EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005SC1793

Rakkomandazzjoni għal decizjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konferenza Diplomatika prevista f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006, fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) u biex ikun adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks

/* SEK/2005/1793 finali */

52005SC1793

Rakkomandazzjoni għal decizjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konferenza Diplomatika prevista f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006, fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) u biex ikun adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks /* SEK/2005/1793 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.1.2006

SEG(2005)1793 finali

Rakkomandazzjoni għal

DECIZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konferenza Diplomatika prevista f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006, fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) u biex ikun adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Għan tat-Trattat

Fil-qafas ta’ l-Orgainzzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) ser issir konferenza diplomatika f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006, bl-iskop li jkun elaborat u adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks.

It-Trattat dwar il-Liġi tat-Trejdmarks magħmul f’Ġinevra fis-27 ta’ Ottubru 1994 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “it-TLT ta’ l-1994”) jittratta d-dispożizzjonijiet ta’ proċedura li huma intenzjonati biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi li jirrigwardaw it-trejdmarks. Hu ma jindirizzax ir-regoli sostentivi fil-qasam tat-tredjmarks. Ma hemm ebda problemi ta’ kompatibilità ma’ strumenti internazzjonali oħra, u notevolment mal-Ftehim dwar l-aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jikkonċernaw il-kummerċ (il-Ftehim dwar it-TRIPS ta’ l-1994) li għalih hu komplementari.

Mill-1994, l-utenti bbenefikaw mis-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għar-reġistrazzjoni tat-trejdmarks. Madankollu, ċerti aspetti relatati mal-proċedura għad iridu jkunu kkjarifikati jew miżjuda. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat Permanenti dwar il-Liġi tat-Trejdmarks, id-Disinji Industrijali u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (l-SCT) ħadmu matul seba’ sessjonijiet dwar ir-reviżjoni tat-TLT ta’ l-1994 sabiex notevolment tkun stabbilita Assemblea tat-TLT u biex ikunu introdotti fit-Trattat elementi li jikkonċernaw l-iffajljar elettroniku u proċeduri oħrajn. Id-deliberazzjonijiet twettqu abbażi tad-dokumenti li ġejjin:

Trattat rivedut u Regolamenti ta’ eżekuzzjoni: “Proposta Bażika” (dokument TLT/DC/3 tat-3 ta’ Jannar 2005)

L-għan tal-Konferenza Diplomatika hu li jkun adottat Trattat ġdid rivedut.

2. Regoli ta’ proċedura tal-Konferenza Diplomatika

Il-Konferenza Diplomatika għandha tiffissa r-Regoli ta’ Proċedura tagħha bbażati fuq l-abbozz elaborat (TLT/R/PM/2 tat-3 ta’ Jannar 2005).

Dan l-abbozz jittratta b’mod wiesa’ r-Regoli ta’ Proċedura tal-Konferenza Diplomatika għall-Adozzjoni ta’ Att Ġdid dwar l-Arranġament ta’ The Hague li jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinji Industrijali, li seħħ f’Ġunju u Lulju ta’ l-1999.

Id-delegazzjonijiet ta’ l-Istati Membri tad-WIPO se jkollhom l-isem ta’ “Delegazzjoni Membru Ordinarju”. Hu propost li l-Komunità Ewropea tkun mistiedna biex tipparteċipa taħt l-isem ta’ “Delegazzjoni Membru Speċjali”. Id-Delegazzjoni Membru Speċjali se jkollha l-istess status fil-Konferenza Diplomatika bħal Delegazzjoni Membru Ordinarju iżda mingħajr ma tkun tista’ tkun membru fil-Kumitat tal-Kredenzjali u mingħajr id-dritt tal-vot (ara l-punt 7 tad-dokument TLT/R/PM/2). Sakemm hu possibbli, id-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu b’kunsens.

3. Interess tal-Komunità għat-Trattat ippjanat.

It-Trattat rivedut ippjanat jikkonċerna lill-Komunità Ewropea minħabba li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jistgħu japplikaw għat-trejdmark Komunitarja[1] f’każ ta’ adeżjoni eventwali tal-Komunità għat-Trattat fil-ġejjieni. Rigward it-trejdmarks nazzjonali, l-armonizzazzjoni Komunitarja[2] kurrenti tikkonċerna aspetti li mhumiex koperti mit-Trattat ippjanat. Għalhekk hi r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jesprimu lilhom infushom dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw it-trejdmarks nazzjonali.

It-trejdmark Komunitarja tiġġustifika l-kompetenza tal-Komunità.

It-trejdmark Komunitarja ma tiħux post it-trejdmarks nazzjonali iżda hija addizzjoni indipendenti li hi valida fil-Komunità kollha. It-trejdmark Komunitarja u t-trejdmarks nazzjonali jeżistu flimkien u huma legalment separati u indipendenti minn xulxin, kemm fir-rigward tar-regoli sostentivi u l-proċedura applikabbli u kemm fir-rigward ta’ l-ufficcji responsabbli mill-ħruġ tagħhom.

Hi r-responsabbiltà tal-Komunità li tassigura li t-Trattat il-ġdid rivedut ma jkunx inkompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trejdmark Komunitarja f’każ li fil-ġejjieni l-Komunità Ewropea tiddeċiedi dwar adeżjoni għat-Trattat.

4. L-isfidi prinċipali tat-Trattat li kienu diskussi jikkonċernaw il-punti li ġejjin.

L-isfidi prinċipali tat-Trattat rivedut li kienu diskussi jikkonċernaw il-punti li ġejjin.

Trejdmarks li għalihom japplika t-Trattat (l-Artikolu 2).

Possibbiltà li jkun applikat dan it-Trattat għat-trejdmarks li mhumiex viżibbli (trejdmarks tal-ħsejjes jew li għandhom x’jaqsmu max-xamm) jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi dan.

Iffajljar elettroniku (l-Artikolu 8)

Possibbiltà li jkunu kkomunikati u trażmessi dokumenti lill-uffiċċji tal-partijiet kontraenti permezz ta’ mod elettroniku.

Miżuri ta’ sulliev f’każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ limitu ta’ żmien (l-Artikolu 14).

F’dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ sulliev wara l-iskadenza tal-limitu taż-żmien, il-possibbiltà li jkunu previsti waħda jew bosta mill-miżuri li ġejjin: estensjoni tal-limitu taż-żmien, tkomplija tal-proċedura jew ristabbiliment tad-drittijiet.

Liċenzji (l-Artikolu 17)

Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rikjesti ta’ reġistrazzjoni tal-liċenzji kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tad-detentur jekk it-trejdmark hi użata b’liċenzja.

Assemblea (l-Artikolu 24).

It-twaqqif ta’ Assemblea tal-partijiet kontraenti li tippermetti li jkun emendat it-Trattat jew imwettqa funzjonijiet oħra mingħajr il-ħtieġa li tkun imsejħa Konferenza Diplomatika. F’dak li jikkonċerna t-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Assemblea, kull parti kontraenti li hi organizzazzjoni intergovernattiva (pereżempju l-Komunità Ewropea) tista’ tipparteċipa fil-vot minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti li jkun ugwali għan-numru ta’ l-Istati Membri tagħha li jagħmlu parti minn dan id-Trattat. Ebda organizzazzjoni intergovernattiva ma għandha tipparteċipa fil-vot jekk wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu tal-vot jew viċiversa. Dan hu l-istess avviċinament meħud mill-Att ta’ Ġinevra ta’ l-Arranġament ta’ The Hague u li l-Komunità Ewropea aċċettat.

Rakkomandazzjoni għal

DECIZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati biex tkun assigurata l-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konferenza Diplomatika prevista f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006, fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) u biex ikun adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks

IDDECIEDA KIF GEJ:

Artikolu Uniku

Fil-Konferenza Diplomatika li ser issir fil-qafas tad-WIPO f’Singapor mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2006 bl-iskop li jkun adottat it-Trattat rivedut dwar il-Liġi tat-Trejdmarks, il-Kummissjoni hi awtorizzata tinnegozja, [b’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali nnominat mill-Kunsill], b’konformità mad-direttivi li jidhru fl-Anness, dwar l-aspetti li jikkonċernaw it-trejdmark Komunitarja u dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fit-Trattat ippjanat.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJATI

1. Il-Kummissjoni għandha tassigura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat rivedut ippjanat ikunu kompatibbli mas-sistema tat-trejdmark Komunitarja kif prevista fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 kif ukoll ma’ kull miżura ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tassigura li ma jkun hemm ebda problema ta’ kompatibilità ma’ strumenti internazzjonali oħra, u notevolment mal-Ftehim dwar l-aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jikkonċerna l-kummerċ (il-Ftehim dwar it-TRIPS ta’ l-1994).

2. Il-Kummissjoni għandha tassigura li t-Trattat rivedut ikollu l-miżuri li jippermettu lill-Komunità li ssir membru tat-Trattat rivedut ippjanat.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tassigura li fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-Assemblea tal-Partijiet Kontraenti, il-Komunità Ewropea tkun tista’ tipparteċipa fil-vot minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti ugwali għan-numru ta’ l-Istati Membri tagħha li jagħmlu parti minn dan it-Trattat.

3. Il-Kummissjoni ser iżomm lill-Kunsill infurmat dwar ir-riżultati tan-negozjati u, jekk ikun meħtieġ, dwar il-problemi li jistgħu jinqalgħu.

[1] ĠU L 11 tas-14.1.1994, p. 1. Ir-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trejdmark Komunitarja kif fl-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 422/2004 (ĠU L 70 tad-9.3.2004, p.1)

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trejdmarks (89/104/KEE).

Top