Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0392

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ikel għal persuni li jbatu minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete)

/* KUMM/2008/0392 finali */

In force

52008DC0392

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ikel għal persuni li jbatu minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete) /* KUMM/2008/0392 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 26.6.2008

COM(2008) 392 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR IKEL GĦAL PERSUNI LI JBATU MINN TAQLIB FIL-METABOLIŻMU TAL-KARBOIDRATI (DIJABETE)

WERREJ

1. Għan tar-rapport 3

2. Diabetes mellitus 3

2.1. Taqlib metaboliku 4

3. Trattament tad-dijabete 5

4. Pariri dijetetiċi 5

4.1. Bażi xjentifika għal parir dijetetiku 5

4.2. Rakkomandazzjonijiet Dijetetiċi Ewropej 6

4.2.1. Grupp ta' Sudju dwar id-Dijabete u n-Nutrizzjoni ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudji tar-Rakkomandazzjonijiet dwar id-Dijabete 6

4.2.2. Rakkomandazzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Nazzjonali tad-Dijabete ta' l-Istati Membri 6

4.3. Sommarju tal-parir dijetetiku 6

5. Informazzjoni pprovduta minn Stati Membri u partijiet interessati dwar l-ikel għal persuni b'dijabete 8

5.1. Pożizzjoni korrenti regolatorja f'xi Stati Membri ta' l-UE 9

5.2. Ikel imqiegħed fis-suq meqjus adatt għad dijabetiċi li jinsab attwalment fis-suq Ewropew 11

5.3. Opinjonijiet ta' partijiet interessati oħra 11

6. Leġiżlazzjoni 12

6.1. Qafas leġiżlattiv korrenti 12

6.2. Għażliet leġiżlattivi possibbli 13

7. Konklużjonijiet 13

REFERENZI 15

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR IKEL GĦAL PERSUNI LI JBATU MINN TAQLIB FIL-METABOLIŻMU TAL-KARBOIDRATI (DIJABETE)

GħAN TAR-RAPPORT

Id-Direttiva 89/398/KEE dwar l-oġġetti ta' l-ikel għal użu ta' nutrizzjoni partikulari[1], altrimenti msejħa ikel dijetetiku, jistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar ix-xewqa ta' dispożizzjonijiet speċjali għal ikel għal persuni li jbatu minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete). Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-rakkomandazzjonijiet dijetetiċi għal persuni bid-dijabete u l-leġiżlazzjoni korrenti Ewropea dwar l-ikel maħsub għalihom biex ix-xewqa ta' dispożizzjonijiet speċjali għal ikel għal persuni bid-dijabete tkun tista' tiġi assessjata.

Diabetes mellitus

Id-diabetes mellitus hu grupp ta' taqlib fil-metaboliċi kkaratterizzati b'ipergliċemija kronika (livell għoli ta' zokkor żejjed fid-demm) u intolleranza għaz-zokkor minħabba defiċjenza fl-insulina, effettività debboli ta' l-azzjoni ta' l-insulina jew it-tnejn li huma. Normalment l-insulina ta' l-ormoni, prodotta mill-frixa, tikkontrolla l-livell taz-zokkor fid-demm permezz taċ-ċirkolazzjoni taz-zokkor mid-demm għaċ-ċelloli tal-ġisem fejn tintuża bħala sors ta' enerġija.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddefinixxiet żewġ klassifikazzjonijiet prinċipali għad-diabete mellitus.

Id-dijabete ta' l-1 tip (storikament magħrufa bħala diabetes mellitus dipendenti fuq l-insulina (IDDM) jew dijabete tal-minorenni), fejn il-frixa ma jirnexxilhiex tipproduċi l-insulina meħtieġa biex wieħed jgħix. Din il-forma ta' dijabete tiżviluppa l-aktar fit-tfal u fl-adolexxenti, iżda qed tiġi nnotata b'mod aktar spiss aktar tard matul il-ħajja. Din tiġi mmedikata permezz ta' injezzjoni u l-immaniġġjar tad-dieta.

Id-dijabete tat-2 tip (li qabel kien magħruf bħala diabetes mellitus mhux dipendenti fuq l-insulina (NIDDM) jew id-dijabete ta' l-adulti), li tirriżulta mill-inabbiltà tal-ġisem li jwieġeb b'mod xieraq għall-azzjoni ta' l-insulina prodotta mill-firxa. Id-dijabete tat-2 tip tammonta għal madwar 90 % tal-każijiet ta' dijabete mad-dinja kollha. Din toħroġ ta' spiss fl-adulti, iżda qed tidher ta' spiss ukoll f'adulti b'età żagħżugħa u fit-tfal. Din il-forma ta' dijabete normalment hi kkurata permezz ta' tibdiliet fil-mod kif wieħed jgħix bħalma hi attività ta' dieta u fiżika weħedhom jew flimkien ma' aġenti ipoglikimiċi, għalkemm kultant jista' jkun meħtieġa injezzjonijiet ta' l-insulina.

Jeżistu klassifikazzjonijiet oħrajn ta' dijabete li joriġinaw minn difetti ġenetiċi, mard tal-frixa, u taqlib ikkaġunat minn droga jew kimika. Teżisti wkoll id- dijabete tat-tqala , li taffettwa n-nisa matul it-tqala u normalment tisparixxi wara t-twelid tat-tarbija. Nisa li kellhom id-dijabete tat-tqala għandhom riskju ogħla li jiżviluppaw id-dijabete aktar tard f'ħajjithom.

Taqlib metaboliku

L-effett metaboliku tad-diabetes mellitus hu aktar minn taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati billi dan jinkludi taħwid fil-metaboliżmu tal-proteina u tax-xaħam li huma kkawżati minħabba nuqqas ta' azzjoni ta' l-insulina fuq it-tesuti mmirati li jirriżulta minn nuqqas ta' sensittività għall-insulina jew minn nuqqas ta' insulina. Bħala riżultat, tonqos l-abbiltà tal-ġisem li jibdel iz-zokkor f'enerġija.

Id-dijabete normalment turi lilha nfisha bħala ipergliċemija, li tirriżulta minħabba zokkor li jidħol fiċ-ċirkolazzjoni b'rata akbar milli jista' jitneħħa. Il-livelli taz-zokkor fid-demm matul is-sawm u wara l-ikel (ta' wara l-pranzu) huma regolati mill-mekkaniżmi li huma, sa ċertu punt, differenti. Il-livelli taz-zokkor ta' wara l-pranzu fid-demm huma b'mod wiesa' dipendenti fuq kompożizzjonijiet ta' ikel, filwaqt li livelli taz-zokkor fid-demm minħabba sawm jirriflettu primarjament ir-rata tal-produzzjoni taz-zokkor mill-fwied.

Jeżistu diversi parametri ta' dieta li jinfluwenzaw iz-zokkor fid-demm, bħalma huma l-ammont u t-tipi ta' ikel ikkunsmati u l-kwalitajiet tagħhom. Ġie osservat li xi ikel komuni bl-istess tip u ammont ta' karboidrati jista' jħalli effetti differenti fuq il-livell taz-zokkor fid-demm (reazzjoni glikimika). Ir-reazzjonijiet glikimiċi differenti bl-istess ammont ta' karboidrati jiddependu prinċipalment mir-rata ta' assorbiment mill-musrana ż-żgħira. It-tip ta' karboidrat hu fattur prinċipali li jaffettwa l-assorbiment. Influwenzi oħra fir-rata ta' l-assorbiment huma t-tisjir u l-ipproċessar ta' l-ikel.

L-alkoħol jaffettwa l-livelli taz-zokkor fid-demm billi jwaqqaf il-produzzjoni taz-zokkor fil-fwied, li jwassal biex jitbaxxew il-livelli tal-plażma taz-zokkor. Iżda, jekk bid-drawwa jittieħed f'ammonti kbar, l-alkoħol jaffettwa ħażin is-sensitività ta' l-insulina, u jwassal għal livelli miżjuda tal-plażma taz-zokkor.

Dijabete li ma tkunx ikkurata b'mod tajjeb iżżid ir-riskju ta' mard vaskulari u newroloġiku u tqassar il-ħajja. Jeżistu wkoll kumplikazzjonijiet, bħalma hu t-telf tad-dawl, assoċjat ma' ħsara fil-vini u nervituri kkawżata minn livelli għoljin b'mod persistenti ta' zokkor fid-demm. Iż-żamma ta' kontroll sħiħ fuq iz-zokkor tad-demm (u fuq il-pressjoni tad-demm) tista' tnaqqas il-probabbiltà ta' komplikazzjonijiet.

Trattament tad-dijabete

L-għan tat-trattament ta' nies bid-dijabete hu li jinġiebu għan-normal il-livelli taz-zokkor fid-demm u anki biex jitnaqqsu kemm jista' jkun il-komplikazzjonijiet ikkawżati mid-dijabete. Il-kura teħtieġ li tkun adattata għall-individwu, li jrid jitgħallem jintegra l-monitoraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm ma' l-immaniġġjar tad-dieta u l-attività fiżika u, jekk meħtieġ, aġenti ipoglikimiċi jew injezzjonijiet ta' insulina.

Pariri dijetetiċi

Storikament, id-dieta rrakkomandata għal persuni b'dijabete kienet iffukata fuq it-teħid tal-karboidrati. Qabel l-1980 kienu jaħsbu li l-kontroll taz-zokkor fid-demm ma setax jitwettaq mingħajr restrizzjoni tal-karboidrati. Il-parir kien li wieħed għandu jillimita t-teħid tal-karboidrati, speċjalment it-teħid taz-zokkor, u li l-karboidrati kellhom għalhekk jipprovdu anqas minn 40 % ta' teħid ta' l-enerġija. Ir-riċerka mill-1970 uriet li teħid aktar liberali ta' karboidrati mhux ta' dannu għal kontroll tajjeb taz-zokkor fid-demm u, skond it-teorija żviluppata fil-bidu ta' l-1980, kien it-teħid totali ta' l-enerġija, milli t-teħid tal-karboidrati, li kellu impatt fuq il-livelli taz-zokkor. Barra minn dan, dieta b'ħafna xaħam ikkontribwixxiet għall-iżvilupp ta' komplikazzjonijiet tad-dijabete bħalma hi ħsara fil-vini li tikkawża mard tal-qalb. Fl-1980 il-parir dijetetiku nbidel biex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-karboidrati għat-teħid ta' l-enerġija u jitnaqqas il-proporzjon ta' enerġija mix-xaħam, speċjalment xaħam issaturizzat, u proteina. Kien irrakkomandat li d-dieta trid tkun ogħla fil-fibra u li kellu jiżdied l-ammont tal-frott u tal-ħxejjex mikulin. Attwalment, il-parir dijetetiku għal persuni b'dijabete hu bbażat fuq l-istess parir kif mogħti lil pubbliku inġenerali dwar ikel tajjeb għas-saħħa, adattat għal ħtiġijiet individwali.

Bażi xjentifika għal parir dijetetiku

Fl-2004, f'isem il-Grupp ta' Studju dwar id-Dijabete u n-Nutrizzjoni ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudju tad-Dijabete (DNSG ta' l-EASD), Mannii irriveda l-evidenza dwar il-parir dijetetiku għal persuni b'dijabete u għamel rakkomandazzjonijiet. L-Anness I jiġbor fil-qosor il-punti ewlenin imsemmija fl-analiżi.

Fl-2002 il-grupp immexxi minn Franziii ippubblika analiżi teknika dwar l-evidenza bażika għall-prinċipji nutrittivi u rakkomandazzjonijiet għal kura u l-prevenzjoni tad-dijabete u komplikazzjonijiet relatati, li tifforma l-bażi tal-pożizzjoni dikjarataiv ta' l-Assoċjazzjoni Amerikana għad-Dijabete dwar din il-kwistjoni. Il-konklużjonijiet ġenerali ta' l-analiżi teknika ta' Franziii kienu simili għal dawk ta' Mannii.

Rakkomandazzjonijiet Dijetetiċi Ewropej

Grupp ta' Sudju dwar id-Dijabete u n-Nutrizzjoni ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudji tar-Rakkomandazzjonijiet dwar id-Dijabete

F'ħafna pajjiżi ta' l-UE, pereżempju fid-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Ungerija u s-Slovenja, il-parir dijetetiku lil persuni b'dijabete hu bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Studju dwar id-Dijabete u n-Nutrizzjoni ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudju tad-Dijabete (DNSG ta' l-EASD).

Fl-2004 r-rakkomandazzjonijiet tad-DNSG kkunsidraw l-evidenza dwar ir-rwoli ta' aċidi mhux saturizzati li fihom ix-xaħam, l-ikel b'indiċi baxxa ta' glikimika, l-effetti potenzjali ta' protezzjoni tal-qalb tan-nutrijenti antiossidanti, il-ħtieġa li jiġi evitat teħid eċċesssiv ta' proteina u l-benefiċċji ta' l-attività fiżika. Id-DNSG tenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet dijetetiċi għal persuni b'dijabete huma simili ħafna għal dawk immirati għal popolazzjoni inġenerali għall-promozzjoni ta' saħħa tajba. Sommarju tar-rakkomandazzjonijiet u tal-parir dijetetiku qed jingħata fl-Anness II.

Rakkomandazzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Nazzjonali tad-Dijabete ta' l-Istati Membri

Xi organizzazzjonijiet nazzjonali tad-dijabete għandhom il-linji gwida tagħhom għall-profil ġenerali ta' nutrijent ta' dieti għad-dijabetiċi. Pereżempju, Franza, l-Iżvezja u r-Renju Unit jipprovdu l-parir dijetetiku tagħhom lil persuni b'dijabete. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-makronutrijenti huma l-istess, jiġifieri l-karboidrati jikkontribwixxu madwar 45-60 % tat-total ta' l-enerġija, ix-xaħmijiet jipprovdu <30-35 % ta' l-enerġija, u l-proteina jipprovdu 10-15 % tat-teħid ta' enerġija. Il-kontribut tat-tipi differenti ta' aċidi grassi għat-teħid ta' enerġija hu wkoll simili: aċidi ssaturizzati jew transgrassi jipprovdu <10 % ta' l-enerġija; aċidi grassi polyunsaturated jipprovdu wkoll <10 % tat-teħid ta' enerġija; u aċidi grassi monounsaturated jipprovdu madwar 10-20 % ta' enerġija. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma wkoll konformi mal-parir tad-DNSG u ta' l-EASD.

L-Anness II jiġbor fil-qosor il-parir speċifiku għall-immaniġġjar tad-dieta tad-dijabete minn diversi organizzazzjonijiet fl-Ewropa.

Sommarju tal-parir dijetetiku

Id-dijabete hi taqlib fil-metaboliżmu makronutrijent. L-għan ewlieni tal-kura hu li jiġu kkontrollati l-livelli taz-zokkor fid-demm u biex jitnaqqas ir-riskju ta' komplikazzjonijiet bħalma hi l-ħsara ta' vini u dik newroloġika. Jista' jkun ukoll meħtieġ għal persuni b'dijabete li jimmiraw biex jakkwistaw l-aqwa status lipidu fid-demm. Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu b'mezzi differenti, inkluż dieta mikula b'mod xieraq.

Żewġ analiżijiet tekniċi dwar l-evidenza għall-immaniġġjar nutrittiv ta' pazjenti b'dijabete, waħda magħmula f'isem il-Grupp ta' Studju dwar id-Dijabete u n-Nutrizzjoni ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudju tad-Dijabete (DNSG ta' l-EASD) u l-oħra magħmula għall-Assoċjazzjoni Amerikana tad-Dijabete, jindikaw li fid-dawl ta' evidenza xjentifika l-parir dijetetiku b'mod ġenerali lil persuni b'dijabete hu li dawn għandhom jagħżlu dieta tajba għas-saħħa u li għandhom ikunu kapaċi jagħmlu dan minn ikel normali.

Ir-rakkomandazzjonijiet dijetetiċi lil persuni b'dijabete fl-Istati Membri differenti huma simili. B'mod ġenerali, il-parir dijetetiku lil persuni b'dijabete hu l-istess bħall-parir ta' l-ikel tajjeb għas-saħħa mogħti lill-popolazzjoni inġenerali. Mhemmx bżonn li jiġi eskluż ikel partikulari jew nutrijenti mid-dieta iżda l-bilanċ tad-dieta ġenerali hu importanti. Individwi b'dijabete jeħtiġilhom jippjanaw l-ikliet tagħhom b'tali mod biex jimminimizzaw bidliet fil-konċentrazzjonijiet taz-zokkor fid-demm u jeħtiġilhom jagħżlu dieta li tikkomplementa l-ħtiġijiet individwali tagħhom, billi jikkunsidraw il-kompożizzjoni makronutrijent ta' l-ikel mikul u tar-rata ta' l-assorbiment tagħhom. Il-parir ġenerali hu li l-individwi għandhom jakkwistaw jew iżommu l-aħjar piż għal ġisimhom. Ikel rikk fil-karboidrati għandu jipprovdi l-parti prinċipali tad-dieta. B'mod speċjali hu rrakkomandat ikel rikk fil-fibra dijetetika jew li għandu indiċi baxxa ta' glikimika (pereżempju żrieragħ ta' ħaxix bħaċ-ċiċri, ful, għażż u piżelli, ċereali b'qamħ sħiħ u għaġin). Il-kontenut tax-xaħam tad-dieta għandu jkun anqas minn 35 % ta' l-enerġija, flimkien ma' aċidi grassi monounsaturated (misjubin pereżempju f’żejt taż-żebbuġa u f’żejt taż-żerriegħa tal-kolza) li jipprovdu 10-20 % ta' l-enerġija. Kemm l-aċidi grassi ssaturati (misjubin pereżempju fi prodotti ta' annimali u xaħmijiet ibsin li jittieklu) u l-aċidi grassi polyunsaturated (misjubin pereżempju fi żjut tal-ħxejjex, xaħmijiet rotob li jittieklu u ħut) għandhom kull wieħed jipprovdi 10 % tat-teħid ta' l-enerġija, u t-teħid ta’ proteini għandu jissodisfa r-rekwiżisti ta' l-individwu.

Il-parir ġenerali hu:

( għażla varjetà ta' ikel;

( ikliet bażiċi u snakks b'ikel li fih il-lamtu bħaċ-ċereali b'qamħ sħiħ, ħobż, patata u ħxejjex oħra bil-lamtu;

( konsum ta' ħafna frott u ħaxix, ta' l-anqas ħames porzjonijiet kuljum;

( konsum b'mod moderat ta' prodotti tal-ħalib u laħam, ħut jew sostitwiti tagħhom (prodotti sojja, ġewż, eċċ.); kif ukoll

( teħid limitat ta' ikel grass jew zokkor u alkoħol.

L-Anness I jagħti sommarju aktar iddettaljat tal-parir dijetetiku.

Informazzjoni pprovduta minn Stati Membri u partijiet interessati dwar l-ikel għal persuni b'dijabete

Il-Kummissjoni fittxet informazzjoni minn Stati Membri dwar is-sitwazzjoni korrenti fir-rigward tal-parir dijetetiku, regolament ta' l-ikel imqiegħed fis-suq meqjus adatt għad-dijabete, l-użu tat-tikketta "tajjeb għad-dijabetiċi", u l-prodotti prinċipali disponibbli fis-suq tagħhom. Twasslet informazzjoni minn tmintax-il Stat Membru.

Pożizzjoni korrenti regolatorja f'xi Stati Membri ta' l-UE

Hawn taħt hawn sommarju fil-qosor ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom. L-Anness III jipprovdi sommarju aktar iddettaljat.

Parir dijetetiku - B'mod ġenerali, il-parir dijetetiku għal persuni b'dijabete hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta' ikel tajjeb għas-saħħa għall-popolazzjoni inġenerali iżda mfassal kif meħtieġ biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' l-individwu. F'ħafna pajjiżi l-parir hu bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tad-DNSG u ta' l-EASD.

Regolamenti dwar l-ikel maħsub għal persuni b'dijabete – Ħames Stati Membri għandhom normi ta' kompożizzjoni. Fi Franza jeżistu normi ta' kompożizzjoni għal "ikel bi ftit karboidrati"; fl-Ungerija għal ikel li "jista' jiġi kkunsmat mid-dijabetiċi" jew bl-indikazzjoni "Dijabetiku (isem tal-prodott)" jew "għad-dijabetiċi"; fil-Ġermanja, Spanja u s-Slovakkja jeżistu ċerti rekwiżiti ta' kompożizzjoni għal ikel li jista' jiġi ddikjarat bħala "tajjeb għad-dijabetiċi".

Ir-regolament Franċiż (id-digriet Nru 91-827 kif emendat) jistipula li fi prodotti maħsuba bħala ikel bi ftit karboidrati l-piż totali ta' karboidrati assimilabbli għandhom ikunu anqas minn 50 % tal-kontenut ta' ikel normali korrispondenti. Madankollu, f'ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, il-perċentwali jista' jogħla għal 70 % għal prodotti li fihom il-lamtu u ikel li fih il-meraq tal-frott biz-zokkor jew sorbitol . L-ikel għandu jinbiegħ b'deskrizzjonijiet li jinkludu l-kliem "bi ftit karboidrati" jew "kontenut imnaqqas ta' karboidrati". Barra minn hekk, il-kontenut assimilabbli ta' karboidrati għandu jkun indikat, segwit bid-dikjarazzjoni "li għandu jiġi inkluż fil-kwantità ta' kuljum preskritta mit-tabib".

Ir-regolamenti fil-Ġermanja (Verordnung über diätetische Lebensmittel § 12) għat-treġija ta' l-ikel prodott speċifikament għal persuni b'dijabete jinkludi dettalji taz-zokkor li jista' jiżdied u skond liema kundizzjonijiet. Barra minn hekk, jeżistu restrizzjonijiet għall-kontenut ta' enerġija tal-ħobż u għall-kontenut ta' karboidrati tal-birra. Wara l-parir mill-komunità xjentifika dawn ir-regolamenti qed jiġu analizzati.

Ir-regolamenti Spanjoli jinkludu restrizzjonijiet għall-kontenut tal-karboidrati fl-ikel, iz-zokkor li jista' jiżdied, u tal-kontenut ta' xaħam. Jeżistu ċerti rekwiżiti ta' tqegħid ta' tikketti għal prodotti li jkollhom is- sorbitol jew l- aspartame .

Ir-regolament Ungeriż jinkludi kemm restrizzjonijiet fuq il-kontenut tal-karboidrat ta' l-ikel kif ukoll restrizzjonijiet għall-użu ta' monokarboidrati u għall-karboidrati disakkaridi inkluż il-meraq tal-frott biz-zokkor.

Ir-regolament Slovakk jinkludi restrizzjonijiet għall-kontenut tal-karboidrat ta' l-ikel, il-valur ta' l-enerġija, u x-xaħam, il-kontenut tal-proteina, kolesterol u melħ ta' l-annimal.

Dispożizzjonijiet biex issir id-dikjarazzjoni "tajjeb għad-dijabetiċi" – Fl-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka, il-Ġermanja u Spanja l-prodotti għandhom jikkonfermaw mar-rekwiżiti ta' kompożizzjoni speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri l-oħra li qed jirrapportaw, id-dikjarazzjoni għandha tkun konformi mar-regoli dwar it-tqegħid ta' tikketti fuq l-ikel għal finijiet partikulari nutrittivi. Xi Stati Membri skuraġġixxew l-użu ta' dikjarazzjonijiet ta' din ix-xorta fid-dawl tal-konklużjoni tad-DNSG ta' l-EASD li prodotti speċifiċi għad-dijabete mhumiex iġġustifikati b'mod xjentifiku.

Ikel imqiegħed fis-suq meqjus adatt għad dijabetiċi li jinsab attwalment fis-suq Ewropew

L-eżempji mogħtija mill-Istati Membri bħala tipi ta' prodotti speċifikament imqegħdin fis-suq għal persuni b'dijabete huma ċ-ċikkulata, il-pasti, ix-xorb, il-gallettini u l-ġamm li fihom meraq tal-frott biz-zokkor, il- polyols jew il-ħlewwiet artifiċjali minflok iz-zokkor tal-kannamieli. Kif ingħad hawn fuq, fi Franza "ikel b'ftit karboidrat" għandu jikkonforma mar-rekwiżiti ta' kompożizzjoni speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hu permissibbli li jiġi indikat li dawn jistgħu jingħataw parir minn tabib għal użu bħala parti mid-dieta ta' ċerti dijabetiċi. Il-meraq pur tal-frott biz-zokkor, il-meraq taz-zokkor bl-ilma u s- sorbitol huma wkoll inklużi fir-regolament Franċiż bħala prodotti b'dieti bi ftit karboidrati meta maħsuba biex jintużaw bħala ħlewwiet. Fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ikel għad-dijabetiċi tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għal ħobż u l-birra. Il-prodotti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-tqegħid ta' tikketti jinkludu l-prodotti tal-furnar, il-ġamm, iċ-ċikkulata, il-ħelu, id-deżerti u l-prodotti tal-ħalib li fihom il-meraq tal-frott biz-zokkor u/jew alkoħol biz-zokkor minflok is- sucrose . Fil-Portugall hemm xi ftit ikel maħsub għal nutrizzjoni enteriku li huma ikel għal finijiet mediċi speċjali u li hu adatt għal persuni b'dijabete. Barra minn hekk, xi ikel ordinarju b'kontenut imnaqqas ta' enerġija u bis- sucrose ssostitwit mill-meraq tal-frott biz-zokkor, il- polyols u ħlewwiet artifiċjali jitqiegħed fis-suq bħala "tajjeb għad-dijabetiċi". Madankollu, ebda wieħed minn dan l-ikel ordinarju ma għadda minn proċedura prevista li tippermetti ikel għal konsum normali li hu adatt għal użu nutrittiv partikulari biex tiġi indikata konvenjenza ta' din ix-xorta.

Opinjonijiet ta' partijiet interessati oħra

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u partijiet interessati jidher li ħafna riċerka dwar id-dijabete u organizzazzjonijiet ta' appoġġ għal pazjenti mhumiex favur ikel speċifikament prodott jew imqiegħed fis-suq għal nies b'dijabete. Huma jikkonsidraw li l-promozzjoni ta' dan l-ikel tista' ċċekken il-mertu tal-parir dijetetiku lil persuni b'dijabete, ir-raġunijiet tagħhom huma li r-rakkomandazzjonijiet ġenerali dijetetiċi għad-dijabetiċi huma l-istess bħar-rakkomandazzjonijiet, mogħtija lill-popolazzjoni inġenerali, li jittiekel ikel tajjeb għas-saħħa. Xi Stati Membri jinnotaw li ikel ordinarju b'kontenut imnaqqas ta' xaħam, zokkor u/jew enerġija jista' jagħmilha eħfef għal persuni b'dijabete biex jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet dijetetiċi.

Mill-banda l-oħra, xi organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tal-manifatturi jemmnu li prodotti ġodda ta' l-ikel b'benefiċċji ppruvati jistgħu jiġu żviluppati u użati bħala parti minn dieta mtejba. Dan jista' jinkludi prodotti li jkunu differenti minn prodotti alternattivi li ta' spiss jittieklu, pereżempju, fl-ammont u t-tip ta' xaħam jew tal-kontenut tal-fibra, jew li jista' jkollhom indiċi baxxa ta' glikimika. L-organizzazzjonijiet iqisu l-ikel ta' malajr u dak ippreparat minn qabel bħala qasam importanti għal żvilupp. Huma jemmnu li, jekk żviluppat, ikel ta' din ix-xorta jista' wkoll ikun adatt għall-popolazzjoni inġenerali billi dan jista' jkun ta' benefiċċju biex jgħin in-nies jakkwistaw stil ta' ħajja li jista' jnaqqas ir-riskju li tiġi żviluppata d-dijabete.

Leġiżlazzjoni

Qafas leġiżlattiv korrenti

Ikel dijetetiku hu ddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/398/KEE (id-Direttiva ta' qafas) minn tliet karatteristiċi prinċipali:

( jistgħu b'mod ċar jingħarfu minn ikel normali (kompożizzjoni speċjali jew proċess ta' manifatturar);

( maħsubin għal gruppi speċifiċi ta' nies u mhux għall-pubbliku inġenerali;

( jissodisfaw il-ħtiġijiet nutrittivi partikulari tal-persuni li maħsubin għalihom. Dan jista' jiġi sostnut b' data xjentifika aċċettata b'mod ġenerali.

Ċerti gruppi ta' prodotti għal użi nutrittivi partikulari, elenkati fl-Anness tad-Direttiva msemmija hawn fuq, huma rregolati b'Direttivi speċifiċi li jistipulaw kriterji ta' kompożizzjoni u/jew dispożizzjonijiet dwar twaħħil ta' tikketti sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jintużaw b'mod xieraq u jipproduċu livelli minimi u/jew massimi ta' ċerti nutrijenti. Xi wħud minn dawn il-prodotti li jistgħu jkunu l-uniku sors ta' nutrizzjoni, pereżempju l-ikel tat-trabi u xi ikel għal finijiet mediċi speċjali. Prodotti ta' din ix-xorta għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti nutrittivi sħaħ ta' l-individwu billi f'ċerti ċirkostanzi dawn jistgħu jkunu sors alternattiv ta' nutrizzjoni. Prodotti oħrajn bħalma hu l-ikel ibbażat fuq ċereali u l-ikel tat-trabi, u ikel intenzjonat biex inaqqas il-piż jistgħu jitqiesu bħala "prodotti ta' konvenjenza" għaliex il-ħtiġijiet nutrittivi partikulari tal-persuni li għalihom huma intenzjonati jista' wkoll jiġu koperti b'għażla għaqlija ta' ikel normali.

Ikel għal użi nutrittivi partikulari li mhumiex elenkati fl-Anness jista' jitqiegħed fis-suq skond id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva ta' qafas. Skond dawn id-dispożizzjonijiet il-manifatturi jew l-importaturi għandhom jissodisfaw żewġ obbligi proċedurali meta jqiegħdu dawn il-prodotti fis-suq.

( Dawn għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat li l-prodott qed jitqiegħed fis-suq u għandhom, fl-istess waqt, jagħtu mudell tat-tikketta użata. Meta l-istess prodott sussegwentement jitqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor, dawn għandhom jirripetu l-proċedura ta' notifika.

( Dawn għandhom iżommu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti fajl li jkollu fih il-ħidma xjentifika u d- data li tistabbilixxi li l-prodott hu konformi mad-definizzjoni ta' l-ikel għal użi nutrittivi partikulari, fi kliem ieħor, li l-prodott jissodisfa r-rekwiżisti nutrittivi partikulari tal-grupp ta' persuni li għalihom hu intenzjonat.

Il-prodotti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u d-Direttivi rilevanti speċifiċi jistgħu jiċċirkulaw b'mod ħieles fil-Komunità. Kontrolli mwettqin mill-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u għandhom isiru wara t-tqegħid fis-suq. L-Istati Membri huma wkoll responsabbli li jiżguraw li prodotti mqegħdin fis-suq skond ir-regoli stipulati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/398/KEE jkunu tassew ikel dijetetiku.

It-twaħħil ta' tikkettti ta' ikel dijetetiku, bħalma jsir għall-ikel kollu, għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2000/13/KE li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel. Barra minn hekk, skond id-Direttiva ta' qafas, it-tikketti tagħhom għandhom juru:

( il-karatteristiċi nutrittivi partikulari tal-prodott;

( l-elementi kwalitattivi jew kwantitattivi partikulari tal-kompożizzjoni fir-rigward ta' l-użu intenzjonat; kif ukoll

( il-kontenut ta' l-enerġija, il-proteini, il-karboidrat u x-xaħam tal-prodott.

Għażliet leġiżlattivi possibbli

Il-Kummissjoni kellha f'dan l-istadju tidentifika tliet għażliet leġiżlattivi possibbli biex jiġi ttrattat l-ikel maħsub għal persuni b'taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete):

A. l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Kummissjoni li tistipula rekwiżiti speċifiċi ta' kompożizzjoni għal prodotti ta' din ix-xorta.

B. li temenda d-Direttiva ta' qafas 89/398/KEE sabiex dawn il-prodotti jitħassru mill-Anness I, jiġifieri dawn ma jkunux is-suġġett ta' Direttiva speċifika iżda jista' jitqiegħdu fis-suq skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9.

C. li temenda d-Direttiva ta' qafas 89/398/KEE sabiex l-ikel maħsub għal persuni b'dijabete jiġi eskluż mill-ambitu tad-Direttiva, jiġifieri dan ma jista' jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal użi partikulari nutrittivi.

Konklużjonijiet

Ġew ikkunsidrati f'dan ir-rapport żewġ analiżijiet tekniċiii & iii dwar l-evidenza għall-immaniġġjar nutrittiv ta' pazjenti b'dijabete. Iż-żewġ analiżijiet jindikaw li persuni b'dijabete għandhom jagħżlu dieta tajba għal saħħithom u li huma għandhom jagħmlu dan permezz ta' ikel normali. Fid-dawl ta' dawn l-analiżijiet ma hemmx lok biex jiġu żviluppati rekwiżiti speċifiċi ta' kompożizzjoni għal ikel maħsub għal persuni b'dijabete.

Il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel intalab jikkummenta dwar il-konklużjonijiet xjentifiċi ta' dan ir-rapport, b'mod partikulari fir-rigward tal-bażi xjentifika biex jiġu ddefiniti kriterji speċifiċi ta' kompożizzjoni għal ikel għal persuni li jsoffru mid-diabetes mellitus. Il-Kumitat jappoġġa dan li ġej: Għażliet dijetetiċi għal persuni b'dijabete jistgħu jaffettwaw ir-riskji għas-saħħa tagħhom fit-tul taż-żmien assoċjati mal-marda. Il-kompożizzjoni dijetetika mixtieqa għal persuni b'dijabete hi simili għal dik irrakkomandata għall-popolazzjoni inġenerali. Għalhekk, il-persuni b'dijabete għandhom ikollhom il-kapaċità li jissodisfaw il-ħtiġijiet dijetetiċi tagħhom permezz ta' għażla adatta minn ikel normali. Ma jeżistux raġunijiet xjentifiċi għal kriterji speċifiċi ta' kompożizzjoni għal ikel għal użi nutrittivi partikulari f'persuni b'dijabete. Madankollu, persuni bid-dijabete għandu jingħatalhom informazzjoni dwar il-ħtiġijiet dijetetiċi għad-dijabete u dwar il-kompożizzjoni ta' l-ikel, biex dan jagħtihom il-kapaċità li jagħżlu dieta bbilanċjata li tissodisfa l-ħtiġijiet individwali tagħhom v .

Konsegwentement, fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni se tipproponi li d-Direttiva 89/398/KEE tiġi emendata sabiex ebda Direttiva speċifika ma tkun meħtieġa għal din il-kategorija ta' ikel. Is-soluzzjoni l-aktar adatta u bbilanċjata biex jiġi ttrattat l-ikel maħsub għal individwi li għandhom taqlib fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete) se tiġi elaborata u ppreżentata fil-qafas tar-reviżjoni ta' din id-Direttiva. F'dan il-kuntest, id-diversi għażliet ta' politiki se jiġu eżaminati u vvalutati bir-reqqa billi jiġu kkunsidrati l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi potenzjali u fatturi leġittimi rilevanti oħra bħalma huma pereżempju s-sitwazzjonijiet legali fl-Istati Membri u l-impatti fuq is-saħħa u dawk soċjo-ekonomiċi.

REFERENZI

i. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Definition, diagnosis and classification of diabetes mellitus and its complications. Rapport tal-Konsultazzjoni tad-WHO. Part 1: Diagnosis and classification of diabetes mellitus. WHO/NCD/99.2. 1999, Ġinevra, id-Dipartiment tas-Sorveljanza ta' Mard li ma Jitteħidx.(http://whqlibdoc.who.int/hq/1999/WHO_NCD_NCS_99.2.pdf)

ii. Mann, J.I. et al . Evidence-based nutritional approaches to the treatment and prevention of diabetes mellitus. Nutrition, Metabolism, and Cardiovascular Diseases (2004) 14: 373-394.

iii. Franz M.J. et al. Evidence-based nutrition principles and recommendations for the treatment and prevention of diabetes and related complications (Technical review). Diabetes Care, 2002, 25: 148-198.(http://care.diabetesjournals.org/cgi/content/full/25/1/148)

iv. American Diabetes Association. Nutrition principles and recommendations in diabetes (Position statement). Diabetes Care, 2004, 27, Suppl. 1: S36-S46. (http://care.diabetesjournals.org/cgi/content/full/27/suppl_1/s36 )

v. Il-minuti tal-132 laqgħa plenarja tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel li saret fil-15/16/17 ta' April 2002 fi Brussell, p. 5.http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/out132_en.pdf

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikulari. ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.

Top