Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0508

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Żvilupp ta’ indikaturi agro-ambjentali għall-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-politika agrikola komuni {SEK(2006) 1136}

/* KUMM/2006/0508 finali */

In force

52006DC0508




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.9.2006

KUMM(2006) 508 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Żvilupp ta’ indikaturi agro-ambjentali għall-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-politika agrikola komuni {SEK(2006) 1136}

1. Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tirrappreżenta inizjattiva mill-Kummissjoni biex tirraporta dwar ix-xogħol li sar fir-rigward ta’ l-iżvilupp ta’ indikaturi għall-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni ta’ tħassib ambjentali fil-politika agrikola komuni (PAK).

Tiddeskrivi l-kuntest politiku għall-iżvilupp ta’ indikaturi agro-ambjentali, tanalizza l-ħtieġa li jkunu żviluppati tali indikaturi fir-rigward tal-proċess ta’ riforma tal-PAK li hemm għaddej, tanalizza l-progress li sar bl-iżvilupp tagħhom, u tidentifika l-isfidi ewlenin u l-azzjonijiet għal xogħol fil-ġejjieni. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu tal-politika, hemm bżonn li s-sistema ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni ta’ tħassib ambjentali fil-PAK tkun żviluppata, imsaħħa u kkonsolidata iktar, partikolarment billi jiġu stabbiliti arranġamenti permanenti u stabbli għall-ġestjoni tagħha.

Flimkien mal-Komunikazzjoni jinsab dokument ta’ ħidma mill-istaff tal-Kummissjoni li jiddeskrivi f’iktar dettall ix-xogħol li sar fl-iżvilupp u l-kumpilazzjoni ta’ l-indikaturi agro-ambjentali, jifformola s-sejbiet ewlenin u jelabora fuq il-proposti miġbura f’din il-Komunikazzjoni.

2. il-kuntest politiku għall-iżvilupp ta’ indikaturi agro-ambjentali

Il-Kunsill Ewropew ta’ Cardiff (Ġunju 1998) approva l-prinċipju li d-dimensjoni ambjentali għandha tkun integrata fil-politiki Komunitarji kollha. Enfasizza wkoll l-importanza ta’ l-iżvilupp ta’ indikaturi ambjentali xierqa biex ikun evalwat l-impatt tas-setturi ekonomiċi differenti – inkluż l-agrikoltura – fuq l-ambjent, u biex ikun immonitorjat il-progress fl-integrazzjoni ta’ tħassib ambjentali.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ħelsinki (Diċembru 1999) adotta l-istrateġija għall-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali fil-PAK. L-istrateġija tistipola għanijiet ta’ integrazzjoni ambjentali għall-ilma, l-użu ta’ l-art u l-ħamrija, il-bidla fil-klima u l-kwalità ta’ l-arja kif ukoll il-pajsaġġ u l-bijodiversità, u tafferma li l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali huwa element essenzjali għas-sostenibilità fit-tul ta’ l-agrikoltura. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill talab li jsir rappurtar regolari dwar il-progress fl-integrazzjoni, ibbażat fuq l-indikaturi agro-ambjentali.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg (Ġunju 2001) approva l-Istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli[1], li teħtieġ li l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-politiki kollha jitqiesu fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Adotta wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Agrikoltura (April 2001) dwar l-integrazzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli fil-PAK, u stieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tevalwa regolarment l-istrateġija ta’ integrazzjoni tal-Kunsill u talab lill-Kummisssjoni biex tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb iktar il-ġabra ta’ indikaturi agro-ambjentali u tiddefinixxi l-ħtiġijiet statistiċi għal dawn l-indikaturi.

Bħala reazzjoni għat-talbiet tal-Kunsill, il-Kummissjoni nediet żewġ Komunikazzjonijiet. L-ewwel Komunikazzjoni “Indikaturi għall-Integrazzjoni ta’ Tħassib Ambjentali fil-Politika Agrikola Komuni”[2] identifikat ġabra ta’ 35 indikatur agro-ambjentali u ppreżentat qafas analitiku għall-iżvilupp tagħhom.

It-tieni Komunikazzjoni “Informazzjoni Statistika Meħtieġa għall-Indikaturi biex jimmonitorjaw l-Integrazzjoni tat-Tħassib Ambjentali fil-PAK”[3] kompliet telabora fuq il-kunċett ta’ l-indikaturi u identifikat sorsi potenzjali ta’ dejta u informazzjoni meħtieġa sabiex jitħaddmu l-indikaturi.

Dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni pprovdew kontribut kunċettwali għat-tnedija ta’ l-operazzjoni IRENA ( Indicator Reporting on the Integration of Environmental Concerns into Agriculture Policy – Rappurtar ta’ l-Indikaturi dwar l-Integrazzjoni ta’ Tħassib Ambjentali fil-Politika Agrikola Komuni) f’Settembru 2002. Din l-operazzjoni, li kienet immirata lejn l-iżvilupp ta’ ġabra ta’ indikaturi agro-ambjentali, ġiet iffinalizzata fl-aħħar ta’ l-2005.

L-Istrateġija Imġedda ta’ l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2006, ikkonfermat mill-ġdid li l-iżvilupp sostenibbli għandu jiġi integrat fit-tnedija ta’ politiki fuq il-livelli kollha, permezz tal-promozzjoni tal-koerenza bejn il-politiki ta’ l-UE kollha u billi jiġi assigurat li d-deċiżjonijiet politiċi ewlenin jittieħdu bi sfond ta’ l-għarfien ta’ l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom.

3. L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-PAK

3.1. Il-progress ta’ l-integrazzjoni ta’ l-ambjent fil-PAK

Peress li l-agrikoltura timmaniġġja parti kbira mit-territorju ta’ l-Unjoni Ewropea[4], hija għandha rwol importanti fil-konservazzjoni tar-riżorsi ambjentali ta’ l-UE. Matul is-sekli, il-biedja kkontibwiet għall-ħolqien u ż-żamma ta’ varjetà wiesgħa ta’ ħabitats seminaturali u pajsaġġi agrikoli, li fihom tgħix varjetà rikka ta’ annimali selvaġġi u għall-appoġġ tal-komunità rurali differenti.

Matul l-aħħar għexieren ta’ snin, il-biedja Ewropea nbidlet b’mod konsiderevoli u se tkompli tinbidel fil-ġejjieni. L-iżviluppi teknoloġiċi (per eżempju, agrokimiċi u żrieragħ imtejba, razez aħjar ta’ bhejjem għat-trobbija) taw lok għall-żieda fil-ħsad ta’ l-irziezet, u b'hekk il-biedja saret iktar kompettittivà. Madankollu, it-tibdil fl-użu ta’ l-art u l-prattiċi tal-biedja, marbuta ma’ speċjalizzazzjoni u intensifikazzjoni, kien assoċjat ukoll ma’ l-impatti negattivi fuq l-ilma, il-ħamrija, l-arja, il-bijodiversità u l-ħabitats. Fl-istess ħin, l-abbandun tal-biedja f’żoni marġinali minħabba fatturi soċjali u ekonomiċi, huwa theddida serja għall-ambjent agrikolu u għall-pajsaġġi rurali.

L-aħħar riformi tal-PAK indirizzaw l-isfida doppja biex jitnaqqsu l-pressjonijiet ta’ l-agrikoltura fuq l-ambjent u biex jiġi ffavorit t-twettiq ta’ servizzi ambjentali permezz tal-biedja.

Sa mill-1992, il-PAK ġiet adattata dejjem aktar biex isservi aħjar l-għanijiet tas-sostenibilità permezz ta’ proċess ta’ riformi fundamentali mfassal biex tinqata’ minn politika ta’ appoġġ tal-prezz u l-produzzjoni għal politika ta’ għajnuna diretta u miżuri ta’ żvilupp rurali. Il-pass li kien imiss f’dak il-proċess ta’ riforma kien l-Aġenda 2000 li stipolat li l-PAK m’għandhiex biss ittejjeb il-kompettitività ta’ l-agrikoltura ta’ l-UE, tiggarantixxi s-sikurezza ta’ l-ikel u l-kwalità u tistabbilizza d-dħul ta’ l-azjendi, iżda tipprovdi wkoll benefiċċji ambjentali, ittejjeb il-pajsaġġ rurali u tappoġġja l-kompetittività taż-żoni rurali madwar l-Unjoni Ewropea.

Ir-riforma tal-PAK ta’ l-2003[5] kompliet issaħħaħ l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-PAK. Saħħet numru ta’ miżuri li jinkoraġġixxu użu ta’ l-art u prattiċi kompatibbli mal-ħarsien tar-riżorsi ta’ l-ambjent, kemm fl-ewwel pilastru (il-politika tas-suq u tad-dħul) kif ukoll fit-tieni pilastru (il-politika ta’ żvilupp rurali).

Fl-ewwel pilastru, il-miżuri ewlenin huma d-diżakkopjament, il-kundizzjonalità ( cross-compliance ) obbligatorja u l-modulazzjoni. Id-diżakkopjament ta’ bosta pagamenti diretti minn mal-produzzjoni jnaqqas ħafna mill-inċentivi għall-produzzjoni intensiva li żiedu r-riskji ambjentali. Bil-kundizzjonalità, il-pagamenti diretti jingħataw b’mod sħiħ taħt il-kundizzjoni li jkunu mħarsa numru ta’ rekwiżiti statutorji ta’ mmaniġġjar fuq l-azjenda kollha, inklużi l-istandards ambjentali. Il-benefiċjarji tal-pagamenti diretti għandhom l-obbligu li jżommu l-art agrikola kollha f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. Permezz tal-modulazzjoni huwa possibbli t-trasferiment ta’ l-appoġġ mill-ewwel pilastru għat-tieni, b’hekk jista’ jiżdied il-baġit disponibbli għall-miżuri agro-ambjentali.

Ir-riforma ta’ l-2004 tar-reġimi tas-suq tat-tabakk, iż-żejt taż-żebbuġa, il-qoton u l-ħops, flimkien mar-riforma taz-zokkor ta’ l-2005, ikkonfermat il-bidla fid-direzzjoni li l-PAK ħadet fl-2003.

Fit-tieni pilastru, numru ta’ miżuri jeżistu biex jippromwovu l-ħarsien ta’ l-ambjent agrikolu. Ir-Regolament il-ġdid ta’ l-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007–2013[6] jgħaqqad il-miżuri ambjentali ma’ l-għanijiet tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità[7]. Il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità[8] identifikaw tliet oqsma ta’ prijorità għall-miżuri biex itejbu l-ambjent u l-kampanja: il-bijodiversità u l-preservazzjoni u l-iżvilupp ta’ biedja ta’ valur naturali għoli u sistemi ta’ forestrija u pajsaġġi agrikoli tradizzjonali, ilma u tibdil fil-klima. Il-miżuri ġodda ewlenin huma appoġġ iktar espliċitu lill-bdiewa fin-Natura 2000 u żoni oħra ta’ valur naturali għoli. Jinżamm appoġġ għal żoni bi żvantaġġi u għall-miżuri agro-ambjentali. Fil-ġejjieni, il-kundizzjonalità se tapplika wkoll għall-parti l-kbira tal-miżuri ambjentali.

Dawn l-iżviluppi tal-PAK jeħtieġu monitoraġġ aħjar ta’ l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni agrikola u modi ta’ l-użu ta’ l-art fuq livell reġjonali u ta’ l-effetti tagħha fuq l-ambjent. Filwaqt li eżerċizzji oħra dwar l-indikaturi mill-UE (per eżempju, Indikaturi Strutturali, ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ żvilupp rurali) u minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn (per eżempju, l- OECD , il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika) jinkludu xi indikaturi agro-ambjentali, grupp ta’ indikaturi mmirati li jkejlu l-progress ta’ l-integrazzjoni ambjentali fil-PAK huwa meħtieġ sabiex jiġi evalwat l-impatt tad-deċiżjonijiet politiċi, jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-mezzi ta’ kejl attwali u l-ħtiġijiet għall-inizjattivi politiċi ġodda u, fejn xieraq, biex jittejbu l-miri u t-tifsil tal-miżuri għall-kundizzjonijiet lokali.

3.2. Il-ħtieġa għal indikaturi agro-ambjentali bħala appoġġ tal-proċess politiku

L-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-PAK hija proċess dinamiku li jeħtieġ monitoraġġ regolari. Indikaturi agro-ambjentali huma għodda prinċipali f’dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ. Jistgħu jservu varjetà ta’ skopijiet politiċi:

- li jipprovdu informazzjoni dwar l-istat attwali u t-tibdil li qed iseħħ fil-kundizzjoni ta’ l-ambjent agrikolu;

- li jsegwu l-impatt ta’ l-agrikoltura fuq l-ambjent:

- li jevalwaw l-impatt tal-politiki agrikoli u ambjentali fuq l-immaniġġjar ambjentali ta’ l-azjendi;

- li jinformaw dwar deċiżjonijiet politiċi agrikoli u ambjentali;

- li jispjegaw r-relazzjonijiet agro-ambjentali lill-pubbliku in ġenerali.

Sistema koerenti ta’ indikaturi agro-ambjentali għandha tkun kapaċi tidentifika l-effetti pożittivi u negattivi ewlenin ta’ l-agrikoltura fuq l-ambjent u tirrifletti differenzi reġjonali fi strutturi ekonomiċi u kundizzjonijiet naturali. B’dan il-mod tipprovdi informazzjoni importanti għall-evalwazzjoni tal-politika agrikola f’termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-preservazzjoni tar-riżorsi ambjentali li fuqhom jiddependi l-ġejjieni agrikolu u tas-soċjetà in ġenerali.

4. IL-PROGRESS FL-IżVILUPP TA’ INDIKATURI AGRO-AMBJENTALI

4.1. L-operazzjoni IRENA (Rapport ta’ l-Indikaturi dwar l-Integrazzjoni tat-tħassib Ambjentali fil-Politika Agrikola)

L-iskop ta’ l-operazzjoni IRENA kien li jkun żviluppat u kkumpilat, għall-UE ta’ 15-il Stat Membru, grupp ta’ 35 indikatur agro-ambjentali identifikati fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni KUMM(2000) 20 u KUMM(2001) 144, fuq il-livelli ġeografiċi adattati u sa fejn ikun possibbli abbażi tas-sorsi ta’ dejta eżistenti.

Ir-riżultati ta’ l-operazzjoni IRENA huma dawn li ġejjin:

1) 40 skeda informattiva[9] dwar l-indikaturi u l-gruppi ta’ dejta korrispondenti, li jkopru 42 indikatur u indikaturi sekondarji;

2) Rapport dwar l-indikaturi li janalizza l-interazzjonijiet agro-ambjentali abbażi tar-riżultati ta’ l-indikaturi u jiddeskrivi l-progress li sar fl-iżvilupp u l-kumpilazzjoni ta’ l-indikaturi agro-ambjentali;

3) rapport ta ’ evalwazzjoni bbażat fuq l-indikaturi dwar l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-PAK li jevalwa l-utilità tas-sistema ta’ l-indikaturi għall-evalwazzjoni tal-politika; u

4) Rapport ta ’ evalwazzjoni li janalizza l-implimentazzjoni ta’ l-operazzjoni IRENA , jevalwa l-indikaturi u s-sorsi tad-dejta użati, u jidentifika oqsma għal xogħol fil-ġejjieni.

4.2. Riżultati prinċipali rigward l-iżvilupp ta’ l-indikaturi

L-operazzjoni IRENA wasslet għal progress sostanzjali fl-iżvilupp ta’ l-indikaturi agro-ambjentali fuq il-livell ta’ l-UE ta’ 15-il Stat Membru u partikolarment rigward kunċetti, identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ dejta u kumpilazzjoni ta’ gruppi ta’ dejta. L-Anness 1 tad-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni jipprovdi lista ta’ 42 indikatur u sub-indikatur ikkonċernati, u jiddeskrivi d-definizzjonijiet tagħhom, is-sorsi tad-dejta, il-livell ta’ rappurtar ġeografiku, u s-serje temporali li ntużat.

Tista’ tingħata sinteżi tar-riżultati ewlenin kif ġej:

- minn 42 (sub-)indikatur, 11 ġew evalwati bħala utli, 30 bħala li huma potenzjalment utli u wieħed biss huwa kkunsidrat bħala li għandu potenzjal baxx. Madankollu, f’kull grupp, hemm indikaturi f’livelli differenti ta’ żvilupp (ara t-taqsima 6);

- madwar terz ta’ l-indikaturi huma bbażati fuq livell reġjonali (NUTS[10] 2 u 3). Kważi żewġ terzi minnhom huma indikaturi fuq livelli nazzjonali. Bosta indikaturi ta’ l-oqsma ta’ l-istat/l-impatt ġew żviluppati abbażi tad-dejta li ntużat bħala mudell jew każi ta’ studju;

- fir-rigward ta’ l-iskala temporali, madwar nofs l-indikaturi jużaw serje temporali. Tmintax-il indikatur jkopru l-perjodu bejn l-1990 u l-2000.

Barra minn hekk, l-operazzjoni IRENA ġġenerat ammont sostanzjali ta’ għarfien u ħila esperta dwar il-vijabbiltà teknika ta’ l-indikaturi u l-interpretazzjoni tagħhom. Ġie miġbur ammont kbir ta’ informazzjoni dwar l-istat tal-kundizzjonijiet ambjentali relatati ma’ l-agrikoltura u x-xejriet tagħhom u dwar il-miżuri disponibbli għat-twettiq ta’ l-integrazzjoni ambjentali.

Permezz ta’ l-operazzjoni ta’ l-IRENA, ġew stabbiliti kooperazzjoni mill-qrib u komunikazzjoni dwar l-indikaturi agro-ambjentali bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ( EEA ) u l-Istati Membri. L-Istati Membri[11] pprovdew rispons utli dwar l-iskedi informattivi dwar l-indikaturi u r-Rapport dwar l-Indikaturi, b’mod partikolari dwar il-kunċetti ta’ l-indikaturi, il-kwalità tad-dejta u l-preżentazzjoni tad-dejta.

5. L-isfidi għal xogħol fil-ġejjieni fuq l-indikaturi agro-ambjentali

Matul l-operazzjoni IRENA , instabu bosta limitazzjonijiet f’numru ta’ indikaturi:

1) nuqqasijiet fil-gruppi ta’ dejta relatati ma’ ċerti indikaturi, f’termini ta’ armonizzazzjoni (per eżempju, il-ġestjoni ta’ l-azjenda), il-kwalità ta’ dejta (per eżempju, id-diversità ġenetika), il-kopertura ġeografika (per eżempju, il-kwalità ta’ l-ilma) u/jew id-disponibbiltà ta’ serje ta’ dejta (per eżempju, żona għall-biedja organika);

2) il-mudelli li jsostnu l-kalkolu ta’ ċerti indikaturi jeħtieġu titjib metodoloġiku jew iktar validazzjoni (per eżempju, l-erożjoni tal-ħamrija; il-kwalità tal-ħamrija);

3) xi indikaturi għadhom jeħtieġu iktar titjib konċettwali (per eżempju, il-ġestjoni ta’ l-azjenda; l-istat tal-pajsaġġ; żoni ta’ art għall-biedja ta’ valur naturali għoli).

Dawn il-limitazzjonijiet ma jinvalidawx l-utilità ta’ l-indikaturi għall-analiżi agro-ambjentali. Pjuttost huma jissuġġerixxu li iktar xogħol fuq dawn l-indikaturi huwa meħtieġ sabiex jittejbu l-kunċetti u l-approċċi metodoloġiċi, jittejbu l-metodi ta’ ġbir ta’ dejta, jiżviluppaw gruppi ġodda ta’ dejta fejn meħtieġ, u jtejbu/jivvalidaw għodda eżiżtenti għall-immudellar.

L-indikaturi IRENA jistgħu jitqassmu fi tliet kategoriji abbażi tal-livell ta’ żvilupp tagħhom (ara wkoll it-tabella fl-Anness):

A. indikaturi operattivi, li l-kunċetti u l-miżuri għalihom huma ddefiniti sew, u li d-dejta għalihom hija disponibbli fuq livell nazzjonali u fejn xieraq fuq livell reġjonali;

B. indikaturi li huma ddefiniti sew iżda li ma laħqux il-potenzjal sħiħ ta’ informazzjoni tagħhom minħabba nuqqas ta’ dejta reġjonali jew armonizzata jew minħabba d-dgħjufijiet fl-approċċi ta’ l-immudellar li fuqhom huma bbażati;

C. indikaturi li għandhom bżonn titjib sostanzjali sabiex ikunu jistgħu joperaw bi sħiħ. Din il-kategorija tinkludi indikaturi li għadhom jeħtieġu titjib kunċettwali u metodoloġiku, u indikaturi fejn il-kwalità tad-dejta eżistenti jeħtieġ titjieb, jeħtieġ tinġabar dejta ġdida jew fejn il-mudelli ta’ bażi jeħtieġu iktar elaborazzjoni jew validazzjoni.

Barra minn hekk, l-indikaturi jeħtieġ jiġu estiżi biex ikopru wkoll l-Istati Membri l-ġodda.

6. It-triq 'il quddiem: ix-xogħol fil-ġejjieni fuq l-indikaturi agro-ambjentali

Abbażi ta’ l-elementi imsemmija iktar ‘il fuq, jistgħu jiġu identifikati tliet sfidi prinċipali għax-xogħol fil-ġejjieni fuq l-indikaturi agro-ambjentali ta’ l-UE:

- it-titjib tal-grupp ta’ indikaturi ta’ l- IRENA , filwaqt illi tissaħħaħ ir-rilevanza tiegħu għall-skopijiet ta’ politika;

- il-konsolidament tal-grupp ta’ indikaturi magħżul, l-estensjoni tal-kopertura għall-Istati Membri l-ġodda u l-korrezzjoni tad-dgħjufijiet eżistenti;

- it-twaqqif ta’ arranġament permanenti u stabbli meħtieġ għall-funzjonament fit-tul tas-sistema ta' indikaturi.

6.1. It-titjib tal-grupp ta’ indikaturi ta’ l-IRENA u t-tisħiħ tar-rilevanza politika tiegħu

Fid-dawl tal-limitazzjonijiet kunċettwali u tekniċi ta’ ċerti indikaturi, għandha ssir għażla kritika rigward il-lista ta’ indikaturi li għandhom jinżammu u jiġu żviluppati iktar.

Kriterju prinċipali għal din l-għażla huwa r-rilevanza ta’ l-indikaturi bħala mezz ta’ informazzjoni għat-tifsil tal-politika. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jitqies li l-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni ambjentali tinvolvi bosta livelli ta’ analiżi u evalwazzjoni rigward, per eżempju, il-miżuri settorjali speċifiċi, l-istrumenti politiċi orizzontali, il-programmi ta’ żvilupp rurali, eċċ, fi ħdan strateġija ġenerali ta’ integrazzjoni. Sabiex jitwettqu l-analiżi fuq dawn il-livelli differenti, huwa importanti li jkun hemm grupp koerenti ta’ indikaturi agro-ambjentali li jiġbor id-diversità tas-sistemi ta’ produzzjoni agrikola (per eżempju, l-ispeċjalizzazzjonijiet, il-modi ta’ produzzjoni, il-metodi ta’ biedja) kif ukoll l-influwenzi pożittivi u negattivi li dawn jeżerċitaw fuq ir-riżorsi ambjentali differenti. Barra minn hekk, il-grupp sħiħ ta’ indikaturi għandu jkun tali li jista’ jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-ġejjieni tal-politika, per eżempju, bħala reazzjoni għall-politiki dwar l-ilma li qed jevolvu, miżuri ġodda tal-PAK, jew xejriet fil-kuntest soċjo-ekonomiku usa’.

Attwalment, ċerti indikaturi agro-ambjentali qed jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni għall-programmi ta’ żvilupp rurali għall-perjodu 2007–2013. Dawn l-indikaturi komuni jkopru kwistjonijiet ambjentali ta’ prijorità, jiġifieri, il-bijodiversità u żoni ta’ valur naturali għoli, u t-tibdil fil-klima[12].

Kriterju ieħor għall-għażla ta’ l-indikaturi li għandu jinżamm huwa l-vijabbiltà teknika ta’ l-iżvilupp tagħhom. L-operazzjoni IRENA wriet li ċerti indikaturi huma kumplessi wisq jew l-iżvilupp tagħhom ikun jeħtieġ investiment sproporzjonat ta’ riżorsi.

Fl-aħħar, hemm propost li fil-ġejjieni xi indikaturi ta’ l- IRENA jiġu trattati bħala sub-indikaturi ta’ indikaturi oħra li magħhom dawn huma assoċjati mill-qrib.

Bil-għan li tkopri l-livelli differenti ta’ monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni ambjentali, u abbażi tax-xogħol li twettaq s’issa, il-Kummissjoni tipproponi: li jinżamm grupp ewlieni ta’ 28 indikatur li jinkludi s-26 indikatur IRENA u żewġ indikaturi ġodda li jkopru kwistjonijiet agro-ambjentali ġodda (ara t-tabella annessa). |

- 6.2. Il-konsolidament tal-grupp ta’ indikaturi magħżul, l-estensjoni tal-kopertura għall-Istati Membri l-ġodda u l-korrezzjoni tad-dgħjufijiet eżistenti

L-operazzjoni IRENA kisbet sew l-għan tagħha li tuża l-informazzjoni agro-ambjentali u d-dejta disponibbli u aċċessibbli faċilment fuq livell ta’ l-UE ta’ 15-il Stat Membru. Issa huwa importanti li jinżamm il-grupp imtejjeb ta’ indikaturi, li jiġu aġġornati d- databases korrispondenti u li tiġi estiża l-kopertura tagħhom għall-Istati Membri l-ġodda.

Madankollu, huwa importanti wkoll li jingħelbu l-limitazzjonijiet li attwalment qed jirrestrinġu l-potenzjal ta’ informazzjoni ta’ ċerti indikaturi. Għal dan il-għan, hemm bżonn isiru sforzi matul perjodu tranżitorju għat-titjib kunċettwali u metodoloġiku ta’ dawn l-indikaturi u għall-ġbir tad-dejta meħtieġa jew għall-aċċess aħjar għad-dejta eżistenti, b’mod partikolari fuq livell reġjonali. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ l-involviment u l-impenn sħiħ ta’ l-Istati Membri, li fl-aħħar minn l-aħħar huma responsabbli għall-ġbir tad-dejta.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin: li tiġi żviluppata iktar leġiżlazzjoni eżistenti relatata mad-dejta agrikola, kemm statistika kif ukoll amministrattiva, bil-għan li tkopri l-ħtiġijiet tad-dejta għall-indikaturi agro-ambjentali b’mod iktar effikaċi; li twettaq u tiżviluppa stħarriġ ġdid ta’ l-UE fejn meħtieġ, partikolarment rigward il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ l-azjendi u l-użu tar-rispons ta’ l-azjendi; li jkun eżaminat, fil-kuntest tal-proċess kontinwu ta’ l-aġġornament tan-Netwerk ta’ Dejta dwar il-Kontabilità ta’ l-Azjendi Agrikoli (FADN), l-ambitu għat-titjib ta’ l-FADN u l-estensjoni ta’ l-użu tiegħu sabiex tiġi indirizzata d-domanda li dejjem qed tiżdied għar-rappurtar u l-analiżi agro-ambjentali; fejn meħtieġ, li jiġu mtejba u vvalidati l-osqfa ta’ mmudellar; li jkompli t-tiftix għal indikaturi aħjar għall-bijodiversità agrikola, il-ħabitats u l-pajsaġġi; li tkompli l-esplorazzjoni ta’ possibilitajiet għall-ġbir ta’ dejta aħjar: minn sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali, b’mod partikolari skond ir-Direttiva dwar in-Nitrati, id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats; permezz ta’ metodi ta’ lokalizzazzjoni (per eżempju, tqassim mill-ġdid tad-dejta agrikola rrapurtata fuq livell amministrattiv għal unitajiet ġeografiċi oħra) u tekniki oħra relatati mad-dejta spazjali (per eżempju, qafas ta’ stħarriġiet dwar iż-żona, metodi ta’ referenzjar ġeografiku); minn dawk l-entitajiet mhux pubbliċi li jipprovdu d-dejta (per eżempju, id-database dwar il-monitoraġġ komuni pan-Ewropew ta’ l-għasafar); dan jista’ jkun li jeħtieġ il-konsolidament u l-armonizzazzjoni ta’ gruppi ta’ dejta eżistenti biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tagħhom; permezz ta’ inizjattivi Ewropej oħra, bħal Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) u l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali fl-Ewropa (INSPIRE); permezz tas-Sistema ta’ Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS); biex tissaħħaħ il-koordinament ma’ attivitajiet oħra relatati ma’ l-indikaturi[13]. |

- 6.3. It-twaqqif ta’ arranġament permanenti u stabbli meħtieġ għall-funzjonament fit-tul tas-sistema ta’ indikaturi

Li tinstab definizzjoni għall-indikaturi rilevanti, għall-metodi ta’ kalkolu u s-sorsi tad-dejta hija biss parti mix-xogħol meħtieġ biex tinbena sistema ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ ta’ l-integrazzjoni ambjentali.

Biex wieħed jasal għal sistema li topera b’mod sħiħ li tista’ sservi għal diversi skopijiet politiċi, ix-xogħol imwettaq matul l-operazzjoni IRENA fuq bażi temporanja jeħtieġ ikun trasformat fi proċess stabbli ta’ ġbir sistematiku tad-dejta meħtieġa għall-iżvilupp, il-kumpilazzjoni, iż-żamma u l-aġġornar ta’ l-indikaturi. Dan jeħtieġ arranġament permanenti u stabbli taħt it-tmexxija ta’ l-Eurostat abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Uffiċċji ta’ l-Istatistika ta’ l-Istati Membri u l-Ministeri ta’ l-Agrikoltura u l-Ambjent, u b’kollaborazzjoni ma’ korpi Ewropej oħra (bħal ma hi l- EEA ).

L-istabbiliment ta’ tali arranġament permanenti u stabbli għandu jkun impenn prijoritarju għall-iżvilupp ta’ l-indikaturi fil-ġejjieni fuq livell ta’ l-UE. Dan l-impenn jinkludi l-identifikazzjoni u l-allokazzjoni fost l-istituzzjonijiet imsieħba ta’ responsabbiltajiet ċari ta’ mmaniġġjar tas-sistema ta’ informazzjoni l-ġdida fuq bażi permanenti mingħajr ma jinħolqu strutturi burokratiċi ġodda.

Il-Kummissjoni tipproponi: li tistabbilixxi arranġament permanenti u stabbli meħtieġ għall-funzjonament fit-tul tas-sistema ta’ indikaturi. Dan huwa proġett fit-tul li jeħtieġ l-appoġġ u l-parteċipazzjoni sħiħa u l-impenn ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari rigward il-ġbir u t-tqassim tad-dejta meħtieġa. |

- ANNESS

Proposta għall-grupp konsolidat ta’ indikaturi agro-ambjentali

Is-sinjali u l-attitudnijiet tas-suq | 4 | Żona użata għall-biedja organika | A |

[1] KUMM(2001) 264, “Ewropa Sostenibbli għal Dinja Aħjar: Strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli”.

[2] KUMM(2000) 20 tas-26 ta’ Jannar 2000.

[3] KUMM(2001) 144 ta’ l-20 ta’ Marzu 2001.

[4] Iktar minn 40% ta’ l-art fl-UE ta’ 25 Stat Membru hija użata għall-agrikoltura.

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1).

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanziji (FAEGG) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

[7] Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

[8] Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/144/KE ta’ l-20 ta’ Frar 2006 (ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20).

[9] Għalkemm in-numru ta’ indikaturi identifikati fil-KUMM(2000) 20 huwa ta’ 35, uħud minnhom ġew diviżi f'sub-indikaturi. Barra minn hekk, indikatur dwar l-emissjonijiet atmosferiċi ta’ l-ammonja ġie miżjud fuq talba ta’ l-Istati Membri.

[10] In-Nomenklatura ta’ l-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika.

[11] Il-grupp ta’ l-“Agrikoltura u l-Ambjent” ta’ l- Eurostat kien il-forum konsultattiv ma’ l-Istati Membri għall-operazzjoni IRENA flimkien mal-grupp agrikolu ta’ l- EEA-EIONET .

[12] Dawn l-indikaturi huma: il-popolazzjoni ta’ l-ispeċijiet ta’ l-għasafar ta’ l-art għall-biedja, iż-żoni ta’ valur naturali għoli, il-bilanċ gross ta’ nutrienti, u l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

[13] Ara l-aħħar paragrafu tal-kapitolu 3.1.

Top