EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1912

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1912 tal-4 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta' ċerti eżenzjonijiet għat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

ST/12849/2018/INIT

OJ L 311, 7.12.2018, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1912/oj

7.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1912

tal-4 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta' ċerti eżenzjonijiet għat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT, il-Kummissjoni ħabbret li biħsiebha tressaq proposta għal sistema definittiva ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-rigward tal-kummerċ transfruntier bejn l-impriżi bejn l-Istati Membri. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Novembru 2016, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex sadanittant tipproponi ċertu titjib fir-regoli tal-Unjoni dwar il-VAT għat-transazzjonijiet transfruntiera, fost l-oħrajn, għall-finijiet tal-eżenzjonijiet fir-rigward tat-transazzjonijiet intra-Komunitarji.

(2)

Id-Direttiva 2006/112/KE tistabbilixxi għadd ta' kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT ta' provvisti ta' merkanzija fil-kuntest ta' ċerti transazzjonijiet intra-Komunitarji. Waħda minn dawk il-kondizzjonijiet hija li l-merkanzija għandha tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn Stat Membru għal ieħor.

(3)

Madankollu, l-approċċi diverġenti bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' dawk l-eżenzjonijiet għat-transazzjonijiet transfruntiera ħolqu diffikultajiet u inċertezza legali għall-impriżi. Dan imur kontra l-objettiv li jissaħħaħ il-kummerċ intra-Komunitarju u kontra t-tneħħija tal-fruntieri fiskali. Għalhekk huwa importanti li l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet jiġu speċifikati u armonizzati.

(4)

Billi l-frodi transfruntiera tal-VAT hija marbuta primarjament mal-eżenzjoni għall-provvisti intra-Komunitarji, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċerti ċirkostanzi fejn il-merkanzija jenħtieġ li titqies li tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista.

(5)

Sabiex tingħata soluzzjoni prattika lill-impriżi u wkoll biex jingħataw garanziji lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, jenħtieġ li jiġu introdotti żewġ preżunzjonijiet konfutabbli fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2).

(6)

Jenħtieġ li arranġamenti ta' simplifikazzjoni dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat ikunu akkumpanjati minn obbligi ta' reġistrazzjoni adatti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tagħhom.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Kapitolu VIII tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

Taqsima 2a

Eżenzjonijiet għat-transazzjonijiet intra-Komunitarji

(l-Artikoli 138 sa 142 tad-Direttiva 2006/112/KE)

Artikolu 45a

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112/KE, għandu jkun preżunt li l-merkanzija ġiet mibgħuta jew ittrasportata minn Stat Membru lejn destinazzjoni barra mit-territorju tagħha iżda fil-Komunità f'waħda mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ jindika li l-merkanzija intbagħtet jew ġiet ittrasportata minnu jew minn parti terza f'ismu, u jew il-bejjiegħ ikun fil-pussess ta' mill-inqas żewġ elementi ta' evidenza mhux kontradittorja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 li jkunu nħarġu minn żewġ partijiet differenti li jkunu indipendenti minn xulxin, mill-bejjiegħ u mill-akkwirent, jew inkella l-bejjiegħ ikun fil-pussess ta' kwalunkwe element singolu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3 flimkien ma' kwalunkwe element singolu ta' evidenza mhux kontradittorja msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 li jikkonfermaw id-dispaċċ jew it-trasport li jkunu nħarġu minn żewġ partijiet differenti li jkunu indipendenti minn xulxin, mill-bejjiegħ u mill-akkwirent;

(b)

il-bejjiegħ ikun fil-pussess ta' dan li ġej:

(i)

dikjarazzjoni bil-miktub mill-akkwirent, li tiddikjara li l-merkanzija ntbagħtet jew ġiet ittrasportata mill-akkwirent, jew minn parti terza f'isem l-akkwirent, u li tidentifika l-Istat Membru ta' destinazzjoni tal-merkanzija; dik id-dikjarazzjoni bil-miktub għandha tindika: id-data tal-ħruġ; l-isem u l-indirizz tal-akkwirent; il-kwantità u n-natura tal-merkanzija; id-data u l-post tal-wasla tal-merkanzija; fil-każ tal-provvista ta' mezzi tat-trasport, in-numru ta' identifikazzjoni tal-mezz tat-trasport; u l-identifikazzjoni tal-individwu li jaċċetta l-merkanzija f'isem l-akkwirent; u

(ii)

mill-inqas żewġ elementi ta' evidenza mhux kontradittorja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 li jkunu nħarġu minn żewġ partijiet li jkunu indipendenti minn xulxin, mill-bejjiegħ u mill-akkwirent, jew kwalunkwe element singolu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3 flimkien ma' kwalunkwe element singolu ta' evidenza mhux kontradittorja msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 li jikkonfermaw id-dispaċċ jew it-trasport li jkunu nħarġu minn żewġ partijiet differenti li jkunu indipendenti minn xulxin, mill-bejjiegħ u mill-akkwirent.

L-akkwirent għandu jagħti lill-bejjiegħ id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija fil-punt (b)(i) sal-għaxar jum tax-xahar wara l-provvista.

2.   Awtorità tat-taxxa tista' tikkonfuta preżunzjoni li tkun saret skont il-paragrafu 1.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dawn li ġejjin għandhom ikunu aċċettati bħala evidenza tad-dispaċċ jew tat-trasport:

(a)

dokumenti li jirrigwardaw id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, bħal dokument jew nota CMR iffirmata, polza ta' kargu, fattura tat-trasport bl-ajru jew fattura mingħand it-trasportatur tal-merkanzija;

(b)

id-dokumenti li ġejjin:

(i)

polza tal-assigurazzjoni rigward id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, jew dokumenti tal-bank li jagħtu prova tal-ħlas għad-dispaċċ jew għat-trasport tal-merkanzija;

(ii)

dokumenti uffiċjali maħruġa minn awtorità pubblika, bħal nutar, li jikkonfermaw il-wasla tal-merkanzija fl-Istat Membru ta' destinazzjoni;

(iii)

irċevuta maħruġa minn magazzinier fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, li tikkonferma l-ħżin tal-merkanzija f'dak l-Istat Membru.”;

(2)

fil-Kapitolu X, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

Taqsima 1A

Obbligi ġenerali

(Artikoli 242 SA 243 tad-Direttiva 2006/112/KE)

Artikolu 54a

1.   Ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 243(3) tad-Direttiva 2006/112/KE li għandu jinżamm minn kull persuna taxxabbli li tittrasferixxi merkanzija skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-Istat Membru li minnu ntbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija, u d-data tad-dispaċċ jew tat-trasport tal-merkanzija;

(b)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli li għaliha hija indirizzata l-merkanzija, maħruġ mill-Istat Membru fejn tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija;

(c)

l-Istat Membru fejn tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-magazzinier, l-indirizz tal-maħżen fejn tinħażen il-merkanzija mal-wasla, u d-data tal-wasla tal-merkanzija fil-maħżen;

(d)

il-valur, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija li tkun waslet fil-maħżen;

(e)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli li tkun qed tissostitwixxi l-persuna msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17a(6) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(f)

l-ammont taxxabbli, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija fornuta u d-data meta jsir il-forniment tal-merkanzija msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 17a(3) tad-Direttiva 2006/112/KE u n-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej;

(g)

l-ammont taxxabbli, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija, u d-data meta sseħħ xi waħda mill-kondizzjonijiet u r-raġuni rispettiva f'konformità mal-Artikolu 17a(7) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(h)

il-valur, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija ritornata u d-data tar-ritorn tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 17a(5) tad-Direttiva 2006/112/KE.

2.   Ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 243(3) tad-Direttiva 2006/112/KE li għandu jinżamm minn kull persuna taxxabbli li tiġi fornuta bil-merkanzija skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli li tittrasferixxi l-merkanzija skont l-arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat;

(b)

id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija intiża għaliha;

(c)

id-data meta tasal fil-maħżen il-merkanzija intiża għaliha;

(d)

l-ammont taxxabbli, id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija fornuta lilha u d-data meta jsir l-akkwist intra-Komunitarju tal-merkanzija msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 17a(3) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(e)

id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija, u d-data meta l-merkanzija titneħħa mill-maħżen fuq ordni tal-persuna taxxabli msemmija fil-punt (a);

(f)

id-deskrizzjoni u l-kwantità tal-merkanzija li tinqered jew tiġi nieqsa u d-data meta tinqered, tintilef jew tinsteraq il-merkanzija li preċedentement tkun waslet fil-maħżen jew id-data meta jkun instab li l-merkanzija nqerdet jew ġiet nieqsa.

Fejn il-merkanzija tkun tintbagħat jew ittrasportata skont arranġamenti dwar l-istokk f'kunsinna kuntrattat lil magazzinier li ma jkunx il-persuna taxxabbli li għaliha jkun destinat il-forniment tal-merkanzija, mhemmx bżonn li r-reġistru ta' dik il-persuna taxxabbli jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-punt (c), (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).


Top