċ-Ċiklu tal-Ħajja. . Dawn il-miri għandhom jaġixxu bħala muturi għall-partijiet interessanti nazzjonali u jiffissaw linji ċari għall-politiki dwar il-bijoskart fuq livell nazzjonali u reġjonali. Madankollu ikun hemm riskju li l-miri jiġu ffissati b’nuqqas ta' ambizzjoni. Tista' tkun eżaminata mill-ġdid il-possibilità li jiġu ffissati l-miri nazzjonali fil-leġiżlazzjoni tal-UE. 5.5.3. Obbligu ta’ ġbir separat It-tisħiħ tal-provvista ta’ bijoskart “nadif” jista’ jinkoraġġixxi l-investiment fil-proċess tal-kompost u l-faċilitajiet tal-bijogass. Dan jista’ jirrikjedi l-organizzazzjoni ta’ ġbir ta’ skart separat fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ bijoskart (magħżul) possibilment flimkien ma’ miri li jkejlu l-progress li jirrikjedu rappurtar ġdid u infurzar tal-obbligi għall-amministraturi tal-iskart u l-awtoritajiet, u b'hekk joħloq spejjeż oħra u piżijiet amministrattivi għall-intrapriżi u amminstrazzjonijiet pubbliċi, li għandhom jitqiesu f’miżien mal-benefiċċji ambjentali. Mistoqsija 5: Tara bżonn li għandu jkun hemm promozzjoni tar-riċiklaġġ tal-bijoskart (i.e. il-produzzjoni tal-kompost jew l-użu tal-materjal li nbidel f’kompost mal-art), u jekk iva, kif? Kif jistgħu jinkisbu sinerġiji bejn ir-riċiklaġġ tal-bijoskart u l-irkuprar tal-enerġija? Jekk jogħġbok agħti l-provi meħtieġa. 5.6. Il-kontribut lejn it-titjib tal-ħamrija Kif jidher fid-dettal fit-Taqsima 4, il-ġestjoni tal-bijoskart tista’ ttejjeb il-ħamriji tal-UE billi twassal kompost bla periklu għalkemm il-potenzjal ġenerali huwa limitat (saħansitra żieda massima ta' riċiklaġġ tal-bijoskart madwar l-UE ma tistax tagħti iktar minn 3.2% tal-art agrikola). Madankollu, sabiex wieħed jevita r-riskju tat-tniġġis tal-ħamrija u jsaħħaħ il-fiduċja tal-utenti, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' introduzzjoni ta' standards komuni dwar it-trattament tal-bijoskart u l-kwalità tal-kompost. 5.6.1. Standards tal-UE għal kompost ta’ kwalità tajba L-iffissar ta’ standards komuni tal-UE għandhom jikkjarifikaw meta l-materjal prodott mill-bijoskart ikun lesta l-proċess tal-irkuprar u jista’ jidher bħala prodott iktar milli bħala skart li b'hekk isaħħaħ il-ħarsien ambjentali u tas-saħħa u jtejjeb is-suq billi jżid il-fiduċja fl-utent u jiffaċilita n-negozju bejn il-fruntieri. Hemm pjanijiet li dawn l-istandards jiġu ffissati fil-ġejjieni qarib taħt id-Direttiva ta’ Qafas dwarl-Iskart (il-“kriterji dwar it-tmien tal-iskart”). 5.6.2. Standards tal-UE għall-bijoskart ittrattat ta’ kwalità iktar inferjuri Jistgħu jiġu ffissati regoli komuni tal-UE għall-użu tal-bijoskart ittrattat, bħall-kompost ta’ kwalità baxxa, li jista' jibqa' suġġett għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, bl-istess mod għar-rekwiżiti għat-tixrid tal-materjal li jġorr id-drenaġġ fuq l-art agrikola. Dawn ir-regoli jinkludu l-kriterji tal-kwalità u l-kwantità kollha ta' metalli tqal li tista' tintrema u materjali oħra li jniġġsu fil-kompost u l-ħamrija. “Il-kompost magħmul mill-iskart” jista’ jitqassam f’iktar sottokategoriji skont l-applikazzjoni tal-potenzjal tagħhom. “Il-kompost” ta’ kwalità iktar inferjuri jkollu jintrema. 5.6.3. Ir-regoli ffissati fuq il-livell nazzjonali Bħala alternattiva għar-regoli komuni tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jintalbu jistipulaw regoli nazzjonali fi ħdan qafas komuni, li jippermettilhom jadattaw regoli dettaljati skont il-konsiderazzjonijiet reġjonali jew lokali dwar l-ambjent u l-ħarsien tas-saħħa, u l-għażliet tal-ġestjoni tal-ħamrija. L-iżvantaġġi ta’ dan l-approċċ huma li titkompla l-inċertezza fis-suq intern, il-fragmentazzjoni li aktarx tirriżulta, il-komplikazzjonijiet għall-konsenji, u piż amministrattiv għall-operaturi. Jista’ jxekkel ukoll il-ksib tal-għan politiku miftiehem ta’ swieq ta’ riċiklaġġ aktar f’saħħithom għal Soċjeta Ewropea ta’ Riċiklaġġ. Mistoqsija 6: Sabiex jissaħħaħ l-użu ta’ kompost/diġestat: - L-istandards ta’ kwalità għandhom jiġu stipulati għal kompost bħala prodott biss jew anke għal kompost ta’ kwalità iktar baxxa li għadu kopert mill-iskema tal-iskart (eż. għal applikazzjonijiet li mhumiex marbuta mal-produzzjoni tal-ikel)? - Ir-regoli għall-użu ta’ kompost/diġestat għandhom jiġu stipulati (eż. limiti ta’ konċentrazzjoni ta’ pollutanti fil-kompost/diġestat u art li fiha jintefgħu kompost/diġestat)? - Dawn l-istandards, fuq liema pollutanti u konċentrazzjonijiet għandhom ikunu bbażati? - X’inhuma l-argumenti favur jew kontra l-użu ta’ kompost (diġestat) minn skart imħallat? 5.6.4. Standards għall-operat (trattament) għal impjanti żgħar Impjanti li jittrattaw aktar minn 50 tunnellata ta’ bijoskart kuljum (l-iktar kapaċità ta’ proċess ta’ kompost u diġestjoni) se jkunu koperti mid-Direttiva riveduta tal-IPPC. Li jkunu koperti mpjanti li jittrattaw anqas minn 50 tunnellata nstab li ma kienx proporzjonat[61]. Id-Dokument ta’ Referenza tal-BAT rilevanti[62] jkopri d-diġestjoni anerobika u t-trattament mekkaniku bijoloġiku, iżda mhux l-produzzjoni tal-kompost. Għadu jrid jiġi deċiż jekk impjanti tal-kompost li ma jaqgħux taħt ir-Regolament tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali għandhom ikunu konformi ma’ ċerti rekwiżiti ta’ sanità u monitoraġġ bħala punt ta’ referenza għall-liċenzjar u biex jiggarantixxu li l-kompost użat fuq l-art huwa bla periklu. Mistoqsija 7: Hemm evidenza ta’ lakuni fil-qafas regolatorju eżistenti li jikkonċerna l-istandards tal-operat għall-impjanti li ma jaqgħux taħt l-ambitu tal-IPPC, u jekk iva, kif għandhom jiġu indirizzati? 5.7. Użi oħrajn tal-bijoskart Bosta attivitajiet ta’ riċerka ppjanati u li qiegħdin isiru għandhom l-għan li jiżviluppaw mezzi alternattivi biex jisfruttaw il-bijomassa residwa u l-bijoskart biex tkun indirizzata l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u d-deterjorazzjoni tal-kwalità tal-ħamrija. Għażliet oħrajn għat-trattament tal-bijoskart qed jiġu skoperti fil-livell tar-riċerka (eż. bijokar[63]). Mistoqsija 8: X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tat-tekniki tal-ġestjoni tal-bijoskart imsemmija hawn fuq? Tara li hemm xkiel regolatorju li jipprevjeni aktar żvilupp u l-introduzzjoni ta’ dawn it-tekniki? Kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta' dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Marzu 2009, permezz ta’ posta elettronika lill-“ENV-BIOWASTE@ec.europa.eu”, jew bil-posta f’dan l-indirizz li ġej: European Commission Directorate-general Environment Unit G.4 “Sustainable production and consumption” B-1049 Brussels Din il-Green Paper se tkun ippubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Il-kontribuzzjonijiet li jintbagħtu se jiġu ppubblikati, sakemm l-awtur ma jkunx oġġezzjona għal pubblikazzjoni ta’ dejta personali għar-raġuni li tali pubblikazzjoni tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu/tagħha. F'dak il-każ, il-kontribuzzjoni tista' tiġi ppubblikata f'forma anonima. Jekk ma jsirx dan, il-kontribuzzjoni ma tiġix ippubblikata, u l-kontenut tagħha, bi prinċipju, ma jitteħidx f'kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, bit-tnedija tar-Reġistru għal Rappreżentanti ta’ Interess (dawk li jagħmlu l-lobbying) f’Ġunju 2008, bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza, l-organizzazzjonijiet huma mistiedna jużaw ir-Reġistru biex jipprovdu lill-Kummissjoni u l-pubbliku ġenerali b’tagħrif dwar l-għanijiet, il-finanzjament u l-istrutturi tagħhom[64]. Hija l-politika tal-Kummissjoni li l-preżentazzjonijiet jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet individwali, jekk ma jirreġistrawx l-organizzazzjonijiet[65]. Lejn l-ahhar ta’ l-2009, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta l-analiżi tagħha dwar ir-reazzjonijiet li jaslulha, flimkien, fejn xieraq, mal-proposti u/jew l-inizjattivi tagħha għal strateġija tal-UE dwar il-ġestjoni tal-bijoskart. [1] Ara: KUMM(2001) 264, KUMM(2005) 670, KUMM(2005) 666. [2] KUMM(2007) 59. [3] Stima msejsa fuq id-dejta tal-Eurostat dwar l-iskart muniċipali (2008). [4] Id-Direttiva ta’ Qafas riveduta dwar l-Iskart (2005/0281(COD)). [5] Id-Direttiva 1999/31/KE. [6] Skont l-Anness II tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, il-faċilitajiet tal-inċinerazzjoni magħmulin b'mod speċifiku għall-ipproċessar tal-MSW huma meqjusin bħala attività ta' rkuprar fejn l-effiċjenza tal-enerġija tagħhom hija daqs jew iktar minn 0.60 għall-installazzjonijiet li jibdew joperaw qabel l-1 ta' Jannar 2009 u 0.65 għall-installazzjonijiet li huma awtorizzati wara l-31 ta' Diċembru 2008. [7] Ta’ sikwit nirriferu għall-parti ta’ skart li tiġi ttrattata qabel l-iskart jiġi nċinerat bħala RDF (fjuwil li jsir mill-iskart) [8] Id-Direttiva 2001/77/KE. [9] KUMM(2008) 19. [10] ORBIT/ECN, 2008. [11] Fl-2007, f’Lille nfetaħ l-ikbar ċentru tal-Ewropa għall-bijogass bħala bijofjuwil. Imsejjes fuq it-trattament tal-iskart organiku separat miġbur minn din il-muniċipalità ta’ 1.1 miljun ruħ, jipproduċi 4 miljun Nm2 ta’ bijogass fis-sena mibdul fi fjuwil tajjeb għat-trasport, li jservi flotta ta’ 150 xarabank tas-sistema tat-trasport muniċipali. [12] EEA, 2007 (1). [13] Ara ACR+, 2008 u ĊKR, 2007. [14] Din u dejta oħra dwar il-miżbliet tinsab fil-Eurostat, 2008 [15] Eurostat, 2008. [16] Juniper, 2005. [17] L.de Baere, 2008. [18] ara eż. http://ec.europa.eu/environment/waste/publications/compost_success_stories.htm [19] ORBIT/ECN, 2008. [20] ORBIT/ECN, 2008. [21] Kull tunnella ta’ bijoskart tirriżulta fil-produzzjoni ta’ bejn 350 u 400 kg ta’ kompost. [22] ORBIT/ECN, 2008 – minħabba dejta ġenerali ħafna, ma hemmx total ta’ 100%. [23] Fil-PL, 100% tal-kompost hu wżat għar-ristorazzjoni tal-art jew biex jitgħattew il-miżbliet minħabba l-kwalità fqira ta’ kompost. [24] KUMM(2006) 231 u 2006/2293(INI). [25] ORBIT/ECN, 2008. [26] Ir-Regolamenti 2092/91/KEE (sal-31/12/2008) u 834/2007/KE (sa mill-1.1.2009). [27] fid-Deċiżjoni 2006/799/KE. [28] fid-Deċiżjoni 2007/64/KE. [29] KUMM(2006) 231. [30] Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007, fi Brussell. [31] Bħalissa d-Direttiva dwar ir-RES hija nnegozjata skont proċedura ta' kodeċiżjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. [32] KUMM(2006) 848. [33] EEA, 2006. [34] www.ipcc.ch [35] EEA, 2007 (2) (fig. 6.24). [36] KUMM(96) 557. [37] AEA, 2001. [38] L-Eunomia (2002) assumiet li inċineratur rappreżentattiv (tal-UE15) li jipproduċi biss elettriku, jikseb 21% tal-effiċjenza fl-enerġija u impjanti tas-CHP jiġġeneraw enerġija ta’ 75% effiċjenza. [39] http://ec.europa.eu/energy/res/consultation/uses_biomass_en.htm [40] AEA, 2001, Tabella A5.46, p.140. [41] Brussell, 2001. [42] Vito, 2007. [43] ĊRK, 2007. [44] Ara: http://lca.jrc.ec.europa.eu/waste/ . [45] ĊKR, 2007 u ĊKR, 2009. [46] ĊRK, 2007. [47] Kopenħagen, 2007 [48] ĊRK, 2007. [49] Heidelberg, 2002. [50] ĊRK, 2007. [51] http://viso.jrc.ec.europa.eu/lca-biowaste u http://lca.jrc.ec.europa.eu/waste / [52] Eunomia, 2002. [53] Vito, 2007. [54] Jistgħu jitqiesu sistemi ipperfezzjonati ta' ġbir ta’ skart separat li jistgħu jnaqqsu sew il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart residwu, kif ukoll jiffrankaw mir-rimi. Ara eż. Favoino, 2002. [55] Eunomia msemmija minn COWI, 2004. [56] DEFRA, 2004. [57] EEA CSI-16. [58] WRAP, 2008. [59] KUMM(2008) 397. [60] AEA, 2001, Tabelli A3.36 u A3.37, p. 118. [61] Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Proposta tad-Direttiva dwar Emissjonijiet Industrijali. [62] It-Trattament tal-Iskart tal-BREF. [63] Eż. Fowles, 2007 u Lehmann, 2007. [64] www.ec.europa.eu/transparency/regrin [65] KUMM(2007) 127.