EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1925

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1925 tal-5 ta’ Novembru 2021 li jemenda ċerti Annessi tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tal-insetti u l-adattament ta’ metodu ta’ konteniment (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/7824

OJ L 393, 8.11.2021, p. 4–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1925/oj

8.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 393/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1925

tal-5 ta’ Novembru 2021

li jemenda ċerti Annessi tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tal-insetti u l-adattament ta’ metodu ta’ konteniment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (b), (h), (i) u (j), l-Artikolu 21(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-Artikolu 27, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 32(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi regoli għas-saħħa pubblika u tal-annimali għat-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti derivati.

(2)

L-iżvilupp mgħaġġel tas-settur tal-produzzjoni tal-insetti rriżulta f’ammont sinifikanti ta’ eskrementi tal-insetti li, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni, jintremew b’mod differenti f’kull Stat Membru. Sabiex tiġi żgurata l-valorizzazzjoni tal-eskrementi tal-insetti bħala fertilizzanti, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli tal-Unjoni.

(3)

Għall-fini tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, jenħtieġ li “frass” jiġi ddefinit bħala t-taħlita ta’ eskrementi tal-insetti b’partijiet ta’ insetti mejta u s-substrat tal-għalf. Il-larva tal-insetti, li hija użata b’mod komuni għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali jew għall-konsum mill-bniedem, tgħix fil-frass. Jenħtieġ li tiddaħħal definizzjoni ta’ “frass” fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 sabiex jiġu allinjati r-rekwiżiti għat-trattament u għat-tqegħid fis-suq tal-frass mar-rekwiżiti għad-demel ipproċessat. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-ġbir f’waqtu ta’ karkassi waħedhom ta’ annimal tar-razzett mhux ruminanti mhux dejjem ikun ekonomikament fattibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-karkassi miġbura minn irziezet żgħar. Għaldaqstant, l-Anness IX, il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jipprevedi metodi ta’ konteniment biex jiġi żgurat il-ħżin sikur ta’ ċerti annimali tar-razzett mhux ruminanti mejtin sal-ġbir. Il-metodu ta’ konteniment “Idroliżi u r-rimi sussegwenti” attwalment ikopri biss il-karkassi tal-annimali porċini. Huwa xieraq li dak il-metodu ta’ konteniment jiġi estiż biex jinkludi wkoll il-karkassi tat-tjur u tal-lagomorfi mrobbija. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness IX, il-Kapitolu V, it-Taqsima 2.B, il-punt 2 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(5)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqu, japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(6)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li l-Anness IX, il-Kapitolu V, it-Taqsima 2.B, il-punt 1 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat sabiex jissostitwixxi r-referenza għar-Renju Unit fil-lista tal-Istati Membri awtorizzati biex japplikaw il-metodu ta’ konteniment b’referenza għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-referenzi għar-Renju Unit fl-Anness IX, il-Kapitolu V, it-Taqsima 2.A tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 u fit-Tabella 3 tal-Anness XIV, il-Kapitolu II, it-Taqsima 11 ta’ dak ir-Regolament jitħassru.

(7)

Fit-8 ta’ Ottubru 2015, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-profil tar-riskju relatat mal-produzzjoni u l-konsum ta’ insetti bħala ikel u għalf (3). Fost diversi speċijiet ta’ insetti, l-EFSA vvalutat id-dud tal-ħarir bħala sors possibbli għall-produzzjoni tal-proteina pproċessata tal-annimali. Is-serikultura għandha tradizzjoni antika f’ċerti reġjuni tal-Unjoni. Peress li d-dud tal-ħarir domestiku jikkonsma biss il-weraq tat-tut u taċ-ċawsli (Morus alba u Morus nigra), m’hemmx riskju ta’ kontaminazzjoni mal-għalf ta’ oriġini tal-annimali, li mhuwiex awtorizzat għall-għalf tal-insetti. Jenħtieġ għalhekk li jiġi awtorizzat għall-ipproċessar fi proteina pproċessata tal-annimali maħsuba għall-manifattura tal-għalf għall-annimali mrobbija, ladarba jkun inġabar il-ħarir. Huwa xieraq li d-dud tal-ħarir (Bombyx mori) jiżdied mal-lista ta’ speċijiet ta’ insetti awtorizzata għall-produzzjoni ta’ proteina pproċessata tal-annimali maħsuba għall-manifattura ta’ għalf għall-annimali mrobbija. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(8)

L-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq tad-demel. Wara l-introduzzjoni tad-definizzjoni ta’ “frass” fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li r-rekwiżiti tat-tqegħid fis-suq tal-frass ipproċessat jiżgura l-kummerċ sikur fil-frass ipproċessat. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Anness ikopru wkoll il-frass. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jiġi emendat skont dan.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li attwalment japplikaw il-miżuri nazzjonali għall-ipproċessar tal-frass, jallinjaw il-miżuri nazzjonali tagħhom mal-metodu stabbilit fl-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, kif emendat b’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 12-il xahar.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, IX, X, XI u XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-operaturi approvati jew irreġistrati fi Stat Membru li japplika l-miżuri nazzjonali għall-ipproċessar tal-frass jistgħu jkomplu japplikaw dawk il-miżuri nazzjonali għat-tqegħid fis-suq tal-frass fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat sat-8 ta’ Novembru 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(3)  Scientific Opinion on a Risk profile related to production and consumption of insects as food and feed”, EFSA Journal (2015);13(10):4257.


ANNESS

L-Annessi I, IX, X, XI u XIV ta-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati kif ġej:

1.

fl-Anness I, jiżdied il-punt 61 li ġej:

“61.

frass’ tfisser taħlita ta’ eskrementi dderivati minn insetti mrobbija, is-substrat tal-għalf, partijiet ta’ insetti mrobbija, bajd mejjet u b’kontenut ta’ insetti mrobbija mejtin ta’ mhux iktar minn 5 % f’volum u mhux aktar minn 3 % f’piż.”

2.

fl-Anness IX, il-Kapitolu V, it-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt A.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri (*1) kkonċernati

Il-proċess tal-maturazzjoni u l-ħżin aerobiċi tal-ħnieżer li jmutu fir-razzett u ta’ ċertu materjal ieħor tal-porċini segwit b’inċinerazzjoni jew koinċinerazzjoni jista’ jintuża fi Franza, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall u r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Wara l-maturazzjoni u l-ħżin aerobiċi tal-materjal, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiżgura li l-materjali jinġabru u jintremew fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”"

(b)

il-punti B.1 u B.2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri (*2) kkonċernati

Il-proċess ta’ idroliżi u r-rimi sussegwenti jista’ jintuża fl-Irlanda, fi Spanja, fil-Latvja, fil-Portugall u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Wara l-idroliżi, l-awtorità kompetenti li tawtorizza għandha tiżgura li l-materjali jinġabru u jintremew fl-istess Stat Membru msemmi hawn fuq.

2.

Il-materjali tal-bidu

Għal dan il-proċess, jistgħu jintużaw il-materjali tal-ispeċi porċina, tat-tjur jew tal-lagomorfi mrobbija li ġejjin biss:

(a)

Il-materjali tal-Kategorija 2 msemmija fl-Artikolu 9(f)(i)(ii)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(b)

Il-materjali tal-Kategorija 3 msemmija fl-Artikolu 10(h) ta’ dan ir-Regolament.

Dan il-metodu għandu japplika biss għar-rimi ta’ annimali tal-ispeċi porċina, tat-tjur jew tal-lagomorfi mrobbija li joriġinaw fl-istess impriża agrikola, dment li din l-impriża agrikola ma tkunx soġġetta għal restrizzjonijiet minħabba tifqigħa ssuspettata jew ikkonfermata ta’ mard serju li jittieħed li jaffettwa annimali tal-ispeċi porċina, tat-tjur jew tal-lagomorfi mrobbija u li ma jkunux inqatlu annimali għall-finijiet ta’ kontroll ta’ mard.

(*2)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”"

3.

fl-Anness X, fil-Kapitolu II, fit-Taqsima 1.A, fil-punt 2, jiżdied il-punt (iv) li ġej:

“(iv)

Dudu tal-ħarir (Bombyx mori).”;

4.

fl-Anness XI, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(a)

it-titolu u l-paragrafu introduttorju huma sostitwiti b’dan li ġej:

Taqsima 2

Gwanu mill-friefet il-lejl, frass, demel ipproċessat u prodotti dderivati minn demel ipproċessat

It-tqegħid fis-suq tal-gwanu mill-friefet il-lejl, id-demel ipproċessat u l-prodotti derivati minn demel ipproċessat għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) li ġejjin. Barra minn hekk, fil-każ tal-gwanu mill-friefet il-lejl, huwa meħtieġ il-kunsens tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009:”;

(b)

jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

It-tqegħid fis-suq tal-frass għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (d) u (e) ta’ din it-Taqsima.”;

5.

fl-Anness XIV, fil-Kapitolu II, Taqsima 11, it-Tabella 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

Tabella 3

Importazzjoni tal-fotoġelatina

Pajjiż terz ta’ oriġini

Impjanti ta’ oriġini

Stat Membru ta’ destinazzjoni

Post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tal-ewwel dħul fl-Unjoni

Fabbriki tal-fotografija approvati

Il-Ġappun

Nitta Gelatin Inc., 2-22 Futamata Yao-City, Osaka 581-0024 Japan

Jellie Co. Ltd. 7-1, Wakabayashi 2-Chome, Wakabayashi-ku, Sendai-City; Miyagi, 982 Japan

NIPPI Inc. Gelatine Division 1 Yumizawa-Cho Fujinomiya City Shizuoka 418-0073 Japan

In-Netherlands

Rotterdam

FujifilmEurope, Oudenstaart 1, 5047 TK Tilburg, In-Netherlands

Nitta Gelatin Inc., 2-22 Futamata Yao-City, Osaka 581-0024 Japan

 

 

 

Iċ-Ċekja

Hamburg

FOMA Bohemia, spol. SRO Jana Krušinky 1604 501 04 Hradec Králové, Iċ-Ċekja

L-Istati Uniti

Eastman Gelatine Corporation, 227 Washington Street, Peabody, MA, 01960 USA

Gelita North America, 2445 Port Neal Industrial Road Sergeant Bluff, Iowa, 51054 USA

 

 

 

Iċ-Ċekja

Hamburg

FOMA Bohemia spol. SRO Jana Krušinky 1604 501 04 Hradec Králové, Iċ-Ċekja”


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”

(*2)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”’


Top