EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0534

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/534 tal-1 ta’ April 2022 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Malażja maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/2190

ĠU L 105, 4.4.2022, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/534/oj

4.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/63


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/534

tal-1 ta’ April 2022

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Malażja maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza jenħtieġ li japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fit-18 ta’ Novembru 2021, il-Malażja pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim u tat-testijiet skont is-sistema intitolata “Vaccine Management System”. Il-Malażja infurmat lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ standard u sistema teknoloġika interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, il-Malażja infurmat lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja f’konformità mal-“Vaccine Management System” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Il-Malażja infurmat ukoll lill-Kummissjoni li hija taċċetta ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet għat-testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidi nuklejċi kif ukoll ċertifikati tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-ŻEE f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fl-10 ta’ Marzu 2022, wara talba mill-Malażja, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja huma f’konformità ma’ sistema, il-“Vaccine Management System” li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja f’konformità mal-“Vaccine Management System” fihom id-data meħtieġa.

(6)

Minbarra dan, il-Malażja infurmat lill-Kummissjoni li qed toħroġ ċertifikati tat-tilqim interoperabbli għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawk il-vaċċini bħalissa jinkludu Comirnaty, Vaxzevria, CoronaVac, Convidecia u WIBP-CorV.

(7)

Il-Malażja informat ukoll lill-Kummissjoni li toħroġ ċertifikati ta’ testijiet interoperabbli għal testijiet ta’ amplifikazzjoni tal-aċidi nuklejċi imma mhux għal testijiet rapidi tal-antiġeni.

(8)

Barra minn hekk, il-Malażja informat lill-Kummissjoni li ma toħroġx ċertifikati ta’ fejqan interoperabbli.

(9)

Minbarra dan, il-Malażja infurmat lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fil-Malażja jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati u kkonfermati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(10)

L-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja f’konformità mal-“Vaccine Management System” iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma b’hekk issodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja f’konformità mal-“Vaccine Management System” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Malażja tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex il-Malażja tiġi konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim u tat-testijiet maħruġa mill-Malażja f’konformità mal-“Vaccine Management System” għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Il-Malażja għandha tkun konnessa mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


Top