Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1278

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1278 tad-29 ta' Lulju 2019 li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/5802

OJ L 201, 30.7.2019, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1278/oj

30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1278

tad-29 ta' Lulju 2019

li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza, u jiddikjara li l-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. Sabiex il-qafas superviżorju u legali jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(2)

Fit-28 ta' April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE (2), filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas superviżorju legali ta' Singapor għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f'dak iż-żmien.

(3)

Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għal CRAs dwar prospetti ta' gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

(4)

F'konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta' oqfsa legali u superviżorji ta' pajjiżi terzi mill-1 ta' Ġunju 2018.

(5)

F'dan id-dawl, fit-13 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor, fost oħrajn, ma' dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta' kwalunkwe differenza.

(6)

Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jinkludix dispożizzjonijiet suffiċjenti, li jistgħu jilħqu l-għanijiet tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(7)

Fl-Artikolu 3(1)w tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta' prospetti ta' gradazzjoni u jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu lill-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jirrikonoxxix il-prospetti ta' gradazzjoni.

(8)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta' interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor mhuwiex iddettaljat jew preskrittiv daqs ir-reġim tal-Unjoni. Hemm rekwiżit li jiġu stabbiliti funzjoni ta' kontroll intern u proċeduri interni għall-identifikazzjoni, il-mitigazzjoni u l-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess. Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit espliċitu biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta' interess li għandhom x'jaqsmu mal-azzjonisti. Konsegwentement, ma hemm l-ebda projbizzjoni milli toħroġ gradazzjoni tal-kreditu fuq entità jekk membru tal-bord tas-CRA, jew azzjonist li jkollu aktar minn 10 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tas-CRA, ikollu aktar minn 10 % tal-ishma fl-entità gradata. Ma hemm anqas l-ebda projbizzjoni fuq individwu jew entità li jkollha aktar minn 5 % tal-ishma jew id-drittijiet tal-vot ta' CRA milli tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' konsulenza lil entità gradata ta' dik is-CRA.

(9)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma' attivitajiet ta' gradazzjoni ta' kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10 (2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta' gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor fih definizzjoni ta' informazzjoni privileġġata, iżda l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-informazzjoni marbuta magħhom mhumiex awtomatikament rikonoxxuti bħala tali.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta' trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta' gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma fih l-ebda rekwiżit espliċitu għal CRA biex tinforma entità gradata dwar gradazzjoni tal-kreditu qabel il-pubblikazzjoni tagħha. CRA għandha tinnotifika entità gradata biss meta jkun fattibbli u xieraq.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f'metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor jitlob li CRA tistabbilixxi u timplimenta funzjoni rigoruża u formali ta' reviżjoni biex tirrevedi perjodikament il-metodoloġiji tal-gradazzjoni. Madankollu, ma fihiex rekwiżit espliċitu għal CRA biex tikkoreġi l-iżbalji u biex twettaq konsultazzjoni dwar kwalunkwe bidla fil-metodoloġiji. Filwaqt li s-CRAs iridu jiddivulgaw pubblikament kwalunkwe bidla materjali tal-metodoloġiji tagħha, ma hemm l-ebda rekwiżit li jkun notifikat jew is-superviżur jew l-entitajiet affettwati kollha f'każ bħal dan.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta' metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta' gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta' gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Skont ir-reġim legali u superviżorju ta' Singapor, hemm rekwiżit li tiġi żgurata gwida adegwata li takkumpanja azzjoni u metodoloġija tal-gradazzjoni tal-kreditu.

(13)

Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta' interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Ir-reġim legali u superviżorju ta' Singapor ma fih l-ebda rekwiżiti sistematiċi għas-CRAs biex jipprovdu politiki ta' pprezzar jew lis-superviżur jew lill-entitajiet iggradati, għalkemm is-superviżur jista' jitlob din l-informazzjoni bħala parti mill-attivitajiet superviżorji tiegħu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda rekwiżit li t-tariffi imposti fuq il-klijenti għandhom ikunu bbażati fuq il-kostijiet u nondiskriminatorji.

(14)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati, il-qafas legali u superviżorju ta' Singapor ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għal ekwivalenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Għaldaqstant, ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE titħassar.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/248/UE titħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/248/UE tat-28 ta' April 2014 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju ta' Singapor bħala ekwivalenti għall-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 132, 3.5.2014, p. 73).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).


Top