EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1286

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1286 tat-2 ta’ Awwissu 2021 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5623

OJ L 279, 3.8.2021, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1286/oj

3.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/39


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1286

tat-2 ta’ Awwissu 2021

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva dinotefuran ġiet approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-tip ta’ prodott 18 (2).

(2)

L-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 se tiskadi fil-31 ta’ Mejju 2022. Fil-11 ta’ Novembru 2020, ġiet sottomessa applikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tad-dinotefuran.

(3)

Fil-25 ta’ Marzu 2021, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tal-Belġju infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni kienet meħtieġa. Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, jekk ikun hemm il-bżonn, titlob li l-applikant jipprovdi biżżejjed data għat-twettiq tal-evalwazzjoni. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li b’kollox ma jistax jaqbeż total ta’ 180 jum sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba t-tip ta’ data li tintalab jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji u tissottometti lill-Kummissjoni opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata. Meta wieħed iqis il-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni tal-opinjoni mill-Aġenzija, jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni għat-30 ta’ Novembru 2024.

(7)

Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, jenħtieġ li d-dinotefuran għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 tibqa’ approvata suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/416,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tad-dinotefuran għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 hija posposta għat-30 ta’ Novembru 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/416 tat- 12 ta' Marzu 2015 li japprova d-dinotefuran bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 30).


Top