EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0014

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali għall-2006-2010 - Il-bażi strateġika għall-azzjonijiet proposti {SEC(2006) 65}

/* KUMM/2006/0014 finali */

52006DC0014

Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali għall-2006-2010 - Il-bażi strateġika għall-azzjonijiet proposti {SEC(2006) 65} /* KUMM/2006/0014 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.01.2006

KUMM(2006) 14 finali

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI

dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-Annimali għall-2006-2010

Il-bażi strateġika għall-azzjonijiet proposti {SEC(2006) 65}

WERREJ

1. AZZJONI 1 – Jiġu aġġornati l-istandards minimi eżistenti għall-ħarsien u l-benesseri ta’ l-annimali 3

1.1. L-isfond 3

1.2. Il-benesseri ta’ l-annimali bħala s-sies tal-politiki Komunitarji 4

1.3. Il-post ċentrali tal-benesseri ta’ l-annimali fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni rriformata (CAP) 6

2. AZZJONI 2 – Tingħata prijorità għolja lill-promozzjoni ta’ riċerka futura dwar il-ħarsien u l-benesseri ta’ l-annimali li tkun orjentata lejn il-politika u lill-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar 7

2.1. L-isfond 7

2.2. Ċentru jew Laboratorju Ewropew għall-ħarsien u għall-benesseri ta’ l-annimali 8

2.3. Jiġu applikati għodod prattiċi ġodda sabiex ikun żgurat il-benesseri ta’ l-annimali 9

2.4. L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar għall-annimali li jintużaw fl-esperimenti 9

3. AZZJONI 3 – Jiġu introdotti indikaturi standardizzati għall-benesseri ta’ l-annimali 11

3.1. L-isfond – il-metodu integrat 11

3.2. Tikketta ta’ l-UE għall-benesseri ta’ l-annimali – il-klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni f’relazzjoni mar-rekwiżiti tal-benesseri li ġew applikati 11

4. AZZJONI 4 – Jiġi żgurat li l-gwardjani ta’ l-annimali jew dawk li jħarrġuhom, kif ukoll il-pubbliku ġenerali, jkunu aktar involuti u aktar informati dwar l-istandards korrenti tal-ħarsien u l-benesseri ta’ l-annimali u japprezzaw bis-sħiħ ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-ħarsien u tal-benesseri ta’ l-annimali 12

4.1. L-isfond – il-bidla fl-attitudnijiet tal-pubbliku 12

4.2. Dak li nkiseb diġà 12

4.3. Gwardjan ta’ l-annimali jew wieħed li jħarriġhom u l-pubbliku ġenerali informati: l-aħjar difensuri tal-benesseri ta’ l-annimali 13

5. AZZJONI 5 – Jitkompla l-appoġġ u jinbdew aktar inizjattivi internazzjonali sabiex jitkabbar l-għarfien u jinħoloq kunsens dwar il-benesseri ta’ l-annimali 14

5.1. L-isfond 14

5.2. Il-ħidma ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali – OIE 15

5.3. L-inkoraġġiment tal-benesseri ta’ l-annimali fir-relazzjonijiet multilaterali u bilaterali ta’ l-UE 16

5.4. It-tkabbir ta’ l-għarfien dwar il-benesseri ta’ l-annimali fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għan-negozju 17

1. AZZJONI 1 – JIġU AġġORNATI L-ISTANDARDS MINIMI EżISTENTI GħALL-ħARSIEN U L-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI

1.1. L-isfond

Minkejja li l-avvanzi l-kbar fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali saru f’dawn l-aħħar snin, għal ġenerazzjonijiet sħaħ is-soċjetajiet għarfu l-obbligi tagħhom li jieħdu ħsieb l-annimali taħt ir-responsabbiltà tagħhom u bosta pajjiżi għandhom leġiżlazzjoni li ilha teżisti dwar il-ħarsien ta’ l-annimali u l-prevenzjoni tal-moħqrija. L-ewwel leġiżlazzjoni dwar il-benesseri ta’ l-annimali fuq il-livell tal-KE kienet adottata fl-1974 u kienet tikkonċerna l-ħarsien ta’ l-annimali meta jitbiċċru[1]. Il-premessi ta’ din id-Direttiva jindikaw l-importanza li diġà ngħatat lill-benesseri ta’ l-annimali u lill-prevenzjoni ta’ tbatija bla bżonn:

“Billi l-Komunità għandha wkoll tieħu azzjoni biex tevita b’mod ġenerali l-forom kollha ta’ moħqrija fuq l-annimali; billi jidher li huwa mixtieq, bħala l-ewwel pass, li din l-azzjoni għandha tikkonsisti milli jkunu stabbiliti kondizzjonijiet sabiex tkun evitata t-tbatija kollha li mhix neċessarja fuq in-naħa ta’ l-annimali meta jkunu qed jitbiċċru.”

Minn dak iż-żmien lil hawn akkumula korp dejjem jikber ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ l-annimali. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltajiet importanti sabiex ikun żgurat li, fejn għandhom x’jaqsmu l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tkun ibbażata fuq għarfien xjentifiku, kompetenza u esperjenza prattika li qed jiżviluppaw. Fir-rwol tagħha ta’ gwardjana tat-Trattati tal-KE, il-Kummissjoni hija wkoll responsabbli sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi implimentata u nfurzata b’mod xieraq u s-servizz ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju: FVO) għandu rwol importanti sabiex jintlaħaq dan il-kompitu. Il-bażi xjentifika ta’ politika ta’ din ix-xorta kienet ukoll appoġġjata mill-attività ta’ korpi ta’ konsulenza wieħed wara l-ieħor: il-Kumitat Xjentifiku Veterinarju[2], il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali[3], il-Grupp ta’ Konsulenti dwar l-Implikazzjoni Etiċi tal-Bijoteknoloġija (GAIEB) u aktar reċenti, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel[4].

Fejn għandhom x’jaqsmu l-annimali ta’ l-irziezet s’issa l-leġiżlazzjoni li żviluppat ferm tistabbilixxi regoli minimi għall-ħarsien tagħhom. Ġew stabbiliti regoli aktar dettaljati għat-trobbija bi skopijiet kummerċjali ta’ ftit speċijiet biss (l-għoġġiela, il-ħnieżer u t-tiġieġ li jbidu) filwaqt li hemm biss rekwiżiti ġenerali għal annimali oħrajn bħall-baqar għall-qtil jew tal-ħalib, in-ngħaġ, id-dundjani, il-papri, eċċ. In-nuqqas ta’ standards speċifiċi ta’ benesseri ta’ l-annimali għall-parti l-kbira ta’ l-ispeċijiet li jitrabbew għal skopijiet kummerċjali bħalissa hija diffiċli li tkun iġġustifikata minħabba l-evidenza xjentifika li hija disponibbli bħalissa u l-progress li sar f’fora internazzjonali, bħall-Kunsill ta’ l-Ewropa, sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati[5]. Kulma jmur qiegħda dejjem takkumula l-informazzjoni dwar il-fakoltà tal-ħut li jħoss u din hija kwistjoni li diġà ġiet indirizzata fil-Kunsill ta’ l-Ewropa, b’linji gwida ta’ benesseri għall-ħut li jitrabba għal skopijiet kummerċjali jiġu ppreparati wkoll mill-OIE.

Il-politiki ambjentali ta’ l-UE sa mis-snin tmenin tas-seklu li għadda inkludew leġiżlazzjoni li flimkien ma’ l-armonizzazzjoni tas-Suq Uniku inkoraġġiet titjib fil-benesseri ta’ l-annimali. Bl-introduzzjoni ta’ l-Artikolu 175, kienu indirizzati aktar oqsma tal-ħarsien u tal-benesseri ta’ l-annimali taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-politiki ambjentali tal-Kummissjoni jkopru pereżempju kwistjonijiet li huma relatati ma’ l-istandards ta’ nsib mingħajr uġigħ, negozju ta’ l-annimali slavaġ, iż-żamma ta’ l-annimali fiż-żus u l-importazzjoni ta’ ċerti ġlud tal-friegħ tal-bumerin, eċċ. Il-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali ta’ l-UE intitolat Ambjent 2010: Il-Ġejjieni Tagħna, l-Għażla Tagħna, li jkopri l-perjodu bejn l-2001 u l-2010, ukoll għandu l-ħarsien ta’ l-ambjent naturali ( habitats ) u ta’ l-annimali slavaġ bħala wieħed mill-għanjiet speċifiċi tiegħu. Fl-arena internazzjonali pereżempju, il-Komunità laħqet Ftehim mal-Kanada u mal-Federazzjoni Russa dwar standards internazzjonali ta’ nsib mingħajr uġigħ u ftehim li huwa sostanzjalment simili, fil-forma ta’ Minuta Miftehma, intlaħaq ma’ l-Istati Uniti.

Fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali li jintużaw fl-esperimenti, il-Kummissjoni, sa mill-1985, ippreżentat Proposta għal Direttiva dwar il-ħarsien ta’ l-annimali li jintużaw għal finijiet sperimentali u għal finijiet xjentifiċi oħra. Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/575/KE, il-Komunità saret parti għall-Konvenzjoni ETS 123 tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-ħarsien ta' annimali vertebrati użati għal skopijiet sperimentali u oħrajn xjentifiċi. Dan isaħħaħ aktar l-impenn biex isiru sforzi sabiex jiġu sostitwiti l-annimali fl-esperimenti u jittejjeb il-benesseri ta’ dawk li għadhom jintużaw. Fl-UE, jintużaw madwar 10 miljun annimal fis-sena għar-riċerka u għat-testijiet, kważi 25% jitqiesu bħala testijiet regolatorji, inkluż l-ittestjar tas-sigurtà, l-ittestjar ta’ l-ikel u l-kontroll tal-mediċini. Sa ftit ilu, l-użu ta’ l-annimali fl-industrija u fir-riċerka kien qed jonqos, prinċipalment minħabba bidliet fis-sejba ta’ l-aġenti u fil-metodi ta’ riċerka aktar milli minħabba li jintużaw alternattivi li mhumiex annimali fit-testijiet regolatorji.

1.2. Il-benesseri ta’ l-annimali bħala s-sies tal-politiki Komunitarji

Il-Protokoll dwar il-Ħarsien u l-Benesseri ta’ l-annimali li kien anness mat-Trattat tal-KE mit-Trattat ta’ Amsterdam jistabbilixxi l-oqsma ta’ azzjoni ewlenija fejn il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali kollha fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki. F’diversi servejs, iċ-ċittadini ta’ l-UE esprimew apprezzament li qed jikber għall-istandards għolja ta’ benesseri ta’ l-annimali li jista’ jkollhom impatt kemm dirett kif ukoll indirett fuq is-sigurtà u l-kwalità ta’ l-ikel. Għalhekk huwa important li sistemi regolatorji u ta’ appoġġ fl-agrikoltura jadattaw ruħhom skond tendenzi ta’ din ix-xorta. Il-Kummissjoni għarfet ir-rabtiet li hemm bejn is-sigurtà ta’ l-ikel u l-benesseri ta’ l-annimali fil- White Paper tagħha dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel u billi tiżgura metodu integrat għall-kontrolli fuq is-saħħa ta’ l-annimali, il-benesseri tagħhom u fuq is-sigurtà ta’ l-ikel mal-katina kollha ta’ l-ikel, prinċipalment permezz tar-Regolament (KE) 882/2004[6]. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll għall-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-istaff ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sabiex ikun żviluppat metodu armonizzat għall-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri. Madankollu, taħriġ ta’ din ix-xorta jista’ jitqies biss bħala suppliment aktar milli bħala sostitut għat-taħriġ intern ta’ l-Istati Membri stess. L-Istati Membri jistgħu wkoll ikunu provduti b’forum fejn ipartu l-informazzjoni dwar l-esperjenza tagħhom tal-miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikun inkorraġit il-benesseri ta’ l-annimali, biex b’hekk ikun iffaċilitat it-tixrid ta’ l-aħjar prattika. Sabiex ikunu minimizzati l-ispejjeż ta’ trasmissjoni, ikun evitat id-dħul ta’ l-oqsma fuq xulxin u tiżdied l-effiċjenza amministrattiva, huwa meħtieġ li jitqies l-użu tat-teknoloġiji moderni u s-soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku sabiex jitwettqu kompiti li huma relatati mat-trasmissjoni u mat-trattament ta’ l-informazzjoni prevista.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju tiddikjara li l-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sabiex titwaqqaf politika ta’ l-informazzjoni fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali u tipprovdi għall-finanzjament ta’ l-istudji meħtieġa għat-tħejjija u għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali. Għandha tiġi investigata wkoll il-possibbiltà li jiġu utilizzati l-għodod li toffri d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424 sabiex l-inizjattivi ewlenija, li deskrizzjoni fil-qosor tagħhom tidher fil-Pjan ta’ Azzjoni li qiegħed ma’ dan id-dokument ta’ ħidma, ikunu appoġġjati finanzjarjament.

Il-Komunità għandha responsabbiltajiet importanti li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-annimali li jinżammu għall-skopijiet sperimentali, it-tisħiħ ta’ metodi alternattivi għal testijiet fuq l-animali, l-insib ta’ annimali slavaġ, il-benesseri ta’ l-annimali miżmuma fiż-żus, in-negozju fl-annimali slavaġ u fl-ispeċijiet li qegħdin f’periklu li jinqerdu. Politiki oħra bħall-ħarsien ta’ l-ispeċijiet li qegħdin f’periklu li jinqerdu, iż-żamma tad-diversità bijoloġika u ġenetika u l-avvanzi fil-qasam tal-bijoteknoloġija, pereżempju fil-klonazzjoni ta’ l-annimali, jeħtieġ li jqisu sew il-konsegwenzi possibbli għall-benesseri ta’ l-annimali. Taħt il-Politika Komuni dwar is-Sajd, l-istrateġija tal-Kummissjoni għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-akkwakultura Ewropea[7] enfasizzat il-ħtieġa li jittejjeb il-benesseri tal-ħut li jitrabba għal skopijiet kummerċjali u sabiex jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li ġew elaborati minn organizzazzjonijiet bħall-Kunsill ta’ l-Ewropa sabiex possibbilment tiġi żviluppata leġiżlazzjoni speċifika tal-ħarsien ta’ l-annimali għall-ħut li jitrabba għal skopijiet kummerċjali.

Fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien ta’ l-annimali sperimentali, il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji reviżjoni tad-Direttiva 86/609/KEE. L-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa li tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ l-esperimentazzjoni fuq l-annimali fl-UE u sabiex ikun żgurat li l-annimali li għadhom jintużaw fl-esperimenti se jingħataw kura u trattament ħanin xieraq. Ir-reviżjoni se tħares prinċipalment lejn ir-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni ta’ l-esperimenti, l-istaff u l-istabbilimenti u l-ispezzjoni ta’ l-istabbilimenti li jrabbu, ifornu jew jużaw annimali tal-laboratorju kif ukoll l-introduzzjoni ta’ proċess etiku ta’ reviżjoni.

Jidher ċar li s-sinerġiji li jinvolvu d-Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni li huma kompetenti għall-ħarsien ta’ l-annimali se jiffaċilitaw ir-rwol tal-Kummissjoni sabiex tissodisfa d-domandi tal-Protokoll tat-Trattat. In-netwerking tal-kompetenzi għandu jkun organizzat b’mod aktar sistematiku sabiex ikun żgurat segwitu xieraq għall-istrateġiji fit-tul u sabiex ikun hemm rispons għad-domandi li dejjem qed jiżdiedu mingħand iċ-ċittadini ta’ l-UE għal titjib fl-istandards ta’ ħarsien ta’ l-annimali.

1.3. Il-post ċentrali tal-benesseri ta’ l-annimali fi ħdan il-Politika Agrikola Komuni rriformata (CAP)

Mill-2007, il-miżuri reċenti ta’ riforma tal-CAP introduċew il-prinċipju ta’ kundizzjonalità bi standards diversi għall-benefiċjarji ta’ pagamenti diretti, inklużi l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali. Skoperta ta’ ksur se tagħti lok għal sanzjoni, li tikkonsisti jew fi tnaqqis jew f’irtirar tas-sussidji li tħallsu, bis-sistema tas-sanzjonijiet titfassal sabiex tkun proporzjonata għas-serjetà tal-ksur.

Madankollu, aktar importanti fir-rigward tal-benefiċċji potenzjali għall-benesseri ta’ l-annimali, huma l-miżuri l-ġodda previsti taħt il-politika ta’ l-iżvilupp rurali. Jista’ jingħata appoġġ għall-investiment fl-istabbilimenti agrikoli jew fl-ipproċessar u fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli sabiex jittejjeb il-benesseri ta’ l-annimali. Barra minn hekk, hemm possibbiltà taħt il-miżuri agro-ambjentali li jkun inkluż ir-rispett tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-benesseri ta’ l-annimali bħala kondizzjoni ta’ eliġibilità li għandha tkun iggarantita mill-Istati Membri.

Ġew introdotti wkoll il-miżuri l-ġodda ta’ akkumpanjament li ġejjin:

- il-kapitolu agro-ambjentali ttejjeb permezz ta’ miżura li tagħti appoġġ lill-bdiewa li japplikaw prattiċi tajba tat-trobbija ta’ l-annimali li jmorru lil hinn mil-linja ta’ bażi ta’ prattiċi tajba għat-trobbija ta’ l-annimali,

- taħt il-kapitolu “Jintlaħqu l-Istandards”, miżuri jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż operattivi tal-bdiewa sabiex jadattaw ruħhom għal standards impenjattivi li huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-oqsma ta’ l-ambjent, tas-saħħa pubblika, tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa tal-pjanti u tal-benesseri ta’ l-annimali. Barra minn hekk, jista’ jkun appoġġjat l-użu ta’ “Sistema konsultattiva għall-irziezet”, li jgħin lill-bdiewa fl-implimentazzjoni ta’ l-istandards,

- taħt il-kapitolu “il-Kwalità ta’ l-Ikel”, jingħata appoġġ għall-parteċipazzjoni fl-iskemi dwar il-kwalità ta’ l-ikel (inklużi skemi li huma bbażati fuq standards għoljin ta’ benesseri ta’ l-annimali), u għal gruppi ta’ produtturi li jidħlu għal attivitajiet ta’ informazzjoni, promozzjoni u reklamar dwar l-iskemi ta’ kwalità appoġġjati, inklużi dawk li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet imtejba “għall-benesseri ta’ l-annimali”.

Għalhekk jidher ċar li fi ħdan il-qafas il-ġdid tal-CAP irriformata, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom aktar strumenti disponibbli sabiex jirrispondu għad-domandi tas-soċjetà għal produzzjoni aktar sostenibbli u għal standards imtejba ta’ benesseri ta’ l-annimali. Bħala eżempju, fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organika[8], il-Kummissjoni enfasizzat, kif wara kien appoġġjat mill-Kunsill[9], li l-biedja organika għandha rwol soċjali doppju, billi tħares l-ambjent u l-benesseri ta’ l-annimali u billi tirrispondi għad-domandi tal-konsumatur. F’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni daħlet sabiex tagħmel lil dawn l-oġġetti pubbliċi espliċiti billi tifformula l-ħarsien ta’ livell għoli ta’ benesseri ta’ l-annimali bħala wieħed mill-għanijiet tal-biedja organika. Din l-azzjoni partikolari issa twettqet permezz tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill (ġdid) dwar il-produzzjoni organika u t-twaħħil tat-tikketti fuq il-prodotti organiċi. Din il-proposta tipprovdi għall-prinċipju li l-biedja organika għandha tosserva l-ogħla livell ta’ benesseri ta’ l-annimali.

2. AZZJONI 2 – TINGħATA PRIJORITÀ GħOLJA LILL-PROMOZZJONI TA’ RIċERKA FUTURA DWAR IL-ħARSIEN U L-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI LI TKUN ORJENTATA LEJN IL-POLITIKA U LILL-APPLIKAZZJONI TAL-PRINċIPJI TA’ SOSTITUZZJONI, TNAQQIS U RFINAR

2.1. L-isfond

Skond l-obbligi taħt il-Protokoll tat-Trattat tal-KE, il-politiki għar-riċerka ffinanzjati mill-Komunità speċifikatament jinkorporaw il-ħtieġa li jitqiesu l-benesseri ta’ l-annimali u l-kwistjonijiet etiċi meta jiġu implimentati l-politiki ta’ riċerka. Huwa importanti li filwaqt li kulmeta jkun xieraq jiġu indirizzati l-aspetti etiċi tat-teknoloġiji l-ġodda, l-iżviluppi fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali jkunu bbażati fuq sfond xjentifiku sod. Dan għandu jkun il-każ fejn bijoteknoloġiji ġodda (bħall-klonazzjoni ta’ l-annimali) għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt fuq il-benesseri ta’ l-annimali imma huwa wkoll importanti fl-iżvilupp ta’ wħud mis-sistemi tal-biedja kontemporanji bħalma hija l-produzzjoni estensiva jew dik organika. Għalhekk, il-politiki u r-rakkomandazzjonijiet li huma relatati mal-benesseri ta’ l-annimali għandhom iqisu l-aħħar informazzjoni xjentifika disponibbli. Bl-istess mod, fejn hemm nuqqas ta’ informazzjoni oġġettiva li hija meħtieġa sabiex jiġu żviluppati politiki u rakkomandazzjonijiet xierqa, dan għandu jintuża sabiex id-dibattitu jkun informat dwar l-għoti ta’ prijorità lir-riċerka l-ġdida.

Il-Kummissjoni appoġġjat numru ta’ proġetti ta’ riċerka dwar il-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-irziezet[10], li jvarjaw minn studji soċjoloġiċi dwar l-imġiba tal-konsumaturi, għal studji fl-irziezet dwar il-benesseri fil-produzzjoni tat-tjur u tal-vitella[11] u, permezz tat-tema tal-Kwalità u s-Sigurtà ta’ l-Ikel, bħalissa tappoġġja Proġett Integrat dwar “l-Integrazzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali fil-katina ta’ kwalità ta’ l-ikel: minn kwistjoni pubblika għal benesseri mtejjeb u kwalità trasparenti”[12]. Ingħataw appoġġ ukoll numru ta’ proġetti li jittrattaw l-aspetti etiċi, legali u soċjali tat-trobbija u tar-riproduzzjoni ta’ l-annimali ta’ l-irziezet (u t-teknoloġiji l-ġodda ta’ riproduzzjoni bħall-klonazzjoni). Barra minn hekk, ir-riċerka tiġi appoġġjata taħt it-tema tal-Bidla Globali u ta’ l-Ekosistemi f’relazzjoni ma’ strateġiji intelliġenti ta’ l-ittestjar tal-kimiċi, u taħt it-tema tal-Ġenomika u l-Bijoteknoloġija għas-Saħħa dwar strateġiji ta’ l-ittestjar tat-tbassir in vitro għall-espożizzjoni tal-bniedem għall-kimiċi, kif ukoll jingħata appoġġ lil proġetti speċifiċi dwar it-tossikoloġija u l-kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali.

Bħalissa qed jitħejja s-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku[13], u mistenni li jibda jitħaddem mill-2007 sa l-2013. Il-proposta tenfasizza l-benesseri ta’ l-annimali għall-ispeċijiet ta’ bhejjem taħt it-tema 2, “L-Ikel, l-Agrikoltura u l-Bijoteknoloġija” tal-programm ta’ kooperazzjoni bħala parti mill-istrateġija sabiex tkun żviluppata bijoekonomija msejsa fuq l-għarfien. Ir-riċerka taħt il-Programmi ta’ Qafas immirata lejn titjib fil-kompetittività Ewropea u biex tindirizza l-politika rilevanti Ewropea. Ir-riċerka mmirata sabiex tappoġġja l-politiki hija inkluża b’mod speċifiku fil-Programm ta’ Qafas, u teżisti struttura ta’ konsultazzjoni sabiex riċerka ta’ din ix-xorta tingħata prijorità f’relazzjoni mal-politika tad-Direttorati Ġenerali. Konsultazzjoni ta’ din ix-xorta se tkun utilizzata sabiex tingħata prijorità lir-riċerka rilevanti dwar il-benesseri ta’ l-annimali fis-Seba’ Programm ta’ Qafas. L-attivitajiet ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar se jkunu appoġġjati f’erbgħa mid-disgħa prijoritajiet tematiċi: 1. Is-saħħa, 2. L-ikel, l-agrikoltura u l-bijoteknoloġija, 4. In-nanoxjenzi, in-nanoteknoloġiji, il-materjali u t-teknoloġiji l-ġodda tal-produzzjoni u 6. L-ambjent (li jinkludi l-bidla fil-klima). Barra minn hekk il-pjattaformi teknoloġiċi, bħal dawk dwar is-saħħa globali ta’ l-annimali u dwar it-trobbija u r-riproduzzjoni ta’ l-annimali fl-irziezet, se jipprovdu dħul addizzjonali ta’ rilevanza dwar il-benesseri ta’ l-annimali.

2.2. Ċentru jew Laboratorju Ewropew għall-ħarsien u għall-benesseri ta’ l-annimali

F’konformità ma’ l-iżvilupp fil-benesseri ta’ l-annimali bħala dixxiplina xjentifika li hija stabbilita sew, se jitqies it-twaqqif ta’ Ċentru jew Laboratorju Ewropew għall-ħarsien u għall-benesseri ta’ l-annimali. Iċ-Ċentru/Laboratorju Ewropew jista’ jkun fdat b’numru ta’ kompiti ewlenija li huma relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. B’mod partikolari, jista’ jkun involut fil-proċess ta’ standardizzazzjoni/ċertifikazzjoni għall-indikaturi l-ġodda tal-benesseri li jservu għall-implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni 3 (Indikaturi Standardizzati tal-Benesseri ta’ l-Annimali). Barra minn hekk, iċ-Ċentru jista’ jikkoordina u jagħti stimolu lir-riċerka biex ikunu aġġornati l-istandards eżistenti u tkun inkoraġġita aktar investigazzjoni tar-rabtiet inerenti bejn is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali, u b’estensjoni, ir-relazzjonijiet mas-sigurtà u mal-kwalità ta’ l-ikel. Dan l-aspett huwa rilevanti fid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa u dawk li għad iridu jsiru dwar il-benesseri ta’ l-annimali, kemm fuq il-livell ta’ l-UE kif ukoll fuq il-livell internazzjonali. Iċ-Ċentru jista’ jservi wkoll sabiex jospita “ċentru ta’ eċċellenza” biex jitrawwem skambju attiv ta’ informazzjoni fl-oqsma kollha tal-benesseri ta’ l-annimali. Dan jista’ jieħu diversi forom minn fehim bażiku permezz ta’ riċerka xjentifika mmirata dwar il-benesseri ta’ l-annimali, programmi ta’ skambju, promozzjoni ta’ l-alternattivi għall-użu ta’ l-ittestjar fuq l-annimali, għal pjattaforma jew punt ta’ referenza aktar formali għall-iskambju ta’ l-informazzjoni u l-ġbir u l-promozzjoni ta’ l-aħjar prattika. Iċ-Ċentru jista’ wkoll jiffaċilita t-twaqqif ta’ tikketta Ewropea għall-benesseri ta’ l-annimali (ara l-kapitolu 3.2) billi jipprovdi għal sett Ewropew armonizzat ta’ livelli ta’ referenzi b’bażi xjentifika. Iċ-Ċentru jista’ jkun involut ukoll fit-tħejjija ta’ studji soċjo-ekonomiċi u ta’ valutazzjonijiet ta’ l-impatt li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ewlenija u ġodda għall-benesseri ta’ l-annimali.

2.3. Jiġu applikati għodod prattiċi ġodda sabiex ikun żgurat il-benesseri ta’ l-annimali

Ir-riċerka għandha dejjem iktar tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-benesseri ta’ l-annimali sabiex il-kontrolli uffiċjali jibdew jitwettqu b’mod aktar effiċjenti u proattiv. B’mod partikolari, il-kontroll tal-kondizzjonijiet ta’ benesseri ta’ l-annimali waqt it-trasport għandu jkun ibbażat fuq il-prevenzjoni ta’ kondizzjonijiet ta’ trasport li mhumiex xierqa aktar milli fuq il-pieni amministrattivi li jkunu imposti jekk tinkiser il-leġiżlazzjoni tal-KE, ta’ spiss xi ħaġa li tiġi skoperta biss, pereżempju, fi tmiem il-vjaġġ. Tabilħaqq, dan huwa l-metodu li ġie segwit fil-leġiżlazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar (ir-Regolament tal-KE 1/2005). Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli se titlob sforzi addizzjonali min-naħa ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Għaldaqstant, ir-rikors għal u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda (sistemi ta’ traċċar, għodod ta’ komunikazzjoni u identifikazzjoni elettronika) għandhom ikunu esplorati aktar sabiex ikunu identifikati l-metodi li jagħtu appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fil-kompiti tagħhom.

2.4. L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar għall-annimali li jintużaw fl-esperimenti

Fejn għandha x’taqsam l-esperimentazzjoni fuq l-annimali, id-Direttiva 86/609/KEE inkoraġġiet l-iżvilupp ta’ alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali u fl-1991 inħoloq iċ-Ċentru Ewropew għat-Tisħiħ tal-Metodi Alternattivi ta’ Ttestjar (ECVAM). Iċ-Ċentru jikkontribwixxi b’mod dirett għall-benesseri ta’ l-annimali billi jkunu applikati l-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar u t-tisħiħ ta’ l-alternattivi. Dan jimplika appoġġ orizzontali għall-implimentazzjoni tal-politika u l-monitoraġġ f’diversi oqsma tal-ħarsien tal-konsumaturi u ta’ l-ittestjar tas-sigurtà, bħalma huma l-kimiċi, il-kosmetiċi, il-bijoċidi, l-ikel, il-bijoloġiċi u l-istrumenti mediċi. L-alternattivi għall-esperimenti fuq l-annimali għandhom rwol li kulma jmur qed jikber fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti għalkemm il-pressjoni pubblika u politika u d-disponibbilità ta’ l-alternattivi jvarjaw ferm f’setturi differenti. Minbarra l-benefiċċji għall-benesseri ta’ l-annimali, il-metodi alternattivi għandhom ukoll il-potenzjal li jipprovdu informazzjoni soda permezz ta’ testijiet li huma kkontrollati għall-kwalità u l-aktar aġġornati li jsiru f’inqas żmien u jiswew inqas flus mit-testijiet klassiċi li huma bbażati fuq l-annimali. Pereżempju, ġie stmat li l-ħtieġa (spejjeż u annimali) għall-ittestjar taħt ir-REACH[14] tista’ titnaqqas b’70% billi jintużaw strateġiji intelliġenti ta’ l-ittestjar: informazzjoni disponibbli u li ġiet imwiegħda, (Q)SARs, iggruppar, referenzi, eċċ. (sors: L-Uffiċċju Ewropew għall-Kimiċi u l-Istitut Federali Ġermaniż għall-Valutazzjoni tar-Riskju), mingħajr ma tkun kompromessa l-kwalità xjentifika tad-data miksuba. F’dan il-kuntest huwa importanti li wieħed jinnota li l-kunċett tal-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar huwa diġà parti integrali mill-metodu Komunitarju għall-użu ta’ l-annimali fl-esperimenti. L-għan aħħari huwa li l-esperimenti fuq l-annimali jiġu sostitwiti b’metodi li ma jinvolvux l-użu ta’ annimal. Għal dawk l-esperimenti li xorta jeħtieġ li jitwettqu billi jintużaw annimali ħajjin, l-għan huwa li jitnaqqsu n-numri ta’ l-annimali u jiġu rfinati l-metodi sabiex jikkawżaw inqas uġigħ, tbatija u skonfort. Se jkun meħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar fl-oqsma kollha fejn jintużaw l-annimali, tkun żgurata l-koerenza bejn id-Direttiva 86/609/KEE u l-leġiżlazzjoni li teħtieġ l-esperimenti fuq l-annimali, kif ukoll jiġu eżaminati f’aktar dettall l-aċċettazzjoni reċiproka tad-data u l-għarfien reċiproku tal-ftehimiet bħala mezz sabiex jitnaqqsu n-numru ta’ annimali li jintużaw fl-esperimenti. L-installazzjoni ta’ Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza għat-Tisħiħ tal-Metodi Alternattivi ta’ Ttestjar għandu jtejjeb aktar il-kwalità tal-metodi ta’ ttestjar alternattivi u jgħaġġel il-proċess ta’ tisħiħ.

Bħala parti minn inizjattiva ġdida, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Günter Verheugen u l-Kummissarju Janez Potočnik organizzaw Konferenza dwar il-Metodi Alternattivi għal Testijiet fuq l-Annimali fis-7 ta’ Novembru 2005 fi Brussell li kien l-ewwel pass għal Sħubija Ewropea bejn il-Kummissjoni u l-industrija sabiex ikunu inkoraġġiti metodi alternattivi għal testijiet fuq l-annimali. Permezz ta’ din is-sħubija, il-Kunsill Ewropew ta’ l-Industrija Kimika (CEFIC), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ħarsien ta’ l-Uċuh tar-Raba’ (ECPA), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Bijoindustriji ( EuropaBio ), l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar il-Kożmetiċi, il-Prodotti Iġjeniċi u l-Fwejjaħ (COLIPA), l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Industrija tas-Sapun, tad-Deterġenti u tal-Prodotti ta’ Manutenzjoni fl-Ewropa (A.I.S.E.) kif ukoll il-Federazzjoni Ewropea dwar l-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) jaqblu għal dik li tissejjaħ id-Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji ta’ Sostituzzjoni, Tnaqqis u Rfinar ta’ Brussell. Ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni, se tkun stabbilita task force ta’ dawk li għandhom interess sabiex ikun żviluppat programm ta’ azzjoni matul l-ewwel tliet xhur ta’ l-2006 li se tidentifika l-attivitajiet għal perjodu qasir, perjodu medju u perjodu twil ta’ żmien. It- task force se tkun imfassla bil-perspettiva li jkunu identifikati l-barrieri għall-progress u se tipproponi soluzzjonijiet xierqa sabiex ikunu inkoraġġiti l-iżvilupp, it-tisħiħ u l-aċċettazzjoni regolatorja tal-metodi alternattivi, pereżempju

( isir pjan ta’ l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ l-istrateġiji korrenti,

( jkun hemm kooperazzjoni fir-riċerka sabiex jissaħħu u jitkabbru l-attivitajiet korrenti bejn is-sħab u l-persuni jew l-organizzazzjonijiet l-oħra rilevanti li għandhom interess,

( jiġu żviluppati metodi alternattivi, fosthom strateġiji intelliġenti ta’ ttestjar,

( jkun hemm mekkaniżmi prattiċi sabiex jittejjeb il-proċess ta’ tisħiħ billi jintuża l-għarfien li huwa disponibbli,

( jkun hemm mekkaniżmi prattiċi sabiex ikun iffaċilitat il-proċess ta’ aċċettazzjoni regolatorja tal-metodi alternattivi.

Rapport annwali mis-Sħubija dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ azzjoni se jkun ippubblikat għall-attenzjoni tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-persuni jew ta’ l-organizzazzjonijiet l-oħra rilevanti li għandhom interess. L-ewwel rapport għandu jkun ippubblikat sa Diċembru 2006.

3. AZZJONI 3 – JIġU INTRODOTTI INDIKATURI STANDARDIZZATI GħALL-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI

3.1. L-isfond – il-metodu integrat

Illum, it-trobbija ta’ l-annimali għal skopijiet kummerċjali m’għadiex titqies mill-konsumaturi Ewropej sempliċement bħala mezz ta’ produzzjoni ta’ l-ikel. Anzi, titqies bħala li hija rilevanti għal għanijiet soċjali ewlenin oħra bħas-sigurtà u l-kwalità ta’ l-ikel, il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sostenibbiltà u li jiġi żgurat li l-annimali qed jiġu ttrattati b’mod xieraq. Barra minn hekk, ir-rabta bejn il-benesseri ta’ l-annimali, saħħithom u s-sigurtà ta’ l-ikel ġiet rikonoxxuta fuq livell internazzjonali[15]. L-infurzar xieraq u uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-benesseri ta’ l-annimali hija essenzjali u l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-benesseri ta’ l-annimali preċiżi u li jistgħu jitkejlu se jiffaċilitaw dan u se jżidu l-effiċjenza tal-kontrolli u ta’ l-istandards li jiġu applikati. Bħalissa, ta’ min jinnota li hemm żewġ tendenzi partikolari: il-koeżistenza ta’ l-iskemi mandatarji jew volontarji li qed imorru lil hinn mill-istandards minimi li ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, kif ukoll il-konferma mit-tendenzi tas-suq li żjieda fil-bejgħ ta’ prodotti li joriġinaw b’mod sostenibbli tista’ tinkiseb f’bosta pajjiżi madwar id-dinja. Jidher ċar li ż-żewġ tendenzi qed jiffaċilitaw titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali għalkemm huwa meħtieġ li tkun provduta aktar informazzjoni lill-konsumaturi sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-valur miżjud ta’ l-istandards tal-benesseri li jiġu applikati lil kull prodott u sabiex ikunu ffaċilitati l-għażliet tagħhom meta jiġu biex jixtru.

3.2. Tikketta ta’ l-UE għall-benesseri ta’ l-annimali – il-klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni f’relazzjoni mar-rekwiżiti tal-benesseri li ġew applikati

Kulma jmur il-bejjiegħa bl-imnut u l-produtturi qed jagħrfu l-benesseri ta’ l-annimali bħala aspett fundamentali ta’ l-immaġni u tal-kwalità tal-prodott li joħloq ħtieġa għal sistemi serji għal monitoraġġ fl-irziezet ta’ l-istatus tal-benesseri ta’ l-annimali u li jipprovdi garanziji dwar il-kondizzjonijet xierqa għall-produzzjoni. Programmi indipendenti ta’ verifika tal-benesseri ta’ l-annimali li ġew promossi mill-proċessuri, mill-bejjiegħa bl-imnut u mill-korporazzjonijiet multinazzjonali kulma jmur qed isiru dejjem aktar komuni kemm fl-UE u kemm lil hinn minnha. Fi Stati Membri differenti diġà jeżistu diversi skemi volontarji sabiex il-prodotti li jkunu bbażati fuq konformità ma’ diversi parametri, fost l-oħrajn l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali, jiġu mogħnija b’tikketta. L-istandards ta’ l-UE għat-tqegħid fis-suq, kemm għall-bajd kif ukoll għal-laħam tat-tjur, diġà jinkludu diversi regoli li jirrelataw mat-twaħħil ta’ tikketti tal-benesseri ta’ l-annimali.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-bajd, pereżempju, sa mill-1 ta’ Jannar 2004 l-bajd ta’ l-ikel għandu jkun immarkat b’kodiċi li biha jista’ jintgħaraf li, fost l-oħrajn, jinkludi kodiċi li tindika l-metodu għat-trobbija tat-tjur għal skopijiet kummerċjali li ntuża sabiex tiġi prodotta l-bajda. Sabiex il-konsumatur ikun informat, bilfors irid ikun hemm spjegazzjoni ta’ din il-kodiċi fuq il-pakketti fil-każ ta’ bajd ippakkjat u l-kodiċi tiġi spjegata fuq nota separata fil-każ ta’ bajd li jinbiegħ bil-waħdiet. L-Istati Membri nedew kampanji ta’ informazzjoni, kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jippromwovu l-għarfien tal-konsumaturi dwar it-tifsira tal-kodiċi. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2295/2003 jipprevedi li “il-marki imbollati fuq il-bajd u applikati fuq il-pakketti għandhom ikunu jidhru u jinqraw b’mod faċli, b’konformità ma’ l-Artikoli minn 7 sa 10 tar-Regolament (KEE) Nru 1907/90” . Fil-każ ta’ bajd ta’ l-ikel li ġie importat minn Pajjiżi Terzi li mhumiex dawk li għandhom ftehim ta’ ekwivalenza mal-KE, il-bajd għandu jkun imbollat biex jidher sew u jinqara b’mod faċli fil-pajjiż ta’ l-oriġini bil-kodiċi ta’ l-ISO tal-pajjiż ta’ l-oriġini tkun ippreċeduta minn: “standards li mhumiex tal-KE” .

It-twaqqif ta’ tikketta ta’ l-UE għall-benesseri ta’ l-annimali hija għażla li għandha tiġi esplorata fil-futur qrib li tista’ tippromwovi prodotti li ġew elaborati skond standards ta’ benesseri għolja biex b’hekk tkun iffaċilitata l-għażla tal-konsumaturi bejn prodotti li nkisbu bi standards ta’ benesseri bażiċi (l-istandards minimi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE) jew bi standards ta’ livell ogħla (inklużi f’kodiċijiet volontarji tal-prattika jew fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri li tmur lil hinn mir-regoli minimi ta’ l-UE).

Tikketta ċara li tidentifika l-livell ta’ benesseri li ġie applikat tista’ tirrappreżenta għodda effettiva għat-tqegħid fis-suq kif qed tintuża bħalissa għall-identifikazzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli b’attributi reġjonali partikolari. Se jkun hemm il-ħtieġa li sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ din ix-xorta tkun ibbażata fuq indikaturi xjentifiċi standardizzati li huma rikonoxxuti sew kemm fl-UE kif ukoll f’ambitu internazzjonali, u li huma sostnuti mir-riċerka, sabiex ikun iffaċilitat it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti. Sabiex tkun appoġġjata x-xewqa tal-konsumaturi li jkun hemm għażla permezz ta’ informazzjoni oġġettiva u b’bażi xjentifika, u fid-dawl ta’ għadd ta’ tikketti u standards li xi drabi jikkompetu ma’ xulxin jew saħansitra joħolqu konfużjoni, għandu jkun żviluppat standard speċifiku Ewropew ta’ kwalità li jkun ibbażat fuq xogħol ta’ riċerka kontinwa.

4. AZZJONI 4 – JIġI żGURAT LI L-GWARDJANI TA’ L-ANNIMALI JEW DAWK LI JħARRġUHOM, KIF UKOLL IL-PUBBLIKU ġENERALI, JKUNU AKTAR INVOLUTI U AKTAR INFORMATI DWAR L-ISTANDARDS KORRENTI TAL-ħARSIEN U L-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI U JAPPREZZAW BIS-SħIħ IR-RWOL TAGħHOM FIL-PROMOZZJONI TAL-ħARSIEN U TAL-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI

4.1. L-isfond – il-bidla fl-attitudnijiet tal-pubbliku

Fl-aħħar għexieren ta’ snin kien hemm bidla ċara fl-attitudnijiet tal-pubbliku lejn l-annimali u kif is-soċjetà tqis l-annimali. Il-konsumaturi Ewropej jipprovdu eżempju tajjeb ta’ kif bidla fil-mentalità ta’ din ix-xorta, b’bosta konsumaturi kulma jmur jiffokaw aktar fuq metodi ta’ produzzjoni “nodfa u ħodor” u jkunu miġbuda mill-kwalità ta’ l-ikel, mis-sigurtà tiegħu u mis-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali li huma possibbli hija ta’ benefiċċju għal sistemi ta’ produzzjoni innovattivi, bħalma huma t-trobbija ħielsa jew il-biedja organika. Il-mentalità tal-konsumaturi u tal-produtturi għaddiet minn bidla kbira minn sempliċiment prevenzjoni tal-moħqrija u tat-tbatija li tkun tista’ tiġi evitata lill-annimali, u minflok qed issir iktar iffokata fuq il-promozzjoni tal-benesseri tagħhom u li jintlaħqu l-aktar ħtiġijiet importanti tagħhom.

4.2. Dak li nkiseb diġà

Saru diversi inizjattivi sabiex jitrawwem metodu aktar inklużiv u konsultattiv għall-formulazzjoni tal-politika fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali. Dan kien jinvolvi li jiġu kkummissjonati proġetti ta’ riċerka u servejs speċifiċi sabiex ikunu mistħarrġa l-attitudnijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali. Fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-annimali li jintużaw fl-esperimenti, tlaqqgħu gruppi ta’ ħidma tekniċi magħmula minn esperti li kienu jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati (ix-xjenzati, l-NGOs, l-industrija, ir-rappreżentanti tal-gvern, eċċ.). Kienu organizzati wkoll laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ persuni jew organizzazzjonijiet speċifiċi li għandhom interess sabiex ikunu mħejjija proposti oħra tal-Kummissjoni bħal ngħidu aħna għall-ħarsien tal-flieles tal-brojlers.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-annimali ta’ l-irziezet, Grupp ta’ Konsulenza dwar il-katina ta’ l-ikel u s-saħħa ta’ l-annimali u tal-pjanti li ġie stabbilit dan l-aħħar se jservi bħala forum sabiex ikunu diskussi fi stadju bikri d-direzzjonijiet tal-politika futura ma’ dawk li għandhom interess. Twettqu wkoll konsultazzjonijiet bil-miftuħ fuq l-internet fejn għandhom x’jaqsmu kwistjonijiet li jikkonċernaw il-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-irziezet (eż. it-trasport ta’ l-annimali) kif ukoll il-politika Ewropea futura fil-qasam tal-kimiċi u ta’ l-ittestjar fuq l-annimali (REACH). Dawn l-inizjattivi wrew il-benefiċċji li jinżamm djalogu miftuħ ma’ dawk li għandhom interess. Inizjattivi konsultattivi ta’ din ix-xorta huma f’konformità sħiħa mal-prinċipji li jinstabu fil- White Paper dwar il-Governanza Ewropea. Sabiex kunu indirizzati d-domandi tal-konsumaturi, issa wkoll il-benesseri ta’ l-annimali qed ikun integrat b’mod sħiħ fil-politika agrikola ta’ l-UE permezz tar-riformi fil-CAP ta’ l-UE.

4.3. Gwardjan ta’ l-annimali jew wieħed li jħarriġhom u l-pubbliku ġenerali informati: l-aħjar difensuri tal-benesseri ta’ l-annimali

L-attitudnijiet u d-domandi tal-konsumaturi u tal-pubbliku għal standards ta’ benesseri ta’ l-annimali ogħla huwa punt fokali importanti fil-formulazzjoni tal-politika dwar il-benesseri ta’ l-annimali. Madankollu, il-konsumaturi wkoll jeħtieġ li jifhmu li l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ benesseri ta’ l-annimali ogħla tista’ twassal għal spejjeż żejda għall-produtturi u possibbilment prezzijiet tal-produzzjoni ogħla. L-istudji jindikaw li bosta konsumaturi wrew li huma lesti li jħallsu prezz ogħla għal prodott li ġej minn sistema ta’ produzzjoni li “tiffavorixxi” aktar il-benesseri ta’ l-annimali[16].

Li jitwaħħlu tikketti xierqa fuq il-prodotti u li tkun provduta informazzjoni għall-konsumaturi huma ingredjenti essenzjali f’dan ir-rigward. Tabilħaqq, studju soċjoloġiku li twettaq fl-Ewropa wera li nuqqas ta’ tikketti dwar il-metodi ta’ produzzjoni kien qed iwaqqaf lill-konsumaturi milli possibbilment ibiddlu l-għażla tagħhom għal prodotti ta’ din ix-xorta[17]. Huwa meħtieġ li tiġi investigata aktar il-kwistjoni tat-tħassib tal-konsumaturi u t-twaħħil tat-tikketti fuq il-prodott u sabiex jiżdied l-għarfien fost il-pubbliku ġenerali dwar il-metodi ta’ produzzjoni li jintużaw għall-annimali ta’ l-irziezet, il-prattika alternattiva li tapplika standards ta’ benesseri ta’ l-annimali ogħla u l-konsegwenzi għall-vijabilità ekonomika ta’ l-attivitajiet tal-biedja. Għandhom jitqiesu wkoll il-pressjonijiet kompetittivi li qed jiffaċċjaw il-produtturi ta’ l-UE fin-natura dejjem aktar globali tan-negozju agrikolu.

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ l-Istati Membri u tal-persuni jew ta’ l-organizazzjonijiet rilevanti li għandhom interess, għandhom jiddefinixxu b’mod urġenti strateġija xierqa sabiex ikun hemm komunikazzjoni maċ-ċittadini dwar il-kwistjoni tal-ħarsien u tal-benesseri ta’ l-annimali. Il-Kummissjoni se tqis ukoll it-twaqqif ta’ Pjattaforma ta’ l-Informazzjoni speċifika dwar il-benesseri ta’ l-annimali sabiex jitrawwem aktar djalogu u skambju ta’ esperjenzi bejn il-persuni jew l-organizzazzjonijiet importanti li għandhom interess fil-qasam tal-benesseri ta’ l-annimali. Pereżempju, fejn għandhom x’jaqsmu l-annimali ta’ l-irziezet, inizjattiva ta’ din ix-xorta flimkien ma’ għodod għal informazzjoni lill-konsumaturi mtejba u tqegħid fis-suq-twaħħil tal-tikketti aktar ċar tal-prodotti joffri l-prospettiva ta’ ċiklu xieraq fejn il-konsumaturi joħolqu domanda għall-prodotti ta’ l-ikel li joriġinaw b’mod li jiffavorixxi aktar il-benesseri ta’ l-annimali li jiġi trasmess permezz ta’ katina ta’ provvista lura lill-produttur primarju, li jkun jista’ jingħata prezz miżjud għall-prodott tiegħu u b’hekk jerġa’ jdaħħal parti minn kwalunkwe spiża ogħla assoċjata mal-produzzjoni.

5. AZZJONI 5 – JITKOMPLA L-APPOġġ U JINBDEW AKTAR INIZJATTIVI INTERNAZZJONALI SABIEX JITKABBAR L-GħARFIEN U JINħOLOQ KUNSENS DWAR IL-BENESSERI TA’ L-ANNIMALI

5.1. L-isfond

Bħalissa hemm kunsens internazzjonali limitat dwar l-importanza relattiva li tingħata lill-benesseri ta’ l-annimali u l-miżuri li hemm fl-UE ma jistgħux jitqabblu kif ġieb u laħaq ma’ l-istandards fil-Pajjiżi Terzi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqiesu fatturi kulturali u prattika tradizzjonali differenti u jidher ċar li l-konsiderazzjonijiet etiċi għandhom influwenza importanti fuq il-biedja u fuq iż-żamma ta’ l-annimali. L-UE pparteċipat b’mod attiv f’diversi fora internazzjonali bħala mezz kif jitqajjem għarfien u jinbena kunsens dwar l-importanza tal-benesseri ta’ l-annimali. Sa mis-snin sittin tas-seklu li għadda, il-Kunsill ta’ l-Ewropa kien qed jaħdem b’mod attiv għall-ħarsien ta’ l-annimali, fi ħdan il-qafas ta’ diversi Konvenzjonijiet.[18] Il-Komunità hija parti (jew osservatriċi) għal diversi Konvenzjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li huma mmirati sabiex itejbu l-benesseri ta’ l-annimali, fost l-oħrajn fl-oqsma ta’ l-esperimentazzjoni fuq l-annimali, it-trasport tagħhom, it-trobbija għal skopijiet kummerċjali u t-tbiċċir. Hemm diversi attivitajiet kontinwi fil-Kunsill ta’ l-Ewropa fejn il-Komunità għandha rwol attiv.

It-tkabbir reċenti u futur ta’ l-UE jeħtieġ ukoll attenzjoni mill-qrib f’termini tal-konsegwenzi tiegħu għall-politika Komunitarja dwar il-benesseri ta’ l-annimali. Huwa meħtieġ djalogu ma’ pajjiżi bħall-Bulgarija, ir-Rumanija, it-Turkija u l-Kroazja dwar din il-kwistjoni, kif ukoll ma’ pajjiżi oħra fil-Punent tal-Balkani u dawk li huma koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) pereżempju. Huma disponibbli diversi strumenti sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regoli Komunitarji għall-pajjiżi ta’ l-adeżjoni (eż. is-seminars tat-TAIEX sabiex jipprovdu assistenza teknika u skambju ta’ informazzjoni u jiffaċilitaw it-tqassim ta’ l-esperjenza u ta’ l-għarfien).

Kwistjoni essenzjali għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-2002[19] dwar il-leġiżlazzjoni għall-benesseri ta’ l-annimali u s-sitwazzjoni fil-Pajjiżi Terzi kienet jekk l-iżvantaġġi kompetittivi jiġux minn nuqqas ta’ ugwaljanzi fil-miżuri tal-benesseri ta’ l-annimali jew le. Jekk wieħed jitlaq mis-suppożizzjoni li t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni (kemm jekk b’vantaġġ jew bi żvantaġġ għall-produtturi ta’ l-UE u kemm jekk le) li ġej mid-differenzi fl-istandards għandu potenzjal ċar sabiex idgħajjef benesseri ta’ l-annimali akbar, ir-rapport jinvestiga numru ta’ kanali sabiex ma jitħalliex ikun hemm żvilupp ta’ din ix-xorta li jinkludu: il-mekkaniżmi tas-suq, id-djalogu fuq livell internazzjonali, il-promozzjoni ta’ l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali fl-arranġamenti tan-negozju, it-titjib fir-reġimi tat-twaħħil tat-tikketti, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali fil-politika agrikola ta’ l-UE, eċċ.

L-UE mxiet ferm ’il quddiem fejn għandhom x’jaqsmu l-kanali strateġiċi li ġew identifikati f’dak ir-rapport li ġeneralment taw riżultati konkreti u li għadhom jirrappreżentaw metodu siewi sabiex jitqajjem għarfien dwar il-benesseri ta’ l-annimali f’ambitu internazzjonali u sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni ta’ standards imtejba ta’ benesseri ta’ l-annimali fl-UE. Jidher ċar li huwa meħtieġ strument ta’ monitoraġġ sabiex ikun hemm paragun bejn l-istandards obbligatorji ta’ benesseri ta’ l-annimali li jiġu applikati fl-UE u dawk li jiġu applikati fil-Pajjiżi Terzi sabiex ikun hemm analiżi ta’ kwalunkwe effett possibbli fuq is-suq. Hemm riskju li d-domanda għal standards ta’ benesseri ta’ l-annimali f’uħud mill-pajjiżi tista’ twassal biex l-attivitajiet jiġu mċaqilqa għal pajjiżi li japplikaw standards aktar baxxi, jew li pajjiżi ta’ din ix-xorta jistgħu jkollhom vantaġġ kompetittiv inġust.

5.2. Il-ħidma ma’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali – OIE

Minħabba s-sħubija globali ta’ 167 pajjiż, ir-rekord dejjiemi tagħha fl-iżvilupp ta’ l-istandards tas-saħħa ta’ l-annimali u r-rabtiet intrinsiċi bejn is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali, l-OIE tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tibni kunsens internazzjonali dwar il-kwistjoni tal-benesseri ta’ l-annimali. Il-Pajjiżi Membri ta l-OIE talbu sabiex l-OIE tiżvilppa viżjoni u strateġija dettaljata għall-benesseri ta’ l-annimali u f’Mejju 2002 ġiet adottata riżoluzzjoni speċifika li tagħti mandat lill-OIE sabiex telabora rakkomandazzjonijiet u standards b’bażi xjentifika dwar il-benesseri ta’ l-annimali. Kisbiet reċenti importanti kienu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ l-ewwel Konferneza Globali dwar il-Benesseri ta’ l-Annimali ta’ l-OIE fi Frar 2004, l-adozzjoni tal-prinċipji ta’ gwida dwar il-benesseri ta’ l-annimali f’Mejju 2004 u l-adozzjoni ta’ linji gwida speċfiċi għall-benesseri ta’ l-annimali f’Mejju 2005.

Kif ġie rikonoxxut f’riżoluzzjoni min-naħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura li ġiet adotta f’Diċembru 2002, l-OIE hija l-korp rilevanti sabiex ikunu żviluppati standards u linji gwida internazzjonali għall-benesseri ta’ l-annimali u l-Komunità tixtieq li tinkoraġġixxi b’mod attiv l-iżvilupp ta’ standards u ta’ linji gwida globali ta’ benesseri ta’ l-annimali. L-OIE, permezz tar-Riżoluzzjoni tagħha Nru. XVII ta’ l-2004, stabbiliet ukoll Fond Dinji għas-Saħħa u l-Benesseri ta’ l-Annimali li l-għan tiegħu huwa li jkunu implimentati programmi ta’ azzjoni, ta’ riċerka xjentifika u ta’ taħriġ, ikunu organizzati seminars, konferenzi u laqgħat ta’ diskussjoni, jiġu prodotti medja ta’ informazzjoni u jingħata appoġġ lill-Pjanijiet Strateġiċi ta’ l-OIE u lill-attivitajiet tal-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw fl-oqsma li qegħdin fl-ambitu ta’ l-OIE, fost l-oħrajn il-promozzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali.

5.3. L-inkoraġġiment tal-benesseri ta’ l-annimali fir-relazzjonijiet multilaterali u bilaterali ta’ l-UE

Fil-qasam tan-negozju u tar-relazzjonijiet esterni, il-Kummissjoni ppromwoviet il-perspettiva ta’ l-UE dwar l-importanza tal-benesseri ta’ l-annimali, fost l-oħrajn permezz ta’ sottomissjoni speċifika lill-WTO dwar il-benesseri ta’ l-annimali u n-negozju agrikolu[20]. Il-benesseri ta’ l-annimali ma jissemmiex b’mod espliċitu fil-GATT ta’ l-1994 jew fi ftehimiet oħra tal-WTO, u s’issa għad ma kien hemm l-ebda deċiżjoni taħt il-proċedura tas-soluzzjoni tat-tilwim li għandha tiċċara l-pożizzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali taħt il-WTO. Is-sottomissjoni ta’ l-UE, fost l-oħrajn iddikjarat li “l-għan tal-KE li jitqajmu kwistjonijiet dwar il-benesseri ta’ l-annimali fil-kuntest tan-negozjati tal-WTO mhux li tkun provduta bażi għall-introduzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ barrieri għat-tariffi” imma “biex tippromwovi standards ta’ benesseri ta’ l-annimali għolja, tipprovdi informazzjoni ċara lill-konsumaturi, filwaqt li fl-istess ħin iżżomm il-kompetittività tas-settur tal-biedja u ta’ l-industrija ta’ l-ikel tal-KE” . Il-Komunikazzjoni enfasizzat li l-protezzjoniżmu tan-negozju għandu jkun evitat filwaqt li jkun żgurat li n-negozju ma jdgħajjifx l-isforzi ta’ l-UE sabiex ikun inkoraġġit il-benesseri ta’ l-annimali fit-territorju tagħha stess. Filwaqt li l-Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju (SPS) jittratta prinċipalment il-firxa ta’ mard ta’ l-annimali u tal-pjanti u kwistjonijiet tas-sigurtà ta’ l-ikel, il-Ftehim dwar il-Barrieri Tekniċi għan-Negozju (TBT) jipprovdi lista ta’ għanijiet leġittimi meta jkunu qed jittieħdu l-miżuri. Madankollu, jidher li huwa diffiċli li l-benesseri ta’ l-annimali jitqies fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet sakemm ir-rabta bejn benesseri ta’ l-annimali fqir u r-riskju assoċjat għall-istatus tas-saħħa ta’ l-annimali tal-pajjiż li qed jimporta jista’ jintwera b’mod ċar. Ir-rilevanza tal-benesseri ta’ l-annimali fl-ambitu ta’ l-Artikolu XX tal-GATT ukoll jeħtieġ li jkun evalwat. B’mod partikolari, fejn hemm riskju li jista’ jitqiegħed fil-periklu l-aċċess għas-suq billi jintalbu standards ta’ benesseri ta’ l-annimali , il-valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ kwalunkwe proposta għal politika rilevanti għandha tinkludi analiżi ta’ l-istandards u l-prattika tal-benesseri ta’ l-annimali li jiġu applikati fil-Pajjiżi Terzi li probabbilment se jkunu l-aktar affetwati f’sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Bħala prinċipju ġenerali jidher ċar li membru tal-WTO jista’ jaġixxi sabiex iħares l-annimali fit-territorju tiegħu imma b’mod ġenerali m’għandux jimponi dawn ir-regoli dwar il-benesseri ta’ l-annimali fit-territorju ta’ pajjiżi li jesportaw jew ta’ dawk li jinsabu barra mill-ġuriżdizzjoni territorjali tiegħu. Fin-negozjati tal-WTO ta’ Doha, l-UE kkunsidrat li tindirizza t-tħassib fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali fi ħdan il-pilastru ta’ Appoġġ Domestiku. Ir-Regolament ta’ l-UE dwar l-Iżvilupp Rurali KE Nru 1257/99 kif emendat mir-Regolament Nru 1783/2003 taħt ir-riforma tal-CAP fl-2003 ukoll jaħseb għall-pagamenti lill-bdiewa li jissodisfaw standards ogħla, u jista’ jkun applikat mill-2005/2006. Kwalunkwe pagament ta’ din ix-xorta lill-bdiewa għandu jingħata b’konformità mar-regoli dwar in-negozju internazzjonali tal-WTO.

B’mod komplementari għall-inizjattiva ta’ l-OIE, il-Komunità bdiet tinnegozja l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali li għandhom ikunu inklużi fil-ftehimiet bilaterali bejn l-UE u l-Pajjiżi Terzi li huma fornituri ta’ l-annimali u tal-prodotti ta’ l-annimali (eż. iċ-Ċili u l-Kanada). L-UE wkoll inkoraġġiet b’mod attiv il-konsiderazzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali fi ħdan il-qafas tal-ftehimiet veterinarji ma’ sħab fin-negozju tal-Pajjiżi Terzi oħra. Il-linji gwida ta’ l-OIE dwar il-benesseri ta’ l-annimali li kien hemm ftehim internazzjonali dwarhom joffru bażi ideali għad-diskussjoni u għall-kunsens ma’ sħab fin-negozju ta’ din ix-xorta. Pereżempju, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ l-SPS bejn il-KE u ċ-Ċili, diġà ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma għall-Benesseri ta’ l-Annimali sabiex ikompli jmexxi ’l quddiem l-għanijiet li jintlaħaq fehim komuni dwar l-applikazzjoni ta’ l-istandards ta’ benesseri ta’ l-annimali , jitkabbar l-għarfien u jkun hemm skambju tal-kompetenza xjentifika. Għal dan il-għan, ġew organizzati numru ta’ seminars xjentifiċi u huma ppjanati aktar inizjattivi fil-qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-għarfien/tat-taħriġ u sabiex jiġu żviluppati strateġiji futuri fil-qasam ta’ l-edukazzjoni veterinarja, inklużi inizjattivi permezz tat-tagħlim elettroniku.

5.4. It-tkabbir ta’ l-għarfien dwar il-benesseri ta’ l-annimali fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw u l-ħolqien ta’ opportunitajiet għan-negozju

Seminar reċenti li ġie organizzat minn diversi organizzazzjonijiet għall-ħarsien ta’ l-annimali bħala parti mid-Djalogu tal-Kummissjoni mas-Soċjetà Ċivili, qiesu l-kwistjoni ta’ “Sustainable agricultural production and good animal welfare practice: trade opportunities for Developing Countries[21]”(Produzzjoni agrikola sostenibbli u prattika tajba għall-benesseri ta’ l-annimali: l-opportunitajiet ta’ negozju għall-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw). Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-seminar qiesu s-sistemi agrikoli estensivi u sostenibbli, bi standards tajbin ta’ benesseri ta’ l-annimali, għadhom il-forma predominanti ta’ produzzjoni ta’ bhejjem f’bosta Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw.

Huwa meħtieġ li l-Komunità tinvestiga f’aktar dettall l-inizjattivi biex ikun hemm djalogu ma’ pajjiżi li japplikaw standards għoljin ta’ benesseri ta’ l-annimali sabiex ikunu żviluppati sħubiji effiċjenti ma’ gvernijiet u ma’ persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess li huma involuti. Ir-Regolament (KE) 882/2004 jipprevedi l-involviment tar-rappreżentanti mill-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw f’korsijiet ta’ taħriġ organizzati mill-istaff ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li huma responsabbli sabiex ikunu implimentati r-regoli Komunitarji dwar il-benesseri ta’ l-annimali. Il-parti l-kbira tal-Ftehimiet tal-WTO jinkludu dispożizzjonijiet speċjali sabiex ikun permess Trattament Speċjali u Differenzjali (SDT) għall-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw u għal Dawk li huma l-Inqas Żviluppati, billi, fejn ikun possibbli, jingħataw perjodi itwal ta’ żmien sabiex jikkonformaw ma’ l-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda ta’ l-SPS li għandhom impatt fuq il-prodotti li jinteressawhom. F’uħud mill-każi, dan l-SDT jiġi pprovdut billi jingħataw eżensjonijiet għal limitu ta’ żmien speċifiku fejn għandhom x’jaqsmu l-obbligi li jissemmew fil-Ftehimiet u billi tkun provduta assistenza teknika li hija relatata man-negozju (TRTA) bl-għan ewlieni jkun li jinżammu u jitkabbru l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-prodotti li jesportaw. Il-Kummissjoni involviet ruħha fil-proġetti tat-TRTA għall-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw, fost l-oħrajn billi tassisti fl-attendenza ta’ l-esperti mill-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw għal laqgħat ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali differenti li jiffissaw l-istandards li huma rikonoxxuti uffiċjalment bħala tali mill-WTO (fil-każ ta’ l-OIE, l-WTO tqisha bħala l-organizzazzjoni internazzjonali rilevanti fejn għandha x’taqsam is-saħħa ta’ l-annimali u l-OIE dan l-aħħar ukoll elaborat linji gwida għall-benesseri ta’ l-annimali), kif ukoll billi tibgħat lil esperti tekniċi mill-Istati Membri lejn il-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw. Għandhom jintlaqgħu b’sodisfazzjon kollaborazzjoni u organizzazzjoni tat-taħriġ ta’ din ix-xorta, fejn esperti tekniċi mill-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw jistgħu jipparteċipaw ukoll.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 74/577/KEE.

[2] http://europa.eu.int/comm/food/fs/sc/oldcomm4/previous_en.html

[3] http://europa.eu.int/comm/food/fs/sc/scah/index_en.html

[4] http://www.efsa.eu.int/

[5] http://www.coe.int/T/E/Legal_affairs/Legal_co-operation/Biological_safety,_use_of_animals/

[6] Ir-Regolament 882/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tkun żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il- welfare ta’ l-annimali.

[7] COM(2002) 511 finali.

[8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organika (COM(2004) 415 finali).

[9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ottubru 2004 dwar il-Komunikazzjoni (2004) 415 finali.

[10] Ara http://europa.eu.int/comm/research/agriculture/index_en.html għar-riċerka kollha li hija relatata ma’ l-agrikoltura.

[11] Ara http://europa.eu.int/comm/research/quality-of-life/animal-welfare/seminars/pdf/animal-welfare_en.pdf għar-reviżjoni.

[12] FOOD-CT-2004-506508, “Il-kwalità tal-benesseri” ara www.welfarequality.net.

[13] http://europa.eu.int/comm/research/future/index_en.cfm

[14] Ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiċi.

[15] OIE – il-Kodiċi tas-Saħħa ta’ l-Annimali Terrestri ta’ l-2005 – l-Appendiċi 3.7.1 – Il-prinċipji ta’ gwida għall-benesseri ta’ l-annimali.

[16] http://europa.eu.int/comm/food/animal/welfare/euro_barometer25_en.pdf

[17] “Consumer concerns about animal welfare and the impact on food choice” (“It-tħassib tal-konsumaturi dwar il-benesseri ta’ l-annimali u l-impatt fuq l-għażla ta’ l-ikel”). EU FAIR-CT36-3678. Dr Spencer Henson u Dr Gemma Harper, l-Università ta’ Reading.

[18] Il-Konvenzjonijiet Ewropej għall-ħarsien ta’ l-annimali domestiċi, ta’ l-annimali li jintużaw fl-esperimentazzjoni, ta’ dawk li jinżammu biex jitrabbew għal skopijiet kummerċjali, waqt it-trasport u waqt it-tbiċċir.

[19] http://europa.eu.int/comm/food/animal/welfare/references/2002_0626_en.pdf

[20] COM(2002) 626 finali, ara l-Anness.

[21] http://trade-info.cec.eu.int/civilsoc/meetdetails.cfm?meet=11116#parts

Top