EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0276(01)

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri penali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intelletwali jkunu mħarsa {SEC(2005)848}

/* KUMM/2005/0276 finali - COD 2005/0127 */

52005PC0276(01)

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri penali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intelletwali jkunu mħarsa {SEC(2005)848} /* KUMM/2005/0276 finali - COD 2005/0127 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.7.2005

KUMM(2005)276 finali

2005/0127(COD)

2005/0128(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri penali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intelletwali jkunu mħarsa

Proposta għal

DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-ġlieda kontra l-ksur tal-propjetà intellettwali {SEC(2005)848}

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Motivazzjoni tal-proposta

Il-falsifikazzjoni u l-piraterija, u b’mod ġenerali, il-ksur tal-propjetà intellettwali, huma fenomeni li dejjem qiegħdin jikbru li llum il-ġurnata għandhom dimensjoni internazzjonali, minħabba li jippreżentaw theddida serja għall-ekonomiji nazzjonali u l-gvernijiet. Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ sanzjonjiet, minbarra li huma ta’ ħsara għat-tħaddim xieraq tas-suq intern, jagħmlu l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija aktar diffiċli. Minbarra l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jġibu magħhom, il-falsifikazzjoni u l-piraterija jqajmu wkoll problemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà. L-użu ta' l-Internet li kull ma' jmur dejjem jiżdied, iwassal għat-tqassim immedjat ta’ prodotti ta’ piraterija madwar id-dinja. Fl-aħħarnett, dan il-fenomenu qed jidher li hu aktar u aktar marbut mal-kriminalità organizzata. Għalhekk, il-ġlieda kontra dan il-fenomenu huwa ta’ importanza prinċipali għall-Komunità. Fil-fatt, il-falsifikazzjoni u l-piraterija saru attivitajiet ta’ qligħ bl-istesss mod bħal attivitajiet kriminali oħra organizzati fuq skala kbira bħat-traffikar illegali tad-droga. Jistgħu jinkisbu profitti għoljin mingħajr ir-riskju ta’ sanzjonijiet legali importanti. Huwa meħtieġ li jiżdiedu aktar dispożizzjonijiet mad-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali biex il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija tissaħħaħ u tittejjeb. Minbarra l-miżuri amministrattivi u ċivili, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fid-Direttiva 2008/48/KE, is-sanzjonijiet penali huma, f’każijiet fejn hu xieraq, metodi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-propjetà intellettwali jkunu rrispettati[1].

Bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim TRIPS kien hemm bidu ta’ armonizazzjoni li jistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar kif jistgħu jiġu rrispettati d-drittijiet tal-propjetà intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ. Dawn il-metodi jinkludu l-implimentazzjoni ta’ proċeduri u sanzjonijiet penali, iżda għad hemm ħafna differenzi fis-sitwazzjoni ġuridika tal-Komunità, u dawn ma jħallux lit-titulari tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni kullimkien madwar it-territorju tal-Komunità. Fir-rigward tas-sanzjonijiet penali, jeżistu differenzi konsiderevoli, partikolarment fejn jidħol il-livell mistenni ta’ pieni mill-leġiżlazzjoni nazzjonali.

F’termini ta’ l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, għandu jiġi enfasizzat li din l-inizjattiva għandha l-għan dirett li timplimenta l-Artikolu 17, paragrafu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistipula li "l-propjetà intellettwali għandha tiġi protetta"; dan tagħmlu permezz ta’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet waqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi differenti ta’ l-Istati Membri u d-drittijiet fundamentali l-oħra u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. In-natura tal-pieni għandha tiġi magħżula skond is-serjetà ta’ l-imġieba illegali differenti, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49, paragrafu 3 tal-Karta li jistipola li l-ħruxija tal-pieni m’għandhiex tkun sproporzjonata fir-rigward tar-reat.

Meta wieħed jikkunsidra li dan il-għan jista’ jintlaħaq aħjar fuq livell komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

Huwa meħtieġ qafas ta’ deċiżjoni biex iżżid mad-dispożizzjoni dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-TUE.

Il-kontenut tal-proposta

Artikolu 1

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-għan u l-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dawn huma miżuri penali meħtieġa biex jiġi mħares ir-rispett tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali. Bħalma sar fid-Direttiva 2004/48/KE dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali, l-espressjoni “drittijiet tal-propjetà intellettwali” għandha tkopri d-drittijiet kollha tal-propjetà intellettwali. Bħalma sar fl-Artikolu 17 paragrafu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea li jistipula li “l-propjetà intellettwali għandha tiġi protetta" il-qasam ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni penali hija orizzontali.

It-test huwa applikabbli għal kull ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali stipulat fil-leġiżlazzjoni komunitarja u/jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri, bħad-Direttiva 2004/48/KE. Id-Dikjarazzjoni 2005/295/KE tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tistabbilixxi lista ta’ dawn id-drittijiet[2]. Dan għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar stretti fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kunċett ta’ persuna legali għall-għanijiet tad-Direttiva.

Artikolu 3

Dan huwa Artikolu li jobbliga lill-Istati Membri biex jikkonsidraw kull ksur intenzjonat tad-dritt tal-propjetà intellettwali bħala reat kriminali ladarba dan isir fuq livell kummerċjali. It-test ikopri wkoll l-attentat, il-kompliċità u l-inċitament. Il-kriterju ta’ livell kummerċjali ġie msellef mill-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (il-Ftehim TRIPS) konkluż fil-15 ta’ April 1994 li jgħaqqad il-membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jobbliga lill-Istati Membri biex “jipprovdu għal proċeduri penali u għal pieni applikabbli, għall-inqas għall-atti deliberati ta’ falsifikazzjoni ta’ ditti tal-fabbrika jew tal-kummerċ jew ta’ piraterija li tikser id-dritt ta’ l-awtur fuq livell kummerċjali. Is-sanzjonijiet għandhom jinkludu l-priġunerija u/jew multi suffiċjenti biex ikunu disswasivi u jkunu konsistenti mal-livell ta’ pieni applikati għad-delitti ta’ l-istess serjetà. Fil-każijiet fejn hu xieraq, is-sanzjonijiet possibbli għandhom jinkludu wkoll il-qabda, il-konfiska u l-qerda tal-merkanziji konċernati u tal-materjal u l-istrumenti kollha li jkunu ntużaw biex isir id-delitt. Il-Membri jkunu jistgħu jipprovdu għall-proċeduri penali u għall-pieni applikabbli għal atti oħrajn li jiksru d-drittijiet tal-propjetà intellettwali, partikolarment meta dawn jitwettqu apposta u fuq skala kummerċjali."

Ir-reat għandu jkun intenzjonat, jiġifieri l-att għandu jkun sar apposta, kemm jekk huwa ksur tal-propjetà intellettwali, attentat, kompliċità jew inċitament. Dan ma jikkompromettix sistemi ta’ responsabbiltà speċifika li ġew stabbiliti, bħas-sistema ta’ responsabbiltà ta' dawk li jipprovdu s-servizz ta' l-Internet stipulati fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku[3].

Artikolu 4

Dan l-Artikolu jikkonċerna s-sanzjonijiet: minbarra l-priġunerija tal-persuni fiżiċi, it-test jipprovdi għal għadd ta’ sanzjonijiet li jkunu jistgħu japplikaw kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll legali: dawn huma multi, il-konfiska ta’ oġġetti tal-persuna kkundannata, kemm jekk huma merkanziji kontenzjużi kif ukoll materjal jew għodod oħra li jkunu ntużaw speċifikament għall-fabbrikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-merkanzija konċernata. Sanzjonijiet oħra huma provduti għall-każijiet speċifiċi: il-qerda tal-merkanziji kontenzjużi kif ukoll ta’ l-oġġetti li jkunu ntużaw speċifikament għall-fabbrikazzjoni tal-merkanziji fil-kwistjoni, l-għeluq totali jew parzjali, definittiv jew temporanju, ta’ l-istabbiliment jew tal-ħanut li jkun serva speċifikament biex jitwettaq ir-reat. Isiru wkoll dispożizzjonijiet għall-projbizzjoni fuq attivitajiet kummerċjali b’mod permanenti jew temporanju, it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja jew l-għeluq ġudizzjarju u l-projbizzjoni għall-aċċess ta’ l-għajnuna u s-sussidji pubbliċi. Fl-aħħarnett, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija provduta. Din il-possibilità tistabbilixxi element ta’ dissważjoni u tista’ sservi wkoll bħala mezz ta’ informazzjoni kemm għal dawk li għandhom id-dritt kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.

Artikolu 5

Dan l-Artikolu jikkonċerna l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi interna ta’ l-Istati Membri. Iż-żmien ta’ skadenza ta’ tmintax-il xahar għat-traspożizzjoni tfassal fuq il-mudell ta’ Direttivi oħrajn.

Artikolu 6

Dan l-Artikolu jistipola li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 254, pargrafu 1, tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 7

Dan l-Artikolu jistipola li din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

2005/0127(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri penali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intelletwali jkunu mħarsa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[4],

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

Wara li kkunisdraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[7],

(1) Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri u l-Komunità, għall-kwistjonijiet fil- kompetenza tagħhom, huma marbutin bil-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS), approvat mill-Komunità fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, bid-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill[8]. Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, numru ta’ dispożizzjonijiet penali li jiffurmaw standards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali iżda d-differenzi bejn l-Istati Membri għadhom kbar wisq biex il-ġlieda kontra r-reati tal-propjetà intellettwali tkun effettiva, partikolarment fil-każijiet l-aktar serji. Dan inaqqas il-fiduċja fost il-gruppi ekonomiċi fis-suq intern u jwassal għal tnaqqis ta’ investimenti fl-innovazzjoni u l-kreazzjoni.

(2) Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali[9] tipprovdi miżuri, proċeduri u rimedji ta’ natura ċivili u amministrattiva. Huma meħtieġa għadd ta’ dispożizzjonijiet penali li huma biżżejjed disswasivi u applikabbli fuq it-territorju tal-Komunità biex din id-Direttiva tkun kompletata.

(3) Din id-Direttiva ma taffettwax is-sistemi ta’ responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu s-servizz ta’ l-Internet stipulati fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku[10].

(4) Peress li l-għan ta' l-azzjoni proposta ma jistax ikun suffiċjentament milħuq mill-Istati Membri u jista' għalhekk ikun milħuq aħjar fuq livell komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif preskritt f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil' hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

(5) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tara li jkun hemm ir-rispett sħiħ lejn il-propjetà intellettwali skond l-Artikolu 17, paragrafu 2 ta’ din il-Karta.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Għan u qasam ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri penali meħtieġa biex jiġi mħares ir-rispett lejn id-drittijiet tal-propjetà intellettwali.

Dawn il-miżuri japplikaw għad-drittijiet tal-propjetà intellettwali stipulati bil-leġiżlazzjoni komunitarja u/jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 2Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva “persuna legali” tfisser kull entità ġuridika li għandha dan l-istatut in virtù tad-dritt nazzjonali applikabbli, bl-eċċezzjoni ta’ l-Istati u ta’ kull entità pubblika oħra li joperaw fil-qasam ta’ l-eżerċizzju tal-prerogattiva tagħhom tas-setgħa pubblika, kif ukoll l-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali.

Artikolu 3Reati

Kull ksur intenzjonat tad-dritt tal-propjetà intellettwali mwettaq fuq skala kummerċjali, kif ukoll attentat ta’ ksur, kompliċità jew inċitament għal ksur bħal dan għandu jitqies bħala reat kriminali mill-Istati Membri.

Artikolu 4Sanzjonijiet

1. Għar-reati msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dawn is-sanzjonijiet:

a) għall-persuni fiżiċi, sentenza ta’ kustodja;

b) għall-persuni fiżiċi u legali:

i) multi,

ii) il-konfiska ta’ l-oġġetti, l-istrumenti u l-prodotti li ġejjin mill-ksur jew ta’ oġġetti li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dawn il-prodotti.

2. Għar-reati msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li dawn is-sanzjonijiet ikunu wkoll applikabbli fil-każijiet fejn ikun xieraq:

a) il-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru d-dritt tal-propjetà intellettwali;

b) l-għeluq totali jew parzjali, definittiv jew temporanju, ta’ l-istabbilliment li jkun intuża speċjalment biex isir il-ksur fil-kwistjoni;

c) il-projbizzjoni permanenti jew temporanja ta’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali;

d) it-tqegħid taħt kontroll ġudizzjarju;

e) ix-xoljiment ġudizzjarju;

f) il-projbizzjoni ta’ l-aċċess għall-għajnuna u s-sussidji pubbliċi;

g) il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

Artikolu 5Traspożizzjoni

3. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex isiru konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill- .... (tmintax-il xahar wara d-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Direttiva). Għandhom fil-pront jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll skeda ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandha tiġi mehmuża magħhom referenza bħal din dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6 Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Motivazzjoni tal-proposta

Il-ksur tal-propjetà intellettwali illum sar fenomenu ta’ tħassib partikolari, li hu marbut f’ċerti każijiet mal-kriminalità organizzata. Illum-il ġurnata qed ikollna nħabbtu wiċċna ma’ traffikar transnazzjonali ta’ oġġetti li jiksru l-propjetà intellettwali: il-produzzjoni illegali ta’ prodotti falsifikati, it-trasport taż-żoni ta’ produzzjoni lejn iż-żoni ta’ konsum fil-qasam tan-netwerks organizzati, il-bejgħ ta’ prodotti illegali u l-ħasil tal-flus mill-profitti.

Sabiex il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni ta’ ksur tal-propjetà intellettwali tkun effettiva, huwa meħtieġ li d-Direttiva .../.../KE tiġi kkompletata permezz ta’ miżuri ta’ approssimazzjoni u kooperazzjoni tal-leġiżlazzjoni penali taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, din il-proposta ta’ deċiżjoni qafas għandha l-għan li ssaħħaħ il-miżuri tad-dritt penali sabiex tqarreb lejn xulxin id-dispożizzjonijiet legali u regolatorji ta’ l-Istati Membri dwar ir-reati kontra d-drittijiet tal-propjetà intellettwali kif ukoll tiffaċilita u tinkuraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex joħonqu dawn ir-reati.

F’termini ta’ l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, għandu jiġi enfasizzat li din l-inizjattiva għandha l-għan dirett li timplimenta l-Artikolu 17, paragrafu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistipula li "l-propjetà intellettwali għandha tkun protetta"; dan tagħmlu billi tressaq flimkien il-liġijiet waqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi differenti ta’ l-Istati Membri u d-drittijiet fundamentali l-oħra u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. Il-livell tal-pieni għandu jiġi magħżul skond is-serjetà ta’ l-imġieba illegali differenti, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49, paragrafu 3 tal-Karta li jistipola li l-ħruxija tal-pieni m’għandhiex tkun sproporzjonata fir-rigward tar-reat.

IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA

Artikolu 1 – L-għan

L-ewwel Artikolu jispeċifika li l-għan huwa li d-Direttiva .../.../KE tiġi kompletata permezz ta’ dispożizzjonijiet penali kumplimentari għal dawk li diġà hemm f’din id-Direttiva.

Artikolu 2 – Livell ta' sanzjonijiet

Dan l-Artikolu jikkonċerna l-livell tas-sanzjonijiet penali: ir-reati għandhom iġorru magħhom piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija meta dawn jitwettqu f'organizzazzjoni kriminali. L-istess prinċipju japplika meta dan il-ksur iwassal għal riskju fuq is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni. Ġie magħżul limitu ta’ 4 snin ta’ priġunerija għaliex ġeneralment jikkorrispondi għall-kriterju użat biex jiġi identifikat reat serju. Huwa l-limitu magħżul fl-azzjoni komuni 98/733/JHA u fil-proposta għal qafas ta’ deċiżjoni dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [COM(2005)6 finali)] u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità transnazzjonali organizzata. Għall-persuni fiżiċi jew legali responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE, is-sanzjonijiet jinkludu multi penali jew mhux penali ta’ massimu ta’ mill-inqas €100 000 għall-każijiet barra minn dawk li huma l-aktar serji u massimu ta’ mhux inqas minn €300 000 għall-każijiet ta’ reati mwettqa f’organizzazzjoni kriminali u dawk li jwasslu għal riskju ta’ saħħa jew sigurtà fuq il-persuni. Fejn ir-riskju huwa meqjus li jkun preżenti, huwa possibbli li l-fatt jittieħed fiċ-ċirkustanza anki jekk il-prodott perikoluż ma jkunx għadu wassal għal riżultat perikoluż.

Il-kunċett tar-riskju fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni jikkonċerna l-każ meta l-prodott falsifikat impoġġi fis-suq jesponi direttament lil ħaddieħor għal riskju ta’ mard jew inċident. Fil-każ li r-riskju jwassal għal konsegwenzi serji bħall-mewt jew diżabbiltà, għandu jkun hemm pieni aktar ħorox.

Artikolu 3 – Setgħat usa’ ta’ konfiska

Dan l-Artikolu jipprovdi għal-konfiska totali jew parzjali ta’ l-oġġetti ta’ persuna kkundannata għar-reati mwettqa fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 2. Dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni qafas 2005/212/JHA ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta' prodotti, strumenti u oġġetti li għandhom x'jaqsmu mar-reat.[11]

Artikolu 4 – Gruppi konġunti ta’ investigazzjoni

Id-deċiżjoni qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002[12], tipprovdi l-qafas neċessarju għat-twaqqif meħtieġ ta’ gruppi konġunti ta’ investigazzjoni. Biex jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet penali dwar ir-reati li jiksru d-drittijiet tal-propjetà intellettwali, l-Istati Membri għandhom jippermettu lit-titulari tad-dritt tal-propjetà intellettwali kkonċernati jew lir-rappreżentati tagħhom kif ukoll lill-esperti biex jassistu fl-investigazzjonijiet immexxija minn dawn il-gruppi. Fil-fatt, l-investigazzjonijiet huma diffiċli biex jitmexxew f’dan il-qasam u ħafna drabi huwa essenzjali li jkun hemm il-parteċipazzjoni attiva tal-vittmi, tar-rappreżentanti tat-titulari tad-dritt tal-propjetà intellettwali jew ta' l-esperti biex jintlaħqu l-konklużjonijiet, partikolarment biex ikun ipprovati li l-prodotti jkunu ġew iffalsifikati. Dwar dan, l-Istati Membri għandhom libertà ta’ azzjoni kbira biżżejjed.

Artikolu 5 – Kompetenza u koordinazzjoni tal-proċeduri

Paragrafu 1 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jużaw il-kompetenzi tagħhom biex jieħdu l-passi u jaqtgħu sentenza għall-ksur li jitwettaq kompletament jew parzjalment fuq it-territorju tagħhom.

Paragrafu 2 għandu l-għan li jiffaċilita l-ftehim tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiddeċiedu min fosthom għandu jieħu passi kontra l-persuni li jiksru l-liġi meta l-ksur jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u li kull wieħed minn dawn l-Istati jista' jieħu passi b'mod validu fuq il-bażi ta' l-istess fatti, bl-għan finali li, jekk hu possibbli, il-proċeduri jiġu ċentralizzati fi Stat Membru wieħed. Għal dan il-għan, jekk ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu rikors għall-Eurojust, skond id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2002[13].

Il-paragrafu 3 jistabbilixxi lista ta’ kriterji biex jintużaw għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2.

Artikolu 6 – Il-ftuħ tal-proċeduri penali

Dan l-Artikolu għandu l-għan li jara li l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri penali dwar ir-reati fil-qasam tal-falsifikazzjoni u l-piraterija ma jiddependux mid-dikjarazzjoni jew mill-akkuża li tkun ġejja mill-vittma tar-reat, għall-inqas jekk il-fatti jkunu mwettqa fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru.

Artikolu 7 - Implimentazzjoni

L-Artikolu 7 huwa dwar l-implimentazzjoni u l-moniteraġġ ta’ din id-deċiżjoni qafas.

Artikolu 8 – Dħul fis-seħħ

L-Artikolu 8 jipprovdi li din id-deċiżjoni qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjonj tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2005/0128(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL

dwar it-tisħiħ tal-qafas penali għall-ġlieda kontra l-ksur tal-propjetà intellettwali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 31 u 34, paragrafu 2 punt b),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[14],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[15],

Billi:

(1) Il-Green Paper dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fis-suq intern ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ottubru 1998 tinnota li l-falsifikazzjoni u l-piraterija saru fenomeni internazzjonali li għandhom riperkussjonijiet importanti fuq il-pjan ekonomiku u soċjali u f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà pubblika. Ġie mfassal pjan ta’ azzjoni bħala parti mis-segwitu tal-Green Paper u ġie inkluż fil-Komunikazzjoni dwar l-istess suġġett li l-Kummissjoni indirizzat lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fit-30 ta’ Novembru 2000[16].

(2) Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-20 u l-21 ta’ Marzu 2003, stieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-isfruttament tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali billi jieħdu miżuri kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

(3) Il-Kunsill adotta d-deċiżjoni qafas 2005/212/JHA fl-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ prodotti, strumenti u oġġetti b’rabta mar-reati[17] u d-deċiżjoni qafas ta’ ... dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[18].

(4) Id-Direttiva .../...KE ta’... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri penali li jaraw li d-drittijiet għall-propjetà intellettwali jkunu rrispettati għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri ma’ dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tar-reati u t-tip ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti.

(5) Biex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva .../.../KE jissaħħu, ikun xieraq li l-livell tal-pieni għall-persuni fiżiċi u legali li wettqu ksur bħal dan jew li kienu reponsabbli għalih, għandhom ikunu armonizzati. L-armonizzazzjoni għandha tikkonċerna partikolarment is-sentenzi ta’ priġunerija, il-multi u l-konfiski.

(6) Għandhom jiġu provduti dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet penali. L-Istati Membri għandhom jaraw li t-titulari kkonċernati tad-dritt tal-propjetà intellettwali, jew ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti jkunu jistgħu jassistu fl-investigazzjonijiet immexxija minn gruppi konġunti ta’ investigazzjoni.

(7) Għandhom jiġu stabbiliti regoli ta’ kompetenza u ta’ koordinazzjoni tal-proċeduri biex jiġi garantit li r-reati msemmija fid-Direttiva .../.../KE jistgħu jitmexxew b’mod effettiv, partikolarment meta l-ksur jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u meta kull wieħed minn dawn l-Istati jista' jieħu passi b'mod validu fuq il-bażi ta' l-istess fatti.

(8) Sabiex l-investigazzjonijiet u l-proċeduri penali dwar ir-reati msemmija fid-Direttiva .../...KE jiġu faċilitati, dawn m’għandhomx jiddependu fuq id-Dikjarazzjoni jew ir-rapport li jkun ġej mill-vittma tar-reat.

(9) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux ikunu milħuqa biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom, u jistgħu' jkunu milħuqa aħjar fuq livell komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat f'dan l-Artikolu, dan il-qafas ta’ Deċiżjoni ma jmurx lil hemm minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(10) Dan il-qafas ta’ deċiżjoni jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment l-Artikolu 17 paragrafu 2 tagħha.

ADOTTA DAN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1 Għan

Dan id-deċiżjoni qafas tissuplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva .../.../KE, li jistabbilixxu metodi ta’ sanzjonijiet u miżuri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarji.

Artikolu 2Livell tas-sanzjonijiet

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaraw li l-persuni fiżiċi responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE jiġu kkastigati b’sententa ta’ massimu ta' mill-inqas 4 snin ta’ priġunerija, meta dawn ir-reati jkunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-deċiżjoni qafas... dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll meta dawn ir-reati jkunu ta’ riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni.

2. L-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jaraw li l-persuni fiżiċi jew legali responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE jkunu kkastigati b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu multi penali jew mhux penali:

a) ta’ massimu ta’ mill-inqas 100 000 euro għall-każijiet barra dawk l-aktar serji;

b) ta’ massimu ta’ mill-inqas 300 000 euro għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1

3. Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet aktar serji, partikolarment f’każ ta’ riskju ta’ mewt jew diżabilità.

Artikolu 3Setgħat imwessa’ ta’ konfiska

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska totali jew parzjali ta' l-oġġetti tal-persuni fiżiċi jew legali kkundannati b'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-qafas ta’ Deċiżjoni 2005/212/JHA ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ prodotti, strumenti u oġġetti marbuta mar-reat[19], għall-inqas meta r-reati jkunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-deċiżjoni qafas... dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll meta dawn ir-reati jwasslu għal riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni.

Artikolu 4Gruppi konġunti ta’ investigazzjoni

L-Istati Membri għandhom jaraw li t-titulari kkonċernati tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali jew ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti, ikunu jistgħu jassistu għall-investigazzjonijiet immexxija mill-gruppi konġunti ta’ investigazzjoni dwar ir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE.

Artikolu 5Kompetenza u koordinazzjoni tal-proċeduri

1. Kull Stat Membru għandu jara li l-kompetenza tiegħu tkopri mill-inqas il-każijiet li fihom jitwettaq xi reat imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE, kompletament jew parzjalment fuq it-territorju tiegħu.

2. Meta reat imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u li xi wieħed fost dawn l-Istati jista’ jieħu passi b’mod validu fuq il-bażi ta’ l-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikooperaw biex jiddeċiedu min fosthom għandu jieħu passi kontra dawk li jiksru l-liġi bl-għan finali li, jekk hu possibbli, il-proċeduri jiġu ċentralizzati fi Stat Membru wieħed.Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jirrikorru għall-Eurojust, jekk ikun il-każ.

3. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 2, dawn il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod suċċessiv:

4. l-Istat Membru li fih ikunu twettqu r-reati fuq it-territorju tiegħu;

5. l-Istat Membru li fih dak li jikser il-liġi huwa ċittadin jew resident;

6. l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna legali li tkun wettqet ir-reat ikollha l-uffiċju rreġistrat;

7. l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-vittma huwa resident jew għandu l-uffiċju rreġistrat;

8. l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun instab dak li jikser il-liġi.

Artikolu 6Il-ftuħ tal-proċedura

L-Istati Membri għandhom jaraw li l-possibilità li jinfetħu investigazzjonijiet jew proċeduri penali dwar ir-reati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva .../.../KE ma tiddependix fuq id-dikjarazzjoni jew l-akkuża li tkun ġejja mill-vittma tar-reat, għall-inqas jekk il-fatti jkunu twettqu fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru

Artikolu 7Implimentazzjoni

9. L- Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' dan il-qafas ta’ deċiżjoni mhux aktar tard mil-...

10. Sa mhux aktar tard minn din l-istess data, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni t-test dwar id-dispożizzjonijiet li se jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom minn dan il-qafas ta’ deċiżjoni.

11. Fuq il-bażi ta’ rapport stabbilit minn din l-informazzjoni u ta’ rapport miktub tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivverifika qabel il-31 ta’ Diċembru ... jekk l-Istati Membri jkunux ħadu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas.

Artikolu 8 Id-Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni qafas tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Il-premessa 28 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 tiddikjara li “minbarra l-miżuri ċivili u amministrattivi, il-proċeduri u r-rimedji stipulati taħt din id-Direttiva, is-sanzjonijiet kriminali huma wkoll, f’kazijiet fejn hu xieraq, metodi li jiżguraw li d-drittijiet tal-propjetà intellettwali jkunu rrispettati".

[2] ĠU L 94 tat-13.4.2005, p. 37

[3] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p.1

[4] ĠU C ta' ..., p. .

[5] ĠU C ta' ..., p. .

[6] ĠU C ta' , p. .

[7] ĠU C ta' , p. .

[8] ĠU L 336 tat-2312.1994, p. 1

[9] ĠU L 195 tat-2.6.2004, p. 16

[10] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p.1

[11] ĠU L 68, tal-15.3.2005, p.49.

[12] ĠU L 162, tal-20.6.2002, p.1.

[13] Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2002 li li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati serji (ĠU L 63, tas-6.3.2002, p. 1).

[14] ĠU C tal- , p.

[15] ĠU C [..] tal- , p. [..]

[16] COM(2000)789 finali

[17] ĠU L 68, tal-15.03.2005, p. 49.

[18] ĠU L...

[19] ĠU L 68, tal-15.3.2005, p.49.

Top