EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0585

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/585 tal-15 ta’ Marzu 2023 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ 3-etilċiklopentan-1,2-dion, 4-idrossi-2,5-dimetilfuran-3(2H)-on, 4,5-diidro-2-metilfuran-3(2H)-on, ewġenol, 1-metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen, α-pentilċinnamaldeid, α-eżilċinnamaldeid u 2-aċetilpiridina bħala addittivi tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/1670

OJ L 77, 16.3.2023, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/585/oj

16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/585

tal-15 ta’ Marzu 2023

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ 3-etilċiklopentan-1,2-dion, 4-idrossi-2,5-dimetilfuran-3(2H)-on, 4,5-diidro-2-metilfuran-3(2H)-on, ewġenol, 1-metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen, α-pentilċinnamaldeid, α-eżilċinnamaldeid u 2-aċetilpiridina bħala addittivi tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu tal-ewġenol u tal-1-metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen bħala addittivi tal-għalf ġie awtorizzat għal ċerti speċijiet tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1452 (2) għal perjodu ta’ 10 snin.

(2)

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452, l-indikazzjoni rigward il-metodu tal-produzzjoni għaż-żewġ addittivi msemmija hawn fuq bi żball tirreferi biss għall-produzzjoni permezz tas-sinteżi kimika, filwaqt li fil-każ tal-ewġenol jenħtieġ li tirreferi wkoll għall-estrazzjoni mill-imsiemer tal-qronfol jew miż-żejt tal-imsiemer tal-qronfol u fil-każ tal-1-metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen għall-estrazzjoni miż-żejt tal-arżnu.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452 jiġi kkoreġut skont dan.

(4)

Biex jiġi evitat it-tfixkil fit-tqegħid fis-suq tal-addittivi tal-għalf ikkonċernati minħabba l-iżbalji fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452, fir-rigward tal-entrata għall-addittiv Ewġenol identifikata bħala “2b04003”, fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku”, il-kliem “Prodott b’sinteżi kimika” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Prodott b’sinteżi kimika jew bl-estrazzjoni mill-imsiemer tal-qronfol jew miż-żejt tal-imsiemer tal-qronfol”.

2.   Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1452, fir-rigward tal-entrata għall-addittiv 1-Metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen identifikata bħala “2b04010”, fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku”, il-kliem “Prodott b’sinteżi kimika” huwa sostitwit b’dan li ġej: “Prodott b’sinteżi kimika jew bl-estrazzjoni miż-żejt tal-arżnu”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1452 tal-1 ta’ Settembru 2022 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ 3-etilċiklopentan-1,2-dion, 4-idrossi-2,5-dimetilfuran-3(2H)-on, 4,5-diidro-2-metilfuran-3(2H)-on, ewġenol, 1-metossi-4-(prop-1(trans)-enil)benżen, α-pentilċinnamaldeid, α-eżilċinnamaldeid u 2-aċetilpiridina bħala addittivi tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali (ĠU L 228, 2.9.2022, p. 17).


Top