EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L2002

Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/54/2018/REV/1

OJ L 328, 21.12.2018, p. 210–230 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2002/oj

21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/210


DIRETTIVA (UE) 2018/2002 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2018

li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija hija waħda mill-ħames dimensjonijiet tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija stabbilita mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 intitolata “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem”. It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija matul il-katina kollha tal-enerġija, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija, ser ikun ta' benefiċċju għall-ambjent, itejjeb il-kwalità tal-arja u s-saħħa pubblika, inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, itejjeb is-sigurtà tal-enerġija bit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija minn barra l-Unjoni, jaqtal-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpanniji, jgħin biex itaffi l-faqar enerġetiku u jwassal għal żieda fil-kompetittività, aktar impjiegi u żieda fl-attività ekonomika fl-ekonomija kollha, u b'hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan huwa konformi mal-impenji tal-Unjoni magħmula fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija u l-aġenda tal-klima globali stabbilita mill-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar il-bidla fil-klima wata l-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (4) (il-“Ftehim ta' Pariġi”), bl-impenn li żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt iż-2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li tagħmel sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 C iktar mil-livelli preindustrijali.

(2)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) hija element għall-progress lejn l-Unjoni tal-Enerġija, li taħtha l-effiċjenza fl-enerġija għandha tiġi ttrattata bħala sors tal-enerġija fiha nnifisha. Jenħtieġ li l-prinċipju li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi l-ewwel meta jiġu stabbiliti regoli ġodda għan-naħa tal-provvista u għal oqsma ta' politika oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-effiċjenza fl-enerġija u r-rispons tan-naħa tad-domanda jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ekwi mal-kapaċità tal-ġenerazzjoni. Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi kkunsidrata kull meta jittieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-ippjanar tas-sistema tal-enerġija jew dwar finanzjament. Irid isir titjib fl-effiċjenza fl-enerġija kull meta jkun iżjed kosteffettiv minn soluzzjonijiet mil-lat tal-provvista li jkunu ekwivalenti. Dan għandu jgħin biex jiġu sfruttati d-diversi benefiċċji tal-effiċjenza fl-enerġija għall-Unjoni, b'mod partikolari għaċ-ċittadini u għan-negozji.

(3)

Jenħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi rikonoxxuta bħala element kruċjali u kunsiderazzjoni prijoritarja f'deċiżjonijiet futuri ta' investiment dwar l-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni.

(4)

Biex tintlaħaq mira ambizzjuża għall-effiċjenza fl-enerġija jeħtieġ li jitneħħew ostakli, biex jiġi ffaċilitat l-investiment f'miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Pass wieħed f'dik id-direzzjoni hija l-kjarifika mogħtija mill-Eurostat fid-19 ta' Settembru 2017 dwar kif għandhom jiġu rreġistrati l-kuntratti ta' prestazzjoni tal-enerġija fil-kontijiet nazzjonali, li telimina inċertezzi u tiffaċilita l-użu ta' tali kuntratti.

(5)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 appoġġa mira ta' 27 % ta' effiċjenza fl-enerġija għall-2030 fil-livell tal-Unjoni, li għandha tiġi riveduta sal-2020 b'kont meħud ta' mira ta' livell tal-Unjoni ta' 30 %. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 intitolata “Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija”, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta, addizzjonalment, il-vijabbiltà ta' mira ta' 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija għall-istess perijodu ta' żmien. Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 2012/27/UE tiġi emendata, biex tiġi adattata għall-perspettiva tal-2030.

(6)

Il-ħtieġa li l-Unjoni tilħaq il-miri tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-UE, espressi f'konsum primarju u/jew finali tal-enerġija, tenħtieġ li tiġi stabbilita b'mod ċar fil-forma ta' mira ta' mill-inqas 32,5 % għall-2030. Il-proġettazzjonijiet magħmula fl-2007 indikaw konsum ta' 1 887 Mtoe ta' enerġija primarja u konsum ta' 1 416 Mtoe ta' enerġija finali. Tnaqqis ta' 32,5 % jirriżulta rispettivament f'1 273 Mtoe u 956 Mtoe fl-2030. Dik il-mira, li hi tal-istess natura bħall-mira tal-Unjoni għall-2020, jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-Kummissjoni sabiex tiġi riveduta 'l fuq sal-2023 fil-każ ta' tnaqqis sostanzjali tal-ispejjeż jew, fejn meħtieġ, biex jitwettqu l-impenji internazzjonali tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni. Ma hemm ebda mira vinkolanti fil-livell tal-Istati Membri fil-perspettivi tal-2020 u tal-2030, u jenħtieġ li tibqa' mhux ristretta l-libertà tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq il-bażi tal-konsum primarju jew finali ta' enerġija jew l-iffrankar primarju jew finali tal-enerġija, jew fuq l-intensità tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tagħhom tal-effiċjenza fl-enerġija filwaqt li jqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 273 Mtoe ta' enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 956 Mtoe ta' enerġija finali. Dan ifisser li l-konsum primarju ta' enerġija fl-Unjoni jenħtieġ li jitnaqqas b'26 %, u li l-konsum finali ta' enerġija jenħtieġ li jitnaqqas b'20 %, meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Evalwazzjoni regolari tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-Unjoni għall-2030 hija neċessarja u hija prevista fir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

L-effiċjenza operattiva tas-sistemi tal-enerġija fi kwalunkwe mument partikolari hija influwenzata mill-kapaċità li jalimentaw enerġija ġġenerata minn sorsi differenti – b'livelli differenti ta' inerzja u ħinijiet tal-istartjar – fil-grilja, mingħajr intoppi u b'mod flessibbli. It-titjib ta' dik l-effiċjenza jkun jista' jsir użu aħjar mill-enerġija rinnovabbli.

(8)

It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jista' jagħti kontribut għal produzzjoni ekonomika akbar. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija irrispettivament mil-livelli ta' tkabbir ekonomiku.

(9)

L-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu strateġiji fit-tul għall-mobilizzazzjoni tal-investiment u l-faċilitazzjoni tar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni jitneħħa mid-Direttiva 2012/27/UE u jiżdied mad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fejn dak l-obbligu jaqbel mal-pjanijiet fit-tul għal bini b'użu tal-enerġija qrib iż-żero (NZEBs)u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini.

(10)

Fid-dawl tal-qafas tal-klima u l-enerġija għall-2030, l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija stabbilit mid-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li jiġi estiż lil hinn mill-2020. Dik l-estensjoni toħloq aktar stabbiltà għall-investituri u b'hekk tinkoraġġixxi investimenti fit-tul u miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija fit-tul, bħar-rinnovazzjoni estensiva tal-bini bl-objettiv, fuq perijodu twil, li tiġi faċilitata t-trasformazzjoni kosteffettiva ta' bini eżistenti f'NZEBs. L-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija għandu rwol importanti fil-ħolqien ta' tkabbir u ta' impjiegi lokali, u jenħtieġ li jinżamm sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista' tikseb il-miri tagħha tal-enerġija u tal-klima billi toħloq aktar opportunitajiet u sabiex il-konsum tal-enerġija ma jibqax affettwat mit-tkabbir. Il-kooperazzjoni mas-settur privat hija importanti biex jiġu vvalutati l-kundizzjonijiet li bihom jista' jiġi sfruttat l-investiment privat għal proġetti ta' effiċjenza fl-enerġija u biex jiġu żviluppati mudelli ta' dħul ġodda għall-innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija.

(11)

Il-miżuri għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għandhom ukoll impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-arja, minħabba li aktar bini effiċjenti fl-enerġija jikkontribwixxi biex inaqqas id-domanda għall-karburanti tat-tisħin, inklużi l-karburanti solidi tat-tisħin. Għalhekk, il-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jikkontribwixxu għat-titjib fil-kwalità tal-arja ta' ġewwa u ta' barra u jgħinu, b'mod kosteffettiv, biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-kwalità tal-arja tal-Unjoni, kif stabbiliti b'mod partikolari mid-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(12)

L-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija għall-perijodu kollu ta' obbligu mill-2021 sal-2030, ekwivalenti għal iffrankar annwali ġdid ta' mill-inqas 0,8 % tal-konsum finali tal-enerġija. Dak ir-rekwiżit jista' jiġi ssodisfat minn miżuri ġodda ta' politika li jiġu adottati matul il-perijodu l-ġdid ta' obbligu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030 jew minn azzjonijiet individwali ġodda b'riżultat ta' miżuri ta' politika adottati matul jew qabel il-perijodu preċedenti, sakemm l-azzjonijiet individwali li jattivaw l-iffrankar tal-enerġija jiġu introdotti matul il-perijodu l-ġdid. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw skema ta' obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija, miżuri ta' politika alternattivi jew it-tnejn. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkunu pprovduti diversi għażliet, inkluż jekk l-enerġija użata fit-trasport tkunx, kollha kemm hi jew parzjalment, inkluża fix-xenarju bażi ta' kalkolu, sabiex l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà f'kif jikkalkulaw l-ammont tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-iffrankar kumulattiv meħtieġ fl-użu finali tal-enerġija ekwivalenti għal iffrankar annwali ġdid ta' mill-inqas 0,8 % jintlaħaq.

(13)

Madankollu, l-impożizzjoni ta' rekwiżit bħal dan fuq Ċipru u Malta tkun sproporzjonata. Is-suq tal-enerġija ta' dawn l-Istati Membri gżejjer żgħar għandu karatteristiċi speċifiċi li jillimitaw sostanzjalment il-firxa ta' miżuri disponibbli biex jiġi ssodisfat l-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija, bħall-eżistenza ta' distributur tal-elettriku wieħed, in-nuqqas ta' netwerks ta' gass naturali u ta' sistemi ta' tisħin distrettwali u tkessiħ distrettwali, kif ukoll iċ-ċokon tal-kumpanniji tad-distribuzzjoni tal-petroleum. Dawn il-karatteristiċi speċifiċi huma aggravati biċ-ċokon tas-swieq tal-enerġija ta' dawn l-Istati Membri. Għalhekk, Ċipru u Malta jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiksbu biss iffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija ekwivalenti għal iffrankar ġdid ta' 0,24 % tal-konsum finali ta' enerġija għall-perijodu mill-2021 sal-2030.

(14)

Fejn jużaw skema ta' obbligi, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnominaw partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija, il-kumpanniji li jbigħu l-enerġija fil-livell tal-konsum u d-distributuri jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum tal-karburant għat-trasport abbażi ta' kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Jenħtieġ li n-nomina jew l-eżenzjoni min-nomina ta' ċerti kategoriji ta' tali distributuri jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum ma jinftiehmux bħala inkompatibbli mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk tali distributuri jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum jew ċerti kategoriji biss minnhom ikunux nominati bħala partijiet obbligati.

(15)

Il-miżuri tal-Istati Membri ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fit-trasport huma eliġibbli biex jiġu kkunsidrati biex iwettqu l-obbligu tagħhom ta' ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija. Tali miżuri jinkludu politika li tkun, fost l-oħrajn, iddedikata biex tippromwovi vetturi aktar effiċjenti, bidla fil-mezzi għar-roti, il-mixi u t-trasport kollettiv, jew pjani ta' mobilità u żvilupp urban li jnaqqas id-domanda għat-trasport. Barra minn hekk, jistgħu jkunu wkoll eliġibbli skemi li jaċċelleraw l-użu ta' vetturi ġodda u aktar effiċjenti jew politika li trawwem bidla għal karburanti aktar effiċjenti li jnaqqsu l-użu tal-enerġija għal kull kilometru, soġġett għall-konformità mar-regoli dwar il-materjalità u l-addizzjonalità stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendat skont din id-Direttiva. Jenħtieġ li tali miżuri, jekk ikun xieraq, ikunu konsistenti mal-oqfsa ta' politika nazzjonali tal-Istati Membri stabbiliti skont id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(16)

Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u li jirriżultaw f'titjib fl-effiċjenza fl-enerġija li jista' jiġi vverifikat, u mkejjel jew stmat jistgħu jitqiesu bħala mod kosteffettiv kif l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' ffrankar tal-enerġija taħtid-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva.

(17)

Bħala alternattiva għar-rekwiżit li partijiet obbligati jiksbu l-ammont ta' ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija, meħtieġ taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri, fl-iskemi ta' obbligi tagħhom, biex jippermettu jew jesiġu li partijiet obbligati jikkontribwixxu għal Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija.

(18)

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4) u (5) kif introdott minn din id-Direttiva, l-Istati Membri u l-partijiet obbligati jenħtieġ li jagħmlu użu mill-mezzi u t-teknoloġiji disponibbli kollha biex jiksbu l-iffrankar kumulattiv tal-enerġija meħtieġ fl-użu finali, inkluż billi jippromwovu teknoloġiji sostenibbli f'sistemi effiċjenti ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, infrastruttura effiċjenti ta' tisħin u tkessiħ u verifiki tal-enerġija jew sistemi ta' ġestjoni ekwivalenti, dejjem jekk l-iffrankar iddikjarat tal-enerġija jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7 u fl-Anness V tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-mira ta' livell għoli ta' flessibbiltà fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika alternattivi.

(19)

Il-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija fit-tul ser ikomplu jwasslu għal iffrankar tal-enerġija wara l-2020 iżda sabiex jikkontribwixxu għall-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni għall-2030, jenħtieġ li dawk il-miżuri jwasslu għal iffrankar ġdid wara l-2020. Min-naħa l-oħra, l-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta' Diċembru 2020 jenħtieġ li ma jingħaddx mal-iffrankar kumulattiv meħtieġ fl-użu finali tal-enerġija għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

(20)

L-iffrankar ġdid jenħtieġ li jkun addizzjonali għal dak li jsir is-soltu, biex l-iffrankar li xorta waħda kien isir ma jingħaddx mat-twettiq tar-rekwiżiti tal-iffrankar tal-enerġija. Sabiex jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżuri introdotti, jenħtieġ li jingħadd biss l-iffrankar nett, imkejjel bħala l-bidla fil-konsum tal-enerġija li tista' tiġi attribwita direttament għall-miżura tal-effiċjenza fl-enerġija inkwistjoni. Sabiex jiġi kkalkulat l-iffrankar nett, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu xenarju bażi ta' kif is-sitwazzjoni tevolvi fin-nuqqas tal-miżura inkwistjoni. Il-miżura ta' politika inkwistjoni jenħtieġ li tiġi evalwata bi tqabbil ma' dak ix-xenarju bażi. L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-fatt li jistgħu jittieħdu miżuri oħra ta' politika fl-istess perijodu ta' żmien li wkoll jista' jkollhom impatt fuq l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija, sabiex mhux il-bidliet kollha osservati mill-introduzzjoni tal-miżura ta' politika partikolari li qed tiġi evalwata jiġu attribwiti għal dik il-miżura ta' politika waħedha. L-azzjonijiet tal-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata jenħtieġ li fil-fatt jikkontribwixxu għall-kisba tal-iffrankar tal-enerġija ddikjarat biex jiġi żgurat l-adempiment tar-rekwiżit tal-materjalità.

(21)

Huwa importanti li jitqiesu, fejn rilevanti, l-stadji kollha fil-katina tal-enerġija fil-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija sabiex jiżdied il-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku.

(22)

Il-ġestjoni effikaċi tal-ilma tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija. Is-setturi tal-ilma u tal-ilma mormi jammontaw għal 3,5 % tal-użu tal-elettriku fl-Unjoni u dak il-proporzjon mistenni jikber. Fl-istess ħin, it-tnixxijiet tal-ilma jammontaw għal 24 % tal-ilma totali kkunsmat fl-Unjoni u s-setturi tal-enerġija huwa l-akbar konsumatur tal-ilma, b'44 % tal-konsum. Il-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija permezz tal-użu ta' teknoloġiji u proċessi intelliġenti jenħtieġ li jiġi esplorat bis-sħiħ.

(23)

F'konformità mal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politiki tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li jkunu inklużivi u għalhekk jenħtieġ li dawn jiżguraw l-aċċessibbiltà ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija għal konsumaturi milqutin minn faqar enerġetiku. It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija tal-bini jenħtieġ b'mod partikolari li jkun ta' benefiċċju għal unitajiet domestiċi vulnerabbli, inklużi dawk milqutin mill-faqar enerġetiku, u, fejn xieraq, dawk li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali. L-Istati Membri diġà jistgħu jeħtieġu li l-partijiet obbligati jinkludu għanijiet soċjali fil-miżuri ta' ffrankar tal-enerġija, b'rabta mal-faqar enerġetiku u din il-possibbiltà jenħtieġ li tiġi estiża għal miżuri ta' politika alternattivi u Fondi Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija u jenħtieġ li tissarraf f'obbligu, filwaqt li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu flessibbiltà sħiħa b'rabta mad-daqs, il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut tagħhom. Jekk skema tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija ma tkunx tippermetti miżuri marbuta ma' konsumaturi tal-enerġija individwali, l-Istat Membru jista' jieħu miżuri biex itaffi l-faqar enerġetiku permezz biss ta' miżuri ta' politika alternattivi.

(24)

Madwar 50 miljun unità domestika fl-Unjoni jintlaqtu mill-faqar enerġetiku. Il-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija jridu b'hekk ikunu ċentrali għal kwalunkwe strateġija kosteffiċjenti biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi, u huma komplementari għall-politiki ta' sigurtà soċjali fil-livell tal-Istati Membri. Biex jiġi żgurat li l-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jnaqqsu l-faqar enerġetiku għall-okkupanti b'mod sostenibbli, jenħtieġ li titqies il-kosteffettività ta' tali miżuri, kif ukoll kemm il-prezz tagħhom jista' jintlaħaq mis-sidien tal-proprjetajiet u l-okkupanti, u jenħtieġ li jiġi garantit appoġġ finanzjarju adegwat għal dawn il-miżuri fil-livell ta' Stat Membru. L-istokk tal-bini tal-Unjoni jeħtieġ, fuq perijodu twil, li jiġi konvertit fi NZEBs skont l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi. Ir-rati attwali tar-rinnovazzjoni tal-bini mhumiex suffiċjenti u l-bini li huwa okkupat minn ċittadini b'introjtu baxx li huma affettwati minn faqar enerġetiku huwa l-aktar diffiċli biex jintlaħaq. Il-miżuri stipulati fid-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva fir-rigward tal-obbligi ta' ffrankar tal-enerġija, l-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija u miżuri ta' politika alternattivi huma għalhekk ta' importanza partikolari.

(25)

Jenħtieġ li jinkiseb aktar tnaqqis fl-infiq mill-konsumaturi fuq l-enerġija billi l-konsumaturi jiġu megħjuna jnaqqsu l-użu tal-enerġija tagħhom bit-tnaqqis fil-ħtiġijiet tal-enerġija tal-bini u titjib fl-effiċjenza tal-apparati, li jenħtieġ li jiġu kkombinati mad-disponibbiltà ta' mezzi ta' trasport li jużaw inqas enerġija integrati mat-trasport pubbliku u l-użu tar-rota.

(26)

Huwa kruċjali li titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni dwar il-benefiċċji ta' żieda tal-effiċjenza fl-enerġija u li tingħatalhom informazzjoni preċiża dwar modi kif din tista' tinkiseb. Effiċjenza akbar fl-enerġija hija wkoll ferm importanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni għaliex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni ta' karburanti minn pajjiżi terzi.

(27)

L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri kollha tal-effiċjenza fl-enerġija meħuda, inkluż perijodi ta' rkupru tal-ħlas lura, jenħtieġ li jsiru kompletament trasparenti għall-konsumaturi.

(28)

Meta jimplimentaw id-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva u jieħdu miżuri oħra fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sinerġiji bejn il-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-użu effiċjenti ta' riżorsi naturali skont il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari.

(29)

L-Istati Membri, filwaqt li jieħdu vantaġġ minn mudelli u teknoloġiji ġodda tan-negozju, jenħtieġ li jistinkaw biex jippromwovu u jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, inkluż permezz ta' servizzi ta' enerġija innovattivi għall-klijenti kbar u żgħar.

(30)

Bħala parti mill-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 intitolata “Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”, fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ, jenħtieġ li jissaħħu d-drittijiet minimi tal-konsumaturi għal informazzjoni preċiża, affidabbli, ċara u f'waqtha dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Jenħtieġ li l-Artikoli 9 sa 11 u l-Anness VII tad-Direttiva 2012/27/UE jiġu emendati biex jipprevedu feedback frekwenti u mtejjeb dwar il-konsum tal-enerġija, fejn dan ikun teknikament fattibbli u kosteffiċjenti bil-ħsieb tal-apparati ta' kejl fil-post. Din id-Direttiva tiċċara li jekk il-kejl separat huwiex kosteffiċjenti jew le jiddependi minn jekk l-ispejjeż relatati humiex proporzjonati għall-iffrankar potenzjali ta' enerġija. Il-valutazzjoni jekk il-kejl separat huwiex kosteffiċjenti jew le tista' tqis l-effett ta' miżuri konkreti oħra ppjanati f'bini partikolari, bħal pereżempju kwalunkwe rinnovazzjoni li tkun ser issir.

(31)

Din id-Direttiva tiċċara wkoll li jenħtieġ li japplikaw drittijiet relatati mal-kontijiet, u mal-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum, għall-konsumaturi tat-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku fornut minn sors ċentrali anki fejn ma jkollhomx relazzjoni kuntrattwali individwali diretta ma' fornitur tal-enerġija. Id-definizzjoni tat-terminu “klijent aħħari” tista' tinftiehem bħala li tirreferi biss għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru l-enerġija abbażi ta' kuntratt dirett u individwali ma' fornitur tal-enerġija. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti, it-terminu “utent aħħari” għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott biex jirreferi għal grupp ikbar ta' konsumaturi u, flimkien mal-klijenti aħħarin li jixtru t-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku għall-użu aħħari tagħhom stess, ikopri wkoll l-okkupanti ta' bini individwali jew ta' unitajiet individwali ta' binjiet b'aktar minn appartament jew użu wieħed fejn dawn l-unitajiet jiġu fornuti minn sors ċentrali u fejn l-okkupanti m'għandhom ebda kuntratt dirett jew individwali mal-fornitur tal-enerġija. It-terminu “kejl separat tal-konsum” jenħtieġ li jirreferi għall-kejl tal-konsum f'unitajiet individwali ta' tali bini.

(32)

Biex tinkiseb trasparenza fil-kontabilità tal-konsum individwali ta' enerġija termali u b'hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-kejl separat tal-konsum, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom fis-seħħ regoli nazzjonali trasparenti u pubblikament disponibbli dwar l-allokazzjoni tal-ispiża tal-konsum ta' tisħin, tkessiħ u ilma sħun domestiku f'binjiet b'aktar minn appartament jew użu wieħed. Minbarra t-trasparenza, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw it-teħid ta' miżuri li jsaħħu l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta' kejl separat tal-konsum u b'hekk jgħinu biex jiġi żgurat li l-ispejjeż kollha mġarrba mill-utenti aħħarin ikunu raġonevoli.

(33)

Sal-25 ta' Ottubru 2020, jenħtieġ li jkun hemm installati ġodda arloġġi tas-sħana u allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li jinqraw mill-bogħod biex jiżguraw l-għoti kosteffettiv u frekwenti ta' informazzjoni dwar il-konsum. L-emendi fid-Direttiva 2012/27/UE introdotti minn din id-Direttiva relattivi għall-kejl tal-konsum għal tisħin, tkessiħ u ilma sħun domestiku; il-kejl separat tal-konsum u l-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku; ir-rekwiżit ta' qari mill-bogħod; l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum għat-tisħin u t-tkessiħ u għall-ilma sħun domestiku; l-ispiża tal-aċċess għall-kejl tal-konsum u l-informazzjoni dwar il-kontijiet u dwar il-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku; ir-rekwiżiti minimi għal informazzjoni dwar il-kontijiet u dwar il-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku huma maħsuba biex japplikaw biss għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-ilma sħun domestiku fornut minn sors ċentrali. L-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu jekk teknoloġiji li jinqraw waqt il-mixi jew is-sewqan minn ħdejhom għandhomx jitqiesu li jinqraw mill-bogħod jew le. Apparati li jinqraw mill-bogħod ma jeħtiġux aċċess għal appartamenti jew unitajiet individwali biex jinqraw.

(34)

L-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-fatt li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' teknoloġiji ġodda għall-kejl tal-konsum tal-enerġija tirrikjedi investiment imsaħħaħ fl-edukazzjoni u l-ħiliet kemm għall-utenti kif ukoll għall-fornituri tal-enerġija.

(35)

L-informazzjoni dwar il-kontijiet u r-rendikonti annwali huma mezz importanti li bih jinżammu infurmati l-klijenti dwar il-konsum tagħhom tal-enerġija. Id-data dwar il-konsum u l-ispejjeż tista' wkoll twassal informazzjoni oħra li tgħin lill-konsumaturi jqabblu l-kuntratt attwali tagħhom ma' offerti oħra u jagħmlu użu minnġestjoni tal-ilmenti u mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tilwim relatat mal-kontijiet huwa sors komuni ta' lmenti mill-konsumaturi u fattur li jikkontribwixxi għal livelli persistentement baxxi ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi u ta' kwistjonijiet mal-fornituri tagħhom tal-enerġija, huwa meħtieġ li jsiru kontijiet aktar sempliċi, ċari u eħfef biex jinftiehmu, filwaqt li jiġi żgurat li strumenti separati, pereżempju informazzjoni dwar il-kontijiet, għodod ta' informazzjoni u dikjarazzjonijiet annwali, jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, iqabblu l-offerti u jaqilbu minn fornituri għall-ieħor.

(36)

Il-miżuri tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu appoġġati bi strumenti finanzjarji tal-Unjoni mfassla sew u effettivi, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, u bil-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), li jenħtieġ li jappoġġaw investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija u jużaw analiżi komprensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji b'mudell ta' rati ta' skont differenzjati. Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jiffoka fuq metodi kosteffettivi biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija, li jwassal għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija. Jenħtieġ li l-BEI u l-BERŻ, flimkien mal-banek promozzjonali nazzjonali, ifasslu, jiġġeneraw u jiffinanzjaw programmi u proġetti ddedikati għas-settur tal-effiċjenza, inkluż għall-unitajiet domestiċi f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku.

(37)

Sabiex ikun possibbli li l-Annessi tad-Direttiva 2012/27/UE u l-valuri ta' referenza armonizzati għall-effiċjenza jiġu aġġornati, jenħtieġ li d-delega tas-setgħat mogħtija tiġi estiża lill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(38)

Sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-effettività tad-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi introdott rekwiżit biex isir rieżami ġenerali ta' dik id-Direttiva u li jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta' Frar 2024. Dak ir-rieżami jenħtieġ li jsir wara l-bilanċ globali mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima fl-2023, sabiex jippermetti li jiġu introdotti allinjamenti meħtieġa għal dak il-proċess, b'kont meħud ukoll tal-iżviluppi ekonomiċi u ta' innovazzjoni.

(39)

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jenħtieġ li jingħataw rwol ewlieni fl-iżvilupp u fit-tfassil, l-eżekuzzjoni u l-valutazzjoni tal-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2012/27/UE, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-klima, il-kultura u s-soċjetà tagħhom b'mod xieraq

(40)

Sabiex jirrifletti l-progress teknoloġiku u s-sehem dejjem jikber tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-koeffiċjent awtomatiku għall-iffrankar f'kWh ta' elettriku, jenħtieġ li jiġi rivedut sabiex jirrifletti t-tibdil fil-fattur tal-enerġija primarja (PEF) għall-elettriku. Il-kalkoli li jirriflettu t-taħlita ta' enerġija tal-PEF għall-elettriku huma bbażati fuq valuri medji annwali. Il-metodu tal-kontabilità tal-“kontenut tal-enerġija fiżika” jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana nukleari u l-metodu tal-“effiċjenza tal-konverżjoni teknika” jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana minn karburanti fossili u bijomassa. Għall-enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli, il-metodu huwa l-ekwivalenti dirett ibbażat fuq l-approċċ tal-“enerġija primarja totali”. Biex jiġi kkalkulat is-sehem tal-enerġija primarja għall-elettriku f'CHP, jiġi applikat il-metodu stabbilit fl-Anness II tad-Direttiva 2012/27/UE. Tiġi użata pożizzjoni medja tas-suq pjuttost milli waħda marġinali. L-effiċjenzi tal-konverżjoni huma preżunti li huma 100 % għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli, 10 % għal impjanti ġeotermali u 33 % għal impjanti tal-enerġija nukleari. Il-kalkolu tal-effiċjenza totali għall-koġenerazzjoni huwa bbażat fuq l-aktar data reċenti mill-Eurostat. Fir-rigward tal-konfini tas-sistema l-PEF huwa 1 għas-sorsi kollha tal-enerġija. Il-valur tal-PEF jirriferi għall-2018 u huwa bbażat fuq data interpolata mill-verżjoni l-aktar reċenti tax-Xenarju ta' Referenza PRIMES għa-2015 u 2020 u aġġustat b'data mill-Eurostat sal-2016. L-analiżi tkopri l-Istati Membri u n-Norveġja. Is-sett tad-data għan-Norveġja huwa bbażat fuq id-data tan-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku.

(41)

L-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li ma jiġix iddikjarat sakemm ma jirriżultax minn miżura li tmur lil hinn mill-minimu meħtieġ mill-att legali tal-Unjoni inkwistjoni, kemm bl-istabbiliment ta' rekwiżiti iktar ambizzjużi tal-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-Istat Membru u kemm biż-żieda fl-adozzjoni tal-miżura. Il-bini jippreżenta potenzjal sostanzjali għal żieda ulterjuri fl-effiċjenza fl-enerġija, u r-rinnovazzjoni tal-bini hija element essenzjali fuq perijodu fit-tul flimkien mal-ekonomiji ta' skala biex jiżdied l-iffrankar fl-enerġija. Jenħtieġ għalhekk li jiġi ċċarat li huwa possibbli li jiġi ddikjarat l-iffrankar kollu tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri li jippromwovu r-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti sakemm dan jeċċedi l-iffrankar li kien isir fin-nuqqas tal-miżura ta' politika u sakemm l-Istat Membru juri li l-parti obbligata, parteċipanti jew inkarigata fil-fatt ikkontribwixxiet biex inkiseb l-iffrankar fl-enerġija ddikjarat.

(42)

Skont l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u l-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, ir-regoli tal-monitoraġġ u l-verifika għall-implimentazzjoni ta' skemi ta' obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija u miżuri ta' politika alternattivi, inkluż ir-rekwiżit li jiġi ċċekkjat kampjun statistikament rappreżentattiv tal-miżuri, jenħtieġ li jingħataw aktar prominenza. Fid-Direttiva 2012/27/UE kif emendata minn din id-Direttiva, jenħtieġ li “proporzjon statistikament sinifikanti u kampjun rappreżentattiv” tal-miżuri ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija jinftiehmu li jirrikjedu l-istabbiliment ta' subsett tal-popolazzjoni tal-istatistika tal-miżuri ta' ffrankar tal-enerġija inkwistjoni b'tali mod li jirrifletti b'mod preċiż il-popolazzjoni kollha tal-miżuri kollha ta' ffrankar tal-enerġija, biex b'hekk jippermetti konklużjonijiet raġonevolment affidabbli fir-rigward tal-fiduċja fit-totalità tal-miżuri.

(43)

L-enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini minn teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli tnaqqas l-ammont ta' enerġija fornuta minn karburanti fossili. It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-bini huma miżuri importanti biex inaqqsu d-dipendenza enerġetika u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-Unjoni, b'mod speċjali fid-dawl tal-objettivi ambizzjużi marbutin mal-klima u l-enerġija stabbiliti għall-2030 kif ukoll l-impenn globali li ttieħed fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi. Għall-finijiet tal-obbligu tagħhom ta' ffrankar kumulattiv tal-enerġija, l-Istati Membri jistgħu iqisu, fejn applikabbli, l-iffrankar tal-enerġija mill-enerġija rinnovabbli ġġenerata fuq jew fil-bini għall-użu proprju biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom tal-iffrankar tal-enerġija.

(44)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (12), l-Istati Membri impenjaw rwieħhom li jehmżu, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata.

(45)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jintlaħqu l-miri tal-Unjoni ta' 20 % ta' effiċjenza fl-enerġija sal-2020 u ta' mill-inqas 32,5 % sal-2030 u li titwitta t-triq lejn aktar titjib tal-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(46)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2012/27/UE tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-mira ewlenija tal-Unjoni ta' 20 % effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-mira ewlenija tagħha ta' mill-inqas 32.5 % effiċjenza fl-enerġija għall-2030 jintlaħqu u jwittu t-triq għal aktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija wara dawk id-dati.

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprevedi li jiġu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-2030.

Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju'l-effiċjenza fl-enerġija l-ewwel.”;

(2)

fl-Artikolu 3, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Sal-31 ta' Ottubru 2022, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-Unjoni tkunx laħqet il-miri ewlenija tagħha ta' effiċjenza fl-enerġija għall-2020.

5.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Direttiva f'konformità mal-Artikoli 4 u 6 tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Meta jistabbilixxu dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma jridx ikun aktar minn 1 273 Mtoe ta' enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 956 Mtoe ta' enerġija finali. L-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika dwar dawk il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjani nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 7 sa 12 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u f'konformità magħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-miri ewlenin tal-Unjoni ta' effiċjenza fl-enerġija għall-2030 stabbiliti fl-Artikolu 1(1), bil-ħsieb li tippreżenta proposta leġislattiva sal-2023 biex tirrevedi dawk il-miri 'l fuq fil-każ ta' tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż li jirriżulta minn żviluppi ekonomiċi jew teknoloġiċi, jew fejn meħtieġ biex jiġu sodisfatti l-impenji internazzjonali tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni.

(*1)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).”"

(3)

l-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Obbligu tal-iffrankar tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiksbu ffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali tal-anqas ekwivalenti għal:

(a)

iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 ta' 1,5 % tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti aħħarin skont il-volum, fuq medja tal-aktar perijodu ta' tliet snin reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2013. Il-bejgħ tal-enerġija, bil-volum, użata fit-trasport jista' jiġi parzjalment jew kompletament eskluż minn dak il-kalkolu;

(b)

iffrankar ġdid kull sena mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030 ta' 0,8 % tal-konsum finali annwali tal-enerġija, fuq medja tal-aktar perijodu ta' tliet snin reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2019. B'deroga minn dak ir-rekwiżit, Ċipru u Malta għandhom jiksbu ffrankar ġdid kull sena mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030 ekwivalenti għal 0,24 % tal-konsum finali annwali tal-enerġija, fuq medja tal-aktar perijodu ta' tliet snin reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2019.

L-Istati Membri jistgħu jgħoddu l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri ta' politika, kemm jekk introdotti sal-31 ta' Diċembru 2020 jew wara dik id-data, sakemm dawk il-miżuri jirriżultaw f'azzjonijiet individwali ġodda li jitwettqu wara l-31 ta' Diċembru 2020.

L-Istati Membri għandhom ikomplu jiksbu ffrankar annwali ġdid, skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, għal perijodi ta' għaxar snin wara l-2030, sakemm reviżjonijiet mill-Kummissjoni sal-2027 u kull 10 snin warajhom ma jikkonkludux li dan mhuwiex meħtieġ biex jintlaħqu l-miri fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2050.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif iqassmu f'fażijiet il-kwantità kkalkulata ta' ffrankar ġdid fuq kull perijodu msemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, sakemm l-iffrankar kumulattiv totali meħtieġ fl-użu finali tal-enerġija jkun intlaħaq sal-aħħar ta' kull perijodu ta' obbligu.

2.   Sakemm l-Istati Membri jwettqu mill-inqas l-obbligu tagħhom ta' ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1), huma jistgħu jikkalkulaw l-ammont meħtieġ ta' ffrankar tal-enerġija b'wieħed jew aktar mill-mezzi li ġejjin:

(a)

japplikaw rata ta' ffrankar annwali fuq il-bejgħ tal-enerġija lil klijenti aħħarin jew fuq il-konsum finali tal-enerġija, fuq medja tal-aktar perijodu ta' tliet snin reċenti qabel l-1 ta' Jannar 2019;

(b)

jeskludu, għalkollox jew parzjalment, l-enerġija użata fit-trasport mix-xenarju bażi tal-kalkolu;

(c)

jużaw kwalunkwe waħda mill-għażliet imsemmijin fil-paragrafu 4.

3.   Fejn l-Istati Membri jużaw il-possibbiltajiet previsti fil-punt (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 2, huma għandhom jistabbilixxu:

(a)

ir-rata ta' ffrankar annwali tagħhom li ser tiġi applikata fil-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija kumulattiv fl-użu finali, li għandha tiżgura li l-ammont finali tal-iffrankar nett tal-enerġija tagħhom ma jkunx anqas minn dak meħtieġ skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1; u

(b)

ix-xenarju bażi tal-kalkolu tagħhom li jista' jeskludi, għalkollox jew parzjalment, l-enerġija użata fit-trasport.

4.   Soġġett għall-paragrafu 5, kull Stat Membru jista':

(a)

iwettaq il-kalkolu meħtieġ taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 billi juża valuri ta' 1 % fl-2014 u fl-2015; 1,25 % fl-2016 u fl-2017; u ta' 1,5 % fl-2018, l-2019 u l-2020;

(b)

jeskludi mill-kalkolu l-bejgħ kollu jew parti mill-bejgħ tal-enerġija użata, bil-volum, b'rabta mal-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jew l-enerġija finali kkunsmata, b'rabta mal-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (b) ta' dak is-subparagrafu, mill-attivitajiet industrijali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;

(c)

jgħodd, mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ, iffrankar tal-enerġija miksub fis-setturi tat-trasformazzjoni, id-distribuzzjoni u t-trasmissjoni tal-enerġija, inkluża infrastruttura effiċjenti ta' tisħin distrettwali u tkessiħ distrettwali, bħala riżultat tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(4), il-punt (b) tal-Artikolu 14(5), u l-Artikolu 15(1) sa (6) u (9). L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' politika maħsubin tagħhom skont dan il-punt għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 u sal-31 ta' Diċembru 2030 bħala parti mill-pjani nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. L-impatt ta' dawk il-miżuri għandu jiġi kkalkulat skont l-Anness V u inkluż f'dawk il-pjani;

(d)

jgħodd, mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ, l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn azzjonijiet individwali ġodda li jkunu ġew implimentati mill-31 ta' Diċembru 2008 li jkomplu jkollhom impatt fl-2020 fir-rigward tal-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u lil hinn mill-2020 fir-rigward tal-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u li jista' jitkejjel u jiġi vverifikat;

(e)

jgħodd, mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ, l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn miżuri ta' politika sakemm jista' jintwera li dawk il-miżuri jirriżultaw f'azzjonijiet individwali mwettqa mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020 li jwasslu għal iffrankar wara l-31 ta' Diċembru 2020;

(f)

jeskludi mill-kalkolu tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ, 30 % tal-ammont verifikabbli ta' enerġija ġġenerata fuq jew fil-bini għal użu proprju b'riżultat ta' miżuri ta' politika li jippromwovu l-installazzjonijiet ġodda ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli;

(g)

jgħodd mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ, dak l-iffrankar tal-enerġija li jeċċedi l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perjodu ta' obbligu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, sakemm dak l-iffrankar jirriżulta minn azzjonijiet individwali mwettqa taħt miżuri ta' politika msemmijin fl-Artikoli 7a u 7b, li ngħatat notifika dwarhom mill-Istati Membri fil-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom għall-Effiċjenza fl-Enerġija u rappurtati fir-rapporti tal-progress tagħhom skont l-Artikolu 24.

5.   L-Istati Membri għandhom japplikaw u jikkalkulaw l-effett tal-għażliet magħżulin taħt il-paragrafu 4 għall-perijodi msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 separatament

(a)

għall-kalkolu tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 4. L-għażliet kollha magħżulin taħt il-paragrafu 4 meħudin flimkien iridu jammontaw għal mhux aktar minn 25 % tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1;

(b)

għall-kalkolu tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-punti (b) sa (g) tal-paragrafu 4, sakemm l-azzjonijiet individwali msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 4 jkomplu jkollhom impatt verifikabbli u li jista' jitkejjel wara l-31 ta' Diċembru 2020. L-għażliet kollha magħżulin skont il-paragrafu 4 meħudin flimkien ma għandhomx iwasslu għal tnaqqis ta' aktar minn 35 % tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija kkalkulat skont il-paragrafi 2 u 3.

Irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jeskludux għalkollox jew parzjalment l-enerġija użata fit-trasport mix-xenarju bażi tal-kalkolu tagħhom jew jużawx kwalunkwe mill-għażliet elenkati fil-paragrafu 4, għandhom jiżguraw li l-ammont nett ikkalkulat ta' ffrankar ġdid li jrid jinkiseb fil-konsum finali tal-enerġija matul il-perjodu ta' obbligu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030 ma jkunx aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta' ffrankar annwali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

6.   L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-pjani nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/1999 il-kalkolu tal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija li għandu jinkiseb tul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030 imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandhom, jekk ikun rilevanti, jispjegaw kif ġew stabbiliti r-rata ta' ffrankar annwali u x-xenarju bażi tal-kalkolu u kif, u sa liema punt, l-għażliet imsemmijin fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ġew applikati.

7.   L-iffrankar tal-enerġija miksub wara l-31 ta' Diċembru 2020 ma għandux jgħodd mal-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

8.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jippermettu lill-partijiet obbligati jużaw l-għażla msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7a(6) jistgħu, għall-iskop tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jgħoddu l-iffrankar tal-enerġija miksub fi kwalunkwe sena partikolari wara l-2010 u qabel il-perijodu ta' obbligu msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu daqslikieku l-iffrankar tal-enerġija minflok kien inkiseb wara l-31 ta' Diċembru 2013 u qabel l-1 ta' Jannar 2021, sakemm ikunu japplikaw iċ-ċirkostanzi kollha hawn taħt:

(a)

l-iskema ta' obbligu ta' effiċjenza fl-enerġija kienet fis-seħħ fi kwalunkwe punt bejn il-31 ta' Diċembru 2009 u l-31 ta' Diċembru 2014 u kienet inkluża fl-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija tal-Istat Membru, ippreżentat skont l-Artikolu 24;

(b)

l-iffrankar ikun ġie ġġenerat skont l-iskema ta' obbligu;

(c)

l-iffrankar jiġi kkalkulat skont l-Anness V;

(d)

is-snin li għalihom l-iffrankar jingħadd bħala li nkiseb ikunu ġew irrappurtati fil-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija skont l-Artikolu 24(2).

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iffrankar li jirriżulta minn miżuri ta' politika msemmijin fl-Artikoli 7a u 7b u fl-Artikolu 20(6) jiġi kkalkulat skont l-Anness V.

10.   L-Istati Membri għandhom jiksbu l-ammont ta' ffrankar ta' enerġija meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu billi jistabbilixxu skema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija msemmija fl-Artikolu 7a jew billi jadottaw miżuri ta' politika alternattivi msemmija fl-Artikolu 7b. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw skema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija ma' miżuri ta' politika alternattivi.

11.   Fit-tfassil ta' miżuri ta' politika biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jiffrankaw l-enerġija, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtieġa li jittaffa l-faqar enerġetiku, skont il-kriterji stabbiliti minnhom u filwaqt li jqisu l-prattiki disponibbli tagħhom fil-qasam, billi jitolbu, sa fejn xieraq, sehem ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija fl-iskemi nazzjonali tagħhom ta' obbligu ta' effiċjenza fl-enerġija, il-miżuri ta' politika alternattivi tagħhom, jew il-programmi jew miżuri tagħhom iffinanzjati fil-qafas ta' Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija li għandu jiġi implimentat bħala prijorità fost unitajiet domestiċi vulnerabbli, inkluż dawk milquta mill-faqar enerġetiku u, fejn xieraq, fl-akkomodazzjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jinkludu informazzjoni dwar ir-riżultat tal-miżuri biex jittaffa l-faqar enerġetiku fil-kuntest ta' din id-Direttiva fir-rapporti ta' progress integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

12.   L-Istati Membri għandhom juru li meta jkun hemm ‘overlap’ fl-impatt ta' miżuri ta' politika jew azzjonijiet individwali, ma jsirx għadd doppju ta' ffrankar tal-enerġija.”;

(4)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 7a

Skemi ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija

1.   Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jwettqu l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-ammont ta' ffrankar meħtieġ skont l-Artikolu 7(1) permezz ta' skema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija, huma għandhom jiżguraw li l-partijiet obbligati kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li joperaw fit-territorju ta' kull Stat Membru jissodisfaw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4) u (5), ir-rekwiżit tagħhom ta' ffrankar kumulattiv fl-użu finali tal-enerġija stabbilit fl-Artikolu 7(1).

Fejn applikabbli, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li partijiet obbligati jwettqu dak l-iffrankar, kollu jew parti minnu, bħala kontribuzzjoni għall-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija skont l-Artikolu 20(6).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, partijiet obbligati fost id-distributuri tal-enerġija, kumpanniji li jbigħu l-enerġija fil-livell tal-konsum u distributuri ta' karburant għat-trasport jew bejjiegħa fil-livell tal-konsum ta' karburant għat-trasport li joperaw fit-territorju tagħhom. L-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ biex jitħares l-obbligu għandu jinkiseb mill-partijiet obbligati fost il-klijenti aħħarin, nominati mill-Istat Membru, indipendentement mill-kalkolu magħmul skont l-Artikolu 7(1) jew, jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, permezz ta' ffrankar iċċertifikat li jkun ġej minn partijiet oħra kif deskritt fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu.

3.   Fejn kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum ikunu nnominati bħala partijiet obbligati taħt il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li waqt li qed jissodisfaw l-obbligu tagħhom, kumpanniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum ma joħolqu l-ebda xkiel li jimpedixxi lill-konsumaturi milli jaqilbu minn fornitur għal ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jesprimu l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ minn kull parti obbligata f'termini ta' konsum finali jew primarju tal-enerġija. Il-metodu magħżul biex jiġi espress l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ għandu jintuża wkoll biex jiġi kkalkulat l-iffrankar iddikjarat mill-partijiet obbligati. Għandhom japplikaw il-fatturi ta' konverżjoni stabbiliti fl-Anness IV.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta' kejl, kontroll u verifika li fil-qafas tagħhom issir verifika dokumentata fuq mill-inqas proporzjon u kampjun rappreżentattiv statistikament sinifikanti tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija attwati mill-partijiet obbligati. Il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentement mill-partijiet obbligati.

6.   Fl-iskema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu waħda minn dawn li ġejjin, jew it-tnejn:

(a)

iħallu lill-partijiet obbligati jgħoddu mal-obbligu tagħhom l-iffrankar tal-enerġija ċċertifikat miksub minn fornituri ta' servizzi tal-enerġija jew partijiet terzi oħrajn inkluż meta partijiet obbligati jippromwovu miżuri permezz ta' korpi oħrajn approvati mill-Istat jew permezz ta' awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu jinvolvu sħubijiet formali u jistgħu jkunu kkombinati ma' sorsi oħra ta' finanzjament. Fejn l-Istati Membri jippermettu dan, huma għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija ssegwi proċess ta' approvazzjoni li jiddaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri, li jkun ċar, trasparenti, u miftuħ għall-parteċipanti kollha tas-suq, u li jkollu l-għan li jimminimizza l-ispejjeż taċ-ċertifikazzjoni;

(b)

iħallu lill-partijiet obbligati jgħoddu l-iffrankar miksub f'sena partikolari bħallikieku nkiseb fi kwalunkwe waħda mill-erba' snin preċedenti jew mit-tliet snin sussegwenti sakemm dan ma jmurx lil hinn mit-tmiem tal-perijodi ta' obbligu stabbiliti fl-Artikolu 7(1).

L-Istati Membri għandhom jivvalutaw u, jekk xieraq, jieħdu miżuri biex jimminimizzaw l-impatt tal-ispejjeż diretti u indiretti ta' skemi ta' obbligu ta' effiċjenza fl-enerġija fuq il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali.

7.   Darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-iffrankar tal-enerġija miksub minn kull parti obbligata, jew kull sottokategorija ta' parti obbligata, u b'kollox taħt l-iskema.

Artikolu 7b

Miżuri ta' politika alternattivi

1.   Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jwettqu l-obbligi tagħhom biex jiksbu l-iffrankar meħtieġ skont l-Artikolu 7(1) permezz ta' miżuri ta' politika alternattivi, huma għandhom jiżguraw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4) u (5), li l-iffrankar tal-enerġija meħtieġ skont l-Artikolu 7(1) jinkiseb fost il-klijenti aħħarin.

2.   Għall-miżuri kollha għajr dawk li jirrelataw mat-tassazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta' kejl, kontroll u verifika li taħthom issir verifika dokumentata fuq tal-inqas proporzjon u kampjun rappreżentattiv statistikament sinifikanti tal-miżuri għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija attwati mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati. Il-kejl, kontroll u verifika għandhom jitwettqu indipendentement mill-partijiet parteċipanti jew inkarigati.”;

(5)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Kejl tal-konsum għall-gass u l-elettriku”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa fejn ikun teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijenti aħħarin tal-elettriku u l-gass naturali jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompetittiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum ta' enerġija reali tagħhom u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.”;

(c)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(6)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Kejl tal-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għat-tisħin distrettwali, it-tkessiħ distrettwali u l-ilma sħun domestiku, il-klijenti aħħarin jingħataw arloġġi bi prezz kompetittiv li jirriflettu b'mod preċiż il-konsum reali tagħhom ta' enerġija.

2.   Fejn it-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku jiġu fornuti lil bini minn sors ċentrali li jaqdi għadd ta' bini jew minn sistema ta' tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali, għandu jiġi installat arloġġ fejn isir l-iskambju tas-sħana jew fil-punt ta' konsenja.

Artikolu 9b

Kejl separat tal-konsum u allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku

1.   F'binjiet b'aktar minn appartament wieħed u f'binjiet b'diversi użi b'sors ċentrali ta' tisħin jew tkessiħ jew fornuti minn sistema ta' tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali, għandhom jiġu installati arloġġi individwali biex ikejlu l-konsum tat-tisħin, tat-tkessiħ jew tal-ilma sħun domestiku għal kull unità tal-bini, fejn teknikament fattibbli u kosteffettiv, jiġifieri jkun proporzjonati fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija potenzjali.

Fejn l-użu ta' arloġġi individwali ma jkunx teknikament fattibbli jew fejn ma jkunx kosteffiċjenti li jitkejjel il-konsum tat-tisħin f'kull unità ta' bini, għandhom jintużaw allokaturi individwali tal-ispiża għat-tisħin biex jitkejjel il-konsum tat-tisħin f'kull radjatur sakemm l-Istat Membru inkwistjoni ma jurix li l-installazzjoni ta' tali allokaturi tal-ispiża għat-tisħin ma tkunx kosteffiċjenti,. F'dawk il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti alternattivi ta' kejl tal-konsum tat-tisħin. Il-kriterji ġenerali, il-metodoloġiji u/jew il-proċeduri biex jiġu determinati n-nuqqas ta' fattibbiltà teknika u n-nuqqas ta' kosteffettività għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar u ppubblikati minn kull Stat Membru.

2.   F'bini ġdid b'aktar minn appartament wieħed u fil-partijiet residenzjali ta' bini ġdid b'diversi użi li huma mgħammra b'sors ċentrali ta' tisħin għall-ilma sħun domestiku jew jiġu fornuti minn sistemi ta' tisħin distrettwali, għandhom, minkejja l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġu pprovduti arloġġi individwali għall-ilma sħun domestiku.

3.   Fejn binjiet b'aktar minn appartament wieħed jew b'diversi użi jiġu moqdija minn tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali, jew fejn li jkollhom is-sistemi komuni tagħhom ta' tisħin jew tkessiħ għal tali bini jkun prevalenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ regoli nazzjonali trasparenti u pubblikament disponibbli dwar l-allokazzjoni tal-ispiża għat-tisħin, it-tkessiħ u l-konsum tal-ilma sħun domestiku f'tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontabilità tal-konsum individwali. Fejn xieraq, tali regoli għandhom jinkludu linji gwida dwar il-mod ta' allokazzjoni tal-ispiża għall-enerġija li tiġi użata kif ġej:

(a)

ilma sħun domestiku;

(b)

sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni, fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b'radjaturi;

(c)

għall-iskop tat-tisħin jew it-tkessiħ ta' appartamenti.

Artikolu 9c

Rekwiżit ta' qari mill-bogħod

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 9a u 9b, l-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin installati wara l-25 ta' Ottubru 2020 għandhom ikunu apparati li jinqraw mill-bogħod. Il-kundizzjonijiet ta' fattibilità teknika u kosteffettività stipulati fl-Artikolu 9b(1) għandhom jibqgħu japplikaw.

2.   L-arloġġi u l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin li ma jinqrawx mill-bogħod iżda li diġà ġew installati għandhom isiru jinqraw mill-bogħod jew jiġu ssostitwiti b'apparati li jinqraw mill-bogħod sal-1 ta' Jannar 2027, ħlief fejn l-Istat Membru inkwistjoni juri li dan mhuwiex kosteffiċjenti.”;

(7)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Informazzjoni dwar il-kontijiet għall-gass u l-elettriku”;

(b)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Fejn il-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta' Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet tkun affidabbli, preċiża u bbażata fuq il-konsum reali, f'konformità mal-punt 1.1 tal-Anness VII, għall-elettriku u l-gass, fejn dak ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum għat-tisħin, t-tkessiħ u għall-ilma sħun domestiku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-arloġġi jew l-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin ikunu installati, l-informazzjoni dwar il-kontijiet u l-konsum tkun affidabbli, preċiża u bbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, f'konformità mal-punti 1 u 2 tal-Anness VIIa għall-utenti aħħarin kollha, jiġifieri, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jixtru t-tisħin, it-tkessiħ jew l-ilma sħun domestiku għall-użu aħħari proprju tagħhom, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jokkupaw bini individwali jew unità f'bini b'aktar minn appartament wieħed jew f'bini b'diversi użi fornuta b'tisħin, tkessiħ jew ilma sħun domestiku minn sors ċentrali li ma jkollhom ebda kuntratt dirett jew individwali mal-fornitur tal-enerġija.

Dan l-obbligu jista', fejn Stat Membru jipprevedi dan, ħlief fil-każ ta' konsum b'kejl separat tal-konsum ibbażat fuq allokaturi tal-ispiża għat-tisħin taħt l-Artikolu 9b, jitwettaq minn sistema ta' qari proprju regolari mill-klijent aħħari jew mill-utent aħħari fejn huma jikkomunikaw il-qari mill-arloġġ tagħhom. Huwa biss fejn il-klijent aħħari jew l-utent aħħari ma jkunx ipprovda qari mill-arloġġ għal perijodu partikolari ta' kontijiet li l-kontijiet għandhom ikunu bbażati fuq konsum stmat jew rata fissa.

2.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

jesiġu li, jekk l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-enerġija u l-konsum storiku jew il-qari tal-allokatur tal-ispiża għat-tisħin tal-utenti aħħarin tkun disponibbli, din issir disponibbli fuq talba mill-utent aħħari, għal fornitur ta' servizz tal-enerġija magħżul mill-utent aħħari;

(b)

jiżguraw li l-klijenti aħħarin jiġu offruti l-għażla ta' informazzjoni elettronika dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi;

(c)

jiżguraw li informazzjoni ċara u li tinftiehem tingħata mal-kont lill-utenti aħħarin kollha skont il-punt 3 tal-Anness VIIa; u

(d)

jippromwovu ċ-ċibersigurtà u jiżguraw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utenti aħħarin f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, fuq it-talba tal-klijent aħħari, l-għoti ta' informazzjoni dwar il-kontijiet m'għandux jitqies li jikkostitwixxi talba għall-ħlas. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu offruti arranġamenti flessibbli għall-ħlas reali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu min għandu jkun responsabbli għall-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lill-utenti aħħarin mingħajr kuntratt dirett jew individwali ma' fornitur tal-enerġija.”;

(9)

l-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar kejl tal-konsum u kontijiet għall-elettriku u l-gass

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet kollha tagħhom u l-informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għall-konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarin ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b'mod adegwat u mingħajr ħlas”;

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Spiża tal-aċċess għall-kejl tal-konsum u informazzjoni dwar il-kontijiet u dwar il-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti aħħarin jirċievu l-kontijiet kollha tagħhom u l-informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għall-konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-utenti aħħarin ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b'mod adegwat u mingħajr ħlas.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, id-distribuzzjoni tal-ispejjeż tal-informazzjoni dwar il-kontijiet għall-konsum individwali tat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku f'bini b'aktar minn appartament wieħed u dawk b'diversi użi skont l-Artikolu 9b għandha ssir mingħajr qligħ. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-assenjament ta' dak il-kompitu lil parti terza, bħal fornitur ta' servizz jew il-fornitur lokali tal-enerġija, li jkopru l-kejl, l-allokazzjoni u l-kontabilità għall-konsum individwali reali f'tali bini, jistgħu jingħaddu lill-utenti aħħarin, sa fejn tali spejjeż ikunu raġonevoli.

3.   Sabiex jiġu żgurati spejjeż raġonevoli għas-servizzi ta' kejl separat tal-konsum kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistimulaw il-kompetizzjoni f'dak is-settur ta' servizzi billi jieħdu miżuri xierqa, bħal pereżempju billi jirrakkomandaw jew jippromwovu b'xi mod ieħor l-użu ta' sejħiet għal offerti jew l-użu ta' apparati interoperabbli u sistemi li jiffaċilitaw il-bdil bejn fornituri ta' servizzi.”;

(11)

fl-Artikolu 15 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Sal-31 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti, tħejji metodoloġija komuni sabiex l-operaturi tan-netwerks jiġu inkoraġġuti jnaqqsu t-telf, jimplimentaw programm ta' investiment fl-infrastruttura kosteffiċjenti u effiċjenti fl-enerġija u jagħtu rendikont xieraq tal-effiċjenza fl-enerġija u l-flessibbiltà tal-grilja.”;

(12)

fl-Artikolu 20, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Sabiex jiġi mobilizzat finanzjament privat għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u rinnovazzjoni tal-enerġija, f'konformità mad-Direttiva 2010/31/UE, il-Kummissjoni għandha jkollha djalogu ma' istituzzjonijiet finanzjarji kemm pubbliċi kif ukoll privati biex tesplora azzjonijiet possibbli li tista' tieħu.

3b.   L-azzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3a għandhom jinkludu li ġej:

(a)

il-mobilizzazzjoni ta' investiment ta' kapital fl-effiċjenza fl-enerġija billi jitqiesu l-impatti aktar mifruxa tal-iffrankar tal-enerġija għall-ġestjoni tar-riskju finanzjarju;

(b)

tiġi żgurata data ta' rendiment aħjar fl-enerġija u l-finanzi billi:

(i)

jiġi eżaminat aktar kif investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija jtejbu l-valuri tal-assi sottostanti;

(ii)

jiġu appoġġati studji biex jivvalutaw il-monetizzazzjoni tal-benefiċċji mhux tal-enerġija ta' investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija.

3c.   Għall-iskop tal-mobilizzazzjoni tal-finanzjament privat ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u rinnovazzjoni tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom, meta jimplimentaw din id-Direttiva:

(a)

iqisu modi kif jagħmlu użu aħjar tal-verifiki tal-enerġija taħt l-Artikolu 8 biex jinfluwenzaw it-teħid ta' deċiżjonijiet;

(b)

jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-possibiltajiet u l-għodod proposti fl-inizjattiva proposta ta' finanzi intelliġenti għal bini intelliġenti.

3d.   Sal-1 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jiġi stimulat l-investiment privat.”;

(13)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex temenda din id-Direttiva billi tadatta għall-progress tekniku l-valuri, il-metodi ta' kalkolu, il-koeffiċjent awtomatiku tal-enerġija primarja u r-rekwiżiti fl-Annessi I sa V, VII sa X u XII.”;

(14)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 22 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-24 ta' Diċembru 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*2).

(*2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(15)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Fil-kuntest tar-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju skont l-Artikolu 35(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, filwaqt li tqis l-effetti tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“12.   Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effettività tal-implimentazzjoni tad-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-finijiet tal-Artikolu 8(4), u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Kemm jista' jkun malajr wara l-preżentazzjoni ta' dak ir-rapport, il-Kummmissjoni għandha, jekk xieraq, tadotta proposti leġislattivi.

13.   Sal-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-potenzjal għall-effiċjenza fl-enerġija fil-konverżjoni, it-trasformazzjoni, it-trasmissjoni, it-trasport u l-ħżin tal-enerġija, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu, jekk xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti leġislattivi.

14.   Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha, sakemm sadanittant ma jkunux ġew proposti bidliet għad-dispożizzjonijiet dwar is-suq fil-livell tal-konsum tad-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass, tagħmel valutazzjoni, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar id-dispożizzjonijiet relatati mal-kejl tal-konsum, il-kontijiet u l-informazzjoni għall-konsumaturi għall-gass naturali, bil-għan li jiġu allinjati, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-elettriku fid-Direttiva 2009/72/KE, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u l-klijenti aħħarin jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni aktar frekwenti, ċara u aġġornata dwar il-konsum tagħhom tal-gass naturali u jirregolaw l-użu tagħhom tal-enerġija. Kemm jista' jkun malajr wara l-preżentazzjoni ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk xieraq, tadotta proposti leġislattivi.

15.   Sat-28 ta' Frar 2024, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi:

(a)

eżami jekk jiġux adattati, wara l-2030, ir-rekwiżiti u l-approċċ alternattiv stipulati fl-Artikolu 5;

(b)

valutazzjoni tal-effettività ġenerali ta' din id-Direttiva u tal-ħtieġa li l-politika tal-Unjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija tiġi aġġustata aktar skont l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima konsegwentement għall-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (*3) u fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi u fl-innovazzjoni.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti għal aktar miżuri.

(*3)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.”;"

(16)

l-Annessi huma emendati skont l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-25 ta' Ġunju 2020.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-punti 5 sa 10 tal-Artikolu 1 u mal-punti 3 u 4 tal-Anness sal-25 ta' Ottubru 2020.

Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Diċembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 42.

(2)  ĠU C 342, 12.10.2017, p. 119.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2018.

(4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(5)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

(8)  Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(9)  Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

(10)  Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(11)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

L-Annessi tad-Direttiva 2012/27/UE huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness IV, in-nota 3 f'qiegħ il-paġna tinbidel b'dan li ġej:

“(3)

Applikabbli meta l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkulat f'termini ta' enerġija primarja fejn jintuża approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-konsum finali tal-enerġija. Għall-iffrankar f'kWh ta' elettriku, l-Istati Membri għandhom japplikaw koeffiċjent stabbilit permezz ta' metodoloġija trasparenti fuq il-bażi ta' ċirkostanzi nazzjonali li jaffetwaw il-konsum primarju tal-enerġija, sabiex jiġi żgurat kalkolu preċiż ta' kemm jiġi ffrankat fil-verità. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom ikunu sostanzjati, verifikabbli u bbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Għall-iffrankar f'kWh ta' elettriku l-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent awtomatiku ta' 2,1 jew jużaw id-diskrezzjoni biex jiddefinixxu koeffiċjent differenti sakemm ikunu jistgħu jiġġustifikawh. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-taħlita enerġetika inkluża fil-pjani nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima m li għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Sal-25 ta' Diċembru 2022 u kull erba' snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha, tirrevedi l-koeffiċjent awtomatiku fuq il-bażi ta' data osservata. Dik ir-reviżjoni għandha ssir b'kont meħud tal-effetti tagħha fuq liġijiet oħra tal-Unjoni bħad-Direttiva 2009/125/KE u r-Regolament 2017/1369/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).”;

(2)

l-Anness V jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS V

Metodi u prinċipji komuni biex jiġi kkalkulat l-impatt tal-iskemi tal-obbligu ta' effiċjenza fl-enerġija jew ta' miżuri oħrajn ta' politika taħt l-Artikoli 7, 7a u 7b u l-Artikolu 20(6)

1.   Il-metodi biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tal-enerġija minbarra dawk li jirriżultaw minn miżuri ta' tassazzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 7, 7a u 7b u tal-Artikolu 20(6).

Il-partijiet obbligati, parteċipanti jew inkarigati jew l-awtoritajiet pubbliċi ta' implimentazzjoni jistgħu jużaw il-metodi li ġejjin biex jikkalkulaw l-iffrankar tal-enerġija:

(a)

iffrankar stmat, b'referenza għar-riżultati ta' titjib enerġetiku preċedenti mmonitorjat b'mod indipendenti f'installazzjonijiet simili. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ‘ex-ante’;

(b)

iffrankar imkejjel bl-arloġġi, fejn l-iffrankar mill-installazzjoni ta' miżura, jew ta' pakkett ta' miżuri, jiġi determinat permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis proprju fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-addizzjonalità, l-okkupazzjoni tal-bini, il-livelli ta' produzzjoni u t-temp, li jistgħu jaffettwaw il-konsum. L-approċċ ġeneriku jissejjaħ ‘ex-post’;

(c)

iffrankar skalat, fejn jintużaw stimi tal-inġinerija tal-iffrankar. Dan l-approċċ jista' jintuża biss fejn l-istabbiliment ta' data mkejla robusta għal installazzjoni speċifika jkun diffiċli jew għali b'mod sproporzjonat, pereżempju s-sostituzzjoni ta' kompressur jew mutur tal-elettriku b'rata ta' kWh differenti minn dik li għaliha tkejlet l-informazzjoni indipendenti dwar l-iffrankar, jew fejn dawk l-istimi jsiru fuq il-bażi ta' metodoloġiji u punti ta' riferiment nazzjonali stabbiliti minn esperti kwalifikati jew akkreditati li huma indipendenti mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew inkarigati involuti;

(d)

iffrankar mistħarreġ, fejn tiġi ddeterminata r-reazzjoni tal-konsumaturi għall-pariri, għall-kampanji ta' informazzjoni, għall-iskemi ta' tikkettar jew ta' ċertifikazzjoni jew kejl intelliġenti tal-konsum. Dan l-approċċ jista' jintuża biss għal iffrankar li jirriżulta minn tibdil fl-imġiba tal-konsumatur. Ma għandux jintuża għal iffrankar li jirriżulta mill-installazzjoni ta' miżuri fiżiċi.

2.   Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija għal miżura ta' effiċjenza fl-enerġija għall-finijiet tal-Artikoli 7, 7a u 7b u tal-Artikolu 20(6) għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

L-iffrankar għandu jintwera li huwa addizzjonali għal dak li kien ser ikun hemm fi kwalunkwe każ mingħajr l-attività tal-partijiet obbligati, parteċipanti jew inkarigati jew tal-awtoritajiet pubbliċi ta' implimentazzjoni. Biex jiġi determinat l-iffrankar li jista' jiġi ddikjarat bħala addizzjonali l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kif l-użu tal-enerġija u d-domanda għaliha jevolvu fin-nuqqas tal-miżura ta' politika inkwistjoni billi jqisu minn tal-inqas il-fatturi mniżżlin hawn taħt: xejriet ta' konsum tal-enerġija, bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi, progress teknoloġiku u bidliet ikkawżati minn miżuri oħrajn implimentati fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali.

(b)

L-iffrankar li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-liġi obbligatorja tal-Unjoni għandu jitqies bħala ffrankar li kien ser iseħħ fi kwalunkwe każ, u b'hekk ma għandux jiġi ddikjarat bħala ffrankar tal-enerġija għall-iskop tal-Artikolu 7(1). B'deroga minn dak ir-rekwiżit, l-iffrankar marbut mar-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti jista' jiġi ddikjarat bħala ffrankar tal-enerġija għall-iskop tal-Artikolu 7(1) dment li jkun żgurat il-kriterju ta' materjalità msemmi fil-punt 3(h) ta' dan l-Anness. L-iffrankar li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' rekwiżiti minimi nazzjonali stabbiliti għal bini ġdid qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE jista' jiġi ddikjarat bħala ffrankar tal-enerġija għall-iskop tal-punt (a) tal-Artikolu 7(1) dment li jkun żgurat il-kriterju ta' materjalità msemmi fil-punt 3(h) ta' dan l-Anness u dak l-iffrankar tkun ingħatat notifika dwaru mill-Istati Membri fil-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom għall-Effiċjenza fl-Enerġija skont l-Artikolu 24(2).

(c)

Jista' jingħata kreditu biss għall-iffrankar li jaqbeż il-livelli li ġejjin:

(i)

l-istandards tal-Unjoni għall-prestazzjoni b'rabta mal-emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda wara l-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 (*1) u (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

(ii)

ir-rekwiżiti tal-Unjoni relatati mat-tneħħija mis-suq ta' ċerti prodotti relatati mal-enerġija wara l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva 2009/125/KE.

(d)

Il-politiki bl-iskop li jinkoraġġixxu livelli ogħla ta' effiċjenza fl-enerġija ta' prodotti, tagħmir, sistemi tat-trasport, vetturi u karburanti, bini u elementi tal-bini, proċessi jew swieq għandhom ikunu permessi.

(e)

Il-miżuri li jippromwovu l-installazzjoni ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira fuq jew f'bini jistgħu jkunu eliġibbli biex jitqiesu fl-adempiment tar-rekwiżiti ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġa skont l-Artikolu 7(1), sakemm jirriżultaw fi ffrankar tal-enerġija verifikabbli, u li jkun jista' jitkejjel jew jiġi stmat. Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness.

(f)

Għall-politiki li jaċċelleraw l-adozzjoni ta' prodotti u vetturi aktar effiċjenti, tista' ssir dikjarazzjoni għal kreditu sħiħ dment li jintwera li tali adozzjoni sseħħ qabel l-iskadenza tat-tul ta' ħajja medju mistenni tal-prodott jew tal-vettura, jew qabel ma l-prodott jew il-vettura normalment jiġu sostitwiti, u sakemm l-iffrankar jiġi ddikjarat biss għall-perijodu sa tmiem it-tul ta' ħajja medju mistenni tal-prodott jew tal-vettura li jridu jiġu sostitwiti.

(g)

Fil-promozzjoni tat-teħid ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri għandhom fejn rilevanti, jiżguraw li jinżammu l-istandards ta' kwalità għall-prodotti, għas-servizzi u għall-installazzjoni ta' miżuri, jew li dawn jiġu introdotti fejn ma jeżistux.

(h)

Biex jitqiesu l-varjazzjonijiet klimatiċi bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jaġġustaw l-iffrankar għal valur standard jew li jagħtu ffrankar tal-enerġija differenti skont il-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn ir-reġjuni.

(i)

Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija għandu jqis it-tul ta' ħajja tal-miżuri u r-rata li biha l-iffrankar jonqos maż-żmien. Dak il-kalkolu għandu jgħodd l-iffrankar li kull azzjoni individwali tikseb matul il-perijodu mid-data ta' implimentazzjoni tagħha sal-31 ta' Diċembru 2020 jew il-31 ta' Diċembru 2030 skont il-każ. Inkella, l-Istati Membri jistgħu jadottaw metodu ieħor li huwa stmat li jikseb mill-inqas l-istess kwantità totali ta' ffrankar. Meta jużaw metodu ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont totali ta' ffrankar tal-enerġija kkalkulat bl-użu ta' dak il-metodu ma jaqbiżx l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija li kien jirriżulta mill-kalkolu tagħhom meta jingħadd l-iffrankar li kull azzjoni individwali ser tikseb matul il-perjodu mid-data ta' implimentazzjoni tagħha sal-31 ta' Diċembru 2020 jew il-31 ta' Diċembru 2030 skont il-każ. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fid-dettall fil-pjani nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima taħt ir-Regolament (UE) 2018/1999 il-metodu l-ieħor u liema dispożizzjonijiet saru biex jiġi żgurat li jkun sodisfatt ir-rekwiżit vinkolanti dwar il-kalkolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti li ġejjin għall-miżuri ta' politika li ttieħdu skont l-Artikolu 7b u l-Artikolu 20(6) jintlaħqu:

(a)

il-miżuri ta' politika u l-azzjonijiet individwali jipproduċu ffrankar fl-użu aħħari tal-enerġija li jista' jiġi vverifikat;

(b)

ir-responsabbiltà ta' kull parti parteċipanti, parti inkarigata jew awtorità pubblika ta' implimentazzjoni, kif rilevanti, tiġi definita b'mod ċar;

(c)

l-iffrankar tal-enerġija li jinkiseb jew li għandu jinkiseb jiġi ddeterminat b'mod trasparenti;

(d)

l-ammont ta' ffrankar tal-enerġija meħtieġ jew li għandu jintlaħaq mill-miżura ta' politika jiġi espress fil-konsum finali jew primarju tal-enerġija, bl-użu tal-fatturi ta' konverżjoni mniżżla fl-Anness IV;

(e)

għandu jiġi pprovdut u jsir disponibbli għall-pubbliku rapport annwali dwar l-iffrankar tal-enerġija miksub mill-partijiet inkarigati, il-partijiet parteċipanti u l-awtoritajiet pubbliċi ta' implimentazzjoni kif ukoll data dwar ix-xejra annwali ta' ffrankar tal-enerġija;

(f)

monitoraġġ tar-riżultati u t-teħid ta' miżuri xierqa jekk il-progress ma jkunx sodisfaċenti;

(g)

l-iffrankar tal-enerġija minn azzjoni individwali ma jiġix iddikjarat minn iktar minn parti waħda;

(h)

għandu jintwera li l-attivitajiet tal-parti parteċipanti, tal-parti inkarigata jew tal-awtorità pubblika ta' implimentazzjoni jkunu materjali għall-kisba tal-iffrankar tal-enerġija ddikjarat.

4.   Fid-determinazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta' politika relatati mat-tassazzjoni introdotti taħt l-Artikolu 7b, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

għandu jingħata kreditu biss għall-iffrankar tal-enerġija minn miżuri ta' tassazzjoni li jaqbżu l-livelli minimi ta' tassazzjoni applikabbli għall-karburanti kif meħtieġ fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (*3) jew 2006/112/KE (*4);

(b)

il-flessibbiltà tal-prezz għall-kalkolu tal-impatt tal-miżuri tat-tassazzjoni (fuq l-enerġija) għandha tirrappreżenta r-rispons tad-domanda għall-enerġija għall-bidliet fil-prezzijiet, u għandha tiġi stmata abbażi ta' sorsi ta' data uffiċjali reċenti u rappreżentattivi;

(c)

l-iffrankar tal-enerġija minn strumenti ta' politika tat-tassazzjoni li jakkumpanjawhom, inkluż inċentivi fiskali jew pagament għal fond, għandu jitqies separatament.

5.   Notifika tal-metodoloġija

L-Istati Membri għandhom, f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-metodoloġija dettaljata proposta tagħhom għat-tħaddim tal-iskemi ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija u tal-miżuri alternattivi msemmija fl-Artikoli 7a u 7b u fl-Artikolu 20(6). Ħlief fil-każ tat-tassazzjoni, tali notifika għandha tinkludi dettalji ta':

(a)

il-livell tal-iffrankar tal-enerġija meħtieġ skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) jew l-iffrankar mistenni li jinkiseb tul il-perijodu sħiħ mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2030;

(b)

il-partijiet obbligati, parteċipanti jew inkarigati, jew l-awtoritajiet pubbliċi ta' implimentazzjoni;

(c)

is-setturi fil-mira;

(d)

il-miżuri ta' politika u l-azzjonijiet individwali, inkluż l-ammont totali mistenni tal-iffrankar kumulattiv tal-enerġija għal kull miżura;

(e)

it-tul tal-perijodu ta' obbligu għall-iskema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija;

(f)

l-azzjonijiet previsti mill-miżura ta' politika;

(g)

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż kif ġew iddeterminati l-addizzjonalità u l-materjalità u liema metodoloġiji u punti ta' riferiment jintużaw għall-iffrankar stmat u skalat;

(h)

it-tul ta' ħajja tal-miżuri u kif dan jiġi kkalkulat jew fuq xiex inhu bbażat;

(i)

l-approċċ meħud biex jiġu indirizzati l-varjazzjonijiet klimatiċi fl-Istat Membru;

(j)

is-sistemi tal-monitoraġġ u tal-verifika għall-miżuri skont l-Artikoli 7a u 7b u kif tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom mill-partijiet obbligati, parteċipanti jew inkarigati;

(k)

fil-każ tat-tassazzjoni:

(i)

is-setturi u t-taqsima ta' min iħallas it-taxxa fil-mira;

(ii)

l-awtorità pubblika ta' implimentazzjoni;

(iii)

l-iffrankar li huwa mistenni jinkiseb;

(iv)

it-tul ta' żmien tal-miżura tat-tassazzjoni; u

(v)

il-metodoloġija tal-kalkolu, inkluż liema flessibbiltà tal-prezz qed tintuża u kif din ġiet stabbilita.

;

(*1)  Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1)."

(*2)  Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1)."

(*3)  Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51)."

(*4)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1)."

(3)

fl-Anness VII, it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Rekwiżiti minimi għall-kontijiet u informazzjoni dwar il-kontijiet ibbażata fuq il-konsum reali tal-elettriku u l-gass”;

(4)

jiddaħħal l-Anness li ġej:

“ANNESS VIIa

Rekwiżiti minimi għal informazzjoni dwar il-kontijiet u dwar il-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku

1.   Kontijiet ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin

Sabiex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru fuq il-bażi tal-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin tal-inqas darba fis-sena.

2.   Frekwenza minima tal-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum

Mill-25 ta' Ottubru 2020, fejn ikunu ġew installati arloġġi li jinqraw mill-bogħod jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, l-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum ibbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża tat-tisħin għandha tiġi pprovduta lill-utenti aħħarin tal-inqas kull tliet xhur fuq talba jew fejn il-klijenti aħħarin ikunu għażlu li jirċievu kont elettroniku, jew inkella darbtejn fis-sena.

Mill-1 ta' Jannar 2022, fejn ikunu ġew installati arloġġi li jinqraw mill-bogħod jew allokaturi tal-ispiża għat-tisħin, l-informazzjoni dwar il-kontijiet jew il-konsum ibbażata fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin għandha tiġi pprovduta lill-utenti aħħarin mill-inqas kull xahar. Din tista' wkoll issir disponibbli permezz tal-Internet u tiġi aġġornata sikwit kemm permess mill-apparat u s-sistemi ta' kejl użati. It-tisħin u t-tkessiħ jistgħu jiġu eżentati minn dak ir-rekwiżit barra l-istaġuni tat-tisħin jew tat-tkessiħ.

3.   Informazzjoni minima li għandha tkun fil-kont

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja ssir disponibbli għall-utenti aħħarin f'termini ċari u li jinftiehmu fil-kontijiet tagħhom jew magħhom fejn dawn ikunu bbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin:

(a)

il-prezzijiet reali kurrenti u l-konsum reali tal-enerġija jew l-ispiża totali tat-tisħin u l-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin;

(b)

l-informazzjoni dwar it-taħlita tal-karburanti użata u l-emissjonijiet annwali ta' gassijiet serra relatati, inkluż għall-utenti aħħarin fornuti mit-tisħin jew it-tkessiħ distrettwali, u deskrizzjoni tat-taxxi, l-imposti u t-tariffi differenti applikati. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tar-rekwiżit li tingħata informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' gass serra biex tinkludi biss provvisti minn sistemi ta' tisħin distrettwali b'input termali kklassifikat totali li jaqbeż l-20 MW;

(c)

il-paraguni tal-konsum kurrenti tal-enerġija tal-utenti aħħarin mal-konsum għall-istess perijodu fis-sena preċedenti f'forma grafika, bil-korrezzjonijiet tal-klima għat-tisħin u għat-tkessiħ;

(d)

l-informazzjoni ta' kuntatt għall-organizzazzjonijiet tal-klijenti aħħarin, għall-aġenziji tal-enerġija jew għal korpi simili, inkluż l-indirizzi tas-siti elettroniċi minn fejn tista' tinkiseb informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, il-profili komparattivi tal-utenti aħħarin u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oġġettivi għal tagħmir li juża l-enerġija;

(e)

l-informazzjoni dwar proċeduri ta' lmenti rilevanti, servizzi tal-ombudsman jew mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, kif applikabbli fl-Istati Membri;

(f)

il-paraguni ma' utent aħħari medju normalizzat jew skont punti ta' riferiment fl-istess kategorija ta' utenti. Fil-każ ta' kontijiet elettroniċi, tali paraguni jistgħu minflok isiru disponibbli online u jiġu indikati fil-kontijiet.

Kontijiet li ma jkunux ibbażati fuq il-konsum reali jew il-qari tal-allokaturi tal-ispiża għat-tisħin għandhom jinkludu spjegazzjoni ċara u li tinftiehem ta' kif l-ammont stipulat fil-kont ġie kkalkulat, u tal-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (e).

;

(5)

fl-Anness IX, il-punt (g) tar-raba' paragrafu tal-Parti 1 jinbidel b'dan li ġej:

“(g)

Analiżi ekonomika: Inventarju tal-effetti

L-analiżijiet ekonomiċi għandhom iqisu l-effetti ekonomiċi rilevanti kollha.

L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw, u jieħdu kont fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom ta', l-ispejjeż u l-iffrankar tal-enerġija mill-flessibbiltà miżjuda fil-provvista tal-enerġija u minn tħaddim aktar ottimali tan-netwerks tal-elettriku, inklużi l-ispejjeż evitati u l-iffrankar mill-investiment imnaqqas fl-infrastruttura, fix-xenarji analizzati.

L-ispejjeż u l-benefiċċji msemmijin fl-ewwel paragrafu għandhom mill-inqas jinkludu dawn li ġejjin:

(i)

Benefiċċji

Valur tal-output għall-konsumatur (tisħin u elettriku)

Benefiċċji esterni bħall-benefiċċji ambjentali, ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u ta' saħħa u sikurezza, sa fejn possibbli

Effetti fuq is-suq tax-xogħol, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività, sa fejn possibbli;

(ii)

Spejjeż

Spejjeż kapitali ta' impjanti u tagħmir

Spejjeż kapitali tan-netwerks tal-enerġija assoċjati

Spejjeż ta' tħaddim varjabbli u fissi

Spejjeż tal-enerġija

Spejjeż ambjentali, ta' saħħa u ta' sikurezza, sa fejn possibbli

Spejjeż tas-suq tax-xogħol, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività, sa fejn possibbli.”;

(6)

fl-Anness XII, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

jistabbilixxu u jagħmlu pubbliċi r-regoli standard tagħhom relatati mat-tiġrib u l-qsim tal-ispejjeż tal-adattamenti tekniċi, bħall-konnessjonijiet mal-grilja, it-tisħiħ tal-grilja u l-introduzzjoni ta' grilji ġodda, tħaddim aħjar tal-grilja u regoli dwar l-implimentazzjoni mhux diskriminatorja tal-kodiċijiet tal-grilja, li huma meħtieġa għall-integrazzjoni tal-produtturi l-ġodda li jalimentaw l-elettriku prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja fil-grilja interkonnessa;”.

(*1)  Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

(*2)  Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

(*3)  Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

(*4)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).”


Top