EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0288

Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020

PE/3/2019/REV/1

OJ L 53, 22.2.2019, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32021R2115

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/288/oj

22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/14


REGOLAMENT (UE) 2019/288 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv ntbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huwa l-qafas legali attwali għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Huwa jipprevedi appoġġ għaż-żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali, minbarra ż-żoni muntanjużi. Filwaqt li titqies l-estensjoni sal-2019 tal-iskadenza għad-delimitazzjoni l-ġdida taż-żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali minbarra żoni muntanjużi permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-perjodu ta' adattament iqsar għall-bdiewa li mhumiex se jibqgħu jkunu eleġibbli għal pagamenti, il-pagamenti tranżizzjonali digressivi li jibdew biss fl-2019 jenħtieġ li jibdew f'livell ta' mhux aktar minn 80 % tal-pagamenti medji ffissati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament jenħtieġ li jiġi stabbilit b'tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.

(2)

Sabiex tingħata assistenza lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati għat-tħejjija f'waqtha tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-perjodu ta' programmar il-ġdid, jenħtieġ li jiġi ċċarat li huwa possibbli li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbuta mal-preparazzjoni tal-PAK futura permezz ta' assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa l-qafas legali attwali għall-pagamenti diretti. Għalkemm il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu japplikaw għaż-żmien kollu li dak ir-Regolament jibqa' fis-seħħ, dispożizzjonijiet oħra jirreferu b'mod espliċitu għas-snin kalendarji 2015 sa 2019 li huma koperti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Għal xi dispożizzjonijiet oħra, l-applikabbiltà tagħhom lil hinn mis-sena kalendarja 2019 ma kinitx espliċitament prevista. F'Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament ġdid biex jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iżda biss mill-1 ta' Jannar 2021. Għalhekk, huwa xieraq li jsiru ċerti aġġustamenti tekniċi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 sabiex dan ikun jista' jiġi applikat bla xkiel fis-sena kalendarja 2020.

(4)

L-obbligu stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li titnaqqas il-parti tal-ammont ta' pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil bidwi għal sena kalendarja partikolari li taqbeż EUR 150 000 jkompli japplika għaż-żmien kollu li dak ir-Regolament ikun fis-seħħ. Madankollu, dak l-Artikolu jistipula biss obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom u l-prodott stmat ta' dak it-tnaqqis għas-snin 2015 sa 2019. Bil-ħsieb li tiġi żgurata kontinwazzjoni tas-sistema eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri ukoll jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom rigward is-sena 2020 u l-prodott stmat tat-tnaqqis għal dik is-sena.

(5)

Il-flessibiltà bejn il-pilastri huwa t-trasferiment fakultattiv ta' fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu ta' din il-flessibiltà fir-rigward tas-snin kalendarji 2014 sa 2019. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-istrateġija tagħhom, il-flessibiltà bejn il-pilastri jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll għas-sena kalendarja 2020, li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2021.

(6)

Bħala konsegwenza tal-emenda tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, huwa xieraq li jiġu aġġustati r-referenzi għal dak l-Artikolu fil-kuntest tal-obbligu tal-Istati Membri li jnaqqsu jew iżidu b'mod lineari l-valur tad-drittijiet għall-pagamenti minħabba fluttwazzjonijiet fil-limitu massimu nazzjonali annwali li jirriżultaw min-notifiki tagħhom tal-applikazzjoni tal-flessibiltà bejn il-pilastri.

(7)

Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(8)

Sabiex tiġi pprovduta fil-pront il-flessibiltà neċessarja lill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika ta' żvilupp rurali fis-snin finali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, huwa kien ikkunsidrat bħala xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(9)

Sabiex tiġi pprovduta fil-pront il-flessibiltà neċessarja lill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika ta' żvilupp rurali fis-snin finali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Marzu 2019,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 31(5), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-pagamenti digressivi jibdew biss fis-sena 2019, dawk il-pagamenti għandhom jibdew f'livell ta' mhux aktar minn 80 % tal-pagament medju iffissat fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament għandu jiġi stabbilit b'tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.”;

(2)

fl-Artikolu 51(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Il-FAEŻR jista' jiffinanzja attivitajiet li jippreparaw għall-implimentazzjoni tal-PAK fil-perjodu ta' programmazzjoni sussegwenti.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għal kull Stat Membru u għal kull sena kalendarja, il-prodott stmat tat-tnaqqis tal-pagamenti imsemmi fl-Artikolu 11 (li jkun rifless fid-differenza bejn il-limitu massimu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, li miegħu jiżdied l-ammont disponibbli skont l-Artikolu 58, u l-limitu massimu nett stabbilit fl-Anness III) għandu jsir disponibbli bħala appoġġ tal-Unjoni ffinanzjat skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).”;

(2)

fl-Artikolu 11(6), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għas-sena 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu u bi kwalunkwe prodott stmat tat-tnaqqis sal-31 ta' Diċembru 2019.”;

(3)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli, bħala appoġġ addizzjonali ffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, sa 15 % tal-limiti massimi nazzjonali annwali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament. B'riżultat ta' dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa' disponibbli għall-għoti ta' pagamenti diretti. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2019 u għandha tindika l-perċentwal magħżul.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti sa 15 %, jew fil-każ tal-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja sa 25 %, tal-ammont allokat għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021 mil-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata wara l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament rilevanti skont l-Artikolu 312(2) TFUE. B'riżultat ta' dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa' disponibbli għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2019 u għandha tindika l-perċentwal magħżul.”;

(4)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Jekk il-limitu massimu għal Stat Membru stipulat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun differenti minn dak tas-sena ta' qabel b'riżultat ta' xi deċiżjoni li tkun ittieħdet minn dak l-Istat Membru f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 14(1) jew (2), l-Artikolu 42(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1), jew l-Artikolu 53, dak l-Istat Membru għandu jnaqqas jew iżid b'mod lineari l-valur tad-drittijiet kollha għall-pagament biex tkun żgurata konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Frar 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).


Top